Brussell, 20.7.2016

COM(2016) 500 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-aċċelerazzjoni tat-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju

Komunikazzjoni li takkumpanja miżuri taħt l-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija: Proposta leġiżlattiva dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030, proposta leġiżlattiva dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tneħħija tal-użu tal-art, bdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas u l-komunikazzjoni tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija dwar Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi


1.Introduzzjoni

It-tranżizzjoni globali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari bdiet, bi spinta ġdida mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima 1 u mill-Aġenda tal-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Din it-transizzjoni hija neċessarja sabiex jiġu pprovduti impjiegi, tkabbir u opportunitajiet ta' investiment għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri Ewropej, filwaqt li jittaffa t-tibdil fil-klima perikoluż. Jekk l-UE ma żżommx u ma tisfruttax il-vantaġġ ta' innovatur tagħha meta trawwem l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u tikkompeti fuq l-iżilupp ta’ swieq oħra ta' teknoloġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju b'mod globali, reġjuni oħra se jagħmlu dan. Il-mudell ekonomiku Ewropew huwa mistenni li jinbidel. Hija r-responsabbiltà konġunta tagħna li niżguraw li t-tranżizzjoni tkun ġusta u bbażata fuq is-solidarjetà, b’tali mod li ħadd ma jibqa’ lura. L-Istrateġija Qafas tal-Unjoni dwar l-Enerġija 2 tikkontribwixxi għal dan l-għan.

Il-pakkett ta’ miżuri ppreżentati llum mill-Kummissjoni jgħin biex l-Ewropa tħejji għall-ġejjieni u tibqa' kompetittiva. Huwa primarjament indirizzat lill-Istati Membri, peress li dawn se jkunu fuq quddiem nett sabiex jiddeċiedu kif jimplimentaw miżuri biex jilħqu l-mira miftiehma ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030 3 .

Iżda l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu dan waħedhom. Il-mobilizzazzjoni fiż-żmien ta’ qabel il-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima uriet kemm huma importanti l-atturi mhux statali għall-bidla. L-UE tistenna wkoll azzjoni min-naħa tan-negozji, il-bdiewa, ir-riċerkaturi, l-investituri, l-edukaturi u s-sħab soċjali tagħha, fost oħrajn. Fl-istess ħin, l-UE għandha wkoll ir-responsabbiltà li ssaħħaħ l-azzjoni tagħhom billi tipprovdi miżuri fl-UE kollha u ambjent favorevoli. Hija ssostni l-azzjoni permezz tal-bliet tagħha, fejn jgħixu 80 % minna. Dawn huma fost l-iktar atturi dinamiċi u innovattivi fl-implimentazzjoni ta' ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u ċirkolari u ħafna drabi jaqbżu l-livelli nazzjonali ta’ ambizzjoni. Il-komunitajiet rurali huma importanti bl-istess mod, minħabba li dawn għandhom rwol kruċjali fil-forniment sostenibbli ta’ riżorsi naturali u fil-ħarsien tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-UE qed tagħmel ħilitha biex iżżomm il-momentum pożittiv għal azzjoni dwar il-klima fuq livell globali. It-theddida ta’ tibdil fil-klima katastrofiku tinħass kullimkien fid-dinja. Huwa għalhekk li, fl-ogħla livell politiku, il-mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom li jaċċelleraw it-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija li tippermetti d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali, kif ukoll li jistabbilixxu data ta’ skadenza għat-tmiem tal-maġġoranza tas-sussidji fuq il-karburanti fossili u wiegħdu wkoll li jtemmu l-appoġġ tal-gvern għall-faħam, il-gass u ż-żejt sa tmiem l-2025. Il-bliet tal-UE se jkollhom rwol ċentrali f’koalizzjoni ġdida ta’ bliet madwar id-dinja, li tista’ tkun opportunità ulterjuri għall-involviment internazzjonalment biex titkompla l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell lokali. Is-sens ta’ urġenza li dejjem jikber biex tiġi indirizzata r-rabta bejn it-tibdil u l-fraġilità tal-klima, u s-sigurtà ġie affermat mill-ġdid fil-pjan ta’ azzjoni dwar id-diplomazija tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima ta' din is-sena 4 .

L-UE għandha l-potenzjal kollu li tbiddel l-isfida tat-tibdil fil-klima f’opportunità. F’dan il-kuntest globali, l-Ewropa hija minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u servizzi innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, mhux biss fis-settur tal-enerġija iżda wkoll fl-industrija, fil-bini u fit-trasport. Għandha żżomm din it-tmexxija. Irridu nkomplu ngħammru l-Ewropej bil-ħiliet it-tajba għall-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, ninvestu fil-futur ta’ wliedna u ngħinu lill-industrija taġġusta għal ħtiġijiet ġodda. L-Ewropa wiegħdet azzjoni ambizzjuża, u se tagħti dak li wiegħdet.

2.Prinċipji ta’ gwida ta’ qafas regolatorju għat-tranżizzjoni lejn l-użu baxx tal-karbonju fis-setturi kollha tal-ekonomija

F’Ottubru 2014 l-Unjoni Ewropea qablet fuq impenn ċar: mira vinkolanti u li tapplika għall-ekonomija kollha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-anqas 40% sal-2030, imqabbla mal-livelli tal-1990. Dan l-impenn huwa konformi mal-miġja kosteffettiva biex jintlaħqu l-għanijiet dwar il-klima fuq terminu twil tal-UE kif ukoll sar il-bażi għall-impenn internazzjonali tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u se jiġi pprovdut mill-Istati Membri kollha kollettivament.

Biex tibda l-implimentazzjoni ta’ dan l-impenn, f’Lulju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal riforma tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet biex tagħmilha adattata għall-iskop u tinċentivizza l-investimenti wara l-2020 fis-setturi industrijali u tal-enerġija 5 . Il-Parlament Ewropew u l-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex jadottaw din il-proposta malajr. Dan il-pakkett ta’ miżuri jindirizza l-elementi prinċipali l-oħra tal-ekonomija li se jikkontribwixxu għall-azzjoni dwar il-klima: is-setturi tal-bini, it-trasport, l-iskart, l-agrikoltura 6 , kif ukoll l-użu tal-art u l-forestrija.

Filwaqt li jibni fuq il-prinċipji ta’ gwida għal azzjoni dwar il-klima mill-UE s’issa, il-qafas regolatorju l-ġdid huwa bbażat fuq il-prinċipji ewlenin tal-ekwità, is-solidarjetà, il-flessibbiltà u l-integrità ambjentali.

Sabiex tiżgura l-ġustizzja u s-solidarjetà, integrati fil-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni tipproponi miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet differenzjati għall-2030 li jikkunsidraw il-prodott domestiku gross ta’ kull Stat Membru biex jirrifletti l-ġid relattiv. Il-livelli tal-miri għall-Istati Membri individwali aktar sinjuri ikomplu jiġu aġġustati bejniethom biex iqisu l-kosteffikaċja.

Barra minn hekk, il-proposta toħloq sistema flessibbli li fiha l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet b’mod konġunt, għal numru ta’ setturi u fuq tul ta’ żmien, li jirrifletti wkoll l-istruttura differenti tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Din tippermetti n-negozjar tal-allokazzjonijiet ta' emissjonijiet bejn l-Istati Membri jew l-iżvilupp ta’ proġetti li jnaqqsu l-emissjonijiet fi Stati Membri oħra. Dan se jiffaċilita l-flussi ta' investiment fl-UE fejn huma l-aktar meħtieġa biex jimmodernizzaw l-ekonomija u fejn dawn se jwasslu l-ogħla benefiċċji bl-anqas kostijiet possibbli 7 .

Din hija l-ewwel darba li s-settur tal-użu tal-art u tal-forestrija ġie inkluż fil-qafas tal-enerġija u l-klima tal-UE. Il-Kummissjoni tipproponi bilanċ tajjeb bejn aktar inċentivi għall-qbid tal-karbonju u t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħamrija u l-foresti u l-ħtieġa li tinżamm l-integrità ambjentali tal-qafas tal-UE dwar il-klima, sabiex tinċentivizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, it-trasport u l-agrikoltura. Għalhekk il-flessibbiltà għal setturi oħra se tkun limitata.

Ir-Regolament propost għal dawn is-setturi jipprovdi regoli ta’ kontabbiltà aktar robusti għall-art, l-użu tal-art u l-forestrija. Billi l-ġestjoni tal-foresti hija s-sors ewlieni ta’ bijomassa għall-enerġija u l-produzzjoni tal-injam, regoli tal-kontabilità aktar robusti għall-ġestjoni tal-foresti se jipprovdu bażi solida għal politika tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u l-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija wara l-2020.

3.It-trawwim ta’ ambjent li jwassal għal tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju fl-UE

Billi jibnu fuq dan il-qafas regolatorju, huwa f’idejn l-Istati Membri biex ifasslu miżuri li huma l-aktar xierqa biex igawdu l-benefiċċji tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u jilħqu l-miri tagħhom. L-UE se tappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ għadd ta’ strumenti u miżuri ta’ abilitazzjoni.

3.1.L-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u inizjattivi speċifiċi oħra

Minħabba l-importanza tat-trasport fl-emissjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni qed tippreżenta strateġija dwar il-mobilità b’emissjonijiet baxxi li tidentifika l-aktar muturi importanti fil-qasam tat-trasport, inklużi miżuri fuq livell tal-UE fuq vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi u fjuwils alternattivi b’emissjonijiet baxxi. L-Istrateġija tenfasizza wkoll il-ħtieġa biex isir l-aħjar użu tas-sinerġiji bejn is-sistemi tat-trasport u l-enerġija.

Fir-rigward tal-bini, il-Kummissjoni qed tirrevedi l-qafas tal-UE eżistenti għall-effiċjenza tal-enerġija u se tippreżenta proposti aktar tard din is-sena, inkluż dwar kif tista’ tattira l-finanzjament għar-rinnovazzjoni tal-bini. Din is-sena, il-Kummissjoni se tiffinalizza wkoll protokoll dwar ir-riċiklaġġ volontarju fil-livell tal-industrija għall-iskart tal-bini u d-demolizzjoni. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat għat-tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi tal-agrikoltura u l-użu tal-art, il-proposta dwar l-użu tal-art u l-forestrija se toħloq aktar inċentivi għas-sekwestru tal-karbonju f’dawn l-attivitajiet relatati. Barra minn hekk, il-Politika Agrikola Komuni tipprovdi strumenti u l-miżuri differenti fiż-żewġ pilastri tagħha biex tippromwovi azzjoni klimatika. Ir-rieżami ta’ politika fil-livell tal-UE li tindirizza l-użu tal-fertilizzanti huwa mistenni li jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-emissjonijiet mill-minjieri u l-fertilizzanti sintetiċi. Wara l-agrikultura, is-settur tal-iskart bħalissa huwa t-tieni settur li jarmi l-iżjed emissjonijiet ta’ dijossidu mhux tal-karbonju. Id-Direttiva Qafas dwar il-Ġestjoni tal-Iskart u b’mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Terraferma, li għalihom il-Kummissjoni pproponiet reviżjonijiet is-sena li għaddiet, huma mistennija li jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet mill-iskart.

L-Istati Membri jistgħu biss jiksbu l-benefiċċji ta’ dawn il-miżuri fil-livell tal-UE jekk jimplimentawhom u jinfurzawhom b’mod xieraq.

3.2.Għodod u muturi trasversali

Il-Prijorità tal-Unjoni tal-Enerġija, bid-dimensjonijiet kollha tagħha, tipprovdi qafas usa’ li fih l-UE tista’ tipprovdi l-aħjar ambjent li jippermetti tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, hemm għadd ta’ fatturi determinanti oħra biex tiġi appoġġata din it-tranżizzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija.

3.2.1.Ekonomija ċirkolari

L-ekonomija ċirkolari għandha rwol fis-setturi koperti mill-pakkett u lil hinn. Hemm rabta fiżika diretta bejn il-kwantità ta’ materja prima użata, l-enerġija meħtieġa u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. L-UE rnexxielha tifred it-tkabbir ekonomiku tagħha mit-tkabbir fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, iżda s’issa għadha ma rnexxilhiex tagħmel l-istess fl-użu tal-materjali u fl-effiċjenza tar-riżorsi.

Għalhekk is-sena l-oħra, il-Kummissjoni ppreżentat Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari 8 ambizzjuż biex jindirizza din l-isfida. L-azzjonijiet proposti se jikkontribwixxu biex “jagħlqu ċ-ċirku” taċ-ċikli ta' ħajjiet tal-prodotti billi jżidu r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, u joħorġu l-valur kollu u jużaw bis-sħiħ il-materja prima kollha, il-prodotti kollha u l-iskart kollu.

3.2.2.Innovazzjoni għall-kompetittività

Biex taħtaf l-opportunitajiet maħluqa permezz tal-innovazzjoni bħala faċilitatur ewlieni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u timmassimizza l-impatt ta’ kull euro investit, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tippreżenta strateġija integrata tal-Unjoni tal-Enerġija għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività aktar tard din is-sena. L-azzjonijiet konkreti taħt din l-istrateġija l-ġdida għandhom jappoġġaw b’mod dirett il-ksib tal-għanijiet tal-klima u l-enerġija tal-Ewropa, u jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE billi jappoġġaw it-tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji nodfa.

L-Ewropa għadha l-akbar sors dinji ta’ finanzjament għal riċerka u żvilupp relatati mal-enerġija (EUR 3,9 biljun fl-2014, li jammontaw għal 36 % tat-total) u għandha l-ogħla għadd ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi għal teknoloġiji ta’ valur għoli ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b’sehem ta’ 40 fil-mija tat-total. Fl-istess ħin, għad hemm potenzjal ta’ valur għoli li mhux qed jiġi sfruttat, b’mod partikolari fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u l-vetturi mingħajr emissjonijiet. F’oqsma oħra, fosthom it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-UE bdiet tmur lura meta mqabbel mal-kompetituri tagħha. Aktar importanti minn hekk, u li jinvolvi teknoloġiji u oqsma ta' innovazzjoni speċifiċi, jeħtieġ li l-Ewropa titjieb fir-rigward tat-tqegħid tal-innovazzjonijiet tagħha fis-suq u kif tagħmilhom suċċess kummerċjali.

3.2.3.Iċ-ċaqliq u ż-żieda fl-investiment

Iċ-ċaqliq u ż-żieda rapida fl-investiment privat huma essenzjali biex jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u biex jiġi evitat il-“lock-in” ta’ infrastruttura u assi b'emissjonijiet għoljin.

Fl-UE, l-isforzi diġà bdew biex jiġu allinjati l-investimenti privati mal-għanijiet tal-klima u l-effiċjenza fir-riżorsi kemm permezz ta’ politiki kif ukoll permezz ta' investimenti pubbliċi strateġiċi.

L-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tqiegħed prezz fuq il-karbonju. Għal setturi mhux koperti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, il-politiki ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri huma wkoll rilevanti biex jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba.

L-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 9 tindirizza l-importanza ta’ investiment fit-tul u sostenibbli sabiex tinżamm u tiġi estiża l-kompetittività tal-UE u tiġi inkoraġġita l-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. Il-bonds ambjentali li tfaċċaw dan l-aħħar jistgħu jgħinu wkoll biex il-flussi ta’ kapital jiġu diretti lejn investimenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Hemm iżjed xi jsir. L-UE se tkompli tapprofondixxi s-suq uniku u taħdem biex tneħħi l-ostakli għall-investiment.

Il-Kummissjoni qed taħdem b’mod attiv biex tiżgura li l-infiq tal-baġit tal-UE attwali jkun allinjat mal-objettivi tal-klima. L-impenn politiku biex jiġi żgurat li mill-inqas 20 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jkun espliċitament marbut mal-klima qiegħed jagħti r-riżultati. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni reċentement ingħaqdet mal-Inizjattiva Missjoni Innovazzjoni, li l-membri tagħha ħadu l-impenn li jirdoppjaw il-finanzjament pubbliku tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp dwar l-enerġija nadifa fi żmien ħames snin sal-2020.

L-istrumenti finanzjarji tal-UE qed jagħmlu wkoll kontribuzzjoni sinifikanti lill-azzjoni dwar il-klima tal-UE, kif intwera mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi. Il-Fond huwa fit-triq it-tajba biex jimmobilizza mill-inqas EUR 315-il biljun f’investiment addizzjonali fl-ekonomija reali sa nofs l-2018 10 . Iktar minn 50 % tal-investimenti approvati s’issa huma rilevanti għall-klima. Il-koinvestiment fi proġetti taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jista’ jseħħ jew fil-livell tal-proġett jew fil-livell ta’ Pjattaforma ta’ Investiment. Il-pjattaformi ta' investiment jistgħu jgħinu biex jiġu ffinanzjati proġetti żgħar u jiġbru flimkien fondi minn sorsi differenti biex jippermettu investimenti diversifikati b'fowkus ġeografiku jew tematiku. Huma jistgħu jagħmlu opportunitajiet ta' investiment żgħar jew lokali attraenti għal gruppi ta' investituri ġodda, pereżempju fondi tal-pensjoni jew investituri istituzzjonali barra mill-pajjiż. Il-Kummissjoni qed tesplora modi biex tgħaqqad u tikkombina r-riżorsi disponibbli taħt programmi oħra tal-UE, bħal pereżempju l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew Orizzont 2020 biex tiżblokka investimenti addizzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment, pereżempju fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija, il-mobilità urbana intelliġenti u t-teknoloġiji innovattivi.

Barra minn hekk, il-politika tal-Koeżjoni tal-UE riformata tappoġġa wkoll it-tranżizzjoni lejn livelli baxx ta’ karbonju u l-proġetti tagħha se jirriżultaw f’benefiċċji għall-perjodu ta’ wara l-2020. Din tappoġġa l-miżuri għall-effiċjenza enerġetika f’bini residenzjali u pubbliku (EUR 13,3 biljun) u fl-impriżi (EUR 3,4 biljun, b’enfasi fuq l-SMEs), fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta’ emissjonijiet fis-settur tat-trasport (EUR 39,7 biljun għal mobilità urbana sostenibbli u mezzi ta' trasport b’livell baxx ta’ karbonju bħal ferroviji, portijiet u passaġġi fuq l-ilma interni). Barra minn hekk, EUR 8 biljun huma allokati għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, inkluż EUR 6,4 biljun għal riskji relatati mal-klima. It-total ta’ EUR 115 biljun mill-baġit tal-Politika Agrikola Komuni riformata jappoġġa l-azzjoni klimatika permezz ta’ ġestjoni mtejba tal-artijiet u investimenti mmirati 11 .

Biex jiġu appoġġjati l-investimenti fl-innovazzjoni, bħall-qbid tal-karbonju, l-enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ natura rivoluzzjonarja fl-industrija, il-proposta tal-Kummissjoni għal rieżami tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tipprevedi li jiġu riżervati 450 miljun kwota ta’ emissjoni għal dan l-għan.

3.2.4.Tranżizzjoni soċjalment ġusta u ħiliet ġodda

It-tranżizzjoni għal livell baxx ta’ karbonju hi mistennija li tnaqqas l-impjiegi fi swieq tradizzjonali (relatati mal-fjuwils fossili, b’mod partikolari l-industriji li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju), filwaqt li għandhom jinħolqu impjiegi ġodda (relatati mal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u l-elettrifikazzjoni tat-trasport tal-vetturi). Dan ifisser ukoll li jeħtieġ li jiġi antiċipat u jittaffa l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni f’reġjuni u setturi soċjoekonomiċi speċifiċi, inkluż permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Peress li l-ħiliet se jkunu t-triq ewlenija lejn l-impjegabbiltà u l-prosperità, il-Kummissjoni adottat Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa komprensiva 12 . Il-Kummissjoni se tniedi azzjonijiet biex taffaċċja l-isfidi tal-ħiliet u bis-saħħa ta' dan, mill-iskejjel u l-universitajiet għas-suq tax-xogħol, il-ħiliet isiru aktar viżibbli u jitjieb l-għarfien tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali u dak tal-UE. Fost l-oħrajn, l-aġenda tindirizza l-forniment ta’ ħiliet ġodda u t-titjib tal-ħiliet eżistenti u tistabbilixxi “Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet” li jtejjeb il-ħiliet u jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet f’setturi ekonomiċi speċifiċi li jinkludu t-teknoloġiji ekoloġiċi.

3.2.5.Opportunitajiet ta’ kummerċ u esportazzjoni

Iż-żieda fil-flussi kummerċjali hija mistennija li tgħin it-tixrid rapidu ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji ekoloġiċi madwar id-dinja u l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fl-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ prodotti ambjentali. Fl-2013, l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti elenkati fil-lista ekoloġika ammontaw għal EUR 146 biljun (madwar 8 % tat-total tal-UE) u l-importazzjonijiet ammontaw għal EUR 70 biljun. Il-kumpaniji Ewropej għandhom jimmiraw biex ikomplu jiżviluppaw u jesportaw l-inġenwità u l-għarfien tagħhom ta’ innovazzjoni.

Bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UE tippromwovi attivament il-liberalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju ambjentali.  Flimkien ma’ sitt membri oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ilha taħdem mill-qrib bl-għan li tikkonkludi ftehim ambizzjuż dwar il-prodotti ambjentali mal-parteċipanti kollha qabel ma jiltaqgħu fiċ-Ċina l-mexxejja tal-G20 aktar tard din is-sena għas-Summit tal-G20. Anke fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali tagħha, l-UE tfittex il-liberalizzazzjoni bikrija ta’ prodotti u servizzi ambjentali u l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika tal-klima.

4.Konklużjonijiet

Jeħtieġ li t-tranżizzjoni tal-Ewropa għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju titħaffef. L-UE teħtieġ aktar impjiegi u tkabbir u aktar investiment u din l-aġenda għandha l-potenzjal biex twettaqhom u timmodernizza l-ekonomija tal-Ewropa. Fuq medda twila ta’ żmien, din se tbiddel b’mod profond ix-xenarju ekonomiku tagħna.

Jeħtieġ li l-proposti leġiżlattivi marbutin mal-klima mehmuża ma’ din il-komunikazzjoni u l-proposta tagħha tas-sena l-oħra għal riforma tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tal-UE jiġu indirizzati bħala prijorità mill-Kunsill u l-Parlament.

Il-Kummissjoni se tibda immedjatament jew tħaffef proċessi ta’ regolamentazzjoni aħjar (inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi u valutazzjonijiet tal-impatt) biex il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobilità b’emissjonijiet baxxi jinbidel f’sett ta’ miżuri effiċjenti u proporzjonati mingħajr dewmien. Sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll l-inizjattivi li fadal biex ittemm it-twettiq tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE.

L-Istati Membri diġà bdew jippreparaw l-istrateġiji tagħhom għall-klima u l-enerġija ta' wara l-2020. Dan is-sett ta’ inizjattivi jipprovdihom biċ-ċarezza u l-istrumenti meħtieġa, li jippermettilhom ukoll jipproċedu bil-proċess intern ta’ ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu massimu tal-ambjent abilitanti tal-UE biex jagħmlu t-transizzjoni għal ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju waħda mingħajr problemi u ġusta kemm jista’ jkun.

(1)

COM (2016) 110 It-Triq minn Pariġi: il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(2)

COM(2015)80 Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem.

(3)

F’Ottubru 2014, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE qablu dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Il-qafas jistabbilixxi l-impenn tal-UE għal mira vinkolanti ta’ mill-inqas 40 % ta’ tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-ekonomija kollha sal-2030 meta mqabbel mal-1990.

(4)

Id-diplomazija Ewropea fil-qasam tal-klima wara l-COP 21 – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016.

(5)

Il-mira tal-2030 tal-UE teħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta’ -43 % meta mqabbel mal-2005 f’dawn is-setturi.

(6)

Il-mira tal-2030 tal-UE teħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta’ -30 % meta mqabbel mal-2005 f’dawn is-setturi.

(7)

Biex ikomplu jiffaċilitaw il-konformità, l-Istati Membri li jiffaċċjaw kostijiet proporzjonalment ogħla biex jilħqu l-mira tagħhom jistgħu jagħżlu li jittrasferixxu xi kwoti skont l-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet biex jiġu kkumpensati emissjonijiet f’setturi ekonomiċi oħra.

(8)

COM(2015) 614 L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari.

(9)

Ara wkoll L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: L-Ewwel Rapport tal-Istatus, SWD (2016) 147 final.

(10)

COM (2016) 359 — L-Evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss (is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Ġunju 2016)

(11)

Taħt il-pilastru tal-Iżvilupp Rurali tal-politika, huma previsti EUR 7,7 biljun għal proġetti li jiffukaw fuq il-ġbir u l-ħażna tal-karbonju fil-ħamrija, il-provvista u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli u investimenti favur il-klima. EUR 43,7 biljun oħra huma previsti f'azzjonijiet biex jitjiebu l-ekosistemi li wkoll għandhom effett fuq il-marka tal-karbonju fl-agrikoltura u l-forestrija.

(12)

COM (2016) 381 Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività.