Strasburgu, 5.7.2016

COM(2016) 446 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI

Rapport Annwali tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE


Werrej

Introduzzjoni    

Taqsima 1 Prestazzjoni u riżultati    

1.1. Il-prestazzjoni fil-qalba tal-Kummissjoni ta’ Juncker

1.2. Rendikont fil-qosor tal-progress

1.3 Il-Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Intestatura Baġitarja 1A)

1.3.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

1.3.2 Riżultati tal-programmi tal-QFP 2007-2013

1.4 Il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (Intestatura Baġitarja 1B)

1.4.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

1.4.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

1.5 Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali (Intestatura Baġitarja 2)

1.5.1 Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

1.5.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

1.6 Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza (Intestatura Baġitarja 3)

1.6.1 Implimentazzjoni tal-programmi tal-QFP 2014-2020

1.6.2 Riżultati tal-programmi tal-QFP 2007-2013

1.7 Ewropa Globali (Intestatura Baġitarja 4)

1.7.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

1.7.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

Konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni u r-riżultati

Taqsima 2 Kisbiet ta’ ġestjoni    

2.1 Il-kisba tal-objettivi tal-kontroll intern

2.1.1. Il-Ġestjoni tar-riskji għal-legalità u r-regolarità: Ammont f’riskju fl-għeluq

2.1.2. Il-kosteffettività u s-simplifikazzjoni tal-kontrolli

2.1.3. L-istrateġiji kontra l-frodi

2.2 Aċċertament tal-ġestjoni

2.3 Aċċertament miksub permezz tal-ħidma tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS)

2.4 Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar estern u tal-kwittanza

Konklużjoni dwar il-kisbiet tal-ġestjoni



Introduzzjoni

Bis-saħħa tal-baġit tal-UE, l-Ewropej jistgħu jindirizzaw sfidi komuni kemm f’livell Ewropew kif ukoll f’livell internazzjonali billi jaħdmu flimkien. Il-baġit tal-UE, li jirrappreżenta madwar 1 % mill-Introjtu Nazzjonali Gross tal-UE u 2 % tan-nefqa pubblika fl-UE, jintuża flimkien mal-baġits nazzjonali u għodod ta’ politika u regolatorji oħrajn f’livell Ewropew sabiex jgħin lill-Unjoni tilħaq l-objettivi strateġiċi tagħha. B’mod partikolari, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-President Juncker. Dawn il-prijoritajiet jixhdu l-isfidi politiċi li għandhom quddiemhom l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa u huma l-punt ta’ referenza għall-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni 1 . Dawn jimxu bil-bosta id f’id mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u għat-tkabbir, imnedija fl-2010, li stabbilixxiet sensiela ta’ miri ewlenin li jridu jinkisbu sal-2020 b’rabta mal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali 2 . Dawn il-miri komuni jservu ta’ pjan direzzjonali għal azzjoni fuq livell Ewropew u anki fuq livell nazzjonali, u jissarrfu f’orjentamenti għall-Istati Membri permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2014-2020 u l-programmi finanzjarji marbutin tfasslu sabiex jgħinu fit-twettiq tal-miri ta’ Ewropa 2020. Sabiex isaħħaħ ir-rabta bejn in-nefqa u l-objettivi politiċi, il-QFP 2014-2020 jinkludi ġabra komprensiva ta’ indikaturi tal-prestazzjoni. Bis-saħħa ta’ dawn l-indikaturi jista’ jitkejjel il-progress li jsir f’kull programm f’termini tal-outputs li jipproduċu u tal-kontributi tagħhom għall-eżiti finali u tal-impatti fuq it-tkabbir ekonomiku u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej.

Ir-Rapport Annwali tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE jgħaqqad żewġ rapporti preċedenti: ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni prodott skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; u r-Rapport ta’ Sinteżi meħtieġ mill-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju 3 . Billi jiġbor flimkien l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit tal-UE, ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn kif il-baġit tal-UE jservi ta’ forċina għall-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, u lejn ir-rwol li għandha l-Kummissjoni fit-trawwim ta’ kultura ta’ prestazzjoni u fl-iżgurar u fil-promozzjoni tal-ogħla standards ta’ ġestjoni baġitarja. Filwaqt li jkopri kemm il-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll tar-riżultati, ir-rapport huwa parti importanti mill-kontribut tal-Kummissjoni għall-proċess annwali ta’ kwittanza tal-baġit.

Il-baġit tal-UE fl-2015 — il-kontribuzzjoni għat-twettiq tal-politiki u għar-reazzjoni għall-kriżijiet

Matul l-2015, il-Kummissjoni għamlet progress sinifikanti fir-rigward tal-għaxar prijoritajiet politiċi identifikati fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker 4 . Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta’ EUR 315 biljun qiegħed jagħti spinta tassew meħtieġa lill-investiment fl-impjiegi u fit-tkabbir. Barra minn hekk, proposti strateġiċi ewlenin f’oqsma bħall-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-Suq Uniku Diġitali wittew it-triq għal suq intern aktar approfondit u miftuħ u għal dinamiżmu ekonomiku akbar.

L-2015 kienet ukoll sena li fiha l-Kummissjoni wieġbet b’ħeffa u b’mod komprensiv għal sensiela ta’ sfidi kbar għall-ekonomija u għas-soċjetà tal-Ewropa: il-kriżi tar-refuġjati li tinsab għaddejja bħalissa; l-attakki terroristiċi u l-instabbiltà fil-viċinat tal-Ewropa; il-qgħad għoli u rkupru batut tal-ekonomija; l-instabbiltà finanzjarja fil-Greċja, u l-impatt ekonomiku tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja. Dan il-kuntest diffiċli sawwar kif il-baġit tal-UE ġie implimentat matul l-2015.

L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi tassew kbar kien jeħtieġ taħlita ta’ tmexxija politika u użu strateġiku tal-baġit tal-UE. F’konformità mal-prijoritajiet politiċi, il-baġit tal-UE kien orjentat lejn li jagħti l-akbar kontribut possibbli għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi ta’ Orizzont 2020, il-forniment bil-quddiem ta’ riżorsi sabiex jiġu ffinanzjati strumenti finanzjarji li jipprovdu finanzjamenti lill-SMEs, it-tħaffif tal-pagamenti sabiex tkun sostnuta l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-mobilizzazzjoni tal-programm Erasmus+, it-twaqqif tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-“Pakkett ta’ Solidarjetà” bl-għan li jtaffi s-sitwazzjoni tal-bdiewa juru kif il-baġit ġie mmobilizzat malajr u b’mod effettiv sabiex iservi ta’ forċina għall-prijoritajiet politiċi.

Il-kriżi tar-refuġjati qiegħda toħloq sfidi bla preċedent għall-UE. Minkejja li jidher biċ-ċar li l-kriżi tar-refuġjati mhijiex se tiġi indirizzata biss billi jiġu allokati riżorsi finanzjarji addizzjonali u apparti minn hekk li l-UE se tkun tista’ tikkontribwixxi biss b’mod marġinali għall-ħtiġijiet finanzjarji globali f’dan il-qasam, jenħtieġ assolutament approċċ strateġiku għall-finanzjament flimkien mal-istrumenti ta’ politika li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Ir-reazzjoni tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati hija eżempju ċar ta’ kif intuża l-baġit tal-UE bħala parti minn reazzjoni b’bosta lati għal sfida ferm serja.

Matul l-2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 5 , li tistabbilixxi pjan komprensiv sabiex jonqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari, jiġu salvati l-ħajjiet u jinżammu siguri l-fruntieri esterni tal-UE. Din tipprovdi għall-iżvilupp ta’ politika komuni b’saħħitha dwar l-asil u għal politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà bħala l-bażi għal kooperazzjoni u għal azzjoni konġunta mill-Unjoni dwar is-sigurtà fil-ħames snin li ġejjin, bl-għan li tiżviluppa żona ġenwina ta’ sigurtà interna tal-UE 6 .

Il-finanzjament għall-kriżi tar-refuġjati ġie miżjud b’50 %, sa EUR 3,7 biljun fl-2015 u aktar minn EUR 10 biljun għall-perjodu 2015-2016. Dan il-finanzjament addizzjonali saħħaħ l-operazzjonijiet Triton u Poseidon fil-Mediterran kif ukoll il-kapaċità tal-Frontex, tal-EASO u tal-Europol. Jinkludi wkoll miżuri ta’ emerġenza fl-Unjoni u huwa ta’ sostenn għat-twaqqif ta’ mekkaniżmu għar-rilokazzjoni tar-rifuġjati mill-Istati Membri l-aktar esposti. Il-finanzjament għall-pattulji marittimi tagħha ġew ittriplikati għar-rotot migratorji tal-Mediterran ċentrali u tal-Lvant, u b’hekk l-UE kkontribwiet sabiex jiġu salvati aktar minn 252 000 ħajja fl-2015 u 100 00 ħajja oħra sa nofs l-2016. Irduppjat ukoll l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled lit-traffikanti u xxejjen il-gruppi tat-traffikar tal-bnedmin.

Apparti azzjonijiet li jindirizzaw il-fluss li dieħel, il-baġit tal-UE ntuża wkoll sabiex jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni, permezz ta’ għajnuna umanitarja immedjata għas-Sirja, l-Iraq u l-pajjiżi l-oħrajn tal-viċinat (it-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan); it-twaqqif ta’ żewġ Fondi Fiduċjarji ġodda u Faċilità ta’ finanzjament sabiex jingħata qafas għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-prattika. Il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana b’sostenn ta’ EUR 570 miljun mill-baġit tal-UE, se jipprovdi reazzjoni għall-għajnuna għall-kriżi tas-Sirja fuq skala reġjonali li tkun waħda koerenti u fi kwantità akbar. Se jwieġbu għar-reżiljenza u għall-ħtiġijiet tal-bidu għall-irkupru tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien, kif ukoll tal-komunitajiet u tal-amministrazzjonijiet li qegħdin jilqgħuhom. Il-Kummissjoni Ewropea nediet Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-istabbiltà li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika. Dan il-Fond Fiduċjarju jikkonsisti f’EUR 1,8 biljun mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet minn Stati Membri tal-UE u donaturi oħra. Twaqqfet il-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija li b’kollox tikkoordina EUR 3 biljun bħala sostenn għar-refuġjati fit-Turkija u għall-komunitajiet li qegħdin jilqgħuhom. EUR 1 biljun minn din l-assistenza se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-Faċilità ilha tipprovdi għotjiet u appoġġ finanzjarju ieħor mill-1 ta’ Jannar 2016.

Bis-saħħa ta’ monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni, sforzi ta’ rilokazzjoni sostanzjali u żviluppi pożittivi min-naħa tad-dħul, in-nefqa addizzjonali fl-2015 ma kinitx tirrikjedi sejħa addizzjonali għal riżorsi proprji mingħand l-Istati Membri. Il-baġit tal-2015 kien implimentat bis-sħiħ u treġġa’ lura lejn livelli sostenibbli bis-saħħa tal-eliminazzjoni progressiva tal-kontijiet mhux imħallsin akkumulati mill-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ qabel, f’konformità mal-“Pjan dwar il-Pagamenti” maqbul mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Madankollu, peress li d-domandi fuq il-baġit tal-UE qegħdin dejjem jiżdiedu, se jkun essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm finanzjament adegwat disponibbli sabiex isostni l-prijoritajiet politiċi fis-snin futuri, kif ukoll li l-baġit ikun flessibbli biżżejjed sabiex jirreaġixxi għal avvenimenti imprevisti.

L-Istruttura tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni

It-Taqsima 1 ta’ dan ir-rapport tiġbor fil-qosor il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE fuq il-bażi tal-aktar evidenza riċenti disponibbli dwar ir-riżultati miksubin fir-rigward tal-baġit tal-UE sa tmiem l-2015. Dan ir-rapportar huwa msejjes fuq informazzjoni mir-Rapport Annwali tal-Attività prodott mid-dipartimenti tal-Kummissjoni; id-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi li huma parti mill-proposta baġitarja għall-2017; u sorsi oħrajn bħar-rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ implimentazzjoni fuq il-programmi tal-UE. Ir-rapport jagħti rendikont fil-qosor filwaqt li rapportar ulterjuri fid-dettall dwar l-objettivi tal-programmi u l-progress fuq indikaturi mkejjel skont il-linja bażi u l-miri huwa disponibbli fir-Rapporti Annwali tal-Attività u fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi. Filwaqt li r-rapport huwa marbut mas-sena ta’ rapportar tal-2015, huwa msejjes fuq l-aktar dejta riċenti, li xi drabi tkun tirrigwarda s-snin ta’ rapportar preċedenti.

Għal kull intestatura tal-baġit, ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni fuq il-progress tal-programmi tal-QFP 2014-2020 u l-aktar evidenza riċenti disponibbli fuq ir-riżultati tal-programmi tal-QFP 2007-2013. Kif mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-rapport jippreżenta wkoll ir-rabtiet mal-Istrateġija Ewropa 2020 u jipprovdi eżempji konkreti tal-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE. Ir-rapport jipprovdi wkoll eżempji ewlenin ta’ tipi oħrajn ta’ strumenti ta’ politika bla nfiq użati flimkien ma’ programmi bi nfiq sabiex isostnu l-prijoritajiet kumplessivi tal-Unjoni.

Din it-taqsima tiddeskrivi wkoll il-ħidma li tinsab għaddejja fil-Kummissjoni dwar “Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati”, inizjattiva b’firxa wiesgħa mfassla biex tiżgura li l-baġit tal-UE jintuża kemm jista’ jkun biex iwassal ir-riżultati għaċ-ċittadini tal-UE.



It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-ġestjoni tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni fl-2015. Ir-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-ġestjoni huwa bbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li fihom huma deskritti fid-dettall l-ambjent ta’ kontroll intern u l-kwistjonijiet relatati. Fejn inqalgħu intoppi matul is-sena, ir-rapport jiddeskrivi kif id-dipartimenti tal-Kummissjoni indirizzaw dawn l-isfidi. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor informazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tal-kontroll intern; l-immaniġġjar tar-riskji għal-legalità u r-regolarità; il-kosteffettività tal-kontrolli; u l-istrateġiji kontra l-frodi.

Il-konklużjoni fi tmiem it-taqsima, li ntlaħqet fuq il-bażi tal-aċċertament tal-ġestjoni riċevut mingħand id-dipartimenti kollha u tal-aċċertament miksub permezz tal-ħidma ta’ awditjar intern, tippermetti lill-Kummissjoni sabiex, bl-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, terfa’ responsabbiltà politika ġenerali għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE għall-2015.



Taqsima 1
Prestazzjoni u riżultati

1.1. Il-prestazzjoni fil-qalba tal-Kummissjoni ta’ Juncker

Fil-kuntest tad-dixxiplina baġitarja u d-domandi antagonistiċi dwar il-baġit tal-UE, attenzjoni qawwija fuq il-prestazzjoni u l-ksib ta’ riżultati fil-prattika hija fundamentali. Matul l-2015, dan irrikjeda l-użu massimu tal-flessibbiltà disponibbli fil-QFP, inklużi riallokazzjonijiet sostanzjali, sabiex ir-riżorsi disponibbli setgħu jiġu allokati għall-aktar prijoritajiet urġenti, filwaqt li kompla jipprovdi qafas stabbli għall-investiment fit-tul.

Fil-bidu tal-mandat tiegħu, il-President Juncker mar dritt għall-punt: “Mhuwiex biżżejjed li nallokaw il-flus bil-għaqal. Se jkollna nagħmlu aktar b’anqas. Irridu niksbu kemm nistgħu mill-baġit u nonfqu l-flus b’mod intelliġenti. […] In-nies iriduna niksbu r-riżultati. Iridu wkoll ikunu jafu kif qegħdin nonfqu flus il-kontribwenti.” 7

L-inizjattiva “Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati" (BFOR, Budget Focused on Results) imnedija fl-2015 mill-Viċi President Georgieva hija mfassla sabiex twettaq dan l-impenn imwiegħed. Tibni fuq il-qafas eżistenti tal-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni sabiex tippromwovi bilanċ ġdid bejn il-konformità u l-prestazzjoni, l-assorbiment tal-fondi u r-riżultati tal-programmi. “Enfasi, ħeffa u riżultati” huma l-prinċipji li jidderieġu għadd ta’ inizjattivi, li jaqgħu taħt erba’ oqsma:

l-identifikazzjoni ta’ liema huma l-oqsma li fihom għandu jiġi investit il-baġit tal-UE sabiex jiġu promossi l-prijoritajiet ewlenin u jintlaħqu bosta objettivi bl-aġilità u l-flessibbiltà meħtieġa;

it-titjib ta’ kif jiġi investit il-baġit tal-UE, sabiex l-ingranaġġ tal-fondi jkun kbir kemm jista’ jkun permezz ta’ użu akbar ta’ strumenti finanzjarji, simplifikazzjoni u kontrolli proporzjonati u kosteffiċjenti;

riflessjoni fuq kif inhuma vvalutati l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-baġit tal-UE sabiex jiġi implimentat qafas tal-prestazzjoni ssimplifikat u realistiku, inkluż ir-rapportar dwar il-legalità u r-regolarità u r-riżultati;

l-iżgurar ta’ komunikazzjoni effettiva li tipprovdi informazzjoni aċċessibbli faċilment u li tinftiehem malajr dwar ir-riżultati miksubin fir-rigward tal-baġit tal-UE għall-pubbliku inġenerali kif ukoll djalogu produttiv mal-partijiet ikkonċernati, inklużi diskorsi bejn esperti u politiċi fuq il-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u konferenza annwali ddedikata għall-BFOR.

Wieħed mill-eżempji ta’ kkomunikar aħjar tar-riżultati tal-baġit tal-UE liċ-ċittadini huwa għodda speċifika fuq l-internet “EU Results” (Riżultati tal-UE) imnedija mill-Viċi President Georgieva f’Settembru 2015 fil-konferenza annwali tal-BFOR. Din l-għodda tipprovdi eżempji dwar kif jintefaq il-baġit tal-UE filwaqt li turi l-impatt fil-prattika ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE fl-Ewropa u lil hinn, u tkopri diversi oqsma ta’ finanzjament 8 .

Filwaqt li l-aġenda tal-BFOR hija msejsa fuq progress kontinwu, matul l-2015 diġà kien iddaħħal titjib speċifiku fiċ-ċiklu ta’ Programmar u ta’ Ppjanar Strateġiku tal-Kummissjoni kif ukoll fil-proċedura baġitarja. Dawn il-bidliet isaħħu l-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-prestazzjoni kemm għall-attivitajiet tal-Kummissjoni kif ukoll għall-programmi kollha ta’ nfiq.

Tinsab għaddejja ħidma sabiex jiġu rieżaminati l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti għal programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Dan ir-rieżami se jippermetti li jintgħażlu l-aktar indikaturi adattati, sostnuti minn evidenza ta’ min iserraħ fuqha, sabiex jitkejjel il-progress fir-rigward tal-kisba tal-objettivi u sabiex tingħata informazzjoni dwar il-prestazzjoni aktar ċara u komprensiva għat-tħejjija tal-baġit annwali tal-UE.

Fir-rapportar għall-2016 se jidher aktar titjib. Eżempju wieħed huwa l-introduzzjoni ta’ Pjan Strateġiku multiannwali għal kull dipartiment tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ objettivi ġenerali komuni li jkopru l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni ta’ Juncker u li jservu ta’ forċina għall-għanijiet tal-Ewropa 2020 u għall-obbligi tat-Trattati 9 .

Fil-qasam ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, sar progress fir-rigward tal-indikaturi tal-kejl sabiex tiġi vvalutata l-kosteffettività tal-kontrolli kif ukoll tal-ammonti f’riskju għal kull qasam ta’ politika.

F’dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tibbaża wkoll fuq il-ħidma u r-rakkomandazzjonijiet ipprovduti mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS). F’konformità mal-metodoloġija u mal-aħjar prattika tiegħu, l-IAS kellu approċċ indirett fil-konfront tal-prestazzjoni, jiġifieri valutazzjoni ta’ jekk u kif min huwa responsabbli mill-ġestjoni waqqafx sistemi ta’ kontroll maħsuba biex ikejlu l-prestazzjoni (l-effiċjenza u l-effettività) tal-attivitajiet tiegħu. Sabiex jgħin lill-Kummissjoni ssegwi l-metodoloġija u l-aħjar prattika tiegħu, l-IAS wettaq għadd ta’ awditi tal-prestazzjoni fl-2015, li jindirizzaw kif id-dipartimenti tal-Kummissjoni jġestu l-objettivi speċifiċi li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom u li jistgħu jinkisbu permezz tal-outputs u tal-azzjonijiet tagħhom, u kif jagħmlu monitoraġġ tagħhom u jirrapportaw dwarhom, u anki kif huma jġestu l-prestazzjoni tal-politika tal-UE u kif jagħmlu monitoraġġ tagħha u jirrapportaw dwarha. (ara l-Anness 3 għal elementi addizzjonali dwar l-awditi tal-prestazzjoni tal-IAS).

---

Dan ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni ġdid jirrifletti l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapportar dwar il-prestazzjoni. Huwa wkoll eżempju tal-impenn tal-Kummissjoni sabiex tissimplifika r-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-baġit. Dan ir-rapport huwa parti minn pakkett ta’ rapportar integrat li huwa ta’ sostenn għall-proċess tal-kwittanza 10 . It-taqsimiet li ġejjin jippreżentaw l-aktar evidenza riċenti disponibbli rigward ir-riżultati miksubin bil-baġit tal-UE. It-taqsima tibda b’rendikont fil-qosor tal-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020 u mbagħad tkopri kemm l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 kif ukoll ir-riżultati mill-programmi 2007-2013.

1.2. Rendikont fil-qosor tal-progress

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-istrateġija Ewropa 2020 tinkludi ħames miri ewlenin marbuta mal-impjiegi, mar-riċerka u l-iżvilupp, mal-klima u l-enerġija, mal-edukazzjoni u mal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dawn il-miri ewlenin jissarrfu minn kull Stat Membru f’miri nazzjonali. Filwaqt li l-Istati Membri huma dawk primarjament responsabbli għall-progress fir-rigward ta’ dawn il-miri f’livell nazzjonali, il-baġit tal-UE jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri ewlenin fil-livell tal-UE.

Il-monitoraġġ tal-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020 jsir mill-Kummissjoni bl-użu ta’ disa’ indikaturi. L-informazzjoni dwar il-progress fir-rigward ta’ dawn l-indikaturi tiġi aġġornata u ppubblikata b’mod regolari fuq is-sit web tal-Eurostat 11 . Id-dijagramma li ġejja tippreżenta l-aktar dejta riċenti disponibbli 12 għad-disa’ indikaturi. Turi l-progress li sar mill-2008 u dak li għad fadal x’jinqadef sakemm jintlaħqu l-miri relatati tal-Ewropa 2020. L-indikaturi marbutin mal-miri ambjentali u mal-edukazzjoni qegħdin jindikaw progress lejn il-miri ewlenin. Kuntrarjament, hemm bżonn ta’ sforzi ulterjuri fil-qasam tal-impjiegi, tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Grafika 1: Il-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020

Il-baġit tal-UE huwa wkoll għodda importanti biex ikun hemm sostenn għall-kisba ta’ objettivi trażversali ta’ politika bħall-azzjoni fir-rigward tal-klima u l-bijodiversità. Sabiex twieġeb għall-isfidi u għall-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tibdil fil-klima, l-UE ddeċidiet li minn tal-anqas 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 – daqs EUR 180 biljun matul il-perjodu kollu – għandhom jintefqu fuq azzjoni relatata mat-tibdil fil-klima. Sabiex dawn ir-riżultati jinkisbu, l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament qegħdin jiġu integrati fil-programmi l-kbar ta’ nfiq kollha tal-UE, b’mod partikolari l-Politika ta’ Koeżjoni, l-iżvilupp reġjonali, l-enerġija, it-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika tal-agrikoltura komuni kif ukoll il-politika ta’ żvilupp tal-UE. Mill-abbozz ta’ baġit tal-2014 ’il quddiem, l-istimi għall-infiq relatat mal-klima qegħdin taħt monitoraġġ fuq bażi annwali f’konformità mal-metodoloġija bbażata fuq l-indikaturi ta’ Rio. Fl-2015 il-kontribut kollu għall-integrazzjoni tal-klima kien stmat li jilħaq madwar 17 % u għandu jilħaq it-22 % fl-2016.

B’mod li jixbaħ l-integrazzjoni tal-azzjoni tal-klima, il-proċedura ta’ traċċar għan-nefqa relatata mal-bijodiversità pprevediet li 7 % tal-baġit tal-2015 u 9 % tal-baġit tal-2016 se jiġu allokati għat-trażżin u t-treġġigħ lura tat-tnaqqis tal-bijodiversità fl-UE, u b’hekk jingħata kontribut importanti għall-objettivi tat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa 2020 13 .

It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu r-rabtiet bejn l-objettivi tal-programmi tal-QFP 2014-2020 u l-Istrateġija Ewropa 2020. Għall-intestaturi tal-baġit li għandhom l-aktar rabta diretta mal-Ewropa 2020 (1A, 1B u 2), ir-rapportar fuq il-kisbiet tal-programmi 2007-2013 huwa strutturat ukoll madwar il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020, billi juri kemm jista’ jkun il-kontribut tal-baġit tal-UE għall-objettivi tal-Istrateġija. 14  

Grafika 2: Il-baġit tal-UE tal-2015 skont l-intestaturi baġitarji

Il-baġit tal-UE kien jammonta għal EUR 162,273 biljun fl-2015. Madwar nofs dan l-ammont (48 % jew EUR 78 biljun) ġie allokat għal Intestatura 1 “Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv” maqsum bejn l-Intestatura 1A “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” (10,8 %) u l-Intestatura 1B “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (37,2 %). L-Intestatura 2 “Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali” kienet it-tieni l-ikbar qasam tal-baġit, li jammonta għal 39,4 % 15 .

1.3 Il-Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Intestatura Baġitarja 1A)

Ġew allokati EUR 17,55 biljun għall-programmi għall-Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi (impenji fl-Intestatura 1A) fl-2015. Dan jirrappreżenta 10,8 % tan-nefqa tal-baġit annwali totali.

Il-programmi prinċipali taħt l-intestatura baġitarja “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” huma:

Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni;

proġetti kbar ta’ infrastruttura (Galileo, Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), Copernicus);

il-programm Erasmus+ li jiffinanzja azzjonijiet ta’ edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport;

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) li tiffinanzja l-interkonnessjonijiet fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u tal-ICT; u

l-Fond ġdid Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. 16  



Prijoritajiet tal-Kummissjoni

Il-programmi taħt din l-intestatura baġitarja jikkontribwixxu l-aktar għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni ta’ Juncker intitolati “Impjiegi, Tkabbir u Investiment”, “Suq Uniku Diġitali”, “Unjoni tal-Enerġija u l-Klima” u “Unjoni Ekonomika u Monetarja Aktar Approfondita u Ġusta”. Jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020 ta’ “tkabbir intelliġenti u sostenibbli” u għal “tkabbir inklużiv” l-aktar permezz tal-ħolqien tax-xogħol u l-effetti fuq l-impjegabbiltà ta’ Orizzont 2020 (is-suċċessur tas-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka (FP7)) u Erasmus+.

 

Grafika 3: Xellug: Sehem għall-Intestatura 1A mill-baġit tal-2015 kollu kemm huwa. / Lemin: Il-programmi prinċipali ffinanzjati taħt l-Intestatura 1A fl-2015. Il-Kategorija “Programmi Oħra” tinkludi fost l-oħrajn il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EASI), għad-Dwana u Fiscalis. Il-kategorija “Proġetti infrastrutturali kbar” tinkludi fost l-oħrajn Galileo, is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), .Copernicus, ITER Iċ-ċifri kollha huma f’miljuni ta’ EUR.

1.3.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

Mill-QFP il-ġdid, ħafna mill-funzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-programmi taħt l-Intestatura 1A issa qegħdin jitwettqu jew permezz ta’ aġenziji (eżekuttivi jew nazzjonali u f’ċerti każijiet deċentralizzati), Impriżi Konġunti, 17 inizjattivi tal-Artikolu 185, 18 jew il-Bank Ewropew tal-Investiment (għal strumenti finanzjarji).

Orizzont 2020, Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

Il-programm ta’ ħidma Orizzont 2020 għall-2014-2015 ġie implimentat kollu. Sa tmiem l-2015, ġew ippubblikati 198 sejħa għal proposti u ġew riċevuti 78 268 proposta. Minn dawn il-proposti, 10 658 tpoġġew fuq il-lista prinċipali jew ta’ riżerva. Ir-rata medja ta’ suċċess għall-proposti kienet ta’ 14 % li jfisser li r-rati ta’ sottoskrizzjonijiet eċċessivi għadhom għoljin u juri d-domanda kbira għall-finanzjament mill-UE f’dan il-qasam.

Galileo, Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), Copernicus

Fl-2015, tħaffef il-pass fir-rigward tal-użu tas-satelliti Galileo permezz tal-illanċjar b’suċċess ta’ tliet satelliti u l-użu ta’ sitt satelliti addizzjonali. Sa Diċembru 2015, l-għadd totali ta’ satelliti li ġew illanċjati kien irdoppja għal 12 li minnhom disgħa kienu operazzjonali, u dan jistabbilixxi ritmu ta’ użu sinifikanti fi ħdan id-dinja tan-navigazzjoni satellitari. In-numru ta’ ajruporti b’kapaċità EGNOS żdied minn 150 (2014) għal 174 (2015). Issoktat l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Ukrajna, b’EUR 5 miljun li tqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-istrument tal-viċinat għall-iżvilupp tal-EGNOS fl-Ukrajna. Fl-2015 Copernicus kompla jimxi ’l quddiem biex isir programm ta’ osservazzjoni tad-dinja li jaħdem b’mod sħiħ, u dan permezz tal-illanċjar b’suċċess ta’ Sentinel-2A fit-22 ta’ Ġunju 2015 li żied il-kapaċità ta’ metodi ottiċi tal-immaġnijiet fis-sistema. Dejta satellitari minn Copernicus skattat pereżempju twissijiet bikrin ta’ għargħar fir-Renju Unit u fl-Irlanda fl-2015, u għenet fl-ivvalutar tal-konsegwenzi tat-terremot fl-Afganistan.

Ir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) 19

B’kollox, l-Organizzazzjoni ITER iffirmat 104 mill-139 arranġament tal-akkwist għall-pakketti ta’ ħidma differenti tal-bini tar-reattur ITER. Dan jirrappreżenta 90,5 % tal-valur totali in natura tal-proġett. Dan ifisser li sehem sinifikanti mill-attività tal-ITER issa huwa f’idejn il-membri tal-ITER li se jfornu l-komponenti tal-ITER. L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER (F4E), inkarigata mill-forniment tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-Organizzazzjoni ITER, issa allokat ħafna mill-kuntratti b’valur kbir (aktar minn EUR 100 miljun). Sal-31 ta’ Diċembru 2015, F4E ffirmat 766 kuntratt tal-akkwist operazzjonali u 145 għotja għal total ta’ madwar EUR 2,8 biljun (valur tal-2008). Madanakollu l-proġett qiegħed jiffaċċja xi sfidi, b’mod partikolari f’termini ta’ dewmien, riskji ta’ spejjeż żejda u governanza kumplessiva. Ħafna minn dawn ir-riskji huma marbuta man-natura nnifisha tal-proġett li tmur lil hinn mit-teknoloġija avvanzata ta’ fużjoni ta’ bħalissa, u mal-istruttura kumplessa tal-governanza. Pjan ta’ azzjoni għat-titjib, li jindirizza wkoll l-osservazzjonijiet li qajmu l-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri fir-rapporti tagħhom dwar il-kwittanza tal-2013 ġie approvat mill-Bord Governattiv tal-F4E f’Marzu 2015, u bħalissa qiegħed jiġi implimentat.

Erasmus+

Mill-2014 lil hawn, il-programm Erasmus+ ġabar flimkien seba’ programmi preċedenti u inkluda azzjonijiet ġodda għall-iskambji edukattivi 20 . Fl-2014-2015, aktar minn miljun individwu ħadu sehem fi 18 000 azzjoni ffinanzjata mill-UE b’termini aktar flessibbli ta’ mobilità, li jirriflettu aħjar l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-istudenti u l-istruttura tal-lawrji (il-proċess ta’ Bologna) madwar l-Ewropa.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)

Fl-2015, ġew allokati EUR 12,8 biljun lil 263 proġett tat-trasport permezz ta’ ftehimiet ta’ għotjiet ffirmati fl-2015, taħt is-sejħa għal proposti tas-CEF 2014. Il-finanzjament mis-CEF iġġenera EUR 28,3 biljun f’investimenti totali, billi kkombina kontribuzzjoni tal-UE mal-baġits reġjonali u tal-Istati Membri, kif ukoll self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

Fl-ambitu taż-żewġ sejħiet għal proposti għall-enerġija taħt is-CEF, imnedin fl-2015, ġie allokat l-ammont ta’ EUR 366 miljun f’sostenn għal 35 proġett għal studji u xogħol. Il-biċċa l-kbir tas-sostenn ingħata lil proġetti fir-reġjun tal-Baltiku kif ukoll fl-Ewropa tal-Lvant Ċentrali u tax-Xlokk, u b’hekk indirizza l-isfidi ta’ sigurtà tal-provvista ta’ dawn l-inħawi fl-Ewropa. Il-proġetti kollha li ntgħażlu għandhom l-għan li jżidu s-sigurtà tal-enerġija u jnaqqsu l-iżolament tal-Istati Membri min-netwerks tal-enerġija madwar l-UE kollha. L-objettiv tagħhom huwa li jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ suq Ewropew tal-enerġija u għall-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja tal-elettriku.

Daqs EUR 2 biljun huma ppjanati li jintużaw mill-istrumenti finanzjarji tas-CEF għall-perjodu 2014-2020. Għal dan l-għan, il-Ftehim ta’ Delega dwar l-Istrument ta’ Dejn tas-CEF għall-implimentazzjoni tal-Istrument ta’ Dejn tas-CEF ġie ffirmat fit-22 ta’ Lulju 2015 mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Dan il-pass importanti ppermetta sabiex jibda jopera l-Istrument ta’ Dejn, filwaqt li jibni fuq l-esperjenza miksuba bl-istrumenti mill-perjodu 2007-2013 bħall-Istrument ta’ Garanzija fuq is-Self għall-Proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-Fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI).

Il-pjanijiet ta’ ħidma proposti mill-Koordinaturi Ewropej għad-disa’ Kurituri tan-Netwerks Ewlenin previsti mir-Regolament TEN-T ġew approvati mill-Istati Membri kkonċernati f’Mejju 2015 u ppreżentati uffiċjalment fil-Jiem tat-TEN-T f’Riga f’Ġunju 2015. Fuq dik il-bażi, ġew stabbiliti prijoritajiet għal kull wieħed mill-kurituri, u azzjonijiet bħal studji, xogħlijiet, u arranġamenti ta’ governanza ġew deċiżi bħala konsegwenza.

Il-patt għal tkabbir u impjiegi: 21  Kif il-Fażi Pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI) għenet fl-ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali għal proġetti infrastrutturali importanti

Sabiex tingħata spinta addizzjonali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020, f’Ġunju 2012, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE adottaw il-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Waħda mill-azzjonijiet taħt dan il-Patt kienet it-tnedija tal-“Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti”.

L-evalwazzjoni esterna tal-Fażi Pilota tal-PBI 22 ffinalizzata f’Diċembru 2015 ivvalutat għadd ta’ proġetti infrastrutturali sostnuti mis-soluzzjoni tat-Tisħiħ tal-Kreditu tal-Bonds tal-Proġetti bejn l-2012 u Lulju 2015 u kkonkludiet li l-PBI wieġbet għal falliment evidenti tas-suq billi pprovdiet prodott li rażżan ir-riskji ewlenin assoċjati mal-proġetti infrastrutturali mill-investituri istituzzjonali 23 . Għal dan l-għan, il-pilota tal-PBI ffaċilita involviment akbar tas-settur privat fil-finanzjament fuq terminu twil tas-suq tal-kapital ta’ proġetti kbar fl-oqsma tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport, tan-Netwerks Trans-Ewropej tal-Enerġija, tal-ICT u tal-broadband. Barra minn hekk, l-arranġament għall-kondiviżjoni tar-riskju bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI kif ukoll il-kontribuzzjoni pprovduta mill-UE kienu kruċjali għall-iżvilupp tal-inizjattiva, u ppermetta lill-BEI jimmira tranżazzjonijiet aktar riskjużi u akbar, u għat-twessigħ tal-bażi tal-investituri.

Apparti minn hekk, l-evalwazzjoni indikat li l-ingranaġġ miksub fuq il-ħames tranżazzjonijiet ta’ Tisħiħ tal-Kreditu tal-Bonds tal-Proġetti magħluqin sal-31 ta’ Lulju 2015 (jiġifieri d-data limitu għall-evalwazzjoni) bil-kontribuzzjoni disponibbli tal-UE kien ta’ 12,9, filwaqt li l-ingranaġġ mistenni tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ Tisħiħ tal-Kreditu tal-Bonds tal-Proġetti li se jingħalqu bl-appoġġ mill-baġit tal-UE eżistenti kien ta’ 18,6 (EUR 4 270 miljun f’kost tal-kapital diviż b’EUR 230 miljun ta’ kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE) li huwa kompletament konformi mal-aspettattivi. Fl-ewwel tliet xhur tal-2016 ġew iffirmati żewġ tranżazzjonijiet oħra bi Kreditu Msaħħaħ tal-Bonds tal-Proġetti bis-sostenn tal-baġit tal-UE, u b’hekk l-għadd totali ta’ ftehimiet taħt il-PBI (inklużi tranżazzjonijiet b’riskju proprju tal-BEI) ittella’ għal 10.

Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-impriżi żgħar u medji (COSME)

Fl-2015, il-mekkaniżmu ta’ forniment bil-quddiem implimentat għall-Fond ta’ Garanzija fuq is-Self (LGF) taħt il-COSME 24 wassal għal kontribut saħansitra aktar sinifikanti għall-finanzjament għal tranżazzjonijiet aktar riskjużi ta’ SMEs milli kien ikun il-każ mingħajr il-garanzija tal-FEIS — (18-il ftehim ta’ garanzija ffirmat, għal ammont totali ta’ EUR 163 miljun f’impenji legali). Huwa mistenni li, b’mod partikolari n-negozji ġodda u l-SMEs iż-żgħar, li jsibuha l-aktar diffiċli sabiex jaċċessaw il-finanzjament, se jibbenefikaw mil-LGF imsaħħaħ. Mit-30 ta’ Settembru 2015, aktar minn 30 000 SME diġà kienu rċevew finanzjament li b’kollox jammonta għal aktar minn EUR 700 miljun. Mill-31 ta’ Diċembru 2015, aktar minn 51 000 SMEs diġà kienu rċevew finanzjament ta’ kważi EUR 1 300 miljun taħt l-LGF tal-COSME msaħħaħ.

Madwar 450 000 SME rċevew servizzi permezz tan-Netwerk Enterprise Europe li jvarjaw minn informazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE għal servizzi ta’ konsulenza speċjalizzata li jiffaċilitaw is-sħubija bejn l-SMEs permezz ta’ żjarat tal-kumpaniji u avvenimenti ta’ tlaqqigħ. L-objettiv huwa li tiżdied il-kompetittività tal-SMEs u tiżdied l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom permezz tat-3 000 persunal tan-netwerk preżenti fir-reġjuni kollha tal-UE u f’35 pajjiż lil hinn mill-UE. Is-625 organizzazzjoni parteċipanti pprovdew konsulenza speċjalizzata lil 60 000 SME dwar l-aċċess għal finanzjament, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-rieżamijiet tan-negozju u tat-teknoloġija u l-effiċjenza fir-riżorsi. Madwar 22 000 SME pparteċipaw f’avvenimenti ta’ tlaqqigħ. Dawn l-attivitajiet issarrfu fi 3 190 kisba speċjali rrapportati mill-kumpaniji u bosta stejjer ta’ suċċess.

Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ jagħti lill-imprendituri ġodda jew dawk aspiranti, l-opportunità li jitgħallmu minn imprendituri tal-esperjenza li jmexxu negozji żgħar f’pajjiżi oħra. Sa issa ġew irreġistrati daqs 12 000 profil ta’ imprendituri u ġew stabbiliti 3 900 abbinament li jinvolvu 7 700 imprenditur.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

Prijorità kbira tal-Kummissjoni fl-2015 kienet tinvolvi t-tħejjija 25 tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, imniedi fl-2014.

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti

Il-pedament tal-Pjan ta’ Investiment huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li huwa ġestit mill-Grupp tal-BEI 26 . Sa tmiem Mejju 2016, il-proġetti tal-EFSI kienu approvati mill-Grupp tal-BEI għal valur totali ta’ investiment ta’ madwar EUR 100 biljun 27 imsejsa fuq finanzjament sostnut mill-FEIS ta’ EUR 9,3 biljun għall-investimenti ta’ Infrastruttura u ta’ Innovazzjoni, u EUR 3,5 biljun favur l-SMEs, xiehda ta’ tnedija b’suċċess tal-istrument. L-impatt sħiħ fuq l-ekonomija jista’ jiġi vvalutat b’mod komprensiv biss wara l-mobilizzazzjoni kompluta tal-Inizjattiva. F’Mejju tal-2016, il-Kummissjoni ssottomettiet l-ewwel Rapport tagħha dwar il-ġestjoni tal-fond ta’ garanzija tal-FEIS fl-2015 kif meħtieġ mill-bażi ġuridika 28 .

Appoġġ għall-investiment fl-ekonomija reali

Fl-2015 saru wkoll sforzi sostanzjali sabiex titħejja t-tnedija ta’ żewġ għodod ewlenin li jagħmlu l-Pjan ta’ Investiment faċilment aċċessibbli għall-promoturi tal-proġetti: iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) beda jopera fl-1 ta’ Settembru 2015, u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (EIPP) li ħa l-ħajja fl-1 ta’Ġunju 2016.

Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) joffri lill-promoturi tal-proġetti punt ta’ dħul uniku għal assistenza teknika, gwida u pariri. Sa tmiem Mejju 2016, kien ittratta aktar minn 160 rikjesta. Il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea ħadmu mill-qrib ma’ Grupp Ċentrali ta’ Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) u ħejjew Memorandum ta’ Qbil (MtQ) għal kooperazzjoni possibbli bejn l-EIAH u l-NPBs. Daqs 18-il NPB minn 16-il Stat Membru kienu ffirmaw il-MtQ sa tmiem Mejju 2016.

Il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (EIPP), żviluppat mill-Kummissjoni, huwa mfassal bħala portal fuq il-web disponibbli għall-pubbliku li jippermetti lill-promoturi tal-proġetti bbażati fl-UE jsaħħu l-viżibilità tal-proġetti tagħhom ma’ investituri internazzjonali potenzjali.

Il-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-investiment

Sabiex jitjiebu l-ambjent kummerċjali u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament, il-pjan ta’ investiment jipprevedi l-progress lejn Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Mill-kriżi ’l hawn, l-investiment evolva b’modi differenti bejn il-pajjiżi, kemm f’termini ta’ investimenti privati kif ukoll dawk pubbliċi. Għad hemm kemm ostakoli regolatorji kif ukoll mhux regolatorji għall-investiment. L-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ dak ix-xkiel għall-investiment huma parti mill-isforzi sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas u jitneħħew il-burokrazija żejda u l-ostakli regolatorji. Il-Kummissjoni hija involuta fi djalogu strutturat mal-Istati Membri sabiex tgħin biex jitneħħew dawn l-ostakli nazzjonali għall-investiment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Appoġġ għal Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs)

Il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG) b’impenn tal-baġit tal-UE 29 ta’ EUR 649,90 miljun ikkatalizzat EUR 20,7 biljun f’finanzjament għall-SMEs għal 381 592 SME permezz ta’ 463 295 selfiet. 30  L-effett ta’ ingranaġġ miksub għall-Faċilità SMEG huwa ta’ 38,6. 31  

Fil-qafas tal-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir (GIF), EUR 555 miljun f’riżorsi tal-UE ġew investiti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju, li kkatalizzaw finanzjament totali miksub ta’ kważi EUR 3,12 biljun lil 437 destinatarju ta’ investiment eliġibbli (SMEs) 32 . L-effett ta’ ingranaġġ miksub għall-GIF huwa ta’ madwar 5,6 33 . Dawn l-SMEs jesperjenzaw tkabbir akbar f’termini ta’ bejgħ, assi u impjiegi minn dawk mhux appoġġjati minn fondi ta’ ekwità jew ta’ kapital ta’ riskju u għandhom ukoll probabilità anqas li jsiru inadempjenti minn kumpaniji oħrajn.

1.3.2 Riżultati tal-programmi tal-QFP 2007-2013

Aspetti tal-implimentazzjoni

L-evalwazzjoni ex post tas-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka (FP7) 34 li tlestiet dan l-aħħar turi li matul is-seba’ snin tal-programm (2007-2013) ġew konklużi 487 sejħa bi kważi 136 000 proposta eliġibbli riċevuti. Ġew iffinanzjati madwar 25 000 proġett, li involvew aktar minn 134 000 parteċipazzjoni minn 170 pajjiż differenti. B’kollox, ħadu sehem madwar 29 000 organizzazzjoni, li 70 % minnhom kienu ġodda. L-SMEs ammontaw għal aktar minn 50 % tal-organizzazzjonijiet industrijali kollha li ħadu sehem fi ftehimiet ta’ għotja. Barra minn hekk, l-FP7 kellu kontribut sinifikanti għall-prijorità tal-Kummissjoni ta’ Juncker “L-UE bħala Attur Globali” b’aktar minn 7 800 parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi mhux assoċjati, li jirċievu aktar minn EUR 700 miljun mill-Kummissjoni Ewropea. Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-FP7 iffrankaw aktar minn EUR 550 miljun lill-parteċipanti meta mqabbel mal-FP6.

L-evalwazzjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) 35 li ġġesti sehem kbir mill-Orizzont 2020 sabet li l-kostijiet reali tal-REA kurrenti fl-2012-2015 kienu ta’ EUR 34,8 miljun (15 %) anqas mill-istima inizjali bis-saħħa ta’ spejjeż iffrankati fin-nefqa fuq il-persunal u l-infrastruttura. L-ispejjeż reali ffrankati permezz tad-delega tal-programm lill-REA kienu 24 % ogħla mill-istimi inizjali (EUR 53,4 miljun meta mqabblin ma’ EUR 43,1 miljun).

L-analiżi tal-kostijiet reali tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA) li ġġesti l-parti tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) tal-Orizzont 2020 fl-2012-2015 kienet ta’ EUR 20,6 miljun (12 %) anqas mill-istima inizjali bis-saħħa ta’ spejjeż iffrankati fl-ispejjeż ġenerali, filwaqt li n-nefqa reali marbuta mal-persunal qabżet l-istimi għall-2014-2015. L-ispejjeż reali ffrankati permezz tad-delega tal-programm lill-ERCEA kienu daqsxejn ogħla mill-istimi inizjali (EUR 46,5 miljun meta mqabblin ma’ EUR 44,6 miljun).

Minn Jannar 2014, l-Aġenzija Eżekuttiva TEN-T saret l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA), responsabbli fost l-oħrajn għall-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programm CEF 36 (trasport, enerġija u telekomunikazzjoni) u ta’ programmi speċifiċi għat-trasport u l-enerġija ta’ Orizzont 2020. L-istudju ta’ evalwazzjoni ex post imwettaq għall-perjodu 2011-2013 wera li l-Aġenzija kienet l-aktar għażla kosteffettiva disponibbli għall-implimentazzjoni tal-programm TEN-T. Din l-għażla ġġenerat iffrankar ta’ EUR 8,8 miljun mill-baġit tal-UE meta mqabbel ma’ kemm kieku kienet tiġi tiswa implimentazzjoni interna tal-programm.

Il-kontribuzzjoni għall-kisbiet tal-politika

Tkabbir Intelliġenti

Fl-2015, l-evalwazzjoni ex post tal-FP7 irrapportat dwar il-kisbiet ta’ 12 149 proġett lest tal-FP7 (li jirrappreżentaw madwar 50 % tal-proġetti totali tal-FP7). Filwaqt li għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni finali tal-impatt fuq is-suq tal-FP7, l-evalwazzjoni stmat effett ekonomiku indirett ta’ EUR 500 biljun fuq 25 sena, jew madwar EUR 20 biljun annwalment fi Prodott Domestiku Gross addizzjonali (PDG).

Bl-effetti ta’ ingranaġġ fuq terminu qasir u l-effetti multiplikaturi fit-tul, kull euro li jintefaq mill-FP7 iġġenera madwar EUR 11 f’effetti ekonomiċi diretti u indiretti stmati permezz ta’ innovazzjonijiet, teknoloġiji u prodotti ġodda. L-evalwazzjoni ex post tal-FP7 irrapportat 1 700 applikazzjoni għal privattiva u aktar minn 7 400 opportunità kummerċjali li rriżultaw mill-proġetti tal-FP7. B’aktar minn nofs il-proġetti mill-FP7 li għadhom għaddejjin, l-impatt irrapportat huwa mistenni jiżdied fis-snin li ġejjin.

Il-proġetti sostnuti fl-ambitu tal-FP7 tlestew b’Livelli ta’ Prontezza Teknoloġika ogħla, li huma indikaturi għall-valutazzjoni tal-ispinta innovattiva tagħhom, meta mqabblin mal-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-FP6. Kif tindika l-analiżi tal-Istħarriġ tal-Innovazzjoni tal-Komunità, il-kumpaniji innovattivi sostnuti mill-FP7 kienu aktar probabbli li jintroduċu innovazzjonijiet ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda għas-suq u li bħala medja jkollhom sehem ogħla ta’ fatturat mill-innovazzjoni meta mqabblin ma’ dawk mhux sostnuti mill-FP7. B’mod simili, analiżi kontrofattwali li vvalutat in-“numru medju ta’ applikazzjonijiet ta’ privattivi għal kull riċerkatur” uriet li, bħala medja, ir-riċerkaturi f’organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fl-FP7 għandhom tendenza li japplikaw għal privattivi aktar minn riċerkaturi f’organizzazzjonijiet li ma jiħdux sehem fi Programmi Qafas tal-UE.

L-FP7 kien partikolarment effettiv fit-tisħiħ tal-eċċellenza xjentifika. Sa issa l-proġetti tal-FP7 iġġeneraw 170 000 pubblikazzjoni. Minnhom, 54 % huma b’aċċess miftuħ. Is-sehem ta’ pubblikazzjonijiet tal-FP7 li huma fost l-aqwa 1 % mill-pubblikazzjonijiet iċċitati sew huwa ta’ medja ta’ 3,6 %. Dan il-proporzjon huwa 2.8, 2 u 3.6 darbiet ogħla mill-medja tal-UE, l-Istati Uniti u tad-dinja rispettivament. In-numri ta’ pubblikazzjonijiet fl-aqwa ġurnali xjentifiċi li jirrikonoxxu l-finanzjament mill-ERC, u l-fatt li l-finanzjament mill-ERC inkluda 11-il Rebbieħ tal-Premju Nobel u 5 Rebbieħa tal-Midalja Fields huma xhieda tal-eċċellenza xjentifika tal-ERC. Aktar minn 13 000 SME ħadu sehem fl-FP7 u rċevew EUR 6,4 biljun. Dan huwa ferm ogħla mill-mira ta’ 15 % ta’ finanzjament li għandu jingħata lill-SMEs fi ħdan il-programm ta’ kooperazzjoni tal-FP7 kif stipulata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-FP7. L-analiżijiet ekonometriċi juru li l-SMEs li jipparteċipaw fl-FP7 ġabu punteġġ 38 % ogħla minn dak tal-grupp ta’ kontroll fejn jidħlu t-tkabbir fl-impjiegi u d-dħul operattiv.

Eżempju ta’ valur miżjud tal-UE

Skont dawk li wieġbu għal konsultazzjoni online tal-partijiet ikkonċernati fuq l-evalwazzjoni ex post tal-FP7, l-indirizzar ta’ sfidi pan-Ewropej permezz tar-riċerka Ewropea huwa fost l-aktar tliet oqsma importanti tal-valur miżjud tal-UE meta mqabbel mal-azzjonijiet tal-Istati Membri (flimkien maż-żieda fil-kompetizzjoni fir-riċerka, u t-tisħiħ tal-mobilità tar-riċerkaturi).

Skont Orizzont 2020, il-programm suċċessur tal-FP7, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tintroduċi sett ta’ premji ta’ “sfida soċjetali”. Dawn il-Premji tal-Orizzont joffru premju fi flus lil dawk li jegħlbu bl-aktar mod effettiv sfida definita. Jaġixxu bħala inċentiv għall-innovazzjoni. Jippreskrivu l-għan iżda mhux min għandu jkun l-innovatur jew kif għandu jintlaħaq l-għan.

Fl-2014, il-kumpanija Ġermaniża tal-bijofarmaċewtika CureVac GmbH rebħet il-Premju tal-Innovazzjoni u ngħatat EUR 2 miljun għall-progress favur teknoloġija ġdida sabiex tilqim li jista’ jsalva l-ħajjiet jibqa’ stabbli fi kwalunkwe temperatura ambjentali, u b’hekk jingħeleb wieħed mill-ostakoli l-kbar għall-użu ta’ tilqim f’pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp.

Fl-2015, il-premju rnexxielu jikseb ingranaġġ ta’ investiment privat addizzjonali fir-riċerka meta tħabbar investiment ta’ EUR 46 miljun fi CureVac mill-Bill and Melinda Gates Foundation sabiex jitħaffef l-iżvilupp tat-teknoloġija innovattiva tagħha tat-tilqim u l-produzzjoni ta’ bosta tilqim kontra mard infettiv.

Taħt l-azzjonijiet tal-FP7 ta’ Marie Skłodowska Curie actions (MSCA), ingħataw aktar minn 50 000 borża ta’ studju lil riċerkaturi (inklużi 10 000 kandidat għal PhD). Dawn ir-rebbieħa ta’ borża ta’ studju rrappreżentaw 148 nazzjonalità differenti li jinsabu f’86 pajjiż madwar id-dinja, biex b’hekk għamlu l-MSCA l-aktar parti internazzjonali tal-FP7. L-MSCA kkontribwixxew sabiex jinżammu l-aħjar riċerkaturi fl-Ewropa peress li kważi 34 % tar-rebbieħa ta’ borża ta’ studju kienu ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE u 46 % tar-riċerkaturi li ġew fl-UE minn pajjiżi industrijalizzati baqgħu fl-Ewropa wara li temmew il-borża ta’ studju tal-MSCA tagħhom (għad li mhuwiex possibbli li titkejjel l-influwenza diretta tal-programm). Ir-riżultati tal-istħarriġ urew li madwar 80 % tar-rebbieħa ta’ borża ta’ studju tal-MSCA ħassew li l-esperjenza tagħhom rigward il-borża ta’ studju tejbet il-prospettivi tal-karriera tagħhom, xi ħaġa li turi kemm dawk li rċevew appoġġ finanzjarju apprezzaw il-kontribuzzjoni tal-programm għall-iżvilupp tal-karrieri xjentifiċi tagħhom.

Tkabbir Sostenibbli

Il-programm tal-Enerġija Intelliġenti Ewropa (IEE) wassal għal benefiċċji tanġibbli: mill-2007, bis-saħħa tal-proġetti tal-IEE ġiet provduta enerġija rinnovabbli ekwivalenti għall-konsum tal-elettriku annwali ta’ 7 miljun ċittadin, ġiet iffrankata enerġija primarja ekwivalenti għall-użu ta’ elettriku annwali ta’ aktar minn 2 miljun unità domestika, u huma mistennijin li jiskattaw aktar minn EUR 4 biljun f’investimenti għall-enerġija sostenibbli. Stima preliminari tal-enerġija primarja annwali ffrankata mill-proġetti IEE li jinsabu għaddejjin turi li din għandha taqbeż it-312 000 tunnellata f’ekwivalenti għaż-żejt (toe) fis-sena. L-IEE laħaq lil aktar minn 40 miljun ruħ madwar l-UE.

L-evalwazzjoni indikat li l-fattur ta’ ingranaġġ medju mistenni tal-proġetti tal-ekoinnovazzjoni huwa ta’ madwar 20 (EUR 1 ta’ investiment pubbliku jwassal għal fattur ta’ ingranaġġ tad-dħul gross ta’ 20 darba, sentejn wara li jintemm il-proġett) b’ġenerazzjoni medja netta ta’ impjiegi ta’ madwar 8 individwi (full-time) għal kull proġett. Ikkonvertit f’termini fi flus, il-valur tal-benefiċċju ambjentali u ekonomiku globali totali mill-inizjattiva Ekoinnovazzjoni tas-CIP (Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni) huwa stmat għal aktar minn EUR 1,6 biljun fuq medda ta’ 5 snin.

Nagħmlu l-enerġija aktar sigura, sostenibbli u adattata għal but ta’ kulħadd

L-UE bdiet is-sena 2015 bl-impenn li tipprovdi enerġija sigura u bi prezzijiet li jifilħu għalihom iċ-ċittadini u n-negozji tagħha, u fl-istess ħin tiġġieled kontra l-kawżi tat-tibdil fil-klima. Fi Frar nediet l-Unjoni tal-Enerġija biex tgħin lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus u l-enerġija, biex tgħin lill-ambjent, biex tippromwovi suq tal-enerġija kompetittiv u biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. F’Lulju tnedew diversi proposti relatati li jkopru r-reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet, jagħmlu t-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika aktar ċar u joffru offerta aħjar għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku.

Fi Frar, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika sal-2020 fl-Istati Membri kollha. Sa tmiem l-2015 kienu diġà tħabbru diversi proġetti ta’ interkonnessjoni li jikkollegaw l-Istati Baltiċi fit-Tramuntana, il-peniżola Iberika fin-Nofsinhar u Malta mal-bqija tal-UE.

F’Settembru, il-Kummissjoni adottat il-Pjan Strateġiku ġdid għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-pjan SET). Il-mira tiegħu hija li jitħaffef l-iżvilupp u l-użu fil-prattika tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li tiżdied il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

F’Novembru, il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel Stat tal-Unjoni tal-Enerġija annwali, li wera l-progress li sar minn meta ġie adottat il-qafas strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija. Madankollu, l-implimentazzjoni tiegħu se jkollha bżonn aktar sforzi u b’hekk l-2016 se tkun sena kruċjali fir-rigward tat-twettiq.

Barra minn hekk, l-UE kellha rwol ċentrali fin-negozjati tal-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima, li ġie adottat minn 195 pajjiż f’Diċembru li għadda f’Pariġi. Il-ftehim stabbilixxa pjan ta’ azzjoni globali biex id-dinja tkun tista’ tevita t-tibdil perikoluż fil-klima billi t-tisħin globali jinżamm sew taħt iż-2 °C. Dan il-ftehim bagħat sinjal ċar lill-investituri, lin-negozji u lil dawk li jfasslu l-politika, li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija waħda permanenti u li l-fjuwils fossili li jniġġsu ma jistgħux jibqgħu r-riżorsi primarji.

Tkabbir Inklużiv

L-evalwazzjoni ex post tal-FP7 turi li, filwaqt li l-FP7 ma twaqqafx apposta sabiex joħloq l-impjiegi, il-programm se joħloq direttament 130 000 impjieg fir-riċerka fuq perjodu ta’ 10 snin u indirettament 160 000 impjieg addizzjonali fuq 25 sena.

L-azzjonijiet Marie Skłodowska Curie (MSCA) saħħew l-impjegabbiltà, l-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-karriera u l-mobilità tar-riċerkaturi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Daqs 95 % tar-rebbieħa tal-boroż ta’ studju tal-MCA sabu xogħol sa sentejn wara tmiem il-borża ta’ studju tagħhom. L-FP7 ikkontribwixxa għar-reklutaġġ aktar fit-tul tar-riċerkaturi peress li sehem kbir (43 %) mir-riċerkaturi temporanji mqabbdin mill-proġetti baqgħu fit-timijiet ta’ riċerka benefiċjarji wara li ntemm il-proġett.

Peress li gradwat Ewropew minn kull tnejn li jistudja jew isegwi taħriġ lil hinn minn pajjiżu jibbenefika mill-Erasmus, evidenza mill-programm Erasmus uriet li l-Erasmus iżid l-vantaġġ ta’ impjegabbiltà b’45 % fuq studenti li mhumiex mobbli. L-istudenti mill-Ewropa tal-Lvant kellhom 83 % anqas ċans li jesperjenzaw qgħad fit-tul jekk ikunu ħadu sehem fl-Erasmus.

Stħarriġ imwettaq dwar il-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ indika li aktar minn terz tal-aspiranti imprendituri li ħadu sehem fil-fatt fetħu negozju; u żewġ terzi mill-imprendituri bl-esperjenza li ħadu sehem kisbu ideat ġodda jew għarfien tekniku ġdid, daħlu fi swieq ġodda u żiedu l-fatturat tagħhom.


1.4 Il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (Intestatura Baġitarja 1B)

Ġew allokati EUR 60,4 biljun għall-programmi taħt l-Intestatura 1B għall-2015, li jirrappreżentaw 37,2 % tat-total tal-baġit tal-UE għall-2015.

 

Grafika 4: Xellug: Il-programmi prinċipali ffinanzjati taħt l-Intestatura 1 B fl-2015. Il-kategorija “Oħrajn” tinkludi fost l-oħrajn “Ir-Reġjuni ultraperiferiċi u skarsament popolati” u “Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn” / Lemin: Sehem għall-Intestatura 1 B mill-baġit tal-2015 kollu kemm huwa. Iċ-ċifri kollha huma f’miljuni ta’ EUR.

L-Intestatura 1B tal-QFP tkopri l-“Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali” (FEŻR), il-“Fond ta’ Koeżjoni” (FK), il-“Fond Soċjali Ewropew” (FSE) 37 — inkluża l-“Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ” (YEI) (allokazzjoni supplimentari speċifika), u l-“Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn” (FEAD). Dawn il-programmi kollha jitwettqu taħt ġestjoni kondiviża.

Prijoritajiet tal-Kummissjoni:

Il-FEŻR, il-FK u l-FSE jikkostitwixxu l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE b’baġit ta’ EUR 351,8 biljun għall-2014-2020, li hija l-aktar strument ta’ investiment importanti tal-UE għall-ilħuq tal-objettivi tal-Ewropa 2020 b’sostenn għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi fil-livell tal-UE u għar-riformi strutturali fil-livell nazzjonali. L-interventi tal-Politika ta’ Koeżjoni jikkontribwixxu għall-kisba ta’ ħafna mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni ta’ Juncker, b’mod partikolari l-“Impjiegi, Tkabbir u Investiment”, is-“Suq Uniku Diġitali” u l-“Unjoni tal-Enerġija u l-Klima”. Il-Politika ta’ Koeżjoni tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tas-suq intern kif ukoll għal għadd ta’ azzjonijiet marbutin mar-reazzjoni għall-kriżi tar-rifuġjati u mal-politika dwar il-migrazzjoni.

Il-Politika ta’ Koeżjoni kif irriformata fl-2014-2020 kienet allinjata kompletament mal-istrateġija Ewropa 2020 għal “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”. Il-finanzjament ta’ Koeżjoni jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-baġit tal-investiment pubbliku f’għadd ta’ Stati Membri u dan kompla jaqdi rwol ċentrali fis-sostenn tiegħu għal strateġiji ta’ investiment fit-tul.

Kif il-Politika ta’ Koeżjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

F’konformità mal-qafas legali li jkopri l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), il-programmi kkofinanzjati mill-FSIE għall-perjodu 2014-2020 jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 38 rilevanti kollha fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Il-programmi operazzjonali ġew allinjati mill-qrib ma’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi preċedenti u l-approvazzjoni tagħhom kienet ikkundizzjonata mill-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ riformi (kundizzjonalitajiet ex ante) sabiex l-użu u l-effettività tal-FSIE jiġu ffaċilitati.

Din l-integrazzjoni soda tal-Politika ta’ Koeżjoni rriformata fil-governanza ekonomika ġdida tal-UE fil-QFP għall-2014-2020 tgħin sabiex tiżdied ir-reattività tal-politika għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi li jinbidlu u għall-iżbilanċi li jfeġġu.

Filwaqt li l-isforzi ewlenin tal-Kummissjoni kienu marbutin mal-iffinalizzar b’suċċess tan-negozjati dwar il-programmi 2014-2020, matul l-2015 il-Kummissjoni implimentat ukoll azzjonijiet immirati li kellhom l-għan li jindirizzaw diffikultajiet speċifiċi għall-pajjiżi u li jżidu l-kapaċità tal-Istati Membri sabiex iwettqu b’mod effettiv il-programmi tagħhom għall-2007-2013.

1.4.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

Sa tmiem l-2015, il-programmi operazzjonali (PO) kollha tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, u b’hekk il-programmi kollha setgħu jibdew jiġu implimentati fil-prattika. It-titjib introdott għall-perjodu tal-2014-2020 jiżgura li l-programmi jkollhom orjentazzjoni aktar soda lejn ir-riżultati u l-ħtiġijiet ta’ investiment ikunu marbuta ma’ għanijiet u prijoritajiet speċifiċi b’indikaturi u miri korrispondenti għall-outputs u r-riżultati. Kull programm għandu qafas ta’ prestazzjoni li fil-konfront tiegħu se tiġi vvalutata l-prestazzjoni. Dan jagħmilha possibbli li jkun hemm rapportar trasparenti u evalwazzjoni tal-progress lejn l-objettivi tal-programm.

Fi tmiem l-2015, aktar minn 100 000 proġett kienu diġà ġew magħżula mill-Istati Membri. Il-Komunikazzjoni “Ninvestu f’impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” 39 maħruġa mill-Kummissjoni f’Diċembru 2015 tipprovdi ħarsa ġenerali tajba tal-investimenti tal-FSIE pprogrammati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u l-outputs mistennija tagħhom.

Kumplessivament, huwa stmat 40 li, meta mqabbel mal-istatus quo, impatt pożittiv se jirriżulta direttament mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-FSIE 2014-2020, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir tal-PDG u se jkompli sew wara t-tmiem tal-implimentazzjoni. L-impatt mistenni huwa partikolarment sinifikanti għall-Istati Membri tal-UE-13, 41 li għalihom l-FSIE jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-investiment pubbliku. Għal dawk l-Istati Membri, huwa mistenni li d-differenza f’paragun mal-istatus quo se tilħaq il-quċċata ta’ + 2,7 % fi tmiem l-implimentazzjoni, u tibqa’ konsistentement ’il fuq minn 2 % għal minn tal-anqas 10 snin wara l-2020.

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati se tingħata partikolarment bħala parti mir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni għall-programmi tal-FEŻR-FK u tal-FSE, u se tkun taħt monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni. L-ewwel Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri f’Ġunju 2016.

Prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni

Il-kundizzjonalitajiet ex ante 42 (ExACs) huma fost l-elementi ewlenin il-ġodda tal-Politika ta’ Koeżjoni rriformata, bl-għan li jżidu l-effettività tal-fondi. Dawn jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ qafas biex l-investimenti jkunu effettivi u għandhom jiġu ssodisfati bil-quddiem – l-aktar tard matul l-ewwel ħames snin ta’ implimentazzjoni. Għalkemm madwar 75 % mill-kundizzjonalitajiet ex ante kollha ġew issodisfati saż-żmien meta l-programmi ġew approvati, madwar 750 minnhom ma ġewx issodisfati (pereżempju l-pjanijiet ġenerali tat-trasport li jirfdu l-investiment tat-trasport). Kien hemm qbil mal-Kummissjoni dwar pjanijiet ta’ azzjoni għat-twettiq tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016. Ġie nnutat xi dewmien fit-twettiq ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni: mill-470 pjan ta’ azzjoni li oriġinarjament kienu ppjanati li jitlestew sa tmiem l-2015, 142 pjan ta’ azzjoni tlestew fl-2015 flimkien ma’ 3 pjanijiet ta’ azzjoni ppjanati għall-2016. Il-Kummissjoni qiegħda twettaq monitoraġġ bir-reqqa tas-sitwazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni relatata mal-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante u se tkompli tagħmel dan matul l-2016.

Element ieħor ġdid tal-Politika ta’ Koeżjoni rriformata huwa dak tad-deżinjazzjoni, bl-għan li jissaħħaħ l-aċċertament billi l-Istati Membri jsiru aktar responsabbli, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Huwa proċess li permezz tiegħu l-Istati Membri jiddeżinjaw l-awtoritajiet li se jkunu inkarigati mill-ġestjoni u mill-kontroll tal-programmi, u jiżguraw li sistemi adegwati jkunu ġew stabbiliti kif suppost mill-bidu tal-perjodu. Ġaladarba jitlesta l-proċess, il-programmi jkunu jistgħu jibdew jissottomettu rikjesti ta’ pagament lill-Kummissjoni. L-ewwel awtoritajiet ġew iddeżinjati mill-Istati Membri fl-2015. Fi tmiem l-2015, l-Istati Membri kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni d-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet tal-programmi għal 20 % tal-programmi tal-FSE, 43 tal-FEŻR u tal-FK, b’ritmu aktar bil-mod meta mqabbel mal-iskeda inizjali. Madankollu l-Kummissjoni qiegħda tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri sabiex tgħinhom jegħlbu l-intoppi li jiltaqgħu magħhom.

Sostenn speċifiku għall-Greċja

Bħala parti mill-miżuri meħudin sabiex tiġi megħjuna l-Greċja, intlaħaq qbil dwar żieda tal-prefinanzjament għall-fondi strutturali skont il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, flimkien ma’ rata ta’ finanzjament ta’ 100 % tal-UE għan-nefqa eliġibbli u ħruġ bikri għall-5 % li jifdal għall-programmi 2007-2013. L-impatt kumulattiv kien ta’ EUR 2 biljun (nofs fl-2015 u nofs fl-2016).

Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI)

Rigward l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-ewwel sett ta’ dejta ta’ monitoraġġ sottomess mill-Istati Membri fl-2015 (data limitu ta’ tmiem l-2014) jirrapporta dwar madwar 138 000 parteċipant kumplessivament. Problema ewlenija li ġiet identifikata kienet in-nuqqas ta’ finanzjament pubbliku biex jitmexxew ’il quddiem l-attivitajiet tal-YEI. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-prefinanzjament tal-YEI għal 30 % fl-2015 sabiex tiffaċilita l-finanzjament tal-miżuri inizjali 44 . Dan il-prefinanzjament tħallas mill-baġit tal-UE tal-2015.

Stħarriġ sussegwenti u intervisti mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fl-2015 jindikaw li l-implimentazzjoni tal-YEI bdiet fil-maġġorparti tal-Istati Membri eliġibbli. Sa Novembru 2015, 10 Stati Membri rrapportaw li diġà kienu impenjaw għal finanzjament 75 % jew aktar mill-baġit tal-YEI tagħhom għal azzjonijiet konkreti. Kumplessivament, għall-20 Stat Membru li implimentaw il-YEI, fi tmiem Diċembru 2015, il-kost totali tal-operazzjonijiet magħżulin għal sostenn kien ta’ EUR 3,3 biljun u l-benefiċjarji ddikjaraw EUR 380 miljun. Skont l-istess studju, sa Novembru 2015, l-Istati Membri l-kbar u/jew il-benefiċjarji ewlenin tal-YEI kien irnexxielhom jimpjegaw eluf ta’ żgħażagħ kull wieħed – l-Italja (madwar 375 000 ikkuntattjati jew diġà f’miżuri), il-Portugall (100 000), il-Greċja (32 000), Franza (32 000) u l-Ungerija (16 000).

Inizjattiva għall-SMEs

L-implimentazzjoni bdiet fil-prattika wkoll għall-Inizjattiva għall-SMEs, li hija strument finanzjarju konġunt tal-Kummissjoni u tal-Grupp tal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment) bl-għan li tistimula l-finanzjament għall-SMEs billi tipprovdi kopertura parzjali tar-riskju għall-portafolli ta’ self tal-SMEs tal-istituzzjonijiet finanzjarji li joħorġu s-self. Il-prodotti korrispondenti, li huma attraenti kemm għall-banek kif ukoll għall-SMEs, jistgħu jkunu ferm effettivi biex jipprovdu mod rapidu u effettiv sabiex iżidu s-self lill-ekonomija reali, joħolqu l-impjiegi u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku. L-implimentazzjoni diġà bdiet f’diversi Stati Membri (il-Bulgarija, Spanja, Malta), flimkien ma’ bosta Stati oħra (fosthom ir-Rumanija, l-Italja u l-Finlandja) li diġà ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jissieħbu.

Ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol

Minbarra s-sostenn ipprovdut mill-baġit tal-UE u l-programmi ddedikati, il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-impjiegi u tal-impjieg fl-UE permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi:

-Tnieda Patt Ewropew ġdid għaż-Żgħażagħ bl-għan li joħloq 10 000 sħubija edukattiva għan-negozju u tal-anqas 100 000 apprendistat, taħriġ prattiku u impjieg f’livell inizjali ġdid sa tmiem l-2017.

-Tnieda bidu ġdid għad-djalogu soċjali ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab soċjali bl-għan li jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qegħdin jiġu affaċċjati fl-Ewropa.

-Il-Kummissjoni pproponiet l-Att Ewropew għall-Aċċessibilità sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli mfassla għal persuni b’diżabilità, billi jitneħħew u jiġu evitati l-ostakli għall-moviment liberu tagħhom.

-Is-sostenn tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu fost l-azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb is-suq tax-xogħol Ewropew. EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol jippermetti lill-ħaddiema jkollhom aċċess faċli għal bażi ta’ dejta ta’ postijiet battala fis-servizzi pubbliċi tal-impjieg tal-Istati Membri kollha u jqabbluhom mal-applikazzjonijiet online għal impieg tagħhom. Fl-2015, in-netwerk EURES ġie msaħħaħ u mmodernizzat u sar għodda aġġornata ta’ mobilità li tuża l-aktar teknoloġiji tal-IT riċenti, aċċessibbli għal kulħadd.

-Sar progress fl-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri. Dalwaqt għandha titlesta evalwazzjoni komprensiva tal-acquis li tikkonsisti minn 24 direttiva fil-qasam tas-saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol. L-evalwazzjoni hija parti mill-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) 45 bl-għan li jkun hemm qafas regolatorju ssimplifikat, aktar ċar u aktar sod li jservi ta’ forċina għat-tkabbir u għall-impjiegi.

1.4.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

Aspetti tal-implimentazzjoni

B’kollox 440 programm operazzjonali (322 għall-FEŻR-FK u 118 għall-FSE) jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għal allokazzjoni baġitarja totali ta’ EUR 346,5 biljun.

L-implimentazzjoni laħqet livelli sodisfaċenti f’ħafna mill-Istati Membri sa tmiem l-2015 għal tliet fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (80,2 % filwaqt li huma esklużi t-talbiet pendenti li għadhom ma tħallsux), u huma biss ir-Rumanija, l-Italja u l-Kroazja li għadhom xi ftit lura. Ir-rata kumplessiva tal-implimentazzjoni tal-FSE għall-Istati Membri kollha laħqet it-80,5 % lejn tmiem l-2015. Ir-rata ta’ assorbiment għall-FSE fil-pajjiżi bl-aktar prestazzjoni baxxa qabżet il-65 %, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja (52,3 %) u r-Rumanija (51,1 %). Għall-FEŻR u l-FK, il-pass tat-twettiq tħaffef aktar lejn tmiem is-sena 2015, b’rata kumplessiva ta’ implimentazzjoni bl-esklużjoni tat-talbiet pendenti għall-Istati Membri kollha ta’ 80 %, u kien hemm dewmien biss għar-Rumanija, l-Italja u l-Kroazja. L-impatt ta’ dan id-dewmien jista’ xorta waħda jitrażżan, billi n-nefqa marbuta mal-istrumenti finanzjarji għadha xorta tista’ tiġi ppreżentata u l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-Kroazja jintemm fi tmiem l-2016.

L-analiżi tal-informazzjoni disponibbli rigward il-monitoraġġ f’rabta mal-għażla tal-proġetti, kif ukoll l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni sottomessi mill-awtoritajiet tal-programmi f’Ġunju 2015, tindika li ħafna mill-programmi operazzjonali tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 jinsabu fit-triq it-tajba. Sal-ħarifa tal-2015, aktar minn 760 000 proġett ġew sostnuti mill-FEŻR-FK madwar l-Istati Membri kollha.

Attenzjoni aktar qawwija fuq il-prestazzjoni

F’konformità mal-attenzjoni aktar qawwija tal-Kummissjoni fuq il-prestazzjoni, u bħala parti minn eżerċizzju pilota mniedi fl-2014 mill-Kummissjoni, fl-2015 twettaq rieżami tal-prestazzjoni tat-322 programm kollha tal-FEŻR-FK. Il-prestazzjoni tqieset bħala tajba jew aċċettabbli għal 91 % tal-programmi u batuta jew kritika għal 9 % minnhom. Dan jirrappreżenta evoluzzjoni pożittiva meta mqabbel mal-istampa li rriżultat mill-valutazzjonijiet irreġistrati għall-eżerċizzju preċedenti tal-2014 (li skontu, 12 % tal-programmi kienu meqjusa f’riskju).

B’mod partikolari, il-prestazzjoni tal-programmi tjiebet fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ ġestjoni u kontroll, l-għażla ta’ proġetti u l-istrumenti finanzjarji u dan wassal għal implimentazzjoni mħaffa bir-rata ta’ implimentazzjoni kumplessiva tal-FEŻR-FK għall-Istati Membri kollha li żdiedet għal 87 % fi tmiem l-2015.

Madankollu, l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja għadha aktar bil-mod minn kif ippjanata inizjalment, b’EUR 1,04 biljun minn total ta’ EUR 17,06 biljun li kienu għadhom ma tħallsux fl-istrumenti finanzjarji sa tmiem l-2014.

Il-kontribuzzjoni għall-kisbiet tal-politika

Filwaqt li t-tkabbir tal-PDG huwa biss wieħed fost il-bosta objettivi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, it-taqsima tal-makro-mudelli tal-evalwazzjoni ex post stmat li EUR 1 ta’ investiment tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2007-13 se jiġġenera madwar EUR 2,7 f’PDG addizzjonali sal-2023 46 . Fi kliem ieħor, il-politika ta’ koeżjoni se tkun responsabbli għal madwar EUR 1 triljun f’PDG addizzjonali. Barra minn hekk, it-taqsimiet tematiċi tal-evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR-FK u tal-FSE qegħdin jiġu ffinalizzati u se jingħataw konklużjonijiet aktar estensivi dwar il-prestazzjoni fir-rapport tas-sena d-dieħla. Il-kisbiet tal-politika ta’ koeżjoni sal-2014 deskritti aktar ’l isfel huma bbażati primarjament fuq l-aktar informazzjoni riċenti disponibbli dwar il-monitoraġġ mir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni sottomessi mill-Istati Membri fl-2015 u fuq l-evidenza b’riżultat tal-evalwazzjonijiet ex post li diġà tlestew (jiġifieri is-sostenn għall-impriżi, l-ambjent u t-trasport).

Tkabbir Intelliġenti (il-FEŻR u l-FSE)

Ir-riżultati fil-qasam tat-tkabbir intelliġenti jinkisbu kemm bil-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll bil-kontribuzzjoni għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-investiment. Il-programmi jagħtu spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment madwar l-Ewropa, filwaqt li jiffukaw fuq l-oqsma u s-setturi l-anqas żviluppati b’potenzjal għat-tkabbir.

Aktar minn 36 000 proġett ġew ikkofinanzjati madwar l-UE sabiex isostnu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u ċ-ċentri ta’ riċerka sal-2014. Xi Stati Membri kellhom prestazzjoni tajba u fl-istess ħin qabżu sew il-miri inizjali tagħhom (ir-Renju Unit); fi Stati Membri oħra (bħall-Polonja, il-Belġju jew l-Awstrija), il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat għadha ma laħqitx il-miri iżda qegħdin isiru sforzi bla waqfien sabiex din il-kooperazzjoni importanti titħeġġeġ.

Eżempju ta’ valur miżjud tal-UE

Il-valur miżjud tal-appoġġ tal-FEŻR jinsab fil-forniment tal-Istati Membri b’appoġġ finanzjarju addizzjonali għal investimenti li joħolqu t-tkabbir fil-kuntest ta’ restrizzjonijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali sodi. L-attività ekonomika indotta minn dawn l-investimenti tipproduċi impatt fuq terminu qasir fuq il-PDG (fil-pajjiżi UE-12 47 , il-PDG mistenni li jiżdied b’2,7 % fis-sena bejn l-2007 u l-2016 48 ), kif ukoll impatt fuq terminu twil (li jimmaterjalizza biss fit-tul) bis-saħħa tat-titjib strutturali fl-ekonomiji tal-UE.

Eżempju ta’ investiment tal-FEŻR li rnexxa huwa t-twaqqif fl-2013 ta’ fond ta’ parteċipazzjoni ta’ kważi EUR 16-il miljun fir-reġjun Spanjol ta’ Extremadura, li ġie assorbit f’anqas minn xahrejn u, minħabba f’hekk, ġie kważi rduppjat għal EUR 30 miljun. Billi pprovda self lill-SMEs għat-tkabbir u għall-innovazzjoni, ikkontribwixxa għat-tkabbir tas-suq tal-investiment privat fl-uniku reġjun Spanjol li jikkwalifika bħala anqas żviluppat (“reġjun ta’ konverġenza”). Sa issa aktar minn 600 SME bbenefikaw mis-sostenn tiegħu. Fatturi kritiċi ta’ suċċess huma s-sħubija bejn l-Fond Ewropew tal-Investiment u l-gvern reġjonali u valutazzjoni ex ante bir-reqqa tas-suq reġjonali li wasslet għal strument finanzjarju mfassal apposta. Abbażi ta’ din l-esperjenza, l-Extremadura kkontribwixxa EUR 75 miljun mill-allokazzjoni reġjonali tiegħu tal-FEŻR għall-Inizjattiva Spanjola rigward l-SMEs għall-2014-2020.

Bl-għajnuna tal-finanzjament tal-FEŻR, twettqu qrib il-95 000 proġett ta’ riċerka u żvilupp. Dan wassal għall-ħolqien ta’ aktar minn 40 000 impjieg fir-riċerka full-time sal-2014, aktar mill-mira kumplessiva ta’ ħolqien ta’ 33 500 impjieg. Huwa rrapportat progress kostanti b’mod partikolari fil-Polonja, fejn inħolqu qrib il-5 000 impjieg fir-riċerka sal-2014.

Bis-saħħa tal-investiment tal-FEŻR, b’mod partikolari f’reġjuni anqas żviluppati, il-firxa tal-kopertura tal-broadband żdiedet b’mod sinifikanti fl-UE fl-aħħar snin. Aktar minn 8 miljun unità domestika addizzjonali kisbu aċċess għall-broadband permezz tas-sostenn tal-FEŻR sal-2014. B’mod partikolari huma rrapportati kisbiet importanti fil-Greċja — b’kopertura estiża tal-internet broadband għal 800 000 ċittadin addizzjonali li tlestiet sal-2014 — u fis-Slovenja, b’aktar minn 70 000 ċittadin addizzjonali koperti mill-aċċess għall-broadband bis-saħħa ta’ investimenti li saru sal-2014. Madankollu, xi Stati Membri għadhom qegħdin jaffaċċjaw sfidi partikolari sabiex inaqqsu d-distakk bejn reġjuni li għandhom aċċess għal teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni moderna, u dawk li ma għandhomx jew li għandhom biss aċċess ristrett. Din l-isfida se tiġi indirizzata permezz ta’ investimenti addizzjonali fil-perjodu 2014-2020.

Sal-2014 kienu nħolqu aktar minn 825 000 impjieg bis-saħħa tas-sostenn tal-FEŻR għall-investmenti għall-SMEs. Dawn l-interventi kienu fundamentali għat-trażżin tal-effett tal-kriżi f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ aktar minn 120 000 ditta ġdida madwar l-UE ngħata sostenn mill-FEŻR.

Riżultati preliminari tal-pakketti ta’ ħidma tas-sostenn għall-impriżi (SMEs, impriżi kbar, strumenti finanzjarji) tal-evalwazzjoni ex post li tinsab għaddejja tal-FEŻR-FK għall-2007-2013 juru li l-FEŻR ta sostenn lil tal-anqas 246 000 SME (mingħajr ma jingħadd is-sostenn indirett) bl-għotjiet riċevuti speċjalment minn mikroimpriżi. Is-sostenn jirrappreżenta madwar EUR 47,5 biljun jew 16 % tal-allokazzjonijiet totali tal-FEŻR. Ġew identifikati tliet benefiċċji ewlenin: titjib fil-prestazzjoni ekonomika tal-entitajiet li ngħataw sostenn (minkejja t-tnaqqis ġenerali fir-ritmu ekonomiku); tisħiħ fl-innovazzjoni bis-saħħa tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, u bidliet fil-komportament.

Parti sostanzjalment iżgħar mis-sostenn (madwar EUR 6 biljun) marret għal madwar 3 700 impriża akbar, ħafna minnhom ftit akbar mil-limitu li jiddefinixxi SME. Ħafna mill-proġetti li ngħataw sostenn laħqu l-għanijiet tagħhom bħal investiment privat ikbar, produttività msaħħa tal-kumpaniji jew aktar impjiegi. Madankollu, l-evalwazzjonijiet jargumentaw li r-reġjuni u l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw is-sostenn tagħhom fuq il-kisba tal-benefiċċji indiretti bħall-konnessjoni tal-impriżi l-kbar ma’ katina tal-provvista lokali. Dan is-sostenn huwa promettenti peress li jista’ jiffaċilita s-sostenibbiltà tal-investimenti u l-impjiegi f’reġjun.

Għall-FSE, ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ex post tiegħu wrew li fil-qasam tal-kapital uman, il-FSE kkontribwixxa għall-iżvilupp u għall-konsolidazzjoni tas-sistema tax-xjenza u tat-teknoloġija (permezz tal-appoġġ finanzjarju u tal-gwida fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni). Il-FSE għen ukoll fiż-żieda tal-bini ta’ kapaċità fir-riċerka, kif ukoll fl-attirar ta’ riżorsi umani addizzjonali biex jirriċerkaw u jħeġġu l-impjegabbiltà. Fir-rigward tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja, il-FSE kkontribwixxa għall-bidliet fil-livelli tas-sistemi, bħat-titjib tal-programmi ta’ studju, it-taħriġ tal-persunal u l-użu tat-tagħlim elettroniku.

It-Tkabbir Sostenibbli (il-FEŻR u l-FK)

Il-kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli li rriżultat direttament mill-interventi sostnuti mill-FEŻR-FK irrapportata mill-Istati Membri fi tmiem l-2014 hija qrib l-4 000 MW, żieda ta’ aktar minn 1 200 MW meta mqabbla mal-2013.

Barra minn hekk, numru sinifikanti ta’ proġetti baqa’ jiġi implimentat sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-blokok tal-appartamenti u tal-binjiet pubbliċi, speċjalment fil-pajjiżi tal-UE-12, li fihom dawn iż-żewġ tipi ta’ bini jikkonsmaw ħafna enerġija. It-tnaqqis irrapportat ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li rriżulta minn dawn l-interventi kien ta’ 475 592 kt ta’ CO2 u ta’ ekwivalenti fi tmiem l-2014.

Il-pakkett ta’ ħidma li tlesta dwar l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet pubbliċi u residenzjali tal-evalwazzjoni ex post li tinsab għaddejja tal-FEŻR-FK indika l-fatt li, filwaqt li kien hemm kisbiet matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, dawn jidhru biss parzjalment fis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-programmi. Nuqqas ta’ tfassil standardizzat wassal biex l-evidenza tidher b’mod inkonsistenti u li jvarja. Madankollu, il-paragun tal-kisbiet bejn il-programmi jista’ jsir għall-aktar żewġ indikaturi tar-riżultati li jintużaw ta’ spiss, jiġifieri “tnaqqis tal-konsum tal-enerġija” u “tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra”: sal-2013 (jiġifieri sentejn wara t-tlestija tal-programmi fi tmiem l-2015), il-programmi taħt rieżami kisbu tnaqqis fl-enerġija ta’ 2 904 GWh fis-sena u tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ 1 454 kilotunnellati f’ekwivalenti ta’ CO2 fis-sena minħabba, fost l-oħrajn, interventi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika.

Fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji, bl-għajnuna tas-sostenn tal-FEŻR-FK, kien hemm protezzjoni aħjar kontra riskji naturali sa tmiem l-2014 għal madwar 20 miljun u 30 miljun ruħ f’riskju ta’ għargħar u nirien tal-foresti rispettivament.

Filwaqt li l-livell kumplessiv ta’ lħuq tal-miri fil-qasam tal-progress ta’ ilma tajjeb għax-xorb u ta’ trattament tal-ilma mormi għadu f’livell ta’ 38 % tal-miri, ġie rrapportat titjib sostanzjali mill-Istati Membri: espress f’numri assoluti fi tmiem l-2014, kien hemm żieda sinifikanti fil-popolazzjoni addizzjonali moqdija minn proġetti tal-ilma (aktar minn 1,7 miljun) u tal-ilma mormi (aktar minn 1,2 miljun) meta mqabblin mal-2013.

Ir-riżultati preliminari tal-pakkett ta’ ħidma dwar l-ambjent tal-evalwazzjoni ex post tal-FEŻR-FK li tinsab għaddejja juru li f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE-13 u l-UE-15 tan-Nofsinhar 49 , il-Politika ta’ Koeżjoni hija wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ finanzjament pubbliku u għalhekk din tat kontribut qawwi sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE marbuta mal-ilma u mal-iskart. Ħafna minn dawn il-pajjiżi għamlu progress mifrux: fil-qasam tal-iskart, ir-rata ta’ riċiklaġġ żdiedet fi kważi kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE-13; fil-qasam tal-ilma, il-proġetti ffinanzjati mill-FEŻR u mill-Fond ta’ Koeżjoni tejbu l-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb għal minn tal-anqas 4 miljun ċittadin tal-UE u kkontribwew għal trattament aħjar tal-ilma mormi għal aktar minn 7 miljun ċittadin tal-UE. Barra minn hekk, mill-evalwazzjoni rriżulta li l-analiżi finanzjarja mwettqa bħala parti mill-preparazzjoni tal-proġetti l-kbar eżaminati (jiġifieri l-investimenti ta’ aktar minn EUR 50 miljun) fuq l-ilma u l-immaniġġjar tal-iskart ipprovdiet bażi soda għas-sostenibbiltà finanzjarja ta’ dawk il-proġetti ambjentali.

Sa tmiem l-2014, meta mqabbla mal-2013, l-Istati Membri rrapportaw ukoll progress fil-qasam tat-trasport li fih saru sforzi speċjali fir-rigward ta’ interventi li esperjenzaw aktar diffikultajiet matul is-snin ta’ qabel, bħall-bini ta’ toroq ġodda (inkluż TEN) u l-bini mill-ġdid ta’ binarji tal-ferroviji. L-aktar progress sinifikanti ġie rreġistrat fir-rigward tat-toroq mibnija mill-ġdid (aktar minn 30 000 km ġew irrapportati fi tmiem l-2014 meta mqabbla ma’ madwar 20 000 km fi tmiem l-2013). Sar ukoll progress fil-kamp tal-binarji tal-ferroviji mibnijin mill-ġdid li tradizzjonalment jimxi b’ritmu aktar kajman, b’kisbiet ta’ kważi 4 000 km sa tmiem l-2014 meta mqabbla ma’ ftit aktar minn 3 000 km fi tmiem l-2013.

Ir-riżultati preliminari tal-pakkett ta’ ħidma dwar it-trasport tal-evalwazzjoni tal-FEŻR-FK ex post li tinsab għaddejja juru li billi indirizza l-ħtiġijiet tar-reġjuni li fihom l-infrastruttura tat-trasport ma kinitx żviluppata sew, is-sostenn mogħti mill-Politika ta’ Koeżjoni rawwem konnettività aħjar kemm fl-Istati Membri kif ukoll minn Stat Membru għall-ieħor. Stimola wkoll titjib fil-mod li bih huma ppjanati interventi fit-trasport (pereż. bl-iżvilupp ta’ strateġiji tat-trasport) u ħejja (pereż. permezz ta’ titjib fil-kwalità tal-applikazzjonijiet għal sostenn mill-UE għal investimenti kbar fit-trasport ta’ aktar minn EUR 50 miljun), filwaqt li ħeġġa lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar attenzjoni għat-trasport sostenibbli f’konformità mad-dokumenti strateġiċi tal-UE.

It-Tkabbir Inklużiv (il-FEŻR u l-FSE)

F’dan il-qasam, il-FEŻR u l-FSE jaħdmu flimkien permezz tal-investiment kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-kapital uman fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, politiki attivi fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni tal-FSE ex post urew li l-appoġġ tal-FSE fl-Aċċess għall-Impjiegi kkontribwixxa bi 12 % tal-finanzjament nazzjonali tal-Politiki attivi tas-Suq tax-Xogħol (ALMP, Active Labour Market Policies) madwar l-UE. F’ċerti reġjuni ta’ Konverġenza (UE-12 u l-Istati Membri tan-Nofsinhar bħall-Greċja), sehem sinifikanti mill-parteċipanti tal-ALMP ġie ffinanzjat permezz tal-FSE. Mill-evalwazzjoni rriżultat ukoll kompatibilità tajba bejn l-interventi tal-FSE, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) li saru skont is-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020. Pereżempju, il-FSE kkontribwixxa għar-riforma tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi f’għadd ta’ Stati Membri billi saħħaħ il-kapaċità tagħhom li jfasslu u jwettqu programmi u/jew billi jżidu l-abbiltajiet tagħhom.

L-investiment tal-ESF fil-kapital uman kopra interventi maħsuba biex jiżviluppaw l-abbiltajiet ta’ bosta gruppi fil-mira, itejbu l-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-adattabilità tal-impriżi. Ir-reġjuni l-anqas żviluppati (“ir-reġjuni ta’ konverġenza”) jistgħu jimplimentaw sett aktar wiesa’ ta’ attivitajiet (meta mqabbla mar-reġjuni aktar żviluppati ta’ kompetittività reġjonali) fl-oqsma ta’ tagħlim tul il-ħajja, riformi tal-edukazzjoni u sistemi ta’ taħriġ u l-iżvilupp tar-riżorsi umani fir-riċerka u l-innovazzjoni. Sa tmiem l-2013, l-investiment tal-FSE pprovda riżorsa addizzjonali sostanzjali (EUR 51 biljun inkluż il-kofinanzjament nazzjonali), ikkontribwixxa għall-istrateġiji tal-Ewropa 2020 u tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u s-CSRs relatati, u ġġenera minn tal-anqas 21 miljun riżultat (46 % tal-parteċipazzjonijiet kollha) f’termini ta’ kisbiet ta’ kwalifiki (13 %), impjieg (8 %), u abbiltajiet jew kompetenzi msaħħa, jew “riżultati pożittivi oħra” (25 %).

Fil-qasam tal-Inklużjoni Soċjali, l-interventi tal-FSE ppermettew lill-Istati Membri jżidu mal-azzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali eżistenti u jkunu ta’ sostenn għal numru akbar ta’ parteċipanti milli kien ikun kieku possibbli, speċjalment fil-kuntest tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Ġew allokati EUR 11,5 biljun (inkluż il-kofinanzjament nazzjonali) għall-inklużjoni soċjali. Sa tmiem l-2013, minn tal-anqas 1,3 miljun parteċipant f’linji ta’ prijorità tal-inklużjoni soċjali kienu sabu xogħol, ġabu kwalifika jew kisbu xi riżultat pożittiv ieħor. Dan jeskludi riżultati li mhumiex daqshekk tanġibbli (pereż. żidiet fil-kunfidenza fihom infushom, titjib fil-kundizzjonijiet tas-saħħa, involviment aktar attiv fis-soċjetà ċivili, u komportament aktar attiv meta jfittxu xogħol), li rari kienu rreġistrati mill-Istati Membri. L-appoġġ mill-FSE ppermetta wkoll lill-Istati Membri joffru servizzi aktar personalizzati lil gruppi speċifiċi fil-mira li kieku kien ikollhom biss aċċess għal servizzi aktar ġeneriċi mhux imfasslin għall-ħtiġijiet speċifiċi — u spiss aktar intensivi — tagħhom.

Kumplessivament, sa tmiem l-2014, ġew irreġistrati 98,2 miljun parteċipazzjoni fl-interventi tal-FSE għat-temi kollha tal-politika tal-FSE 50 . F’termini ta’ outputs, il-programm laħaq l-objettiv tiegħu li jilħaq minn tal-anqas l-istess ammont ta’ parteċipanti bħal fil-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ qabel. F’termini ta’ riżultati, minħabba l-limitazzjoni fis-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar fil-perjodu 2007-2013, l-indikaturi tar-riżultati aggregati jipprovdu biss stampa parzjali 51 . Huwa rrapportat li hemm minn tal-anqas 8,9 miljun parteċipant li sabu xogħol direttament jew ftit taż-żmien wara l-intervent, filwaqt li minn tal-anqas 8,5 miljun parteċipant ġabu kwalifika/ ċertifikat jew temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ. Daqs 12,8 miljun parteċipant addizzjonali rrapportaw riżultati pożittivi oħrajn bħal żidiet fl-abbiltajiet u l-kompetenzi. Il-valutazzjoni kumplessiva mfassla mill-evalwazzjoni ex post u dawk imwettqa mill-Istati Membri tista’ titqies bħala pożittiva, għad li fil-parti l-kbira bbażata fuq evidenza kwalitattiva, minħabba nuqqasijiet fis-sistemi ta’ monitoraġġ u n-numru ferm limitat ta’ evalwazzjonijiet tal-impatt kontrofattwali.

Fir-rigward tal-FEŻR, l-investimenti fl-infrastruttura edukattiva u tal-indukrar tat-tfal għadhom qegħdin juru progress sinifikanti b’aktar minn 30 000 proġett lest li involva investiment f’faċilitajiet edukattivi sabiex jinbnew skejjel jew kulleġġi ġodda jew sabiex jiġu mmodernizzati u jinxtara tagħmir ġdid għal dawk eżistenti. Dawn kienu jinsabu kważi kollha f’reġjuni anqas żviluppati (“Konverġenza”) u kienu rrapportati prinċipalment minn Stat Membru wieħed (l-Italja). Anki Stati Membri oħrajn wettqu azzjonijiet bħal dawn iżda ma użawx l-indikatur li jkejjel il-kapaċità tal-infrastruttura li rċeviet sostenn, xi ħaġa li pprekludiet ir-rapportar aggregat affidabbli fuq in-numru ta’ persuni li bbenefikaw minn din l-infrastruttura fil-livell tal-UE.



1.5 Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali (Intestatura Baġitarja 2)

Ġiet allokata s-somma ta’ EUR 63,9 biljun għall-Intestatura 2 għall-2015, li tirrappreżenta 39.4 % tal-baġit tal-UE kollu għall-2015. L-Intestatura 2 tkopri ż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK): Il-Pilastru I jikkonsisti mill-miżuri ta’ appoġġ għas-suq u mill-pagamenti diretti ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG); u l-Pilastru II huwa magħmul mis-sostenn għall-iżvilupp rurali ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). L-intestatura tkopri wkoll il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) [jiġifieri l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u l-Ftehimiet dwar Sajd Sostenibbli (SFAs)], kif ukoll l-attivitajiet fl-oqsma tal-klima u l-ambjent permezz tal-Programm għall-Ambjent u għall-Azzjoni Klimatika (LIFE).

Prijoritajiet tal-Kummissjoni:

L-azzjonijiet taħt din l-intestatura jikkontribwixxu għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni “Impjiegi, Tkabbir u Investiment”, “Unjoni tal-Enerġija u Klima” u, sa ċertu punt, għall-prijorità “Suq Uniku Diġitali”. Jikkontribwixxu wkoll għall-objettivi tal-Ewropa 2020 fil-qasam tat-tkabbir sostenibbli b’rabtiet ukoll mat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli fir-rigward tal-investimenti li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-innovazzjoni.

  

Grafika 5: Xellug: Il-programmi prinċipali ffinanzjati taħt l-Intestatura 2 fl-2015 / Lemin: Sehem għall-Intestatura 2 mill-baġit tal-2015 kollu kemm huwa. Iċ-ċifri kollha huma f’miljuni ta’ EUR.



Azzjoni tal-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kriżi agrikola

Il-Kummissjoni aġixxiet b’żewġ modi sabiex tipprovdi l-istabbilizzazzjoni neċessarja tas-suq hekk kif is-setturi tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam tal-majjal intlaqtu mill-projbizzjoni tar-Russja fuq l-importazzjonijiet mill-UE. L-ewwel fetħet l-għajnuna għall-ħażna privata sabiex titnaqqas il-provvista tas-suq. Fit-tieni rawnd ta’ azzjoni, mexxiet ’il quddiem l-iżborż ta’ pagamenti diretti u implimentat “Pakkett ta’ Solidarjetà” ta’ bosta miżuri speċifiċi oħrajn li jtaffu l-pressjoni fuq il-fluss tal-flus tal-bdiewa.

Ġew adottati miżuri temporanji speċifiċi ta’ appoġġ sabiex isostnu lill-bdiewa milquta mill-projbizzjoni Russa fuq il-frott u l-ħxejjex li jammontaw għal EUR 219,3 miljun, filwaqt li għas-settur tal-ħalib, il-miżuri ta’ appoġġ addizzjonali ammontaw għal EUR 54,3 miljun. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ promozzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE ssaħħew bl-ewwel impatt baġitarju ta’ EUR 3 miljun fl-2015 (b’ammonti ulterjuri li ħallew impatt fuq l-2016 u l-2017).

Fl-2015, tnedew inizjattivi li jsostnu s-swieq agrikoli u jtejbu l-katina tal-provvista. Dawn jinkludu:

-it-tixrid ta’ informazzjoni tas-suq permezz ta’ “dashboards tas-swieq.” 52 Dan se jagħmel is-swieq aktar trasparenti u jgħin lill-operaturi tas-swieq jieħdu deċiżjonijiet aktar informati;

-it-tnedija jew it-tnedija mill-ġdid ta’ fora għall-analiżi bħat-Task Force tas-Swieq Agrikoli (li tindirizza suġġetti bħat-trasparenza tas-suq, prattiki kummerċjali inġusti, u aċċess għal strumenti finanzjarji u swieq futuri) u l-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar.

1.5.1 Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)

Għall-FAEG, li jiffinanzja l-pagamenti diretti lill-bdiewa u n-nefqa marbuta mas-suq, l-implimentazzjoni matul is-snin inizjali tal-QFP 2014-2020 qiegħda fit-triq it-tajba. Fi ħdan l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS), il-programmi ta’ sostenn speċifiċi għas-setturi qegħdin joperaw f’diversi punti fiċ-ċikli tal-ħajja rispettivi tagħhom. Miżuri addizzjonali ta’ sostenn għas-swieq, bħall-għajnuna għall-ħażna privata għal ċerti prodotti tal-ħalib u skemi ta’ rtirar għal frott u ħxejjex, ittieħdu bħala rispons għall-embargo tar-Russja fuq l-importazzjonijiet fuq ċerti prodotti agrikoli tal-UE u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam. Dawn il-miżuri taw appoġġ ferm meħtieġ lill-produtturi milquta fl-Istati Membri u għenu sabiex jerġgħu jiġu bbilanċjati s-setturi kkonċernati. L-agrikoltura Ewropea rnexxielha ssib swieq alternattivi lokalment u barra l-Ewropa (b’mod partikolari fl-Asja), kif intwera mill-istatistika tal-kummerċ: minkejja t-telf tas-suq Russu, il-valur kumplessiv tal-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE żdied b’6 % matul it-12-il xahar ta’ wara l-projbizzjoni imposta f’Awwissu 2014. L-esportaturi tal-UE għamlu gwadanji kbar fl-Istati Uniti (+ 19 %) u ċ-Ċina (+ 39 %), fost swieq oħrajn. L-esportazzjonijiet tal-inbid mill-UE żdiedu b’EUR 660 miljun (10,3 %) meta mqabbla mas-sena ta’ qabel fl-ewwel disa’ xhur tal-2015. Dan is-suċċess kien imsejjes fuq is-sostenn tal-programm speċifiku għas-settur għall-promozzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll għal investimenti fi dwieli u fil-faċilitajiet ta’ pproċessar u kummerċjalizzazzjoni.

Għall-pagamenti diretti, matul is-sena finanzjarja 2015, il-FAEG kompla jiffinanzja skemi ta’ qabel ir-riformi iżda ġew introdotti wkoll elementi partikolari tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-2013 inkluża l-konverġenza ta’ livelli ta’ għajnuna bejn l-Istati Membri. Fuq il-livell amministrattiv, mill-2014 il-Kummissjoni assistiet lill-Istati Membri fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pagamenti diretti permezz ta’, pereż. dokumenti ta’ gwida jew diskussjonijiet f’laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

Għall-FAEŻR, ġew adottati l-118-il Programm ta’ Żvilupp Rurali kollha. Il-Kummissjoni mhijiex qiegħda tistenna li d-dewmien fl-approvazzjoni tal-programm (l-aħħar programmi approvati f’Diċembru 2015) se jkollu impatt fuq il-kapaċità li jintlaħqu l-objettivi tal-programmi u l-miri assoċjati magħhom. Sal-31 ta’ Diċembru 2015, ġew impenjati madwar EUR 23,5 biljun. Dan jirrappreżenta 24 % tal-pakkett globali tal-FAEŻR għall-2014-2020. Rigward il-pagamenti, it-talbiet tal-Istati Membri li ġew riċevuti sa tmiem l-2015 ammontaw b’kollox għal EUR 3,77 biljun, li xorta huwa 4 % tal-impenji totali, xi ħaġa li tirrifletti l-bżonn li fis-snin li ġejjin titħaffef l-implimentazzjoni.

Attenzjoni qawwija fuq is-simplifikazzjoni

Kmieni fl-2015, il-Kummissjoni nediet eżerċizzju fuq skala kbira ta’ simplifikazzjoni li jkopri l-acquis agrikolu kollu kemm huwa. Sa tmiem l-2015, saru numru ta’ emendi leġiżlattivi, bħal:

-estensjoni tal-iskadenza għall-applikazzjonijiet għal sostenn;

-aktar flessibbiltà b’rabta mas-sostenn akkoppjat volontarju;

-il-pagamenti għal-bdiewa żgħażagħ; u

-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi għall-benefiċjarji u għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri billi tkun issimplifikata s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) bħall-introduzzjoni tal-kontroverifiki preliminari preventivi u bosta titjib fid-dokumenti ta’ gwida, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagamenti diretti b’rabta mal-implimentazzjoni tal-erjas b’fokus ekoloġiku. Anki r-regoli għall-penali amministrattivi skont is-SIAK qegħdin jiġu ssimplifikati.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)

Għall-FEMS, l-adozzjoni tardiva tar-Regolament tal-FEMS (Mejju 2014) estendiet il-proċess ta’ negozjar mal-Istati Membri, li tlesta f’Diċembru 2015. Issa kull wieħed mis-27 programm operazzjonali tal-FEMS 53 ġie adottat mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tibda bla ebda intopp, il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati. Ipprovdiet ukoll gwida lill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat tal-FEMS u l-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-FEMS, b’enfasi partikolari fuq il-karatteristiċi l-ġodda fil-FEMS.

Sa tmiem l-2015, b’kollox kien hemm fis-seħħ 14-il protokoll għall-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs) ma’ pajjiżi mhux tal-UE, meta mqabblin ma’ 10 fl-2013 u 13 fl-2014. Fl-2015 tlestew b’suċċess in-negozjati għat-tiġdid tal-protokolli ma’ Greenland u mal-Mauritania, kif ukoll għal SFPAs ġodda mal-Liberja u mal-Gżejjer Cook. Fl-istess ħin, l-SFPAs mal-Mozambique u ma’ Kiribati twaqqfu malli skadew l-aħħar protokolli tagħhom.



Il-programm Life għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)

L-implimentazzjoni tal-programm LIFE qiegħda fit-triq it-tajba. It-tipi l-ġodda ta’ għotjiet (integrati, assistenza teknika, bini ta’ kapaċità u proġetti preparatorji) introdotti mir-Regolament LIFE ġew implimentati b’suċċess u tnedew is-sejħiet relatati għal proposti. Il-livell għoli ta’ domanda għal proġetti ffukati fuq l-azzjoni klimatika u għal proġetti integrati 54 kkonferma li l-karatteristiċi l-ġodda introdotti mill-Programm LIFE ntlaqgħu tajjeb ħafna. Wara l-ewwel żewġ sejħiet għal proposti fl-2014 u l-2015 daħlu aktar minn 300 applikazzjoni għal proġett iffukati fuq l-objettivi marbutin mal-azzjoni klimatika. Rigward il-proġetti integrati, fl-2015 LIFE pprovdiet EUR 63,8 miljun f’sostenn għal sitt Proġetti Integrati ffinanzjati mill-programm LIFE għall-Ambjent: se jiffaċilitaw l-użu kkoordinat ta’ aktar minn EUR 1,4 biljun f’finanzjament komplimentari mill-FAEŻR, mill-FEŻR, mill-fondi nazzjonali u privati.

Bosta kisbiet ta’ politiki taħt is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (Is-Seba’ EAP) kienu sostnuti wkoll minn appoġġ xjentifiku, tekniku u loġistiku ffinanzjat mil-LIFE, bħal attivitajiet marbutin mal-iżvilupp u mal-adozzjoni tal-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkulari, kif ukoll ħidma preparatorja u appoġġ loġistiku għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (COP21) li wasslet għall-ewwel patt klimatiku globali universali fl-istorja li huwa legalment vinkolanti.

1.5.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

Aspetti tal-implimentazzjoni

Il-pagamenti diretti tal-FAEG skont l-iskema preċedenti ta’ qabel ir-riforma tal-PAK tal-2013 ġew implimentati mingħajr intoppi bil-kalkolu u l-allokazzjonijiet ta’ sostenn imwettqin mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fil-ħin.

Għall-iżvilupp rurali (FAEŻR), saru għadd ta’ modifiki korrettivi fuq il-programmi tal-Istati Membri individwali matul il-perjodu 2007-2013. Il-bidliet kienu jikkonċernaw kwistjonijiet bħal bidliet fl-allokazzjonijiet finanzjarji bejn il-miżuri, adattament tal-benefiċjarji fil-mira u l-kriterji ta’ eliġibbiltà. Dan għen sabiex tiġi indirizzata r-rata baxxa ta’ assorbiment finanzjarju fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni, kif ukoll ċerti problemi imprevisti li jirriżultaw minħabba l-kuntest tal-politika ekonomika jew dak usa’ li inbidel. Bħalissa, ir-rata ta’ assorbiment finali għall-perjodu 2007-2013 hija stmata fil-livell ta’ 98 %.

Il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES, predeċessur tal-FEMS) ipprovda finanzjament lill-industrija tas-sajd u lill-komunitajiet kostali sabiex jgħinhom isiru ekonomikament reżiljenti u ekoloġikament sostenibbli. Sal-31 ta’ Mejju 2015, 90,8 % tal-FES kien impenjat. L-impenji li ħadu l-Istati Membri mill-2007 sal-31 ta’ Mejju 2015 ammontaw għal EUR 3,91 biljun għal 134 689 operazzjoni. Għall-istess perjodu, l-investimenti fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura ammontaw għal EUR 9,27 biljun: 42 % mill-FES, 26 % mill-kontribuzzjonijiet pubbliċi nazzjonali u 32 % mill-finanzjament privat. Il-miżuri għall-iżvilupp sostenibbli tal-erjas tas-sajd avvanzaw u laħqu aktar minn 11 % tal-impenji totali tal-FES. F’termini tal-effett ta’ lieva, kull ewro ta’ sostenn impenjat tal-FES jiġġenera EUR 1,37 f’sostenn nazzjonali impenjat, (+ 2.2 % meta mqabbel mal-31 ta’ Mejju 2014), li minnhom EUR 0,75 huma ta’ finanzjament privat u EUR 0,62 huma ta’ kontribuzzjoni pubblika nazzjonali.

Fl-2015, il-prestazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs) ġiet evalwata bħala parti minn evalwazzjoni usa’ li tkopri miżuri finanzjarji differenti taħt il-Politika Komuni tas-Sajd 55 . Mill-evalwazzjoni rriżulta li l-SFPAs ġew ġestiti skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Fid-dawl tal-analiżi tal-kostijiet ta’ aċċess imħallsin minn bastimenti mhux tal-UE oħrajn skont ftehimiet privati u t-tariffi mħallsin mis-sidien tal-bastimenti meta mqabblin mal-valuri mħattin l-art tal-qabda, it-tariffi ta’ aċċess innegozjati mill-UE ġew iġġudikati vantaġġjużi u effiċjenti għas-sidien tal-bastimenti. L-evalwazzjoni indikat valur akbar għall-flus għall-ftehimiet li jirrigwardaw it-tonn milli dawk għal diversi speċijiet.

Għal LIFE+, il-proġetti tal-għotjiet ammontaw għal 81 % tal-baġit multiannwali tal-programm ta’ EUR 2,1 biljun. Dan ammonta għal EUR 1,7 biljun għall-perjodu kumplessiv u mmobilizza riżorsi finanzjarji (EUR 1,8 biljun) għal aktar mid-doppju tal-finanzjament mill-UE.

Il-kontribut għall-kisbiet ta’ politika

Peress li l-evalwazzjonijiet ex post dwar il-prestazzjoni tal-programmi ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013 u l-FES 56 għadhom ma tlestewx, il-kisbiet irrapportati hawn taħt huma bbażati l-aktar fl-aktar informazzjoni riċenti ta’ monitoraġġ disponibbli dwar dawn il-programmi.

Tkabbir Intelliġenti

Fil-perjodu 2007-2013, il-PAK kellha influwenza pożittiva qawwija fuq il-vijabbiltà tas-settur tal-farms billi offriet lis-settur finanzjament immirat sabiex titjieb il-prestazzjoni tiegħu. Is-settur tal-farms tal-UE żied il-produttività totali tal-fatturi tiegħu b’0,7 % fis-sena bejn l-2005 u l-2014 (u b’1,7 % fis-sena fl-UE-13), xi ħaġa li turi evidenza ċara ta’ użu tal-fatturi tal-produzzjoni b’aktar effiċjenza.

Il-finanzjament għall-iżvilupp rurali kien ta’ sostenn għall-bini tal-għarfien, għall-investimenti, għal diversi forom ta’ kooperazzjoni u għall-innovazzjoni. Fil-perjodu 2007-2013, il-FAEŻR kien ta’ sostenn għal: 430 000 proġett ta’ modernizzazzjoni ta’ farms; sostenn fil-bidu ta’ negozju tagħhom għal 165 000 bidwi żagħżugħ; l-involviment ta’ 385 000 bidwi fi skemi tal-kwalità; aktar minn ħames (5) miljun jum ta’ taħriġ għall-bdiewa. Il-miżuri ta’ żvilupp rurali għenu wkoll sabiex jinħolqu u jiġu żviluppati 70 000 mikroimpriża (mhux agrikola).

Il-finanzjament mill-FAEŻR kien ta’ sostenn ukoll għall-kisba ta’ aċċess aħjar għall-broadband u/jew l-ICTs għal tmien (8) miljun abitant rurali. L-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss f’żoni rurali laħaq il-25 % sa tmiem l-2014 — żieda minn anqas minn 20 % fl-2013.

Għad li l-użu ta’ strumenti finanzjarji fil-programmi ta’ żvilupp rurali 2007-2013 kien għadu modest (EUR 364 miljun ta’ finanzjament minn 16-il Programm tal-Iżvilupp Rurali f’seba’ (7) Stati Membri), uħud mir-riżultati kienu inkoraġġanti. Pereżempju, bejn l-2010 u l-2014, fond ta’ garanzija li kien jopera fir-Rumanija u ffinanzjat permezz tal-politika ta’ żvilupp rurali għen sabiex iqiegħed EUR 265 miljun f’self għad-dispożizzjoni b’EUR 116-il miljun biss bħala garanzija fil-forma ta’ 1 040 garanzija.

Tkabbir sostenibbli

Fil-perjodu 2007-2013, aktar minn 80 % mill-pagamenti totali tal-PAK kienu marbutin mal-konformità min-naħa tal-bdiewa ma’ standards bażiċi li jikkonċernaw l-ambjent (kif ukoll is-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u l-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali) 57 . Barra minn hekk, billi kien ta’ sostenn għall-bdiewa, il-FAEG ippermetta l-irtirar minn prattiki intensivi dannużi. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura (eskluża l-ħamrija) baqgħu jonqsu b’mod konsistenti b’rata annwali medja ta’ tnaqqis ta’ 0,7 % bejn l-2001 u l-2012, u b’hekk ingħata kontribut għax-xejra fil-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2.

Fl-ambitu tal-programmi ta’ żvilupp rurali, saru bosta tipi ta’ pagamenti relatati mal-erjas sabiex jitħeġġu prattiki ta’ ġestjoni li għandhom impatt pożittiv ikkonfermat fuq il-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma u l-arja kemm fis-settur tal-farms kif ukoll dak tal-foresti. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-erja taħt skemi agro-ambjentali espandiet għal 47 miljun ettaru, li tirrappreżenta aktar minn 25 % tal-Erja Agrikola Użata fl-UE-27 fl-2013. B’mod partikolari, is-sostenn li rċevew il-bdiewa sabiex jikkonvertu għall-biedja organika kopra 7,7 miljun ettaru. Dan kollu kellu rwol importanti fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-biedja tal-UE.

Għall-FES, fl-2007-2013, l-Istati Membri użaw b’mod attiv l-istrument ta’ dekommissjonar tal-FES sabiex jaġġustaw il-kapaċitajiet ta’ sajd skont ir-riżorsi disponibbli. Ħafna Stati Membri ddikjaraw fir-rapporti tagħhom dwar il-kapaċità tal-flotta għall-2013, li l-flotot tas-sajd tagħhom kienu bbilanċjati skont l-istokkijiet użati, anki jekk kien għad hemm żoni ta’ kapaċità eċċessiva, speċjalment fil-Mediterran.

Ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-FES 58 jikkonferma t-tnaqqis gradwali tas-sostenn tal-FES għall-miżuri tal-flotot (waqfien permanenti jew temporanju mis-sajd) u s-sostenn kontinwu għal prattiki ta’ sajd li jħarsu aktar l-ambjent li kkontribwew għaż-żieda fin-numru ta’ stokkijiet mistada skont il-livell ta’ Rendiment Massimu Sostenibbli (RMS) minn 27 fl-2014 għal 39 fl-2015.

LIFE+ ikkontribwixxa għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni u s-sehem tal-pubbliku fl-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, kif ukoll għall-governanza tajba f’dan il-qasam. Il-programm serva bħala għodda effettiva għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fis-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (Is-Sitt EAP). 59 L-evalwazzjonijiet reċenti tal-programm ikkonfermaw li LIFE+ kien “strument ta’ suċċess b’valur miżjud sinifikanti tal-UE.” 60 Tul l-għoxrin sena ta’ implimentazzjoni tiegħu u apparti l-“benefiċċji kkwantifikati stmati għal madwar EUR 600 miljun fis-sena,” 61 LIFE kkontribwixxa għal: restawr u konservazzjoni mtejba ta’ madwar 4,7 miljun ettaru ta’ art; kwalità tal-ilma mtejba fuq erja ta’ madwar 3 miljun ettaru; kwalità tal-arja aktar safja għal madwar 12-il miljun ruħ; prevenzjoni ta’ skart ta’ madwar 300 000 tunnellata u riċiklaġġ ta’ miljun (1) tunnellata oħra; 1,13-il miljun tunnellata fi tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fis-sena. 62  

Eżempju ta’ valur miżjud tal-UE

Il-programm LIFE jaġixxi ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattika u qsim tal-għarfien, sabiex l-atturi minn madwar l-UE jkunu jistgħu jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin. Aktar minn 25 % tar-riżultati tal-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ LIFE Nature ġew kondiviżi u replikati madwar l-UE.

Eżempju ta’ kondiviżjoni tal-għarfien ta’ dan it-tip li rnexxa huwa l-proġett Elia maħsub li joħloq kurituri ekoloġiċi għall-bijodiversità taħt linji b’tensjoni għolja fl-ajru f’foresti filwaqt li fl-istess ħin inaqqas l-ispejjeż ta’ manutenzjoni annwali għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett ġew restawrati 155 km (775 ettaru) fil-Belġju u 31 km (155 ettaru) fi Franza. Fiż-żewġ pajjiżi, il-miżuri ta’ konservazzjoni involvew 732 parti kkonċernata minn 28 grupp ta’ partijiet ikkonċernati fil-ġestjoni fuq terminu twil tagħhom. L-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji wriet li l-kostijiet ta’ manutenzjoni annwali tnaqqsu b’fattur ta’ 2,5-5, b’redditu fuq l-investimenti inizjali wara biss 3 sa 9 snin.

L-operatur fil-Belġju huwa mistenni jniedi dan l-approċċ taħt 600 km oħrajn ta’ linji fl-ajru billi joħroġ il-flus minn butu, wara t-terminu ta’ dan il-proġett LIFE, bit-tama li jiffranka xi EUR 1 miljun fi spejjeż.

Il-miżuri implimentati fl-ambitu ta’ dan il-proġett huma applikabbli għal aktar minn 75 000 km madwar l-UE.

Tkabbir Inklużiv

It-taħlita ta’ pagamenti diretti u miżuri tas-suq għenet sabiex jitrażżan it-telf ta’ impjiegi u ta’ output 63 . Fl-2014, ir-rata ta’ impjieg fiż-żoni rurali rkuprat għal 63,3 %. Dan kien importanti għall-11-il miljun farm fl-UE, it-22 miljun ħaddiem regolari tagħhom u għal dawk b’rabta mal-biedja — pereż. 22 miljun fl-ipproċessar tal-ikel, servizzi tal-ikel għall-konsumatur u tal-ikel, flimkien ma’ oħrajn f’setturi aktar ’il fuq jew aktar ’l isfel fil-katina ta’ attivitajiet (li jifformaw settur ta’ kważi 44 miljun impjieg f’daqqa). Il-PAK ippromwova wkoll żvilupp territorjali bbilanċjat fl-UE permezz tal-miżuri tiegħu ta’ żvilupp rurali, li appoġġjaw kważi 53 000 operazzjoni li tejbu s-servizzi bażiċi fiż-żoni rurali (pereż. trasport; elettriku; manutenzjoni tad-djar) fil-perjodu 2007-2013.

Għall-FES, studju riċenti 64 jistma li nħolqu minn tal-anqas 300 impjieg mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs), 65 filwaqt li nżammew 12 500 impjieg ieħor b’kost stmat ta’ EUR 32 000 għall-impjiegi maħluqa jew miżmuma u aktar minn 200 impriża maħluqa bis-sostenn tal-FES.

Skont l-evalwazzjoni li tlestiet fl-2015, 66 il-miżuri tal-SFPAs urew li huma effettivi f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi għall-flotta tal-UE u ta’ pajjiżi mhux tal-UE. L-SPFAs kienu ta’ sostenn għall-impjieg ta’ madwar 2 500 ċittadin tal-UE fuq il-bastimenti tal-UE f’diversi reġjuni kostali tal-UE, bl-ogħla numri fir-reġjuni Spanjoli tal-Andalusija, il-Galicia, il-Pajjiż Bask u l-Gżejjer Kanarji, il-Latvja u l-Litwanja, ir-reġjuni tal-Brittanja u Réunion fi Franza, u r-reġjun Pomorskie fil-Polonja. Madankollu, instab li l-ġenerazzjoni ta’ impjiegi marbutin mal-FPA f’reġjuni bħall-Andalusija u l-Gżejjer Kanarji kienet milquta ħażin mit-tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd taħt ftehimiet fuq diversi speċijiet fl-Afrika tal-Punent tul il-perjodu ta’ evalwazzjoni (2007-2013).

1.6 Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza (Intestatura Baġitarja 3)

Taħt l-Intestatura 3, il-baġit tal-UE jiġbor flimkien medda ta’ programmi (EUR 2,5 biljun li jirrappreżentaw 1,6 % tal-baġit totali tal-UE tal-2015) li huma ta’ sostenn għall-isfidi politiċi urġenti bħas-sigurtà, l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-kultura u d-djalogu maċ-ċittadini. Il-finanzjament huwa mmirat għal proġetti li fihom il-kollaborazzjoni mal-UE ġġib magħha gwadanji sinifikanti fl-effiċjenza.

Grafika 6: Xellug: Il-programmi prinċipali ffinanzjati taħt l-Intestatura 3 fl-2015 / Lemin: Sehem għall-Intestatura 3 mill-baġit tal-2015 kollu kemm huwa. Iċ-ċifri kollha huma f’miljuni ta’ EUR.

Din il-parti tal-baġit kienet taħt pressjoni partikolari din is-sena minħabba l-kriżi tar-refuġjati. Aġenziji bħall-Frontex, l-EASO u l-Europol issaħħew bi triplikazzjoni tal-ammont inizjali allokat għall-operazzjonijiet “Triton” u “Poseidon” fil-Baħar Mediterran u permezz ta’ sostenn addizzjonali sabiex jiġu stabbiliti l-hotspots. Il-miżuri ta’ emerġenza fil-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u fil-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) issaħħu kunsiderevolment (EUR + 130 miljun) sabiex tingħata għajnuna lill-Istati Membri l-aktar esposti bħall-Greċja u l-Italja. EUR 25 miljun ġew ipprovduti wkoll sabiex tiġi ffinanzjata l-iskema ta’ risistemazzjoni.



Prijoritajiet tal-Kummissjoni:

Il-programmi taħt l-Intestatura 3 jikkontribwixxu l-aktar għall-prijoritajiet “Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali” u “Migrazzjoni” tal-Kummissjoni ta’ Juncker. Minkejja l-baġit żgħir involut, dawn il-programmi jikkontribwixxu għall-kisbiet ta’ Ewropa 2020. Pereżempju, il-Programm għas-Saħħa jiffinanzja azzjonijiet marbutin mat-tixjiħ b’saħħtu (prerekwiżit għat-tkabbir intelliġenti) u l-inugwaljanzi fis-saħħa (komponent ewlieni tat-tkabbir inklużiv), u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 67 jikkontribwixxi għat-tkabbir inklużiv bil-finanzjament ta’ proġetti għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE.

1.6.1 Implimentazzjoni tal-programmi tal-QFP 2014-2020

Fil-qasam tas-sigurtà, l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, l-Istati Membri bdew jimplimentaw azzjonijiet bis-sostenn tal-AMIF u tal-ISF, kif deskritt fil-programmi nazzjonali tagħhom. Iż-żewġ fondi huma sorsi ta’ finanzjament importanti sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u huma primarjament implimentati taħt ġestjoni kondiviża.

Fl-2015 sar progress konsiderevoli fil-fażi ta’ bidu. Il-54 programm multiannwali nazzjonali kollha tal-Istati Membri ġew adottati; dawn jiddeskrivu kif l-Istat Membru biħsiebu jilħaq l-għanijiet tal-fondi. L-erba’ programmi li għad fadal taħt l-ISF għall-pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen se jiġu approvati wara li jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali ma’ dawn il-pajjiżi. Il-proċess ta’ deżinjazzjoni ta’ awtorità responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi, prerekwiżit għall-iżborż tal-finanzjament, ukoll qabad ir-ritmu. Sa tmiem l-2015, erba’ Stati Membri biss kien għad baqalhom jiddeżinjaw awtorità responsabbli.

Wara dawn l-istadji, fl-2015 bdew attivitajiet sabiex jitwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-fondi fil-prattika. F’Marzu 2016, l-Istati Membri ssottomettew l-ewwel rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom. Minkejja l-adozzjoni tardiva tal-bażi ġuridika tal-AMIF u tal-ISF u meta jitqiesu l-kriżi tar-refuġjati u l-avveniment riċenti marbuta mas-sigurtà, l-Istati Membri rrapportaw progress fl-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali tagħhom. Minkejja li r-ritmu tal-implimentazzjoni kien kajman fl-ewwel sentejn (madwar 19 % tal-finanzjament totali impenjat għall-2014-2015), l-implimentazzjoni hija mistennija li żżid ir-ritmu tagħha fl-2016.

L-attivitajiet fl-2015 iffinanzjati taħt il-ġestjoni diretta kienu milquta mill-ħolqien ta’ għajnuna addizzjonali ta’ assistenza ta’ emerġenza. Il-baġit disponibbli għal għotjiet ittripplika minn EUR 77,41 miljun fl-2014 għal EUR 261,94 miljun fl-2015 u fl-2015 ingħataw 38 għotja ta’ assistenza ta’ emerġenza (li jirrappreżentaw valur ta’ EUR 163 miljun) 68 lill-aktar Stati Membri milquta mill-influss ta’ applikanti għal asil. L-għotjiet iffinanzjaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti għal asil bħal servizzi ta’ akkomodazzjoni u tas-saħħa kif ukoll il-persunal meħtieġ għall-iskrinjar u l-interpretazzjoni.

Fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza alimentari, fl-2015 il-Programm ta’ ħidma annwali għas-saħħa ġie implimentat kif ippjanat. B’kollox ġew sottomessi 103 proposta li 38 minnhom se jiġu ffinanzjati (rata ta’ suċċess ta’ 36 %). Dawn jinkludu tmien azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u 30 għotja. Sabiex ikun possibbli li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jindirizzaw is-saħħa tar-refuġjati, il-programm ta’ ħidma ġie emendat f’Ottubru 2015. EUR 7,2 miljun ġew allokati għal erba’ proġetti u għal għotja diretta waħda lill-Uffiċċju Internazzjonali għall-Migrazzjoni sabiex l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja partikolari jingħataw sostenn fir-reazzjonijiet tagħhom għal sfidi marbutin mas-saħħa, b’mod partikolari biex ikun ittestjat rekord mediku personali li għandu l-għan li jibni mill-ġdid il-passat mediku tal-migranti u li jkunu evalwati l-ħtiġijiet mediċi tagħhom.

Il-programmi ta’ ħidma kollha fil-qasam tal-Ikel u tal-Għalf fl-2015, ġew implimentati kif previst, u b’hekk ikkontribwew għal saħħa aħjar għall-bnedmin, għall-annimali, u għall-pjanti fil-katina alimentari. Fl-2015 kien hemm 137 programm veterinarju kkofinanzjat mill-UE implimentat għal baġit totali ta’ EUR 163 miljun li kellhom mard li jolqot lill-annimali u xi drabi lill-bnedmin (żoonożi) fil-mira tagħhom; fl-2015 il-prevalenza ta’ każijiet ta’ Salmonellożi u Bruċellożi fil-bniedem kompliet tonqos. Għall-ewwel darba kien hemm 17-il programm nazzjonali ta’ stħarriġ dwar is-saħħa tal-pjanti kkofinanzjat mill-UE għal baġit totali ta’ EUR 7,5 miljun li ggarantew id-detezzjoni bikrija u l-qerda ta’ kull tifqigħa ta’ organiżmi ta’ ħsara. B’mod parallel, bis-saħħa tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza ġew evitati epidemiji ta’ saħħa u għadd ta’ sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi ġew trattati b’suċċess biex b’hekk l-UE setgħet tkompli tesporta. Il-finanzjament tal-UE ta’ EUR 16-il miljun għat-43 laboratorju ta’ referenza tal-UE fl-2015 wassal għal implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE bl-infurzar tal-limiti leġiżlattivi u bit-tnaqqis tal-bżonn ta’ testijiet ripetuti.

Taħt il-programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel, fl-2015 aktar minn 7 000 membru tal-persunal tal-awtoritajiet ta’ kontroll tas-sikurezza fl-ikel ingħataw taħriġ. Fuq skala ta’ minn 1 sa 10, il-persunal imħarreġ qies li l-għarfien tiegħu tjieb b’rata ta’ 8,4.

Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, l-implimentazzjoni tal-Programm għall-Konsumaturi 2014-2020 qabdet sew ir-ritmu biex jintlaħqu l-objettivi multiannwali tiegħu. Ġew issodisfati ħafna mill-indikaturi tal-prestazzjoni relatati mistennijin għall-2014 u l-2015 69 . L-azzjonijiet iffinanzjati huma mmirati lejn oqsma li fihom il-protezzjoni tal-konsumaturi ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, bħall-attivitajiet taċ-ċentri tal-konsumatur Ewropej, li jipprovdu informazzjoni, pariri b’xejn u assistenza marbutin max-xiri transfruntier fl-UE. Fl-2015, ingħataw 30 għotja sabiex tkun ikkofinanzjata l-ħidma ta’ dawn iċ-ċentri 70 .

Fil-qasam tal-kultura, il-programm Ewropa Kreattiva maħsub biex ikun ta’ appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi ġie implimentat skont kif ippjanat. Azzjonijiet li ngħataw sostenn jinkludu proġetti transfruntiera li jinvolvu operaturi kulturali u awdjoviżivi minn 38 pajjiż (id-domanda kienet ogħla mill-2014), u inizjattivi bħal pereżempju l-famuża Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-programm jkompli jfittex li jilħaq l-objettivi ġenerali tiegħu, jiġifieri li jgħin fis-salvagwardja tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa u jfittex li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej.

Il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini qiegħed fi triqtu sabiex jilħaq il-miri tiegħu. L-interess għall-programm kien għoli fl-2015, b’numru dejjem akbar ta’ applikazzjonijiet li jissieltu sabiex jiksbu finanzjament minn baġit relattivament modest. Mill-2 791 applikazzjoni riċevuti, intgħażlu 408 proġett (rata ta’ suċċess ta’ 14,6 %).

Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali abbażi tal-fiduċja reċiproka

Matul l-2015, l-UE kompliet tiżviluppa l-politiki tagħha dwar il-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza. Dawn huma bbażati fuq il-valuri tad-demokrazija, tal-libertà, tat-tolleranza u tal-istat tad-dritt, fil-qalba tal-UE. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu kunfidenti bis-sħiħ li, ikunu fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea, il-libertà u s-sigurtà tagħhom huma mħarsa sew.

F’April, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. L-aġenda tiffoka fuq oqsma li fihom l-UE tista’ tagħmel differenza, bħall-iskambju aħjar tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u s-sistemi ġudizzjarji.

Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi f’Jannar 2015 u f’Novembru 2015, u f’Copenhagen fi Frar 2015, l-Istati Membri ddeċidew li jaħdmu flimkien biex jegħlbu t-terroriżmu. Ħadu passi biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, jaqtgħu l-finanzjament tat-terroristi u jżidu l-kooperazzjoni bejniethom u mal-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-UE, il-Europol, u l-aġenzija ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja tagħha, il-Eurojust.

Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Kummissjoni żammet l-impenn tagħha li tiffinalizza r-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tad-dejta personali taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni għamlet progress ukoll fit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jinvestiga u jieħu passi legali kontra l-frodi tal-UE li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati dwar ftehim komprensiv dwar il-protezzjoni tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan il-ftehim se jipproteġi d-dejta personali li tiġi ttrasferita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, għas-sejba, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, inkluż it-terroriżmu. Il-ftehim se jippermetti wkoll liċ-ċittadini tal-UE jgawdu mill-possibbiltà li jitolbu rimedju ġudizzjarju fl-Istati Uniti skont il-liġi tal-Istati Uniti.

1.6.2 Riżultati tal-programmi tal-QFP 2007-2013

Fil-qasam tas-sigurtà, l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, l-evalwazzjonijiet ex post tal-predeċessuri tal-AMIF u tal-ISF għadhom għaddejjin u se jinħareġ rapport dwarhom is-sena d-dieħla. Madankollu, hemm dejta disponibbli dwar xi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

L-ewwel, in-numru ta’ persuni li rċevew assistenza ta’ riintegrazzjoni permezz tal-fond predeċessur tal-AMIF żdied b’mod sinifikanti fil-perjodu mill-2011 sa nofs l-2015 meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti li kopra l-2008-2010 kif jintwera hawn taħt. Filwaqt li fil-perjodu 2008-2010, medja ta’ 2 500 persuna rċevew assistenza kull sena, fl-2011-2015 bħala medja rċevew assistenza aktar minn 10 000 persuna kull sena.

Barra minn hekk, hemm dejta disponibbli dwar in-numru ta’ konsulati, minn fost l-2 000 uffiċċju konsulari li joħroġ viżi ta’ Schengen, li ngħataw tagħmir/tpoġġew taħt sigurtà jew issaħħew bl-għajnuna tal-fond tal-predeċessur tal-ISF (il-Fond għal Fruntieri Esterni) fil-perjodu mill-2011 sa nofs l-2015 sabiex jipproċessaw applikazzjonijiet għal viżi u sabiex jaqdu lill-applikanti għal viża:

1 365 Konsulat konness mal-VIS;

184 Konsulat mibni jew immodernizzat;

116-il Konsulat mgħammar b’tagħmir li jsaħħaħ is-sigurtà;

1 349 Konsulat mgħammar b’tagħmir operazzjonali għall-ipproċessar ta’ viżi ta’ Schengen.

Kumplessivament, l-informazzjoni preliminari mill-evalwazzjoni ex post dwar l-użu tal-Fond għall-Fruntieri Esterni tindika li ħafna mill-investimenti kienu marbutin mas-sistemi informatiċi (aktar minn 40 % tan-nefqa), filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-fond għall-ġestjoni tal-fruntieri kienet proporzjonalment anqas. Dawn l-investimenti informatiċi huma ta’ sikwit diretti lejn oqsma ta’ prijorità sabiex ikunu sostnuti inizjattivi ġodda tal-UE li jridu jiġu applikati fil-livell tal-Istati Membri u li għalihom il-fond kien jipprevedi livell ta’ kofinanzjament ta’ 75 % minflok ta’ 50 %.

Fil-qasam tas-saħħa, il-protezzjoni tal-ikel u d-djalogu maċ-ċittadini, żewġ evalwazzjonijiet ex post 71 tqiegħdu għad-disponibbiltà fl-2015, u vvalutaw jekk it-tieni programm għas-Saħħa u l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini ffinanzjati taħt il-QFP 2007-2013 laħqux l-objettivi tagħhom. Iż-żewġ evalwazzjonijiet indikaw li l-finanzjament limitat disponibbli (Programm għas-Saħħa — EUR 294 miljun u programm Ewropa għaċ-Ċittadini — EUR 215-il miljun għal perjodu ta’ 7 snin) għal proġetti li jkopru medda ta’ objettivi u ta’ prijoritajiet mhuwiex massa kritika biżżejjed sabiex jiġu influwenzati x-xejriet Ewropej kumplessivi marbutin mas-saħħa jew mal-perċezzjoni taċ-ċittadini fuq l-UE. Sabiex l-impatt tagħhom ikun kbir kemm jista’ jkun, iż-żewġ programmi ffinanzjaw azzjonijiet immirati li kellhom valur miżjud tal-UE għoli u kienu kapaċi jiġġeneraw effetti ta’ ingranaġġ.

Mill-evalwazzjoni ex post tal-programm għas-Saħħa rriżulta li s-788 attività ffinanzjata kienu ffukati kif xieraq fuq l-oqsma ta’ rilevanza kbira għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati tal-programm f’konformità mal-prijoritajiet tal-politika tas-saħħa tal-UE u mal-prijoritajiet ta’ tkabbir intelliġenti u inklużiv tal-Ewropa 2020. L-evalwazzjonijiet ivvalutaw azzjonijiet u outputs individwali u kkonkludew li kienu jfornu medda ta’ outputs siewja, li żiedu l-valur fil-livell tal-UE għaliex l-aħjar prattiki ġew skambjati bejn l-Istati Membri u l-kooperazzjoni tjiebet permezz ta’ azzjonijiet konġunti. Il-Programm għas-Saħħa ġġenera evidenza u għarfien ta’ siwi biex iservu ta’ bażi għat-tfassil informat ta’ linji ta’ politika u għal riċerka ulterjuri fi kwistjonijiet ewlenin marbutin mas-saħħa. Pereżempju, kien ta’ sostenn għall-ġbir ta’ dejta komparabbli madwar l-Unjoni, li tkopri ħafna Stati Membri u tipprovdi informazzjoni għal skopijiet ta’ tfassil ta’ linji ta’ politika. Eżempju tajjeb ta’ valur miżjud tal-UE huwa l-kofinanzjament mill-Programm għas-Saħħa tal-portal Orphanet dwar mard rari, li jiġbor flimkien riżorsi frammentati fil-livell tal-UE.

Eżempju ta’ valur miżjud tal-UE

Madwar 30-35 miljun ċittadin tal-UE jgħixu b’mard rari. Minħabba n-numru limitat ta’ pazjenti għal kull marda f’kull pajjiż, l-għarfien huwa skars u mhuwiex imqassam b’mod regolari madwar l-Ewropa. Il-portal Orphanet jinkludi enċiklopedija ta’ mard rari, miktuba minn esperti u evalwata bejn il-pari, u direttorju tas-servizzi b’informazzjoni dwar il-kliniki speċjalizzati għal pazjenti ta’ barra, laboratorji dijanjostiċi u gruppi ta’ appoġġ fl-Ewropa. Il-bażi ta’ dejta tipprovdi informazzjoni dwar 6 000 marda u hija liberament aċċessibbli. Il-portal irnexxa u ċ-ċifri ta’ tniżżiliet annwali żdiedu b’mod konsistenti minn 37 000 fl-2010 għal 414 000 fl-2015 u bħalissa s-sit web iżuruh aktar minn 41 000 viżitatur kuljum. Madwar 47 % tal-viżitaturi huma professjonisti fil-qasam tas-saħħa, 26 % huma pazjenti u 17 % huma studenti. Iċ-ċentru uniku fil-livell tal-UE joħloq effiċjenzi għaliex il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa jistgħu jtejbu l-għarfien tagħhom dwar dan il-mard, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi jistgħu jiżviluppaw trattament u terapiji ġodda, u l-pazjenti jistgħu jsibu informazzjoni affidabbli u aġġornata.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-programmi, mill-evalwazzjoni ex post tal-programm għas-Saħħa rriżulta li l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm tjiebu, billi bbażaw ruħhom fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet ta’ qabel. Anki jekk it-twaqqif ta’ bażi ta’ dejta ddedikata wassal għal titjib fil-monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-programm, l-evalwazzjoni tindika dgħufijiet fil-monitoraġġ tar-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati u fl-analiżi tagħhom, li llimitaw il-valutazzjoni tal-prestazzjoni kumplessiva tal-programm. Id-disseminazzjoni tal-outputs tal-azzjonijiet ma baqgħetx l-istess, u b’hekk mhuwiex żgurat b’mod sistematiku li l-partijiet ikkonċernati ewlenin huma milħuqin, jew li l-outputs tagħhom jistgħu jitħaddmu u jiġu ttrasformati f’riżultati u impatti tanġibbli. Twaqqaf pjan ta’ azzjoni li jinkludi azzjonijiet biex jittejjeb il-monitoraġġ, tkun provduta bażi ta’ dejta bir-riżultati kif ukoll strateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni, u li qiegħed jitwettaq mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Eżekuttiva CHAFEA.

Sabiex l-impatti tal-proġetti individwali jkunu kbar kemm jista’ jkun, il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini tbiegħed b’mod progressiv mill-finanzjament ta’ proġetti ta’ ġemellaġġ ta’ bliet żgħar li fihom tiġi skambjata l-kompetenza fuq bosta suġġetti bħaż-żgħażagħ, il-kultura, u t-turiżmu u beda jiffinanzja proġetti akbar u aktar strutturati li jinvolvu numru akbar ta’ bliet u ċittadini u jindirizza problemi imminenti bħall-integrazzjoni tal-migranti u problemi ambjentali. Anki jekk l-impatt fit-tul tal-programm huwa diffiċli li jiġi vvalutat, permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, il-programm laħaq għadd kbir ta’ ċittadini; li ħafna minnhom ħadu sehem għall-ewwel darba. Il-programm kellu madwar 7 miljun parteċipant dirett u laħaq lil kważi 25 000 belt u ċittadin u ħoloq 350 netwerk ta’ bliet u ċittadini. Daqs 4 250 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ġew immobilizzati sabiex ineħħu t-tħassib taċ-ċittadini u aktar minn 500 organizzazzjoni kienu involuti f’attivitajiet ta’ kommemorazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini.

1.7 Ewropa Globali (Intestatura Baġitarja 4)

F’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-baġit, inizjalment ġiet allokata s-somma ta’ EUR 8,7 biljun 72 għall-programmi taħt l-Intestatura 4, li tirrappreżenta 5,4 % tat-total tal-baġit tal-UE tal-2015.

L-Intestatura 4 tal-qafas finanzjarju tkopri l-azzjoni esterna kollha mill-Kummissjoni bħall-assistenza għall-iżvilupp, l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u l-għajnuna jew l-azzjonijiet umanitarji li jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-paċi. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) mhuwiex iffinanzjat mill-baġit tal-UE iżda minn kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE.

Fl-2015, waħda mill-azzjonijiet ewlenin taħt l-Intestatura 4 kienet marbuta mal-kriżi tar-refuġjati. B’mod partikolari twaqqaf “Fond Fiduċjarju għas-Sirja” sabiex jinġabru flimkien ir-riżorsi kemm mill-baġit tal-UE kif ukoll mill-baġit tal-Istati Membri. Il-baġit tal-UE investa kważi EUR 570 miljun fil-fond fiduċjarju fl-2015. Barra minn hekk, l-UE waqqfet Fond Fiduċjarju għall-Afrika li indirizza l-għeruq tal-migrazzjoni ekonomika. Dan il-fond huwa ffinanzjat ukoll permezz tal-FEŻ.

Prijoritajiet tal-Kummissjoni:

Il-programmi taħt l-Intestatura 4 jikkontribwixxu l-aktar għall-prijorità tal-Kummissjoni ta’ Juncker “UE bħala Attur Globali” u għar-reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati. Jappoġġjaw ukoll b’mod partikolari d-dimensjoni esterna ta’ prijoritajiet oħra tal-Kummissjoni ta’ Juncker bħal “Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”, “Impjiegi, Tkabbir u Investiment”; u “Żona ta’ Ġustizzja u ta’ Drittijiet Fundamentali abbażi tal-Fiduċja Reċiproka” li tinkludi attenzjoni qawwija fuq is-sigurtà.

 

Grafika 7: Xellug: Il-programmi prinċipali ffinanzjati taħt l-Intestatura 4 fl-2015. Il-kategorija “Oħrajn” tinkludi fost l-oħrajn il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) / Lemin: Sehem għall-Intestatura 4 mill-baġit tal-2015 kollu kemm huwa. Iċ-ċifri kollha huma f’miljuni ta’ EUR.

Il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ parti kbira mill-finanzjament taħt l-Intestatura 4 jsiru minn organizzazzjonijiet terzi, bħall-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li l-parti li jifdal hija ġestita direttament mill-Kummissjoni (fil-parti l-kbira għotjiet) jew indirettament minn pajjiżi benefiċjarji jew permezz ta’ ġestjoni kondiviża.

1.7.1 Implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020

L-implimentazzjoni tal-programm kollha qiegħda fit-triq it-tajba.

Fl-2015, il-Kummissjoni baqgħet tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-objettivi ta’ prevenzjoni, ġestjoni u soluzzjoni ta’ kunflitti u l-bini tal-paċi madwar id-dinja. Il-Kummissjoni kienet fuq quddiem nett fir-reazzjoni internazzjonali għall-kriżijiet umanitarji l-kbar kollha, kemm naturali kif ukoll dawk ikkaġunati mill-bniedem. Pereżempju, matul l-2015 il-Kummissjoni pprovdiet sostenn lill-pajjiżi milquta mill-Ebola (EUR 885 miljun 73 ). Sostenn addizzjonali mill-baġit tħallas lil-Liberja (EUR 31 miljun) u lis-Sierra Leone (EUR 43 miljun) sabiex jittaffa l-impatt fuq l-ekonomija tal-epidemija u l-pajjiżi jiġu pprovduti b’fondi importanti sabiex jistabbilizzaw il-baġit tal-istat bħall-ħlas tas-salarji u kostijiet rikorrenti importanti oħrajn. Tnedew għadd ta’ proġetti strateġiċi taħt l-inizjattiva AWARE 74 li jorbtu l-assistenza umanitarja mal-iżvilupp, pereż. it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, ir-reżiljenza tal-għajxien fil-Guinea jew l-aċċess għall-ilma fl-iskejjel fil-Liberja. Tnedew ukoll l-ewwel programmi ta’ rkupru fil-Guinea (saħħa) u fil-Liberja (edukazzjoni u enerġija). Fi tmiem l-2015, it-tliet pajjiżi milquta kienu lkoll fi triqthom li jiġu ddikjarati ħielsa mill-Ebola.

Fid-dawl tal-attakki terroristiċi fit-Tuneżija fl-2015, l-UE rreaġixxiet b’ħeffa billi adottat miżuri li jiffukaw fuq ir-riformi tas-settur tas-sigurtà tat-Tuneżija. L-UE adottat ukoll miżuri biex iżżomm l-istabbiltà ekonomika fil-pajjiż fuq terminu qasir u medju u biex issostni s-settur tat-turiżmu, pilastru ewlieni tal-ekonomija tal-pajjiż li ntlaqat ħażin minħabba l-attakki.

Fl-2015, l-UE kompliet tkun ta’ sostenn għall-Ukrajna. F’April 2015 intlaħaq ftehim dwar operazzjoni ġdida ta’ Assistenza Makrofinanzjarja (MFA) ta’ EUR 1,8 biljun bl-għan li ttaffi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-pajjiż. L-ewwel ħlas parzjali ta’ EUR 600 miljun ġie żborżat f’Lulju 2015. Il-EUR 1,2 biljun li jifdal huma mistennija li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni matul l-2016 f’żewġ ħlasijiet parzjali ndaqs ta’ EUR 600 miljun, soġġetti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika ekonomika u għall-kundizzjonijiet finanzjarji miftehmin mal-Ukrajna, u għal rekord sodisfaċenti kontinwu ta’ implimentazzjoni tal-programm tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Barra minn hekk, f’April 2015 il-Kummissjoni żborżjat it-tielet u l-aħħar ħlas parzjali ta’ EUR 250 miljun f’self mill-ewwel operazzjoni tal-MFA implimentata fl-Ukrajna mindu faqqgħet il-kriżi.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni li tinsab għaddejja tal-Kuntratt għall-Bini tal-Istat (SBC, State Building Contract) ta’ EUR 355 miljun, adottat fl-2014 fl-Ukrajna, kienet fundamentali fit-tmexxija politika u pubblika tal-proċessi nazzjonali ta’ riforma kontra l-korruzzjoni, rigward il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u l-leġiżlazzjoni elettorali. Il-programm SBC ippermetta djalogu attiv mal-kontropartijiet mill-Ukrajna li wassal għal kisbiet speċifiċi bħall-ħolqien tal-Bureau Kontra l-Korruzzjoni u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ewlenija f’konformità mal-Istandards Ewropej kontra l-Korruzzjoni, dwar l-Akkwist Pubbliku, is-Servizz Ċivili, l-Aċċess għall-Informazzjoni u t-Trasparenza tal-finanzjament tal-Partiti Politiċi. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-gvern kien lest li jaċċetta skrutinju mill-qrib mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-progress tal-proċess ta’ riforma huwa wkoll ta’ min jikkunsidrah.



Ingħataw ukoll assistenza diretta u għajnuna finanzjarja lill-poplu tal-Ukrajna milqut mill-kunflitt li jinsab għaddej: il-Kummissjoni tat ’il fuq minn EUR 63,3 miljun f’assistenza umanitarja minn mindu bdiet il-kriżi fl-2014. 75 Il-proġetti implimentati fl-2015 għenu direttament lil aktar minn 800 000 persuna mill-Ukrajna. Ta’ min jinnota li l-attenzjoni tinsab fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli: tfal, anzjani, unitajiet domestiċi b’ġenitur waħdu. Madwar 55 % tal-assistenza umanitarja tal-Kummissjoni hija mmirata lejn nies fil-bżonn f’żoni mhux ikkontrollati mill-gvern. L-għajnuna umanitarja tal-UE tmur ukoll għal persuni spostati internament u għal refuġjati li jkunu ħarbu miż-żoni ta’ kunflitt, kif ukoll għall-persuni li jirritornaw. L-appoġġ ipprovdut jinkludi assistenza fi flus, ikel u kenn, iġjene u sanità. Pereżempju, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u bil-kontribuzzjonijiet mill-Ġermanja u min-Norveġja, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tat trasferimenti fi flus lil 16 000 persuna vulnerabbli, immirati b’mod speċifiku lejn in-nisa u sabiex ikunu megħjuna jixtru ħwejjeġ u affarijiet oħra meħtieġa urġentement. 76

Matul l-2015, l-UE intensifikat ukoll l-isforzi tagħha sabiex tappoġġja lill-popolazzjoni Sirjana milquta mill-gwerra li tinsab għaddejja. Bħala wieħed mid-donaturi ewlenin tal-Pjan ta’ Reazzjoni Strateġika (SRP) tal-2015, 77 il-Kummissjoni kkontribwiet sabiex tappoġġja lil 12-il miljun benefiċjarju permezz tal-assistenza għas-saħħa (inkluża kura tas-saħħa ġenerali, kura tas-saħħa riproduttiva u servizzi ta’ riabilitazzjoni), 5 miljuni permezz ta’ servizzi ta’ protezzjoni, 8 miljun ruħ permezz ta’ servizzi tal-Ilma, tas-Sanità u tal-Iġjene 78 , u aktar minn 6 miljun persuna vulnerabbli spostata internament billi tathom kenn u oġġetti mhux tal-ikel.

1.7.2 Ir-riżultati tal-programmi 2007-2013

Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG)

L-2015 kienet is-sena mira għall-kisba tal-MDG. B’mod ġenerali, l-MDG għenu sabiex jixprunaw il-progress fl-iżvilupp madwar id-dinja. L-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala uħud mill-kontributuri ewlenin għall-MDGs f’termini finanzjarji, 79 kellhom rwol importanti fil-kisba ta’ dan il-progress 80 .

Aktar minn biljun (1) ruħ inħarġu mill-faqar estrem mill-1990 ’il hawn. Il-miri tal-MDG li jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-persuni li jgħixu f’faqar u ġuħ estrem intlaħqu saħansitra anki qabel iż-żmien skedat. Madankollu, id-dinja għad fadlilha x’taqdef biex teqred il-faqar u l-ġuħ estrem. Bejn l-2007 u l-2013, l-UE pprovdiet EUR 1 biljun fis-sena għas-sigurtà alimentari. Pereżempju, l-UE kkontribwiet għall-Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Għajxien u tal-Ikel (LIFT), li jsostni lill-operaturi agrikoli żgħar u lill-persuni foqra mingħajr raba’ fil-Myanmar sabiex jużaw l-agrikoltura bħala xibka ta’ sikurezza għal sigurtà alimentari u nutrizzjoni mtejba. L-inizjattiva LIFT sostniet lil 576 000 unità domestika: Daqs 249 000 ruħ ħadu sehem f’taħriġ fil-ħiliet, 290 000 unità domestika żiedu s-sigurtà tal-ikel b’aktar minn xahar u 60 000 unità domestika rrapportaw żieda fl-introjtu 81 .

Sar progress ukoll fl-għoti tal-possibbiltà lit-tfal li jmorru l-iskola. F’dan il-kuntest, l-UE tappoġġa lill-gvernijiet f’aktar minn 40 pajjiż sabiex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità u opportunitajiet ta’ tagħlim, b’nefqa totali ta’ EUR 4,4 biljun bejn l-2007 u l-2013. Pereżempju, l-UE investiet EUR 85 miljun fis-Somalja mill-2007 sal-2013. Dan għen sabiex tiżdied ir-reġistrazzjoni fi skejjel primarji minn 22 % fl-2004 għal 45 % fl-2012. Madankollu, ta’ min jinnota li 57 miljun tifel u tifla eliġibbli għall-iskola primarja madwar id-dinja, għadhom imċaħħda milli jattendu skola. L-għoti ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u konsistenti lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha wkoll jibqa’ sfida u hemm bżonn ta’ sforz akbar sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Rigward l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, mill-2007 ’il hawn, l-UE pprovdiet aktar minn 40 500 borża ta’ studju għal studenti f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, madwar 40 % minnhom lil tfajliet. Barra minn hekk, mill-2004 ’il hawn, il-kontribut tal-UE għen lil 300 000 studenta ġdida sabiex jirreġistraw għall-edukazzjoni sekondarja.

L-UE ħadmet ukoll mill-qrib mal-pajjiżi benefiċjarji u msieħba oħrajn fl-iżvilupp sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-sistemi tas-saħħa, u appoġġat lis-setturi tas-saħħa ta’ 39 pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp. Bis-saħħa tal-appoġġ tal-UE fil-livell tal-pajjiżi, minn tal-anqas 20 miljun tifel u tifla oħrajn tlaqqmu kontra l-ħożba bejn l-2004 u l-2014. Barra minn hekk, bejn l-2004 u l-2012, l-UE għenet sabiex jinbnew jew jiġu mmodernizzati aktar minn 8 500 faċilità tas-saħħa madwar id-dinja.

Matul dak il-perjodu, l-UE pprovdiet ukoll sostenn sabiex tittejjeb is-Saħħa tal-Omm u tat-Tarbija (MNCH, Maternal and Child Health), li wassal għal progress kontra l-mortalità tal-ommijiet u l-mortalità fost it-tfal u t-trabi taħt il-ħames snin. Madankollu, l-eżiti jvarjaw f’termini ta’ kobor bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u speċjalment bejn iż-żoni rurali u urbani. Filwaqt li jista’ jiġi osservat xi titjib sinifikanti f’xi aspetti tal-MNHC, bħal fir-rati bażiċi tal-immunizzazzjoni, ġie rreġistrat progress aktar kajman dwar ħafna indikaturi oħra, bħall-proporzjon ta’ ħlasijiet bla periklu, l-użu tal-ippjanar modern tal-familji u n-nutrizzjoni tat-tfal. Jekk tingħata ħarsa lejn id-distribuzzjoni reġjonali, jidher li kien hemm titjib kbir fl-Asja u fit-Tramuntana tal-Afrika, iżda mhux daqstant kbir fl-Afrika sub-Saħarjana.

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-MDG fis-settur tal-ilma, l-Faċilità tal-Ilma tal-UE fl-Uganda, 82 hija eżempju ta’ proġett li jgħin sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità għal popolazzjonijiet żvantaġġati u jikkontribwixxi għal governanza u ġestjoni sostenibbli tal-ilma. Sa issa, ġew implimentati 17-il proġett għal total ta’ EUR 39,4 miljun. Mindu beda l-proġett f’Mejju 2011, 100 913-il persuna oħra sar għandhom aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u 231 049 ruħ aktar għandhom aċċess għal edukazzjoni inklużiva dwar is-sanità u l-iġjene. Eżempju ieħor huwa fil-Bolivja, fejn ġie rreġistrat progress importanti fl-aċċess għall-ilma u għal nutrizzjoni mtejba, bis-saħħa wkoll tas-sostenn tal-baġit tal-UE għas-settur 83 , li wassal biex kważi 1,2 miljun ruħ jiksbu aċċess għal ilma nadif - medja ta’ kważi 200 000 ruħ kull sena bejn l-2006 u l-2013 84 .

Riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-programmi 2007-2013 85

Fl-2015, ġew konklużi għadd ta’ rieżamijiet u evalwazzjonijiet tal-programmi 2007-2013. L-evidenza miġbura tikkonferma li l-azzjonijiet tal-UE kienu effiċjenti u effettivi, li s-sostenn tal-UE ġeneralment jissaħħaħ meta jiġi assoċjat ma’ sjieda lokali qawwija fir-rigward tar-riforma, u li jkun aktar effettiv meta jkun kapaċi jadatta għall-bidliet lokali u meta jintużaw diversi modalitajiet ta’ għajnuna 86 . Fir-rigward tas-sostenn tal-baġit għall-pajjiżi b’introjtu baxx, wieħed mir-riżultati ewlenin huwa li jista’ jgħin biex tinżamm l-istabbiltà makroekonomika u ta’ sikwit, iżda mhux dejjem, jista’ jipproteġi u jżid l-allokazzjonijiet lis-servizzi soċjali, u jikkontribwixxi biex jinkisbu gwadanji soċjali b’ritmu aktar mgħaġġel. F’ħafna mill-każijiet, madankollu, mhuwiex possibbli li l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE jitkejjel b’mod preċiż, minħabba għadd kbir ta’ fatturi li jaffettwa r-riżultati finali.

Żewġ evalwazzjonijiet tematiċi kienu ta’ interess partikolari din is-sena. Il-valutazzjoni kumplessiva tas-sostenn tal-UE għall-ambjent u t-tibdil fil-klima indikat li r-rwol ta’ tmexxija u l-azzjonijiet tal-UE kienu rilevanti u koerenti fil-livelli ta’ pajjiż, reġjonali u globali 87 . L-aspetti ambjentali u ta’ tibdil fil-klima ġew integrati fil-politiki ta’ kooperazzjoni tal-UE, speċjalment fl-infrastruttura, l-agrikoltura u ż-żoni ta’ żvilupp rurali. Din iż-żieda fil-koerenza u fil-kooperazzjoni ġiet perċepita bħala valur miżjud ċar tas-sostenn tal-UE. Madankollu, skont l-evalwazzjoni, il-kobor tas-sostenn ma kienx biżżejjed biex iħalli impatt fuq ix-xejriet negattivi tal-ambjent u t-tibdil fil-klima jew biex ireġġagħhom lura.

Mill-Evalwazzjoni tas-Sostenn tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa (GEWE) fil-Pajjiżi Msieħba ħarġu riżultati anqas sodisfaċenti 88 . Skont l-evalwaturi, fil-GEWE nkisbu xi riżultati importanti u li jqawwu qalb dak li jkun, iżda tqiesu bħala frammentati u ftit li xejn dokumentati. Pereżempju, ħafna mid-Delegazzjonijiet tal-UE ma adottawx approċċ integrat fuq tliet pedamenti sabiex jgħaqqad b’mod effettiv l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneri u l-azzjonijiet speċifiċi għall-ġeneri mad-djalogu politiku u dak dwar il-linji ta’ politika. Apparti minn hekk, in-nuqqas ta’ rwol ta’ tmexxija fuq livell għoli, ta’ inċentivi istituzzjonali u ta’ prijoritizzazzjoni ta’ impenn ewlieni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fl-UE ma ħallewx li l-aġenda tal-GEWE tiġi integrata fil-linji ta’ politika u fil-programmi. L-evalwazzjoni identifikat ukoll eżempji ta’ prattika tajba bħall-każ tal-Marokk fejn id-Delegazzjoni tal-UE implimentat programmar innovattiv fir-rigward tal-ġeneru, appoġġat mis-sostenn tal-baġit għas-settur, b’konnessjoni mad-djalogu dwar il-politiki, li fih il-kwistjoni tal-ġeneru hija integrata b’mod effettiv.

Ġew irrapportati riżultati pożittivi permezz tal-evalwazzjoni tal-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili u l-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Komunità 2007-2013 89 . L-evalwazzjoni wriet li l-komponenti tal-Mekkaniżmu ġew implimentati b’effiċjenza; b’mod partikolari, il-forniment ta’ assistenza għat-trasport tqies bħala pass importanti ’l quddiem u wera li huwa għodda ta’ siwi, effettiva u effiċjenti.

Eżempju ta’ valur miżjud tal-UE

Mill-evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili 2007-2013 irriżulta li l-programm wassal għal valur miżjud tal-UE billi saħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti; indirizza d-diskrepanzi fil-kapaċitajiet nazzjonali ta’ reazzjoni; u beda jċaqlaq l-enfasi tal-Mekkaniżmu lejn approċċ aktar marbut mal-prevenzjoni.

Pereżempju, l-UE aġixxiet b’ħeffa meta pprovdiet sostenn konsiderevoli lill-Filippini li ntlaqtu mit-tifun Haiyan fit-8 ta’ Novembru 2013. L-ewwel tim ta’ esperti umanitarji tal-Kummissjoni ntbagħat f’Manila dakinhar stess. Sal-bidu ta’ Diċembru, 26 Stat Parteċipant kienu pprovdew aktar minn EUR 135 miljun f’assistenza finanzjarja u in natura lill-Filippini. Il-Kummissjoni tat kważi EUR 3,6 miljun sabiex tikkofinanzja t-trasport tat-tagħmir ta’ assistenza u t-timijiet ta’ reazzjoni tal-Istati Parteċipanti u EUR 40 miljun f’assistenza umanitarja u interventi ta’ rkupru tal-bidu.

B’mod partikolari, l-iżgurar tal-interoperabilità tal-unitajiet speċjalizzati ta’ reazzjoni għall-emerġenzi (imsejħin moduli) tqies bħala valur miżjud sinifikanti tal-UE. Il-moduli kollha kienu rċevew taħriġ / eżerċizzji komuni u diġà kienu ħadmu bħala tim qabel ma ntbagħtu.

Konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni u r-riżultati

Kif intwera fit-taqsimiet aktar ’il fuq, il-baġit tal-UE kompla jagħti kontribut sinifikanti għall-kisba tal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni ta’ Juncker u tal-objettivi tal-Ewropa 2020.

Fl-2015 kien hemm enfasi partikolari fuq l-appoġġ lill-politiki sabiex jissaħħu il-kompetittività u l-konverġenza ekonomika u sabiex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll fuq il-forniment ta’ sostenn finanzjarju għar-reazzjoni għal kriżijiet, b’mod partikolari l-kriżi tar-refuġjati. Dan kien jirrikjedi l-użu tal-flessibbiltà baġitarja kollha disponibbli, kif ukoll li l-fondi mill-baġit tal-UE jitħalltu ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament.

Is-sena 2015 kienet biss it-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020, u għalhekk għadu kmieni wisq biex jinħarġu konklużjonijiet definittivi dwar ir-riżultati u l-impatti ta’ dawn il-programmi. Madankollu, l-evidenza sa issa tindika li l-implimentazzjoni qabdet ir-ritmu għal ħafna mill-programmi b’xi ftit eċċezzjonijiet, b’mod partikolari taħt l-Intestatura 1B fejn il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020 avvanzaw b’ritmu aktar bil-mod minħabba dewmien fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni (prerekwiżit biex jintbagħtu t-talbiet għal pagamenti interim). Dan huwa spjegat f’aktar dettall fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi li, minn din is-sena, jipprovdu, għal kull programm, sezzjoni speċifika b’aġġornament dwar l-implimentazzjoni.

Bħalissa qegħdin jiġu ffinalizzati l-evalwazzjonijiet għall-programmi 2007-2013. L-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li dawn il-programmi kienu effettivi, billi ġġeneraw valur miżjud tal-UE u għamlu kontribuzzjoni vera għall-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-ġabra fil-qosor tat-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjonijiet tal-programmi preċedenti, issa hija inkluża wkoll fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi mehmuża mal-abbozz ta’ baġit.

Meta tkun qiegħda tiġi evalwata l-prestazzjoni, ma għandux jintesa li l-qafas ta’ prestazzjoni tal-UE huwa rregolat mill-kuntest ġuridiku u politiku u struttura b’diversi saffi ta’ għodod baġitarji u ta’ politika bl-involviment ta’ bosta atturi differenti fil-livell nazzjonali u sovranazzjonali. Dan ifisser li l-prestazzjoni hija responsabbiltà kondiviża: ir-responsabbiltà għall-ksib tar-riżultati fir-rigward tal-istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fir-rigward tal-objettivi tal-oqfsa finanzjarji hija kondiviża fil-maġġorparti mal-Istati Membri.

Sfida oħra f’rabta mar-rapportar tal-prestazzjoni hija l-fatt li l-programmi tal-UE huma multiannwali u l-effetti tagħhom fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà jistgħu biss jidhru fuq terminu itwal ta’ żmien. Barra minn hekk, hemm ċerti limitazzjonijiet inerenti għall-użu tal-indikaturi biex titkejjel il-prestazzjoni. Hemm limiti sa liema punt l-indikaturi jistgħu jagħtu stampa preċiża tal-prestazzjoni. Indikaturi tajbin iserrħu fuq informazzjoni li mhux dejjem tkun disponibbli fuq bażi regolari. Barra minn hekk, il-fatturi kuntestwali għandhom influwenza importanti fuq ir-riżultati finali, u l-indikaturi ma jistgħux jeliminaw dawn il-fatturi jew jaġġustaw ruħhom għalihom. F’termini ta’ utilità tal-indikaturi, l-esperjenza tindika li huwa aktar importanti li jkun hemm informazzjoni ta’ kwalità tajba fuq għadd pjuttost żgħir ta’ miżuri sempliċi u ewlenin milli lista aktar estensiva ta’ indikaturi ta’ rilevanza limitata.

Minkejja dawn ir-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni ħadet passi importanti biex tiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni tal-programmi tiġi rrapportata fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi mehmużin mal-abbozz ta’ baġit. Irriformat ukoll iċ-ċiklu ta’ Programmar u Ppjanar strateġiku tagħha bl-introduzzjoni ta’ Pjanijiet Strateġiċi multiannwali. Permezz tal-approċċ il-ġdid, id-dokumenti ta’ ppjanar huma aktar issimplifikati u msejsa fis-sod fuq il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni. Dan it-titjib fir-rapportar dwar il-prestazzjoni se jkompli fil-ġejjieni hekk kif aktar informazzjoni dwar il-progress tal-ġenerazzjoni attwali tal-programmi finanzjarji ssir disponibbli. Din l-enfasi akbar fuq il-prestazzjoni hija parti mill-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati.



Taqsima 2
Kisbiet ta’ ġestjoni

It-tieni taqsima ta’ dan ir-rapport tiffoka fuq il-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-baġit tal-UE fl-2015. Il-mod li bih jiġi ġestit u implimentat il-baġit tal-UE għandu impatt qawwi fuq il-prestazzjoni ġenerali. Standards għoljin ta’ ġestjoni finanzjarja huma importanti ħafna, indipendentement minn jekk il-baġit huwiex ġestit direttament mill-Kummissjoni, jew flimkien mal-Istati Membri jew ma’ korpi oħrajn.

Kif mitlub mill-Artikolu 66 tar-Regolament Finanzjarju, din it-taqsima hija ġabra fil-qosor tar-Rapporti Annwali tal-Attività prodotti minn kull dipartiment tal-Kummissjoni 90   u tiddeskrivi kif il-Kummissjoni tistinka biex tikseb l-ogħla standards ta’ ġestjoni u kontroll intern. L-għanijiet finali huma li l-iżbalji jkunu kemm jista’ jkun ftit, filwaqt li jinżamm bilanċ proporzjonat bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-kontrolli, u li jonqos l-impatt nett tal-iżbalji billi tittieħed azzjoni korrettiva meta dawn iseħħu.

Permezz ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà politika kumplessiva għall-ġestjoni tal-baġit.

2.1 Il-kisba tal-objettivi tal-kontroll intern

Skont ir-responsabbiltajiet tad-Diretturi Ġenerali bħala Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega, kull dipartiment tal-Kummissjoni jimplimenta l-istruttura organizzazzjonali u s-sistemi ta’ kontroll intern li jkunu l-aktar adatti għall-iżgurar tal-kisba tal-objettivi tal-politika u dawk operazzjonali tiegħu.

F’livell korporattiv, il-Kummissjoni tiddefinixxi standards li jispeċifikaw il-karatteristiċi minimi ta’ dawn is-sistemi ta’ kontroll intern. Dawn l-istandards huma bbażati fuq il-qafas COSO 91 , li ġie rivedut fl-2013. Il-Kummissjoni biħsiebha taġġorna l-qafas ta’ kontroll intern tagħha kif xieraq fl-2016. L-għan huwa li jkunu żgurati kontrolli interni robusti u effettivi filwaqt li jingħata lok għal implimentazzjoni flessibbli u titnaqqas kemm jista’ jkun il-burokrazija żejda.

Dawk responsabbli mill-ġestjoni f’kull dipartiment tal-Kummissjoni vvalutaw l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern, u l-konklużjonijiet li rriżultaw minn din il-valutazzjoni ġew evalwati. Wara din il-valutazzjoni, tmien dipartimenti tal-Kummissjoni 92 rrapportaw nuqqasijiet f’oqsma speċifiċi flimkien mal-miżuri sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni effettiva. Madankollu, kumplessivament, id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni 93 kkonkludew li l-istandards tal-kontroll intern huma implimentati u qegħdin jaħdmu b’mod effettiv.

Fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja b’mod partikolari, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrapportaw dwar il-kisba tal-objettivi tal-kontroll intern iddefiniti fir-Regolament Finanzjarju 94 . Dawn huma miġburin fil-qosor fit-tliet sezzjonijiet li ġejjin.

2.1.1. Il-Ġestjoni tar-riskji għal-legalità u r-regolarità: Ammont f’riskju fl-għeluq

Ir-riskji għal-legalità u r-regolarità jiddependu l-aktar fuq żewġ fatturi: il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-modalità ta’ ġestjoni.

Fir-rigward tal-eliġibbiltà, tista’ ssir distinzjoni bejn l-iskemi ta’ nfiq li għalihom il-pagament jiddependi fuq l-ilħuq ta’ ċerti kundizzjonijiet, u skemi bbażati fuq rimborż tal-kostijiet attwali mġarrbin għall-attivitajiet eliġibbli. Dawn tal-aħħar jippreżentaw profil ta’ riskju ogħla peress li l-Kummissjoni trid tivverifika n-natura tal-kostijiet u l-preċiżjoni tal-kalkolu tal-kostijiet. Biex dan isir bil-preċiżjoni meħtieġa hemm bżonn li jsiru verifiki fuq il-post. Dawn il-verifiki jiswew il-flus u jinvolvu ħafna xogħol, u ma jistgħux jitwettqu qabel kull pagament. Il-kontrolli huma bbażati fuq kampjun ta’ tranżazzjonijiet u jitwettqu parzjalment qabel ma jsir il-pagament kif ukoll wara l-pagament fis-snin finanzjarji suċċessivi.

Fir-rigward tal-modalità ta’ ġestjoni, issir distinzjoni bejn ġestjoni diretta mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u dawk il-każijiet li fihom il-kompiti ta’ ġestjoni tal-baġit jingħataw lill-Istati Membri (ġestjoni kondiviża) jew lil korpi oħrajn, bħall-aġenziji deċentralizzati tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, impriżi konġunti jew pajjiżi mhux tal-UE (ġestjoni indiretta). Fl-2015, l-Istati Membri u korpi oħra implimentaw 77 % u 4 % tal-baġit tal-UE, rispettivament.

Fi ftit kliem, ir-riskji ewlenin għal-legalità u r-regolarità huma li jkunu ddikjarati b’mod eċċessiv il-kostijiet jew li dawn ikunu ineliġibbli u li l-informazzjoni li jipprovdu l-Istati Membri u l-korpi inkarigati ma tkunx affidabbli biżżejjed. Skont dan, iż-żewġ xpruni ewlenin tal-livell ta’ żbalji huma:

il-kumplessità tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li għandha impatt kbir fuq il-kosteffettività tal-kontrolli neċessarji. F’xi każijiet, il-kost tal-kontroll jista’ jkun sproporzjonalment ogħla u/jew l-iskariġġ tal-kontroll jista’ jkollu impatt ħażin fuq l-effettività tal-programm. Il-Kummissjoni hija impenjata attivament biex tevita dawn il-każijiet.

l-affidabbiltà tal-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri u korpi inkarigati oħra dwar is-sistemi ta’ kontroll tagħhom.

Il-Kummissjoni tuża l-kunċett ta’ "livell ta’ żbalji’ sabiex tivvaluta jekk l-operazzjonijiet finanzjarji ġewx implimentati f’konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli. Il-livell ta’ żbalji huwa ddefinit bħala l-aħjar stima mill-uffiċjal awtorizzanti, filwaqt li jqis l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli u juża ġudizzju professjonali, tan-nefqa jew tad-dħul li jinstabu li qegħdin jiksru d-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli meta ġew awtorizzati l-operazzjonijiet finanzjarji. Il-livell ta’ żbalji jitkejjel f’waqtiet differenti ta’ żmien, skont l-iskop tal-kejl. Il-kunċetti u l-indikaturi huma ddefiniti u spjegati f’aktar dettall fl-Anness 2.

Sabiex tingħata stampa kumplessiva, l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega rrapportaw l-aħjar stimi tagħhom tal-ammont f’riskju għall-baġit taħt ir-responsabbiltà tagħhom u tal-korrezzjonijiet li jistennew li jimplimentaw fil-ġejjieni. 95 Il-paragun ta’ dawn iż-żewġ ċifri jipprovdi stima tal-ammont f’riskju fl-għeluq, jiġifieri l-livell ta’ żbalji wara li l-miżuri korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fl-għeluq tal-programmi. 96

L-ammont f’riskju fl-għeluq jirrappreżenta l-fehma tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem is-sena finanzjarja dwar il-prestazzjoni tal-kontrolli implimentati qabel il-pagament (preventivi, ex ante) u wara l-pagament (korrettivi, ex post). Jirrifletti kif xieraq il-fatt li ċ-ċiklu ta’ kontroll huwa multiannwali u li jistgħu jiġu implimentati miżuri korrettivi ulterjuri sal-għeluq 97 . Ta’ min jinnota li l-ammont f’riskju ma jikkorrispondix għall-ammonti li se jiġu rkuprati fl-aħħar mill-aħħar. Huwa stima tan-nefqa li tinstab li qiegħda tikser dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli. Dan jista’ jinkludi żbalji ta’ natura formali li, għad li huma importanti, ma jirriżultawx f’pagamenti mhux dovuti u għalhekk għal uħud mill-iskemi, dawn ma jagħtux lok għal ordnijiet ta’ rkupru jew korrezzjonijiet finanzjarji.

Perspettiva fl-għeluq

rigward in-nefqa tal-2015

Il-qasam

Nefqa totali rilevanti 98 fl-2015

L-ammont stmat f’riskju fil-waqt tal-pagament b’rabta man-nefqa tal-2015 99  

Korrezzjonijiet futuri stmati

Ammont stmat f’riskju fl-għeluq wara li jitqiesu l-korrezzjonijiet futuri

L-inqas valur

L-ogħla valur

L-inqas valur

L-ogħla valur

L-inqas valur

L-ogħla valur

Agrikoltura

57 677

1 167

1 066

101

Koeżjoni 100

54 284

1 545

2 702

874

1 435

672

1 267

Relazzjonijiet esterni

9 713

281

62

219

Riċerka

12 482

259

290

127

132

163

Politiki interni oħra

3 488

32

38

11

21

27

Amministrazzjoni

5 683

19

22

1

18

21

Total

143 328

3 303

4 500

2 141

2 702

1 162

1 798

Tabella 1: In-nefqa fl-2015, flimkien mal-ammont stmat f’riskju għall-pagamenti tal-2015 u korrezzjonijiet futuri stmati għall-pagamenti tal-2015 (f’miljuni ta’ EUR)



L-ammont stmat f’riskju fil-waqt tal-pagament jirrappreżenta bejn 2,3 % u 3,1 % tan-nefqa rilevanti tal-2015. L-ammont stmat f’riskju fil-waqt tal-pagament jiddependi ħafna fuq it-taħlita bejn il-prefinanzjament, il-pagamenti interim, il-pagamenti finali u l-prefinanzjament ikklirjat relatat taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, (il-pagamenti tal-2015 fihom proporzjonalment volum għoli ta’ prefinanzjament għall-programmi attwali). Meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2014, l-ammont f’riskju fil-waqt tal-pagament naqas b’xi 10 %. Dan huwa dovut b’mod partikolari għat-tnaqqis fl-ammont f’riskju rrapportat fl-agrikoltura.

Il-korrezzjonijiet futuri stmati huma l-ammont tan-nefqa li jikser id-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali applikabbli, li d-DĠ jistima b’mod konservattiv li se jidentifika u jikkoreġi permezz tal-kontrolli implimentati wara li jiġi awtorizzat il-pagament. Bħala regola ġenerali, l-istimi huma bbażati fuq l-ammont medju ta’ korrezzjonijiet u rkupri finanzjarji, u jiġu aġġustati meta jkun hemm bżonn speċjalment sabiex jiġu newtralizzati (i) l-elementi li ma għadhomx validi skont il-qafas ġuridiku l-ġdid u (ii) l-avvenimenti ta’ darba. Il-korrezzjonijiet futuri stmati li jirriżultaw jirrappreżentaw bejn 1,5 % u 1,9 % tan-nefqa rilevanti totali.

L-ammont stmat f’riskju fl-għeluq wara li jkunu ġew implimentati l-miżuri korrettivi kollha jirrappreżenta bejn 0,8 % u 1,3 % tan-nefqa totali tal-2015. B’hekk, il-mekkaniżmi korrettivi multiannwali se jipproteġu b’mod adegwat il-baġit tal-UE min-nefqa bi ksur tal-liġi.

Fis-sitwazzjoni attwali, tajjeb li jiġi spjegat għadd ta’ fatturi li jista’ jkollhom influwenza sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-ammont f’riskju fis-snin li ġejjin:

Għall-Koeżjoni, iċ-ċifri juru li għall-programmi 2007-2013, l-ammont f’riskju fil-waqt tal-pagament kien jirrappreżenta anqas minn 5 % tan-nefqa. Sabiex dan ir-riskju jkun ġestit b’mod effettiv, ir-Regolament 101 għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-pagamenti interim għandhom jiġu rimborżati bir-rata ta’ 90 % 102 . Il-pagament / l-irkupru tal-bilanċ finali jikkostitwixxi l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-preċiżjoni u tal-kompletezza tan-nefqa stabbilita fil-kontijiet annwali finali ċċertifikati, iżda mhux rikonoxximent definittiv tal-legalità u tar-regolarità tiegħu. L-aħħar stadju tal-proċess jikkonsisti f’awditi mmirati ta’ konformità, imwettqa mill-Kummissjoni, li jistgħu xorta jiskattaw korrezzjonijiet finanzjarji netti.

Għar-Riċerka, fil-waqt tar-rapportar, ir-rata multiannwali komuni rappreżentattiva għas-Seba’ Programm Qafas hija ta’ 4,47 %. Din hija r-referenza ewlenija għad-Direttorati Ġenerali li jġestu l-programm. Wara li jitqiesu l-irkupri u l-korrezzjonijiet, ir-rati ta’ żbalji residwi jibqgħu ’il fuq minn 2 %. Għal dawn ir-raġunijiet, dawn id-Direttorati Ġenerali żammew ir-riżervi tagħhom għas-Seba’ Programm Qafas fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom. Madankollu, minħabba l-istruttura tan-nefqa li bħalissa hija ġestita mid-Direttorati Ġenerali kkonċernati u l-volum ta’ prefinanzjament għal Orizzont 2020 u nfiq ieħor b’riskju baxx li sar matul l-2015, l-iżball medju ponderat irrapportat minn dawn id-Direttorati Ġenerali huwa anqas b’mod sinifikanti. Huwa importanti li jkun enfasizzat li r-regolamenti għal Orizzont 2020 żammew il-prinċipju tal-mekkaniżmu eżekuttiv tal-għotjiet, abbażi tar-rimborż tal-kostijiet eliġibbli, filwaqt li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-parteċipanti (pereżempju permezz tas-simplifikazzjoni tal-kriterju ta’ eliġibbiltà). Is-simplifikazzjonijiet li ddaħħlu f’Orizzont 2020 jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu r-rata ta’ żbalji rappreżentattiva minn 5 % għal 3,5 %, bir-Rata ta’ Żbalji Residwi tkun kemm jista’ jkun qrib it-2 %. Meta jitqies li l-livell ta’ żbalji huwa mistenni li jkun simili għall-FP7 jew anqas minnu, il-kwistjoni tar-riżervi għal Orizzont 2020 fid-dikjarazzjonijiet ta’ aċċertament għas-snin li ġejjin se jkollha tiġi kkunsidrata bir-reqqa.

Fl-2015, il-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji totali kkonfermati ammontaw għal EUR 3 499 miljun (2014: EUR 4 728 miljun). Dan l-ammont fih il-korrezzjonijiet u l-irkupri kollha kkonfermati matul l-2015 indipendentement mis-sena li matulha kienet intefqet in-nefqa inizjali. Il-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji jiġu kkonfermati meta jkunu maqbulin mill-Istat Membru kkonċernat jew meta jkunu adottati permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Grafika 8: Rendikont imqassam skont il-qasam ta’ politika tal-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji kkonfermati fl-2015 f’miljuni ta’ EUR

Hemm aktar dettalji dwar dawn iċ-ċifri u dwar il-mekkaniżmi preventivi u korrettivi fil-Komunikazzjoni annwali dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE. 103  

2.1.2. Il-kosteffettività u s-simplifikazzjoni tal-kontrolli

Bħal kull organizzazzjoni oħra, il-Kummissjoni trid tara li ssir allokazzjoni bl-aħjar mod tar-riżorsi tagħha, b’tali mod li jkunu riflessi l-prijoritajiet politiċi tagħha, l-obbligi legali u istituzzjonali tagħha, u jsir adattament għall-iżviluppi tal-politika. Fil-kuntest ta’ riżorsi umani li dejjem qegħdin jonqsu u sfidi dejjem akbar li qiegħda taffaċċja l-UE, huwa ta’ importanza fundamentali li r-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effiċjenti.

Il-Kummissjoni ilha mill-2013 tnaqqas il-postijiet fit-tabella tal-persunal b’1 % fis-sena bl-għan li tikseb tnaqqis ta’ 5 % (1 254 post) sal-2017. L-istess tnaqqis ġie applikat f’termini ta’ ekwivalenti għall-full-time għal persunal estern (aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati). B’mod parallel, sabiex tindirizza l-isfidi l-ġodda, il-Kummissjoni qiegħda tqassam mill-ġdid b’mod attiv il-postijiet bejn is-servizzi sabiex tittrasferixxi r-riżorsi lejn oqsma ta’ prijorità. Fl-2016 se jissoktaw inizjattivi sabiex titjieb il-kundizzjoni organizzazzjonali tal-Kummissjoni, l-effiċjenza ġenerali tagħha u sabiex jerġgħu jiġu prijoritizzati r-riżorsi. 104  

Kull wieħed mit-48 dipartiment tal-Kummissjoni vvaluta l-kosteffettività u l-effiċjenza tas-sistemi ta’ kontroll tiegħu u rrapporta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tiegħu fir-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu. Din il-valutazzjoni ilha ssir mill-2013 u baqgħet titjieb sena wara sena. Fl-2014, seba’ dipartimenti ma setgħux joħorġu konklużjoni minħabba nuqqas ta’ dejta komparabbli u diffikultajiet fl-istima tal-benefiċċji tal-kontrolli. Fl-2015, żewġ dipartimenti biss ma setgħux joħorġu konklużjoni. Iż-żewġ dipartimenti ħadu miżuri ta’ rimedju u qegħdin jistennew li jkunu jistgħu joħorġu konklużjoni fl-2016.

Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ġew mistiedna jirrevedu s-sistemi ta’ kontroll tagħhom sabiex jiżguraw li huma bbażati fuq ir-riskji, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kosteffettività tagħhom u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-ambjent maniġerjali u tan-natura tal-azzjonijiet iffinanzjati. Sa tmiem l-2015, 25 dipartiment għamlu hekk; nofshom 105 ħadu miżuri sabiex itejbu l-kosteffiċjenza filwaqt li l-oħrajn 106 ikkonkludew li ma kienx hemm bżonn li ssir bidla. Id-dipartimenti li fadal huma mistennija jimplimentaw il-miżuri jew iwettqu r-rieżami tagħhom fl-2016.

Il-ħidma fuq is-simplifikazzjoni għamlet progress ukoll bit-tħejjija tat-tnedija mill-ġdid tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar is-Simplifikazzjoni. Għall-ewwel darba, il-monitoraġġ tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit se jitwettaq mhux biss fil-livell tal-Kummissjoni iżda wkoll fil-livell ta’ Stat Membru. Issoktat ukoll il-ħidma biex ikunu ssimplifikati r-regoli finanzjarji fid-dawl tat-tħejjija ta’ pakkett ta’ simplifikazzjoni flimkien mar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-QFP.

Il-Kummissjoni qegħda tkompli timmira lejn is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja, il-kontroll, il-kontabilità u l-awditjar.

2.1.3. L-istrateġiji kontra l-frodi

Il-Kummissjoni għandha fis-seħħ Strateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS). L-objettiv tagħha huwa li jitjiebu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi u li jiġu żgurati sanzjonijiet, irkupru u deterrenza adegwati, speċjalment bl-introduzzjoni ta’ strateġiji kontra l-frodi fil-livell tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. L-istrateġija tkopri ċ-ċiklu kollu ta’ kontra l-frodi: il-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, l-issanzjonar u l-irkupru ta’ fondi użati b’mod ħażin. Tkopri d-dħul u n-nefqa taħt il-baġit tal-UE u tikkonċerna l-kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-pajjiżi mhux tal-UE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-enfasi fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

Id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni implimentaw Strateġiji Kontra l-Frodi (AFS) speċifiċi għal kull DĠ f’konformità mar-rekwiżit tas-CAFS. Isir monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-AFSs. Tul l-aħħar tliet snin, id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni aġġornaw jew dalwaqt se jaġġornaw l-AFS tagħhom. Wara awditu mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS), 107 li rrikonoxxa l-passi pożittivi li diġà ttieħdu mill-OLAF u mid-Direttorati Ġenerali li ttieħed kampjun tagħhom biex jistabbilixxu u jimplimentaw l-AFS, il-gwida metodoloġika dwar it-tfassil u l-kontenut tal-AFS 108 ġiet aġġornata u diskussa fin-Netwerk għall-Prevenzjoni u d-Detezzjoni tal-Frodi mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni. Se sservi bħala l-bażi għal aġġornamenti tal-AFS fis-snin li ġejjin.

Kull sena l-Kummissjoni tadotta rapport dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (ir-rapport PIF) li jiddeskrivi l-esponiment tal-fondi tal-UE għall-frodi u għall-irregolaritajiet u jiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu sabiex il-fondi tal-UE jkunu protetti. Billi jagħti informazzjoni fid-dettall dwar il-livell ta’ frodi li jirrapportaw l-Istati Membri tul il-baġit kollu tal-UE, ir-rapport jgħin ukoll biex jiġi evalwat liema oqsma huma l-aktar f’riskju, biex b’hekk jgħin biex l-azzjoni tiġi mmirata b’mod aktar effettiv kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

Il-Kummissjoni allinjat ir-Regolament Finanzjarju mad-Direttivi tal-2014 tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw ukoll protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni: mill-1 ta’ Jannar 2016 daħlet fis-seħħ Sistema ġdida ta’ Detezzjoni u ta’ Esklużjoni Bikrija. Bord ċentrali speċjalizzat jista’ jirrakkomanda li jiġu esklużi kumpaniji u individwi mhux affidabbli milli jkollhom aċċess għall-fondi tal-UE. F’ċerti każijiet jistgħu jiġu imposti penali finanzjarji wkoll. Dawn is-sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jsiru pubbliċi. Filwaqt li d-drittijiet tad-difiża tat-tali kumpaniji jew individwi huma ggarantiti, ir-regoli l-ġodda jippermettu azzjoni b’ħafna aktar ħeffa, b’tali mod li, effettivament, min japplika għal fondi tal-UE u jkun involut fi frodi, korruzzjoni jew aġir jew attivitajiet oħra illegali jintwera l-karta l-ħamra.

L-eżempji li ġejjin ta’ kisbiet fl-2015 qegħdin jixhdu l-isforzi tal-Kummissjoni:

-Id-DĠ FISMA żviluppa għodda tal-IT għall-Ġestjoni tal-Avvenimenti (EMT). Din l-għodda tikkonsisti f’bażi ta’ dejta li twassal għal aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-laqgħat u tal-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati. L-EMT tgħin lill-persunal jevita duplikazzjoni tal-laqgħat u tiffaċilita l-identifikazzjoni ex post u ż-żamma ta’ rekord tad-diskussjonijiet li jsiru. Tgħin ukoll sabiex jiġu evitati u individwati l-possibbiltajiet ta’ kunflitt ta’ interess.

-Id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO ppreżentaw f’27 Stat Membru l-għodda ta’ għoti ta’ punteġġi għar-riskji, ARACHNE, u sa issa, 16-il Stat Membru għażlu li jittestjawha. ARACHNE għandha l-għan li tistabbilixxi bażi ta’ dejta komprensiva ta’ dejta finanzjarja u operazzjonali dwar proġetti u dwar il-benefiċjarji sabiex jitwettaq, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, għoti ta’ punteġġi ta’ riskju li jippermetti l-identifikazzjoni tal-aktar proġetti riskjużi għall-iskop tal-għażla u tal-kontrolli tal-proġetti. L-eżekuzzjoni ta’ din l-għodda tifforma parti mill-azzjonijiet kontra l-frodi previsti fl-Istrateġija Konġunta Kontra l-Frodi għad-DĠ REGIO, DĠ EMPL u DĠ MARE fl-ambitu tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-FEMS. Tippermetti wkoll li jiġu identifikati l-indikaturi ta’ irregolaritajiet jew frodi potenzjali meta jkunu se jiġu approvati proġetti futuri jew tkun qiegħda tiġi evalwata l-implimentazzjoni tagħhom.

-Id-DĠ AGRI organizza seminars kontra l-frodi għall-persunal tal-aġenziji tal-pagamenti għall-fondi tal-agrikoltura fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi kandidati. Kumplessivament, aktar minn 40 avveniment ta’ dan it-tip laħqu qrib l-4 000 membru tal-persunal.

2.2 Aċċertament tal-ġestjoni

Fir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-2015 tagħhom, it-48 Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega kollha ddikjaraw li kienu raġonevolment ċerti li l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tippreżenta fehma vera u ġusta; ir-riżorsi assenjati lill-attivitajiet deskritti fir-rapport intużaw għall-finijiet intenzjonati tagħhom u f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; u li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji neċessarji fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega evalwaw ir-riżultati tal-kontroll u l-elementi l-oħra kollha rilevanti li jappoġġjaw l-aċċertament tagħhom fuq il-kisba tal-objettivi ta’ kontroll. Qiesu kull dgħufija sinifikanti identifikata u vvalutaw l-impatt kumulattiv tagħhom fuq l-aċċertament, kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, bl-għan li jiġi ddeterminat jekk kinitx materjali. B’hekk, 30 Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega pprovdew aċċertament mhux ikkwalifikat, filwaqt li ġew ikkwalifikati 18-il dikjarazzjoni b’total ta’ 33 109  riżerva. L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega pprovdew aċċertament raġonevoli mhux ikkwalifikat għal operazzjonijiet ta’ dħul, peress li r-riżervi kollha kienu jikkonċernaw in-nefqa.

Il-kwalifikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ aċċertament b’riżervi hija fundamentali għal finijiet ta’ responsabbiltà. Tipprovdi trasparenza fir-rigward tal-isfidi u n-nuqqasijiet affaċċjati, fuq il-miżuri previsti li jindirizzaw il-kwistjonijiet sottostanti u stima tal-impatt tagħhom. Għad li ħafna minnhom jinħarġu fid-dawl ta’ konklużjonijiet dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-pagamenti passati, kollha għandhom effett pożittiv u preventiv fil-ġejjieni, peress li l-miżuri ta’ rimedju jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll u jiġu bblukkati l-pagamenti futuri għall-Politika ta’ Koeżjoni u għall-FEMS (proċeduri ta’ interruzzjoni/sospensjoni). Il-pjanijiet ta’ azzjoni żviluppati f’rabta mar-riżervi 110 għandhom l-għan speċifiku li jrażżnu r-riskji futuri.

Kien hemm 21 riżerva rikorrenti u 12 ġodda. Id-DĠ NEAR neħħa tnejn, 111 id-DĠ AGRI neħħa waħda 112 u d-DĠ REGIO għaqqad żewġ riżervi f’waħda 113 .

In-nefqa affettwata minn riżervi kwantifikabbli naqset b’EUR 14 543 miljun (minn EUR 44 392 miljun fl-2014 għal EUR 29 849 miljun). Dan huwa l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżervi fir-relazzjonijiet esterni kif ukoll minħabba tnaqqis kbir (ta’ EUR 7 400 miljun) fir-riżerva tad-DĠ AGRI li tikkonċerna s-sostenn dirett tal-FAEG, flimkien mal-miżuri preventivi li ttieħdu fl-ambitu tal-Politika ta’ Koeżjoni biex jiġu interrotti/sospiżi l-pagamenti tal-UE hekk kif ikunu identifikati nuqqasijiet fis-sistemi ta’ eżekuzzjoni tal-Istati Membri. L-ammont f’riskju għan-nefqa taħt riżerva huwa stmat għal EUR 1 324 miljun. Ir-riżultati skont il-qasam ta’ politika jinsabu fit-Tabella 2. Ir-riżultati dettaljati skont id-dipartiment huma stabbiliti fl-Anness 1.

Qasam ta’ politika 114

Pagamenti totali għall-2015

Pagamenti għall-2015 ikkonċernati minn riżervi – kamp ta’ applikazzjoni

Ammont f’riskju fil-waqt tar-rapportar

Agrikoltura

56 946

19 922

760

Koeżjoni 115

53 822

4 305

296

Relazzjonijiet Esterni 116  

10 231

2 895

97

Riċerka

14 077

2 650

160

Politiki interni oħra

4 029

78

10

Amministrazzjoni

5 676

Total

144 781

29 849

1 324

Tabella 2: Kamp ta’ applikazzjoni u ammont 117 f’riskju tar-riżervi tal-2015 f’miljuni ta’ EUR

Wara tliet snin joħroġ riżerva li tkopri l-baġit sħiħ tiegħu, id-DĠ DEVCO żviluppa metodoloġija affidabbli, li tippermetti li nfiq anqas riskjuż jiġi eskluż mill-ambitu tar-riżerva ewlenija tiegħu. Il-metodoloġija hija bbażata fuq il-kalkolu tal-indiċijiet tar-riskju, li jirriflettu l-frekwenza tal-iżbalji identifikati f’kull segment tan-nefqa tul il-perjodu 2012-2014. Bħalissa, l-ambitu tar-riżerva ġie ridott għal għotjiet fil-ġestjoni diretta u n-nefqa fil-ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri; li jirrappreżentaw 45 % tal-baġit tagħhom.

Id-DĠ NEAR ħareġ dikjarazzjoni ta’ aċċertament mhux ikkwalifikata, filwaqt li qajjem iż-żewġ riżervi li kienu introdotti s-sena l-oħra peress li l-valutazzjoni tiegħu tal-livell ta’ żbalji, tibqa’, fil-każijiet kollha, anqas minn 2 %. Għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), għall-parti li taqa’ taħt il-ġestjoni indiretta, id-DĠ NEAR applika metodoloġija ġdida fl-2015; li sserraħ fuq l-Awtoritajiet tal-Awditjar mill-pajjiżi benefiċjarji abbażi ta’ awditi ta’ affidament dettaljati. Peress li d-daqs tal-popolazzjoni awditjata f’kull pajjiż kien għadu mhux kbir biżżejjed, din il-metodoloġija ma rendietx riżultati rappreżentattivi biżżejjed. Sabiex jipprovdi valutazzjoni aktar prudenti, id-DĠ NEAR iddeċieda li jistima l-livell ta’ żbalji billi juża r-rati ta’ żbalji storiċi għal dan il-mod ta’ ġestjoni u li jesprimih bħala medda. Id-DĠ NEAR biħsiebu jsaħħaħ ulterjorment il-metodoloġija fl-2016. Kif deskritt fit-Taqsima 2.3 u fl-Anness 3, l-IAS issuġġerixxa wkoll għadd ta’ titjib fir-rigward tal-metodoloġija applikata mid-DĠ NEAR.

Ir-riżervi introdotti ġodda jikkonċernaw ammont f’riskju ta’ EUR 35 miljun:

-Id-DĠ DEVCO, dwar il-ġestjoni tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (APF), minħabba għadd ta’ riskji u nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern irrapportati matul awditu intern li tlesta kmieni fl-2016. Il-miżuri ta’ rimedju jinkludu l-monitoraġġ tal-APF, arranġamenti ta’ governanza u għall-koordinazzjoni bejn id-DĠ DEVCO, id-Delegazzjonijiet tal-UE u s-SEAE u l-valutazzjoni u l-monitoraġġ istituzzjonali tal-arranġamenti ta’ sħubija mal-Unjoni Afrikana. B’mod parallel, task force tissorvelja proġetti u programmi ġodda sabiex tintegra dispożizzjonijiet adatti fid-deċiżjonijiet u d-dokumenti kuntrattwali skont il-bżonn.

-Ġew introdotti ħames riżervi ġodda 118 peress li l-kontrolli ex post imwettqin fl-2015 indikaw rata ta’ żbalji residwi li taqbeż it-2 %.

-Ir-riżervi tad-DĠ HOME u tad-DĠ JUST dwar programmi ta’ għotja li ma jirrigwardawx ir-riċerka, ma kinux jindikaw nuqqasijiet addizzjonali jew identifikati ġodda. Kienu r-riżultat ta’ kriterji ta’ materjalità mtejba li ppermettew li s-setturi kkonċernati minn ammont akbar ta’ żbalji jitpoġġew aħjar fil-mira. Ir-riżerva tad-DĠ HOME dwar l-FP7 Riċerka tirrifletti li dan sar għalhekk responsabbli għall-ġestjoni tal-programm, iżda n-nefqa diġà kienet taħt riżerva fis-snin ta’ qabel fid-DĠ GROW.

-Finalment, id-DĠ EMPL introduċa riżerva rigward il-programmi 2014-2020. Din tikkonċerna programm operazzjonali wieħed li fih awditu identifika nuqqasijiet sinifikanti fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Dan ma għandu ebda impatt fuq l-ammont f’riskju fil-waqt tar-rapportar, peress li r-riskju potenzjali huwa kopert miż-żamma ta’ 10 % fuq il-pagamenti interim.

Ir-riżervi mhux ikkwantifikati l-ġodda 119 jikkonċernaw:

-Id-DĠ HOME jirreferi għal nuqqasijiet fil-programmi annwali magħluqin sal-2011 f’ġestjoni kondiviża, li għalihom ma sar ebda pagament fl-2015.

-Ir-riżerva tad-DĠ ENER tirriżulta mill-inadegwatezza tal-valutazzjoni tagħha fl-2014 tal-kundizzjonalitajiet ex ante li jridu jiġu ssodisfati mill-Istati Membri għall-Programmi ta’ Assistenza għad-Dekommissjonar ta’ Siti Nukleari, kif jeħtieġu r-Regolamenti, 120 b’mod partikolari rigward ir-robustezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament. Id-DĠ ENER diġà ħa miżuri sabiex jindirizza dan in-nuqqas. Barra minn hekk, se jwettaq rieżami/valutazzjoni fil-profond tar-robustezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament f’kull Stat Membru kkonċernat sa Ottubru 2016.

Dawn ir-riżervi jaffettwaw l-oqsma tal-infiq ewlenin kollha (l-Agrikoltura, il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, ir-Relazzjonijiet esterni, u r-Riċerka u Politiki interni oħra). Fil-każijiet kollha, l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega rilevanti adottaw pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jindirizzaw id-dgħufijiet sottostanti u jtaffu r-riskji li jirriżultaw minnhom.

Fejn ir-rati ta’ żbalji jkunu għolja b’mod persistenti, ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-Kummissjoni tidentifika d-dgħufijiet fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi u/jew fis-sistema ta’ kontroll, tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri korrettivi possibbli u tieħu jew tipproponi azzjoni xierqa. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ġew mibdula fil-programmi 2014-2020. Dawn il-programmi għadhom fi stadju bikri ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se tkun tista’ tiddetermina l-effetti tal-miżuri l-ġodda fuq il-livell ta’ żbalji biss matul iż-żmien. Il-Kummissjoni se tipprovdi rapport qabel tmiem is-sena dwar rati ta’ żbalji għoljin u persistenti f’ċerti oqsma (ara t-Taqsima 2.1.1).

2.3 Aċċertament miksub permezz tal-ħidma tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS)

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni bbażaw ukoll l-aċċertament tagħhom fuq il-ħidma li twettqet mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u fuq l-informazzjoni mingħand il-Kumitat tal-Progress tal-Awditjar (APC, Audit Progress Committee). L-Anness 3 ta’ dan ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni jinkludi aktar informazzjoni dwar l-aċċertament ipprovdut mill-IAS. Rapport ta’ sinteżi tal-ħidma tal-awditur intern se jintbagħat lill-awtorità ta’ kwittanza skont l-Artikolu 99(5) tar-Regolament Finanzjarju.

L-IAS ikkonkluda li 91 % tar-rakkomandazzjonijiet segwiti matul l-2011-2015 kienu ġew effettivament implimentati mill-partijiet awditjati. Mill-455 rakkomandazzjoni (26 %) li kienu għadhom għaddejjin, waħda hija kklassifikata bħala kritika u 162 bħala importanti ħafna (ma’ din iċ-ċifra għandha tiżdied rakkomandazzjoni importanti ħafna pendenti oħra minn rapport tal-awditjar maħruġ fl-2010). Minn dawn il-164 rakkomandazzjoni meqjusin kritiċi u importanti ħafna, 32 importanti ħafna iżda mhux kritiċi kienu skadew b’aktar minn sitt xhur fi tmiem l-2015, u dan jirrappreżenta 1,9 % tal-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati ta’ dawn l-aħħar ħames snin. Il-ħidma ta’ segwitu tal-IAS ikkonfermat li, b’mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu implimentati b’mod sodisfaċenti u li s-sistemi ta’ kontroll fid-dipartimenti awditjati qegħdin jitjiebu.

Barra minn hekk, wara ċ-ċentralizzazzjoni tal-uffiċċju tal-awditjar intern fl-2015, 121 l-IAS ħareġ għall-ewwel darba konklużjoni dwar l-istat tal-kontroll intern għal kull DĠ u dipartiment fi Frar 2016. Dawn il-konklużjonijiet kienu maħsubin sabiex jikkontribwixxu għar-Rapporti Annwali tal-Attività 2015 tad-Direttorati Ġenerali u d-dipartimenti kkonċernati u ħadu post dik li qabel kienet opinjoni tal-IAC dwar l-istat tal-kontroll. Il-konklużjonijiet jagħtu attenzjoni partikolari lir-rakkomandazzjonijiet miftuħin kollha kklassifikati “kritiċi” jew l-effett f’daqqa ta’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ikklassifikati “importanti ħafna” u f’erba’ każijiet (id-DĠ DEVCO, id-DĠ ENER, id-DĠ CLIMA u l-JRC) l-IAS iddikjara li jista’ jkun hemm bżonn tal-ħruġ ta’ riżerva fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-dipartiment ikkonċernat. Filwaqt li tliet Direttorati Ġenerali ħarġu riżervi f’konformità mal-konklużjonijiet limitati tal-IRC, il-JRC ma daħħal l-ebda riżerva fir-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu.

Filwaqt li jiġi rikonoxxut li hemm sfida fir-rigward tal-finanzjament fuq medda twila ta’ żmien, fl-2015 ma mmaterjalizza ebda riskju u l-amministrazzjoni tal-JRC tqis li ma hemm l-ebda riskju għall-2016. Rigward l-impatt tal-effett f’daqqa tal-erba’ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna tal-IAS, ir-riskji ġew ivvalutati kif ġej, mill-uffiċjal awtorizzanti tal-JRC:

-Fil-pjan ta’ azzjoni ddaħħlu miżuri sabiex ikun żgurat l-għoti ta’ aċċertament fit-tul;

-L-arkitettura operazzjonali attwali tipprovdi aċċertament raġonevoli fuq terminu qasir sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-JRC;

-Fir-rigward tar-riskju finanzjarju, l-ittestjar sostanzjali kien sodisfaċenti u ma ġie osservat l-ebda żball.

Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, l-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega tal-JRC wasal għall-konklużjoni li r-rakkomandazzjonijiet li nħarġu ma jagħtu lok għall-ebda implikazzjoni ta’ aċċertament u qegħdin jiġu implimentati bħala parti mill-isforzi kontinwi f’termini ta’ titjib ulterjuri. L-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega tal-JRC jidhirlu li l-fatt li l-pjan ta’ azzjoni għal dan l-awditu sofra dewmien ma jikkwalifikax għal riżerva billi ma mmaterjalizza l-ebda riskju matul l-2015.

Kif meħtieġ mill-Karta tal-Missjoni tiegħu, l-awditur intern tal-Kummissjoni ppreżenta wkoll Opinjoni Ġenerali, ibbażata kemm fuq il-ħidma tiegħu stess (2013-2015) kif ukoll fuq dik ta’ dawk li kienu l-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern (2013-2014), u li tiffoka fuq il-ġestjoni finanzjarja. Din ikkunsidrat li, fl-2015, il-Kummissjoni waqqfet proċeduri ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern li, meta meqjusin flimkien, huma adegwati biex jagħtu aċċertament raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi finanzjarji tagħha. Madankollu, l-opinjoni kumplessiva hija kwalifikata fir-rigward tar-riżervi kif espressi fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Aċċertament tal-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega u maħruġin fir-Rapporti Annwali tal-Attività rispettivi tagħhom.

Sabiex wasal għal din l-opinjoni, l-IAS qies l-impatt f’daqqa tal-ammonti stmati f’riskju skont kif iddivulgati fir-Rapporti Annwali tal-Attività fid-dawl tal-kapaċità korrettiva kif jidher mill-korrezzjonijiet finanzjarji u mill-irkupri tal-passat. Minħabba l-kobor tal-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri tal-passat u jekk wieħed jassumi li l-korrezzjonijiet tal-pagamenti tal-2015 se jsiru f’livell komparabbli, l-IAS qies li l-baġit tal-UE huwa protett b’mod adegwat fl-intier tiegħu u matul iż-żmien.

Mingħajr ma kkwalifika l-opinjoni ulterjorment, l-awditur intern żied tliet “osservazzjonijiet” li huma deskritti fl-Anness 3 ta’ dan ir-rapport. Dawn jirrigwardaw:

-strateġiji ta’ kontroll fil-qasam ta’ Riċerka għall-programmi 2014-2020;

-strateġiji ta’ superviżjoni rigward linji ta’ politika u programmi ta’ implimentazzjoni tal-partijiet terzi; u

-d-Dekommissjonar ta’ siti nukleari u l-Programm ta’ Mmaniġġjar tal-Iskart fil-JRC.

2.4 Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar estern u tal-kwittanza

Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tiegħu għas-sena finanzjarja 2014 fit-28 ta’ April 2016 wara li eżamina b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni mir-Rapport Annwali tal-2015 u r-rapporti speċjali rilevanti tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri.

Il-Parlament qiegħed jistenna impenn sod min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tagħmel progress ulterjuri f’oqsma speċifiċi identifikati bħala prijoritajiet tal-kwittanza. Dawn jikkonċernaw l-aktar approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati għall-implimentazzjoni tal-baġit, il-ġestjoni baġitarja u l-governanza interna tal-Kummissjoni. Matul il-proċedura ta’ kwittanza, il-Viċi President Georgieva, f’isem il-Kummissjoni, spjegat lill-Parlament kif il-Kummissjoni biħsiebha tagħti segwitu lill-azzjonijiet ta’ prijorità tal-Parlament.

Il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni ta’ kwittanza tiegħu fit-12 ta’ Frar 2016 li permezz tagħha fost l-oħrajn jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Awtorità tal-Baġit fl-2016 rapport komprensiv dwar l-oqsma li fihom il-livell ta’ żbalji identifikat huwa persistentement għoli u dwar minn fejn ġejjin l-iżbalji f’konformità mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni se twettaq ir-rieżami rilevanti. Oqsma oħrajn li fihom il-Kunsill jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni jikkonċernaw il-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, il-miżuri ta’ simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-approċċ orjentat lejn ir-riżultati fl-UE.

Il-Kummissjoni se tħejji rapport komprensiv fl-2016 dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta’ kwittanza mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Kif inhu wkoll il-każ għar-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni ħadet impenn li tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet aċċettati jiġu implimentati b’mod sistematiku, filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet marbutin mal-kosteffiċjenza u l-kostijiet f’termini ta’ benefiċċji. Is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni se jinkludi każijiet speċifiċi f’ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri li fihom il-Kummissjoni għandha rwol superviżorju x’taqdi. Pereżempju, għad li r-rakkomandazzjoni sabiex isir użu aħjar mill-opzjonijiet ta’ kostijiet issimplifikati stipulati fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament dwar il-FSE kienet indirizzata lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi b’mod attiv l-użu ta’ opzjonijiet ta’ kostijiet issimplifikati mill-Istati Membri u ħarġet gwida prattika estensiva.

Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet marbutin mal-kompetenzi nazzjonali li jmorru lil hinn mir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom jingħataw segwitu mill-Istati Membri nfushom. Pereżempju, il-monitoraġġ mitlub dwar jekk l-Istati Membri stabbilixxewx sistemi ta’ rispons sabiex itejbu s-sejħiet għal proposti jew il-proċeduri tal-offerti fl-iżvilupp rurali taħt il-qafas ġuridiku attwali mhuwiex responsabbiltà tal-Kummissjoni u ma jistax jiġi żgurat mid-dipartimenti tagħha.

Konklużjoni dwar il-kisbiet tal-ġestjoni

Ir-Rapporti Annwali tal-Attività juru li d-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni implimentaw kontrolli interni solidi u jipprovdu evidenza tal-isforzi meħudin sabiex ikun hemm titjib fil-kosteffiċjenza, ir-regoli jkunu ssimplifikati ulterjorment u l-baġit ikun protett b’mod adegwat minn frodi, żbalji u irregolaritajiet.

L-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega kollha pprovdew aċċertament raġonevoli għad li, fejn xieraq, dan kien ikkwalifikat b’riżervi. Dawn ir-riżervi huma fundamentali fil-katina tar-responsabbiltà. Jispjegaw l-isfidi u d-dgħufijiet affaċċjati kif ukoll il-miżuri previsti sabiex dawn jiġu indirizzati u stima tal-impatt tagħhom.

Il-Kummissjoni tistieden lid-Direttorati Ġenerali kollha li jimplimentaw il-baġit f’ġestjoni kondiviża flimkien mal-Istati Membri sabiex isaħħu ulterjorment il-metodoloġija użata biex tkun ivvalutata l-affidabilità tad-dejta trażmessa mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Il-Kummissjoni tistieden lid-DĠ NEAR biex jespandi l-kampjun tal-kontrolli ex post tiegħu u biex isaħħaħ il-metodoloġija tiegħu sabiex itejjeb l-istimi tiegħu tal-livell ta’ żbalji.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lid-DĠ ENER biex jivvaluta u jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-pjanijiet finanzjarji tal-Istati Membri kkonċernati mill-Programmi ta’ Assistenza għad-Dekommissjonar ta’ Siti Nukleari.

Il-Kummissjoni pproduċiet stima konsolidata tal-ammont f’riskju fl-għeluq, li tippreżenta l-fehma tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni kemm tal-kontrolli preventivi (ex ante, qabel il-pagament) kif ukoll korrettivi (ex post, wara l-pagament), dwar iċ-ċiklu ta’ kontroll multiannwali.

Abbażi tal-aċċertamenti u r-riżervi fir-Rapporti Annwali tal-Attività, il-Kulleġġ jadotta dan ir-Rapport Annwali tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE u jieħu f’idejh ir-responsabbiltà politika kumplessiva għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE.

(1)

      http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoByPriorities.cfm?sitelang=en

(2)

      http://ec.europa.eu/europe2020/europe-2020-in-a-nutshell/index_mt.htm

(3)

      http://ec.europa.eu/smart-regulation/evaluation/docs/syn_pub_rf_mode_en.pdf

   “Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sommarju tar-rapporti annwali ta’ attività għas-sena preċedenti. Ir-rapport annwali ta’ attività ta’ kull uffiċjal awtorizzanti b’delega għandu wkoll jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”

(4)

     Ir-Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprovdi rapportar fid-dettall ulterjuri: http://publications.europa.eu/mt/web/general-report

(5)

     COM(2015) 240 final.

(6)

     COM(2015) 185 final.

(7)

     Id-diskors tal-President Juncker fil-Konferenza “EU Budget focused on Results” (Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati), Brussell, it-22 ta’ Settembru 2015.

(8)

     Mhijiex bażi ta’ dejta finali tal-proġetti tal-UE iżda selezzjoni ta’ eżempji li ssir aħjar b’mod gradwali: https://ec.europa.eu/budget/euprojects/search-projects_en

(9)

     Bl-approċċ il-ġdid, id-dokumenti ta’ ppjanar huma aktar ssimplifikati u ffukati fuq il-prijoritajiet tal-Kummissjoni, filwaqt li jgħinu lid-Direttorati Ġenerali biex jistabbilixxu l-prijoritajiet operazzjonali u joħolqu u jiżviluppaw struttura ta’ prestazzjoni koerenti li tagħmel distinzjoni ċara bejn l-attribuzzjoni (għar-riżultati u għall-outputs li huma konsegwenza diretta tal-attivitajiet tal-Kummissjoni) u l-kontribut (fejn l-attivitajiet tal-Kummissjoni għandhom rwol x’jaqdu sabiex jitwettaq riżultat jew impatt partikolari) għar-riżultati tal-politika u tal-programmi.

(10)

     Inklużi pereżempju l-kontijiet konsolidati, il-komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baġit tal-UE, ir-rapport dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, ir-rapporti dwar l-awditjar intern, ir-rapport dwar is-segwitu għall-kwittanza. 

(11)

      http://ec.europa.eu/eurostat/web/europe-2020-indicators/europe-2020-strategy

(12)

     L-aħħar aġġornament sar f’Jannar 2016.

(13)

     B’sostenn għal dan, il-“Common Framework for Biodiversity proofing of the EU budget” (Qafas komuni għall-bijodiversità għal verifika tal-baġit tal-UE) jipprovdi linji gwida ġenerali u speċifiċi għall-fondi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll mis-servizzi tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/comm2006/pdf/cfbp%20-%20General%20Guidance.pdf

(14)

     Kif indikat fl-edizzjoni tal-2013 tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni, l-Istrateġija Ewropa 2020 ma kinitx għadha ġiet adottata meta tfasslu l-programmi tal-QFP 2007-2013 u, għalhekk, l-arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tagħhom ma kellhomx l-għan li jipprovdu rabta bejn il-kisbiet tal-programmi u dawk tal-Istrateġija.

(15)

     Ikkalkolata bħala perċentwal tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn meta mqabbla mal-baġit sħiħ għall-2015.

(16)

      http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan_mt

(17)

     L-Impriżi Konġunti, imwaqqfin skont l-Artikolu 187 TFUE, huma modi ġodda kif jitwettqu sħubijiet pubbliċi-privati f’livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka industrijali.

(18)

     Is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati bejn l-Istati Membri (u l-Istati Assoċjati) u l-UE.

(19)

     Imfassal sabiex juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni, l-ITER huwa l-akbar faċilità tal-fużjoni sperimentali fid-dinja u bħalissa qiegħed jinbena fin-Nofsinhar ta’ Franza (Cadarache). L-ITER huwa kollaborazzjoni globali bla preċedent bejn seba’ partijiet li jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tad-dinja. L-ITER huwa rregolat bi ftehim internazzjonali ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea f’isem il-Euratom u ċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti. L-Ewropa qiegħda tikkontribwixxi għal kważi nofs l-ispejjeż għall-bini tiegħu, filwaqt li s-sitt Membri l-oħrajn għal dan l-impenn internazzjonali konġunt qegħdin jikkontribwixxu daqs il-bqija.

(20)

     Il-programm Erasmus+ 2014-2020 jiġbor l-iskemi preċedenti kollha tal-UE għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għaż-żgħażagħ u għall-isport, inklużi l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u ħames programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi industrijalizzati). Fl-2015, tnedew ukoll kemm il-mobilità internazzjonali kif ukoll is-Self għall-Istudenti ta’ Master tal-Erasmus+.

(21)

     L-edizzjonijiet tal-2013 u tal-2014 tar-Rapport tal-Artikolu 318 diġà kienu jinkludu informazzjoni dwar azzjonijiet differenti taħt din l-inizjattiva bħar-riallokazzjoni tal-Fondi Strutturali biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi u informazzjoni preliminarja dwar il-progress tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti.

(22)

      Evalwazzjoni tal-Fażi Pilota tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti - Diċembru 2015 (Ad-hoc Audit of the pilot phase of the Europe 2020 Project Bond Initiative) (Awditjar ad-hoc tal-fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Ewropa 2020 tal-Bonds tal-Proġetti): http://ec.europa.eu/dgs/economy_finance/evaluation/pdf/eval_pbi_pilot_phase_en.pdf  

(23)

     Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat f’Marzu 2016: http://ec.europa.eu/dgs/economy_finance/evaluation/pdf/eval_pbi_pilot_phase_swd_en.pdf

(24)

     L-LGF tal-COSME joffri garanziji u kontrogaranziji, inkluża titolizzazzjoni ta’ portafolli ta’ finanzjament tad-dejn tal-SMEs, lil intermedjarji finanzjarji partikolari (pereż. istituzzjonijiet ta’ garanziji, banek, kumpaniji ta’ lokazzjoni, eċċ.) sabiex jgħinhom jipprovdu aktar self u lokazzjonijiet lill-SMEs. Ir-riżorsi tal-FEIS jintużaw sabiex jaċċelleraw l-użu tal-COSME. L-LGF huwa s-suċċessur tal- Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG) , li ġie implimentat b’suċċess fl-ambitu tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) fil-perjodu 2007-2013.

(25)

     Fil-25 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw il-leġiżlazzjoni rilevanti: Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

(26)

     Wara l-firma tal-Ftehim tal-FEIS bejn il-Kummissjoni u l-BEI fit-22 ta’ Lulju 2015.

(27)

     Investment Plan – EU wide state of play April 2016 (Pjan ta’ Investiment – is-sitwazzjoni attwali madwar l-UE April 2016): http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-and-investment/investment-plan_mt

(28)

     Rapport dwar il-ġestjoni tal-fond ta’ garanzija tal-FEIS, adottat fil-31 ta’ Mejju 2016, COM(2016) 353.

(29)

     Inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-EFTA u l-kontribuzzjoni tal-pajjiżi terzi mħallsa mill-Pajjiżi Parteċipanti kif ukoll interess regolarizzat iġġenerat mill-kontijiet fiduċjarji).

(30)

     Skont kif tinsab is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2015.

(31)

     Il-kalkoli bbażati fuq il-volum totali ta’ self riċevut mill-SMEs benefiċjarji = EUR 20 715,1 miljun diviżi bl-ammont massimu tal-garanzija tal-UE = EUR 536,3 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2015.

(32)

     Skont kif tinsab is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Settembru 2015.

(33)

     Il-kalkoli bbażati fuq il-kobor attwali tal-fondi tal-KR = EUR 3 099 miljun diviżi bil-kapital approvat nett tal-GIF = EUR 555 miljun. Sors: FEI--Fond Ewropew tal-Investiment (2015a), GIF-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir, Rapport Trimestrali. It-30 ta’ Settembru 2015.

(34)

     Rapport minn grupp indipendenti ta’ esperti ta’ livell għoli, kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi r-reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp, flimkien ma’ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) tas-Servizzi tal-Kummissjoni Ewropea li jevalwa l-FP7, f’konformità mal-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni mandatorji tal-Linji Gwida “Regolamentazzjoni Aħjar”: http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm?pg=home  

(35)

     Evalwazzjoni tal-operazzjoni tal-REA (2012-2015): https://ec.eur opa.eu/research/evaluations/pdf/archive/.../rea_evaluation_report.pdf

(36)

     Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ir-Regolament (UE) 1316/2013.

(37)

     Ħames Fondi, li jifformaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), jaħdmu flimkien sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi kollha tal-UE, f’konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020: Il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); Il-Fond ta’ Koeżjoni (FK); Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Dawn l-aħħar tnejn huma koperti mill-Intestatura Baġitarja 2 (Tkabbir Sostenibbli).

(38)

     Rakkomandazzjonijiet dwar kif tingħata spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir, filwaqt li jinżammu l-finanzi pubbliċi sodi, maħruġin ta’ kull sena mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-analiżi tagħha tal-politiki ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri.

(39)

     COM(2015) 639 final.

(40)

     Simulazzjonijiet ibbażati fuq il-mudell makroekonomiku QUEST, żviluppat id f’id mad-DĠ REGIO u D-DĠ ECFIN.

(41)

     L-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2004.

(42)

     Prekundizzjonijiet bl-għan li jiżguraw li l-Istati Membri jimplimentaw oqfsa regolatorji u politiċi adegwati u li jkun hemm biżżejjed kapaċità amministrattiva qabel ma jsiru l-investimenti tal-FEIS sabiex tiġi mmassimizzata l-prestazzjoni tal-finanzjament.

(43)

     Għall-FSE, id-DĠ EMPL jindika fir-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu għall-2015 li l-persentaġġ laħaq 25 % fid-data limitu tat-8 ta’ April 2016.

(44)

     Ir-Regolament 2015/779 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013, fir-rigward ta’ ammont ta’ prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

(45)

      http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/index_mt.htm  

(46)

      http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/expost2013/wp14a_final_report_en.pdf

(47)

     L-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2004 bl-eċċezzjoni tal-Kroazja.

(48)

     Stimi bbażati fuq simulazzjonijiet tal-mudelli ekonomiċi (pereż. il-mudell HERMIN).

(49)

     L-Istati Membri li kienu fl-UE qabel l-2004.

(50)

     Ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ex post.

(51)

     Fl-2007-2013 ma kien hemm l-ebda indikatur ta’ riżultati komuni, iżda sar tentattiv biex indikaturi simili rrapportati mill-Istati Membri jiġu aggregati, bħal dawk irrapportati f’dan il-paragrafu. Dawn iċ-ċifri bbażati fuq rapport ta’ Mejju 2016, mhumiex definittivi, billi r-rapporti għadhom qegħdin jiġu ffinalizzati. Iċ-ċifri disponibbli fir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2015 tad-DĠ EMPL kienu bbażati fuq verżjoni preċedenti ta’ dan ir-rapport.

(52)

      http://ec.europa.eu/agriculture/dashboards/ .

(53)

     Hemm programm operazzjonali għal kull Stat Membru ħlief għal-Lussemburgu.

(54)

     Il-Proġetti Integrati LIFE jipprovdu finanzjament għal pjanijiet, programmi u strateġiji żviluppati fuq livell reġjonali, multireġjonali jew nazzjonali. L-għan huwa li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ambjentali u l-għanijiet fuq skala usa’ u li jiżdied l-impatt tal-programm LIFE.

(55)

     Evalwazzjoni ex post dwar il-miżuri finanzjarji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tad-Dritt Marittimu 2007-2013 (jinsab fil-fażi ta’ pubblikazzjoni).

(56)

     L-evalwazzjonijiet ex post dwar il-prestazzjoni tal-programmi ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013 se jitlestew fl-2016 għall-Istati Membri u fl-2017 fil-livell tal-Kummissjoni; bħalissa qiegħda ssir l-evalwazzjoni ex post tal-FES u din se titlesta fi tmiem l-2016.

(57)

   Ara l-evalwazzjonijiet: http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/cross_compliance/index_en.htm kif ukoll http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/environment-summary/fulltext_fr.pdf  

(58)

     COM(2015)662.

(59)

     ĠU L 242, 10.09.2002.

(60)

     Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Evalwazzjoni finali tar-Regolament (KE) Nru 614/2007 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+)”. COM/2013/0478 final.

(61)

     Ibid.

(62)

     Ibid.

(63)

     Fis-settur agrikolu, il-pagamenti diretti fformaw medja ta’ 46 % mill-introjtu tal-farms bejn l-2005 u l-2013, b’varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri u t-tipi ta’ biedja.

(64)

     Studju dwar l-implimentazzjoni tal-Assi 4, ara http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/axis-4/index_en.htm

(65)

     Il-FLAGs huma sħubijiet bejn l-atturi tas-sajd u partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati lokali oħrajn sabiex jiġi indirizzat il-benessri ekonomiku, soċjali u ambjentali taż-żona tagħhom.

(66)

     Evalwazzjoni ex post dwar il-miżuri finanzjarji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tad-Dritt Marittimu 2007-2013 (jinsab fil-fażi ta’ pubblikazzjoni).

(67)

     Jappoġġja l-isforzi nazzjonali sabiex jittejbu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza, jiġi żgurat li l-proċeduri tal-ażil ikunu konformi mal-istandards tal-Unjoni, ikunu integrati l-migranti fil-livelli lokali u reġjonali u tiżdied l-effettività tal-programmi ta’ ritorn.

(68)

      http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/press-material/docs/financial_support_to_mss_under_amif_and_isf_en.pdf

(69)

     Għaċ-ċifri dettaljati, ara l-programm tal-konsumaturi, li huwa parti mid-Dikjarazzjonijiet tal-Programm mehmużin mal-abbozz ta’ baġit għall-2017.

(70)

     Abbozz tar-Rapport Annwali tal-Attività tal-Aġenzija eżekuttiva CHAFEA.

(71)

     Evalwazzjoni ex post tat-tieni Programm għas-Saħħa 2008-2013 skont id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) - http://ec.europa.eu/health/programme/docs/ex-post_2nd-hp-2008-13_comm-report_mt.pdf - COM(2015) 652 final Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” għall-2007-2013 tas-16 ta’ Diċembru 2015 - http://ec.europa.eu/citizenship/pdf/evaluationreportefc2007-2013_mt.pdf

(72)

     Matul is-sena ġew riċevuti rinforzi baġitarji addizzjonali.

(73)

     L-ammont kumplessiv mill-baġit tal-UE, inkluża l-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja.

(74)

      https://ec.europa.eu/europeaid/aware-west-african-response-ebola-lutte-contre-ebola-en-afrique-de-louest_fr  

(75)

     L-għajnuna umanitarja tal-UE li ngħatat għas-sena 2015 waħedha hija ta’ EUR 30 miljun.

(76)

     Għal aktar dettalji, ara l-Iskeda informattiva tal-Echo dwar l-Ukrajna: http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/ukraine_en.pdf

(77)

      https://www.humanitarianresponse.info/en/operations/syria/document/2015-syrian-arab-republic-strategic-response-plan  

(78)

      http://www.unhcr.org/syriarrp6/docs/syria-rrp6-sectoral-plans-WASH.pdf

(79)

     B’mod ġenerali, l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew madwar nofs l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tad-dinja mis-sena 2000 ’l hawn.

(80)

     Id-dejta dwar ir-riżultati tirreferi għall-programmi ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea ġestiti mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, u ffinanzjati mill-baġit tal-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

(81)

     Madwar 19 % tal-unitajiet domestiċi kollha li jkabbru l-uċuħ tar-raba’ li jgħixu fi rħula koperti mill-programm irrapportaw żieda fl-introjtu. Għal aktar dettalji ara r-rapport annwali tal-LIFT għall-2013: http://www.lift-fund.org/sites/lift-fund.org/files/publication/LIFT_Annual_Report_2013.pdf

(82)

      https://europa.eu/eyd2015/mt/european-union/stories/week-14-bringing-clean-water-and-smile-people-living-disabilities-uganda  

(83)

     Is-sostenn tal-baġit tal-UE jinvolvi t-trasferiment dirett tal-fondi tal-UE lejn il-baġit ta’ pajjiż sieħeb bħala sostenn għal programm tas-settur.

(84)

      http://ec.europa.eu/europeaid/strategic-evaluation-eu-cooperation-bolivia-2007-2013_en

(85)

     Fl-2015, il-Kummissjoni nediet il-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali sabiex issaħħaħ il-kapaċità ta’ monitoraġġ tar-riżultati u rrapportar dwarhom (SWD(2015)80). L-informazzjoni bbażata fuq dan il-qafas se tiddaħħal fir-rapporti futuri.

(86)

     Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni rilevanti kollha jinsabu f’dan is-sit web: http://ec.europa.eu/europeaid/node/80199_en

(87)

      https://ec.europa.eu/europeaid/thematic-evaluation-eu-support-environment-and-climate-change-third-countries-2007-2013_en

(88)

     http://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/evaluation-cooperation-ec-gender-1338-main-report-201504_en.pdf

(89)

     http://ec.europa.eu/echo/files/evaluation/2015/CPM_final_report_en.pdf

(90)

     Fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, it-terminu “dipartimenti tal-Kummissjoni” jiġbor id-Direttorati Ġenerali, is-Servizzi u l-Aġenziji Eżekuttivi kollha iżda jeskludi l-Kulleġġ.

(91)

     Il-Committee of Sponsoring Organizations of the Treadway Commission (COSO) huwa inizjattiva konġunta ta’ ħames organizzazzjonijiet mis-settur privat, iddedikati sabiex jipprovdu tmexxija fil-ħsieb lill-maniġment eżekuttiv u lill-entitajiet ta’ governanza fuq aspetti kritiċi tal-governanza organizzazzjonali, l-etika kummerċjali, il-kontroll intern, il-ġestjoni tar-riskji tal-impriżi, il-frodi u r-rapportar finanzjarju. Il-COSO stabbilixxa mudell ta’ kontroll intern komuni li fuq il-bażi tiegħu l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jivvalutaw is-sistemi ta’ kontroll tagħhom.

(92)

     DĠ AGRI, DĠ ECHO, DĠ SANTE, DĠ HOME, DĠ JUST, DĠ EAC, DĠ DEVCO u DĠ CLIMA.

(93)

     Id-DĠ DEVCO biss ikkonkluda nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti dwar il-Ġestjoni tad-Dokumenti, peress li r-rati ta’ reġistrazzjoni u arkivjar tad-dokumenti kienu anqas mill-medja tal-Kummissjoni, u ħa għadd ta’ azzjonijiet sabiex titjieb l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-istandard.

(94)

     L-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-operazzjonijiet; l-affidabbiltà tar-rapportar; is-salvagwardja tal-assi u tal-informazzjoni; il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu ta’ frodi u irregolaritajiet; u l-ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, billi jittieħed kont tan-natura multiannwali tal-programmi kif ukoll tan-natura tal-pagamenti (RF Artikolu 32).

(95)

     Dawn huma l-aħjar stimi mill-uffiċjal awtorizzanti, filwaqt li titqies l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli u jintuża l-ġudizzju professjonali.

(96)

     Dan jirreferi għall-mument li fih ġew implimentati l-kontrolli korrettivi kollha. Dan tipikament iseħħ ħafna snin wara l-pagament, skont il-modalitajiet tal-programm. Ara d-definizzjonijiet fl-Anness 2.

(97)

     Għal xi programmi (pereżempju l-FAEŻR u l-FSIE), il-korrezzjonijiet ikunu għadhom jistgħu jsiru wara l-għeluq. Apparti minn hekk, il-korrezzjonijiet wara l-għeluq tal-programm jitqiesu bħala li jagħmlu stima tal-ammont f’riskju fl-għeluq.

(98)

     In-“nefqa rilevanti” hija l-pagamenti li saru bl-esklużjoni tal-prefinanzjament imħallas, iżda tinkludi l-prefinanzjament ikklirjat matul is-sena finanzjarja. Dan għaliex il-prefinanzjament imħallas matul is-sena finanzjarja jiġi vvalutat bħala mingħajr riskju, peress li l-fondi jkunu għadhom proprjetà tal-UE sakemm il-kostijiet jiġu ddikjarati u l-prefinanzjament jiġi kklirjat fis-snin finanzjarji ta’ wara.

(99)

     L-ammonti f’riskju fil-waqt tal-pagament stmati u rrapportati fir-Rapporti Annwali tal-Attività (elenkati fl-Anness 1 ta’ dan ir-rapport) ġew aġġustati, b’mod konservattiv, billi (i) ġie newtralizzat l-effett tal-prefinanzjament wara li tqies li huwa mingħajr riskju (b’mod partikolari fil-Koeżjoni u r-Riċerka), u (ii) ġiet applikata r-rata ta’ żbalji implikata li rriżultat għan-nefqa rilevanti totali (ara n-nota preċedenti f’qiegħ il-paġna).

(100)

     Dan jinkludi lid-DĠ REGIO, DĠ EMPL, DĠ MARE u lid-DĠ HOME. Il-korrezzjonijiet futuri stmati rrapportati fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ REGIO u tad-DĠ EMPL huma konservattivi ħafna. Huma bbażati fuq l-aktar stima baxxa tal-ammont f’riskju. Kieku ntuża l-valur ogħla minflok, il-korrezzjonijiet futuri stmati kienu jammontaw għal EUR 1 839 miljun. Madankollu, sabiex ikun żgurat li l-istima tkun konservattiva biżżejjed, jintużaw il-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji medji tal-passat bħala l-ogħla valur tal-korrezzjonijiet futuri stmati (EUR 1 435 miljun). Minħabba dan l-approċċ konservattiv, l-ogħla valur tal-ammont f’riskju fl-għeluq jaf ikun stmat eċċessivament. Il-livell veru u proprju tal-korrezzjonijiet futuri se jiġi ddeterminat abbażi tar-riskju attwali identifikat fl-għeluq, sabiex jiġi żgurat li r-riskju residwu għal kull programm ikun taħt il-materjalità (jiġifieri taħt it-2 %).

(101)

     Ir-Regolament (UE) 1303/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013, ĠU L 347/2013.

(102)

     Din id-dispożizzjoni l-ġdida tikkonċerna l-programmi ġestiti mid-DĠ REGIO, DĠ EMPL u DĠ MARE. Ma tapplikax għad-DĠ HOME.

(103)

     Dan ir-rapport jitħejja mill-Kummissjoni u jintbagħat lill-Awtorità tal-Kwittanza u lill-Qorti – dan se jkun disponibbli fuq is-sit web Europa tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit wara li jiġi adottat. Ir-rapport tal-2014 jinsab hawnhekk: Protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni Ewropea sa Tmiem l-2014 . 

(104)

     Pereżempju, fil-Komunikazzjoni riċenti dwar “Sinerġiji u Effiċjenzi fil-Kummissjoni — Modi Ġodda kif Naħdmu”, il-Kummissjoni spjegat l-azzjonijiet li jridu jitwettqu b’rabta mal-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ bejn id-Direttorati Ġenerali.

(105)

     DĠ AGRI, DĠ CNECT, DĠ DEVCO, DĠ ECFIN, DĠ ENV, EPSO, DĠ ESTAT, DĠ HOME, DĠ HR, OIB, PMO, REA, DĠ SANTE.

(106)

     DĠ BUDG, DĠ CLIMA, EACEA, ERCEA, FPI, DĠ GROW, IAS, DĠ JUST, OIL, OP, DĠ RTD, DĠ TAXUD.

(107)

     Awditu mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-2015 irrikonoxxa li sar progress fil-politika tal-Kummissjoni kontra l-frodi anki jekk dik l-integrazzjoni fis-sistemi ta’ kontroll intern tista’ tittejjeb. L-integrazzjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni u ma tħallix li l-Istrateġiji Kontra l-Frodi jsiru saff addizzjonali ta’ kontroll.

(108)

     Ara d-dokument “metodoloġija u gwida għall-iżvilupp tal-istrateġiji kontra l-frodi tad-Direttorati Ġenerali”.

(109)

     L-Anness 1 juri r-riżervi, filwaqt li jindika dawk introdotti ġodda.

(110)

     Dawn huma: Id-DĠ DEVCO (il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika), id-DĠ CLIMA (is-Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tar-Reġistru tal-UE), id-DĠ ENER (il-Programm ta’ Assistenza għad-Dekommissjonar ta’ Siti Nukleari) u d-DĠ HR (ir-Responsabbiltà fl-Iskejjel Ewropej).

(111)

     IPA/CARDS/PHARE — Ġestjoni Indiretta minn Pajjiżi Benefiċjarji u Ġestjoni Indiretta minn Entitajiet Inkarigati oħrajn.

(112)

     Miżuri ta’ qabel l-adeżjoni IPARD għat-Turkija.

(113)

     Ir-riżerva attwali hija “FEŻR/ Fond ta’ Koeżjoni 2007-2013 għal programmi operazzjonali f’14-il Stat Membru, 6 programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u programm wieħed (1) IPA-CBC.

(114)

     L-Anness 1 jipprovdi d-dejta għal kull dipartiment tal-Kummissjoni. In-nefqa totali hija bbażata fuq “il-pagamenti magħmula” fl-2015, kif irrapportat fir-Rapporti Annwali tal-Attività (Tabella 2 tal-Anness 3). Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn dejta kontabilistika proviżorja tal-2015 kif disponibbli fil-31 ta’ Marzu 2016, li tista’ tiġi riveduta.

(115)

             Inkluż id-DĠ HOME.

(116)

             Għal Relazzjonijiet esterni, in-nefqa totali tinkludi l-ispejjeż tal-FEŻ (EUR 3 328 miljun).

(117)

     Dan ir-rapport iqis l-aktar ċifri riċenti li ġew aġġornati mill-finalizzazzjoni tar-Rapporti Annwali tal-Attività ’l hawn, u li jispjega xi differenzi ċkejkna fiċ-ċifri li huma inklużi fir-Rapporti Annwali tal-Attività.

(118)

     L-EACEA (2007-2013 Programmi tal-Kultura u ż-Żgħażagħ), l-EASME u d-DĠ GROW (Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni) u d-DĠ RTD (Fond għar-Riċerka fil-Faħam u l-Azzar).

(119)

     “Riżervi mhux ikkwantifikati” huma ddefiniti bħala riżervi li għalihom mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni preċiża tal-impatt jew li ma jistgħux jiġu kkwantifikati għaliex huma reputazzjonali.

(120)

     Ir-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom) 1368/2013 tal-20/12/2013, ĠU L 346 u Euratom) 1369/2013 tal-20/12/2013, ĠU L 346, u l-korriġendi rispettivi tal-11/01/2014, ĠU L 8.

(121)

     Wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-uffiċċju tal-awditjar intern ġie ċċentralizzat fl-2015 fl-IAS. Dawk li qabel kienu l-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern tad-Direttorati Ġenerali u tas-servizzi tal-Kummissjoni ma baqgħux jeżistu fil-15 ta’ Frar 2015.