Brussell, 6.6.2016

COM(2016) 364 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)


1.ħarsa ġenerali

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-programm Internet Aktar Sikur 2009-2013 1 , minn hawn 'il quddiem 'il-Programm'. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Programm irnexxielu jilħaq l-għanijiet ewlenin tiegħu. Il-Programm kien rilevanti ferm fir-rigward tal-problemi indirizzati u tal-partijiet ikkonċernati involuti, u r-rispons għat-teknoloġiji u għall-problemi li kulma jmur qed jinbidlu kien tajjeb. Dan wera li l-intervent tal-UE kien meħtieġ kif ukoll effettiv biex jaslu r-riżultati. Id-dimensjoni pan-Ewropea tal-attivitajiet, it-twaqqif ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur (SICs) fl-Istati Membri kollha, u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati differenti huma wħud mill-fatturi ewlenin tas-suċċess.

L-evalwazzjoni hija bbażata fuq studju estern li uża dejta miġbura permezz ta’ stħarriġ u ta’ intervisti mal-parteċipanti tal-proġetti u firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati. Il-konklużjonijiet tal-istħarriġ estern huma tajbin u kkonfermati mill-konklużjonijiet tar-rieżamijiet tal-proġetti u minn sejbiet mill-ħidma parallela biex il-politiki għal Internet Aktar Sikur ikunu punt ta’ referenza fl-Istati Membri 2 . Is-sejbiet jindikaw li l-Kummissjoni għandha tqis li:

tkompli l-iżjed attivitajiet effettivi, jiġifieri l-SICs, ir-riċerka ffukata u l-koordinazzjoni Ewropea tal-azzjonijiet;

ittejjeb il-miżuri għall-monitoraġġ ta’ attivitajiet li twettqu fil-proġetti;

tissokta l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha, u;

tiżgura li jkun hemm involviment akbar mill-Istati Membri u mill-industrija.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni sabet li:

l-SICs jaqdu rwol prinċipali fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u tal-inizjattivi. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-SIC huwa rikonoxxut bħala l-pjattaforma prinċipali għall-implimentazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u tal-inizjattivi.

il-problemi marbuta mas-sikurezza onlajn għat-tfal huma prijoritarji fl-aġenda ta’ politika fl-Istati Membri kollha, iżda hemm lok għal titjib fit-tfassil tal-politiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni, tal-ġbir tal-evidenza u tal-evalwazzjoni tal-politiki.

2.sfond

Dan ir-rapport jikkonċerna l-evalwazzjoni finali tal-Programm Internet Aktar Sikur 2009-2013, bl-għan li ssir valutazzjoni ta’ kemm il-Programm huwa rilevanti, effettiv u effiċjenti, kif ukoll dwar l-impatti usa’ u s-sostenibbiltà tiegħu. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar il-Programm 3 , jistipula li l-Kummissjoni tevalwa l-mod kif twettqu l-proġetti u l-impatt tagħhom sabiex tevalwa jekk l-għanijiet ikunux intlaħqu, u jistipula li l-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni finali fi tmiem il-Programm. L-evalwazzjoni se tikkontribwixxi wkoll rakkomandazzjonijiet bħala input għal politika dwar Internet Aktar Sikur fil-ġejjieni u dwar is-segwitu tal-Programm permezz tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali għal servizzi ta’ Internet Aktar Sikur li ġew implimentati fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 4 .

B’baġit ta’ EUR 55 miljun, il-Programm ikkofinanzja proġetti fl-Istati Membri, l-Iżlanda, fin-Norveġja u fis-Serbja (permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil) u pprovda fondi limitati lir-Russja għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet Ewropej ta’ netwerking. L-għanijiet ewlenin tiegħu, stabbiliti fil-Linji ta’ Azzjoni li ġejjin, kienu li:

1.tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari fost it-tfal, il-ġenituri u l-għalliema, dwar l-opportunitajiet u r-riskji marbuta mal-użu tat-teknoloġiji onlajn u l-mezzi biex wieħed jibqa’ sikur onlajn.

2.issir ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża onlajn billi jitnaqqas l-ammont ta’ kontenut illegali li jiġi ċċirkolat onlajn; u billi l-kuntatt u l-imġiba dannużi jiġu indirizzati kif imiss, b’attenzjoni partikolari fuq id-distribuzzjoni onlajn ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal (CSAM), il-manipolazzjoni psikoloġika tat-tfal għall-finijiet sesswali (grooming) u l-bullying ċibernetiku.

3.issir promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur billi jitlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati, inklużi t-tfal, u bit-trawwim ta’ inizjattivi awtoregolatorji.

4.tiġi stabbilita bażi ta’ għarfien biex jiġu indirizzati kif imiss l-użi eżistenti u emerġenti tal-ambjent onlajn u r-riskji u l-konsegwenzi rilevanti, bl-għan li jitħejjew azzjonijiet adegwati li jkunu mmirati biex jiżguraw is-sikurezza onlajn għall-utenti kollha.

92 % tal-proġetti kofinanzjati mill-baġit fil-qafas tal-azzjonijiet 1 u 2 (in-Netwerk Ewropew ta’ SICs u l-koordinazzjoni tiegħu), 5 % tal-proġetti ffinanzjati biex tiġi stabbilita bażi ta’ għarfien u 2 % ġew allokati għat-tielet azzjoni. Ir-rata medja ta’ kofinanzjament kienet ta’ 73 % u d-durata medja kienet ta’ 26,5 xahar.

Meta mqabbel mal-Programmi preċedenti ta’ Internet Aktar Sikur 5 , il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Programm ġie estiż biex jinkludi t-teknoloġiji onlajn emerġenti, il-kopertura ta’ kuntatt u ta’ mġiba dannużi u t-twaqqif ta’ bażi ta’ għarfien f’dan il-qasam. Il-mekkaniżmu prinċipali għall-implimentazzjoni tal-Programm kien it-tfassil ta’ Programmi ta’ Ħidma annwali li jiddeskrivu l-prijoritajiet, l-azzjonijiet u l-istrumenti ta’ finanzjament għal kull sena. Il-kofinanzjament ta’ proġetti magħżula abbażi ta’ sejħiet għal proposti rriżulta f’firxa wiesgħa ta’ proġetti li jkollhom l-għan li jinħoloq ambjent onlajn aktar sikur għat-tfal. Flimkien mal-proġetti kien hemm attivitajiet mhux iffinanzjati li kienu jvarjaw minn l-appoġġ għall-Jum għal Internet Aktar Sikur, l-organizzazzjoni tal-Forum għal Internet Aktar Sikur, l-appoġġ tal-awtoregolamentazzjoni tal-industrija u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim tal-Programm fl-2011 ġew inkorporati fl-implimentazzjoni kontinwa tal-Programm, fosthom l-involviment maż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet regolari, l-estensjoni tal-kopertura tal-linji telefoniċi għall-għajnuna u l-inizjattivi li jappoġġaw l-awtoregolamentazzjoni, bħall-Koalizzjoni bejn is-CEO biex l-internet isir post aħjar għat-tfal, inżammu.

B’mod iżjed speċifiku, il-Programm ikkofinanzja Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri kollha tal-UE, fl-Iżlanda, fin-Norveġja, fis-Serbja u fir-Russja. L-SICs wettqu attivitajiet biex titrawwem sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; ipprovdew linji telefoniċi għall-għajnuna li permezz tagħhom it-tfal u l-ġenituri setgħu jingħataw appoġġ għal problemi onlajn li jkunu relatati u pariri dwarhom. Iċ-ċentri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-linji telefoniċi għall-għajnuna huma tan-netwerk INSAFE 6 . Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, l-SICs jinkludu wkoll linji telefoniċi ta’ emerġenza (hotlines), li l-kompitu prinċipali tagħhom ikun li jirċievu r-rapporti mingħand il-pubbliku dwar is-CSAM, u jekk dawn jiġu vvalutati bħala illegali, jinnotifikawhom lill-infurzar tal-liġi u lill-ISP ospitanti biex l-kontenut jitneħħa. Il-linji telefoniċi ta’ emerġenza huma kkoordinati mill-Assoċjazzjoni INHOPE 7 . Fil-qafas tal-azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali, il-Programm ikkofinanzja wkoll inizjattivi ta’ appoġġ tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra s-CSAM. Min-naħa l-oħra, dawn l-attivitajiet appoġġaw il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tagħhom dwar il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u t-tneħħija tas-CSAM fil-qafas tad-Direttiva dwar l-abbuż sesswali tat-tfal 8 , bis-saħħa wkoll tal-impenji tagħhom fil-qafas tal-Alleanza Globali kontra l-abbuż sesswali onlajn tat-tfal 9 .

Sabiex jitħejja s-segwitu tal-Programm, il-Programm iffinanzja proġett pilota għall-iżvilupp ta’ pjattaforma għall-kondiviżjoni tar-riżorsi, tas-servizzi u tal-prattiki tajbin għall-SICs; u għat-twaqqif ta’ bażi ta’ dejta li ttejjeb il-kapaċità tal-linji telefoniċi ta’ emerġenza li jidentifikaw u janalizzaw ir-rapporti dwar is-CSAM. Ir-rieżami ta’ dan il-proġett ikkonkluda li kulma jmur in-netwerks INSAFE/INHOPE qed isiru iktar kkonsolidati madwar l-Ewropa u li l-impatt tagħhom ma jistax jinċaħad. Intqal li l-proġett kellu rwol ewlieni fil-ħidma għal Internet Aktar Sikur fl-Ewropa u lil hinn minnha, parzjalment minħabba l-qawwa ġenerali tat-tixrid li wasslet biex il-proġett ikun ta’ referenza f’dan il-qasam.

Fil-qafas tat-tielet azzjoni tiegħu, ‘il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur’, il-Programm appoġġa ftehimiet awtoregolatorji u permezz ta’ dan wassal għal żieda fl-użu tal-prattiki ta’ sikurezza fis-siti web u fl-apparati li jintużaw mit-tfal. It-teknoloġiji onlajn jiżviluppaw b’pass mgħaġġel u l-awtoregolamentazzjoni tal-industrija titqies bħala l-iżjed approċċ effettiv biex wieħed ikun kapaċi jirreaġixxi malajr fir-rigward tal-iżviluppi l-ġodda fl-użi u fir-riskji tat-tfal. L-industrija onlajn irrispondiet b’mod pożittiv għall-inizjattivi tal-Kummissjoni u għal attivitajiet konġunti oħra. L-iżjed eżempju reċenti huwa il-Koalizzjoni bejn is-CEO biex l-Internet isir post aħjar għat-tfal 10 , li fiha 31 kumpanija globali tul il-katina tal-valur ġew mistiedna jissieħbu fl-inizjattiva tal-Viċi President Kroes biex jaħdmu flimkien. Din tkompli tibni fuq l-appoġġ preċedenti mill-Programm għall-inizjattivi ta’ awtoregolamentazzjoni 11 meħuda mill-industrija fil-livell Ewropew.

Is-soċjetà ċivili ġiet inkluża permezz ta’ azzjonijiet bħall-panels nazzjonali taż-żgħażagħ, kif ukoll permezz tal-finanzjament mogħti għan-netwerk eNASCO ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-benesseri tat-tfal 12 . L-għan ta’ dan in-netwerk kien li jiġi żviluppat approċċ maqbul permezz ta’ kondiviżjoni tal-esperjenzi, u billi jiġu żviluppati strateġiji konġunti, sabiex b’hekk jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tat-tfal jitqiesu aħjar fid-diskussjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali dwar is-sikurezza onlajn.

It-titjib tal-għarfien huwa kruċjali sabiex jiġu żviluppati approċċi b’saħħithom ta’ politika, speċjalment f’dan il-qasam li tant jinbidel malajr, u għan ċentrali għall-ħidma tal-Programm kien li jkun hemm iżjed għarfien dwar l-użu li jagħmlu ż-żgħażagħ mill-midja u mit-teknoloġija l-ġdida kienet mira ċentrali tal-ħidma fil-programm. Il-Programm appoġġa n-netwerk EUKidsOnline 13 , li kellu attivitajiet strumentali bħala sors preċiż ta’ analiżi tax-xejriet u sabiex tinkiseb kontribuzzjoni dwar il-prijoritajiet futuri tar-riċerka u ta’ politika; u appoġġa firxa wiesgħa ta’ proġetti tar-riċerka li jkopru għadd ta’ suġġetti 14 . Apparti li żied il-profil tar-riċerka tad-diffikultajiet marbuta ma’ Internet Aktar Sikur, l-għarfien li ġie żviluppat saħħaħ il-bażi ta’ għarfien għall-attivitajiet kollha fil-Programm.

Il-Programm iffinanzja wkoll għadd ta’ studji biex tinġabar l-evidenza, b’mod speċifiku l-istudju SIP-Bench 15 u studju dwar politiki u indikaturi għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri 16 . L-għan ġenerali ta’ dan l-istudju kien li jittejjeb il-fehim tal-politiki u tal-azzjonijiet nazzjonali attwali u li tiġi ddisinjata għodda sostenibbli li tippermetti l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajbin.

Mit-tnedija tagħha fl-2012, l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal (l-istrateġija BIK) 17 kienet dokument ċentrali ta’ referenza għall-attivitajiet imwettqa fil-Programm. L-istrateġija BIK tistabbilixxi approċċ komprensiv permezz ta’ erba’ pilastri: l-istimolar ta’ kontenut onlajn ta’ kwalità għaż-żgħażagħ; l-intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tar-responsabbilizzazzjoni; il-ħolqien ta’ ambjent onlajn sikur għat-tfal u l-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Il-Programm ikkontribwixxa biex isiru azzjonijiet fil-qafas ta’ kull wieħed minn dawn permezz: tal-promozzjoni ta’ kontenut pożittiv permezz ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali u Ewropej; tal-iżvilupp u tal-kondiviżjoni tar-riżorsi ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tal-promozzjoni tal-aħjar prattiki; tal-linji telefoniċi ta’ emerġenza u tat-taħriġ biex jiġi indirizzat is-CSAM.

3.GĦANIJIET U METODOLOĠIJA TAL-EVALWAZZJONI

L-evalwazzjoni finali eżaminat l-implimentazzjoni tal-Programm, fir-rigward tar-rilevanza, tal-effiċjenza u tal-effettività tiegħu u vvalutat l-impatti usa’ u s-sostenibbiltà tiegħu kif ukoll il-valur miżjud tal-UE u l-koerenza tiegħu, li ġew ivvalutati bħala partijiet minn dawn il-kriterji. L-evalwazzjoni hija ta’ natura kwalitattiva u tinkludi evidenza kwantitattiva limitata iżda fir-rapport ta’ evalwazzjoni esterna hija disponibbli dejta addizzjonali. Il-Kummissjoni se ssejjes ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni f’iżjed żvilupp ta’ politika u ta’ azzjoni.

Sabiex tqis ir-rilevanza tal-Programm, l-evalwazzjoni iċċentrat il-mistoqsijiet tagħha fuq l-evoluzzjoni tal-problemi indirizzati mill-Programm u fuq ir-rispons tiegħu għal dawn il-bidliet, fuq ir-rilevanza tal-azzjonijiet u l-valur miżjud tagħhom għall-gruppi fil-mira ewlenin.

L-effiċjenza tal-Programm ġiet evalwata permezz ta’ mistoqsijiet dwar is-sodisfazzjon ġenerali dwar l-implimentazzjoni, l-effiċjenza tal-attivitajiet, l-adegwatezza tal-finanzjament u l-effett ta’ massimizzazzjoni tiegħu.

L-effettività kkunsidrat il-kontribuzzjoni tal-Programm għall-protezzjoni onlajn tat-tfal u għall-ambjent diġitali usa’, jekk l-istess riżultati jew attivitajiet setgħux jinkisbu b’mezzi iżjed effettivi jew mingħajr il-Programm, u x’titjib jista’ jsir fi kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu.

L-impatt u s-sostenibbiltà taw ħarsa lejn l-evidenza tas-sostenibbiltà tal-impatti, jekk kinux iseħħu bidliet mingħajr il-finanzjament mill-UE u x’kienu jkunu s-sorsi alternattivi ta’ finanzjament, u l-komplementarjetà/id-duplikazzjoni ma’/ta’ Programmi nazzjonali oħra jew tal-UE.

L-evalwazzjoni esterna użat għadd ta’ għodod għall-ġbir tad-dejta sabiex tinġabar l-evidenza li fuqha jissejjes dan ir-rapport. Il-fażi tal-ġbir tad-dejta inkludiet stħarriġ li kellu fil-mira l-parteċipanti tal-proġetti fil-Programm kif ukoll stħarriġ li kien miftuħ għal firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw il-gruppi rilevanti kollha ta’ partijiet ikkonċernati – l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, l-edukazzjoni u l-NGOs.

Flimkien ma’ dawn kien hemm programm ta’ intervisti b’intervisti semistrutturati mal-partijiet ikkonċernati li jvarjaw minn uffiċjali tal-Kummissjoni u benefiċjarji tal-Programm għal atturi esterni bħal pereżempju l-industrija, ir-riċerkaturi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-infurzar tal-liġi. Fl-aħħar nett, f’erba’ Stati Membri twettqu studji tal-każ li wrew forom differenti ta’ kooperazzjoni għal Internet Aktar Sikur.

Barra minn hekk, twettqet analiżi tar-rapporti finali ta’ rieżami tal-proġetti, li ffukat fuq kemm intlaħqu l-għanijiet u l-impatti tagħhom.

3.1.Limitazzjonijiet – robustezza tar-riżultati

Il-ġbir u l-analiżi tad-dejta mwettqa għandha għadd ta’ limitazzjonijiet intrinsiċi, li l-impatt tagħhom ittaffa bl-iżjed mod possibbli:

Il-kejl tal-impatti tal-proġetti ma kienx possibbli minħabba li ma kienx hemm biżżejjed għodod għall-monitoraġġ. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-impatt u tas-sostenibbiltà kienet ibbażata prinċipalment fuq il-perċezzjonijiet tal-parteċipanti tal-proġetti, li spiss ma jkunux oġġettivi.

L-evalwazzjoni tqis il-limitazzjonijiet inerenti tas-sejbiet ta’ diversi stħarriġ: it-tweġibiet li ġew riċevuti jirriflettu l-fehmiet ta’ kampjun ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti u mhux dawk tal-popolazzjoni kollha li huma kkonċernati f’dan il-qasam. It-tieni nett, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jagħtu perspettiva individwali iżjed milli perspettiva olistika.

Abbażi tal-elementi ta’ hawn fuq, din l-evalwazzjoni twettqet abbażi tal-aħjar dejta disponibbli. Kull meta jkun hemm nuqqas ta’ dejta kwantitattiva affidabbli, dan jiġi indikat kif xieraq u jiġi kontrobilanċjat b’dejta u b’kunsiderazzjonijiet kwalitattivi.

4.SEJBIET TAL-EVALWAZZJONI FINALI

Is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni juru li l-Programm irnexxielu jilħaq l-għanijiet prinċipali tiegħu. Is-suċċess tal-Programm kien ibbażat b’mod partikolari fuq in-natura u fuq il-koerenza pan-Ewropej tiegħu, u fuq il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati differenti.

L-inizjattivi ffinanzjati kellhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet tat-tfal. L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jirrikonoxxi li t-tfal huma detenturi indipendenti u awtonomi tad-drittijiet u li jistipula li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, ġie meqjus fil-promozzjoni tal-politiki għal Internet Aktar Sikur.

Is-sejbiet ippreżentati hawn taħt skont kull kriterju tal-evalwazzjoni jirrappreżentaw ir-riżultati kkonsolidati tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u tal-istħarriġ u tal-intervisti mwettqa għall-istudju estern.

4.1.Rilevanza

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jikkonfermaw li l-implimentazzjoni tal-Programm ikkunsidrat it-teknoloġiji l-ġodda u l-imġiba l-ġdida onlajn bħal pereżempju t-tfal li kulma jmur qed imorru onlajn ta’ età dejjem iżgħar u fuq varjetà ta’ apparati konnessi, u li kienet meħtieġa reviżjoni konsistenti fl-istrateġija minħabba n-natura tal-qasam li tinbidel malajr. Dan kien possibbli permezz tal-flessibbiltà offruta permezz tal-programmi ta’ ħidma annwali u tas-sejħiet għal proposti. Il-partijiet ikkonċernati rrikonoxxew li internazjonalment il-Programm sar programm sinifikanti minn ta’ quddiem, u pprovda tmexxija kif ukoll appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri.

Din l-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li l-azzjonijiet tal-Programm kienu komprensivi u involvew u kellhom fil-mira firxa wiesgħa ta’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati. ‘Iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku’ u ‘Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali’ ġew meqjusa bħala l-iżjed għanijiet rilevanti, filwaqt li l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw iżjed dwar ‘Il-promozzjoni ta’ ambjent onlajn aktar sikur’ u ‘It-twaqqif ta’ bażi ta’ għarfien’. Minkejja dan, l-erba’ azzjonijiet kollha ġew meqjusa bħala rispons għall-ħtiġijiet tat-tfal fuq l-Internet. Kien hemm valur miżjud għall-gruppi fil-mira tal-Programm: il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati ma kinux konxji li kien hemm attivitajiet li jixbhu l-proġett tagħhom u li kienu mwettqa minn organizzazzjonijiet oħra fil-livell nazzjonali; u kien hemm indikazzjoni qawwija li mingħajr il-finanzjament mill-UE, il-maġġoranza tal-proġetti ma kinux jitwettqu, jew għall-inqas ma kinux jitwettqu daqshekk, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji allokati speċifikament għall-promozzjoni ta’ użu aktar sikur tat-teknoloġiji onlajn mit-tfal.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni enfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni u ta’ kontenut pożittiv. Hemm bżonn li t-tfal ikollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità li tinkludi komponent diġitali biex dan jgħin fil-protezzjoni kontra diversi riskji fil-konfront ta’ teknoloġiji li jinbidlu daqstant malajr. L-evalwazzjoni enfasizzat il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tat-tfal u l-ħtieġa li t-tfal ikunu konxji tal-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali u li l-ġenituri jkunu involuti biżżejjed fl-attivitajiet onlajn ta’ uliedhom. Sabiex ikunu parteċipanti attivi u effettivi onlajn u sabiex jingħataw is-setgħa li jagħrfu l-kontenut dannuż u jfittxu onlajn dwar is-sikurezza tagħhom stess, it-tfal jeħtieġu kompetenzi diġitali, idealment pprovduti permezz tal-kurrikuli tal-iskejjel.

Il-parteċipanti tal-Programm u l-atturi industrijali u ta’ politika l-oħra apprezzaw ferm ir-riċerka li twettqet u l-importanza tat-tixrid ta’ din ir-riċerka matul il-kumplament tal-Programm. Il-kontribuzzjoni speċifika għall-istħarriġ tisħaq dwar il-ħtieġa li titwettaq riċerka internazzjonali iżjed fil-fond dwar l-imġiba onlajn tat-tfal 18 , u dwar metodi effiċjenti ta’ edukazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-benefiċjarji tal-Programm u l-industrija xtaqu jissoktaw il-kollaborazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ iżjed azzjonijiet speċifiċi għat-tfal vulnerabbli, għat-tfal b’diżabbiltà u għat-tfal b’sitwazzjonijiet diffiċli d-dar.

4.2.Effiċjenza

Il-parteċipanti tal-proġetti rrappurtaw livell għoli ta’ sodisfazzjon bil-ġestjoni tal-Programm imwettqa mid-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CNECT), għalkemm jaf ikun hemm xi parzjalità minħabba l-interess tagħhom stess li jappoġġaw il-Programm. Xorta waħda, xi benefiċjarji identifikaw oqsma għat-titjib tal-proċess ta’ applikazzjoni għal għotjiet finanzjarji futuri tal-UE f’dan il-qasam, fosthom: proċeduri ssimplifikati u rekwiżiti ta’ rappurtar; rekwiżiti iżjed flessibbli biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż; ippjanar fit-tul tal-ħidma u tal-finanzjament; u iżjed tagħrif dwar Programmi oħra ta’ finanzjament oħra f’oqsma relatati.

B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati irrikonoxxew li l-Kummissjoni żgurat ġestjoni effiċjenti tal-Programm. Iż-żmien medju sal-kuntratt kien ta’ 292 jum għas-77 proġett li ġew innegozjati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-azzjonijiet tal-Programm u b’mod speċjali l-enfasi fuq l-attivitajiet tan-netwerk, ġew ikkunsidrati li kienu ta’ ‘valur tajjeb għall-flus’, iżda għad hemm lok għal iżjed konsolidazzjoni u kollaborazzjoni fil-livell tal-UE, fost is-servizzi u bejn il-benefiċjarji tal-Programm. Is-sejbiet dwar l-adegwatezza tal-finanzjament kienu maqsuma b’mod indaqs bejn dawk li kienu tal-fehma li l-finanzjament kien biżżejjed u dawk li kienu tal-fehma li dan ma kienx biżżejjed, u minn dawn tal-aħħar, kważi kollha kellhom aċċess għal finanzjament minn sorsi oħra. Madankollu, dawn ir-riżultati jaf ikollhom xi parzjalità skont jekk il-benefiċjarju kellux aċċess għal finanzjament addizzjonali jew le.

Ta’ sikwit, il-proġetti ffinanzjati gawdew minn sinerġiji ma’ inizjattivi oħra. Il-fatt li jeżistu SICs f’27 Stat Membru huwa pperċepit mill-partijiet ikkonċernati bħala l-valur miżjud prinċipali tal-Programm peress li dan jippermetti l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-prattika tajbin. Dan huwa kkonfermat fl-immappjar ta’ politiki għal Internet Aktar Sikur, li jikkonkludi li fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, l-SIC huwa rikonoxxut bħala l-pjattaforma prinċipali għall-implimentazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u tal-inizjattivi 19 .

L-evalwazzjoni kkonfermat li l-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-Programm ikkontribwew biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm. Dan sar bit-trawwim tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji onlajn, bit-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, billi ġiet indirizzata l-imġiba dannuża onlajn, u bl-involviment tat-tfal fis-sikurezza onlajn u bit-tagħrif għalihom dwar is-sikurezza onlajn. Madankollu, tqajjem tħassib li l-effettività tal-Programm u tal-attivitajiet tiegħu fil-futur jaf tiġi pperikolata minn nuqqas ta’ finanzjament sostnut tal-UE u minn nuqqas ta’ rieda mill-industrija u mill-gvernijiet nazzjonali li jkunu involuti.

Fir-rigward tat-titjib għall-ġejjieni, l-attivitajiet li setgħu ġew ikkunsidrati iżjed jinkludu l-ħidma soċjali u iżjed riċerka u proġetti ddisinjati biex itejbu l-ħiliet diġitali tat-tfal. Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonċernati ħassew il-ħtieġa li l-industrija taqdi rwol akbar fit-titjib tal-effettività tal-attivitajiet imnedija mill-Programm.

4.3.Impatt u Sostenibbiltà

Is-sejbiet mill-istħarriġ u mill-intervisti mal-parteċipanti tal-proġetti u mal-partijiet ikkonċernati, bil-possibbiltà li dawn setgħu kienu frott xi parzjalità, juru li l-Programm kellu impatt medju sa għoli, prinċipalment fit-trawwim tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali, fiż-żieda tal-ħiliet diġitali u bit-titjib tal-kooperazzjoni u bil-ħolqien ta’ sinerġiji.

L-aktar li ssemmew kienu t-trawwim tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, flimkien mal-għoti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għodda u l-materjali relatati li jridu jintużaw mit-tfal. Il-koordinazzjoni pprovduta permezz tan-netwerk INSAFE titqies li timmassimizza s-sinerġiji u l-impatt, u pereżempju fl-2014, l-isforzi konġunti tan-netwerk għenu iżjed minn 22,5 miljun persuna madwar l-Ewropa (u lil hinn minnha) 20 .

It-tieni l-aktar qasam ta’ impatt li inkiseb kien fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali, u speċifikament fil-ħidma tal-linji telefoniċi ta’ emerġenza. It-twaqqif ta’ sistema ta’ notifika u ta’ tneħħija tas-CSAM u l-kooperazzjoni mtejba bejn il-linji telefoniċi ta’ emerġenza u l-infurzar tal-liġi wasslu għal tneħħija aktar imħaffa. Fl-2011, 60 % tal-kontenut irrappurtat tneħħa fi żmien jum sa tlett ijiem meta mqabbel ma’ iżjed minn 90 % tal-kontenut irrappurtat fl-2014 21 . Barra minn hekk, matul il-perjodu tal-Programm, il-linji telefoniċi ta’ emerġenza rċevew għadd dejjem jikber ta’ rapporti 22 li wassal għal żieda fl-għadd ta’ siti mħassra min-netwerk INHOPE.

Barra minn hekk, is-sejbiet juru li l-Programm kien influwenti fir-rigward ta’ attivitajiet nazzjonali u internazzjonali oħra. Ir-referenzi li saru għar-riċerka u għar-riżultati mill-Programm huma xhieda ta’ dan. L-attivitajiet Ewropej għal Internet Aktar Sikur spiss jitqiesu bħala prattika tajba internazzjonalment, u jsiru fl-Amerka Latina, fl-Istati Uniti u fir-reġjun Asja-Paċifiku. Bħala eżempju, il-Jum għal Internet Aktar Sikur, li nibet mill-Programm, huwa avveniment annwali internazzjonali biex titrawwem is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar is-sikurezza onlajn tat-tfal. Dan jiġi organizzat kull sena f’iżjed minn 100 pajjiż u huwa rikonoxxut madwar l-Ewropa, l-Amerka ta’ Fuq, l-Amerka t’Isfel u r-reġjun Asja-Paċifiku.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma li l-attivitajiet tal-proġetti ma kinux jitwettqu mingħajr il-finanzjament tal-UE, u huma esprimew tħassib dwar il-ksib ta’ finanzjament mill-gvernijiet nazzjonali jew mill-industrija, filwaqt li ħafna kienu jemmnu li f’dan ir-rigward huwa meħtieġ il-finanzjament kontinwu mill-Kummissjoni. Il-benefiċjarji tal-proġetti qalu li l-impatt tal-proġetti tagħhom kien se jissokta fuq medda medja ta’ żmien u fit-tul, bi rwol kruċjali għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-industrija fil-finanzjament ta’ attivitajiet tal-ġejjieni. 

5.KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-EVALWAZZJONI

Abbażi tal-evalwazzjoni esterna u tal-ħidma parallela tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin bħala kontribuzzjoni għal deliberazzjonijiet dwar il-politika tal-ġejjieni għal Internet Aktar Sikur.

L-evalwazzjoni turi li l-Programm irnexxielu jilħaq l-għanijiet prinċipali tiegħu. Il-Programm kien rilevanti ferm fir-rigward tal-problemi indirizzati u tal-partijiet ikkonċernati involuti, u r-rispons għat-teknoloġiji u għall-problemi li kulma jmur qed jevolvu kien tajjeb.

Intwera li l-intervent tal-UE kien meħtieġ kif ukoll effettiv biex jaslu r-riżultati. Id-dimensjoni pan-Ewropea u l-koerenza tal-attivitajiet, it-twaqqif ta’ SICs fl-Istati Membri kollha, u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati differenti kkontribwew għall-konsolidazzjoni ta’ suċċess tal-implimentazzjoni u għall-kollaborazzjoni fil-livell tal-UE, fost is-servizzi u bejn il-benefiċjarji tal-Programm.

Il-Programm ġie rikonoxxut li twassal b’mod effiċjenti, għalkemm ġie misħuq li kien hemm lok li ċerti proċeduri jiġu ssimplifikati.

Il-Programm kellu impatt medju sa għoli, prinċipalment fit-trawwim tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku minħabba l-enfasi fuq in-netwerking u l-ħolqien ta’ sinerġiji, u fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali; it-twaqqif ta’ sistema ta’ notifika u ta’ tneħħija tas-CSAM li tiffunzjona tajjeb, flimkien ma’ sforzi volontarji mill-industrija biex tiġi miġġielda d-distribuzzjoni tas-CSAM permezz tal-infrastruttura tagħhom, naqqsu b’mod sinifikanti ż-żmien biex il-materjal jitneħħa 23 .

Il-Kummissjoni eżerċitat rwol mexxej rikonoxxut fir-rigward tal-Istati Membri u internazzjonalment fejn l-attivitajiet Ewropej ta’ Internet Aktar Sikur ta’ sikwit jitqiesu bħala prattika tajba u jsiru madwar id-dinja bħal pereżempju ċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum għal Internet Aktar Sikur.

5.1.Tkomplija tal-iżjed attivitajiet effettivi

Sabiex iżommu mar-riżultati li nkisbu u jibnu fuqhom, it-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin li sa issa kienu l-iżjed effettivi, jistgħu jiġu sostnuti aktar:

-il-ħidma taċ-ċentri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku SIC, li għandha titkompla billi jiġu msaħħa iżjed l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, inkluż it-tixrid ta’ tagħrif u ta’ għodod għat-tfal dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji onlajn u t-tkomplija annwali tal-Jum għal Internet Aktar Sikur; it-twessigħ ulterjuri tal-ħidma tal-linji telefoniċi għall-għajnuna u tal-kooperazzjoni tagħhom ma’ sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal għandu jitħeġġeġ; anke l-ħidma tal-linji telefoniċi ta’ emerġenza li kienet kisba kbira tal-Programm għandha titkompla.

-jiġi żgurat li l-SICs jgħinu lit-tfal f’sitwazzjonijiet żvantaġġati jew vulnerabbli (fosthom it-tfal b’diżabbiltà, it-tfal f’riskju ta’ faqar, it-tfal fil-migrazzjoni) sabiex bl-inklużjoni sħiħa tagħhom jitħallew igawdu l-benefiċċji tat-teknoloġiji diġitali.

-ir-riċerka kontinwa fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar l-imġiba onlajn tat-tfal u dwar ir-riskji li jiffaċċjaw, sabiex l-bażi ta’ għarfien tinżamm aġġornata u sabiex jiġi żgurat li kull inizjattiva tibqa’ rilevanti u ffukata fuq dawk l-oqsma li jeħtieġu l-iżjed attenzjoni. Minħabba n-nuqqas ta’ riċerka ffukata f’dan il-qasam, hemm bżonn li jsir ħsieb dwar kif ir-riċerkaturi jistgħu jiġu mħeġġa jikkontribwixxu għall-bażi ta’ għarfien dwar l-użu tal-Internet mit-tfal u jipprovdu l-materjal għall-iżvilupp kontinwu tal-azzjonijiet, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li huwa evidenti f’EUKidsOnline jiġi replikat fir-riċerka tal-ġejjieni, bil-ħsieb li d-drittijiet tat-tfal jitħarsu aktar fl-ambjent onlajn. F’dan il-kuntest, il-linji telefoniċi għall-għajnuna jistgħu jkunu sors prezzjuż ta’ tagħrif, peress li huma l-ewwel punt ta’ kuntatt, ikkonsultati direttament mit-tfal u mill-ġenituri.

-it-tkomplija tal-immappjar ta’ politiki għal Internet Aktar Sikur fuq bażi regolari sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali dwar kif l-isfidi li jikkonċernaw is-sikurezza onlajn jiġu ssodisfati u indirizzati f’politiki u f’inizjattivi madwar l-Ewropa, u sabiex jiġu identifikati xejriet u approċċi emerġenti mill-Istati Membri.

B’mod ġenerali, ir-rwol superviżorju u ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Programm, u b’mod partikolari permezz tal-SICs kien ta’ valur kbir għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati kollha li kienu involuti 24 . Għalhekk, it-tkomplija ta’ rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni fil-Programmi tal-ġejjieni tkun ta’ valur miżjud.

5.2.Faċilitazzjoni tal-monitoraġġ tal-impatt tal-proġetti

Attwalment mhux possibbli li jiġu stabbiliti u li jiġu mkejla l-impatti tal-proġetti kofinanzjati mill-UE, minħabba li ma hemmx biżżejjed għodod għall-monitoraġġ. Għalhekk, għall-ġejjieni jkun siewi li tiġi stabbilita sistema soda ta’ monitoraġġ u li jitwettqu evalwazzjonijiet indipendenti regolari. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati indikaturi tal-implimentazzjoni u tal-prestazzjoni li jistgħu jitkejlu, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru paragun u valutazzjoni aħjar ta’ proġetti tal-istess xorta u jkunu jistgħu jiġu enfasizzati l-prattiki tajbin.

5.3.Ħtieġa kontinwa għal komunikazzjoni effettiva

Għandu jkun hemm komunikazzjoni bejn l-entitajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiġu kondiviżi l-prattiki tajbin u sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ta’ inizjattivi futuri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni eżistenti bejn id-diversi servizzi rilevanti tal-Kummissjoni għal kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza fuq l-internet u ma’ firxa sħiħa ta’ kontenut illegali u għandha tissorvelja l-konsistenza ta’ ħidmiethom. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejn tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati għandha tittejjeb iżjed.

5.4.Tħeġġiġ tal-involviment tal-industrija u tal-Istati Membri

L-evalwazzjoni wriet li l-attivitajiet iffinanzjati fil-qafas tal-Programm huma ta’ valur, iżda bħalissa hemm involviment finanzjarju limitat mill-industrija. Minħabba t-tħassib eżistenti tal-parteċipanti tal-proġetti dwar il-finanzjament futur tal-inizjattivi, għandu jkun hemm involviment aktar b’saħħtu mill-industrija bħala sorsi alternattivi ta’ finanzjament għal attivitajiet li attwalment huma ffinanzjati mill-Kummissjoni u, sa ċertu punt, mill-gvernijiet nazzjonali. Dan jista’ jkun għan fit-tul li kieku jippermetti lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar kif l-aħjar jittejjeb l-involviment (finanzjarju) tal-industrija b’mod aktar ġenerali.

L-involviment tal-Istati Membri f’inizjattivi futuri għandu jitħeġġeġ aktar ukoll. Għalhekk, filwaqt li jiġi stabbilit il-livell ta’ riżorsi għall-attivitajiet tal-ġejjieni, għandha tiġi vvalutata fi stadju bikri d-disponibbiltà ta’ sorsi nazzjonali u ta’ sorsi oħra flimkien mal-finanzjament tal-UE. Kulma jmur il-ħtieġa ta’ kofinanzjament nazzjonali għandha tiġi kkomunikata b’mod ċar u kontinwu mill-Kummissjoni biex b’hekk l-ebda Stat Membru ma jkun jiddependi biss fuq proġetti ffinanzjati mill-UE f’dan il-qasam ta’ politika. Billi tenfasizza l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u billi tikkomunika dan lill-Istati Membri l-oħra kollha, il-Kummissjoni tista’ tagħtihom l-inċentiv li jżidu l-finanzjament nazzjonali.

(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni – ĠU L 348, 24.12.2008, p. 118
(2)

     Ippubblikat bit-titlu: Mapping Safer Internet policies in the Member States: The Better Internet for Kids (BIK) Map ISBN: 978-92-79-47784-3

(3)  Nru 1351/2008/KE
(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010.
(5)  Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Aktar Sikur (1999-2004), b’baġit ta’ EUR 38,7 miljun; il-programm tal-2005-2008 għal Internet Aktar Sikur (2005-2008 Safer Internet plus), b’baġit ta’ EUR 45 miljun
(6)  https://www.betterinternetforkids.eu/
(7)  International Association of Internet Hotlines INHOPE http://www.inhope.org/GNS/Home.aspx
(8)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI
(9)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/organized-crime-and-human-trafficking/global-alliance-against-child-abuse/index_en.htm
(10)  Id-dikjarazzjoni tal-għanijiet tal-Koalizzjoni biex l-Internet isir post aħjar għat-tfal. Disponibbli fis-sit web: https://ec.europa.eu/digital-agenda/sites/digital-agenda/files/ceo_coalition_statement.pdf
(11)

     Il-Qafas Ewropew għal Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls mill-Adoloxxenti u mit-Tfal; Il-Prinċipji dwar in-Netwerking Soċjali għall-UE

(12)   http://www.enacso.eu/  
(13)   http://www.lse.ac.uk/media@lse/research/EUKidsOnline/Home.aspx  
(14)  EU NET ADB , SPIRTO, Social Web Social Work, il-proġett ROBERT, Net Children Go Mobile.
(15)  SIP-Bench III: http://sipbench.eu
(16)  Ir-rapport finali ppubblikat bit-titlu: Mapping Safer Internet policies in the Member States: The Better Internet for Kids (BIK) Map ISBN: 978-92-79-47784-3
(17)
(18)  Eżempju ta’ dan huwa l-istudju mwettaq mid-DĠ SANCO dwar il-kummerċjalizzazzjoni għat-tfal permezz tal-midja soċjali, tal-logħob onlajn u tal-applikazzjonijiet mobbli. L-istudju mistenni li jippubblika r-riżultati tiegħu fl-2016.
(19) http://www.technopolis-group.com/wp-content/uploads/2014/11/Benchmarking-SI-Policies_Final-report.pdf  
(20)  INSAFE – INHOPE, Rapport Annwali tal-2014, April tal-2015
(21)  Infografika/INHOPE 2014
(22)  INSAFE – INHOPE, Rapport Annwali tal-2013, April tal-2014, p. 6.
(23) http://www.inhope.org/Libraries/Statistics_Infographics_2014/INHOPE_stats_infographics_for_2014.sflb.ashx
(24) http://www.technopolis-group.com/wp-content/uploads/2014/11/Benchmarking-SI-Policies_Final-report.pdf