Brussell, 1.6.2016

COM(2016) 361 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Twettiq tal-Aġenda tas-Suq Uniku għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment


1.Sostenn għal irkupru ekonomiku

It-tisħiħ tal-ekonomija tal-Ewropa u l-istimulu tal-investiment biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir jibqgħu l-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 1 , it-tkabbir fl-Ewropa qed jirnexxi minkejja l-ambjent globali aktar diffiċli. Il-livelli tal-impjiegi qed jiżdiedu, għalkemm għadhom bil-mod wisq, u d-defiċit ġenerali pubbliku ikompli jonqos. Komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet għal titjib fl-investiment. Filwaqt li dawn huma sinjali inkoraġġanti, jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi sabiex jiġi sfruttat it-trijanglu virtuż tar-riforma strutturali, tal-politiki fiskali responsabbli u tal-investiment.

L-innovazzjoni trawwem il-kompetittività, il-produttività u l-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk hi essenzjali biex il-magna għat-tkabbir Ewropew fis-seħħ tingħata spinta. Sabiex isseħħ l-innovazzjoni, il-kumpaniji u l-intraprendituri jeħtieġu l-inċentiv u l-ħila biex jinvestu. Dawn jeħtieġu l-aqwa talent u aspettattiva li huma se jkunu jistgħu jespandu u jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom f’suq kbir mingħajr ma jiffaċċjaw rekwiżiti regolatorji differenti f’kull Stat Membru. Għalhekk għandna bżonn inżommu fokus qawwi fuq it-titjib tas-Suq Uniku biex nappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli u nagħmlu lill-Ewropa aktar kompetittiva u attraenti għall-investimenti.

Dan jeħtieġ interazzjoni aħjar bejn l-UE u d-dimensjoni nazzjonali u reġjonali biex jitneħħew l-ostakoli għall-investiment u t-twettiq ta' riformi strutturali. Ġimagħtejn ilu, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż identifikaw il-prijoritajiet l-iktar urġenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali biex tinżamm it-triq tar-riforma. Fl-istess ħin, ċerti restrizzjonijiet għandhom element transfruntier qawwi u jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE. B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17/18 ta’ Marzu 2016, din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku, b’enfasi fuq dawk l-oqsma fejn jinħtieġu deċiżjonijiet politiċi mill-aktar fis li jsaħħu u jaċċelleraw ir-riformi meħtieġa.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa stabbilixxa azzjoni miftiehma biex jistimula l-finanzjament għall-investiment, it-tneħħija ta' ostakli, iżid l-innovazzjoni u l-approfondiment tas-Suq Uniku. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), qed jittrasforma kif l-Ewropa tappoġġja l-investimenti. Aktar finanzjament qed jibda jmur lejn proġetti ta' innovazzjoni u ta’ infrastruttura, kif ukoll għal proġetti lokali mwettqa minn kumpaniji żgħar li joħolqu l-biċċa l-kbira tal-impjiegi l-ġodda. L-ewwel riżultati tal-FEIS huma inkoraġġanti. Investimenti totali ġġenerati mill-FEIS s’issa jammontaw għal EUR 100 biljun. Iktar minn 140 000 SMEs u kumpaniji ta’ daqs medju huma mistennija li jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għal finanzjament mill-Fond Ewropew tal-Investiment. Il-proġetti f'26 Stat Membru diġà huma appoġġjati u aktar huma mistennija fil-ġejjieni 2 . Biex tibni fuq dawn il-kisbiet, il-Kummissjoni timmira li testendi l-FEIS lill hinn mill-2018, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “l-Ewropa tinvesti mill-ġdid — Evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” 3 , li tkompli tappoġġa proġetti għat-tkabbir u l-impjiegi li kieku ma kinux iseħħu mingħajr il-FEIS.

2.Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi

Għalkemm importanti biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ riżorsi skarsi, l-istrumenti finanzjarji mhumiex biżżejjed. Dawn jeħtieġ li jkunu kkumplimentati bi bdil strutturali li jrawwem l-innovazzjoni u t-tkabbir. Is-Suq Uniku joffri suq ikbar u jiffaċilita d-dħul ta' kumpaniji ġodda, li spiss ikunu kumpaniji innovattivi, filwaqt li l-konsumaturi jibbenefikaw minn aċċess għal varjetà usa’ ta’ prodotti u servizzi bi prezzijiet irħas. Swieq ta' prodotti u servizzi inovattivi u kompetittivi jimplikaw ukoll bidla kostanti u tranżizzjonijiet, kemm minn prodotti u servizzi qodma għal dawk ġodda, minn teknoloġiji qodma għal dawk ġodda, jew li rriżultaw minn mudelli u proċessi kummerċjali qodma għal dawk ġodda.

Sabiex ikun hemm innovazzjoni u jiġu ffaċilitati transizzjonijiet bħal dawn, jeħtieġ li ninvestu fil-kapital ewlieni tal-Ewropa, iċ-ċittadini tagħha. Huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex jiġu żviluppati u adattati l-ħiliet taċ-ċittadini tagħna. Dan huwa vitali għall-prosperità u t-tkabbir. Huwa se jiddetermina l-kapaċità tal-Ewropa biex jistimula l-innovazzjoni fl-era diġitali. Forza tax-xogħol b’ħila li tadatta malajr f’dinja tal-innovazzjon li qed tinbidel b’mod mgħaġġel li tista’ żżid il-produttività u b’hekk tiġġenera pagi ogħla.

Jeħtieġ li jiġi żgurat ambjent tan-negozju aktar favorevoli u prevedibbli li jnaqqas il-piż amministrattiv u jippermetti lin-negozji u lis-soċjetà li jaħtfu l-opportunitajiet li joffru l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u l-mudelli kummerċjali ġodda.

Ħafna mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni jappoġġjaw dawn l-objettivi.

L-Unjoni Ewropea tal-Enerġija, l-istrateġija Kummerċjali tagħna kollha jew il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari kollha għandhom l-għan li joħolqu opportunitajiet ġodda, f’pajjiżhom u fi swieq internazzjonali, u jrawmu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi differenti.

L-Aġenda għal Ħiliet Ġodda li jmiss għall-Ewropa se tfittex li ttejjeb il-kwalità u r-relevanza ta’ formazzjoni ta’ ħiliet, fejn il-ħiliet u l-kwalifiki jsiru aktar viżibbli u komparabbli biex jiffaċilitaw il-mobbiltà u biex il-ħiliet ta’ intelliġenza u informazzjoni jitjiebu għal għażliet aħjar għall-karriera.

L-Aġenda tar-Regolamentazzjoni aħjar tikkontribwixxi wkoll għal politika aħjar li tirrifletti l-prijoritajiet reali ta' persuni permezz ta’ enfasi qawwija fuq it-trasparenza u t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza.

L-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali huma fil-qalba ta’ din l-aġenda ta’ riforma Ewropea. Dawn għandhom l-għan li jnaqqsu l-ostakli, inklużi ostakli ġodda fl-ekonomija diġitali, u li jneħħu l-frammentazzjoni bla bżonn. Dawn huma kumplimentari u mfassla b’mod li jsaħħu l-impatt ta’ xulxin. Dawn ġew milqugħa tajjeb ħafna mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Istati Membri. Dan l-appoġġ qawwi jipprovdi opportunità unika u prekondizzjoni essenzjali biex issir qabża kwalitattiva lejn Ewropa aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva.

3.IT-TWETTIQ TAL-VIŻJONI TAS-SUQ UNIKU 

Bl-istrateġiji differenti fis-seħħ u approvati b’mod wiesa’ mal-atturi rilevanti, il-fokus issa qiegħed fuq ir-riżultati. Qed issir ħidma fl-oqsma kollha u għadd ta’ inizjattivi diġà ġew proposti.

Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, il-Kummissjoni ssegwi l-prinċipji tagħha ta’ regolamentazzjoni aħjar. Qabel ma tieħu deċiżjoni fuq inizjattiva partikolari, din tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-partijiet interessati, inklużi ċ-ċittadini, l-industrija u l-imsieħba soċjali, tanalizza l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u twettaq analiżi komprensiva tal-impatti possibbli li l-inizjattiva jista’ jkollha. Kull meta jkun possibbli, ir-regoli eżistenti qed jiġu ssimplifikati biex jiffaċilitaw il-konformità u l-piż regolatorju jitnaqqas kemm jista’ jkun. Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ il-benefiċċji tas-suq uniku, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tissokta bl-appoġġ tagħha lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità tagħhom ta’ infurzar.

Ix-xogħol madankollu ma tlestiex, bil-Kummissjoni li tippreżenta l-proposti tagħha. Is-suċċess jiddependi fl-aħħar mill-aħħar fuq segwitu pront u determinat mogħti mill-koleġiżlaturi, u dwar azzjoni komplementari fil-livell nazzjonali, inklużi f’termini ta’ traspożizzjoni, implimentazzjoni, infurzar u monitoraġġ. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju jipprovdi opportunità tajba biex jittieħed kont tal-progress miksub, biex jiġi kkonfermat l-impenn li jitlesta s-Suq Uniku u biex isir qbil dwar il-passi meħtieġa biex l-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jsiru kompletament operazzjonali.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku għandha:

ittenni l-importanza ta’ suq uniku aktar fil-fond u aktar ġust biex jinħolqu l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u klima attraenti għall-investiment;

tappoġġa bil-qawwa r-riformi radikali proposti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jgħin lin-negozji u lis-soċjetà inġenerali sabiex jaħtfu l-opportunitajiet li joffru l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u mudelli ġodda ta’ negozju;

tipprijoritizza l-implimentazzjoni ambizzjuża u urġenti tal-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġi żgurat li l-inizjattivi kollha taħt l-istrateġiji jkunu fis-seħħ u operattivi sa tmiem il-mandat tal-Kummissjoni, l-aktar tard.

3.1.    Appoġġ għall-investiment fl-ekonomija reali 

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li tgħaqqad aħjar t-tfaddil mal-investiment. Din tipproponi programm ta’ miżuri biex jitjieb il-fluss ta’ kapital lil kumpaniji privati u investiment fl-infrastruttura. Issa li r-regoli l-ġodda għas-setturi bankarji, tas-swieq u tal-assigurazzjoni għamlu s-sistema finanzjarja Ewropea aktar sigura, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se ssaħħaħ iskala ta’ finanzjament tal-Ewropa għal kumpaniji li qed jikbru u li għandhom bżonn firxa usa ta’ għażliet biex jiffinanzjaw l-espansjoni tagħhom. Billi tagħmel l-investimenti aktar attraenti u bil-ħolqien ta’ ċirkwiti finanzjarji ġodda, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi, tnaqqas l-ispiża tagħha, u tneħħi l-ostakli għal investiment transfruntier. Il-Kummissjoni diġà ħadet bosta inizjattivi u bdiet taħdem fuq kwistjonijiet li huma aktar fit-tul. Biex tinbena l-fiduċja u l-momentum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu malajr fuq il-proposti pendenti biex jipprovdu l-benefiċċji tagħhom għall-ekonomija reali.

Dan huwa partikolarment minnu għal pakkett ta’ titolizzazzjoni, li jistipula l-kriterji għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u witta t-triq għall-iżvilupp ta’ bażi Ewropea soda tas-suq tat-titolizzazzjoni. Kwalunkwe dewmien fil-proċess leġiżlattiv jeħtieġ li jiġi evitat, għax ladarba jiġi adottat, il-pakkett se jgħin biex jattira firxa akbar ta’ investituri u jillibera l-karti tal-bilanċ tal-banek għal self ġdid. Jekk jerġa' jinġieb kif kien - b’mod sigur - is-suq tat-titolizzazzjoni għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, jista’ jipprovdi EUR 100 biljun addizzjonali ta’ kreditu lill-ekonomija. L-allokazzjonijiet ta' kapital għall-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jinvestu f’titolizzazzjonijiet standardizzati se jitnaqqsu sabiex jirriflettu inqas riskji. Il-pakkett globali se jżid l-istabbiltà finanzjarja billi jżomm l-protezzjonijiet stabbiliti wara l-kriżi u billi jippromwovi s-sempliċità, it-trasparenza u bażi ta’ investituri aktar wiesgħa.

Il-koleġiżlaturi għandhom jilħqu ftehim malajr dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal mod aktar sempliċi, aktar mgħaġġel u irħas tar-reġim tal-prospett, li se tkun partikolarment utli għal kumpaniji li jixtiequ jżidu l-kapital. Se jinħoloq qafas ġdid għal emittenti żgħar biex jiġi rilaxxat finanzjament għall-kumpaniji iżgħar.

L-introduzzjoni ta’ regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni (Solvenza II) għandha tikkontribwixxi għall-appoġġ tal-investimenti infrastrutturali permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż kapitali. Dawn il-bidliet diġà daħlu fis-seħħ. Biex tipprepara reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tesplora li tnaqqas il-piżijiet tar-riskju għal proġetti ta’ infrastruttura għal banek b’mod simili.

Is-self bankarju għadu sors prinċipali ta’ kapital ta’ ħidma għal mikroimpriżi u impriżi żgħar. Bl-istess mod fil-kuntest tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, il-Kummissjoni se tfittex li tippreserva l-kapaċità tal-banek li jsellfu l-flus lill-SMEs billi żżomm u possibbilment tespandi t-trattament kapitali favorevoli għal self lil SMEs.

Kif stipulat fl-ewwel Rapport tal-Istatus 4 , is-segwitu se jkun meħtieġ wkoll għal azzjonijiet oħrajn tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li jibda b’enfasi qawwija fuq il-kapital ta' riskju. Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi emenda għal-leġiżlazzjoni ta’ kapital ta’ riskju tal-UE biex tibni l-iskala, id-diversità u l-għażla sabiex tiżdied il-penetrazzjoni tagħhom fis-suq, tippermetti li aktar kumpaniji jibbenefikaw minn dan is-sors alternattiv ta’ finanzjament. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tipproponi li tistabbilixxi Fond ta’ Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju li se jgħaqqad il-finanzi pubbliċi b’kapital privat biex jiddaħħlu skala u stimolu għall-appoġġ ta’ intrapriżi ġodda l-aktar promettenti.

Bħala parti mill-aġenda tagħha li tgħin il-kumpaniji - u partikolarment l-SMEs - jespandu u jikbru fl-Ewropa, il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet konsultazzjoni pubblika biex tħejji inizjattiva ġdida dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza tan-negozji. Din l-inizjattiva ġġib ċertezza legali għall-investituri transfruntiera, tneħħi l-ostakoli għall-fluss ħieles tal-kapital u tgħin lill-kumpaniji jirkupraw meta jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji. Hija se tipprovdi regoli ta’ ristrutturar tad-dejn aħjar, għall-benefiċċju tal-kredituri li se jirċievu rkupru tal-assi aktar malajr u tal-kumpaniji li jistħoqqilhom opportunità oħra.

Fondi ta’ investiment għandhom rwol dejjem akbar fl-allokazzjoni ta’ tfaddil bl-imnut u dawk istituzzjonali b’mod aktar produttiv. L-assi ġestiti mill-Fond Ewropew tal-industrija rduppjaw għal EUR 10,000 biljun bejn l-aħħar tal-2003 u l-aħħar tal-2013. Il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar modi biex titjieb l-effiċjenza u l-kompetizzjoni fis-swieq għal dawn il-mezzi ta’ investiment kritiċi, u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kumpaniji u l-investituri.

Bl-istess mod, suq Ewropew għal prodotti tal-pensjoni personali volontarja jista' jnaqqas l-ispejjeż għall-konsumaturi minħabba l-ekonomiji ta’ skala u jgħinhom jibnu dħul adegwat ta’ rtirar iżda jista’ wkoll iżid l-investiment fl-ekonomija Ewropea billi jimmobilizza aktar kapital disponibbli għal opportunitajiet ta’ investiment fuq terminu twil. Il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika sabiex tanalizza l-esperjenzi nazzjonali fl-UE biex tidentifika l-kondizzjonijiet biex dawn is-swieq jimxu ‘l quddiem.

Flimkien ma’ ħidma ġdida biex tibni Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb il-qafas leġiżlattiv eżistenti għal servizzi finanzjarji. Il-kriżi finanzjarja kienet teħtieġ ħafna regoli ġodda li ħtieġu li jiġu implimentati fi żmien qasir biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-qafas ġenerali stabbilit huwa meqjus xieraq, dan seta’ wassal għal xogħol doppju, lakuni, inkonsistenzi jew piż sproporzjonat. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza l-analiżi tagħha ta’ kważi 300 tweġiba għal sejħa għal evidenza dwar l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fl-Ewropa, li se jiġu integrati f’reviżjonijiet futuri tal-leġiżlazzjoni finanzjarja.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku għandha:

tisħaq fuq l-urġenza li jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett tat-titolizzazzjoni u l-ħtieġa għal progress rapidu dwar il-prospett propost sabiex in-negozji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji ta’ dan it-tibdil mill-aktar fis possibbli;

tappoġġa l-flussi futuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bħal kapital ta’ riskju, dwar il-pensjonijiet personali, ir-ristrutturar tad-dejn u l-insolvenza;

timmobilizza azzjoni mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-ostakli għas-suq uniku li għandhom l-oriġini tagħhom f’dispożizzjonijiet regolatorji jew tat-taxxa nazzjonali li jwaqqfu jew jippenalizzaw l-investiment transfruntier.

3.2.    Stimulu għal opportunitajiet ta’ negozju ġodda

Industrija b’saħħitha u bi prestazzjoni tajba hija parti essenzjali tal-ekonomija Ewropea. L-industrija tinsab konfrontata b'opportunitajiet ġodda u sfidi ġodda, b’mod partikolari permezz ta’ trasformazzjoni diġitali 5 , progress deċiżiv għall-konnettività, u arranġamenti robusti u kkoordinati għaċ-ċibersigurtà.

Filwaqt li n-negozji jieħdu l-inizjattiva biex jadattaw għar-realtajiet tas-suq, il-pakkett tal-Kummissjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u s-servizzi pubbliċi diġitali se jgħin biex il-qawwiet ekonomiċi tradizzjonali diġitali Ewropej jsiru negozji diġitali kompetittivi. Il-miżuri jinkludu azzjoni biex jiġu appoġġati u jintrabtu flimkien inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u jiġu pprovduti aktar pjattaformi ta' innovazzjoni diġitali li jkunu aħjar u li jgħinu n-negozji, b'mod partikolari SMEs, b'tranżizzjoni lejn l-ekonomija tad-dejta. Il-pakkett jinkludi wkoll l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għall-bini ta’ infrastruttura tad-dejta tal-cloud ta’ klassi dinjija u mmirata li tipprovdi lil xjenzati u inġiniera fl-UE b’kapaċità ta' immaniġġjar usa' ta' sistemi ta' kompjuters u dejta.

Fid-dawl tar-rwol kruċjali ta’ standards fil-promozzjoni tal-innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni diġitali, u t-tneħħija tal-ostakli kummerċjali, il-Kummissjoni stabbiliet li timmodernizza, tagħti prijorità u tħaffef is-sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea. Għal dan l-għan, hi ġabret flimkien il-komunità tal-istandardizzazzjoni Ewropea fil-qafas tal-Inizjattiva Konġunta tagħha dwar l-istandardizzazzjoni, li hija akkumpanjata minn gwida dwar standards ta’ servizz biex jiġi estiż l-għarfien tal-istandardizzazzjoni fil-qasam tas-servizzi. Approċċ simplifikat li jwaqqaf standard tal-ICT għandu jipprovdi regoli bażiċi komuni aktar malajr sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità ta’ teknoloġiji diġitali ġodda.

“Dejta Kbira (Big Data)” u “Internet tal-Oġġetti (Internet of Things)” huma katalizzaturi għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tul is-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji ġodda. Biex jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal ta’ teknoloġiji diġitali u tad-dejta, il-Kummissjoni permezz tal-inizjattiva ta' Fluss Ħieles tad-Dejta, li għandha tiġi adottata aktar tard din is-sena, se tindirizza l-ostakli tekniċi u legali tal-fluss tad-dejta għal raġunijiet oħra li huma differenti mill-protezzjoni tad-dejta personali fi ħdan l-UE u r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-post ta' dejta għal raġunijiet ta' ħażna jew ta' pproċessar. Hija se tindirizza kwistjonijiet emerġenti ta’ responsabbiltà, sjieda, l-interoperabbiltà, l-użu tad-dejta f’sitwazzjonijiet bħal minn negozju għal negozju, minn negozju għal konsumatur, dejta ġġenerata mill-magni u dejta bejn magna għal oħra. Sabiex tgħin biex jintlaħqu l-ogħla standards fiċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta inizjattiva biex jitjiebu t-tħejjija u r-rispons għal inċidenti ċibernetiċi u jitrawmu l-kapaċitajiet industrijali fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

Is-soċjetà diġitali tal-futur tal-Ewropa tirrikjedi infrastruttura ta' konettività mifruxa, affordabbli, sikura u ta' prestazzjoni għolja. Jekk jiġu adottati dalwaqt, il-proposti leġiżlattivi attwali tal-Kummissjoni għal rilaxx f’waqtu tal-ispettru għall-użu minn servizzi mobbli se jipprovdu opportunità kbira għal tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji tal-ħames ġenerazzjoni (5G) mingħajr wajers. B’mod aktar ġenerali, ir-riforma li jmiss tar-regoli tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE se timmira li ddaħħal approċċ aktar konsistenti mal-immaniġġjar tal-ispettru, tindirizza l-frammentazzjoni regolatorja, tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-atturi tas-suq filwaqt li tistimula l-kompetizzjoni u l-għoti ta’ inċentiv għall-investiment.

Iż-żieda ta’ mudelli tan-negozju ġodda, iffaċilitata permezz ta’ pjattaformi onlajn, toħloq għadd kbir ta’ opportunitajiet ġodda għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumatur. Fl-istess ħin, tqajjem sfidi ġodda għall-awtoritajiet u l-operaturi. Bil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-ekonomija kollaborattiva, il-Kummissjoni qed tappoġġa l-iżvilupp ibbilanċjat ta’ mudelli ta’ negozju ġodda billi tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet u l-operaturi tas-suq. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar il-pjattaforma onlajn tistabbilixxi l-approċċ tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaformi onlajn fl-Ewropa filwaqt li tirrikonoxxi ċerti sfidi regolatorji u tipproteġi l-interessi leġittimi tal-konsumaturi.

L-internet u t-teknoloġiji diġitali oħra irrevoluzzjonaw l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ kontenut kreattiv bħal kotba u films. Huma bidlu wkoll b’mod fundamentali l-mod kif il-konsumaturi ikollhom aċċess u jgawdu tali kontenut. Sabiex l-atturi kollha tas-suq u ċ-ċittadini jaħtfu l-opportunitajiet ta’ dan l-ambjent ġdid, il-qafas regolatorju tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur jeħtieġ li jiġi adattat. Kif stipulat fil-Komunikazzjoni “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew” (Towards a modern, more European copyright framework), l-objettivi prinċipali tal-proposti tad-drittijiet tal-awtur għandhom jiżguraw disponibbiltà usa’ ta’ kontenut kreattiv, li l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur għal użi onlajn ġodda jiġu adattati u l-appoġġ għal suq tad-drittijiet tal-awtur li jiffunzjona tajjeb u b'mod ġust. Il-Kummissjoni qed tanalizza wkoll il-qafas dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED), billi tiffoka fuq il-ksur fuq skala kummerċjali (l-approċċ “segwi l-flus”) u l-applikazzjoni transfruntier tiegħu.

Jeħtieġ li nagħtu s-setgħa lin-negozji biex ikunu innovattivi u jikkompetu fid-dinja diġitali, u biex jippromwovu l-kreattività u d-diversità kulturali tal-UE flimkien mal-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-soċjetà b’mod ġenerali, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, minn kontenut ta’ ħsara u dak illegali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi d-Direttiva tas-Servizzi u tal-Midja Awdjoviżiva.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku għandha:

tistieden lill-koleġislaturi biex jilħqu ftehim rapidu dwar il-proposta dwar il-portabbiltà tad-drittijiet tal-awtur ippreżentata f’Diċembru 2015 kif ukoll dwar il-proposta għal rilaxx f’waqtu tal-ispettru għall-użu minn servizzi mobbli (medda ta’ frekwenza UHF) fl-Unjoni;

tmexxi ‘l quddiem malajr il-midja awdjoviżiva u l-proposti li ġejjin relatati mad-drittijiet tal-awtur, kwalunkwe possibilità ta’ segwitu għar-reviżjoni tal-IPRED, kif ukoll il-proposta għal riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjoni;

tinkoraġġixxi sħubija b’saħħitha bejn l-Istati Membri u l-livell Ewropew b’appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u l-iżvilupp ibbilanċjat tal-ekonomija kollaborattiva u ta’ pjattaformi onlajn.

3.3    Nagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-konsumaturi, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi

L-isforzi konġunti fil-livell tal-UE u nazzjonali li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ostakoli regolatorji u amministrattivi, inkluż fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-livelli baxxi ta’ investiment u l-ostakli fuq is-servizzi u s-swieq finanzjarji jxekklu t-tkabbir u l-innovazzjoni. Dawn jimplikaw ukoll inqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Iż-żieda fiċ-ċertezza legali u regoli simplifikati jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità, itejbu il-kummerċ transfruntier u jħeġġu investimenti ġodda.

Qed isir xogħol fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-ostakli fis-setturi tas-servizzi ewlenin, biex titjieb il-kompetittività tas-swieq tas-servizzi tal-UE. Konsultazzjoni pubblika mnedija f’Mejju se tagħti feedback sabiex jiġi żgurat li l-proposta ta’ passaport tas-servizzi tnaqqas il-piż amministrattiv għal fornituri ta’ servizzi li jixtiequ jespandu lil hinn mill-fruntieri. Il-konsultazzjoni tkopri wkoll azzjoni biex jiġu indirizzati l-ostakoli regolatorji għal servizzi kummerċjali u għal servizzi ta’ kostruzzjoni, li jistgħu jostakolaw il-kummerċ u l-investiment transfruntier bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk il-Kummissjoni se tippubblika dalwaqt sommarju ta' aktar minn 400 kontribut għall-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut. It-tweġibiet jikkonfermaw li l-konsumaturi jsibuha diffiċli biex jużaw is-servizzi finanzjarji fi Stat Membru ieħor tal-UE. It-tariffi għal kards ta’ pagament jew prodotti tal-assigurazzjoni jvarjaw b'mod drastiku. F’xi każijiet, nuqqas ta’ kompetizzjoni ma jħallix il-konsumaturi jkollhom l-aħjar għażla. Abbażi ta' analiżi ulterjuri tal-feedback, il-Kummissjoni biħsiebha tieħu miżuri ta’ segwitu wara s-sajf 2016. Din il-valutazzjoni se tqis jekk l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunux jistgħu jaċċessaw prodotti xierqa b’termini kosteffettivi u ġusti, u jekk aħniex effettivament nisfruttaw il-potenzjal offrut minn possibbiltajiet ġodda fil-kuntest ta' servizzi bbażati onlajn u teknoloġiji oħra biex is-servizzi finanzjarji jsiru aktar effiċjenti (FinTech).

L-internet ittrasforma b’mod radikali s-soċjetajiet tagħna u l-ħajjiet individwali filwaqt li għandu impatt profond fuq l-integrazzjoni madwar is-setturi kollha tal-ekonomija tagħna. Ir-Regolament il-ġdid tal-Protezzjoni tad-Dejta Ġenerali jsaħħaħ id-drittijiet fundamentali u jiffaċilita n-negozju fis-Suq Uniku Diġitali u f’dan l-istadju l-Kummissjoni se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri, b’mod partikolari mal-awtoritajiet superviżorji, in-negozji u l-partijiet interessati rilevanti oħra biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u koerenti. Bil-proposta tagħha dwar it-tariffi tar-roaming bl-ingrossa, il-Kummissjoni dalwaqt se tipprovdi l-aħħar element biex tikkonkretizza l-wegħda tagħha li tneħħit-tariffi tar-roaming fl-Ewropa sa Ġunju 2017. Il-kombinament tat-tneħħija tar-roaming, il-portabbiltà ta’ kontenut bi drittijiet tal-awtur, u l-projbizzjoni fuq l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat se jibbenefika direttament lil miljuni ta’ konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali. Madankollu, il-potenzjal sħiħ tas-suq tal-kummerċ elettroniku Ewropew għadu ma ntlaħaqx u ghad hemm numru ta’ ostakoli għal Ewropa diġitali mingħajr fruntieri.

Fil-pakkett tal-kummerċ elettroniku tagħha ta' Mejju, il-Kummissjoni għalhekk nediet strateġija komprensiva biex tindirizza l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transfruntier. Dan jinkludi l-projbizzjoni tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħra ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza, miżuri biex tittejjeb is-sorveljanza regolatorja u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti, il-protezzjoni effettiva transfruntiera tal-konsumaturi kif ukoll gwida aġġornata għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki Kummerċjali Inġusti biex ikun żgurat infurzar aħjar. Flimkien mal-proposti tagħna ta' armonizzar tar-regoli għal kuntratti diġitali li ġew adottat f’Diċembru 2015, u l-proposti għas-simplifikazzjoni tal-VAT li ġejjin 6 , dawn il-miżuri se jagħtu lill-konsumaturi aċċess aħjar u orħos għal prodotti u servizzi onlajn fl-Ewropa kollha.

Qiegħda tingħata wkoll attenzjoni kbira għall-ilħuq ta’ sistema tal-VAT li ma tkunx vulnerabbli għall-frodi, moderna u aktar sempliċi. Il-VAT ġabret kważi EUR 1 triljun ta’ dħul fl-2014, li jikkorrispondi għal 7 % tal-PDG tal-UE. Kważi n-negozji kollha jkollhom x'jaqsmu mal-VAT, u l-biċċa l-kbira minnhom jsibuha ta’ piż eċċessiv u wisq frammentata. L-inizjattivi ta’ segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 7 li ġew adottati f’April se jneħħu x-xkiel amministrattiv u jnaqqsu l-ispejjeż regolatorji fi ħdan is-Suq Uniku. Dan se joħloq ambjent li jwassal għat-tkabbir ekonomiku u favorevoli għall-kummerċ billi se jissimplifika drastikament il-kummerċ elettroniku transfruntier u jipprevedi reġim eħfef għall-SMEs, il-konsumaturi u n-negozji se jibbenefikaw minn dan, kif ukoll il-fondi nazzjonali.

Bit-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku u miżuri oħrajn, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-gvern elettroniku se jagħmel l-interazzjoni bejn l-industrija u l-gvernijiet aktar effiċjenti, u se jinkludi wkoll miżuri biex tiġi stimulata d-domanda għal prodotti u servizzi diġitali innovattivi. Barra minn hekk, billi jiftħu d-dejta tas-settur pubbliku, amministrazzjonijiet jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Il-Portal Diġitali Uniku se jwaqqaf punt ta’ dħul uniku onlajn għaċ-ċittadini u n-negozji għal informazzjoni relatata mas-Suq Uniku, l-assistenza, is-servizzi ta’ pariri u ta’ soluzzjoni għall-problemi, kif ukoll il-proċeduri nazzjonali u tal-UE kollha meħtieġa biex joperaw fl-UE.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku għandha:

tħeġġeġ l-akbar parteċipazzjoni possibbli għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li attwalment għadejjin dwar kwistjonijiet bħas-servizzi tal-passaport u l-Portal Diġitali Uniku u tappella għal segwitu ambizzjuż;

timmira għal ftehim rapidu bejn il-koleġiżlaturi dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku, inkluż għal kuntratti diġitali, u l-proposti li ġejjin dwar roaming bl-ingrossa, kif ukoll appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-gvern elettroniku;

tappoġġja l-ħolqien ta’ sistema sempliċi, moderna u reżistenti għal frodi tas-sistema tal-VAT biex tiġġieled kontra l-frodi, tneħħi l-piżijiet amministrattivi, ittejjeb il-kummerċ transfruntier u tilħaq l-aspettattivi tal-konsumaturi u tan-negozji.

3.4    L-infurzar u konsenja prattika

Infurzar effiċjenti u intelliġenti hu kruċjali biex jittieħdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku. In-nuqqas ta’ konformità jfixkel il-kundizzjonijiet ekwi, ixekkel l-innovazzjoni, u jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji.

Sabiex dan jinbidel, l-aspetti ta’ infurzar jeħtieġ li jiġu integrati fit-tfassil tal-politika mill-bidu, inkluż permezz ta’ ġbir aħjar ta’ informazzjoni dwar is-suq rilevanti u sħubija msaħħa mal-Istati Membri. It-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll li tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi implimentata leġiżlazzjoni bħal din peress li tista’ toħloq ostakli ġodda u frammentazzjoni li jqumu fuq livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tagħti prijorità għolja għall-iżgurar tal-konformità mal-korp kollu tal-liġi tal-UE. Hija se timmira wkoll li ssaħħaħ is-sħubija mal-Istati Membri. Bħala parti mill-approċċ strateġiku tagħha, il-Kummissjoni se tfittex li tirrinforza l-għodda eżistenti għas-soluzzjoni tal-problemi.

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur, li kien adottat bħala parti mill-pakkett dwar il-kummerċ elettroniku, se ssaħħaħ l-abbiltà tal-Istati Membri biex jindirizzaw ksur tal-liġi tal-konsumatur, b’mod partikolari fl-ambjent onlajn, fejn huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-fruntieri. Fl-istess ħin, hija tipprovdi punt uniku ta’ servizz għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-konsumatur għal negozjanti involuti f’attivitajiet transfruntiera.

Il-proposta li jmiss għal għodda ġdida ta’ informazzjoni tas-suq uniku se tippermetti lill-Kummissjoni biex tiġbor l-informazzjoni direttament mingħand il-parteċipanti tas-suq magħżula mat-tfassil tal-leġiżlazzjoni ġdida jew l-infurzar ta' dik eżistenti fil-qasam tas-Suq Uniku. L-appoġġ mill-Istati Membri se jkun essenzjali biex jiġi żgurat li jidħol fis-seħħ strument immirat tajjeb u effiċjenti.

Fil-ħarifa, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva biex ittejjeb il-funzjonament tal-proċedura ta’ notifika għal servizzi. Din l-inizjattiva se tkompli ssaħħaħ it-trasparenza dwar miżuri ġodda maħsuba mill-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi u tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra biex jintervjenu aħjar qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri nazzjonali jekk dawn ma joħolqux ostakli sproporzjonati għas-Suq Uniku tas-servizzi. Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u qed tħejji proposta għall-ħarifa.

Mar-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fl-2017, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi li tagħmilha eħfef għan-negozji biex juru li l-prodotti tagħhom huma mibjugħa legalment fi Stat Membru u b’hekk tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex ibigħu l-prodotti tagħhom b'mod transfruntier. Dan se jgħin biex jiġu evitati kostijiet ogħla għall-operaturi ekonomiċi u opportunitajiet ta’ negozju mitlufa tal-adattament ta’ prodotti li jirriżultaw minn regolamenti nazzjonali diversi jew testijiet addizzjonali sabiex jinkiseb aċċess għal swieq ta’ Stati Membri oħra.

Fl-istess waqt, se tipproponi sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex tindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ prodotti li huma illegali jew mhux konformi ma’ rekwiżiti essenzjali tal-prodott. Il-Kummissjoni qed tipprepara li tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi u bdiet taħdem fuq valutazzjoni komprensiva tal-qafas legali eżistenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza għadd ta’ każijiet ta’ profil għoli fis-suq tal-prodott li kixfu d-dgħufijiet ġenerali tal-arkitettura tas-sorveljanza tas-suq uniku tagħna li jmorru lil hinn mir-rilevanza settorjali tagħhom.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tas-Suq Uniku għandha:

tfakkar li l-implimentazzjoni, il-konformità u l-infurzar xierqa tar-regoli tal-UE huma prerekwiżiti biex jiġu realizzati l-benefiċċji tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji;

issaħħaħ is-sħubija mal-Istati Membri biex tiżgura infurzar effiċjenti, intelliġenti u mmirat;

tħeġġeġ lill-koleġislaturi biex jeżaminaw malajr il-proposti marbuta mal-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, b’mod partikolari t-tibdiliet għall-proċedura ta’ notifika għal servizzi, it-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku fil-prodotti u l-ħolqien ta’ għodda tal-informazzjoni tas-suq uniku.

4.Konklużjoni

Peress li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li testendi l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi lil hinn mill-2018, huwa essenzjali li jsir progress fuq l-aspetti l-oħra tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u li titħaffef ir-riforma strutturali. Fi sforz konġunt mill-Istati Membri u l-UE, jeħtieġ li noħolqu ambjent tan-negozju li jrawwem l-innovazzjoni, u jinvesti fin-nies u jiżviluppa l-ħiliet tagħhom tul il-ħajja. Bl-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ressqet programm komprensiv u li jirrinforza b’mod reċiproku għat-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tisħiħ tal-investiment fit-tkabbir u t-titjib tal-kompetittività tal-Ewropa.

Il-fokus issa jrid jimxi għal fuq twassil tal-benefiċċji ta’ dawn l-istrateġiji għall-interess tal-konsumaturi, in-negozji u s-soċjetà kollha kemm hi. Numru ta’ inizjattivi diġà ġew adottati mill-Kummissjoni. Is-sostenn tal-koleġiżlaturi u tal-Istati Membri se jkun indispensabbli sabiex jiġi żgurat li dawn il-proposti jistgħu jkollhom effett fuq il-post kemm jista’ jkun malajr. F’oqsma oħra, il-ħidma preparatorja għaddejja ġmielha. F’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, konsultazzjonijiet pubbliċi, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt se jgħidulna liema huma l-aħjar objettivi, u kif jiġi żgurat li aħna effettivament nindirizzaw dawk il-problemi li għandhom jiġu indirizzati fuq livell Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew huwa għaldaqstant mistieden japprova din il-Komunikazzjoni u jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaqblu mal-miżuri leġiżlattivi meħtieġa malajr kemm jista’ jkun. Il-progress ta’ din l-aġenda ta’ implimentazzjoni għandu jiġi mmonitorjat regolarment, sabiex jiġi żgurat li l-inizjattivi kollha taħt l-istrateġiji jkunu fis-seħħ u operattivi b'mod sħiħ sa tmiem il-mandat tal-Kummissjoni. Jekk naħdmu flimkien, fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, nistgħu nagħtu l-ħajja lil dawn ir-riformi u naħsdu l-benefiċċji tagħhom għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej.

(1)

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/eeip/pdf/ip025_en.pdf

(2)

Il-progress tal-implimentazzjoni tal-FEIS sa mit-tmiem Mejju 2016

(3)

COM/(2016)359

(4)

SWD(2016) 147 finali

(5)

Skont l-Innobarometru 2016, 11 % biss tal-kumpaniji tal-UE jużaw teknoloġiji tal-manifatturar intelliġenti u diġital.

(6)

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

(7)

COM/(2016)148


Brussell, 1.6.2016

COM(2016) 361 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-twassil tal-Aġenda tas-Suq Uniku għall-Impjiegi, t-Tkabbir u l-Investiment


ANNESS 1

F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 1 , il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jagħtu trattament ta’ prijorità lill-fajls leġislattivi li ġejjin fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkunsidra dan li ġej:

Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li ġejjin biex jinkiseb Suq Uniku ġenwin sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2019, inklużi l-proposti marbuta mal-infurzar tar-regoli tas-suq uniku kif ukoll miżuri fil-qasam tas-servizzi tan-negozju, il-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi, l-istabbiliment ta’ Portal Uniku Diġitali u l-ħolqien ta’ sistema tal-VAT sempliċi u moderna li ma tkunx vulnerabbli għall-frodi;

Jiżgura qbil bikri dwar il-proposta reċenti tal-Kummissjoni rigward pakkett tal-Kummerċ elettroniku u proposti għal kuntratti diġitali, li flimkien jipprovdu approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati l-ostakoli li jipprevjenu t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku transfruntier;

Jiżgura li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-proposta pendenti biex tassenja l-broadband bla fili ta' 700 MHz fl-Istati Membri kollha sa mhux aktar tard mill-2020, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-internet għall-Ewropej kollha billi l-ispettru jsir aktar disponibbli għas-servizzi ċellulari u jgħin fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet transfruntiera;

Jiżgura li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-proposta pendenti rigward il-portabilità transfruntiera ta’ servizzi onlajn li jippermettu lir-residenti tal-UE li jivvjaġġaw bil-kontenut diġitali li jkunu xtraw jew abbonaw għalih id-dar;

Jiżgura li jintlaħaq ftehim malajr dwar ir-riforma li ġejja tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE biex tistimula l-kompetizzjoni u tinċentiva l-investiment fil-broadband b’veloċità għolja, kif ukoll dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward ir-reviżjoni tar-roaming bl-ingrossa li hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’ roaming sa Ġunju 2017;

Jiżgura li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-proposti pendenti għal titolizzazzjoni sempliċi, standardizzata u trasparenti u simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ prospett li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali integrata bis-sħiħ sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2019, sabiex ikun żgurat aċċess aktar faċli għall-finanzjament għall-kumpaniji;

Jappoġġa l-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni billi jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Fond ta’ Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju li jimmobilizzaw il-kapital privat biex idaħħlu skala u stimolu għall-intrapriżi l-ġodda l-aktar promettenti; jintlaħaq qbil malajr dwar il-proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiżdied l-attrazzjoni u l-effikaċja tal-passaport għall-kapital ta’ riskju tal-UE.



ANNESS 2

Strateġija għal Suq Uniku

Inizjattiva

Stat preżenti

Inizjattivi adottati mill-Kummissjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-VAT lejn żona unika tal-UE fil-qasam tal-VAT

Adottat fis-7 ta' April 2016

Azzjoni leġiżlattiva biex jiġi evitat l-imblukkar ġeografiku u forom oħra ta' diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż tar-residenza

Adottata fil-25 ta' Mejju 2016

L-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni

Adottata fl-1 ta' Ġunju 2016; firma prevista għat-13 ta’ Ġunju 2016

Gwida dwar l-istandardizzazzjoni tas-servizzi

Adottata fl-1 ta' Ġunju 2016

L-inizjattivi li qed jitħejjew

Aġenda Ewropea dwar l-ekonomija kollaborattiva

L-addozzjoni hi prevista għal Ġunju 2016

Proposta leġiżlattiva bbażata fuq il-karatteristiċi li rnexxew tal-proċedura ta’ notifika eżistenti skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 għas-servizzi li għadhom mhumiex koperti b'dik id-Direttiva

Konsultazzjoni Pubblika lesta

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tan-negozji

Konsultazzjoni Pubblika għadha għaddejja

Konferenza tal-partijiet ikkonċernati f’Lulju 2016 - Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Qafas analitiku biex l-Istati Membri jużawh meta jkunu qed jirrevedu r-regolamenti attwali tal-professjonijiet jew meta jiġu biex jipproponu oħrajn ġodda

Konsultazzjoni Pubblika għadha għaddejja

Gwida dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma għall-Istati Membri fir-regolament tal-professjonijiet

Konsultazzjoni Pubblika għadha għaddejja

Azzjoni leġiżlattiva biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji mmirati fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tan-negozju u l-kostruzzjoni

Konsultazzjoni Pubblika għadha għaddejja

Passaport tas-Servizzi

Konsultazzjoni Pubblika għadha għaddejja

Inizjattivi biex jiġu modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-IPR), inkluża reviżjoni tal-qafas ta’ infurzar tal-proprjetà intellettwali tal-UE

Konsultazzjoni pubblika lesta

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Inizjattiva għall-ftuħ tan-negozji

Konsultazzjoni pubblika għadha għaddejja

Portal Diġitali Uniku

Konsultazzjoni pubblika għadha għaddejja

Proposta għal għodod ta’ informazzjoni dwar is-suq li bihom il-Kummissjoni tkun tista' tiġbor informazzjoni mingħand parteċipanti fis-suq magħżula

Tħejjija ta’ konsultazzjoni pubblika għaddejja

Inizjattiva biex tiffaċilita l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija

Studju estern għadu għaddej

Inizjattiva biex jiġu ffaċilitati fużjonijiet u diviżjonijiet transfruntiera

Għaddejja ħidma preparatorja

L-akkwist pubbliku: il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex-ante volontarja għall-proġetti infrastrutturali l-kbar

Tħejjija ta’ konsultazzjoni pubblika għaddejja

Pjan ta’ Azzjoni biex jiżdied l-għarfien fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku

Tħejjija ta’ konsultazzjoni pubblika għaddejja

Reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

Tħejjija ta’ konsultazzjoni pubblika għaddejja

Sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex ikomplu jissaħħu l-isforzi ħalli l-prodotti mhux konformi ma jitħallewx jidħlu fis-suq tal-UE (u dawn possibbilment ikunu jinkludu inizjattiva leġiżlattiva)

Tħejjija ta’ konsultazzjoni pubblika għaddejja

Komunikazzjoni dwar l-aħjar prattiki fi stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut

Tħejjija ta' Pjan direzzjonali



Strateġija għal Suq Uniku Diġitali

Inizjattiva

Stat preżenti

Inizjattivi adottati mill-Kummissjoni

Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-fornitura ta’ kontenut diġitali

Adottata fid-9 ta' Diċembru 2015

Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għal servizzi onlajn u bejgħ b’distanza ta’ merkanzija oħra

Proposta għal Regolament dwar l-iżgurar tal-portabilità transfruntiera tas-servizzi ta’ kontenut onlajn fis-suq intern

Adottata fid-9 ta' Diċembru 2015

Approċċ ġenerali milħuq mill-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 2016

Komunikazzjoni "Lejn qafas modern u aktar Ewropew tad-drittijiet tal-awtur"

Proposta għal Deċiżjoni dwar l-użu tal-medda ta’ frekwenza 470–790 MHz fl-Unjoni    

Adottata fit-2 ta' Frar 2016

Approċċ ġenerali milħuq mill-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 2016

Il-Komunikazzjoni “Id-diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Naħsdu l-benefiċċji kollha ta’ Suq Uniku Diġitali”

Adottata fid-19 ta' April 2016

Il-Komunikazzjoni "L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud - Il-bini ta' ekonomija kompetittiva ta' dejta u għarfien fl-Ewropa"

Il-Prijoritajiet ta' Standardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar Gvern elettroniku tal-UE 2016-2020 - L-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern

kif ukoll Proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Adottata fil-25 ta' Mejju 2016

Proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti

Azzjoni leġiżlattiva biex jiġi evitat l-imblukkar ġeografiku u forom oħra ta' diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż tar-residenza

Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva

Adottata fil-25 ta' Mejju 2016

Valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet

Adottata fil-25 ta' Mejju 2016

L-inizjattivi li qed jitħejjew

Rieżami tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa

L-addozzjoni hi prevista għal Ġunju 2016

Sħubija Pubblika-Privata dwar iċ-Ċibersigurtà/ Komunikazzjoni

Konsultazzjoni pubblika lesta

Ir-riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur (it-2 parti)

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Ir-riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjoni

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Il-fluss liberu tad-dejta

Il-konsultazzjoni pubblika mwettqa u studji għaddejjin

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika

Konsultazzjoni pubblika għadha għaddejja

Proposti leġiżlattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT

Konsultazzjoni pubblika lesta

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Reviżjoni tal-qafas ta' infurzar tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE

Konsultazzjoni pubblika lesta

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt



Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali

Inizjattiva

Stat preżenti

Inizjattivi adottati mill-Kummissjoni

Proposta dwar titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) u reviżjoni tal-kalibrazzjonijiet ta’ kapital għall-banek

Adottata fit-30 ta' Settembru 2015

Approċċ Ġenerali milħuq mill-Kunsill fit-8 ta’ Diċembru 2015

Proposta biex tiġi mmodernizzata d-Direttiva
dwar il-Prospett

Adottata fit-30 ta' Novembru 2015

Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni għall-konsumatur

Adottata fl-10 ta' Diċembru 2015

Konsultazzjoni pubblika lesta

Aġġustament tal-kalibrazzjonijiet tas-Solvibbiltà II għall-investiment tal-assiguraturi fl-infrastruttura u l-Fondi Ewropej tal-Investiment fit-tul

Adottata fit-30 ta' Settembru 2015

Dħul fis-seħħ fis-6 ta' Frar 2016

Rapport dwar il-finanzjament kollettiv

L-immappjar ta’ reġimi nazzjonali lest; rapport ippubblikat fit-3 ta’ Mejju 2016

L-inizjattivi li qed jitħejjew

Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni EuVECA u EuSEF

Il-ħidma fuq il-valutazzjoni tal-impatt lesta

L-addozzjoni hi prevista għal Lulju 2016

Proposta għal "fond ta' fondi" pan-Ewropew ta’ kapital ta’ riskju u fondi multinazzjonali

Il-preparazzjoni tat-termini ta’ referenza għadha għaddejja

Sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla tal-maniġer tal-assi għadha għaddejja

Sejħa għal evidenza dwar l-impatt kumulattiv tar-riforma finanzjarja

Il-konsultazzjoni pubblika lesta; sommarju tal-kontribuzzjonijiet ippubblikatfis-17 ta’ Mejju 2016

Indirizzar tal-preferenza bejn id-dejn u l-ekwità, bħala parti mill-proposta leġiżlattiva dwar il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva

Konsultazzjoni pubblika lesta

Tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt

Eżami tas-swieq tal-bonds korporattivi tal-UE, b'enfasi fuq kif tista’ tittejjeb il-likwidità fis-suq

Sejħa għall-offerti għal studju ppubblikata

Sejħa għal espressjoni ta’ interess minn grupp ta' esperti li għad trid tiġi ppubblikata

Konsultazzjoni dwar l-ostakli ewlenin għad-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment

Konsultazzjoni pubblika għadha għaddejja

Inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tan-negozji

Konsultazzjoni pubblika għadha għaddejja

Konferenza tal-partijiet ikkonċernati f’Lulju 2016

Tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt

Valutazzjoni tal-każ għal qafas ta’ politika biex jiġu stabbiliti l-pensjonijiet personali Ewropej

Mistenni parir mill-EIOPA

Valutazzjoni tat-trattament prudenzjali tal-ekwità privata u tad-dejn bi tqegħid privat f’Solvibbiltà II

Il-ħidma preparatorja għaddejja

Esplorazzjoni tal-possibbiltà li l-Istati Membri jawtorizzaw l-unjonijiet tal-kreditu barra mir-regoli ta’ rekwiżiti ta’ kapital tal-UE għall-banek

Valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżit kapitali

Rieżami tal-qafas makroprudenzjali tal-UE

Valutazzjoni tal-Impatt għaddejja

Konsultazzjoni dwar qafas tal-UE għal bonds koperti u strutturi simili għal self lill-SMEs

Konsultazzjoni pubblika lesta

Konferenza organizzata fl-1 ta’ Frar 2016

Rapport dwar l-ostakli nazzjonali għall-moviment liberu tal-kapital

Għadhom għaddejjin diskussjonijiet fi grupp ta’ esperti

Rieżami tal-progress fit-tneħħija tal-ostakli Giovannini li fadal

Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet fil-grupp ta’ esperti

L-aħjar prattiki u l-kodiċi ta’ kondotta għall-proċeduri ta' ħelsien mit-taxxi minn ras l-għajn

Għaddejjin diskussjonijiet fil-grupp ta’ esperti dwar ostakli għall-moviment ħieles tal-kapital

Studju dwar ostakli tat-taxxa diskriminatorji għall-investiment transfruntier minn fondi tal-pensjonijiet u assiguraturi tal-ħajja

Għaddejja ħidma preparatorja

White Paper dwar il-finanzjament u l-governanza tal-Awtorità Superviżorja Ewropea

Għaddejja ħidma preparatorja

Investigazzjoni dwar kif tiżviluppa jew tappoġġja s-sistemi tal-informazzjoni pan-Ewropej

Għaddejja ħidma preparatorja

(1)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1; u l-Artikolu 4, b’mod partikolari, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-Unjoni