Brussell, 1.6.2016

COM(2016) 358 final

Pakkett tal-Istandardizzazzjoni

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

STANDARDS EWROPEJ GĦAS-SEKLU 21

{SWD(2016) 186 final}


Standards Ewropej għas-Seklu 21

L-istandards Ewropej jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-Suq Uniku u, b'hekk, għall-iżgurar tal-ħolqien tal-impjiegi, tat-tkabbir ġenerali tal-ekonomija tal-UE, tal-kompetittività ikbar, tal-innovazzjoni u tat-tmexxija industrijali. Jekk napprofondixxu s-Suq Uniku nkunu qed nestendu l-armonizzazzjoni fil-kundizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi, partikolarment permezz tal-armonizzazzjoni teknika.

Mill-prodotti sas-servizzi u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), l-istandards urew li huma mod flessibbli kif jistgħu jissaħħu l-kwalità u s-sigurtà, jitjiebu t-trasparenza u l-interoperabilità, jitnaqqsu l-ispejjeż u jinfetħu s-swieq għan-negozji, speċjalment l-SMEs. L-istandards huma ta' benefiċċju għall-konsumaturi, il-kumpaniji u s-soċjetà ġenerali.

L-evidenza ekonomika turi li sistema tal-istandardizzjoni li tkun taħdem sewwa ssarraf fit-tkabbir tal-PDG (ara l-paġna 3). L-iffissar tal-istandards fl-Ewropa fil-biċċa l-kbira huwa mmexxi mill-industrija. Filwaqt li l-istandards jiġu żviluppati minn organizzazzjoni tal-istandards, is-suq jista' sempliċement jadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati minn kumpanija waħda jew minn xi korpi attivi fil-qasam, jiġifieri organizzazzjonijiet professjonisti.

Ir-regolatur jista' jiddefinixxi r-rekwiżiti essenzjali fil-leġiżlazzjoni u jitlob lis-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni (ESS, European Standardisation System) biex tiżviluppa l-istandards volontarji Ewropej għal referenza indiretta, li jagħtuh preżunzjoni tal-konformità (jew tas-sikurezza) wara l-pubblikazzjoin fil-ĠUUE. Għalhekk, sistema effiċjenti tal-istandardizzazzjoni tista' tkun ibbażata biss fuq sħubija mill-qrib bejn ir-regolaturi, il-korpi tal-istandardizzazzjoni u l-industrija.

Standard huwa dokument tekniku volontarju li jgħin lill-operaturi ekonomiċi f'katina tal-valur biex jinteroperaw iktar faċilment. Pereżempju, l-istandards dwar id-daqsijiet tal-karti (A3, A4, A5, eċċ.) jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn il-konsumaturi, il-manifatturi tal-karti u tal-envelopps, il-kumpaniji tal-istampar u l-produtturi tal-magni tal-fotokopji. L-istandard jagħti l-viżibbiltà u ċ-ċertezza teknika, kundizzjoni li l-operaturi ekonomiċi jeħtieġu biex jinvestu.

L-ESS sissa rnexxielha toħroġ standards ta' kwalità għolja u effiċjenti, filwaqt li qiegħdet lill-Ewropa fix-xenarju globali. L-industrija tappoġġa l-iżvilupp tal-istandards Ewropew u r-reviżjoni regolari u aġili tagħhom biex jitqiesu l-aħħar teknoloġiji. Barra minn hekk, l-interazzjoni bejn l-istandardizzazzjoni Ewropea u dik internazzjonali hija waħda kostanti: xi kultant, l-istandards Ewropej jiġu proposti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u, xi kultant, dawk internazzjonali jsiru standards Ewropej. Dan id-djalogu huwa importanti billi jagħmilha eħfef għall-kumpaniji biex jidħlu fis-suq internazzjonali, partikolarment l-SMEs.

Madankollu, l-ambjent tal-istandardizzazzjoni qiegħed jinbidel. It-teknoloġiji l-ġodda u l-integrazzjoni progressiva tas-soluzzjonijiet diġitali fil-ktajjen tal-valur globali industrijali, kif ukoll il-kuntest internazzjonali li qiegħed jevolvi bl-għaġla qegħdin jagħmlu pressjoni fuq l-ESS li għadha tista' tintuża biex tikkontribwixxi aktar għall-impjiegi u għat-tkabbir tal-UE. Jinħtieġ momentum ġdid biex iwieġeb effettivament għall-bżonnijiet tal-industrija, tal-konsumaturi u tal-partijiet ikkonċernati l-oħrajn għall-istandards. Jekk nibnu fuq dak il-momentum il-ġdid, inkunu qed niżguraw li l-Ewropa tibqa' ċentru globali għall-istandardizzazzjoni. Jekk dan ma jsirx, l-istandards jiġu stabbiliti x'imkien ieħor u l-Ewropa titlef l-opportunitajiet li tibbenefika mill-vantaġġ li tkun il-mexxej fil-qasam.

Għal dak il-għan, l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, kif prevista fl-Istateġija dwar is-Suq Uniku, tistipula mod innovattiv kif dawn il-prijoritajiet jistgħu jintlaħqu permezz ta' kooperazzjoni pubblika privata miftuħa.

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-viżjoni tagħha għal ESS unika u effiċjenti li tadatta għall-ambjent li qiegħed jinbidel, li tappoġġja politiki multipli u li ġġib benefiċċji għall-kumpaniji, għall-konsumaturi u wkoll għall-ħaddiema.

Il-Komunikazzjoni tpoġġi wkoll fil-kuntest l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni bħala riżultat dirett tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku. Hija akkumpanjata minn dokumenti li jesploraw aspetti differenti tal-istandardizzazzjoni Ewropea bħal rapport tal-valutazzjoni, Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-2017 u dokument dwar l-istandards għas-servizzi.

Ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea 1025/2012 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "ir-Regolament") jistabbilixxi l-qafas legali għal sħubija dejjiema bejn l-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet u l-korpi tal-istandardizzazzjoni, il-partijiet ikkonċernati soċjali u tas-soċjetà inklużi dawk li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità, u l-utenti tal-istandards.

Il-viżjoni ppreżentata llum hija bbażata fuq evalwazzjoni REFIT 1 ta' dan il-qafas 2 u fuq konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi 3 li kkonkludew li l-ESS qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi mistennija mil-leġiżlatur 4 filwaqt li rrakkomandaw li fl-ESS ikun hemm aktar inklużività, aktar interazzjoni u komunikazzjoni aħjar.

Bi tweġiba għal dawn is-sejħiet u sabiex tissaħħaħ is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni, fl-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku 5 l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tniedi Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, li tlaqqa' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fi proċess ta' djalogu kollaborattiv. L-objettiv kondiviż huwa li jiġi promoss hub Ewropew ta' standardizzazzjoni b'impatt globali, fejn l-istandards jiġu żviluppati f'ħin debitu b'mod miftuħ, trasparenti u inklużiv, sabiex tkun appoġġjata u promossa l-innovazzjoni għal kulħadd u sabiex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej fi ktajjen tal-valur dejjem iktar globali 6 .

L-Inizjattiva Konġunta hija komplementata minn żewġ dokumenti oħra, li jindirizzaw b'mod iktar konkret oqsma ewlenin għall-istandardizzazzjoni li għandhom impatt trasversali fuq l-iżvilupp ekonomiku: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar "L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament Tas-Suq Uniku Diġitali" adottata f'April 2016 7 bħala parti mill-pakkett tat-tekonoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u tal-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi (il-"Komunikazzjoni dwar l-istandards tal-ICT ta' April") u dokument speċifiku dwar l-istandards tas-servizzi, li huwa parti minn dan il-pakkett.

B'dak il-mod, forom ġodda ta' kooperazzjoni jistabbilixxu l-aqwa prattika ġdida għal approċċ aktar kollaborattiv u aġli f'konformità mal-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Aħjar 8 .

B'appoġġ tal-viżjoni l-ġdida dwar l-istandards u f'konformità mal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li jitnieda djalogu interistituzzjonali, inkluż rappurtar annwali integrat li jippreżerva d-diversità tal-oqsma differenti, mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni u l-kontribut tal-istandards Ewropej għall-politiki tal-UE b'mod ġenerali u għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-kompetittività u għat-tkabbir b'mod partikolari.

1-L-Istandards Huma Importanti

...għaliex jippromwovu l-innovazzjoni

Fl-imgħoddi, l-istandards kultant kienu jiġu pperċepiti li jirrallentaw l-innovazzjoni. Fil-verità, l-istandards jippromwovu l-innovazzjoni: jippermettu l-użu bikri mis-suq ta' prodotti u servizzi innovattivi, speċjalment jekk jindirizzaw l-kriterji dwar il-prestazzjoni minflok ma jippreskrivu l-użu ta' prodotti jew proċeduri speċifikati, jippermettu t-trasferiment tat-teknoloġija u jiffaċilitaw ir-riċerka. L-istandards tipikament jiżguraw ukoll interoperabilità bejn apparati u servizzi differenti, u b'hekk tkun tista' sseħħ l-innovazzjoni "msejsa fuq l-innovazzjoni". L-istandardizzazzjoni tippermetti lil individwi, kumpaniji u istituzzjonijiet differenti jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom għal teknoloġija jew metodoloġija partikolari. Ladarba jiġu żviluppati l-istandards, tipikament fi ħdan Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, dawn jipprovdu kontribut prezzjuż għat-tkattir tal-innovazzjoni, b'riżultat li jinħolqu prodotti u servizzi ġodda. Proċessi inklużivi tal-innovazzjoni bbażati fuq ir-Regolament jiżguraw li l-istandards jaħdmu kemm għal dawk li jiżviluppaw l-istandards kif ukoll dawk li jużawhom, sabiex b'hekk l-istandards isiru veikolu għal swieq miftuħin u għall-innovazzjoni.

...għaliex iżidu l-kwalità u s-sikurezza

L-istandards jgħollu wkoll il-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti u tas-servizzi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tal-ħaddiema, tal-kumpaniji u tas-soċjetà inġenerali. L-istandards tas-saħħa, tas-sikurezza u dawk ambjentali jiddefinixxu l-karatteristiċi ta' ħafna prodotti u servizzi.

...għaliex jiffaċilitaw l-impjiegi u t-tkabbir

L-istandards huma faċilitatur essenzjali għat-tkattir tal-impjiegi u tat-tkabbir fl-Ewropa. Ambjent ta' standardizzazzjoni li jaħdem sew huwa strumentali għall-kompetittività. Bosta studji nazzjonali juru li l-istandards iħallu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq il-kompetittività. Studji minn, pereżempju, Franza 9 , il-Ġermanja 10 u r-Renju Unit 11 ikkonfermaw li l-istandardizzazzjoni żżid il-PDG ta' pajjiż. Għal Franza, l-impatt tal-istandards fuq it-tkabbir huwa stmat għal 0,8 %, għar-Renju Unit 0,3 % u għall-Ġermanja 0,9 % tal-PDG. F'termini monetarji, il-korp Ġermaniż għall-istandards, DIN, jistma li fil-Ġermanja waħedha, l-istandards jiġġeneraw sa EUR 17-il biljun fis-sena. Studju reċenti ieħor mir-Renju Unit jikkonferma wkoll li l-użu tal-istandards huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija nazzjonali: l-istandards ikkontribwixxew għal madwar EUR 11-il biljun mit-tkabbir tal-PDG ta' EUR 40 biljun fl-2013 (prezzijiet tal-2014) u għal madwar EUR 8,5 biljun għall-esportazzjonijiet tar-Renju Unit. L-istess studju juri li l-istandards jgħinu sabiex tittejjeb il-kwalità, b'70 % ta' dawk li wieġbu li ddikjaraw li l-istandards kienu tejbu l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi 12 .

...għaliex jappoġġjaw il-ktajjen tal-valur globali

L-istandards jappoġġjaw ukoll il-ktajjen tal-valur mondjali, għaliex jistgħu jiftħu swieq għall-kumpaniji lil hinn mill-UE: Il-korpi Ewropej u nazzjonali għall-istandardizzazzjoni jikkooperaw ma' dawk għall-istandardizzazzjoni internazzjonali bħall-ISO u l-IEC sabiex jiżviluppaw standards internazzjonali li jintużaw madwar id-dinja kollha.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, is-sejħiet għall-istandards huma parti minn diversi politiki tal-UE, mill-Unjoni tal-Enerġija sal-Azzjoni Klimatika u mill-ekonomija ċirkulari sas-Suq Uniku Diġitali.

...għaliex il-proċess tal-istandardizzazzjoni Ewropew jegħleb il-frammentazzjoni fis-suq uniku li tiswa' ħafna flus 

L-ESS hija mibnija fuq sħubija pubblika-privata li ilha teżisti u li kellha s-suċċess bejn il-Korpi Ewropej u Nazzjonali ta' Standardizzazzjoni (NSBs, National Standardisation Bodies) bħala fornituri tal-istandards, il-Kummissjoni li tuża l-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-industrija, SMEs, il-ħaddiema, organizzazzjonijiet ambjentali u gruppi taċ-ċittadini. Hija sistema bbażata fuq is-settur privat 13 li tkopri l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi, bejn is-setturi. Il-proċess stess li jistabbilixxi l-istandardizzazzjoni huwa bbażat fuq il-prinċipji tad-WTO 14 kif ukoll l-inklużività tal-SMEs u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà 15 . Peress li huwa bbażat fuq il-kunsens, l-użu mistenni mis-suq jippermetti li l-prodotti innovattivi jidħlu fis-suq bi spejjeż tal-produzzjoni iktar baxxi.

Hemm tliet Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni (CEN, Cenelec, ETSI), rikonoxxuti mir-Regolament. Kull waħda minnhom rispettivament tindirizza bosta tipi ta' prodotti, materjali, servizzi u proċessi (CEN), il-qasam tal-inġinerija elettroteknika (Cenelec) u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ETSI).

"L-istandards Ewropej" huma volontarji, huma xprunati mis-suq u huma adottati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni: jieħdu post standards nazzjonali konfliġġenti fit-28 Stat Membru kollha. Dan jagħmel il-ħajja eħfef għan-negozji, speċjalment l-SMEs. Karatteristika importanti tal-istandards Ewropej hija wkoll li dawn jiġu aġġornati b'mod regolari sabiex jinkorporaw għarfien u teknoloġija tal-ogħla livell. Bħalissa hemm madwar 20 000 standard Ewropew żviluppati mis-CEN-Cenelec għal prodotti u servizzi u 35 000 riżultat tanġibbli ta' standardizzazzjoni mill-ETSI.

"Standards Ewropej armonizzati" huma tip speċifiku ta' standards Ewropej, żviluppati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Standardizzazzjoni bi tweġiba għal talbiet ta' standardizzazzjoni ("Mandati") 16 mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni armonizzata tal-Unjoni. Wara li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠUUE) 17 , il-kumpaniji tal-UE li jagħżlu li jużaw l-istandards armonizzati jibbenefikaw minn "preżunzjoni ta' konformità" mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni Ewropea korrispondenti 18 . Jistgħu jqiegħdu fis-suq, mingħajr ebda intopp ieħor, il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fis-Suq Uniku kollu – u b'hekk jilħqu iktar minn nofs biljun konsumatur potenzjali. Bħalissa hemm 4000 Standard Ewropew armonizzat żviluppati mis-CEN-Cenelec u kważi 500 mill-ETSI.

2. L-istandards flimkien: pjattaforma unika li taqdi bosta politiki

Ċikli tat-teknoloġija li qed jevolvu malajr, kumplessità u interazzjoni akbar fis-sistemi industrijali, sfumar tal-fruntieri bejn il-prodotti, is-servizzi u l-ICT, diversifikazzjoni tal-mudelli tan-negozju: dawn kollha jixħtu pressjoni fuq is-sistemi regolatorji attwali. Dan huwa minnu wkoll għall-ESS.

Fid-dawl ta' dawn l-isfidi, hemm bżonn ta' ESS effiċjenti, miftuħa, trasparenti, inklużiva u aġli sabiex tipproduċi standards tal-ogħla livell b'appoġġ għall-ħtiġijiet tas-suq u l-politiki pubbliċi, sabiex b'hekk l-operaturi ekonomiċi jiġu pprovduti b'qafas prevedibbli u stabbli għall-investiment.

Politika waħda dwar l-istandardizzazzjoni b'appoġġ ta' diversi setturi ekonomiċi u partijiet ikkonċernati hija kruċjali għat-tmexxija Ewropea. Standards ta' kwalità li jkunu f'ħin debitu u ta' kwalità għolja mibnija b'mod inklużiv fost l-atturi kollha u li jippermettu li l-kumpaniji innovattivi jikbru fis-suq uniku u madwar id-dinja, huma dejjem ta' gwadann għar-regolaturi, għall-industrija kif ukoll għall-konsumaturi bl-istess mod.

Għalhekk, kif intqal, l-Istrateġija għal Suq Uniku ħabbret it-tnedija tal-"Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni" (JIS, Joint Initiative on Standardisation) bejn is-sħab pubbliċi u privati fl-ESS, inklużi organizzazzjonijiet u korpi Ewropej u nazzjonali ta' standardizzazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-industrija, SMEs, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, trejdjunjins organizzazzjonijiet ambjentali, l-EFTA, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea,.

Id-diskussjonijiet bejn is-sħab kollha saret f'format uniku msejjes fuq proċess ta' abbozzar miftuħ, innovattiv, ibbażat fuq il-kunsens u kollaborattiv. Dan kien ikkaratterizzat minn impenn proattiv min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha msemmija hawn fuq. Ir-riżultat ta' dan il-proċess jinkludi viżjoni komuni kondiviża għas-sħab kollha kif ukoll proċess kondiviż sabiex, flimkien, jiffukaw fuq varjetà ta' inizjattivi bil-għan li jimmodernizzaw, jipprijoritizzaw, iħaffu u jissimplifikaw il-ħruġ ta' standards sa tmiem l-2019.

Il-parteċipanti jieħdu impenn sabiex jadottaw u jimplimentaw flimkien il-viżjoni spjegata fil-JIS fuq bażi volontarja u mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjonijiet eżistenti, b'mod partikolari r-Regolament 1025/2012. Kull wieħed mis-sħab sejjer jikkontribwixxi għall-proċess skont l-għarfien u l-interess tiegħu.

Il-JIS hija bbażata fuq il-katina tal-valur tal-istandardizzazzjoni (ara l-Figura 1) u sejra titwettaq permezz ta' 15-il azzjoni fi tliet oqsma (ara l-Anness 1):

I.Sensibilità, edukazzjoni u intendiment dwar l-ESS;

II.Koordinazzjoni, kooperazzjoni, trasparenza u inklużività; kif ukoll

III.Kompetittività u d-dimensjoni internazzjonali.

Dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tal-ESS f'konformità mal-valuri ċentrali tagħha, bħall-kunsens u n-natura volontarja tal-istandards.

Il-kisbet ewlenin mistennija mill-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS)

Fl-2013, bħala medja, l-iżvilupp ta' standards Ewropej kien jieħu madwar 36 xahar (tnaqqis minn 60 xahar fl-2009). Il-veloċità tal-iżvilupp tal-istandards trid tiġi bbilanċjata mal-inklużività u l-kwalità tal-istandard. Hemm esperimenti interessanti f'partijiet differenti tal-komunità tal-istandardizzazzjoni għat-titjib tal-ħruġ f'ħin debitu ta' standards ta' kwalità għolja. Dawn jinvolvu modi ġodda kif jiġu prodotti standards bil-għan li ż-żmien jitnaqqas bin-nofs sal-2020. L-iskambju tal-aħjar prattika u kollaborazzjoni mtejba bejn l-organizzazzjonijiet taħt il-JIS sejrin iwasslu għall-proċessi meħtieġa għall-istabbiliment tal-istandards.

L-iżvilupp f'ħin debitu tal-istandards f'kuntest teknoloġiku li qed jevolvi malajr jeħtieġ ukoll kunsiderazzjoni bikrija tar-rilevanza tal-istandard fl-istadju tar-riċerka u l-iżvilupp. Is-sħab tal-JIS jipproponu li jitħaffef l-istabbiliment tal-istandards b'modi ġodda ta' żvilupp kollaborattiv tal-istandards.

L-antiċipazzjoni u l-ippjanar effiċjenti tal-istandardizzazzjoni permezz tar-riċerka u l-iżvilupp huma importanti. Filfatt, l-istudji ta' previżjoni jistgħu jgħinu sabiex ikun antiċipat il-bżonn għall-iżvilupp tal-istandards, billi jkunu konnessi t-tekonoloġiji emerġenti, il-bżonnijiet tar-riċerka tagħhom għal prodotti u proċessi futuri mad-definizzjoni tal-politika. Studju ta' previżjoni reċenti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka 19 stħarreġ il-pajsaġġ industrijali tal-ġejjieni u l-oqsma fejn jista' jsir titjib lill-ESS sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ġejjieni filwaqt li jkun rispettat il-valur ċentrali tas-sistema. Il-JIS tesplora kif id-diskrepanza bejn il-prijoritajiet tar-riċerka/l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni Ewropea tista' tiġi analizzata b'mod iktar sistematiku u progressiv sabiex finalment titnaqqas b'mod aktar effettiv b'tali mod li jiġi ġġenerat rifless bikri tal-istandardizzazzjoni fil-ħidma tar-riċerka u l-iżvilupp u l-assorbiment tiegħu mill-ESS sabiex tkun appoġġjata aħjar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi. Dan għandu jgħin biex il-prijoritajiet jiġu allinjati mal-iżviluppi tal-istandards u mal-attivitajiet tal-ittestjar appoġġati partikolarment mill-programm Orizzont 2020.

Element importanti ieħor huwa l-edukazzjoni u l-bini tas-sensibilità dwar il-potenzjal tal-kompetittività tal-istandardizzazzjoni. Fil-livell Ewropew, hemm ftit li xejn preżenza ta' standardizzazzjoni la fl-edukazzjoni formali u lanqas fit-taħriġ vokazzjonali u, b'mod partikolari, tal-mudell tal-UE ta' standardizzazzjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-istandardizzazzjoni tiġi esplorata u promossa bħala element tal-edukazzjoni formali, tat-taħriġ akkademiku u vokazzjonali, f'kooperazzjoni ma' Stati Membri esperjenzati, kif ukoll li jiġi involut il-qasam akkademiku sabiex il-ġenerazzjoni li jmiss ta' standardizzaturi tkun lesta fi żmien debitu. Il-JIS tipprevedi l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ dwar l-istandardizzazzjoni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej bħala element importanti fil-qafas ta' dan il-proġett edukattiv innovattiv, b'appoġġ għal-leġiżlazzjoni u l-politika pubblika intelliġenti u favorevoli għall-innovazzjoni.

Il-prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta' standardizzazzjoni hija kruċjali sabiex tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Il-prijoritizzazzjoni effiċjenti teħtieġ djalogu u analiżi konġunta bejn l-UE u l-partijiet ikkonċernati tal-istandardizzazzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-rilevanza tas-suq u l-ħtiġijiet tal-politika. Dan jinkludi opinjonijiet minn partijiet ikkonċernati soċjali u tas-soċjetà fl-istabbiliment tal-istandards u involviment bikri tal-industrija permezz ta' skambju ta' informazzjoni mtejjeb mal-Kummissjoni b'konformità mal-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni. Prijoritizzazzjoni aħjar tippermetti wkoll li jsir użu iktar effiċjenti mill-ħila esperta disponibbli fl-Ewropa (illum hemm madwar 60 000 espert li jikkontribwixxu għall-ESS). Il-prijoritizzazzjoni aħjar hija wkoll element ewlieni enfasizzat fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq dwar l-istandards tal-ICT li tistabbilixxi approċċ strateġiku u politiku komprensiv għall-istandardizzazzjoni għal teknoloġiji tal-ICT ta' prijorità li huma fundamentali għat-tlestija tas-Suq Diġitali Uniku, u fid-dokument dwar l-Istandards tas-Servizzi, li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Dawn l-inizjattivi jikkondividu l-istess idea bħall-JIS u, b'hekk, is-segwitu tagħhom sejjer isir f'konformità magħha f'dawn l-oqsma trasversali. Barra minn hekk, tliet proġetti pilota sejrin jippruvaw itejbu l-appoġġ tal-istandardizzazzjoni f'oqsma ta' prijorità bħas-settur tal-kostruzzjoni, għall-akkwist pubbliku u għall-parteċipazzjoni ta' SMEs, partijiet ikkonċernati soċjali u tas-soċjetà fl-istandardizzazzjoni internazzjonali.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni sejra tkun tista' tissorvelja aħjar l-istokk ta' standards armonizzati mhux ippubblikati li ġew proposti mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni għall-pubblikazzjoni fil-ĠU UE sabiex dawn isiru standards armonizzati tal-UE.

Is-swieq qegħdin isiru dejjem iktar globali, u hekk ukoll l-istandardizzazzjoni. Fil-livell internazzjonali, il-potenzjal kummerċjali u tal-investiment tal-Ewropa huwa msaħħaħ bil-promozzjoni tal-mudell regolatorju Ewropew f'pajjiżi terzi. Il-JIS għandha l-għan li tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati sabiex fil-livell internazzjonali jippromwovu l-użu ta' għodod bħall-iżvilupp ta' mudelli regolatorji komuni f'organizzazzjonijiet u negozjati internazzjonali bħala bażi għall-istandardizzazzjoni, sabiex jinbena intendiment komuni mas-sħab kummerċjali rilevanti dwar liema huma l-istandards internazzjonali rilevanti fis-setturi differenti, kif ukoll sabiex isostnu lill-SMEs Ewropej, il-partijiet ikkonċernati soċjali u tas-soċjetà fil-proċessi internazzjonali ta' standardizzazzjoni, eż., billi jiġu promossi l-aħjar prattiki għall-SMEs fil-livell tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC). Għal dak il-għan u għal suġġetti ta' politika oħrajn, il-Kummissjoni sejra torganizza kuntatti u djalogi strutturati regolari ma' dawn l-organizzazzjonijiet.

B'mod ġenerali, dawn l-azzjonijiet iridu jiġu kkunsidrati lkoll flimkien u li waħda ssaħħaħ l-oħra. Għalhekk, il-katina sħiħa tal-valur tal-istandardizzazjoni se tkun iktar trasparenti, inklużiva u effiċjenti sabiex twieġeb għall-isfidi tal-futur flimkien mal-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni.

Figura 1: Il-Katina tal-Valur tal-Istandardizzazzjoni Ewropea, kunċett u tifsila: KE.

L-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni tistabbilixxi viżjoni u għandha l-għan li timmodernizza l-mod kif isiru l-istandards fl-Ewropa. Se tiffoka partikolarment fuq l-elementi ewlenin: il-promozzjoni tal-iżvilupp iktar rapidu tal-istandards, it-tnaqqis tad-distakk bejn il-prijoritajiet tar-riċerka u tal-istandardizzazzjoni Ewropea, prijoritizzazzjoni akbar u preżenza internazzjonali iktar b'saħħitha.

Huwa previst li jiġi stabbilit Grupp ta' Tmexxija, ippresjedut mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex ikun sorveljat is-segwitu tal-azzjonijiet individwali differenti u jiġu identifikati oħrajn ġodda, fejn xieraq. Huwa mistenni li l-azzjonijiet sejrin jiġu proposti għall-ewwel darba fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Istandards 2016 (l-14 ta' Ottubru 2016). Il-Grupp ta' Tmexxija huwa korp konsultattiv informali u s-suġġerimenti tiegħu sejrin ikunu mingħajr ħsara għall-qafas regolatorju stabbilit mir-Regolament 1025/2012 u l-prerogattivi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis jekk tapprovax azzjonijiet oħrajn li jistgħu jkunu proposti.

3. Standards b'appoġġ ta' politiki li jolqtu bosta oqsma tal-ekonomija: servizzi u ICT

Id-diġitizzazzjoni u s-servizzifikazzjoni dejjem ikbar tal-ekonomija jrendu l-istandards tal-ICT u tas-servizzi faċilitaturi kruċjali li jaħdmu fl-ispettru ekonomiku sħiħ. Il-potenzjal kollu tagħhom għadu jrid jintlaħaq kompletament, u għalhekk l-istandardizzazzjoni f'dawn iż-żewġ oqsma ġiet indirizzata mill-Kummissjoni b'mod speċifiku u bħala prijorità. Għaldaqstant, f'April 2016 il-Kummissjoni diġà adottat il-Komunikazzjoni dwar l-Istandards tal-ICT u qed tippreżenta gwida speċifika għal standards dwar is-servizzi fejn "Nilħqu l-potenzjal tal-istandards Ewropej dwar is-servizzi sabiex ngħinu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej", takkumpanja din il-Komunikazzjoni.

….standards tal-ICT

Standards komuni tal-ICT jiżguraw l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji diġitali u huma l-bażi ta’ Suq Uniku Diġitali effettiv. Jiggarantixxu li t-teknoloġiji jaħdmu bla xkiel u b’mod affidabbli flimkien bejn is-setturi u l-industriji, jipprovdu ekonomiji ta’ skala, irawmu r-riċerka u l-innovazzjoni u jżommu s-swieq miftuħa. L-iżvilupp ta' standards tal-ICT f'teknoloġiji ta' prijorità li huma kritiċi għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ rispons Ewropew iffokat u sostnut. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma fil-qalba tal-Komunikazzjoni dwar l-istandards tal-ICT ta' April, bil-għan li jiġi żgurat li l-istandards relatati mal-ICT ikunu stabbiliti b'tali mod li jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet ta' politika, li jkunu aġli, miftuħa, marbuta iktar mill-qrib mar-riċerka u l-innovazzjoni, magħquda aħjar flimkien, u għalhekk finalment ikollhom impatt ikbar fuq l-ekonomija Ewropea usa' hekk kif din tittrasforma ruħha f'waħda diġitali.

Is-sħubiji pubbliċi privati u inizjattivi oħra tar-riċerka fuq skala kbira u mmexxija mill-industrija, jippermettu lill-kumpaniji Ewropej jorbtu r-riċerka tagħhom mal-istandardizzazzjoni. Hemm bżonn ta' iktar kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, ikluż l-industrija Ewropea, il-korpi u l-forums tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali bil-għan li jitfasslu pjanijiet direzzjonali komprensivi għall-istandardizzazzjoni. Huwa partikolarment importanti għall-Kummissjoni li l-istandards miftuħa jiġu inkoraġġiti. L-ekosistemi miftuħa u trasversali għall-iżvilupp tal-istandards għandhom ikunu preferibbli mis-soluzzjonijiet privati, minn approċċi purament nazzjonali u minn standards li jillimitaw l-interoperabilità.

Il-Kummissjoni se timmonitorja x-xogħol li għaddejn fl-oqsma prijoritarji tal-ICT fil-fora internazzjonali tal-istandardizzazzjoni rilvenanti u f'fora oħrajn u se tkompli tinteraġixxi proattivament mas-sħab internazzjonali ewlenin biex tiżgura l-allinjament globali tal-prijoritajiet fil-qasam tal-ICT.

.... u standards tas-servizzi

Standard tas-servizzi huwa standard li jispeċifika r-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati minn servizz sabiex tiġi stabbilita l-idoneità tiegħu għal skop, eż. billi jipprovdi definizzjonijiet, indikaturi tal-kwalità tas-servizz u l-livelli tagħhom jew jispeċifika l-ħin tal-ħruġ 20 .

L-istandards volontarji Ewropej għas-servizzi jistgħu jipprovdu ħafna mill-istess benefiċċji bħal dawk miksubin għall-prodotti. Is-servizzi jirrappreżentaw 70 % tal-ekonomija tal-UE, iżda l-istandards tas-servizzi jirrappreżentaw biss 2 % mill-istandards Ewropej kollha. Barra minn hekk, eżerċizzju ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati li sar dan l-aħħar wera li l-istandards nazzjonali tas-servizzi jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-forniment tas-servizzi transfruntiera. Iżda dan qed isir fi żmien li fih is-servizzi qegħdin jikbru bħala perċentwal mill-PDG fl-Istati Membri kollha, u fejn il-fornituri ta' servizzi qegħdin isiru dejjem iktar involuti fil-ktajjen tal-valur globali u fejn il-manifatturi qegħdin jipprovdu dejjem iktar u iktar servizzi mal-prodotti, spiss imsejħa "servitifikazzjoni". Dan jista' jkun ta' xkiel meta l-istandards għall-prodotti ma jaqblux ma' standards tas-servizzi li jakkumpanjawhom.

Dan il-livell inferjuri ta' żvilupp tal-istandards Ewropej tas-servizzi huwa kawża tal-opportunitajiet mitlufa mill-fornituri ta' servizzi Ewropej li jridu joffru s-servizzi transfruntiera u mill-manifatturi Ewropej li jridu joffru s-servizzi mal-prodotti tagħhom barra minn pajjiżhom. Minħabba f'hekk u minħabba l-impatt li għandu fuq l-ekonomija Ewropea sħiħa, saru bosta sejħiet għal azzjoni Ewropea konġunta.

Kif tħabbar fl-Istrateġija għal Suq Uniku, u bi tweġiba għas-sejħiet mill-industrija, mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, mill-Istati Membri u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-approċċ tagħha għall-istandards tas-servizzi fid-dokument ta' ħidma tal-persunal mehmuż. Id-dokument iħares lejn l-isfidi għall-istandards tas-servizzi u jistabbilixxi kemm qafas ġenerali kif ukoll soluzzjonijiet politiċi prattiċi sabiex jippromwovi l-iżvilupp akbar tal-istandards Ewropej tas-servizzi, jindirizza l-ostakli nazzjonali, u jtejjeb il-forniment tal-informazzjoni. Sejjer jipprovdi bażi għall-Kummissjoni , għall-Istati Membri, għal dawk li jistabbilixxu l-istandards u għall-partijiet ikkonċernati sabiex jaħdmu flimkien ħalli jiżguraw li l-istandards tas-servizzi jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom fl-ispettru ekonomiku kollu. Id-dokument jaħdem flimkien mal-Inizjattiva Konġunta kif ukoll mal-miżuri dwar l-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi Ewropej.

 

F'konformità mal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, l-istandards tal-ICT u tas-servizzi għandhom ikunu prijoritajiet tal-ESS sabiex l-Ewropa tkuna tista' taħsad il-benefiċċji tad-diġitizzazzjoni u tas-servizzifikazzjoni tal-ekonomija. Dwar l-istandards tas-servizzi partikolarment, id-dokument ta' ħidma tal-persunal inkluż f'dan il-pakkett għandu l-għan li jagħti analiżi inizjali tal-bżonn tal-istandards tas-servizzi.

4. It-triq 'il quddiem

Bħalissa, il-politika Ewropea għall-Istandardizzazzjoni tiġi żviluppata permezz ta' strumenti politiċi differenti, jiġifieri l-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea (AUWP, Annual Union Work Programme for European Standardisation) 21 u l-Pjan Rikorrenti tal-ICT 22 . Bara minn hekk, isir djalogu dwar l-istandards f'bosta postijiet, fosthom il-Kumitat dwar l-Istandards 23 u l-Pjattaforma Ewropea ta' Bosta Partijiet Interessati (MSP, Multi-stakeholder Platform) dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT 24 . Sistema moderna trid tkun ibbażata fuq politika Ewropea unika u koerenti għall-istandardizzazzjoni li tallinja l-prijoritajiet u l-istrumenti differenti tal-politika tal-UE.

Sabiex timplimenta dan, il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li dawn l-istrumenti kollha jiġu allinjati f'ċiklu ta' governanza annwali komprensiv dwar il-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE. Għaċ-ċiklu sejra tkun ċentrali l-adozzjoni tal-AUWP f'Lulju ta' kull sena, li, mill-2017, huwa propost li tkun preċeduta minn djalogu interistituzzjonali fir-rebbiegħa sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll tal-Kumitat tar-Reġjuni. Id-djalogu se jkun ibbażat fuq rapport uniku mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-AUWP, il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali, il-JIS u l-iżvilupp ta' standards Ewropej tas-servizzi.

Barra minn hekk, sabiex tkompli tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza ta' dan ir-rapport u kif talab il-Kunsill 25 , il-Kummissjoni ser tniedi studju madwar l-UE kollha dwar l-impatt ekonomiku tal-istandardizzazzjoni sabiex tikkumplimenta l-istudji nazzjonali.

Flimkien mal-Komunikazzjoni dwar l-standardisationIstandards tal-ICT ta' April u l-Inizjattiva Konġunta, il-pakkett ta' standardizzazzjoni tal-lum jistabbilixxi viżjoni koerenti tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-istandardizzazzjoni b'appoġġ għat-tfassil tal-politika. Huwa magħmul mid-dokumenti li ġejjin:

1.Il-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea 2017: li jidentifika prijoritajiet u objettivi strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea, filwaqt li jqis l-istrateġiji fit-tul tal-UE għall-impjiegi u għat-tkabbir bħall-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari 26 , u li jindika l-istandards Ewropej u r-riżultati tanġibbli tal-istandardizzazzjoni Ewropea li l-Kummissjoni biħsiebha titlob mingħand l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni fl-2017.

2.Ir-"Rapport tal-Artikolu 24" u d-Dokument REFIT li jistabbilixxi l-evidenza dwar il-funzjonament tal-ESS u li jappoġġja l-iżviluppi tal-politika taħt il-JIS.

3.Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-Istandards tas-Servizzi: "Nilħqu l-potenzjal tal-istandards Ewropej dwar is-servizzi sabiex ngħinu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej".

5. Konklużjoni

Bħala segwitu għall-Istrateġija għal Suq Uniku, f'dan il-pakkett ta' standardizzazzjoni l-Kummissjoni tippreżenta viżjoni koerenti li għandha l-għan li toħloq momentum ġdid għall-istandardizzazzjoni b'appoġġ tat-tfassil tal-politika fl-UE, li tallinja mal-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel malajr u li ċċajpar il-fruntieri bejn il-manifattura, id-dinja diġitali u s-servizzi. L-ewwel azzjoni f'dan ir-rigward huwa l-qbil li ntlaħaq dwar l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, sabiex ikun hemm interkonnessjoni aħjar mal-atturi differenti fis-sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni, b'għan komuni: li jintlaħqu l-prijoritajiet tal-Kummissjoni u jingħata kontribut għall-impjiegi u t-tkabbir fl-UE. Peress li hija bbażata fuq approċċ olistiku lejn l-istandardizzazzjoni, din il-viżjoni tintegra wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Istandards tal-ICT li ġiet adottata dan l-aħħar.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex japprovaw din il-Komunikazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha bil-għan li dawn jikkontribwixxu għat-tlestija tas-Suq Uniku u sabiex ikunu involuti b'mod attiv fl-implimentazzjoni tagħha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.



Anness I: Il-proposta tal-Inizjattiva Konġunta għal abbozz tal-ewwel ta' sett ta' azzjonijiet, flimkien ma' proġetti pilota:

1.Sensibilità, Edukazzjoni u Intendiment dwar is-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni

1)Studju dwar l-impatti ekonomiċi u tas-soċjetà kif ukoll l-aċċess għall-istandards fl-UE u l-EFTA.

2)L-irbit tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-istandardizzazzjoni

3)Il-programmi għall-edukazzjoni fl-istandardizzazzjoni/Taħriġ u sensibilità dwar l-istandardizzazzjoni

4)Titjib tas-sensibilità dwar l-istandardizzazzjoni speċifikament fil-livell tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali

5)Proġett Pilota: Titjib tal-appoġġ tal-istandardizzazzjoni għar-Regolament tal-Prodotti tal-Kostruzzjoni (CPR, Construction Products Regulation)

2.Koordinazzjoni, Kooperazzjoni, Trasparenza u Inklużività

6)Diskussjoni Madwar Mejda dwar ir-Rilevanza għas-Suq tal-Istandards ("SMARRT", Standards Market Relevance Rountable)

7)Ottimizzazzjoni tal-aspetti operattivi tar-Regolament (UE) 1025/2012

8)Il-forniment ta' standards ta' kwalità għolja lesti u referenzjati fil-ħin debitu

9)Inklużività, trasparenza u parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni

10)L-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell nazzjonali

11)Proġett Pilota: Użu akbar tal-istandards fl-Akkwist Pubbliku u konformità aħjar mad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku

3.Kompetittività u Dimensjoni internazzjonali

12)It-tħeġġiġ ta' żvilupp akbar u użu tal-istandards Ewropej tas-servizzi sabiex is-swieq tas-servizzi Ewropej jiġu megħjuna jintegraw

13)Il-promozzjoni tal-mudell regolatorju Ewropew b'appoġġ minn standards volontarji u r-rabta mill-qrib tiegħu mal-istandardizzazzjoni internazzjonali f'pajjiżi terzi

14)L-immodernizzar, inkluża d-diġitalizzazzjoni, tal-industrija Ewropea f'kuntest globali

15)Proġett Pilota: Titjib fir-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-SMEs u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà Ewropej fil-proċessi ta' standardizzazzjoni internazzjonali

L-ebda waħda mill-azzjonijiet ma għandu jkollha impatt addizzjonali fuq il-baġit tal-UE; madankollu, il-finanzjament jista' jitqies eliġibbli taħt il-perspettivi finanzjarji pluriennali attwali.

(1)

Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi, COM(2014) 368 finali, 18.6.2014

(2)

Ir-rapport tal-Artikolu 24 li jagħmel parti minn dan il-pakkett

(3)

Independent review of the European standardisation system (Reviżjoni indipendenti tas-sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni), ISBN: 978-92-79-46201-6; DOI: 10.2873/720891; ET-01-15-151-EN-N

(4)

 Ir-Regolament jarmonizza l-leġiżlazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni preċedentement frammentata, jestendi l-ambitu tiegħu għas-servizzi u riżultati tanġibbli oħra tal-istandardizzazzjoni apparti l-istandards u, finalment, jinkorpora aħjar lill-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà u lill-SMEs fis-sistema. Din l-evalwazzjoni REFIT tqis li l-qafas innifsu huwa idoneu għall-iskop u tixħet l-enfasi tiegħu fuq kif l-implimentazzjoni tiegħu tista' tappoġġja bl-aħjar mod l-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni. Peress li dan l-aħħar daħal fis-seħħ ir-Regolament, ma setgħetx issir evalwazzjoni ex post sħiħa tar-Regolament minħabba l-fatt li għadu ma tlestiex ċiklu sħiħ tal-ħidma ta' standardizzazzjoni li l-Kummissjoni talbet mill-2013. Minkejja dan, ir-Reviżjoni Indipendenti li kienet parti ewlenija mill-evalwazzjoni REFIT, qajmet ħafna interess fost il-partijiet ikkonċernati. It-tħassib ewlieni tagħhom huwa marbut mal-fatt li l-ESS attwali għandha żżid il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

(5)

COM(2015) 550 finali

(6)

 Il-proċessi inklużivi huma importanti biex jevitaw li l-istandards iġibu magħhom spejjeż eċċessivi tal-konformità u taċ-ċertifikazzjoni jew riskju tat-tfixkil tal-kompetizzjoni.

(7)

COM(2016) 176 finali

(8)

COM(2015) 215 finali; http://ec.europa.eu/smart-regulation/better_regulation/key_docs_en.htm

(9)

AFNOR (2016): Economic impact of standardisation (Impatt ekonomiku tal-istandardizzazzjoni), Jannar 2016, Pariġi, Franza; AFNOR (2009): The Economic Impact of Standardisation – Technological Change, Standards and Long-Term Growth in France (L-Impatt Ekonomiku tal-Istandardizzazzjoni - Tibdil Teknoloġiku, Standards u Tkabbir għall-Perjodu fit-Tul fi Franza).

(10)

DIN (2000): Economic Benefits of Standardisation, 3 volumes (Benefiċċji Ekonomiċi tal-Istandardizzazzjoni, 3 volumi). Berlin: Beuth. (Aġġornament 2011)

(11)

DTI (2005): The Empirical Economics of Standards (L-Ekonomija Empirika tal-Istandards), DTI ECONOMICS PAPER Nru. 12. Londra

(12)

(Istitut tal-Istandards Ingliż (BSI, British Standards Institution), "The Economic Contribution of Standards to the UK Economy" ("Il-Kontribut Ekonomiku tal-Istandards għall-Ekonomija tar-Renju Unit"), 2015

(13)

 Il-Premessa 2 tar-Regolament 1025/2012: "L-istandardizzazzjoni Ewropea hija organizzata minn u għall-partijiet interessati kkonċernati fuq il-bażi tar-rappreżentanta nazzjonali (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-istandardazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u ta' parteċipazzjoni diretta (l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI))"

(14)

Trasparenza, Apertura, Imparzjalità u Kunsens, Effettività u Rilevanza, Koerenza, dimensjoni tal-Iżvilupp (“The WTO Agreements Series” – Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ adottati mill-Kumitat TBT mill-    1 ta' Jannar 1995 Part 1: Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, https://www.wto.org/english/res_e/publications_e/tbttotrade_e.pdf )

(15)

Anness III Organizzazzjonijiet, Regolament (UE) 1025/2012

(16)

 L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 1025/2012

(17)

 Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament

(18)

Din id-dikjarazzjoni tapplika fil-parti l-kbira għal standards Ewropej żviluppati b'applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (2001/95/KE), li tagħti preżunzjoni ta' sigurtà wara l-pubblikazzjoni fil-ĠU UE.

(19)

"How will standards facilitate new production systems in the context of European innovation and competitiveness in 2025?" ("L-istandards kif ser jiffaċilitaw sistemi ġodda ta' produzzjoni fil-kuntest tal-innovazzjoni u l-kompetittività Ewropej fl-2025?"), ISBN: 978-92-79-45414-1

(20)

Bħala eżempji hemm l-istandard dwar il-ġestjoni tal-ilmenti mingħand il-klijenti fis-servizzi postali, l-istandards dwar ir-rekwiżiti għas-servizzi ta' informazzjoni għat-turisti jew dwar il-proċessi ta' ġestjoni tal-faċilitajiet.

(21)

L-AUWP, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 1025/2012, jidentifika l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea, filwaqt li jqis l-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni għat-tkabbir. Dan għandu jindika l-istandards Ewropej u r-riżultati tanġibbli ta' standardizzazzjoni Ewropea li l-Kummissjoni bi ħsiebha titlob mingħand l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni.

(22)

Dokument elaborat ta' kull sena mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' Bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, li jipprovdi ħarsa ġenerali pluriennali lejn il-ħtiġijiet għal attivitajiet ta' standardizzazzjoni tal-ICT preliminari jew kumplimentari li jridu jitwettqu b'appoġġ tal-attivitajiet ta' politika tal-UE.

(23)

L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 1025/2012

(24)

L-MSP kienet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2011 - li tistabbilixxi l-Pjattaforma Ewropea ta’ bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (2011/C 349/04). Huwa grupp konsultattiv għall-Kummissjoni dwar kwistjonijiet marbutin mal-politika dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT. Jinkludi Stati Membri, korpi Ewropej, internazzjonali u globali tal-istandardizzazzjoni, rappreżentanti mill-industrija u tas-soċjetà.

(25)

Konklużjonijiet tal-Kunsill Marzu 2015

(26)

COM(2015) 614 finali, 2 ta' Diċembru 2015