Brussell, 19.5.2016

COM(2016) 265 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rapport tal-2015 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

{SWD(2016) 158 final}


1. Introduzzjoni

L-UE ħabbtet wiċċha ma' għadd ta' sfidi fl-2015: it-theddida għas-sigurtà, il-wasliet mingħajr preċedent ta’ refuġjati u migranti, iż-żieda fil-populiżmu u ż-żieda ta' ksenofobiji. Dawn poġġew taħt prova s-solidarjetà u l-valuri tal-UE. Fl-iffaċċjar ta' dawn l-isfidi, huwa importanti li jiġu mħarsa l-valuri komuni tal-UE tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali daħlet fis-seħħ fl-2009. Irriżulta li kienet punt ta' riferiment importanti għall-qrati Ewropej 1 u għal dawk nazzjonali. F'kull azzjoni tal-UE l-Kummissjoni Ewropea tippromwovi r-rispett lejha, u taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali għal dan l-għan.

Dan is-sitt rapport annwali janalizza kif l-UE u l-Istati Membri tagħha applikaw il-Karta fl-2015. It-tema ċentrali tippreżenta l-Konferenza Annwali tal-2015 dwar id-Drittijiet Fundamentali, fejn ġew diskussi "It-tolleranza u r-rispett: il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mibegħda Antisemitika u l-mibegħda kontra l-Musulmani fl-Ewropa".

Fl-2016, il-Konferenza dwar id-Drittijiet Fundamentali se tkun iddedikata għall-kwistjoni "Il-Pluraliżmu fil-Midja u d-Demokrazija". Fil-Konferenza se jiġu diskussi r-rabtiet bejn il-pluraliżmu fil-midja u d-demokrazija fil-kuntest ta’ ambjent tal-midja li qed jinbidel, ikkaratterizzat minn żieda fil-konverġenza tal-midja u mill-iżvilupp tas-suq uniku diġitali. Se jiġu esplorati l-ħafna aspetti tal-pluraliżmu fil-midja li jvarjaw mill-indipendenza tal-midja u mir-regolamentazzjoni fil-midja għal kwistjonijiet dwar il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-ġurnaliżmu. Se tkun ppreċeduta minn konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati.

2. L-applikazzjoni tal-Karta fl-UE u mill-UE

2.1 Integrazzjoni u regolamentazzjoni aħjar tal-karta

Il-verifiki sistematiċi tad-drittijiet fundamentali matul il-proċess leġiżlattiv huma meħtieġa sabiex tkun żgurata l-konformità tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni mal-Karta. L-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 2 tal-Kummissjoni rrevediet il-linji gwida eżistenti sabiex jitjiebu l-valutazzjonijiet tal-impatt għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki abbozzati. L-għan ta' regolamentazzjoni aħjar huwa sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u sabiex titjieb il-kwalità tal-liġijiet. "L-istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar" 3 jinkludu lista ta' kontroll tad-drittijiet fundamentali li l-Kummissjoni għandha tuża meta twettaq valutazzjonijiet. Fl-2015, il-Kummissjoni ħarrġet dipartimenti speċifiċi sabiex tiżgura li l-uffiċjali għandhom l-għodda sabiex japplikaw approċċ li jkun ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-politika u tat-tfassil tal-liġijiet.

F’Settembru 2015, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea għall-2013-2014 4 . Huwa wera tħassib dwar sitwazzjonijiet individwali rigward id-drittijiet fundamentali f'xi Stati Membri, u sejjaħ għal qafas li jżomm taħt monitoraġġ l-istat tad-dritt. F'Ġunju 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Karta fl-2014 5 .

2.2. L-integrazzjoni tal-Karta f’azzjonijiet leġiżlattivi u ta' politika

L-istituzzjonijiet tal-UE huma obbligati li jikkonformaw mal-Karta fl-azzjonijiet kollha tagħhom. Din il-konformità tiġi skrutinizzata mill-QtĠ-UE. Fl-2015 il-Kummissjoni kompliet tiżgura li jkun hemm kontrolli ta' konformità b'mod sistematiku għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tagħha. Barra minn hekk, hija mexxiet 'il quddiem proġetti leġiżlattivi li jippromwovu d-drittijiet fundamentali.

F’Diċembru 2015, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar il-pakkett ta’ riforma għall-protezzjoni tad-dejta 6 . Dan huwa essenzjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta personali, (l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta) u huwa element kostitwenti tas-suq uniku diġitali. Dan jikkonsisti f’Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 7 u f'Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u għall-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali 8 . Id-direttiva se tieħu post il-leġiżlazzjoni eżistenti u se tibda tapplika fil-bidu tal-2018.

Fl-2015, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar id-direttivi rigward il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess 9 u dwar salvagwardji speċjali għat-tfal waqt proċedimenti kriminali 10 . Dawn se jippromwovu d-drittijiet fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif ukoll għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u għad-drittijiet tad-difiża (l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta). Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 11 daħlet fis-seħħ f’Novembru 2015. Din tistabbilixxi drittijiet vinkolanti għall-vittmi, inkluż id-dritt li huma jiġu rikonoxxuti u trattati b'mod rispettuż, sensittiv, imfassal għalihom, professjonali u mhux diskriminatorju.

Barra minn hekk id-Direttiva dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi 12 ġiet adottata. Fost affarijiet oħra d-Direttiva tiċċara meta u kif il-membri tal-familja minn pajjiż terz ta’ ċittadini tal-UE jistgħu jirċievu protezzjoni bl-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tad-dritt għall-protezzjoni konsulari u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta.

F’Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, 13 14 li tindika l-miżuri urġenti sabiex il-migrazzjoni fil-livell tal-UE tiġi ġestita aħjar. Hija pproponiet li tiżviluppa l-linji gwida politiċi tal-President Juncker abbażi ta' erba’ pilastri komprensivi:

1.it-tnaqqis tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari;

2.il-ġestjoni tal-fruntieri — is-salvataġġ tal-ħajjiet u s-sigurtà fil-fruntieri esterni;

3.il-qadi ta' dmir l-Ewropa li tipproteġi permezz ta’ politika komuni u b'saħħitha dwar l-asil; kif ukoll

4.l-iżvilupp ta’ politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.

Ingħatat attenzjoni speċifika rigward azzjoni urġenti sabiex jiġu evitati l-imwiet fuq il-baħar. Din kienet tinkludi proposta għal skema ta' risistemazzjoni fl-UE kollha, fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġu offruti 20 000 post lill-persuni spustati fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ewropa 15 u, aktar riċenti, proposta għal skema volontarja ta' ammissjoni umanitarja mat-Turkija 16 .

L-inizjattivi ta’ politika proposti huma direttament rilevanti għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Pereżempju għar-ritorn, il-Kummissjoni ppubblikat Manwal dwar ir-Ritorn 17 sabiex jiġi appoġġat il-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-Ritorn ta' Settembru 2015 18 . Il-manwal jipprovdi gwida lill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż kif jiġi żgurat li kull operazzjoni ta’ ritorn hija kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali, speċjalment għat-tfal mhux akkumpanjati.

Bħala azzjoni immedjata, sabiex l-Istati Membri l-aktar esposti li qed jaffaċċjaw pressjonijiet migratorji sproporzjonati fil-fruntieri esterni tal-UE jiġu megħjuna, il-Kummissjoni pproponiet li tiżviluppa l-"approċċ hotspot". Il-hotspots jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex fil-prattika jiġu aktar żgurati s-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali, jekk l-isforzi jinqasmu sabiex jiġi żgurat li hemm stabbiliti biżżejjed riżorsi u persunal. Minn dak inhar tal-laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent f’Ottubru 2015, il-Kummissjoni kienet qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Skont l-Istqarrija tal-Mexxejja, il-Greċja u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent impenjaw ruħhom li jżidu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza sabiex il-flussi tal-migrazzjoni jkunu jistgħu jiġu ġestiti aħjar u b'mod aktar prevedibbli. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tat assistenza kemm ta' emerġenza kif ukoll umanitarja.

Il-proposta ta’ Diċembru 2015 għal Regolament li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ("l-Aġenzija") 19 hija wkoll sinifikanti sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali. Din tipprevedi l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta applikabbli għall-operazzjonijiet kollha ta' kontroll fuq il-fruntieri kkoordinati mill-Aġenzija, u ta’ kodiċi ta’ kondotta applikabbli għar-ritorn. Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jimmonitorja li l-Aġenzija tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u mekkaniżmu għall-ilmenti jieħu ħsieb kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali waqt l-attivitajiet operattivi. L-operazzjonijiet konġunti jew l-interventi rapidi fuq il-fruntieri jistgħu jiġu sospiżi jew jitwaqqfu f'każ ta’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali. L-Aġenzija għandha tfassal strateġija dwar id-drittijiet fundamentali li tiffoka speċifikament fuq it-tfal, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-persuni li jkunu jeħtieġu assistenza medika jew protezzjoni internazzjonali, il-persuni f'periklu fuq il-baħar, u oħrajn f’sitwazzjoni vulnerabbli. Il-kurrikuli bażiċi komuni għat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntieri tal-Aġenzija se jkunu f'konformità mal-Karta.

Il-konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali hija waħda mill-ħames prinċipji gwida tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 20 . Din tenfasizza li s-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali mhumiex miri kunfliġġenti, iżda għanijiet politiċi kumplimentari. L-iżgurar tas-sigurtà hu prerekwiżit essenzjali għall-protezzjoni u għat-tħaddim ħieles tad-drittijiet fundamentali. Fl-istess ħin, il-miżuri kollha ta’ sigurtà jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u jkunu konformi mal-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u legalità, b’salvagwardji adegwati sabiex jiġu żgurati l-obbligu ta’ rendikont u r-rimedju ġudizzjarju. Il-proposti tal-Kummissjoni ta' kontra t-terroriżmu — wara l-attakki ta’ Pariġi f’Novembru 2015 — jirriflettu dan l-approċċ. Id-Direttiva dwar it-Terroriżmu 21 li ġiet proposta tenfasizza l-importanza li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Din tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-vittmi u tal-vittmi potenzjali. Tikkriminalizza atti preparatorji, bħat-taħriġ u l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż għal skopijiet terroristiċi, l-għoti ta’ għajnuna jew il-kompliċità, l-inċitazzjoni u t-tentattiv ta' atti terroristiċi kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu. Hija tfittex ukoll li tiżgura li kwalunkwe limitu fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ, u b’hekk jitħarsu l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni (l-Artikolu 49 tal-Karta).

L-importanza tad-drittijiet fundamentali f’azzjoni ta’ sigurtà hija riflessa fil-prominenza mogħtija lill-azzjonijiet preventivi fil-kuntest tal-politiki kontra t-terroriżmu. Ir-rispons tal-UE għall-estremiżmu ma jridx iwassal għall-istigmatizzazzjoni ta’ xi grupp jew komunità, iżda pjuttost għandu jkun imsejjes fuq il-valuri komuni Ewropej ta’ tolleranza, diversità u rispett reċiproku. L-Aġenda dwar is-Sigurtà tfittex li tindirizza l-kawżi primarji tal-estremiżmu permezz tal-edukazzjoni, tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, tad-djalogu interkonfessjonali u interkulturali kif ukoll tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali. Din tenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija u tenfasizza l-azzjonijiet ewlenin tal-UE f’dan il-qasam.

Dan kien rifless ukoll fid-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" (id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi) 22 , wara l-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE fis-17 ta’ Marzu f’Pariġi, li tipprovdi ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet dwar ir-rwol importanti tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali bħalma huma ċ-ċittadinanza attiva, ir-rispett reċiproku, id-diversità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali kif ukoll għall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti. Bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu dwar għadd ta' oqsma ġodda ta’ prijorità għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE sal-2020. 23

Fl-aħħar nett, fid-19 ta’ Ottubru 2015 il-Kummissjoni ospitat il-Konferenza Ministerjali ta’ Livell Għoli "ir-reazzjoni tal-ġustizzja Kriminali għar-radikalizzazzjoni", biex ikun hemm skambju ta’ esperjenzi dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet kif ukoll programmi ta’ riabilitazzjoni għall-ġellieda barranin u dawk li jiġu lura. L-impenn konġunt tal-Istati Membri sabiex jaġixxu f'dan il-qasam kien ikkonfermat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "it-tisħiħ tar-rispons tal-ġustizzja kriminali fil-konfront tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti" tal-20 ta' Novembru 2015 24 .

2.3. L-integrazzjoni tal-Karta fil-ftehimiet internazzjonali u l-iżgurar tal-konsistenza għad-drittijiet tal-bniedem

L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiggwida l-azzjoni esterna tal-UE.

B'reazzjoni għall-Komunikazzjoni Konġunta ta’ April 2015 "Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-aġenda tal-UE", 25 il-Kunsill f'Lulju adotta Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015–2019). Dan jelenka aktar minn 100 azzjoni marbutin mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokrazija permezz ta' 34 punt 26 . Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 21, il-pjan ta’ azzjoni jimplimenta l-impenji fil-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 27 u jeżerċita effett ta' lieva fuq l-involviment tal-awtoritajiet u tal-partijiet ikkonċernati kollha tal-UE kif ukoll fuq l-integrazzjoni mtejba tal-konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni kollha tal-UE. L-azzjonijiet ippjanati jinkludu l-indirizzar tat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki li jista' jkollhom impatt sinifikanti fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistipula azzjonijiet marbutin mal-ħidma tal-Kummissjoni dwar konformità interna mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dwar il-privatezza fil-kuntest tar-riskji għas-sorveljanza tal-massa, għar-riforma ġudizzjarja, għad-drittijiet tat-tfal, għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, għall-migrazzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

L-istrateġija tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2015, "Kummerċ għal Kulħadd", tistabbilixxi l-passi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati fil-pajjiżi tal-UE u dawk li mhumiex. 28 . Din tkopri d-dritt li jiġu rregolati u li jiġu vvalutati l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki u l-ftehimiet kummerċjali. Torbot il-politika kummerċjali mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, b’mod partikolari rigward it-tħaddim tat-tfal, it-tħaddim sfurzat tal-ħabsin u x-xogħol furzat bħala riżultat tat-traffikar tal-bnedmin u tal-ħtif tal-art. Il-konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem qed jiġu dejjem aktar inkorporati fil-ftehimiet bilaterali għall-kummerċ ħieles tal-UE u fil-politika dwar il-kontroll fuq l-esportazzjoni tal-UE.

F’Settembru 2015, il-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati dwar il-"Ftehim Komprensiv" għall-protezzjoni tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan se jiżgura salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta għal kull trasferiment ta’ dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti f'kull kooperazzjoni ġudizzjarja jew tal-pulizija f'materji kriminali. Skont dan il-ftehim, jekk id-dejta personali taċ-ċittadini tal-UE tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti u din id-dejta ma tkunx korretta jew ma tiġix ipproċessata skont il-liġi, iċ-ċittadini tal-UE — li ma jkunux residenti fl-Istati Uniti — ikunu jistgħu jikisbu rimedju fil-qrati tal-Istati Uniti 29 . Dan jikkostitwixxi titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni fir-rigward ta' rimedju ġudizzjarju fl-Istati Uniti.

F’Awwissu 2015, l-UE kellha għall-ewwel darba djalogu mal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-implimentazzjoni mill-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) 30 . L-UE kienet rappreżentata mill-Kummissjoni, li kienet il-punt fokali tal-UE għall-Konvenzjoni. Il-Kumitat relatat tal-UNCRPD adotta l-Osservazjonijiet Konklużivi f’Ottubru 2015 u l-Kummissjoni ddikjarat l-impenn tagħha biex timplimentahom.

F'Lulju tal-2015, il-Kummissjoni adottat — bħala parti mir-Regolamentazzjoni Aħjar — il-Linji Gwida dwar l-analiżi tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ 31 . Dawn se jiffaċilitaw l-analiżi tal-impatt li inizjattivi dwar il-politika kummerċjali għandhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab. L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tipprevedi wkoll valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-proposti li b'mod ġenerali għandhom dimensjoni esterna.

2.4 L-iskrutinju mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-istituzzjonijiet tal-UE

Fil-Kawża ta' Schrems 32 , il-QtĠ-UE ddikjarat bħala mhux valida d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Isfera ta’ Sikurezza tal-2000 33 . Din id-deċiżjoni kienet deċiżjoni ta’ adegwatezza skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 34 . Din kienet awtorizzat it-trasferiment ta' dejta personali lejn pajjiż mhux tal-UE, f’dan il-każ l-Istati Uniti. Kienet sabet livell aċċettabbli ta’ protezzjoni permezz tal-liġi domestika jew tal-impenji internazzjonali tal-Istati Uniti. It-trasferiment ta’ dejta personali għal servers fl-Istati Uniti mis-sussidjarja Irlandiża ta' Facebook, awtorizzat b’din il-konstatazzjoni tal-adegwatezza, ġie kkontestat quddiem qorti Irlandiża, b’mod partikolari għax ġie żvelat li fl-2013 l-awtoritajiet tal-intelligence tal-Istati Uniti wettqu sorveljanza tal-massa.

Il-Qorti sostniet li deċiżjoni ta’ adegwatezza kienet tiddependi fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li — fil-pajjiż mhux fl-UE kkonċernat — hemm livell ta’ protezzjoni rigward id-dejta personali li, filwaqt li mhuwiex neċessarjament identiku, huwa "essenzjalment ekwivalenti" għal dak garantit fl-UE permezz tad-Direttiva, kif interpretata fid-dawl tal-Karta. Il-Qorti sostniet li d-Deċiżjoni tal-2000 dwar l-Isfera ta’ Sikurezza ma kinitx tinkludi biżżejjed konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-limiti ta’ aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għad-dejta ttrasferita permezz tad-Deċiżjoni, u dwar l-eżistenza ta’ protezzjoni legali effikaċi kontra interferenza bħal din. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tagħti lill-awtoritajiet pubbliċi ġenerali aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjoni elettronika trid titqies bħala li tikkomprometti l-essenza tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tagħti ġustifiakazzjoni għall-approċċ tal-Kummissjoni, minn Novembru 2013, biex tagħmel rieżami tal-arranġamenti rigward l-Isfera ta’ Sikurezza: il-Kummissjoni tfittex li tiżgura l-protezzjoni tad-dejta li hi meħtieġa bid-dritt tal-Unjoni. F’Novembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet gwida 35 dwar il-possibbiltajiet għat-trasferiment ta' dejta fid-dawl tas-sentenza Schrems, u stabilixxiet sistemi alternattivi għat-trasferiment ta' dejta personali lejn l-Istati Uniti sakemm jidħol fis-seħħ qafas ġdid 36 .

2.5 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni. Din se ssaħħaħ il-valuri fundamentali, ittejjeb l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u testendi l-konsistenza tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa. L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħha l-Qorti ddikjarat li l-abbozz tal-Ftehim ta’ Adeżjoni tal-2013 mhux kompatibbli mat-Trattati, qajmet kwistjonijiet legalment u politikament kumplessi. Wara perjodu ta’ riflessjoni, li matulu l-Kummissjoni eżaminat l-aħjar triq 'il quddiem, il-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala n-negozjatur tal-UE, qed tikkonsulta mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill dwar soluzzjonijiet konkreti għad-diversi kwistjonijiet imqajma fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3. L-applikazzjoni tal-Karta fl-Istati Membri u minnhom

Taħt l-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tissorvelja l-konformità tal-Istati Membri mal-Karta meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ ksur, tista’ tibda proċeduri ta’ ksur. L-imħallfin nazzjonali wkoll japplikaw il-Karta sabiex jiżguraw li l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-applikabbiltà tal-Karta jew l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tagħha, tista’ — u, fil-każ ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, trid — tirreferi l-każ għand il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Dan jgħin fl-iżvilupp ta’ każistika relatata mal-Karta u jsaħħaħ ir-rwol tal-imħallfin nazzjonali fid-difiża tagħha. Fl-2015, l-imħallfin nazzjonali għamlu 36 talba għal deċiżjoni preliminari 37 .

3.1 Proċeduri ta' ksur

Peress li l-Karta hija indirizzata lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, il-proċeduri ta’ ksur li jikkonċernaw il-Karta jistgħu jinbdew biss meta jiġi stabbilit li jkun hemm rabta biżżejjed mad-dritt tal-Unjoni, u dan jattiva l-applikabbiltà tal-Karta.

Eżempju tal-2015 dwar proċeduri ta’ ksur rilevanti huwa dwar li jiġi żgurat id-dritt għal proċess ġust fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil.

Bħala segwitu għat-tieni pakkett ta’ implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Bejn Settembru u Diċembru tal-2015, il-Kummissjoni adottat 49 deċiżjoni ta’ ksur kontra Stati Membri għax ma implimentawx b'mod adegwat il-leġiżlazzjoni li ssawwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Dawn inkludew każ ta’ ksur kontra l-Ungerija wara li sar tibdil fil-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-ażil. 38 . L-ilmenti relatati mad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 46 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari minħabba l-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll l-effettività tal-proċeduri ta’ appell ristretti u n-nuqqas potenzjali ta’ indipendenza tal-ġudikatura. L-Ungerija ġiet innotifikata formalment fl-10 ta’ Diċembru 2015. Il-Kummissjoni talbet kjarifiki addizzjonali dwar kwistjonijiet pendenti oħra u se tibqa' f'kuntatt mal-awtoritajiet Ungeriżi.

F’Settembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet avviż kumplimentari ta' tqegħid fil-mora lill-Greċja dwar il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u dwar in-nuqqas li jiġu stabbiliti arranġamenti li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ għajxien aċċettabbli kif ukoll il-kura tat-tfal mhux akkumpanjati.

Kawża oħra nfetħet f'April 2015 kontra Stat Membru minħabba diskriminazzjoni kontra tfal Rom fl-edukazzjoni. Dan jikser id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali 39 u l-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza u tal-oriġini etnika.

3.2 Il-Qorti tal-Ġustizzja tiggwida lill-Istati Membri

Fl-2015, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tagħti gwida — skont is-sistema ta’ riferiment għad-deċiżjonijiet preliminari — lill-imħallfin nazzjonali dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tal-Karta.

Il-Qorti, fl-ewwel kawża tagħha Chez Razpredelenie dwar id-diskriminazzjoni kontra r-Rom, 40 iddikjarat li l-installazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl f’għoli inaċċessibbli f’distrett b’densità għolja ta’ popolazzjoni Rom jista' jikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika, ġaladarba f’distretti oħra arloġġi bħal dawn jiġu installati f’għoli normali. Il-Qorti kkonfermat li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali ma jistax jiġi definit b’mod restrittiv. Dan għaliex id-direttiva hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta.

Il-Qorti reġgħet irreferiet għall-Artikolu 21 biex tafferma li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, fid-Direttiva, ma tapplikax biss għall-persuni li għandhom ċertu oriġini etnika. Din tapplika wkoll għal dawk li għalkemm huma stess ma jagħmlux parti mill-grupp etniku kkonċernat, flimkien ma’ tal-ewwel, iġarrbu trattament inqas favorevoli jew żvantaġġ partikolari minħabba miżura diskriminatorja. Fl-aħħar nett, il-Qorti rreferiet għall-Artikolu 21 sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

F'Leger, 41 il-Qorti vvalutat digriet Franċiż li ta indikazzjoni kontra l-għoti tad-demm minn irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma' rġiel oħra. Id-digriet kien reazzjoni kontra l-prevalenza għolja tal-infezzjoni tal-HIV f'dan il-grupp ta' donaturi potenzjali u r-riskju għoli li wieħed ilaqqat mard infettiv sever li jittrażmetti ruħu mid-demm. Il-Qorti ddikjarat li, peress li d-digriet applika d-Direttiva 2004/33 fir-rigward tar-rekwiżiti għad-demm u għall-komponenti tad-demm, 42 il-Karta kienet applikabbli. Hija ddeċidiet li l-indikazzjoni kuntrarja, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, ikkostitwixxiet limitu fuq id-dritt tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjonijiet huma ġġustifikati jekk ikun hemm għan ġenwin ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-UE. Dan jista’ jinkludi l-għan li jitnaqqas ir-riskju għoli marbut mat-tixrid ta’ marda infettiva għar-riċevituri ta' trasfużjonijiet tad-demm. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stipulat li r-rekwiżit tal-proporzjonalità jintlaħaq biss jekk ma jkunux jeżistux tekniki effettivi sabiex jiġi identifikat dan il-mard infettiv jew — fin-nuqqas ta’ dawn it-tekniki — jekk ma jkunx hemm metodi inqas ta' xkiel milli minn kontraindikazzjoni, li jkunu jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa għall-pazjenti riċevituri.

3.3. Il-każistika nazzjonali li tikkwota l-Karta

L-imħallfin nazzjonali għandhom rwol essenzjali marbut mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt. Fl-2015, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali 43 sabet li l-qrati nazzjonali komplew jirreferu għall-Karta biex tiggwidahom u tispirahom, anke f’kawżi li kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

F’Diċembru 2015 44 , il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja sostniet li f’każijiet individwali, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tista' tinkludi r-rieżami ta’ atti stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni jekk dan ikun indispensabbli sabiex tiġi protetta l-identità kostituzzjonali ggarantita mill-Artikolu 79 tal-Liġi Bażika tal-Ġermanja. Skont il-prinċipju tal-ħtija individwali, imsejjes fuq li tiġi ggarantita d-dinjità tal-bniedem stipulata fl-Artikolu 1 tal-Liġi Bażika, sanzjoni kriminali tippresupponi li r-reat u l-ħtija tal-awtur tal-ksur jiġu ppruvati b’mod li jkun konformi mar-regoli proċedurali applikabbli. Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li, skont id-dritt tal-Unjoni, mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati mid-Deċiżjoni Qafas 45 , jew jekk l-estradizzjoni tkun tinvolvi l-vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Hija kkonkludiet li, fil-każ partikolari, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tiġi limitata l-preċedenza tad-dritt tal-Unjoni billi jiġu applikati l-istandards tal-liġi Ġermaniża. Dan għaliex id-Deċiżjoni Qafas teħtieġ interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-akkużat kif meħtieġ bl-Artikolu 1 tal-Liġi Bażika fil-kuntest ta’ estradizzjoni.

3.4. Is-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 marbut mas-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta 46 wera li l-interess dwar l-informazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li jgawdu n-nies permezz tal-Karta għadu għoli. Aktar minn 60 % ta’ dawk li wieġbu jixtiequ aktar informazzjoni dwar il-kontenut tal-Karta, fejn għandhom jirrikorru jekk jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom, u dwar meta tapplika l-Karta u meta ma tapplikax.

Sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta fost il-prattikanti, il-Presidenza Latvjana organizzat konferenza f’Riga f’April 2015. Il-Konferenza dwar l-applikabbiltà tal-Karta għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE ffukat fuq ir-rwol tal-Karta fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.

4. It-tema ċentrali: Il-konferenza annwali tal-2015 — ir-riżultati u l-passi li jmiss

Meta ħa l-kariga tiegħu, l-ewwel Viċi President Timmermans ħa l-impenn li jorganizza konferenza annwali dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet fundamentali fl-UE. L-għan huwa li titjieb il-kooperazzjoni reċiproka u l-impenn politiku għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

L-ewwel konferenza saret fi Brussell f’Ottubru 2015 u ffukat fuq "It-tolleranza u r-rispett: il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mibegħda Antisemitika u l-mibegħda kontra l-Musulmani fl-Ewropa". Din kienet l-ewwel laqgħa fil-livell tal-UE ta’ rappreżentanti minn komunitajiet Musulmani u Lhud sabiex jiġi diskuss kif għandha tiġi miġġielda l-mibegħda Antisemitika u l-mibegħda kontra l-Musulmani. Fiha ħadu sehem madwar 300 parteċipant: fassala lokali, nazzjonali u tal-UE tal-politika, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll internazzjonali, mexxejja reliġjużi u komunitarji, korpi favur l-ugwaljanza, rappreżentanti mill-qasam tal-edukazzjoni, tax-xogħol u tal-midja, u akkademiċi u filosfi mill-UE kollha. Dawn analizzaw ir-raġunijiet għaż-żieda fl-inċidenti Antisemitiċi u kontra l-Musulmani fl-Ewropa, identifikaw modi sabiex jiġu indirizzati x-xejriet, u qablu li jingħaqdu flimkien sabiex titħeġġeġ kultura ta’ tolleranza inklużiva u ta' rispett.

Il-konferenza 47 identifikat l-azzjonijitet ewlenin sabiex tiġi prevenuta u miġġielda l-mibegħda Antisemitika u l-mibegħda kontra l-Musulmani, inkluża l-ħatra ta' żewġ koordinaturi — wieħed biex jiġġieled il-mibegħda Antisemitika u l-ieħor biex jiġġieled il-mibegħda kontra l-Musulmani — sabiex jikkoordinaw u jsaħħu r-rispons b'politika li tindirizza dan it-theddid 48 .

Ittieħdu passi importanti biex jiġi miġġieled id-diskors ta’ mibegħda online. Il-Kummissjoni bdiet djalogu fil-livell tal-UE ma’ kumpaniji kbar tal-IT f'kooperazzjoni ma' Stati Membri, sabiex tara kif l-intermedjarji u korpi oħra jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda online li jkebbes il-vjolenza.

Fl-2015, il-Kummissjoni kompliet b'monitoraġġ tar-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija 49 sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u korretta tagħhom. Erba’ Stati Membri biddlu r-regoli kriminali tagħhom sabiex jallinjawhom mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tippresjedi grupp ta’ esperti tal-Istati Membri li fl-2016 se jsir il-grupp ta’ livell għoli tal-UE marbut mar-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza. Dan se jkun il-pjattaforma għal gwida dwar l-aħjar prattika u għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha, miftuħ għal rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-komunità, għall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u għal organizzazzjonijiet rilevanti internazzjonali.

Fl-2015 kienu disponibbli EUR 5,4 miljun għall-awtoritajiet nazzjonali u għas-soċjetà ċivili permezz tal-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza. Il-finanzjament huwa għat-taħriġ u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għall-iskambju tal-aħjar prattiki għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, għat-tisħiħ tar-reazzjonijiet kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, u sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi u jingħataw appoġġ.

Fl-2015, il-programm Erasmus+ alloka finanzjament sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet identifikati fil-konferenza 50 u sabiex dawk kollha involuti fil-livell lokali jingħataw aktar setgħa sabiex irawmu kultura ta’ tolleranza u rispett u sabiex jingħelbu l-preġudizzji.

Filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jistgħu jakkumpanjaw u jappoġġaw il-progress fuq il-post, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija huma primarjament impenn lokali u jeħtieġ li jkunu jappartjenu bi sħiħ kemm għall-komunitajiet ikkonċernati kif ukoll għas-soċjetà inġenerali.

5. Konklużjoni

Il-Kummissjoni hija impenjata li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni għad-drittijiet fundamentali fl-UE. Hija tfittex li tiżgura li l-proposti leġiżlattivi u l-azzjonijiet kollha tagħha huma totalment kompatibbli mal-Karta.

Il-Kummissjoni biħsiebha ttejjeb il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u mal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex tiżgura li d-drittijiet fundamentali jingħataw prijorità.

Il-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni tal-UE u, b’mod partikolari dwar il-Karta, permezz ta’ finanzjament u ta' taħriġ immirat, djalogu mas-soċjetà ċivili u għodod prattiċi, sabiex tinkuraġġixxi d-djalogu bejn il-qrati fl-Istati Membri.

(1)

Il-Qorti Ġenerali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u l-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE).

(2)

Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar — Aġenda tal-UE, COM(2015) 215 final, 19.05.2015.

(3)

  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/toc_tool_en.htm . Ara l-Għodda 24 "Id-Drittijiet Fundamentali u d-Drittijiet tal-Bniedem", p.176.

(4)

2014/2254(INI)., disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2015-0286&language=EN&ring=A8-2015-0230 .

(5)

L-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 2015, (10228/15) p.17.

(6)

Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, il-Ftehim dwar ir-riforma tal-Kummissjoni rigward il-protezzjoni tad-dejta tal-UE se jsaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali, disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6321_en.htm .

(7)

Proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta), COM(2012) 11 final, 25.1.2012.

(8)

Proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment ħieles ta’ tali data, COM(2012) 10 final, 25.1.2012.

(9)

Proposta għal Direttiva dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, COM(2013) 821 final, 27.11.2013.

(10)

Proposta għal Direttiva dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal issuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali COM(2013) 822 final, 27.11.2013.

(11)

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, ĠU L 315, 25.10.212, p.57.

(12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2015/637/UE dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi, u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE, ĠU L 106, 20.04.2015, p. 1.

(13)

Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2015) 240 final, 13.5.2015.

(14)

Dan ir-rapport ikopri l-iżviluppi ewlenin tal-2015. Ħarsa ġenerali lejn il-progress kumplessiv fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, u l-aħħar proposti jinsabu fuq is-sit web http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/proposal-implementation-package/index_en.htm  

L-iskedi informattivi jinsabu fuq http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/background-information/index_en.htm  

(15)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Skema Ewropea ta’ Risistemazzjoni, C(2015) 3560 final, 8.6.2015.

(16)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija, C(2015) 9490, 15.12.2015.

(17)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi "Manwal dwar ir-Ritorn" komuni li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu kompiti relatati mar-ritorn, C(2015) 6250 final, 1.10.2015.

(18)

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, COM(2015) 453 final, 9.9.2015.

(19)

Il-proposta għal Regolament dwar it-twaqqif ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE, COM(2015) 671 final, 15.12.2015.

(20)

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, COM(2015) 185 final, 28.4.2015.

(21)

Il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, COM(2015) 625 final, 2.12.2015.

(22)

http://ec.europa.eu/education/news/2015/documents/citizenship-education-declaration_en.pdf

(23)

 Fir-Rapport konġunt tal-2015 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2020 għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020), disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2015.417.01.0025.01.ENG&toc=OJ:C:2015:417:TOC

(24)

http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/11/20-conclusions-radicalisation/?utm_source=dsms-auto&utm_medium=email&utm_campaign=Conclusions%20of%20the%20Council%20of%20the%20European%20Union%20and%20of%20the%20Member%20States%20meeting%20within%20the%20Council%20on%20enhancing%20the%20criminal%20justice%20response%20to%20radicalisation%20leading%20to%20terrorism%20and%20violent%20extremism

(25)

JOIN (2015) 16 final, 28/04.

(26)

  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/07/20-fac-human-rights/ .

(27)

Id-dokument tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012, ST 11855/12.

(28)

Kummerċ għal kulħadd — Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, 14.10.2015, COM(2015) 497 final.

(29)

Dawn id-drittijiet se jingħataw liċ-ċittadini tal-UE skont l-Att għal Rimedju Ġudizzjarju tal-Istati Uniti tal-2015 (H.R.1428) li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2016 u li ser jidħol fis-seħħ 90 jum wara din id-data. Dawn id-drittijiet jistgħu jingħataw liċ-ċittadini ta’ kull pajjiż, abbażi tal-kriterji definiti fl-Att imsemmi.

(30)

Il-Kumitat jorganizza djalogi regolari mal-Istati li huma Parti mill-Konvenzjoni abbażi tar-rapporti nazzjonali (jew tal-UE) tagħhom ta' darba kull ftit snin. •    Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel rapport tal-UE fl-2014. Ara https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G14/232/64/PDF/G1423264.pdf?OpenElement
L-UE għandha tissottometti t-tieni u t-tielet rapport perjodiku kkombinat li jmiss fl-2021.

(31)

  http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1344 .

(32)

C-362/14.

(33)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta’ Lulju 2000 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA.

(34)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(35)

COM(2015) 566 final.

(36)

Fit-2 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti qablu dwar qafas ġdid għal flussi tranżatlantiċi tad-dejta: il-Protezzjoni tal-Privatezza UE-US. Il-Kummissjoni ppreżentat abbozz tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, u ħadet inkonsiderazzjoni r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Schrems, fid-29 ta’ Frar 2016.

(37)

Sebgħa u għoxrin referenza li jirreferu għall-Karta ġew introdotti fil-QtĠ-UE fl-2011, 41 ġew introdotti fl-2012 u fl-2013, u 43 fl-2014. Ara l-Anness II "Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet għal deċiżjonijiet preliminari sottomessi fl-2015 li jirreferu għall-Karta" fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(38)

  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6228_en.htm .

(39)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, ĠU L 180, 19/07/2000, p.22.

(40)

C-83/14.

(41)

C-528/13.

(42)

 Id-Direttiva 2004/33/KE tat-22 ta' Marzu 2004 li timplimenta d-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ċerti ħtiġijiet tekniċi tad-demm u tal-komponenti tad-demm, ĠU L 91, 30.3.2004, p. 25.

(43)

Ir-rapport annwali FRA 2015, li għandu jiġi ppubblikat f'Mejju 2016.

(44)

BVerfG, Beschluss des Zweiten Senats vom 15. Dezember 2015 - 2 BvR 2735/14.

(45)

2002/584/ĠAI: Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri, ĠU L 190 , 18.07.2002, p. 1.

(46)

  http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_420_405_en.htm .

(47)

Id-dokument bil-konklużjonijiet, Flimkien fil-ġlieda kontra l-mibegħda Antisemitika u l-mibegħda kontra l-Musulmani fl-UE: l-eżitu tal-ewwel Konferenza Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali http://ec.europa.eu/justice/events/colloquium-fundamental-rights-2015/files/fundamental_rights_colloquium_conclusions_en.pdf .

(48)

  http://ec.europa.eu/justice/newsroom/fundamental-rights/news/151201_en.htm .

(49)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(50)

Ara l-azzjonijiet ewlenin fit-Taqsima 1 tal-konklużjonijiet tal-Konferenza.