Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 263 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-għażliet għal skema ta' ekotikketta tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura


1.Introduzzjoni

L-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura 1 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' fattibbiltà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar għażliet għal skema ta' ekotikketta għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (FAPs).

Bi tħejjija għal dan ir-rapport, ġie kkummissjonat studju biex janalizza ekotikketti eżistenti u forom oħra ta' informazzjoni ambjentali ta' komunikazzjoni. Din l-analiżi kompliet tiġi kkumplimentata b'konsultazzjoni pubblika u intervisti diretti mal-partijiet interessati 2 .

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-kuntest li fih l-ekotikketti żviluppaw fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura. Ġew ippreżentati inizjattivi pubbliċi u privati rilevanti fil-livell tal-UE u dak internazzjonali dwar dikjarazzjonijiet volontarji ambjentali. Is-sitwazzjoni tas-suq għall-prodotti ekotikkettati hija deskritta, kif inhuma l-kwistjonijiet prinċipali mqajma fir-rigward tal-ekotikketti. Fl-aħħar nett, ir-rapport jidentifika oqsma ta' azzjoni possibbli rigward skema tal-ekotikketti għall-FAPs u jevalwa il-fattibbiltà rispettiva tagħhom.

2.Kuntest

Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) timmira biex tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul.

L-ekotikketti huma forma ta' informazzjoni volontarja lill-konsumaturi. L-iżvilupp tal-ekotikketti mhuwiex esklussiv għas-sajd u l-akkwakultura. Tul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-iskemi pubbliċi u privati żviluppaw f'numru ta' oqsma. L-iskemi fil-forestrija 3 u l-agrikoltura ġenerali 4  juru differenzi fit-tfassil u r-rekwiżiti komparabbli mal-iskemi tas-sajd u l-akkwakultura u mhumiex komparabbli fir-rigward tal-istandards. Fir-rigward tal-preżenza fis-suq, l-ekotikketti prinċipali għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura huma simili għat-tikketti privati bħal dawk imħaddma fil-forestrija, anki jekk ir-rikonoxximent tal-logo jista' jkun iktar baxx.

Rigward ir-rikonoxximent mill-gvern tal-iskemi, dawn is-setturi ma juru l-ebda differenza mis-sitwazzjoni attwali fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, jiġifieri, ma hemm l-ebda regolament tal-UE speċifiku li bħalissa huwa applikat għalihom, bl-eċċezzjoni taċ-ċertifikazzjoni organika. Japplika l-prinċipju ġenerali applikabbli għall-informazzjoni volontarja għall-konsumatur, li jipprevedi li d-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu ċari u verifikabbli.

Skont id-definizzjoni mogħtija mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), l-ekotikketti jintitolaw prodott li jkollu logo jew dikjarazzjoni li tiċċertifika l-konformità tal-produzzjoni tiegħu mal-istandards ta' konservazzjoni u ta' sostenibbiltà. Iċ-ċertifikazzjoni titwettaq minn parti terza biex tagħti l-assigurazzjoni li l-proċess tal-produzzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti speċifikati. Sabiex jiżguraw li l-prodotti ekotikkettati mqiegħda fis-suq jiġu minn sorsi ċertifikati, għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jiżguraw it-traċċabbiltà kemm tal-prodotti kif ukoll taċ-ċertifikazzjoni tagħhom.

L-ekotikkettjar fis-settur tas-sajd beda fis-snin disgħin. Filwaqt li l-akkwakultura organika ilha tiġi rregolata fl-UE 5 sa mill-2010, iċ-ċertifikazzjonijiet tal-akkwakultura sostenibbli ħarġu fil-bidu tas-snin elfejn u qed jikbru b'mod mgħaġġel. L-ekotikkettjar f'dawn iż-żewġ setturi huwa differenti u jitratta aspetti ta' sostenibbiltà differenti. Filwaqt li fis-sajd prinċipalment issir enfasi fuq il-konservazzjoni tal-istokk, fl-akkwakultura fil-biċċa l-kbira l-enfasi ssir fuq l-esternalitajiet potenzjali negattivi ġġenerati mill-produzzjoni bħat-tfixkil tal-ekosistemi naturali jew it-tniġġis tal-ilma.

Speċifiċità dwar l-ekotikketti għall-FAPs hija li l-maġġoranza huma privati u internazzjonali u kważi ma hemmx dawk pubbliċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti għat-tikketti ambjentali skont l-ISO 14024 Tip I. iddefinit mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) għad-dikjarazzjonijiet u t-tikketti ambjentali. Fl-2014, l-ISO beda jiżviluppa wkoll standard fuq ir-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti minn sajd marittimu sostenibbli, li huwa mistenni li jiġi ppubblikat fl-2017-2018.

Definizzjoni iktar olistika ta' sostenibbiltà, li tinkludi wkoll aspetti ekonomiċi u soċjali, riċentament bdiet tiġi integrata fl-ekotikketti.

L-ekotikketti joperaw f'kuntest fejn il-konsumaturi jirċievu għadd kbir ta' messaġġi dwar is-sostenibbiltà ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, inklużi gwidi tal-konsumatur, kampanji tal-NGOs u kodiċi ta' kondotta volontarji. Il-massa assoluta ta' informazzjoni dwar is-sostenibbiltà qajmet kontroversja u xi konfużjoni. Il-kwistjoni hija prominenti wkoll fi swieq oħra. Il-konsumaturi tal-UE, iffaċċjati b'abbondanza ta' tikketti jew dikjarazzjonijiet ambjentali, ta' spiss isibuha diffiċli biex jiddistingwu bejn il-prodotti u biex jafdaw l-informazzjoni disponibbli. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ambjentali fuq il-prodotti mhux dejjem jilħqu r-rekwiżiti legali għall-affidabbiltà, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza.  6  

3.Azzjoni fil-livell internazzjonali u tal-UE dwar dikjarazzjonijiet volontarji

Tul l-għaxar snin li għaddew, ittieħdu diversi inizjattivi mill-Unjoni Ewropea biex jiġu appoġġjati ċ-ċarezza u l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet volontarji, biex jiġu stabbiliti strumenti li jippermettu lill-konsumatur jagħmel għażliet infurmati u biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jippromwovu l-interessi tal-konsumaturi b'konformità mal-Artikolu 169 TFUE.

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ġew adottati dispożizzjonijiet li jindirizzaw kemm il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tagħhom minn partijiet terzi. Ir-regoli dwar l-informazzjoni tal-konsumaturi li jakkumpanjaw il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura ġew riveduti u jippermettu l-għoti ta’ informazzjoni ambjentali fuq bażi volontarja, sakemm din tkun ċara, mhux ambigwa u verifikabbli 7 . B'mod parallel, ġew stabbiliti rekwiżiti għall-akkreditazzjoni fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni. Dan jinkludi l-kundizzjoni li korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni wieħed jiżgura l-kontroll pubbliku fuq il-korpi taċ-ċertifikazzjoni 8 .

Ġew żviluppati wkoll inizjattivi mhux leġiżlattivi biex jipprovdu gwida dwar id-dikjarazzjonijiet volontarji. L-approċċ tal-UE għall-iskemi ta' assigurazzjoni tas-sostenibbiltà u ċ-ċertifikazzjonijiet tal-kummerċ ġust ġie ppreżentat fl-2009 9 . Iż-żamma tan-natura volontarja u mhux governamentali ta' dawn l-iskemi kienet enfasizzata flimkien mal-importanza tat-trasparenza u tal-adegwatezza tal-informazzjoni. Dan l-approċċ mhux leġiżlattiv kien rinfurzat fil-Komunikazzjoni dwar il-politika ta' kwalità tal-prodotti agrikoli 10 . Barra minn hekk, ix-xogħol tad-Djalogu bejn firxa wiesgħa ta' Partijiet Interessati dwar id-Dikjarazzjonijiet Ambjentali se jikkontribwixxi biex jappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali 11 f'dan il-qasam. B'mod parallel, l-istabbiliment tal-metodi li jkejlu l-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja qed jiġi promoss 12 u ġew adottati linji gwida tal-aħjar prattiki għall-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarji għall-prodotti u l-oġġetti tal-ikel agrikoli 13 . Id-Djalogu dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva 14  qed ikompli wkoll bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-intrapriżi u partijiet interessati oħrajn.

Barra minn hekk, fuq talba tal-Parlament Ewropew, fl-2016, il-Kummissjoni se tniedi proġett pilota għall-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet volontarji fuq il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Se tesplora sa liema punt dawn id-dikjarazzjonijiet huma preżenti fuq l-FAPs u huma konformi mar-rekwiżiti rilevanti.

Il-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-Ekonomija Ċirkolari adottat riċentament 15 reġa' enfasizza l-importanza li tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. L-Ekotikketta tal-UE volontarja 16 qed tiġi riveduta f'din l-inizjattiva.

L-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) stabbiliet linji gwida rikonoxxuti b'mod internazzjonali dwar l-ekotikettar għall-ħut maqbud u għall-akkwakultura 17 , b’involviment kbir tal-UE fl-iżvilupp tagħhom.

4.Is-suq għall-ekotikketti fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura

L-UE bħalissa hija l-ikbar suq għall-FAP ekotikkettati. Madankollu, il-penetrazzjoni tas-suq tal-prodotti ekotikkettati tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u tikkonċentra fuq prodotti ffrizati jew ipproċessati. Il-konsumaturi prinċipali tal-prodotti tal-frott tal-baħar (konsum ras imb'ras) mhumiex ix-xerrejja prinċipali tal-prodotti li għandhom l-ekotikketti. F'pajjiżi bħal Franza, l-Italja, il-Portugal u Spanja fejn il-konsumaturi l-biċċa l-kbira jixtru prodotti friski, l-ekotikketti u ċ-ċertifikazzjonijiet għandhom rwol marġinali 18 . Min-naħa l-oħra, il-prodotti ekotikkettati saru stabbiliti sew f'xi Stati Membri, bħall-Ġermanja u r-Renju Unit 19 .

In-numru ta' ekotikketti jibqa' relattivament limitat meta mqabbel ma' għodod oħra ta' informazzjoni għall-konsumaturi. It-tkabbir fis-sehem tas-suq jinvolvi biss ftit skemi.

L-ekotikketti privati prinċipali llum il-ġurnata huma l-Kunsill tal-Amministrazzjoni Marittima (MSC), li għall-2014 jiddikjara ċ-ċertifikazzjoni ta' 8.8 miljun tunellata ta' ħut maqbud selvaġġ (jiġifieri, 10 % tal-iżbark globali), Friend of the Sea (FoS), li d-dejta disponibbli għaliha mill-FAO tissuġġerixxi ċ-ċertifikazzjoni taa' madwar 10 miljun tunnellati ta' prodotti fl-2011, GLOBALG.A.P. L-Istandards tal-akkwakultura, li għalihom id-dejta tindika ċ-ċertifikazzjoni ta' iktar minn 2 miljun tunnellata ta' prodotti fl-2013 u l-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-akkwakultura (ASC) li ddikjara iktar minn 400,000 tunnellata ta' prodotti ċċertifikati fl-2014. Dan l-aħħar, il-produtturi mill-Istati Membri tal-UE bdew il-proċess ta' ċertiikazzjoni għall-prodotti tagħhom, prinċipalment fis-sajd, li jissenjala xejra ġdida fis-suq peress li l-biċċa l-kbira tal-prodotti ekotikkettati mibjugħa fl-UE s'issa kienu importati.

Dawn l-iskemi speċjalizzaw fuq xi gruppi ta' speċijiet. Filwaqt li l-MSC prinċipalment kopra l-ħut l-abjad (jiċċertifika 45 % tal-qbid globali tal-ħut l-abjad) u pelaġiċi żgħar, l-FoS iffoka fuq sajd li jforni l-industrija tal-ħut mitħun, iżda kopra wkoll it-tonn, il-gambli u l-gambli l-kbar, il-molluski u s-salamun. Fl-akkwakultura, il-GLOBALG.A.P prinċipalment kopriet il-pangasju, it-tilapja, is-salamun u l-gambli u l-ASC ħareġ fuq l-istess speċi kif ukoll fuq il-bivalvi u t-trota. Hemm sinjali li dawn l-iskemi qed jibdew jaħdmu flimkien fuq kriterji komuni u r-rikonoxximent reċiproku.

Tul l-aħħar snin, ftit pajjiżi stabbilew ekotikketti pubbliċi għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. S'issa, ma ħarġet l-ebda skema pubblika fuq skala kbira bħala alternattiva għaċ-ċertifikazzjoni privata. Fl-UE, fl-aħħar tal-2014 Franza nediet ekotikketta pubblika għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Għadu kmieni wisq biex jitbassar is-suq potenzjali tagħha.

5.Kwistjonijiet prinċipali fir-rigward tal-ekotikketti

Tliet kwistjonijiet prinċipali marbutin ma' ekotikketti eżistenti bħalissa il-FAP ġew enfasizzati fl-analiżi u l-konsultazzjoni, jiġifieri: (a) il-kredibbiltà, (b) il-konfużjoni minħabba l-multitudni tal-messaġġi u (c) d-dħul tas-suq inkluż l-ispejjeż.

(a)Il-kwistjoni tal-kredibbiltà għandha x'taqsam mal-validità tad-dikjarazzjoni li saret. L-iskemi tal-ekotikketta jirrappreżentaw l-iktar tip strutturat ta' informazzjoni tal-konsumatur dwar aspetti ambjentali. Il-kredibbiltà hija bbażata fuq l-istruttura tal-iskema, inkluż l-istandards u t-trasparenza tal-proċess taċ-ċertifikazzjoni.

L-assigurazzjoni tal-kredibbiltà hija ta' importanza kbira għall-bejjiegħa bl-imnut għaliex huwa element essenzjali tad-dehra tad-ditta. Għalhekk, il-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni tinfluwenza l-kredibbiltà tal-bejjiegħ innifsu. Huwa interessanti li wieħed jinnota li parti kbira tal-prodotti ċertifikati ma jinbiegħux b'logo, li jagħmel iċ-ċertifikazzjoni prinċipalment karatteristika tar-relazzjoni bejn in-negozji, minflok forma ta' informazzjoni għall-konsumatur.

(b)Il-konfużjoni ta' spiss hija marbuta mal-proliferazzjoni pperċepita tal-ekotikketti u t-tendenza li ma tiddistingwixxix l-ekotikketti minn inizjattivi oħra mmirati biex jinfurmaw lin-negozji u l-konsumaturi, bħall-gwidi tal-konsumaturi jew il-kampanji tal-NGOs.

Sors ieħor ta' konfużjoni jista' jiġi mid-differenza fil-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ekotikketti. Din il-konfużjoni potenzjali tidħol fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista. Il-produtturi jistgħu ma jkunux jafu minn liema ekotikketta jfittxu ċ-ċertifikazzjoni, peress li dan jiddependi fuq l-għażliet tal-bejjiegħa bl-imnut u fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq. Il-bejjiegħa bl-imnut, min-naħa l-oħra, għandhom jagħżlu l-ekotikketti li jipprovdu l-aħjar assigurazzjoni għall-immaġni tagħhom. Fl-aħħar nett, il-konsumaturi jaf ma jkunux konxji ta' xi tfisser l-ekotikketta.

Minħabba l-problema tal-għażla ta' liema aspett ambjentali partikolari wieħed jiffoka fuqu u kif se jitwassal il-messaġġ, dan jista' jwassal għal ċertifikazzjonijiet multipli u messaġġi differenti. L-iżvantaġġ ta' dan hija l-konfużjoni u li fl-aħħar mill-aħħar tista' twassal għal spejjeż addizzjonali għall-operaturi u n-nuqqas ta' fiduċja tad-dikjarazzjonijiet.

(c)It-tielet kwistjoni tirreferi għad-dħul fis-suq u l-ispejjeż għall-operaturi. Iċ-ċertifikazzjoni skont l-iskemi tal-ekotikketta tinvolvi l-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-valutazzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jiġġarbu iktar spejjeż, eż. l-użu tal-logo tal-ekotikketti. Dan il-proċess jimplika spejjeż u piż amministrattiv, li mhux bilfors huma riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ għall-produttur. L-ispiża marbuta maċ-ċertifikazzjoni hija ta' rilevanza partikolari għall-produtturi ta' skala żgħira. Xi skemi użaw ir-riżorsi tagħhom biex jistabbilixxu programmi ta' sensibilizzazzjoni u l-NGOs jappoġġaw b'mod attiv iċ-ċertifikazzjoni għall-produtturi ta' skala żgħira.

Barra minn hekk, iċ-ċertifikazzjoni saret essenzjali għall-produtturi u l-kummerċjanti biex ibiegħu lill-swieq speċifiċi li inkella jibqgħu magħluqa jew sottovalutati.

Fl-istess ħin, tipprovdi mod lill-produtturi biex jiddistringwu l-prodotti tagħhom u jaċċessaw swieq ġodda.

6.Azzjonijiet possibbli mill-awtoritajiet pubbliċi

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, ġew żviluppati inizjattivi fil-livell internazzjonali u tal-UE biex jindirizzaw dikjarazzjonijiet ambjentali. Kif ippreżentat fil-Punt 3 ta' hawn fuq, dan jinkludi l-adozzjoni mill-UE ta' numru ta' atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Għall-finijiet tal-analiżi tal-fattibbiltà, ġew identifikati tliet għażliet għall-azzjoni mill-UE: l-użu effettiv tal-għodod disponibbli, l-iżvilupp u l-applikazzjoni possibbli tar-rekwiżiti minimi u l-istabbiliment ta' ekotikketta madwar l-Unjoni kollha.

6.1. Għażla 1:    L-ebda bidla: il-leġiżlazzjoni attwali u l-użu effettiv tal-għodod disponibbli

Għażla waħda għal azzjoni tal-UE fil-qasam tal-ekotikketti għall-FAPs tikkonsisti fit-tisħiħ tal-kontroll tar-regolamenti eżistenti u tkompli tappoġġja l-implimentazzjoni tal-għodod disponibbli, inkluż eż. il-miżuri tal-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 68 tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Il-valutazzjoni u l-kontroll tad-dikjarazzjonijiet volontarji jistgħu jkunu effettivi fit-tisħiħ tal-kredibbiltà. L-operaturi u l-konsumaturi żgur jibbenefikaw fi kwalunkwe każ.

Fir-rigward li tiġi evitata l-konfużjoni li tirriżulta minn messaġġi multipli, din tkun limitata: filwaqt li jkun possibbli li tiċċekkja l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet inklużi fit-tikketti tal-prodott, forom oħra ta' informazzjoni li jinstabu barra din l-isfera ma jkunux soġġetti għall-kontroll.

Fir-rigward tal-ispejjeż għall-operaturi, użu effettiv tal-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli jippermettu lill-produtturi jaċċessaw swieq ġodda, filwaqt li jnaqssu l-ispejjeż li għandu jkollhom għaċ-ċertifikazzjoni. B'mod partikolari, l-appoġġ għaċ-ċertifikazzjoni huwa disponibbli għall-produtturi tal-UE permezz tal-FEMS u għall-produtturi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz tal-programmi ta' żvilupp.

Il-possibbiltà li jiġu inklużi l-FAPs fl-Ekotikketta tal-UE eżistenti tista' tiġi mistħarrġa jekk ikun ikkunsidrat li l-oġġetti tal-ikel ikunu diġà eliġibbli f'dan il-qafas. Fuq il-bażi tal-esperjenza attwali dwar l-iżvilupp tal-kriterji, il-proċess tal-istabbiliment ta' sett ta' kriterji ġodda jieħu mill-inqas tliet (3) snin u jeħtieġ l-investiment ta’ riżorsi. Għandu jiġi mfakkar li l-akkwakultura organika hija rregolata u li analiżi mwettqa fl-2011 ma kinitx konklużiva dwar il-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-istabbiliment ta' kriterji tal-ekotikketta tal-UE biex ikopru l-prestazzjoni ambjentali tal-oġġetti tal-ikel 20 .

Billi jirrikorru għall-għodod u l-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti, il-kriterji tal-valur miżjud, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu sodisfatti. Min-naħa l-oħra, jista' jkun meħtieġ finanzjament addizzjonali għall-attivitajiet ta' kontroll, sabiex tiġi vverifikata l-konformità tad-dikjarazzjonijiet volontarji mal-leġiżlazzjoni eżistenti.

6.2.Għażla 2:    Rekwiżiti minimi stabbiliti mill-UE

Din l-għażla tħares lejn il-possibbiltà li l-UE tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar id-dikjarazzjonijiet tas-sostenibbiltà għall-FAPs. Din l-għażla tipprovdi qafas koerenti biex tikkompara l-kontenut ta' dawn id-dikjarazzjonijiet.

L-azzjoni f'dan il-qasam tindirizza b'mod effettiv il-konfużjoni potenzjali dwar in-natura tad-dikjarazzjonijiet ambjentali, biex b'hekk l-isfiduċja tal-konsumaturi. Tittratta wkoll il-kwistjoni tal-kredibbiltà, peress li l-proċessi taċ-ċertifikazzjoni jkunu bbażati fuq rekwiżii rilevanti validi. Madankollu, ma tindirizzax il-kwistjoni tal-ispejjeż li jiġġarbu mill-produttur għall-iskop taċ-ċertifikazzjoni.

Din l-għażla tfisser l-istabbiliment tal-istandards ta' sostenibbiltà, billi jitqiesu l-linji gwida tal-FAO f'dan il-qasam u l-indikaturi diġà stabbiliti fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Dan jimplika t-tfassil ta' żewġ settijiet ta' standards fil-livell tal-UE speċifiċi għas-sajd u l-akkwakultura, skont id-differenzi bejn dawn iż-żewġ metodi ta' produzzjoni.

L-implikazzjonijiet jinkludu preparazzjoni u konsultazzjoni estensiva, inkluż reviżjoni perjodika tal-istandards u l-adozzjoni ta' atti ta' leġiżlazzjoni ġodda mill-UE.

Approċċ alternattiv ikun li tiffoka fuq ir-rekwiżiti minimi tal-proċess ta' ċertifikazzjoni. Din l-għażla diġà intlaħqet permezz ta' azzjoni fil-livell internazzjonali u tal-UE. Il-leġiżlazzjoni eżistenti tiżgura l-kontroll tal-passi kritiċi fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni. Diġà jeżistu rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar l-iżvilupp tal-iskemi, rekwiżiti u dikjarazzjonijiet korrispondenti. Eżempji tal-aħjar prattiki fiċ-ċertifikazzjoni huma ddokumentati wkoll fil-Kodiċi tal-Prattika Tajba tal-Alleanza Internazzjonali tal-Akkreditazzjoni u t-Tikkettar Soċjali u Ambjentali (ISEAL) u fil-linji gwida tal-FAO u se jiġu integrati fil-ħidma li għaddej tal-ISO.

Alternattiva oħra tista' tkun għall-Kummissjoni li tippreżenta rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki. Inizjattiva mhux leġiżlattiva oħra bħal din tista' tinkorpora referenzi internazzjonali dwar l-ekotikketti fis-sajd u l-akkwakultura u approċċ simili fil-qasam tad-dikjarazzjonijiet ambjentali tal-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel. Din tista' tnaqqas it-trasparenza u tiffaċilita fehim komuni permezz ta' skemi ta' ekotikketti, l-operaturi fil-katina tal-provvista u l-awtoritajiet pubbliċi. Timplika konsultazzjonijiet simili u preparazzjoni bħas-subgħażliet ta' qabel iżda ma tkunx teħtieġ leġiżlazzjoni.

6.3.Għażla 3: L-istabbiliment ta' skema tal-ekotikketti mal-Unjoni kollha

Il-ħolqien ta' skema ta' ekotikketti volontarja u awtonoma madwar l-Unjoni għall-FAPs timplika definizzjoni tar-rekwiżiti. Barra minn hekk, il-proċeduri għar-reviżjoni, iċ-ċertifikazzjoni, it-tikkettar u r-riżoluzzjoni tat-tilwim jeħtieġu li jiġu żviluppati flimkien ma' miżuri biex jippromwovu din l-iskema l-ġdida. Il-kamp ta' applikazzjoni għandu jinkludi kemm is-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-prodotti kollha mibjugħa fl-UE indipendentement mill-oriġini tagħhom. Dan huwa partikolarment relevanti għal dan is-settur meta wieħed iqis li l-importazzjonijiet tal-UE 65% tal-konsum tal-ħut tagħha u li l-pajjiżi li qed jiġu żviluppati jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-provvista.

L-azzjoni f'dan il-qasam tista' ġġib effetti pożittivi fir-rigward tal-kredibbiltà tal-ekotikketti, peress li l-eżistenza ta' skema pubblika tista' twassal għal standards ogħla u għall-prestazzjoni taċ-ċertifikazzjoni. Il-preżenza fis-suq ta' ekotikketta pubblika tista' tnaqqas ukoll il-konfużjoni rigward il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ambjentali. Madankollu, mhuwiex ċar jekk hux se jkollha impatt fuq l-għoti ta' tipi oħrajn ta’ informazzjoni ambjentali lill-konsumaturi, u lanqas m'huwa ċar fejn huwa postha f'suq fejn diġà hemm għadd ta' tikketti rikonoxxuti. Fir-rigward tal-ispejjeż għall-operaturi għaċ-ċertifikazzjoni, jista' jkun hemm xi ffrankar fl-użu tal-logo peress li dan ikun pubbliku. Madankollu, l-ispejjeż marbuta maċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti jistgħu ma jinbidlux b'mod sinifikanti.

Skema madwar l-Unjoni kollha ma twaqqafx il-proliferazzjoni tal-ekotikketti u tista' żżid il-kumplessità billi tintroduċi tikketta oħra fis-suq. B'mod partikolari tista' ddgħajjef il-logo organiku. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta' ekotikketta pubblika ddedikata għall-FAPs tista' tespandi l-firxa tal-għażliet li bħalissa huma disponibbli għall-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut u tnaqqas ir-riskju li l-ekotikketti privati stabbiliti jsiru dominanti wisq.

Din l-għażla teħtieġ l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-ġestjoni tal-iskema. L-ispejjeż tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' ekotikketta madwar l-Unjoni kollha ddedikata lill-FAPs jistgħu jitqabblu ma’ dawk imġarrba għall-istabbiliment taċ-ċertifikazzjoni organika u l-Ekotikketta tal-UE u huma sinifikanti meta jitqabblu mal-għażliet l-oħra preżenti.

7.Konklużonijiet

L-ekotikketti fl-FAPs saru dejjem iktar importanti f'dawn l-aħħar għaxar snin. Volumi ta' prodotti ekotikkettati issa huma sostanzjali, iżda għadhom ikkonċentrati f'xi prodotti u swieq tal-UE. Tul l-istess perjodu, l-UE adottat numru ta' regolamenti u nediet inizjattivi biex tippromwovi l-protezzjoni tal-konsumaturi u tirregola l-għoti ta’ informazzjoni ambjentali. Meta jiġu analizzati globalment ma' setturi oħra, l-ekotikketti fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura m’għandhom ebda karatteristiċi speċifiċi maġġuri .

Illum, l-ekotikketti fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura jservu għal diversi skopijiet: jagħtu assigurazzjoni lill-bejjiegħa bl-imnut ir-rigward tas-sostenibbiltà tal-prodotti li jbiegħu. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa bl-imnut jużaw din l-assigurazzjoni biex jenfasizzaw l-aspetti tas-sostenibbiltà fil-kampanji tal-informazzjoni għall-konsumaturi tagħhom u biex jipproteġu l-marka tagħhom. Barra minn hekk, jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-prestazzjoni ta' sostenibbiltà ta' prodott. L-ekotikketti jippermettu wkoll li ssir distinzjoni bejn il-prodotti fis-suq u jistgħu jgħinu lill-konsumaturi meta jiġu biex jagħżlu.

Tingħata ħafna importanza lill-irwol tal-konsumaturi, u spiss wieħed jassumi li hemm domanda għall-ekotikketti. Madankollu, ir-rabta kritika hija bejn il-fornitur u l-bejjiegħ bl-imnut. L-ekotikketti jistgħu jgħinu jevitaw proliferazzjoni ferm akbar ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq il-bejjiegħ bl-imnut jew fuq awtodikjarazzjoni.

Ir-rapport enfasizza numru ta' kwistjonijiet marbutin mal-ekotikketti. L-ewwel nett, il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet hija marbuta mal-eżistenza ta' proċess ta' ċertifikazzjoni robust. It-tieni nett, il-konfużjoni hija relatata mal-proliferazzjoni pperċepita tal-ekotikketti u għall-użu parallel ta' għodod ta' komunikazzjoni oħra, kif ukoll mad-differenza fil-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ekotikketti. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu maċ-ċertifikazzjoni jistgħu jkunu sostanzjali għall-produtturi, għalkemm il-bejgħ ta' prodotti ekotikkettati jista' jiftaħ swieq ġodda.

F'dan ir-rapport, ġew analizzati tliet għażliet għall-azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi li juru riżultati differenti fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE, l-ispejjeż, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

L-ewwel għażla – jekk ma ssir l-ebda bidla leġiżlattiva u jkun hemm użu effettiv tal-għodod disponibbli, dan ikun effettiv biex jindirizza l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet, iżda ma jtejjibx l-istat ta' konfużjoni li tirriżulta minn messaġġi multipli, peress li l-informazzjoni tal-konsumaturi li taqa' barra r-regolamenti eżistenti tal-UE ma tkunx soġġetta għall-kontroll. Rigward l-ispejjeż, l-użu tal-fondi jistgħu jgħinu jnaqqsu l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni għall-produtturi.

Din l-għażla tissodisfa l-kriterji tal-valur miżjud, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, peress li hija bbażata fuq leġiżlazzjoni li diġà ġiet adottata. Min-naħa l-oħra, jista' jkun meħtieġ iktar finanzjament biex jissaħħaħ il-kontroll tal-informazzjoni volontarja fuq it-tikketti tal-ikel.

It-tieni għażla – l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi dwar is-sostenibbiltà u l-proċess taċ-ċertifikazzjoni – tindirizza kwistjonijiet bħall-kredibbiltà u l-konfużjoni potenzjali. Din timplika preparazzjoni estensiva u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida jew rakkomandazzjoni fil-livell tal-UE. B'mod alternattiv, jistgħu jintlaħqu għanijiet simili billi jiġu appoġġjati standards internazzjonali li qed jiġu żviluppati.

It-tielet għażla – l-istabbiliment ta' skema tal-ekotikkettar awtonoma madwar l-Unjoni kollha għall-FAPs tista' ġġib effetti pożittivi rigward il-kredibbiltà tal-ekotikketti billi toħloq inċentivi u kontroll tal-pubbliku effettiv. Il-kwistjoni tal-konfużjoni dwar il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ambjentali tista' titjieb ukoll, filwaqt li mhuwiex ċar jekk ikunx hemm effett fuq l-għoti ta' tipi oħrajn ta' informazzjoni ambjentali lill-konsumaturi. Rigward l-ispejjeż għaċ-ċertifikazzjoni, jista' jinkiseb biss iffrankar limitat.

Hemm bżonn li tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida biex tistabbilixxi din l-iskema mifruxa madwar l-Unjoni kollha. Minħabba d-differenzi fil-penetrazzjoni tas-suq tal-prodotti ekotikkettati madwar l-Istati Membri u l-istadju prematur tal-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali, l-azzjoni fil-livell tal-UE tista' tiġi kkontestata mill-perspettiva tas-sussidjarjetà. Bl-istess mod, l-impossibbiltà li jinstabu nuqqasijiet tas-suq espliċiti tista' tqajjem mistoqsijiet dwar il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE u l-proporzjonalità ta' din l-għażla. L-ispejjeż ta' din l-għażla huma sinifikanti meta jitqabblu maż-żewġ għażliet l-oħrajn.

Il-PKS hija mistennija tagħti riżultati dwar is-sostenibbiltà sa mhux iktar tard mill-2020, billi parzjalment tnaqqas il-ħtieġa għal tikketta pubblika bħala mutur tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, ir-rwol doppju tal-UE fit-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-PKS u l-istabbiliment tal-kriterji għall-valutazzjoni jistgħu jqajmu kwistjonijiet ta' inkonsistenza.

(1) Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 , ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1–21.
(2) http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/eco-label/index_en.htm
(3) Pereżempju, il-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC) jew il-Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni Forestali – PEFC
(4) Pereżempju, il-kummerċ ġust jew id-Diskussjonijiet Madwar Mejda dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli (RSPO)
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar ta’ regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar. ĠU L 204, 6.08.2009, p. 15–33
(6) http://ec.europa.eu/consumers/consumer_evidence/market_studies/environmental_claims/index_en.htm Studju dwar is-suq tal-konsumaturi dwar dikjarazzjonijiet ambjentali għall-prodotti mhux tal-ikel:
(7) Ir-Regolament tal-OKS, Artikoli 39(1) u 39(4).
(8) Ir- Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 . ĠU L 218, 13.08.2008, p. 30–47.
(9) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: L-irwol tal-Kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ. COM(2009) 215, 5.05.2009
(10)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli COM(2009) 234, 28.5.2009
(11)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22–39.
(12) Il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi - Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet COM/2013/0196. Waħda mis-26 pilota Impronta Ambjentali tal-Prodott li għaddejjin tindirizza l-ħut u l-prodotti agrikoli.
(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel COM 2010/C 341/04.
(14)  Il- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Strateġija tal-UE rinnovata 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva COM/2011/0681.
(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari COM/2015/0614
(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej. ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1-19
(17)  Il-Linji gwida tal-FAO għall-Ekotikkettar tal-Prodotti tal-Ħut u ta-Sajd minn Sajd Maqbud mill-Baħar. Reviżjoni 1. (2009), Linji gwida tal-FAO għall-Ekotikkettar tal-Prodotti tal-Ħut u ta-Sajd minn Sajd Maqbud minn fuq l-Art (2011), Linji gwida tekniċi dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-akkwakultura (2011). L-FAO iddiskutiet ukoll abbozz ta' Qafas għall-valutazzjoni tal-iskemi tal-Ekotikkettar fis-sajd maqbud minn fuq l-art u mill-baħar.
(18) Is-sehem tas-suq iddikjarat mill-Kunsill ta' Amministrazzjoni Marittima (MSC) huwa taħt il-1 %.
(19) L-MSC jiddikjara seherm tas-suq ta' iktar minn 35% fl-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Iżvezja, in-Netherlands u r-Renju Unit.
(20)