Brussell, 4.3.2016

COM(2016) 120 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL

Lura lejn Schengen - Pjan ta' Direzzjoni


1.Introduzzjoni

Schengen huwa fost l-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea. Il-ħolqien ta' żona interna mingħajr fruntieri li fiha n-nies u l-merkanzija jistgħu jiċċirkulaw b'mod ħieles kien ta' benefiċċju sinifikanti kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għan-negozju. Schengen huwa wieħed mill-mezzi ewlenin li permezz tiegħu ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jeżerċitaw il-libertajiet tagħhom, u li bih is-suq intern ikun jista' jiffjorixxi u jiżviluppa.

Madankollu fix-xhur reċenti s-sistema ħadet theżżiża sal-qalba tagħha mid-daqs tal-isfida li taffaċċa l-ikbar kriżi ta' refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn. Il-kunflitt u l-kriżi fis-Sirja u mkejjen oħra fir-reġjun wasslu għal għadd mingħajr preċedent ta' refuġjati u migranti li qed jaslu fl-Unjoni Ewropea, li min-naħa l-oħra kixfu nuqqasijiet serji f'partijiet mill-fruntieri esterni tal-Unjoni, u rriżultaw f'li xi Stati Membri qegħdin jieħdu approċċ permissiv. Dan wassal għall-ħolqien ta' rotta mill-Balkani tal-Punent li tara lill-migranti jivvaġġaw malajr lejn it-tramuntana. B'reazzjoni, bosta Stati Membri rrikorrew għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni temporanji, li qajmet dubji dwar it-tħaddim xieraq tal-ispazju ta' moviment liberu ta' Schengen u l-benefiċċji tiegħu għaċ-ċittadini Ewropej u l-ekonomija Ewropea. Għaldaqstant, huwa tal-akbar importanza għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi li z-żona Schengen, mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, tiġi lura għal li kienet.

Dan kien rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar li ta mandat ċar li jiġi restwrat, b'mod kunċertat, it-tħaddim normali taż-żona Schengen filwaqt li jingħata sostenn sħiħ lill-Istati Membri fl-iktar ċirkostanzi diffiċli. 1

Hemm bżonn jittieħdu azzjonjiet fi tliet oqsma biex is-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri Schengen terġa' lura għan-normal. L-ewwel, hemm bżonn li jittieħdu passi biex isir rimedju għan-nuqqasijiet serji li ġew identifikati fil-ġestjoni mill-Greċja tal-fruntiera esterna. L-Istati Membri, l-Aġenziji tal-UE, u l-Kummissjoni għandhom ilkoll jgħinu lill-Greċja f'dan ir-rispett. It-tieni, l-approċċ permissiv għandu jintemm. L-Istati Membri jridu jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom u jimxu mal-liġi tal-UE, kemm meta jagħtu aċċess għall-proċedura ta' ażil għal min ikun qed jitolbu, kif ukoll meta jiċħdu d-dħul mill-fruntiera ta' min ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul; skont il-liġi tal-UE, l-applikanti għall-ażil ma għandhomx id-dritt li jagħżlu l-Istat Membru li jagħtihom il-protezzjoni. It-tielet, it-taħlita preżenti ta' deċiżjonijiet unilaterali dwar ir-rintroduzzjoni tal-kontroll fil-fruntieri trid tiġi sostitwita b'approċċ koordinat lejn il-kontrolli temporanji fil-fruntieri, bil-għan li sussegwentement kull kontroll fuq il-fruntiera intern jitneħħa malajr kemm jista' jkun, bil-mira ċara li dan isir sad-data ċara ta' Diċembru 2016. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jiddisponi b'mod ċar li jsir dan l-approċċ koordinat.

Il-kriżi preżenti wkoll issottolinjat ir-rabtiet strutturali viċini bejn il-ġestjoni tal-fruntieri u oqsma relatati. In-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni għandu jimxi id f'id mal-inkwadrar ta' politika komuni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni, imsejsa fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u li tkun ġusta fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 2 . Għaldaqstant huwa essenzjali li jsir qbil dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li din tiġi adottata sa Ġunju l-iktar sabiex tkun tista' tibda taħdem fis-sajf, biex tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun tista' twettaq ir-responsabbiltà konġunta li jiġu mħarsa l-fruntieri esterni. Barra minn hekk, sfidi relatati li huma lil hinn mill-kontroll fil-fruntieri jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex joħolqu l-kunfidenza meħtieġa biex jiġi restawrat it-tħaddim sħiħ taż-żona Schengen, kif miktub il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 3 . Dan jinkludi b'mod partikolari tnaqqis sostanzjali fil-fluss ta' migranti irregolari lejn il-Greċja, billi ssir ħidma mat-Turkija biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, u bis-sostenn tan-NATO. L-applikazzjoni sħiħa tar-regoli Dublin eżistenti għandha tiġi lura għal li kienet, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Greċja, b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 4 , filwaqt li dawn ir-regoli jiġu mtejba għall-ġejjieni, imsejsa fuq l-għan tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri. L-iskemi ta' rilokazzjoni ta' emerġenza li hemm fis-seħħ minn Settembru 2015 iridu jipproduċu riżultati konkreti f'termini ta' volumi sinifikanti ta' persuni li jiġu rilokati mill-Greċja. Dawk in-nies li ma għandhomx dritt jibqgħu fl-Unjoni Ewropea jridu jiġu mibgħuta lura effettivament.

Meħudin f'daqqa u b'mod koordinat, dawn il-miżuri se jħejju s-sisien għal ritorn lejn żona Schengen li qiegħda taħdem b'mod normali, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016. Dan il-pjan ta' direzzjoni jistipula l-passi li jeħtieġu li jsiru sabiex dan l-għan jinkiseb.

2.Il-prezz tan-nuqqas tax-Schengen

L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq bażi mtawla fl-UE ma ssolvix l-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni, iżda ġġib magħha spejjeż ekonomiċi, politiċi u soċjali enormi għall-UE u l-Istati Membri individwali. Din ukoll tqiegħed riskju li tipperikola l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, li saret wieħed mill-elementi ewlenin tal-valur miżjud li jiġi mis-sistema ta' Schengen.

L-istabbilizzazzjoni tas-sistema ta’ Schengen permezz tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja tagħha hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li eventwalment jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha. Li dan ma jsirx mhux biss iċaħħad lin-nies mill-benefiċċji enormi tal-moviment liberu bejn il-fruntieri, iżda jimponi spejjeż enormi fuq l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi billi jagħmel ħsara lis-Suq Uniku 5 . Minn perspettiva ekonomika, il-Kummissjoni stmat li l-istabbiliment mill-ġdid sħiħ tal-fruntieri interni biex jissorvelja l-moviment tal-persuni fiż-żona Schengen jiġġenera spejjeż diretti għall-ekonomija tal-UE f'medda bejn EUR 5 biljun u EUR 18-il biljun 6 . Dawn l-ispejjeż ikunu kkonċentrati fuq ċerti atturi u reġjuni iżda ma jistax ikun evitat li jaffettwaw lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.

L-iskambju liberu tal-merkanzija fl-UE bħalissa jammonta għal iktar minn EUR 2 800 biljun fil-valur u 1 700 miljun tunnellata ta' volum. L-ogħla u l-iktar impatt immedjat tal-kontrolli fuq il-fruntieri jinħassu mis-settur tal-kummerċ bit-triq, bi spiża diretta addizzjonali kull sena ta' EUR 1,7 biljun sa EUR 7,5 biljun addizzjonali. Stati Membri bħall-Polonja, in-Netherlands jew il-Ġermanja jaffaċċaw iktar minn EUR 500 miljun fi spejjeż addizzjonali għat-trasport bit-triq tal-merkanzija, filwaqt li oħrajn, bħal Spanja jew ir-Repubblika Ċeka jispiċċaw bin-negozji tagħhom iħallsu iktar minn EUR 200 miljun fi spejjeż żejda. Dawn l-ispejjeż se jkollhom impatt partikolarment dannuż fuq is-setturi li joperaw b'marġni żgħar u / jew fejn it-trasport jirrappreżenta proporzjon għoli tal-ispejjeż. Fost is-setturi li jistgħu jkunu partikolarment affettwati nsibu s-settur agrikolu u dak kimiku, kif ukoll it-trasport tal-materja prima. Fit-terminu medju ta' żmien, l-ispejjeż tat-trasport li jistgħu jiżdiedu għal xejn minħabba dewmien fil-kontrolli fil-fruntieri jistgħu jagħmlu ħsara lill-iżvilupp effiċjenti tal-ktajjen tal-valur tal-UE u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.

Hemm 1,7 miljun ħaddiem fl-UE li jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol kuljum. Il-kontrolli fil-fruntiera jiswew lill-ħaddiema jew vjaġġaturi oħra bejn EUR 1,3 biljun u EUR 5,2 biljun f'termini ta' ħin mitluf. Barra minn hekk, żvantaġġ iktar importanti ta' stennijiet twal fil-fruntiera huwa li n-nies jiġu skoraġġuti milli jfittxu opportunitajiet ta' xogħol transfruntieri, u dan inaqqas l-ammont disponibbli ta' ħaddiema potenzjali. Dan, f'terminu medju ta' żmien, inaqqas l-effiċjenza ekonomika ta' xi reġjuni 7 .

Il-Kummissjoni tistma li tal-anqas 13-il miljun lejl turistiku jistgħu jintilfu fl-UE minħabba fit-tnaqqis ta' mawriet turistiċi kkawżat minn kontrolli fil-fruntiera ingumbranti, bi spiża totali ta' EUR 1,2 biljun għas-settur turistiku. Jekk il-kontrolli fil-fruntieri jġibu magħhom ukoll frammet tal-politika komuni dwar il-viżi tal-UE, l-impatt potenzjali għall-industrija tat-turiżmu jista' jimmultiplika (bejn EUR 10 biljun u EUR 20 biljun). Jekk aġenti tal-ivvjaġġar li jippruvaw jimminimizzaw l-għadd ta' pajjiżi li jżuru turisti ġejjin mill-bogħod li jrendu ħafna, bħal turisti mill-Asja, dan iweġġa' lid-destinazzjonijiet turistiċi tal-UE kollha ħlief dawk l-iktar popolari.

Finalment, bejn EUR 0,6 biljun u EUR 5,8 biljun fi spejjeż amministrattivi se jkollhom jitħallsu mill-gvernijiet minħabba l-bżonn ta' iktar persunal għall-kontrolli fil-fruntieri. L-investiment fl-infrastruttura neċessarja jżid bosta biljuni.

L-ispejjeż spjegati fuq l-iktar li jirriflettu huma l-effetti tal-ewwel ordni tal-kontrolli fil-fruntieri. L-ispejjeż fuq terminu medju ta' żmien u indiretti jistgħu jkunu ferm ogħla, b'impatt mingħajr preċedent fuq il-kummerċ, l-investiment u l-mobilità intrakomunitarji.

Mill-perspettiva taċ-ċittadini, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fl-UE tagħmel ħsara lil-libertà taċ-ċittadini li jivvjaġġaw, li hija waħda mill-egħżeż kisbiet tal-UE. Din tirriskja li teqred waħda mill-kisbiet ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea u l-bini ta' spazju Ewropew kondiviż.

3.L-iżgurar tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni

Il-kriżi migratorja u tar-refuġjati, li ma kellhiex preċedent, wasslet għal diffikultajiet serji biex bosta Stati Membri jiżguraw il-kontrolli tal-fruntieri esterni effiċjenti, b'konformità mal-acquis ta' Schengen, u biex jirċievu u jipproċessaw il-migranti li jkunu ġejjin. Il-Greċja, l-iktar minħabba l-qagħda ġeografika tagħha, qiegħda tkun affettwata b'mod partikolari minn dawn l-iżviluppi minħabba bidla fil-flussi migratorji, bir-riżultat li l-Baħar Eġew sar l-iktar żona esposta għall-migrazzjoni irregolari. Fl-2015, iktar minn 868 000 ruħ daħlu fiż-żona Schengen irregolarment minn din is-sezzjoni tal-fruntiera esterna. Dan l-influss massiv huwa tat-tip li jitfa' pressjoni qawwija fuq il-kontroll fil-fruntiera esterna ta' kwalunkwe Stat Membru. Madankollu, dan ifisser li hemm bżonn immedjat li n-nuqqasijiet preżenti fil-protezzjoni tal-fruntiera esterna minn u fil-Greċja jiġu indirizzati. Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Greċja, iżda fl-aħħar mill-aħħar tal-Unjoni kollha kemm hi. Il-fruntieri esterni tal-Greċja huma wkoll il-fruntieri esterni ta' kull membru taż-żona Schengen. Li l-Greċja jerġa' jkollha fruntiera esterna b'saħħitha hija parti indispensabbli minn sforzi usa' biex il-politika tal-ażil, il-migrazzjoni u l-fruntieri tiġi stabbilizzata, inkluż l-għan li Greċja terġa' lura għas-sistema ta' Dublin 8 .

Fil-kriżi attwali, saru evidenti nuqqasijiet strutturali usa' fil-mod li bih il-fruntieri esterni tal-Unjoni qegħdin jiġu mħarsa. Biex tindirizzahom, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ambizzjuża għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f'Diċembru 2015. Huwa kruċjali li l-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jadottaw ir-Regolament propost mingħajr dewmien, sa mhux iktar tard minn Ġunju, biex din tkun tista' tibda taħdem fis-sajf biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-fruntieri esterni. Għal dan il-għan:

L-Istati Membri jridu diġà minn issa jibdew jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa għall-ippuljar tar-riżorsi mandatorju.

Fil-frattemp, l-Istati Membri għandhom, b'mod volontarju, iżidu l-appoġġ li jagħtu lill-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex u l-interventi rapidi fil-fruntieri, partikolarment bħalissa fil-Greċja.

Fil-limiti tal-mandat preżenti tagħha, il-Frontex, b'koordinazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, għandha wkoll tieħu l-passi kollha possibbli biex tħejji għall-istabbiliment tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. B'mod partikolari, il-Frontex għandha tagħmel passi ta' tħejjija biex tippermetti lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ladarba tibda taħdem, biex mill-ewwel twettaq l-ewwel testijiet ta' vulnerabbiltà skont il-mekkaniżmi ta' valutazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji, u tlestihom sa mhux aktar tard minn Settembru. Dan huwa partikolarment relevanti minħabba li r-rotot migratorji jistgħu jinbidlu, u s-sezzjonijiet kollha tal-fruntieri esterni tal-UE għandhom ikunu siguri.

3.1.L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni fil-Greċja

Il-Kummissjoni adottat rapport ta' evalwazzjoni tax-Schengen fit-2 ta' Frar 2016, abbażi ta' żjarat fil-post mhux imħabbra fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Greċja u t-Turkija u fil-Gżejjer ta' Chios u Samos, li saru mill-10 sat-13 ta' Novembru 2015. B'riżultat, fit-12 ta' Frar 2016, il-Kunsill adotta sett ta' 50 rakkomandazzjoni lill-Greċja biex tirranġa nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni 9 . Ir-rakkomandazzjoni jikkonċernaw b'mod partikolari l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti irregolari, u s-sorveljanza fil-fruntieri marittimi.

Il-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen stabbilixxa proċedura ċara biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati.

Filwaqt li rrikonoxxiet it-titjib li kien diġà sar miż-żjara fil-post ta' Novembru 2015, fl-24 ta' Frar il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet dwar miżuri speċifiċi li kellhom jittieħdu mill-Greċja, kif jiddisponi l-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta' Schengen 10 . Dawn il-miżuri huma ddiżinjati bil-għan li jiżguraw konformità sħiħa mill-Greċja mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri taqdi l-iskop li tiġi żgurata s-sorveljanza tal-fruntieri adegwata (inkluż is-sejbien u l-qbid), kif ukoll l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ilqugħ korrett u sħiħ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li qasmu l-fruntiera esterna b'mod irregolari, u r-ritorn ta' dawk li ma jeħtiġux protezzjoni. Dan japplika wkoll għall-kontrolli ta' ħruġ iktar b'saħħithom fil-fruntiera bejn il-Greċja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. B'dan il-mod, dawn il-miżuri jiżguraw li ż-żona Schengen kollha kemm hi taħdem kif suppost.

Fil-qafas li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, jeħtieġ li jittieħdu l-passi li ġejjin biex fil-ħarsien tal-fruntieri esterni fil-Greċja r-regoli ta' Schengen jerġgħu jibdew jiġu applikati b'mod ordinat:

It-12 ta' Marzu 2016: Il-Greċja għandha tippreżenta l-pjan ta' azzjoni tagħha (meħtieġ sa mhux iktar tard minn xahar wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill). Sal-istess data (imbagħad kull xahar), il-Greċja għandha tagħmel rapporti lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016.

It-12 ta' April 2016: wara li tkun ikkonsultat mal-esperti tal-Istati Membri involuti fiż-żjarat fil-post f'Novembru 2015, mhux iktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-adegwatezza ta' dan il-pjan ta' azzjoni lill-Kunsill. L-Istati Membri l-oħra jiġu mistiedna jikkummentaw dwar il-pjan ta' azzjoni.

Mill-11 sas-17 ta' April 2016: se titwettaq evalwazzjoni ta' Schengen mill-esperti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tal-fruntieri tal-arja, l-art u l-baħar tal-Greċja 11 . Il-programm għall-evalwazzjoni tal-fruntieri tal-art u l-baħar jinkludi xi lokalitajiet miżjura f'Novembru 2015 (il-fruntiera fuq l-art mat-Turkija, u l-Gżira Samos). L-informazzjoni miġbura waqt din iż-żjara ta' evalwazzjoni se tkun disponibbli jiem wara ż-żjara.

It-12 ta' Mejju 2016: mhux iktar tard minn din id-data, il-Greċja għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha li jkollha disponibbli, il-Kummissjoni se tivvaluta mingħajr dewmien jekk il-Greċja hijiex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u sa liema punt in-nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni fil-Greċja jkunu ġew rimedjati.

3.2.Sostenn immedjat għall-Greċja

Id-diffikultajiet li taffaċċa l-Greċja fil-protezzjoni tal-fruntiera esterna għandhom impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-Istati Membri l-oħrajn juru solidarjetà u kollettivament jieħdu responsabbiltà biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. L-Aġenziji tal-UE u l-Kummissjoni wkoll għandhom jgħinu lill-Greċja. Iktar preċiżament, l-Istati Membri, l-Aġenziji tal-UE, u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw lill-Greċja hi u timplimenta r-Rakkomandazzjonijiet li jkunu sarulha mill-Kunsill u l-Kummissjoni 12 fir-rigward tal-passi li ġejjin:

L-esperti tal-Kummissjoni fil-post fil-Greċja għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet responsabbli Griegi u jikkoordinaw l-azzjoni tal-atturi l-oħrajn involuti (Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-Europol, l-awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra, u organizzazzjonijiet internazzjonali). Fost l-azzjonijiet, għandu jkun hemm identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' 100 % tal-entrati kollha, inklużi verifiki ta' sigurtà sistematiċi fil-konfront ta' bażijiet tad-dejta 13 .

Meta tippreżenta l-pjan ta' azzjoni tagħha (mhux iktar tard mit-12 ta' Marzu), il-Greċja għandha, fl-istess ħin, tippreżenta valutazzjoni ċara tal-ħtiġijiet. Din tippermetti lil Stati Membri oħra, l-Aġenziji tal-UE, u l-Kummissjoni biex jipprovdu appoġġ fil-ħin lill-Greċja skont il-ħtiġijiet identifikati.

Il-Frontex għandha mill-ewwel tivvaluta l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja biex tħejji għal iktar skjerament ta' timijiet tal-Gwardja tal-Fruntiera Ewropea. Jekk ikun meħtieġ, il-Frontex għandha tvara sejħiet addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet mhux iktar tard mit-22 ta' Marzu.

L-Istati Membri l-oħra mbagħad għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom, u jirrispondu għal dawn is-sejħiet f'mhux iktar żmien minn għaxart (10) ijiem billi jipprovdu riżorsi umani u tagħmir tekniku.

 

4.L-applikazzjoni tar-regoli u t-tmiem tal-approċċ permissiv

4.1.It-tmiem tal-approċċ permissiv u r-restawr tat-trasferimenti Dublin għall-Greċja

Approċċ permissiv la huwa aċċettabbli politikament u lanqas legalment. Politikament, il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Frar jitolbu li jkun hemm "tmiem tal-approċċ permissiv". Minflok deċiżjonijiet unilaterali, għandu jiġi implimentat l-approċċ miftiehem għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi li jinsabu fir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

Legalment, f'konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 14 , jekk ċittadin ta' pajjiż terz jitlob l-ażil fi Stat Membru, inkluż meta l-applikazzjoni ssir fil-fruntiera, l-Istat Membru jrid jagħti aċċess għall-proċedura ta' ażil lil dik il-persuna. Il-kwistjoni ta' jekk dak l-Istat Membru jibqax responsabbli hu biex jitratta l-applikazzjoni partikolari mbagħad tkun deċiża skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-UE, partikolarment ir-Regolament ta' Dublin.

F'dak ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar issottolinjat li jekk is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil se taħdem kif suppost, għandu jkun hemm l-opportunità ta' veru li l-applikanti għall-ażil jiġu ritornati lejn il-pajjiż li minnu jkunu daħlu l-ewwel fl-UE ("trasferimenti Dublin"), kif previst mir-regoli tal-UE komunament maqbula. Għalhekk, fl-10 ta' Frar il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni li telenka l-passi konkreti meħtieġa biex Greċja terġa' lura fis-sistema ta' Dublin 15 . Ir-rapportar mill-Greċja dwar il-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rakkomandati, kif ukoll kontribuzzjonijiet oħra bħar-rapporti mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u mill-UNCHR, se jikkjarifikaw il-valutazzjoni jekk il-kundizzjonijiet humiex tali li jippermettu lill-Istati Membri jkomplu t-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-volum ta' trasferimenti u l-kategoriji ta' nies li jridu jiġu trasferiti jkollu jikkorespondi mal-progress speċifiku li jkun qed isir. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tagħmel il-valutazzjoni tagħha tal-kwistjoni qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju.

 

Fl-istess waqt, l-Istati Membri jridu jirrifjutaw li jdaħħlu mill-fruntiera esterna lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju li jipprovdi l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inklużi ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkunux applikaw għall-ażil minkejja li kellhom l-opportunità li jagħmlu dan. Għal Stati Membri li rrintroduċew il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, dawn l-Istati Membri jridu wkoll jirrifjutaw li jdaħħlu mill-fruntieri interni tagħhom lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjoni għad-dħul fit-territorju. Dan irrispettivament mill-intenzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li japplika għall-ażil fi Stat Membru ieħor.

L-approċċ permissiv huwa inkompatibbli mar-regoli ta' Schengen u ta' Dublin, iħeġġeġ il-movimenti sekondarji u għandu jintemm. Barra minn hekk, dan l-approċċ jimmina t-tħaddim tajjeb tal-iskema ta' rilokazzjoni, u għalhekk huwa waħda mir-raġunijiet għall-implimentazzjoni fqira tad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni li saru s'issa. Għaldaqstant, it-tmiem koordinat tal-approċċ permissiv huwa rekwiżit għat-tħaddim tas-sistemi ta' Schengen u ta' Dublin, kif ukoll tal-iskema ta' rilokazzjoni.

4.2.Għajnuna biex il-Greċja timmaniġġa l-pressjoni migratorja

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Frar, il-Kummissjoni identifikat xejra mar-rotta tal-Balkani tal-Punent lejn l-issikkar gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri li fl-aħħar tista' tispiċċa fl-għeluq tagħhom. Din ix-xejra aċċellerat u wasslet għall-għeluq intermittenti tal-fruntiera bejn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja, parzjalment b'reazzjoni għal restrizzjonijiet jew għeluq li saru f'pajjiżi oħra mar-rotta.

Minħabba li l-influss ta' migranti għal ġol-Greċja ma naqasx, hemm għadd dejjem jikber ta' migranti maqbuda fil-Greċja. Għandhom jittieħdu passi urġenti biex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qed tikber fil-Greċja u biex tiġi allevjata l-pressjoni migratorja li qed taffaċċa:

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija u tal-iskema ta' ammissjoni umanitarja volontarja mat-Turkija 16 għandha twassal għal tnaqqis fin-numru ta' usil fil-Greċja; fir-rigward ta' dan, iktar kemm jieħdu sehem Stati Membri f'din l-iskema, iktar il-prospetti biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni irregolari fil-Baħar Eġew ikunu tajbin.

Ir-ripatrijazzjoni ta' persuni li ma jkollhomx dritt jibqgħu u li ma għandhom l-ebda bżonn ta' protezzjoni internazzjonali lejn il-pajjiżi tal-oriġini u ta' tranżitu, inkluża t-Turkija, għandha wkoll tnaqqas l-għadd ta' migranti irregolari preżenti fil-Greċja. Il-Greċja għandha taċċellera r-riammissjonijiet, b'mod partikolari mat-Turkija, abbażi tal-ftehimiet ta' riammissjoni eżistenti applikabbli u bis-sostenn ta' Stati Membri oħra.

L-iskemi ta' rilokazzjoni miftehma huma għodod essenzjali biex inaqqsu l-piż fuq l-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni u biex jitreġġa lura l-ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Fil-każ tal-Greċja, dawn saru għodda ta' assistenza umanitarja. L-Istati Membri jridu jżidu r-rata ta' rilokazzjoni, billi jħaffu l-ipproċessar b'konformità mal-ħtieġa li jitwettqu kontrolli tas-sigurtà kif suppost 17 . Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tagħti assistenza amministrattiva u loġistika. B'konformità mal-iskemi, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-passi kollha biex irażżnu l-movimenti sekondarji billi jirrikjedu r-ritorn immedjat lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni u billi jieħdu l-miżuri preventivi neċessarji fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċċji soċjali u r-rimedji legali, b'konformità mal-liġi tal-Unjoni 18 .

L-assistenza umanitarja għall-Greċja għandha tiżdied, u tiġi ffaċilitata permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-provvediment ta' sostenn ta' emerġenza fl-Unjoni.

B'żieda, l-akkumulazzjoni tal-pressjoni migratorja fil-Greċja tista' twassal għall-użu miżjud ta' rotot alternattivi fir-reġjun usa' tal-Balkani. L-UE għandha tuża l-istrumenti kollha disponibbli (informazzjoni mill-Istati Membri, is-SEAE, il-Kummissjoni, il-Frontex, is-satellita Copernicus) biex tissorvelja l-flussi migratorji u biex tantiċipa kwalunkwe bidliet fir-rotta. Hija għandha tfittex ukoll li tintensifika l-koordinazzjoni ma' pajjiżi li jistgħu jkunu ta' tranżitu bħall-Albanija, il-Montenegro u l-Bożnija-Ħerzegovina.



5.Kontrolli fil-fruntieri interni: minn taħlita għal approċċ koerenti

5.1.Is-sitwazzjoni attwali: l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni

Minn Settembru 2015, b'kollox tmien pajjiżi taż-żona Schengen daħħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom minħabba theddida serja għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku marbuta ma' movimenti sekondarji ta' migranti irregolari. Il-pajjiżi konċernati huma l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Awstrija, is-Slovenja, l-Iżvezja u n-Norveġja. Id-deċiżjonijiet unilaterali notifikati mill-Istati Membri jirreferu għall-influss ta' numri kbar ta' persuni mingħajr dokumenti jew mingħajr dokumenti adegwati, inklużi minuri, li ma kinux ġew irreġistrati malli daħlu fl-UE, u l-fatt li dawn il-movimenti massivi jwasslu l-kapaċitajiet ta' lqugħ tal-awtoritajiet nazzjonali rispettivi fix-xifer, u huma ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

Filwaqt li l-kontrolli fil-fruntiera interna tas-Slovenja u l-Ungerija tneħħew fil-frattemp 19 , il-pajjiżi l-oħra tawlu d-durata tal-kontrolli f'bosta okkażjonijiet, b'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Fit-tmien każi kollha l-pajjiżi bbażaw id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-fruntieri interni fuq id-dispożizzjoni għal każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata (l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li jippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal tul ta' żmien sa xahrejn. Minħabba li s-sitwazzjoni ma tjibitx sinifikantement, il-kontrolli ġew sussegwentement imtawla abbażi tal-Artikoli 23 u 24 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermetti li jerġgħu jiddaħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni għal massimu ta' sitt xhur. Għall-informazzjoni ddettaljata dwar id-dati tar-rintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni u l-estensjoni tad-durata tagħhom, ara l-ħarsa ġenerali fl-Anness I.

Franza reġgħet daħħlet il-kontrolli fil-fruntieri interni f'Novembru 2015 għal raġunijiet mhux marbuta mal-migrazzjoni irregolari. Il-kontrolli l-ewwel ġew introdotti fil-kuntest tal-Konferenza COP21, imbagħad bħala konsegwenza tal-istat ta' emerġenza li segwa l-attakki terroristiċi li saru Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015. Il-kontrolli fil-fruntieri interni fi Franza għadhom għaddejjin. Kontrolli ta' din ix-xorta huma meħtieġa jkunu wkoll konformi mal-provvedimenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar l-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntiera temporanji. Din il-Komunikazzjoni ma tindirizzax kontrolli fil-fruntieri interni li ġew introdotti għal raġunijiet mhux marbuta mal-migrazzjoni irregolari 20 . Huwa ċar li l-intenzjoni li jkun hemm ritorn għan-normalità ma jkunx jeskludi l-possibiltà li jitqiegħdu fis-seħħ kontrolli tas-sigurtà temporanji, b'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen 21 .

L-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni hija miżura eċċezzjonali ta' natura temporanja. Implimentazzjoni kombinata tal-Artikoli 23, 24, u 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen tippermetti li l-kontrolli fil-fruntieri jinżammu għal perjodu totali ta' mhux iktar minn tmien xhur 22 .

5.2.Lejn approċċ koerenti tal-Unjoni

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jipprovdi wkoll għal approċċ koordinat tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni (l-Artikolu 26).

Dan il-provvediment japplika f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni fejn it-tħaddim ġenerali taż-żona Schengen jitqiegħed fir-riskju b'riżultat ta' nuqqasijiet serji persistenti marbutin mal-ġestjoni tal-fruntiera esterna. Il-provvediment jeħtieġ ukoll li dawk iċ-ċirkostanzi jkunu jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fiż-żona Schengen jew partijiet minnha. F'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni bħal dawn, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta lill-Kunsill għal Rakkomandazzjoni li Stat Membru jew iktar jerġa' jdaħħal il-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni kollha tagħhom, jew partijiet minnhom.

F'dan il-mument, hemm nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni li nħolqu min-nuqqas ta' sorveljanza fuq il-fruntieri u reġistrazzjoni u identifikazzjoni insuffiċjenti ta' migranti irregolari. Bħala konsegwenza tal-movimenti sekondarji skattati minn dawn in-nuqqasijiet, hemm Stati Membri li reġgħu daħħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni. Dawn in-nuqqasijiet serji għalhekk jipperikolaw iż-żona Schengen kollha kemm hi, u huma xhieda ta' theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna f'dik iż-żona.

Jekk il-pressjonijiet migratorji u n-nuqqasijiet serji fil-kontrolli fil-fruntieri jkomplu wara t-12 ta' Mejju, il-Kummissjoni jkollha għalhekk tippreżenta proposta skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen lill-Kunsill li tirrakkomanda approċċ tal-Unjoni koerenti għall-kontrolli fil-fruntieri interni sa ma n-nuqqasijiet srutturali fil-kontrolli fil-fruntieri esterni jiġu mitigati jew rimedjati. Il-Kummissjon se tkun ippreparata għal din l-eventwalità u tieħu azzjoni mingħajr dewmien.

Kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen tkun tipproponi biss il-kontrolli fil-fruntieri fis-sezzjonijiet tal-fruntiera interna fejn il-kontrolli jkunu meħtieġa u proporzjonati biex jirrispondu għat-theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna identifikata. Il-kontroll fil-fruntieri interni jkunu wkoll temporanji u għall-iqsar perjodu possibbli skont it-theddida indirizzata. Jekk is-sitwazzjoni ġenerali tippermetti dan, l-għan għandu jkun li l-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen jitneħħew fi żmien sitt xhur mill-introduzzjoni tagħhom, jiġifieri sa nofs Novembru 2016.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen hija salvagwardja għat-tħaddim ġenerali taż-żona Schengen. La hija sanzjoni kontra xi Stat Membru, u la għandha l-għan li teskludi xi Stat Membru miż-żona Schengen.

6.Konklużjoni

Is-sistema ta' Schengen qed taffaċċa sfida kbira minħabba li hi esposta għal pressjonijiet migratorji għoljin, u nuqqasijiet serji fil-kontroll tal-fruntieri esterni qegħdin itellfuha. Dawn il-pressjonijiet u n-nuqqasjiet, flimkien qegħdin iqiegħdu fir-riskju s-sistema kollha kemm hi.

Dawn l-isfidi għandhom bosta lati. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Frar identifikat il-politiki differenti li huma meħtieġa li hemm bżonn li jsiru biex il-kriżi, fil-kumplessità kollha tagħha, tiġi indirizzata. Abbażi ta' dawk is-sejbiet, u b'risposta għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew biex ikun hemm ritorn għal sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri kollha japplikaw il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, din il-Komunikazzjoni tidentifika perkors lura lejn in-normalità, ibbażat fuq l-applikazzjoni sistematika tar-regoli. Waqt li wieħed ma jistax iħares lejn il-perkors identifikat mingħajr ma jħares lejn fatturi oħra, bħall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija, li jwassal għal tnaqqis materjali u sostenibbli tal-fluss tal-migrazzjoni irregolari, issa wasal iż-żmien li l-Istati Membri kollha jiġbdu ħabel wieħed biex iħarsu waħda mill-aqwa kisbiet tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, il-pjan ta' direzzjoni li jwassal lura għal żona Schengen li qed taħdem kollha kemm hi, jinvolvi l-passi li ġejjin:

L-4 ta' Marzu 2016 (u kull xahar wara dan): Il-Greċja tirrapporta dwar il-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fir-Rakkomandazzjoni dwar it-tkomplija tat-trasferimenti ta' Dublin.

Mhux iktar tard mit-12 ta' Marzu 2016: Il-Greċja tippreżenta l-pjan ta' azzjoni tagħha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kunsill, flimkien ma' valutazzjoni tal-ħtiġijiet.

Is-16 ta' Marzu 2016: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riforma tar-Regolament ta' Dublin imsejsa fuq l-għan tas-solidarjetà u l-qsim tal-piżijiet ġust bejn l-Istati Membri.

Is-16 ta' Marzu 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-Ewwel Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni tagħha.

Mhux iktar tard mit-22 ta' Marzu 2016: il-Frontex tniedi sejħiet addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet biex tiskjera iktar timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri biex tiġi appoġġata l-Greċja.

Mhux iktar tard mill-1 ta' April 2016: l-Istati Membri jwieġbu s-sejħa tal-Frontex billi jagħtu riżorsi umani u tagħmir tekniku.

Mhux iktar tard mit-12 ta' April 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-adegwatezza tal-pjan ta' azzjoni mħejji mill-Greċja.

Is-16 ta' April 2016: il-Kummissjoni tippreżenta t-Tieni Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni tagħha.

Mill-11 sas-17 ta' April 2016: se titwettaq evalwazzjoni ta' Schengen mill-esperti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tal-fruntieri tal-arja, l-art u l-baħar tal-Greċja.

Mhux iktar tard mit-12 ta' Mejju 2016: il-Greċja tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

It-12 ta' Mejju 2016: jekk in-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jibqgħu hemm, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

It-13 ta' Mejju 2016: jekk in-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jibqgħu hemm, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 26(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen bħal approċċ koerenti tal-Unjoni lejn il-kontrolli fil-fruntieri interni.

Is-16 ta' Mejju 2016: il-Kummissjoni tippreżenta it-Tielet Rapport tagħha dwar ir-Rilokazzjoni u Risistemazzjoni.

Mhux iktar tard minn Ġunju 2016: il-koleġiżlaturi jilħqu qbil politiku dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u jadottaw l-att legali.

Ġunju 2016: il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-possibiltà li jerġgħu jinbdew it-trasferimenti Dublin lejn il-Greċja.

Mhux iktar tard minn Awwissu 2016: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tiġi operattiva.

Mhux iktar tard minn Settembru 2016: il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun operattiva.

Mhux iktar tard minn Novembru 2016: il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun qed taħdem kollha, u tkun wettqet l-ewwel testijiet tal-vulnerabbiltà sabiex ikunu jistgħu jittieħdu kwalunkwe miżuri preventivi meħtieġa.

Diċembru 2016: jekk is-sitwazzjoni ġenerali tippermetti, id-data fil-mira biex jintemmu l-miżuri ta' salvagwardja eċċezzjonali li jkunu ttieħdu.

(1)

     Paragrafu 8 e): "Il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni fit-12 ta' Frar 2016. Huwa importanti li jerġa' jiġi stabbilit, b’mod miftiehem, il-funzjonament normali taż-żona Schengen, b’appoġġ sħiħ lill-Istati Membri li jiffaċċaw ċirkostanzi diffiċli. Jeħtieġ li mmorru lura għal sitwazzjoni fejn il-Membri kollha taż-żona Schengen japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u jirrifjutaw id-dħul fil-fruntieri esterni ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul jew li ma ppreżentawx applikazzjoni għal ażil, minkejja li kellhom l-opportunità li jagħmlu dan, filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-fruntieri marittimi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-aġenda UE-Turkija."

(2)

     L-Artikolu 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

     Komunikazzjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2016) 85 tal-10 ta' Frar 2016).

(4)

     Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (C(2016) 871 tal-10 ta' Frar 2016).

(5)

     Skont France Stratégie, il-kummerċ bejn il-pajjiżi fiż-żona Schengen jista' jitnaqqas b'tal-inqas 10 % permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni permanenti. Studju ieħor (Studju ta' Berterlsmann Stiftung dwar it-Tluq mill-Ftehim ta’ Schengen: Macroeconomic impacts on Germany and the countries of the European Union, Frar 2016) wera li, jekk jerġgħu jiddaħlu l-kontrolli fil-fruntieri interni, matul perjodu ta' 10 snin, il-prestazzjoni ekonomika tal-UE kollha kemm hi tkun bejn EUR 500 biljun u EUR 1,4 triljun inqas milli kieku dawn il-kontrolli ma jkunux hemm.

(6)

     Stima għat-trasport tal-merkanzija fuq l-art, il-mobilità tal-passiġġieri bejn il-fruntieri, l-ispejjeż amministrattiv korrispondenti fil-fruntiera.

(7)

     Is-sehem tal-ħaddiema transfruntieri huwa partikolarment għoli fis-Slovakkja (5,7 %), l-Estonja (3,5 %), l-Ungerija (2,4 %), u l-Belġju (2,3 %).

(8)

     Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fil-Greċja (COM(2016) 141, l-4 ta' Marzu 2015.

(9)

     Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tagħti Rakkomandazzjoni dwar l-indirizzar tan-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni tal-2015 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni mill-Greċja (it-12 ta' Frar 2016).

(10)

     Commission Implementing Decision setting out a recommendation on specific measures to be taken by the Hellenic Republic following the evaluation report of 2 February 2016 (C(2016) 1219 tal-24 ta' Frar 2016).

(11)

     Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ewwel taqsima tal-programm ta' evalwazzjoni annwali għall-2016 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen (C(2015) 8537 tad-9 ta' Diċembru 2015). Huwa ppjanat li l-evalwazzjoni se tikkonsisti fi żjarat fil-post fl-ajruporti ta' Ateni, Salonka, u Heraklion (il-fruntiera tal-ajru), il-portijiet ta' Piraeus, Mytilini, Samos, Kos u Symi (fruntieri tal-baħar), il-puntijiet tal-qsim tal-fruntiera ta' Kipi, Pythio, Tychero, Kastanies, Fylakio, Didymoteicho, Evzonoi and Krystallopigi (fruntieri tal-art).

(12)

     It-tabella fl-Anness II tagħti ħarsa kumplessiva lejn ir-rakkomandazzjonijiet li lejhom il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tagħhom.

(13)

     F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016, il-paragrafu 8f).

(14)

     Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

(15)

     Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (C(2016) 871 tal-10 ta' Frar 2016).

(16)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija, (C(2015) 9490 tal-15 ta' Diċembru 2015).

(17)

     F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016, il-paragrafu 8h).

(18)

     F'dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Magħquda C-443/14 u C-444/14 Alo u Osso tal-1 ta' Marzu 2016.

(19)

     Is-Slovenja u l-Ungerija ma tawlux id-durata tal-kontrolli wara 30 jum u għaxart (10) ijiem rispettivament, b'reazzjoni għat-tnaqqis fit-theddidiet identifikati.

(20)

     Malta daħħlet il-kontrolli fil-fruntieri interni fid-9 ta' Novembru fil-kuntest tal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth u l-Konferenza tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, u sussegwentement tawlet dawn il-kontroll minħabba r-raġuni ta' theddida terroristika globali, u bil-għan li jiġi żmantellat ċirku ta' kuntrabandu. Malta neħħiet il-kontrolli fil-fruntieri interni fil-31 ta' Diċembru 2015.

(21)

     Pereżempju, għall-għan li jiġu trattati b'mod effettiv l-implikazzjonijiet tas-sigurtà ta' avvenimenti sportivi kbar, dimostrazzjonijiet politiċi jew laqgħat politiċi f'livell għoli.

(22)

     Għaldaqstant, jekk jitkomplew, il-kontrolli fil-fruntieri interni li l-pajjiżi introduċew mill-ġdid skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen se jkollhom jiskadu mhux iktar tard mit-13 ta' Mejju għall-Ġermanja, il-15 ta' Mejju għall-Awstrija, id-9 ta' Lulju għall-Iżvezja, u l-15 ta' Lulju għan-Norveġja.


Brussell, 4.3.2016

COM(2016) 120 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lura lejn Schengen - Pjan ta' direzzjoni


ANNESS I: Deskrizzjoni qasira tan-notifiki li jirrigwardaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fi fruntieri interni minħabba l-kriżi migratorja; minn Settembru 2015 sa Frar 2016 1 .

Stat Membru

L-Artikolu 25 SBC (avvenimenti li jeħtieġu azzjoni immedjata)

L-Artikoli 23/24 SBC (avvenimenti prevedibbli)

Il-Ġermanja

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri kollha, b'fowkus fuq il-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mit-13 sat-22 ta’ Settembru 2015

Estensjonijiet:

mit-23 ta' Settembru sat-12 ta' Ottubru 2015,

mit-13 ta' Ottubru sal-1 ta' Novembru 2015,

mit-2 sat-13 ta' Novembru 2015.

Skadenza / Terminazzjoni ta' xahrejn:

it-13 ta' Novembru 2015

Introduzzjoni mill-ġdid:

mill-14 ta' Novembru 2015 sat-13 ta' Frar 2016

Estensjoni:

mit-13 ta' Frar sat-13 ta' Mejju 2016

L-Awstrija

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri kollha, b'fowkus speċjali fuq il-fruntiera fuq l-art bejn is-Slovenja u l-Awstrija.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mis-16 sal-25 ta' Settembru 2015.

Estensjonijiet:

mis-26 ta' Settembru sal-15 ta' Ottubru 2015

mis-16 ta' Ottubru sal-4 ta' Novembru 2015,

mill-5 sal-15 ta' Novembru 2015.

Skadenza / Terminazzjoni ta' xahrejn:

il-15 ta' Novembru 2015

Introduzzjoni mill-ġdid:

mis-16 ta' Novembru 2015 sal-15 ta' Frar 2016

Estensjoni:

mis-16 ta' Frar sas-16 ta' Marzu 2016

Is-Slovenja

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri fuq l-art mal-Ungerija.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mis-17 sas-26 ta' Settembru 2015;

Estensjonijiet:

mis-27 ta' Settembru sas-16 ta' Ottubru 2015

Terminazzjoni:

is-16 ta' Ottubru 2015

L-Ungerija

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri fuq l-art mas-Slovenja

Introduzzjoni mill-ġdid:

mis-17 sas-27 ta' Ottubru 2015

Estensjonijiet: -

Terminazzjoni:

is-27 ta' Ottubru 2015

L-Iżvezja 

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri kollha, b'fowkus speċjali fuq il-portijiet f'Police Region South u Police Region West u fuq il-Pont Öresund.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mit-12 sal-21 ta' Novembru 2015.

Estensjonijiet:

mit-22 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

mit-12 sal-20 ta' Diċembru 2015,

mill-20 ta' Diċembru 2015 sas-9 ta' Jannar 2016

Skadenza: 

id-9 ta' Jannar 2016

Introduzzjoni mill-ġdid:

mid-9 ta' Jannar sat-8 ta' Frar 2016

Estensjonijiet:

mid-9 ta' Frar sad-9 ta' Marzu 2016

In-Norveġja

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri kollha, b'fowkus fuq portijiet b'konnessjonijiet tal-lanċa għan-Norveġja li jgħaddu minn fruntieri interni.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mis-26 ta' Novembru sas-6 ta' Diċembru 2016

Estensjonijiet:

mis-6 sas-26 ta' Diċembru 2015,

mis-26 ta' Diċembru 2015 sal-15 ta' Jannar 2016.

Skadenza:

il-15 ta' Jannar 2016

Introduzzjoni mill-ġdid:

mill-15 ta' Jannar sal-14 ta' Frar 2016

Estensjonijiet:

mill-15 ta' Frar sal-15 ta' Marzu 2016

Id-Danimarka 

Kamp ta’ Applikazzjoni: il-fruntieri interni kollha, b'fowkus fuq il-laneċ mill-Ġermanja u l-fruntiera fuq l-art mal-Ġermanja.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mill-4 sal-14 ta’ Jannar 2016

Estensjonijiet:

mill-15 ta' Jannar sat-3 ta' Frar 2016

mill-4 sat-23 ta' Frar 2016

mill-24 ta' Frar sal-4 ta' Marzu 2016

Skadenza / Terminazzjoni ta' xahrejn:

l-4 ta' Marzu 2016

Introduzzjoni mill-ġdid:

mill-4 ta' Marzu sat-3 ta' April 2016

Il-Belġju 

Kamp ta’ Applikazzjoni: fruntiera bejn il-Provinċja ta' West-Vlaanderen u Franza.

Introduzzjoni mill-ġdid:

mit-23 ta' Frar sat-23 ta' Marzu 2016



ANNESS II: Appoġġ addizzjonali għall-Greċja għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE

Rakkomandazzjoni

Appoġġ Kummissjoni / Aġenziji tal-UE

Implimentazzjoni sħiħa tal-"hotspots" Rakk. tal-Kunsill: 5, 7, 9

Rakk. tal-Kummissjoni: 5

Esperti tal-Kummissjoni u Frontex għandhom iżidu l-appoġġ lill-Greċja fl-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot u tal-iskema ta' rikolazzjoni 2 .

Abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja (ladarba jiġu rċevuti), il-Kummissjoni u l-Frontex jeżaminaw flimkien mal-Greċja l-programm nazzjonali Grieg skont il-Fond għas-Sigurtà Interna sabiex jipprijoritizzaw mill-ġdid u / jew jirrevedu l-programm, jekk hemm bżonn sa tmiem Marzu, biex jiżguraw il-verifiki sistematiċi neċessarji tal-migranti kollha mad-dejtabejżis rilevanti.

Jiġi żgurat teħid tal-marki tas-swaba' f'Eurodac tal-migranti kollha li waslu b'mod irregolari.

Rakk. tal-Kunsill: 6, 7, 9, 40

Rakk. tal-Kummissjoni: 6

Il-Kummissjoni u eu-LISA jappoġġaw il-Greċja fit-tiswija tal-"bug" tas-softwer sa tmiem Marzu biex jiġi evitat il-kollass tas-sistema, segwit minn aġġornament sħiħ tas-sistema sottostanti tal-IT.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja (ladarba rċevuta), il-Kummissjoni għandha teżamina flimkien mal-Greċja l-programm nazzjonali Grieg taħt il-Fond tas-Sigurtà Interna bil-għan li jiġi prijoritizzat mill-ġdid u / jew rivedut il-programm, jekk hemm bżonn sa tmiem Marzu, li jirrigwarda r-riżorsi għal tagħmir tekniku.

Jiġu mnedija immedjatament il-proċeduri ta' ritorn.

Rakk. tal-Kunsill: 10

Rakk. tal-Kummissjoni: 12

Sabiex jiġi implimentat b'mod urġenti l-programm il-ġdid ta' appoġġ għal attivitajiet operattivi flessibbli mar-ritorn, il-Greċja u l-Frontex għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet sal-15 ta' Marzu.

Il-Kummissjoni teżamina flimkien mal-Greċja l-possibilitajiet ta' finanzjament eżistenti għar-ritorn fil-programm nazzjonali tal-Greċja permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

Jiġu żgurati attivitajiet ta' pattuljar suffiċjenti ta' sorveljanza fuq il-baħar / fuq il-fruntiera tal-baħar.

Rakk. tal-Kunsill: 13,

Rakk. tal-Kummissjoni: 2

Frontex immedjatament tivvaluta l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja biex tħejji l-użu ulterjuri ta' Timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri, u jekk ikun meħtieġ tniedi sejħiet addizzjonali għal kontribuzzjonijiet mhux aktar tard mit-22 ta' Marzu.

Jiġi żgurat li ċittadini ta' pajjiż terz jistgħu jħallu biss it-territorju tal-Greċja f'punti ta' qsim tal-fruntiera deżinjati.

Rakk. tal-Kunsill: 1, 9, 10, 50

Rakk. tal-Kummissjoni: 4e

Frontex immedjatament tivvaluta l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja biex tħejji l-użu ulterjuri ta' Timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntieri, u jekk ikun meħtieġ tniedi sejħiet addizzjonali għal kontribuzzjonijiet mhux aktar tard mit-22 ta' Marzu.

Isir użu sħiħ u effiċjenti tal-fondi Ewropej għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

Rakk. tal-Kummissjoni: 13

Abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Greċja (ladarba rċevuta), il-Kummissjoni teżamina flimkien mal-Greċja l-programmi nazzjonali permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni sabiex tipprijoritizza mill-ġdid u / jew tirrevedi l-programm jekk meħtieġ sa tmiem Marzu (ara aktar 'il fuq).

(1)

     Id-dati użati fid-deskrizzjoni jikkorrispondu għad-dati li jirriżultaw min-notifiki rċevuti.

(2)

     Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fil-Greċja (COM(2016) 141, l-4 ta' Marzu 2016).