Brussell, 26.2.2016

COM(2016) 92 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 182/2011


Rapport MILL-KUMMISSJONI

lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011

1.Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Lisbona biddel b’mod sostanzjali l-qafas għall-għoti tal-kompetenzi lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni ta’ distinzjoni bejn is-setgħat delegati u dawk ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 291 (3) tat-TFUE jipprevedi li, b’differenza għall-atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’regolamenti adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan wassal għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 1 .

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 182/2011 jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan ir-rapport jikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit. B’hekk, dan ir-rapport jikkonċentra fuq l-elementi li għadhom kif ġew introdotti bir-Regolament (UE) Nru 182/2011 meta mqabbla mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/512/KE, li pprovdew il-qafas applikabbli qabel ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Kuntest ġenerali u funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 182/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011. L-Istati Membri ma kienu meħtieġa jieħdu l-ebda miżura. Min-naħa tal-Kummissjoni, ir-regoli proċedurali standard għall-kumitati msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 ġew adottati fit-8 ta’ Lulju 2011 u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta’ Lulju 2011 2 . Matul iż-żmien, ir-regoli ta’ proċedura tal-kumitati individwali eżistenti ġew adattati għar-regoli proċedurali standard ġodda. Ir-reġistru previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament kien diġà jeżisti mill-2002, ġie kompletament imġedded fl-2008 u fl-2011 u qed jiġi kontinwament imtejjeb.

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 13, li pprevedew applikazzjoni awtomatika tal-proċeduri l-ġodda għal-leġiżlazzjoni eżistenti, u fl-Artikolu 14, li jirrigwardaw proċeduri pendenti, ippermettew applikazzjoni immedjata tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 mill-1 ta’ Marzu 2011 u, għaldaqstant, tranżizzjoni bla xkiel.

Il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rapport annwali tagħha dwar il-ħidma tal-kumitati 3 . It-tabella ta’ hawn taħt tagħti taqsira ġenerali tad-dejta dwar il-ħidma tal-kumitati mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u tas-sentejn preċedenti. Ir-rapporti annwali jkopru wkoll dejta dwar il-proċedura regolatorja bi skrutinju (regulatory procedure with scrutiny RPS), proċedura prevista skont id-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE, li għadha tapplika fejn previst fl-att bażiku 4 .

Kumitati

Opinjonijiet

Miżuri adottati

Opinjonijiet pożittivi

Ebda opinjoni

Opinjonijiet

negattivi

2009

266

2 091

1 808 (131 RPS)

2 003

78

10

2010

259

1 904

1 812 (164 RPS)

1 783

121

0

2011*

268

1 868

1 788 (163 RPS)

1 789

75

4

2012

270

1 923

1 824 (167 RPS)

1 845

78

0

2013

302

1 916

1 887 (171 RPS)

1 845

50

0

2014

287

1 889

1 728 (165 RPS)

1 838

51

0

Tabella 1, dejta mir-rapporti annwali dwar il-funzjonament tal-kumitati, l-għadd totali tal-opinjonijiet pożittivi maħruġa mill-kumitati jista’ jvarja mill-għadd ta’ atti adottati mill-Kummissjoni jekk l-opinjonijiet jaslu f'sena partikolari iżda l-atti ma jiġux adottati qabel is-sena ta’ wara. * Iċ-ċifri jirrigwardaw is-sena kollha tal-2011

B’mod ġenerali, iċ-ċifri jindikaw li r-Regolament ippermetta kontinwazzjoni bla problemi tas-sistema. Meta wieħed iqabbel iċ-ċifri mill-2011 mas-snin qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, kemm l-għadd tal-kumitati kif ukoll l-attività tagħhom baqgħu stabbli. L-għadd ta’ kumitati kien 266 fl-2009 u 287 fl-2014. Bl-istess mod, l-għadd ta’ miżuri adottati kien 1808 fl-2009 u 1728 fl-2014.

Mill-esperjenza, fl-Artikolu 3 ir-Regolament introduċa għadd ta’ dispożizzjonijiet marbutin mal-ħidma tal-kumitati li kienu jirrifflettu prattika komuni, iżda li ma kinux stipulati fil-leġiżlazzjoni qabel. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub, li huwa rekwiżit espliċitu li l-president isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat u li possibbilment jemendaw l-abbozzi tal-atti qabel il-votazzjoni sabiex jieħdu kont tad-diskussjonijiet tal-kumitat. Dawn id-dispożizzjonijiet komuni komplew ikunu effettivi u utli biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-kumitati. Il-proċedura bil-miktub hija użata ħafna - fl-2014 kien hemm 773 laqgħa tal-kumitati u 893 proċedura bil-miktub u ċ-ċifri huma simili għas-snin ta’ qabel - u hija għodda effiċjenti. Il-ħidma tal-kumitati tibqa’ waħda kunsenswali: il-parti l-kbira tal-opinjonijiet (ħafna aktar minn 90%) huma opinjonijiet pożittivi, il-maġġoranza tagħhom ġew adottati b’vot unanimu jew b’kunsens bejn il-membri tal-kumitat, u ma hemm kważi l-ebda opinjoni negattiva u relattivament ftit mingħajr l-ebda opinjoni.

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprovdi qafas legali komprensiv u eżawrjenti tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. L-eżitu tan-negozjati dwar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 5 tipprevedi impenn mill-istituzzjonijiet li joqogħdu lura milli jżidu rekwiżiti proċedurali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jbiddlu l-mekkanżimi ta’ kontroll stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 6 .

Fil-qafas tal-Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 7 , il-Kummissjoni impenjat ruħha għal diversi miżuri maħsuba biex itejbu l-mekkaniżmi biex tisma’ aktar mill-qrib liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati, u tkun miftuħa għar-reazzjoni tagħhom, f’kull stadju tal-proċess tat-tfassil tal-politika. Fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li l-atti ta’ implimentazzjoni importanti li huma soġġetti għal opinjoni tal-kumitat jiġu ppubblikati għal erba’ ġimgħat, u dan jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jressqu l-kummenti tagħhom qabel kull votazzjoni mill-Istati Membri fil-kumitat rilevanti. Dan se jżid b’mod sinifikanti t-trasparenza għall-atti ta’ implimentazzjoni fil-fażi ta' qabel il-votazzjoni fil-kumitat.

3. Tibdil ewlieni

3.1 In-nuqqas fl-għadd ta' proċeduri ta' kumitat

Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 kien li tiġi ssimplifikata s-sistema billi jitnaqqas l-għadd ta’ proċeduri tal-kumitat. Il-proċeduri regolatorji u dawk ta’ ġestjoni qodma nbidlu mill-proċedura ta’ eżami, filwaqt li l-proċedura konsultattiva nżammet. It-tnaqqis tal-għadd ta’ proċeduri ma qajjimx kwistjonijiet partikolari.

3.2 Il-ħolqien tal-kumitat ta' appell

Il-kumitat ta’ appell huwa element ġdid introdott permezz tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Ġie introdott biex jinħoloq livell ieħor li jindirizza kwistjonijiet li l-kumitat ma setax jilħaq ftehim dwaru. Rinviju lill-kumitat ta’ appell huwa pass pjuttost eċċezzjonali fil-proċedura. Din hija possibbiltà li timxi ‘l quddiem f’każ ta’ opinjoni negattiva jew l-ebda opinjoni li timblokka 8 jekk l-att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ.

Il-kumitat ta' appell adotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fid-29 ta’ Marzu 2011. Il-Kummissjoni diġà għamlet l-ewwel evalwazzjoni dwar kif dawn ir-regoli ta' proċedura jaħdmu fil-prattika, skont l-Artikolu 14 tar-regoli ta’ proċedura (il-klawsola ta’ rieżami). L-eżitu ta’ dan ir-rieżami ġie inkluż fir-Rapport Annwali tal-2013 dwar il-ħidma tal-kumitati 9 .

Għadd totali ta’ rinviji lill-Kumitati ta' Appell

DĠ/oqsma ta’ politika kkonċernati

Opinjoni pożittiva tal-Kumitat ta' Appell

Opinjoni negattiva tal-Kumitat ta' Appell

Ebda opinjoni tal-Kumitat ta' Appell

Miżuri adottati fil-każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni

2011

8

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, prodotti mediċinali

2

1

5

5

2012

6

Ikel u għalf ġenetikament modifikati

0

0

6

6

2013

9

Ikel u għalf ġenetikament modifikati, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, prodotti bijoċidali, kodiċi doganali komunitarju

0

0

9

8

2014

13

Ikel u għalf ġenetikament modifikati, regoli u standards dwar l-ispezzjoni tal-bastimenti

2

0

11

11

Total

36

4

1

31

30

Tabella 2, dejta mingħand ir-Reġistru tal-Proċedura ta' Kumitat u r-rapporti annwali

Sa issa l-kumitat ta’ appell tlaqqa' prinċipalment f’rabta ma’ qasam wieħed ta’ politika, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur, u b'mod aktar speċifiku b’rabta mal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. F’dawn il-każijiet il-kumitat ta’ appell sa issa kkonferma l-eżitu tal-ebda opinjoni tal-kumitat. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) 10 ” tipprovdi analiżi dettaljata tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati.

B’mod ġenerali, ir-rinviju lill-kumitat ta’ appell seħħ bi frekwenza simili għar-rinviji preċedenti lill-Kunsill, li ma għadhomx permessi taħt il-qafas istituzzjonali l-ġdid. Dawn ir-rinviji seħħew f’oqsma ta’ politika simili u b’eżiti simili. Fuq il-lat prattiku, l-esperjenza turi li l-Istati Membri sa issa kienu kważi fil-każijiet kollha rrappreżentati mill-membri tar-Rappreżentanza Permanenti.

3.3 Il-flessibbiltà biex il-Kummissjoni tadotta f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni (proċedura ta’ eżami)

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 introduċa aktar flessibbiltà għall-Kummissjoni f’każ li ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata favur jew kontra l-abbozz (imsemmija bħala l-ebda opinjoni) fil-kumitat fil-proċedura ta’ eżami. Preċedentement, kemm il-proċedura ta' ġestjoni kif ukoll dik regolatorja pprevedew li f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni fil-kumitat, u anke jekk il-Kunsill ma jaġixxix, il-Kummissjoni “għandha” tadotta l-miżura. Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprovdi li l-Kummissjoni “tista’” tadotta, f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni fil-kumitat, jew fil-kumitat ta’ appell. Ġiet introdotta aktar flessibbiltà biex il-Kummissjoni tkun tista’ terġa' tqis l-abbozz tal-miżuri u biex tkun f’qagħda li tiddeċiedi jekk tadottax l-abbozz tal-miżuri jew le jew tippreżentax abbozz emendat lill-kumitat, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-pożizzjonijiet espressi fil-kumitat.

Iż-żieda fil-flessibbiltà hija soġġetta għal għadd ta' eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, jiġifieri f'ċerti oqsma ta' politika (tassazzjoni, servizzi finanzjarji, protezzjoni tas-saħħa jew sikurezza tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi), jekk l-att bażiku jipprovdi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni jista' ma jiġix adottat meta ma tingħata l-ebda opinjoni (klawsola tal-ebda opinjoni) jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat jopponuha. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tinżamm milli tadotta l-abbozz. Madankollu, jekk l-att jitqies meħtieġ, il-president jista’ jippreżenta verżjoni emendata tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat jew jirrinvijah lill-kumitat ta’ appell. L-inklużjoni ta’ klawsola tal-ebda opinjoni fl-att bażiku trid twieġeb għal ħtieġa speċifika u trid tiġi ġustifikata mil-leġiżlatur. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 182/2011, il-Kummissjoni għamlet stqarrijiet f'dak is-sens f'madwar 30 każ f'reazzjoni għal-leġiżlatur li kien introduċa dawn il-klawsoli f'atti legali bażiċi mingħajr ma pprovda ġustifikazzjonijiet għaliex għamel dan. Madankollu, sa issa l-maġġoranza tal-voti tal-ebda opinjoni attwali seħħew f'oqsma li huma diġà koperti mill-oqsma speċifiċi ta' politika elenkati fl-Artikolu 5(4), u meta l-Kummissjoni ma tkunx tista' tadotta mingħajr ma tmur għand il-kumitat ta' appell, jew f'oqsma (notevolment id-dwana, l-agrikoltura, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-kummerċ) li fihom ma tapplika l-ebda waħda mit-tliet eċċezzjonijiet u l-Kummissjoni tkun tista' tadotta l-att mingħajr ma jkollha tirrinvija lill-kumitat ta' appell.

Ebda opinjoni fil-proċedura ta’ eżami

Il-Kummissjoni adottat il-miżura

Il-Kummissjoni ma adottatx il-miżura

2011

67

63

4

2012

73

70

3

2013

49

47

2

2014

45

42

3

Total

234

222

12

Tabella 3, dejta estratta mir-Reġistru tal-Proċedura ta' Kumitat (ħlief il-kumitat ta’ appell), id-dejta tista’ tkun differenti minn dik fir-rapport annwali

Id-dejta ta’ hawn fuq turi li l-Kummissjoni mhux ta' spiss tuża l-possibbiltà li ma tadottax l-att fil-każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni. Fil-prattika l-flessibbiltà tal-Kummissjoni titnaqqas b’mod sinifikanti f'każijiet li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti jew sustanzi, bħal fil-qasam ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, billi l-Kummissjoni tkun meħtieġa tadotta deċiżjoni (li tawtorizza jew li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq) fi żmien raġonevoli. Hija ma tistax tastjeni milli tieħu pożizzjoni. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tinżamm ukoll milli tadotta l-abbozz tal-att f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni mill-kumitat; biex tagħmel dan, l-ewwel trid tirrinvija l-abbozz tal-att lill-kumitat ta’ appell. Dan jispjega parzjalment ukoll għaliex sa issa l-kumitat ta’ appell iltaqa' prinċipalment f’dan il-qasam ta’ politika. Biex tindirizza s-sitwazzjoni partikolari fil-qasam tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, u wara li nstabet soluzzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-kultivazzjoni, f’April 2015 il-Kummissjoni adottat proposta 11 biex temenda l-qafas leġiżlattiv. Filwaqt li jinżamm il-proċess ta’ awtorizzazzjoni, il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel jew għalf ġenetikament modifikat fit-territorju tagħhom. L-użu ta’ din il-possibbiltà għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet oħra għajr dawk relatati ma’ riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, li huma indirizzati fil-livell tal-UE.

Il-flessibbiltà li ngħatat reċentement lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk tadottax abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni f’każ li ma jkun hemm l-ebda opinjoni hija utli. Għalkemm sa issa intużat fi ftit każijiet 12 , din il-flessibbiltà ppermettiet li l-Kummissjoni terġa’ tivvaluta l-abbozz tal-miżura wara li r-riżultati tal-votazzjoni u d-diskussjoni fil-kumitat kienu wrew li ma kienx qed igawdi l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat.

3.4 Il-kriterji għall-għażla bejn il-proċeduri

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla tal-proċeduri. L-Artikolu 2(2) jistabbilixxi għadd ta’ każijiet li fihom il-proċedura ta’ eżami ġeneralment jitqies li tapplika. Fil-prinċipju, il-proċedura konsultattiva tapplika għall-każijiet kollha li fihom ma tapplikax il-proċedura ta’ eżami. Il-kriterji għall-għażla ta’ proċedura ta’ eżami jkunu simili għal dawk previsti fid-Deċiżjoni ta’ Proċedura ta' Kumitat tal-1999. B’mod ġenerali, jidher li l-għażla tal-proċedura kienet kontroversjali. Eċċezzjoni notevoli hija l-każ tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni li ddiskuta prinċipalment dwar l-għażla tal-proċedura (rigward assistenza makrofinanzjarja għall-Georgia 13 ).

Atti adottati skont il-proċedura ta’ eżami

Atti adottati skont il-proċedura konsultattiva

2011

1 311

77

2012

1 591

121

2013

1 579

143

2014

1 437

122

Tabella 4, dejta estratta mir-Reġistru tal-Proċedura ta' Kumitat, id-dejta tista’ tkun differenti minn dik fir-rapport annwali

Huwa ċar li l-proċedura ta’ eżami hija l-proċedura applikabbli fil-maġġoranza tal-każijiet, 10 % tal-opinjonijiet biss huma adottati permezz tal-proċedura konsultattiva. Dan jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-qasma bejn il-proċedura ta' ġestjoni/regolatorja minn naħa u l-proċedura konsultattiva taħt ir-reġim preċedenti.

3.5 Id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ atti bażiċi adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja

Iż-żewġ leġiżlaturi jridu jkunu infurmati sew u kontinwament dwar il-proċedimenti tal-kumitat permezz tar-Reġistru tal-Proċedura ta' Kumitat. Il-leġiżlaturi għandhom dritt ta’ skrutinju fuq abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni bbażati fuq atti adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan ifisser li, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, huma jistgħu jindikaw lill-Kummissjoni li l-abbozz jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni pprovduti fl-att bażiku. F’dan il-każ, il-Kummissjoni trid tirrevedi l-abbozz u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk hux beħsiebha żżommu, temendah jew tirtirah.

Iż-żewġ differenzi ewlenin hawnhekk fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ qabel huma li ma għad hemm l-ebda perjodu ta’ skrutinju fiss u li d-dritt ta' skrutinju japplika wkoll għall-Kunsill. L-abolizzjoni tal-perjodu ta’ sospensjoni ta' xahar wasslet għal titjib fl-effiċjenza u ma kinitx problematika, speċjalment minħabba l-fatt li, fil-prattika, iż-żmien medju bejn il-votazzjoni fil-kumitat u l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni huwa bejn 30 u 50 jum (u għalhekk fi kwalunkwe każ itwal mill-perjodu preċedenti ta' xahar). Id-dritt ta’ skrutinju ma ntużax mill-Kunsill u f’erba' każijiet biss mill-Parlament Ewropew sal-aħħar ta’ Jannar 2016 14 . F’każ minnhom, wara li ġie adottat l-att ta’ implimentazzjoni, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni 15 li kkritikat iż-żmien qasir bejn it-trażmissjoni tal-kumitat u l-adozzjoni.

3.6 Ir-rekwiżiti proċedurali speċifiċi għal miżuri ta’ difiża kummerċjali (miżuri antidumping u miżuri kumpensatorji)

Element ġdid meta mqabbel mas-sistema preċedenti huwa li l-miżuri ta’ difiża kummerċjali (miżuri antidumping u miżuri kumpensatorji) issa huma ppreżentati wkoll għall-kontroll tal-kumitat, għalkemm b’salvagwardji speċifiċi. L-ewwel nett, fil-każ ta’ miżuri antidumping u kompensatorji li fihom il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni u maġġoranza sempliċi topponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-kumitat ta’ appell għandu jiġi mgħarraf. Huma previsti wkoll proċess ta’ konsultazzjoni tal-Istati Membri u perjodi ta' żmien speċifiċi iqsar. It-tieni nett, fl-istadju tal-kumitat ta’ appell, hemm regoli speċifiċi fis-seħħ li jimblukkaw lill-Kummissjoni milli tadotta l-miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi fin-nuqqas ta’ opinjoni pożittiva.

Fil-prattika, qabel ma dawn il-bidliet setgħu jsiru effettivi, il-leġiżlazzjoni kummerċjali rispettiva kellha tiġi adattata biex tieħu deċiżjonijiet f’dan il-qasam soġġetta għall-proċeduri għall-kontroll tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri. Dan ma kienx il-każ qabel, allura l-provvedimenti ta' allinjament fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 kienu għadhom ma jistgħux japplikaw. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 beda japplika biss mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-allinjament rispettiva f’Jannar 2014 16 . Għaldaqstant, l-esperjenzi bid-dispożizzjonijiet speċifiċi huma relattivament limitati sa issa u għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet ta’ kumitat wieħed biss, il-Kumitat tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ (C 44100).

 

Opinjonijiet

Miżuri adottati*

Opinjonijiet pożittivi

Ebda opinjoni

Opinjonijiet

negattivi

Kumitat ta’ Appell

2014

35

30

25

10

0

0

2015

43

43

40

2

1

0

Tabella 5, dejta estratta mir-Reġistru ta' Proċedura ta' Kumitat u r-rapport annwali*. L-għadd totali ta' opinjonijiet pożittivi maħruġa mill-kumitati jista’ jvarja mill-għadd ta’ atti adottati mill-Kummissjoni jekk l-opinjonijiet jaslu f'sena partikolari iżda l-atti ma jiġux adottati qabel is-sena ta’ wara.

Fil-każijiet fejn ma kien hemm l-ebda opinjoni, sa issa ma kienx hemm maġġoranza sempliċi kontra l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għaldaqstant sa issa għadu ma ntużax il-kumitat ta' appell.

3.7 Proċeduri speċifiċi

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprevedi fl-Artikolu 8 il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati u jekk previst fl-att bażiku, mingħajr il-preżentazzjoni tiegħu minn qabel lill-kumitat. L-opinjoni tal-kumitat tinkiseb wara u, meta tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-Kummissjoni trid tirrevoka l-att f’każ ta’ opinjoni negattiva. Japplikaw regoli speċifiċi għal miżuri antidumping u kompensatorji provviżorji. Il-Kummissjoni għamlet użu minn din il-proċedura fi ftit każijiet biss, partikolarment fil-qasam tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ skont il-proċedura konsultattiva.

Fl-Artikolu 7 hemm dispożizzjoni oħra stabbilita li tipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati atti minkejja opinjoni negattiva, jew l-ebda opinjoni, biex jiġi evitat li jkun hemm tfixkil sinifikanti fis-swieq fil-qasam tal-agrikoltura jew riskju għall-interess finanzjarju tal-Unjoni. Sa issa ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tintuża din il-proċedura.

3.8 L-allinjament tal-acquis eżistenti għall-proċeduri l-ġodda

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 jipprevedi fl-Artikolu 13 tiegħu l-allinjament awtomatiku tar-referenzi kollha għall-proċeduri ta’ kumitat eżistenti għall-proċeduri l-ġodda bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju. Dan l-allinjament awtomatiku żgura tranżizzjoni bla xkiel għas-sistema l-ġdida. Fir-rigward tal-atti leġiżlattivi fis-seħħ li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, ma huwa previst l-ebda allinjament awtomatiku fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi d-dispożizzjonijiet marbutin ma’ din il-proċedura, sabiex meta jasal iż-żmien tadattahom skont il-kriterji preskritti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ġiet ippubblikata dikjarazzjoni f’dan is-sens fil-Ġurnal Uffiċjali flimkien mar-Regolament dwar il-Proċedura ta' Kumitat 17 ). F’konformità ma’ dan l-impenn, il-Kummissjoni għamlet tliet proposti leġiżlattivi ta' allinjament orizzontali fl-2013 18 . Minħabba l-istaġnar tan-negozjati interistituzzjonali fuq dawn ir-reġistri, il-Kummissjoni irtirathom 19 , kif tħabbar fil- Programm ta' Ħidma 20 tagħha tal-2015. Fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 21 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li sal-aħħar tal-2016 tippreżenta proposta ġdida biex tallinja l-atti leġiżlattivi li għad fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju. Sakemm dan isir, għadd kbir ta’ miżuri għadhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (ara t-Tabella 1) 22 . Sadanittant, kull meta l-Kummissjoni tagħmel proposta għal emenda tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ att leġiżlattiv individwali li jagħmel referenza għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, dik il-proposta jkun fiha wkoll allinjament tad-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għar-reġim il-ġdid.

4. Konklużjonijiet

Matul dawn l-aħħar ħames snin ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 ippermetta l-użu effettiv tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Il-qafas eżistenti jippermetti kooperazzjoni effiċjenti u kostruttiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. F'dan l-istadju l-Kummissjoni ma identifikatx kwistjonijiet li jirrikjedu jew li jiggarantixxu proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta' dan ir-rapport.

(1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13-18

(2)

     ĠU C 206, 12.7.2011, p. 11

(3)

     Rapporti annwali dwar il-funzjonament tal-kumitati, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/transparency/regcomitology/index.cfm?do=Report.Report&CLX=mt  

(4)

     Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011

(5)

     Skont il-COM(2015) 216 finali

(6)

     L-iffirmar tal-Ftehim Interinstututional mit-tliet istituzzjonijiet huwa mistenni li jsegwi l-approvazzjoni formali mill-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin

(7)

     COM(2015) 215 tal-19.05.2015

(8)

     L-ebda opinjoni għandha l-effett li timblokka fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, jiġifieri fl-oqsma tat-tassazzjoni, tas-servizzi finanzjarji, tal-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi, l-att bażiku jipprevedi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni jista' ma jiġix adottat meta ma tingħatax opinjoni; jew tkun topponih maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat.

(9)

     COM(2014) 572 finali

(10)

     COM(2015) 176 finali

(11)

     Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom, COM/2015/0177 finali tat-22.04.2015

(12)

     Każ minnhom kien l-abbozz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda r Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 29/2012 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa, li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tadottax.

(13)

     2010/0390(COD)

(14)

     P7_TA(2014)0096, P8_TA(2015)0409, P8_TA-PROV(2015)0456 u P8_TA-PROV(2015)0455

(15)

     P7_TA(2014)0096

(16)

     Ir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2014 li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri, ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1-51

(17)

     ĠU L 55 tat-28.2.2011, p. 19

(18)

     COM(2013) 451 finali, COM(2013) 452 finali u COM(2013) 751 finali

(19)

     (2015/C 80/08), ĠU C 80 tas-7.02.2015, p. 17

(20)

     COM(2014) 910 finali

(21)

Ara n-nota 6 f'qiegħ il-paġna

(22)

     L-allinjament ta’ xi 160 att bażiku li ma kinux ġew allinjati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (partikolarment l-atti bażiċi li ma kinux skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona) qed jitwettaq progressivament u nkiseb bi ftit eċċezzjonijiet.