Brussell, 18.2.2016

COM(2016) 74 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL


Ir-Regolament UE/995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)

{SWD(2016) 33 final}
{SWD(2016) 34 final}


Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-PE u lill-Kunsill

1.    Introduzzjoni

Fl-2010, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam 1 (“ir-Regolament dwar l-Injam, minn hawn ’il quddiem l-EUTR jew “ir-Regolament”), bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT). Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT huwa l-istrument ta’ politika tal-UE għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar fil-foresti tad-dinja u l-EUTR huwa l-miżura ewlenija biex tiġi indirizzata l-problema min-naħa tad-domanda. Ir-Regolament daħal fis-seħħ f’Marzu 2013.

L-Artikolu 20(3) tal-EUTR jesiġi li l-Kummissjoni tirrevedi, fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri u tal-esperjenza mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. Skont dawn ir-rekwiżiti, dan ir-rapport jippreżenta l-ewwel eżami tar-Regolament imwettaq mill-Kummissjoni.

L-eżami li wettqet il-Kummissjoni huwa fis-sura ta’ evalwazzjoni li saret skont il-linji gwida tal-UE “Regolamentazzjoni Aħjar” 2  . Dan jipprovdi t-tweġibiet għal ħames mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni: Ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE. L-evalwazzjoni tkopri l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tal-EUTR. Is-sejbiet tagħha huma bbażati fuq ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-Regolament sottomessi lill-Kummissjoni, fuq konsultazzjoni komprensiva, fuq analiżi ta’ artikli xjentifiċi rilevanti, u analiżi tal-fluss tal-kummerċ u fuq rapport ta’ evalwazzjoni magħmul minn konsulent estern. 

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni, jiġbed konklużjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ segwitu. Dan huwa kkomplementat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li juri r-riżultati tal-evalwazzjoni f’aktar dettall. Għandu jiġi nnotat li sentejn biss ta’ esperjenza fl-implimentazzjoni kienu fattur kostrinġenti għall-evalwazzjoni.

 2.    Kuntest

Il-qtugħ illegali huwa problema mifruxa ta’ tħassib internazzjonali ewlieni. Għandu impatt devastanti fuq xi wħud mill-aktar foresti importanti tad-dinja li fadal kif ukoll fuq il-persuni li jgħixu fihom u li jiddependu mir-riżorsi li jipprovdu l-foresti. Huwa jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni tropikali u għad-degradazzjoni tal-foresti, li jistgħu jkunu responsabbli għal minn 7 sa 14 % 3 tal-emissjonijiet totali tas-CO2 minn attivitajiet tal-bniedem; dan jhedded il-bijodiversità, u jimmina l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għandu impatt negattiv fuq it-tnaqqis tal-faqar, fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u fuq l-iżvilupp sostenibbli, inkluż billi jdgħajjef il-vijabbiltà kummerċjali tal-operaturi li jaġixxu f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT tal-2003 jistabbilixxi proċessi u miżuri biex jevitaw it-tqegħid fis-suq ta’ injam illegali fl-UE, itejbu l-provvista ta’ injam legali u jżidu d-domanda tal-injam li jkun ġej minn foresti ġestiti b’mod responsabbli. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT irrikonoxxa l-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza n-naħa tad-domanda tal-qtugħ illegali tas-siġar, u dan imbagħad irriżulta fl-adozzjoni tal-EUTR.

L-EUTR jistabbilixxi dawn it-tliet obbligi ewlenin li ġejjin:

1.Jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ injam maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti li ġejjin minn dan l-injam;

2.Jitlob lill-operaturi tal-UE li jpoġġu l-prodotti tal-injam fis-suq tal-UE għall-ewwel darba, biex jeżerċitaw “diliġenza dovuta”.

3.Dan jirrikjedi li l-kummerċjanti jbiegħu l-injam u l-prodotti tal-injam wara l-ewwel tqegħid fis-suq sabiex iżommu reġistri tal-fornituri u tal-klijenti tagħhom.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti koperti b’dan ir-Regolament huwa mniżżel fl-Anness.

L-EUTR jiddeskrivi l-obbligu ta’ diliġenza dovuta u jitlob li l-operaturi jiżviluppaw u japplikaw sistema ta’ diliġenza dovuta jew jużaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta ta’ organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

L-EUTR ġie adottat f’Diċembru 2010 u daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 2013. Il-perjodu interim kien maħsub biex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u lis-settur privat iħejju għall-applikazzjoni tiegħu. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni adottat att delegat u att ta’ implimentazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni 4 .

3.    Metodoloġija

L-evalwazzjoni EUTR inbdiet f’April 2015 u tkopri l-perjodu Marzu 2013 - Marzu 2015.

F’konformità mal-Artikolu 20(2) tal-EUTR, is-sors prinċipali ta’ informazzjoni għall-elaborazzjoni ta’ dan ir-rapport kien ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2015. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar dan is-sit web “Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa” (mill-15 ta’ April sat-3 ta’ Lulju 2015). Intużaw ukoll stħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati oħrajn u kummenti spontanji minn partijiet interessati.

L-evalwazzjoni hija bbażata fuq bażi wiesgħa ta’ evidenza; madankollu, il-valutazzjoni tal-effikaċja ta’ strument leġiżlattiv innovattiv sentejn biss wara d-dħul fis-seħħ tiegħu kien ta’ sfida. Informazzjoni limitata hija disponibbli dwar l-impatti tal-leġiżlazzjoni u mhuwiex possibbli li wħud mill-effetti u x-xejriet li joħorġu mill-analiżi jiġu attribwiti bla kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-EUTR.

4.    Implimentazzjoni – is-sitwazzjoni attwali

Ir-Regolament jesiġi 5 li l-Istati Membri jinnominaw awtoritajiet kompetenti; li jadottaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur; li jelaboraw pjanijiet għal kontrolli, u li jwettqu kontrolli konsistenti fuq operaturi u organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, l-EUTR jipprevedi 6 assistenza teknika u gwida lill-operaturi mill-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

L-evalwazzjoni wriet li, fil-perjodu bejn Marzu 2013 u Marzu 2015, is-sitwazzjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni kellha diskrepanzi fl-UE. Xi Stati Membri bdew jimplimentaw l-EUTR tard fil-perjodu ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni involviet ruħha fi djalogu bilaterali ma’ tmien Stati Membri, u dan kien suċċess billi malajr ġab il-maġġoranza tagħhom f’konformità. Madankollu, il-Kummissjoni bdiet azzjoni legali kontra erba’ Stati Membri mhux konformi fl-2015 7 .

4.1 Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

Bl-eċċezzjoni ta’ Spanja, l-Istati Membri kollha rrappurtaw li huma nnominaw awtorità kompetenti biex jimmonitorjaw il-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti tal-EUTR 8 . L-istrutturi istituzzjonali, il-poteri legali u l-istatus ta’ dawn l-istituzzjonijiet ivarjaw bejn l-Istati Membri, u dan jirrifletti l-oqfsa legali u istituzzjonali differenti tagħhom. Ġiet irrappurtata varjazzjoni kbira ta’ riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tal-EUTR. Riżorsi umani disponibbli ivarjaw minn madwar 1 sa 200 persuna kull xahar 9 .

4.2 Penali għall-ksur tal-EUTR

24 Stat Membru rrappurtaw dwar is-sanzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-ksur tal-obbligi tar-Regolament (il-projbizzjoni, id-diliġenza dovuta u t-traċċabbiltà). Il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija u Spanja għadhom fil-proċess tal-elaborazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ sanzjoni adegwati. 

Il-firxa ta’ sanzjonijiet tvarja b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri minn notifika ta’ azzjonijiet ta’ rimedju, multi, konfiska tal-injam, sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċ sa priġunerija. Xi Stati Membri daħħlu fis-seħħ biss sanzjonijiet amministrattivi filwaqt li oħrajn għamlu l-ksur ta’ xi obbligi reat kriminali. Penali għal ksur tal-projbizzjoni huma ġeneralment ogħla minn dawk għall-ksur tad-diliġenza dovuta u tal-obbligi tat-traċċabbiltà. Il-fatturi kkunsidrati mill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ sanzjonijiet jinkludu kundizzjonijiet ekonomiċi nazzjonali u l-livelli ta’ sanzjonijiet imposti għall-ksur ta’ obbligi oħra bħal, pereżempju, ir-Regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ ta’ Speċijiet Selvaġġi 10 . Filwaqt li l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jistabbilixxu sanzjonijiet, jekk ikun hemm wisq varjazzjoni f’livelli ta’ sanzjonijiet dan ifisser li l-operaturi ma jkunux qed joperaw b’kundizzjonijiet ugwali.

F’19-il Stat Membru l-kontrolli rriżultaw f’azzjonijiet ta’ rimedju jew penali għall-ksur tal-obbligi tal-EUTR. Xi investigazzjonijiet bdew fuq il-bażi ta’ tħassib issostanzjat minn partijiet terzi. Billi s’issa ġew applikati għadd limitat ta’ sanzjonijiet, għadu ma jistax jiġi ddeterminat jekk dawn humiex “effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

4.3 Kontrolli fuq Operaturi u fuq Organizzazzjonijiet ta’ Monitoraġġ

26 Stat Membru 11 rrappurtaw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom pjanijiet, kif meħtieġ bl-Artikolu 10(2) tal-EUTR, għall-kontroll tal-operaturi. L-awtoritajiet kompetenti kollha japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-preparazzjoni u r-reviżjoni tal-pjanijiet tagħhom. Il-fatturi ta’ riskju jinkludu l-karatteristiċi tal-fornituri u l-prodotti tagħhom, it-tip ta’ operaturi, kif ukoll informazzjoni li waslet minn partijiet terzi (jiġifieri “tħassib sostanzjat”).

Mhux l-Istati Membri kollha rrapurtaw li kienu wettqu kontrolli. F’diversi pajjiżi l-kontrolli bdew tard minħabba dewmien fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u saru b’mod sporadiku fil-bidu, għalkemm saru aktar sistematiċi u rigorużi matul iż-żmien.

Ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni beda f’Awwissu 2013, meta l-ewwel żewġ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ ġew rikonoxxuti. Fiż-żmien tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet disa’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ 12 . Minn mindu l-awtoritajiet kompetenti sfaw obbligati 13 li jwettqu kontrolli fuq organizzazzjoni ta’ monitoraġġ mill-inqas darba kull sentejn, il-kontrolli fuq l-ewwel organizzazzjoni ta’ monitoraġġ rikonoxxuta twettqu fit-tieni nofs tal-2015, jiġifieri wara l-perjodu ta’ evalwazzjoni kopert mir-rapport.

4.4 Komunikazzjoni, disseminazzjoni, kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

Fl-2012 il-Kummissjoni mexxiet kampanja ta’ komunikazzjoni dwar l-EUTR 14 u l-Istati Membri rrappurtaw li kienu wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali wkoll. Biex tiġi allinjata l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament bil-għan li tinkiseb applikazzjoni uniformi madwar l-UE, ġie żviluppat mill-Kummissjoni d-dokument ta’ gwida tal-EUTR f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri 15 . Madankollu, l-gwida u l-assistenza iffukati fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) mill-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, kienu pjuttost limitati.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienet estensiva u inkludiet laqgħat ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni u laqgħat iffukati fuq l-infurzar kif ukoll kuntatti ma’ firxa ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jipproduċu u li jikkunsmaw l-injam. F’Jannar 2015, il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma ta’ komunikazzjoni elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

5. Evalwazzjoni

5.1. Rilevanza

L-Unjoni hija impenjata li tiġġieled kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat, li għadha problema persistenti madwar id-dinja b’konsegwenzi negattivi għoljin fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT, l-EUTR ġie adottat biex iservi ta’ strument ewlieni li jiżgura li prodotti magħmula minn injam maħsud legalment biss jiġu kkummerċjalizzati fl-UE. L-evidenza turi li minn mindu daħal fis-seħħ, ir-Regolament ħeġġeġ aktar politiki ta’ provenjenza responsabbli u għalhekk, wera l-potenzjal li għandu biex ibiddel l-imġiba tas-suq tal-operaturi u biex jistabbilixxi katini ta’ provvista li mhumiex assoċjati ma’ injam maħsud b’mod illegali, u b’hekk jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ġenerali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT.

Ir-rilevanza tar-Regolament hija kkonfermata wkoll mis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (2013-2020), li jirreferi espliċitament għall-EUTR “bħala bażi ġuridika għall-Unjoni biex tindirizza l-problema globali tal-qtugħ illegali ta’ siġar permezz tad-domanda tagħha għall-injam u prodotti tal-injam” 16 .

L-evalwazzjoni wriet li r-Regolament huwa meqjus minn ħafna partijiet ikkonċernati li jżid valur sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima (bit-tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-deforestazzjoni, bit-titjib tar-rwol tal-konservazzjoni tal-foresti, bil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bit-tisħiħ tal-ħażniet ta’ karbonju tal-foresti f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, abbażi tal-qafas ta’ Varsavja favur ir-REDD-plus) 17 , u b’hekk jikkontribwixxi għall-konformità mal-obbligi internazzjonali tal-UE.

5.2. Valur miżjud tal-UE

Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat hija sfida globali li ma tistax tiġi indirizzata b’mod effettiv mill-Istati Membri li jaħdmu individwalment. Billi jiġu stabbiliti regoli uniformi fil-livell tal-UE, l-EUTR jippermetti lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ingranaġġ kombinat tas-suq tagħhom sabiex tiġi żgurata domanda għal injam minn siġar maħsud legalment u jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq tal-UE, li jirriżultaw likieku regoli differenti kienu ġew stabbiliti minn Stati Membri individwali.

L-EUTR għandu l-għan li joħloq kundizzjonijiet ugwali billi jistabbilixxi rekwiżiti ugwali għal legalità kemm dwar injam maħsud domestikament kif ukoll prodotti tal-injam importati u jintroduċi livell addizzjonali ta’ kontroll applikabbli għall-operaturi kollha fl-UE. Mingħajr l-EUTR, il-proċess biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi ekonomiċi ma jitkompliex, li jħalli lill-operaturi li diġà japplikaw r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta f’pożizzjoni żvantaġġata, speċjalment billi injam illegali orħos ikun jista’ jidħol liberament fis-suq tal-UE. Mingħajr l-EUTR, ikun ġie mminat b’mod serju l-progress miksub f’elementi oħra tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT, bħalma huma l-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja, kif ukoll il-possibbiltà li l-UE tagħmel impenji biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar fi ftehimiet kummerċjali bilaterali ta’ dan l-aħħar.

5.3. Effiċjenza

L-EUTR jinvolvi spejjeż ta’ konformità għall-Istati Membri. Il-kontrolli fuq l-operaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ jiffurma parti minn dawn l-ispejjeż. F’ħafna każijiet, ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati għal kontrolli fuq l-operaturi jidhru sproporzjonatament baxxi meta mqabbla man-numru ta’ operaturi f’dawk il-pajjiżi, li jħalli l-effett deterrenti ta’ attivitajiet ta’ infurzar pjuttost limitat. L-evalwazzjoni wriet li r-riżorsi finanzjarji allokati għall-awtoritajiet kompetenti jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. B’rabta ma’ dan, għandu jiġi nnutat li xi Stati Membri ma allokawx riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-EUTR.

L-EUTR jinvolvi spejjeż ta’ konformità ukoll għas-settur privat. Dawn l-ispejjeż jiddependu fuq l-eżistenza ta’ politiki preċedenti ta’ provenjenza responsabbli, it-tip u l-kumplessità ta’ prodotti kkummerċjalizzati, in-numru u l-lokalità ġeografika talfornituri u, fl-aħħar nett, il-kumplessità tal-katini tal-provvista. L-ispejjeż tan-negozju jistgħu jinkludu investimenti f’sistemi ta’ informazzjoni, l-iżvilupp ta’ għarfien espert intern u t-taħriġ tal-persunal. Din il-valutazzjoni taqbel fil-biċċa l-kbira mat-tbassir tal-kostijiet fil-Valutazzjoni tal-Impatt 18 imwettqa fl-2008, meta l-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal Regolament. L-ispejjeż ta’ konformità għall-obbligu ta’ projbizzjoni kienu mistennija li jkunu newtrali filwaqt li l-ispejjeż ta’ konformità għall-obbligu ta’ diliġenza dovuta kienu meqjusa li jiddependu fuq l-eżistenza preċedenti u fuq il-kwalità tas-sistemi ta’ kontroll fil-politika dwar il-provvista tal-kumpaniji.

L-ispejjeż ta’ konformità huma ġeneralment meqjusa bħala ġestibbli mis-settur privat, partikolarment għal kumpaniji li diġà japplikaw politiki ta’ provenjenza responsabbli; Dan jista’ jkun ukoll il-każ għal dawk li jagħżlu prattiki kosteffetivi (ara hawn taħt) jew il-kummerċ fi prodotti tal-injam b’katini ta’ provvista relattivament sempliċi.

Konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

L-obbligu tal-EUTR tad-diliġenza dovuta japplika għall-kumpaniji kollha. Il-kumpaniji l-kbar jidhru li kienu kapaċi jadattaw aħjar u aktar malajr għar-rekwiżiti l-ġodda mill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-intrapriżi żgħar u medji jistgħu jidhru li huma f’pożizzjoni żvantaġġata minħabba l-livell baxx ta’ ekonomiji ta’ skala billi l-ispejjeż tas-sistema ta’ diliġenza dovuta jeħtieġ li jkunu koperti bi dħul aktar baxx. Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara li negozju iżgħar huwa ostaklu għall-applikazzjoni effettiva tas-sistema ta’ diliġenza dovuta 19 .

L-evalwazzjoni hija bbażata fuq kampjun żgħir ħafna, li wieġeb għall-konsultazzjoni pubblika online. Hija wriet li xi intrapriżi żgħar u medji qed jqisu l-konformità mal-EUTR bħala sfida, minħabba d-diffikultajiet biex jifhmu r-rekwiżiti tekniċi tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, in-nuqqas ta’ persunal bl-għarfien u l-esperjenza adegwati meħtieġa biex titħaddem id-diliġenza dovuta u/jew minħabba riżorsi finanzjarji limitati biex jaġġornaw is-sistemi ta’ kontroll eżistenti tagħhom.

L-evidenza turi li l-ispejjeż tal-konformità tal-EUTR għall-intrapriżi żgħar u medji jistgħu jitnaqqsu jekk il-kumpaniji japplikaw prattiki kosteffettivi (ara hawn taħt); jekk jevitaw l-ispejjeż għoljin ta’ soluzzjonijiet tal-IT; u jekk jibbenefikaw minn appoġġ tekniku estern għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenża dovuta adegwata.

Prattiki kosteffettivi

Waqt l-implimentazzjoni tal-EUTR, ġew identifikati bosta prattiki kosteffettivi: (i) kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll bejniethom stess u l-entitajet korrispondenti f’pajjiżi terzi; (ii) l-użu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ tħassib sostanzjat li jkun wasal minn partijiet terzi dwar il-konformità mar-Regolament u (iii) operaturi li jiżviluppaw sistema ta’ diliġenża dovuta, li mhux biss tissodisfa r-rekwiżiti tal-EUTR iżda wkoll strumenti legali oħra (jiġifieri il-Lacey Act tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Att tal-Awstralja dwar il-projbizzjoni tal-qtugħ tas-siġar illegali, Australian Illegal Logging Prohibition Act); iv) operaturi li jużaw l-iskemi volontarji verifikati minn partijiet terzi (jiġifieri ċertifkazzjoni forestali volontarja) fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-proċess tal-mitigazzjoni tar-riskju; v) l-użu għall-finijiet tad-diliġenza dovuta tar-riżultati min-negozjati tal-UE mal-pajjiżi fi Ftehim ta’ Sħubija Volontarja dwar id-definizzjonijiet tal-legalità u tal-kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali.    

Minn mindu daħal fis-seħħ l-EUTR, l-iskemi prinċipali ta’ ċertifikazzjoni tal-injam adattaw l-istandards tagħhom biex jirriflettu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ legalità inkorporata fir-Regolament u rriżultaw bħala alternattiva prattika li tista’ tintuża minn operaturi tal-UE biex jikkontribwixxu għal din il-valutazzjoni tar-riskji u għall-proċess biex jittaffew ir-riskji. Ir-rwol ta’ skemi vverifikati minn partijiet terzi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jista’ jiġi ċċarat aktar fid-dokument ta’ gwida tal-EUTR.

5.4. Effettività

Waqt il-proċess ta’ evalwazzjoni ġew identifikati l-isfidi ewlenin li ġejjin għall-applikazzjoni effikaċi tal-EUTR : riżorsi umani u finanzjarji insuffiċjenti allokati lill-awtoritajiet kompetenti, diversi tipi u livelli ta’ sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha u nuqqas ta’ fehim u applikazzjoni uniformi tar-Regolament fl-UE kollha. Dawk l-isfidi issa rriżultaw fl-infurzar mhux indaqs, li joħloq kundizzjonijiet mhux ugwali għall-operaturi ekonomiċi.

Madankollu, il-valutazzjoni wriet li r-Regolament u l-kampanji ta’ komunikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri żiedu is-sensibilizzazzjoni għall-problema tal-qtugħ illegali ta’ siġar. Ir-Regolament, test b’rilevanza għaż-ŻEE, iddaħħal fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u attwalment huwa implimentat ukoll min-Norveġja, mill-Iżlanda u minn Liechtenstein. Dan ħoloq inċentiv għal pajjiżi produtturi biex jiżviluppaw sistemi li jivverifikaw u juru konformità mar-rekwiżiti tal-legalità, u wkoll ħeġġeġ lil xi pajjiżi terzi biex jikkonkludew Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT mal-UE 20 . Barra minn hekk, flimkien mal-Att Lacey tal-Istati Uniti, inkoraġġixxa pajjiżi oħra konsumaturi biex jespandu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b’atti leġiżlattivi simili (l-Awstralja, l-Iżvizzera) jew biex jibdew iqisu miżuri b’għanijiet simili (iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea). L-EUTR kellu impatt ukoll fuq l-emendi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ ta’ speċijiet selvaġġi 21 billi r-Regolament tal-Kummissjoni ġie rinfurzat b’dispożizzjoni fuq bażi legali għall-Aworitajiet ta’ Ġestjoni tal-Istati Membri biex jirrifjutaw il-ħruġ ta’ permess tal-importazzjoni f’każ ta’ dubji serji fir-rigward tal-legalità ta’ konsenja ta’ eżemplari skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES).

L-effettività tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq (l-Artikolu 4 (1))

L-Istati Membri ma rrappurtaw l-ebda kawża ta’ investigazzjoni magħluqa minħabba ksur tal-obbligu tal-projbizzjoni 22 . Minħabba ż-żmien limitat u minħabba nuqqas ta’ esperjenza fl-infurzar tal-projbizzjoni, ma setgħat tintlaħaq l-ebda konklużjoni fir-rigward tal-effettività tagħha minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza fl-infurzar tagħha.

Valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt tal-EUTR dwar il-kummerċ f’injam maħsud b’mod illegali hija ta’ sfida minħabba n-natura klandestina tal-attivitajiet. L-istatistiċi tal-kummerċ analizzati ma jurux bidla ċara matul l-aħħar sentejn fl-importazzjonijiet tal-injam u prodotti tal-injam u dan jista’ jiġi attribwit mingħajr ambigwità għall-applikazzjoni tal-EUTR.

Eżerċitar tas-sistemi ta’ diliġenza dovuta (l-Artikolu 6)

Matul l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tar-Regolament, l-operaturi fl-UE ma implimentawx ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta b’mod konsistenti. Għalkemm hemm evidenza li turi li s-sitwazzjoni qed titjieb gradwalment, il-konformità ġenerali mis-settur privat tibqa’ irregolari u insuffiċjenti.

Il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti żvelaw li filwaqt li ħafna operaturi kellhom xi tip ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta, dawn mhux dejjem kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-EUTR, li jesiġu impożizzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju. Xi partijiet ikkonċernati ddikjaraw li l-obbligu ta’ diliġenza dovuta huwa ta’ sfida sinifikanti għall-implimentazzjoni minħabba n-novità tiegħu u minħabba gwida insuffiċjenti. 

L-ostakli prinċipali sabiex jinkisbu sistemi ta’ diliġenza dovuta li joperaw b’mod sħiħ jinkludu diffikultajiet biex jinftiehmu l-elementi kollha meħtieġa għat-twaqqif ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta solida, diffikultajiet fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiżi produtturi, nuqqas ta’ kooperazzjoni ma’ fornituri u miżuri xierqa ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni.

L-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ rikonoxxuti jipprovdi lill-operaturi b’sistema ta’ diliġenza dovuta jekk ma jkollhomx kapaċità interna sabiex jiżviluppawha huma stess. L-interess fost l-operaturi għas-servizzi tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kien baxx ħafna u ftit biss minnhom attwalment jużaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u s-servizzi ta’ verifika tagħhom. Livell baxx ta’ infurzar mill-awtoritjaiet kompetenti ma jħeġġiġx l-użu ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta u hemm nuqqas ta’ rieda fost l-operaturi li jikkuntrattjaw organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, billi l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom obbligu skont l-EUTR biex jirrappurtaw dwar nuqqasijiet kbar lill-awtoritajiet kompetenti.

Għalkemm l-adozzjoni tal-obbligu ta’ diliġenza dovuta saret bil-mod, hemm evidenza li l-operaturi gradwalment qed jimplimentaw sistema ta’ diliġenza dovuta, billi jitolbu aktar informazzjoni u assigurazzjoni dwar il-legalità mill-fornituri tagħhom. Dan juri li l-obbligu ta’ diliġenza dovuta għandu l-potenzjali li jbiddel l-imġiba tas-suq tal-operaturi, u b’hekk jinħolqu katini tal-provvista mingħajr injam maħsud b’mod illegali. Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar żmien qabel ma tkun tista’ ssir valutazzjoni definittiva.

5.5. Koerenza

L-EUTR huwa koerenti ma’ atti leġiżlattivi oħra rilevanti fis-setturi forestali u f’setturi oħra u b’mod partikolari ma’ skemi għall-ħruġ tal-liċenzji tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT u mar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ ta’ Speċijiet Selvaġġi.

Progress relatat mal-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja huma element ewlieni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT. Dawn huma ftehimiet bilaterali bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi terzi li jipproduċu u jesportaw l-injam, innegozjati fuq talba minn dawk il-pajjiżi. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja jipprevedu l-istabbiliment ta’ sistema tal-FLEGT għall-ħruġ tal-liċenzji bil-għan li tiġi żgurata l-legalità tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-injam minn dawn il-pajjiżi lejn l-UE. L-EUTR jipprevedi preżunzjoni ta’ legalità għall-prodotti tal-injam koperti b’liċenzja tal-FLEGT 23 .

S’issa ġew iffirmati sitt 24 Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja u disa’ 25 oħra qegħdin fil-proċess. L-aktar żewġ pajjiżi avvanzati huma l-Indoneżja u l-Gana u l-ewwel prodotti tal-injam b’liċenzja tal-FLEGT minn wieħed minn dawn il-pajjiżi (jew mit-tnejn) bħalissa huma mistennija li jiġu importati fl-UE fl-2016.

Minkejja l-progress li sar f’għadd ta’ pajjiżi fi Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT, fin-nuqqas fis-suq tal-UE ta’ injam b’liċenzja tal-FLEGT ma hemm l-ebda evidenza ċara li l-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja ikkontribwixxew sabiex tkun imminizzata l-preżenza tal-injam u l-prodotti tal-injam maħsud b’mod illegali fis-suq intern.

6. Kopertura tal-prodotti

Il-prodotti koperti bl-EUTR huma definiti fl-Anness tiegħu bl-użu ta’ kombinament ta’ referenzi għall-kodiċijiet u d-deskrizzjoni tal-prodotti tan-Nomenklatura Magħquda (NM) tal-UE. L-EUTR ikopri numru sinifikanti ta’ prodotti bbażati fuq l-injam, iżda mhux kollha huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Jeżistu eżenzjonijiet fit-test tar-Regolament 26 u fl-Anness tiegħu. Xi prodotti bbażati fuq l-injam, bħal strumenti mużikali (NM 92), twiebet tal-injam (NM 4421) jew sedili tal-injam (NM 94), mhumiex koperti b’dan ir-Regolament.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati wrew li ħafna ma jqisux l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti attwali tal-EUTR bħala ottimali u jħossu li dan għandu jinkludi aktar prodotti tal-injam, bħal dawk imsemmija hawn fuq kif ukoll il-karta stampata (ara hawn taħt). Madankollu, oħrajn iqisu li l-kopertura tal-prodotti għandha tkun estiża qabel mal-EUTR jiġi implimentat bis-sħiħ u effettivament applikat.

F’termini tas-sehem mis-suq, grupp importanti ta’ prodotti attwalment eżentati huwa “kotba stampati, gazzetti, stampi u prodotti oħra tal-industrija tal-istampar; manuskritti, dokumenti ttajpjati u pjanti”. Bil-kontra tal-midja stampata domestikament, fejn il-polpa u l-materjali tal-karta importati huma kkontrollati għal-legalità, il-midja stampata importata ma tgħaddiex mid-diliġenza dovuta u mhix soġġetta għall-kontrolli dwar il-legalità tal-fibri tal-injam inkorporati fiha. Għalhekk, dawn jistgħu jġorru riskju ogħla li joriġinaw minn injam maħsud b’mod illegali. Id-differenza fit-trattament ta’ prodotti stampati magħmulin domestikament u dawk importati, għandha tingħeleb jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti tinkludi l-karta stampata. Il-varjetà u l-kumplessità ta’ oġġetti stampati ikun jenħtieġ li jittieħed kont tagħhom meta jiġi kkunsidrat it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-prodotti.

7.    Konklużjonijiet

L-evalwazzjoni tal-EUTR waslet biss sentejn wara l-applikazzjoni tiegħu, li mhuwiex żmien biżżejjed biex il-prestazzjoni tiegħu tiġi vvalutata, partikolarment minħabba n-novità tar-rekwiżit obbligatorju tad-diliġenza dovuta.

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-EUTR kienu bil-mod u ma sarux b’mod uniformi matul l-ewwel sentejn u għadhom ma tlestewx. Dan l-aħħar, sar progress sinifikanti, ukoll jekk fiż-żmien tal-evalwazzjoni mhux l-Istati Membri kollha kienu ssodisfaw l-obbligi kollha tagħhom skont ir-Regolament. L-evidenza turi li l-operaturi gradwalment qed jadottaw l-obbligu tad-diliġenza dovuta. Madankollu, l-implimentazzjoni mhux uniformi u l-infurzar superfiċjali matul l-ewwel sentejn ta’ applikazzjoni ma għenux fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali, li kellhom jipproteġu lill-operaturi minn kompetizzjoni inġusta ġejja minn prodotti magħmulin minn injam maħsud b’mod illegali.

Minħabba l-perjodu ta’ żmien relattivament qasir li għadda minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament, l-evalwazzjoni ma setgħetx tikkwantifika l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kummerċ illegali tal-injam u tal-prodotti tal-injam fis-suq intern, li għamilha diffiċli biex jiġi determinat jekk ir-Regolament laħaqx l-għan tiegħu li jiġi evitat li l-injam u l-prodotti tal-injam illegali jitqiegħdu fis-suq.

L-EUTR huwa globalment meqjus bħala strument leġiżlattiv importanti biex jiġu miġġielda u jitnaqqsu l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ f’injam u prodotti tal-injam illegali. Ir-Regolament kien ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi konsumaturi oħra biex jiżviluppaw atti leġiżlattivi simili. Barra minn hekk, jirrappreżenta l-komplement meħtieġ fuq in-naħa tad-domanda għall-istrument prinċipali fuq in-naħa tal-provvista: Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT. Mingħajr l-EUTR, ikun hemm ħafna inqas inċentiv biex jimplimentaw Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja, billi l-assigurazzjoni ta’ legalità ma tkunx meħtieġa fl-UE. 

Ir-Regolament qajjem sensibilizzazzjoni dwar il-problema tal-qtugħ illegali u l-impatti tagħha fuq l-ambjent u l-klima fost fl-industrija u fost il-konsumaturi. Dan kellu influwenza fuq it-tisħiħ tal-emendi tar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ ta’ Speċijiet Selvaġġi.

Fir-rigward tal-punti għal analiżi speċifika elenkati fl-Artikolu 20 tal-EUTR, l-evalwazzjoni wriet dan li ġej:

I.Il-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u medji jiddipendu ħafna fuq il-kumplessità tal-kuntest tan-negozju u fuq l-eżistenza ta’ politiki preċedenti ta’ provenjenza responsabbli. L-intrapriżi żgħar u medji jistgħu jidhru li huma f’pożizzjoni żvantaġġata fl-applikazzjoni effikaċi tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, minħabba l-ekonomiji ta’ skala baxxa tagħhom; Madankollu ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara li negozji iżgħar jikkostitwixxu ostaklu għall-applikazzjoni effikaċi ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta.

II.Rigward il-kopertura tal-prodott, xi partijiet ikkonċernati jqisu li mhix kompluta u jissuġġerixxu li din tkun estiża għal strumenti mużikali, twiebet, siġġijiet, u/jew karta stampata. Xi partijiet ikkonċernati ssuġġerew saħansitra li jitreġġa’ lura l-approċċ għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti billi jiddaħħlu l-prodotti kollha li fihom l-injam b’eċċezzjonijiet possibbli, filwaqt li oħrajn jikkunsidraw li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti ma għandux jiġi estiż qabel mal-EUTR jiġi applikat b’mod uniformi fl-UE. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti, soġġett għall-valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi.

III.Fir-rigward tal-effettività tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, ma setgħet issir l-ebda konklużjoni minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza fl-infurzar tal-projbizzjoni. Rigward l-effettività tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, għalkemm diffiċli biex jinftiehem u biex jiġi applikat, dan l-obbligu jidher li għandu xi impatt fuq il-prattiki ta’ operaturi.

8.    Rakkomandazzjonijiet u l-passi li jmiss

Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati, l-Istati Membri għandhom iżidu b’mod sinifikanti l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni u fl-infurzar. Il-livell attwali ta’ kapaċità teknika u ta’ riżorsi (umani u finanzjarji) allokati lill-awtoritajiet kompetenti ma jaqbilx mal-ħtiġijiet u fil-maġġoranza tal-Istati Membri għandu jissaħħaħ bil-għan li jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-kontrolli ta’ konformità. Dan imbagħad se jħeġġeġ lill-industrija biex tuża sistemi ta’ diliġenza dovuta operabbli u affidabbli. Għandhom isiru wkoll sforzi addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti biex jinfurmaw lill-operaturi, b’mod speċjali l-intrapriżi żgħar u medji, dwar ir-rekwiżiti tal-EUTR. B’mod partikolari, il-prattiki kosteffettivi li ġew identifikati sabiex l-obbligu ta’ diliġenza dovuta jiġi implimentat għandhom jiġu promossi aktar.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi gwida lill-Istati Membri u lill-operaturi billi tissupplimenta d-dokument ta’ gwida dwar l-EUTR, fejn meħtieġ, bil-ħsieb li tinkiseb applikazzjoni uniformi tar-Regolament fl-UE kollha. Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-komunikazzjoni u tassisti fl-approssimazzjoni ta’ approċċi ta’ infurzar bejn l-awtoritajiet kompetenti f’laqgħat tal-gruppi ta’ esperti.

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma tqisx li hemm bżonn li tipproponi emendi tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-EUTR għaliex l-evalwazzjoni ma identifikatx ħtieġa ċara għal bidliet fl-elementi ewlenin tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti, stipulat fl-Anness tal-EUTR, permezz ta’ att delegat soġġett għal valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi.

(1)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32010R0995&from=EN

(2)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) -  COM(2014)368 .

(3)

https://ec.europa.eu/jrc/en/news/reporting-greenhouse-gas-emissions-deforestation-and-forest-degradation-pan-tropical-biomass-maps .

(4)

Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) (UE) 363/2012 , ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12–16 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 607/2012, ĠU L 177, 7.7.2012, p. 16–18.

(5)

L-Artikolu 7(1); L-Artikoli 10(1) u 19 tal-EUTR.

(6)

L-Artikolu 13 tal-EUTR.

(7)

 L-Ungerija, il-Greċja, Spanja, ir-Rumanija.

(8)

http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/EUTR%20implementation%20scoreboard.pdf.

(9)

lr-rapport biannwali tal-Istati Membri.

(10)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006

(11)

Il-Greċja u l-Ungerija ma pprovdewx informazzjoni dwar il-fatturi ta’ riskju applikati.

(12)

Wara l-perjodu ta’ evalwazzjoni 3 organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ oħra ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/environment/forests/mos.htm.

(13)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 607/2012).

(14)

http://ec.europa.eu/environment/eutr2013/. 

(15)

http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/Final%20Guidance%20document.pdf.

(16)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” ( ĠU L 354, 28.12.2013, p. 177).

(17)

http://unfccc.int/land_use_and_climate_change/redd/items/8180.php.

(18)

Studju għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ aktar miżuri potenzjali kontra l-importazzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti li jkunu ġejjin minn dan l-injam. Ara fuq http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/ia_report.pdf. Ara wkoll id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam fis-suq fuq: http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/impact_assessment.pdf.

(19)

Ara “Survey of Small and Medium size Enterprises’ approach to due diligence” (Stħarriġ ta’ intrapriżi żgħar u medji) imwettaq minn Global Timber Forum (GTF), fl-2015: http://www.illegal-logging.info/content/gtf-supplier-and-consumer-due-diligence-analysis.

(20)

Hemm evidenza li l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja lejn l-UE żdiedu fl-2014 u fl-2015, li jista’ jkun attribwit ukoll għall-konformità mal-EUTR li ġiet faċilitata għall-injam kopert minn ċertifikat Sistem Verifikasi Legalitas Kayu (SVLK), jiġifieri s-sistema Indoneżjana tal-assigurazzjoni tal-legalità tal-injam.

(21)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/870 tal-5 ta’ Ġunju 2015 li jemenda, fir-rigward il-kummerċ fl-ispeċijiet tal-fawna u l-flora selvaġġi, ir-Regolament (KE) Nru 865/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (ĠU L 142, 6.6.2015, p. 3).

(22)

Fi ftit każijiet individwali, investigazzjonijiet dwar il-legalità ta’ prodotti tal-injam importati twettqu abbażi ta’ tħassib sostanzjat.

(23)

L-Artikolu 3(1) tal-EUTR.

(24)

  il-Kamerun , ir-Repubblika Ċentru-Afrikana , il-Ghana , l-Indoneżja , il-Liberja , ir-Repubblika tal-Kongo .

(25)

  il-Kosta tal-Avorju , ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo , il-Gabon , il-Guyana , il-Honduras , il-Laos , il-Malasja , it-Tajlandja , il-Vjetnam .

(26)

L-Artikolu 2(a) u (b); u l-Artikolu 3 tal-EUTR.