Brussell, 10.2.2016

COM(2016) 58 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tieni Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tieni Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù

1.INTRODUZZJONI

Bejn l-11 u d-19 ta’ Ġunju 2015 sar it-tieni rawnd tal-Kumitat tal-Kummerċ u tat-tmien sottokumitati sar f’Bogotá, il-Kolombja. Il-laqgħat koinċidew mat-tieni sena tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) li f’Marzu 2013 beda mal-Perù u f’Awwissu 2013 beda mal-Kolombja 2 .

Fit-30 ta’ Ġunju 2015 il-partijiet iffirmaw Protokoll li jemenda l-Ftehim sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE. Il-Protokoll għaddej minn proċeduri ta’ ratifika interni fit-tliet partijiet.

Fit-12 ta’ Diċembru 2014 l-UE u l-Ekwador inizjalaw il-Protokoll ta’ Adeżjoni mill-Ekwador għall-Ftehim. Qabel ma jissottomettu l-Protokoll għall-proċeduri tal-approvazzjoni tar-ratifika interna rispettivi, jeħtieġ li jiġi approvat mill-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 3 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament") il-Kummissjoni impenjat ruħha li tissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi tal-Ftehim u tar-Regolament.

Dan huwa it-tieni rapport ta' dan it-tip. F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament, huwa mqassam fi tliet partijiet:

valutazzjoni ġenerali tal-flussi kummerċjali;

informazzjoni dwar attivitajiet ta’ diversi entitajiet li jimplimentaw il-Ftehim;

informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fir-Regolament.

2.VALUTAZZJONI KOMPLESSIVA: EVOLUZZJONI TAL-KUMMERĊ

2.1.Metodoloġija

L-analiżi tal-flussi kummerċjali bilaterali hija bbażata fuq paragun bejn id-dejta tas-sena tal-kalendarju 2014 mad-dejta tas-sena kalendarja li tippreċedi immedjatament il-Ftehim (2012). Filwaqt li ċ-ċifri ppreżentati hawn taħt jistgħu joffru indikazzjoni bikrija dwar kif żviluppa l-kummerċ bejn l-UE, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala finali u wkoll il-bidliet osservati ma jistgħux jiġu attribwiti biss għall-effetti tal-Ftehim.

2.2.Evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali mal-Perù

Importazzjonijiet tal-Perù 4 mill-UE rreġistraw tnaqqis ta’ 4 % fl-2014 (EUR 3 716 miljun) meta mqabbel mal-2012 (EUR 3 891 miljun). Dan huwa bejn wieħed u ieħor konformi mat-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-Perù mid-dinja kollha (3 %). Minkejja dan, it-tnaqqis essenzjalment seħħ fil-prodotti li nħellsu mid-dazju mill-MFN (tnaqqis ta’ 10 %), filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti li skont il-Ftehim ġew liberalizzati kompletament żdiedu b’19 %, dawk parzjalment liberalizzati b’15 % u dawk taħt il-kwoti tariffarji preferenzjali - għalkemm minn livell baxx ħafna - b’86 %. B’mod interessanti, l-importazzjonijiet tal-Perù mill-UE ta’ prodotti li ma jibbenefikawx minn trattament preferenzjali permezz tal-Ftehim u li għalhekk jiġi impost fuqhom dazju tal-MFN, żdiedu b’14 %, filwaqt li ż-żieda tal-importazzjonijiet tal-Perù ta’ dawn l-istess prodotti mid-dinja żdiedu bi 3 % biss.

Rigward il-kategorija tal-prodotti, l-akbar waqgħa f’importazzjonijiet tal-Perù mill-UE tista' tiġi osservata f’prodotti minerali (25 %) u metalli ordinarji (25 %), għalkemm f’termini assoluti l-iktar waqgħa notevoli hija osservata għall-makkinarju u t-tagħmir mekkaniku (EUR 159 miljun jew 9 %). Dan huwa partikolarment il-każ għall-Kapitolu 84 (reatturi nukleari, bojlers, makkinarju u tagħmir mekkaniku; partijiet tagħhom) fejn l-UE tirrappreżenta kwart tal-importazzjonijiet kollha lejn il-Perù u ġie osservat tnaqqis ta’ 11 %. Min-naħa l-oħra, l-ikbar żidiet jistgħu jiġu osservati għal xogħlijiet tal-arti (184 %), annimali u prodotti tal-annimali (47 %) u ikel preparat (46 %). F’termini assoluti l-ikel u l-prodotti kimiċi biss jirrappreżentaw żieda notevoli (kull wieħed b’EUR 43 miljun). F’dan il-grupp tal-aħħar iż-żieda l-aktar importanti saret fil-prodotti farmaċewtiċi (31 %).

Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-UE 5 mill-Perù, dawn raw tnaqqis ta’ 21 %; minn EUR 6 072 miljun fl-2012 għal EUR 4 789 miljun fl-2014. Għal darb’ oħra, it-tnaqqis kien primarjament fi prodotti li diġà nħellsu mid-dazju skont l-MFN (tnaqqis ta’ 34 %). Il-gruppi tal-prodotti l-oħrajn kollha raw żieda, partikolarment dawk li huma kompletament liberalizzati mill-Ftehim (b’22 %), dawk li huma parzjalment liberalizzati (b’11 %), dawk li għandhom dazju MFN u ma kinux suġġett ta’ liberalizzazzjoni permezz tal-Ftehim (b’12 %) u dawk soġġetti għal kwota tariffarja preferenzjali (b’102 %).

Minħabba l-konċentrazzjoni qawwija ta’ importazzjonijiet mill-Perù f’termini ta’ kategoriji ta’ prodotti, il-kategorija li rat tnaqqis notevoli tal-importazzjonijiet tal-UE mill-Perù hija l-prodotti minerali (tnaqqis ta’ EUR 1 062 miljun jew 38 %), li jista’ jiġi attribwit għal tnaqqis globali fil-prezzijiet tal-minerali, kif ukoll il-kategorija tal-perli u l-ħaġar u l-metalli (semi)prezzjużi bi tnaqqis ta’ EUR 145 miljun jew 75 %. Żieda notevoli hija dik ta’ EUR 47 miljun jew 24% fl-annimali u l-prodotti tal-annimali, b’mod partikolari għal prodotti tal-Kapitolu 03 (ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn). Żieda importanti seħħet ukoll għall-Kapitolu 08 (frott u ġewż tajbin għall-ikel, qoxra tal-frott taċ-ċitru jew il-bettieħ) b’żieda ta’ EUR 157 miljun jew 38 %.

Fl-ewwel sentejn tal-Ftehim, 1133 kumpanija ġdida esportaw mill-Perù lejn l-UE, 38 % minnhom fis-settur agrikolu. Il-biċċa l-kbira kumpaniji esportaturi huma SMEs (97,4 %), iżda l-esportaturi kbar ġodda (2,6 % li jifdal, jiġifieri 30 kumpaniji) jammontaw għal 68 % tal-valur totali esportati mill-kumpaniji l-ġodda. Fl-istess perjodu, kien hemm esportazzjonijiet mill-Perù lejn l-UE fi 370 linja tariffarja ġdida (10 ċifri) għal valur totali ta’ USD 60 miljun (0,5 % tal-esportazzjonijiet totali, li minnhom nofs huma żejt mhux raffinat).

2.3.Evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali mal-Kolombja

L-importazzjonijiet tal-Kolombja 6 mill-UE rreġistraw żieda importanti bejn l-2012 u l-2014, minn EUR 4 870 miljun għal EUR 6 602 miljun (36 %). Ta’ min jinnota, madankollu, li l-ikbar żieda seħħet fl-2013 (23 %), filwaqt li l-Ftehim beda jiġi applikati biss f’Awwissu 2013 u l-Ftehim għalhekk ma jistax jitqies li huwa l-unika responsabbli għal din iż-żieda. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-akbar żieda seħħet għal prodotti li diġà kienu ħielsa mid-dazju skont l-MFN (żieda minn 1 133 miljun Euro jew b’42 %). Madankollu, iż-żieda tal-importazzjonijiet tal-Kolombja mill-UE ta’ prodotti li jkunu ġew liberalizzati għalkollox mill-Ftehim kienet importanti — EUR 306 miljun jew 43 %. L-importazzjonijiet ta’ prodotti liberalizzati parzjalment permezz tal-Ftehim żdiedu b’27 % u dawk li huma soġġetti għal kwoti tariffarji preferenzjali b'71 % (għalkemm minn valur baxx ħafna — EUR 21 miljun). Bħala riżultat ta’ dawn l-iżviluppi pożittivi, is-sehem tal-UE fl-importazzjonijiet tal-Kolombja żdied minn 11 % fl-2012 għal 14 % fl-2014.

Prattikament għall-kategoriji kollha ta’ prodotti b’kummerċ sinifikanti rreġistraw żieda f’importazzjonijiet tal-Kolombja mill-UE. L-aktar żidiet importanti ġew irreġistrati f’tagħmir tat-trasport (EUR 951 miljun jew 146 %, prodotti kimiċi (EUR 294 miljun jew 22 %), u strumenti tal-kejl u mużikali (EUR 116-il miljun jew 42 %). F’termini ta’ oqsma ta’ prodotti, l-akbar żieda fl-importazzjonijiet tal-Kolombja ġiet irreġistrata għal kategorija 88 (inġenji tal-ajru, inġenji tal-ispazju, u partijiet tagħhom) u 30 (prodotti farmaċewtiċi), jiġifieri EUR 980 miljun (450 %) u EUR 235 miljun (35 %).

Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet tal-UE mill-Kolombja 7 rreġistraw tnaqqis żgħir ta’ 2 % bejn l-2012 (EUR 8 040 miljun) u 2014 (EUR 7 867 miljun). Dan huwa l-aktar minħabba t-tnaqqis tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li jidħlu mingħajr dazju MFN (tnaqqis ta’ EUR 197 miljun), filwaqt li kien hemm żieda notevoli fl-importazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti li huma liberalizzati għalkollox skont il-Ftehim (EUR 71 miljun). Għandu jiġi nnutat, madankollu, li tnaqqis seħħ fl- 2013, filwaqt li fl-2014 (meta mqabbla mal-2013) l-importazzjonijiet tal-UE mill-Kolombja żdiedu b’EUR 533 miljun jew 7 %. Fil-fatt, jekk wieħed kellu jikkunsidra l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Ftehim, jiġifieri minn Awwissu 2013 sa Lulju 2014 meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ qablu, l-importazzjonijiet tal-UE mill-Kolombja fil-fatt żdiedu b’10 %.

Meta wieħed iħares lejn il-kategoriji tal-prodotti, l-uniku l-akbar tnaqqis notevoli seħħ għal metalli ordinarji u oġġetti magħmula minnhom (EUR 265 miljun jew 78 %). Kważi t-tnaqqis kollu f’din il-kategorija sar fil-Kapitolu 72 (ħadid u azzar), b’mod partikolari tnaqqis ta’ EUR 264 miljun jew 88 %. Rigward iż-żidiet, jistgħu jiġu osservati bidliet notevoli fil-prodotti veġetali (żieda ta’ EUR 73 miljun jew 5 %) u fix-xaħmijiet tal-annimali jew veġetali (EUR 45 miljun jew 66 %). L-akbar żieda tista’ tiġi osservata f’Kapitolu 09 (kafè, te, maté u ħwawar) b’żieda ta’ EUR 113-il miljun jew 28 %.

Żvilupp importanti ieħor hu li mill-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim u sa tmiem l-2014, kien hemm 526 kumpanija ġdida li rnexxielhom jesportaw mill-Kolombja lejn l-UE, 328 minnhom b'inqas minn USD 10 000 u 8 biss b'aktar minn USD 1 miljun, li jindika li dawn probabbilment huma intrapriżi żgħar. Fl-istess perjodu ta’ żmien, 336 linja tariffarja ġdida rreġistraw esportazzjonijiet mill-Kolombja lejn l-UE bi prodotti ewlenin differenti bħalma huma t-tonn (USD 4 615 647 matul il-perjodu osservat), makkinarju awtopropulsiv (USD 3 109 501) u xorb tal-aniżett (USD 1 691 638) 8 .

2.4.Użu ta' kwoti tar-rata tariffarja (tariff rate quotas - TRQs)

It-Tabella 1 turi r-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs) li ġew stabbiliti mill-UE għall-Kolombja u l-Perù 9 . It-TRQ għaz-zokkor tal-kannamieli jew tal-pitravi u sukrożju kimikament pur biss qiegħda verament tintuża mill-Kolombja u l-Perù, u sa ċertu punt it-TRQ għal qamħirrum ħelu mill-Perù, filwaqt li l-bqija tat-TRQs 10 huma pjuttost ftit li xejn użati, jekk użati.

Tabella 1: Rata ta’ użu tat-TRQs mill-Kolombja u l-Perù

Użu tat-TRQ mill-Kolombja

Użu tat-TRQ mill-Perù

2013

2014

2013

2014

Zokkor tal-kannamieli u sukrożju kimikament pur

88,40 %

85,72 %

100 %

100 %

Prodotti taz-zokkor oħrajn

1,37 %

1,32 %

0,02 %

0,01 %

Qamħirrum

0,7 %

3 %

Qamħirrum ħelu

21 %

76 %

Sors: TARIC

Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi osservat li l-UE qed tuża t-TRQ stabbilita mill-Kolombja għall-faqqiegħ, il-prodotti tal-ħalib bħalma huma ħalib u krema fi trab, ix-xorrox u l-ġobon kif ukoll tħejjijiet għall-użu mit-trabi, qamħirrun ħelu u f'ammonti iżgħar għall-ġelati u l-prodotti taz-zokkor. Fil-każ tal-Perù, it-TRQ għall-ġelati biss intuża fl-2014, kif ukoll għall-ħalib u l-butir fl-ewwel nofs tal- 2015. It-Tabella 2 turi sett komplut tal-użu tal-UE tat-TRQs stabbiliti mill-Kolombja u l-Perù.



Tabella 2: Rata tal-użu tat-TRQs mill-UE

Użu mill-UE tat-TRQs fil-Kolombja

Użu mill-UE tat-TRQs fil-Perù

2013

2014

2013

2014

Faqqiegħ

1,57 %

4,95 %

Ħalib u krema fi trab

0,00 %

34,92 %

Xorrox

57,60 %

49,96 %

Preparati tal-ikel għall-użu mit-trabi

40,45 %

67,50 %

Qamħirrum ħelu

0,42 %

54,18 %

Ġelat

5,26 %

13,35 %

0 %

90 %

Ġobon

9,07 %

8,02 %

Prodotti taz-zokkor

1,82 %

3,41 %

Ħalib

   4 %

Sors: DIAN il-Kolombja u SUNAT il-Perù

2.5.Kummerċ fis-Servizzi u l-Investiment Dirett Barrani(IDB) 11

Id-dejta kummerċjali marbuta mas-servizzi tiġi fornuta b'intervall latenti sinifikanti. Fil-mument li fih qed jinkiteb dan ir-rapport, hija disponibbli biss dejta għas-sena 2013 u għalhekk tista' ssir biss analiżi limitata meta jitqies li l-Ftehim ilu jiġi applikat mal-Perù minn Marzu 2013 u mal-Kolombja minn Awwissu 2013.

Fl-2013, is-servizzi esportati mill-UE lejn il-Perù kienu ta' EUR 1 215-il biljun, tnaqqis ta' 18 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Fl-istess żmien, l-importazzjonijiet tal-UE ta’ servizzi mill-Perù ammontaw għal EUR 839 miljun, tnaqqis ta’ 4 % meta mqabbel mal-2012. Fl-2013, l-istokk tal-IDB tal-UE fil-Perù kien ta’ EUR 7 678 biljun, filwaqt li l-istokk tal-IDB tal-Perù fl-UE kien ta' EUR 218-il miljun.

Għall-Kolombja, is-servizzi esportati mill-UE fl-2013 kienu ta' EUR 2 581 biljun, tnaqqis ta' 10 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-importazzjonijiet tal-UE ta’ servizzi mill-Perù ammontaw għal EUR 1 475 biljun, tnaqqis ta’ 3 % meta mqabbel mal-2012. Fl-2013, l-istokk tal-IDB tal-UE fil-Kolombja kien ta’ EUR 15 622 biljun, filwaqt li l-istokk tal-IDB tal-Kolombja fl-UE kien ta' EUR 3 839 biljun.

3.ATTIVITAJIET TAL-KORPI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ u tmien korpi speċjalizzati li jissorveljaw l-implimentazzjoni tiegħu. It-tieni rawd ta’ laqgħa sar bejn l-11 u d-19 ta’ Ġunju 2015 f’Bogotá, il-Kolombja, kif miġbur fil-qosor hawn taħt.

Sottokumitat dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ – l-10 ta’ Ġunju 2015

Il-laqgħa kienet utli biex tqajjem kwistjonijiet speċifiċi ta’ tħassib u biex jinkisbu kjarifiki mingħand il-partijiet l-oħra. Fil-każ tal-Kolombja l-UE qajmet tħassib fir-rigward tal-ħtieġa għal ċertifikazzjoni minn parti terza li għandha ssir fil-Kolombja u l-implimentazzjoni mistennija tas-Sistema tal-Kwalità Nazzjonali. L-UE qajmet ukoll tħassib dwar il-Pjan tal-Iżvilupp Nazzjonali li jidher li qed ipoġġi l-ipprezzar bħala wieħed mir-rekwiżiti għall-ħruġ jew it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ mediċini u tagħmir mediku. Fil-każ tal-Perù, l-UE qajmet il-kwistjoni ta’ applikazzjoni pendenti għall-istatus ta' “Sorveljanza Għolja tas-Saħħa” (Alta Vigilancia Sanitaria) għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti farmaċewtiċi u tagħmir mediku.

Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali – il-11 ta’ Ġunju 2015

Diskussjoni dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) tat stampa preċiża tas-sitwazzjoni attwali tal-protezzjoni tal-IĠ, identifikat oqsma kritiċi rigward il-protezzjoni effettiva u reġistrati spinta mill-Kolombja u l-Perù biex jingħata bidu għall-proċess biex jiżdiedu IĠ ġodda mal-lista. Il-Partijiet qablu li jipprovaw jissimplifikaw il-proċedura għaż-żieda ta’ IĠ ġodda mal-lista.

Barra minn hekk, il-Kolombja u l-Perù wieġbu l-lista ta’ mistoqsijiet tal-UE dwar diversi kwistjonijiet dwar id-DPI. L-aktar importanti huma l-konferma mill-Kolombja tal-opportunità li jingħata kontribut fil-konsultazzjoni pubblika ppjanata dwar id-definizzjoni tal-emerġenzi nazzjonali fis-settur tas-saħħa u biex tiġi organizzata laqgħa bejn il-partijiet interessati rilevanti dwar il-liċenzjar ta’ materjal diġitali.

Sottokumitat dwar l-Agrikoltura – it-12 ta’ Ġunju 2015

Il-laqgħa kienet opportunità għall-iskambju tal-istatistika fuq il-flussi tal-kummerċ u l-użu tal-kwota. B’mod partikolari, il-laqgħa kkonfermat id-diffikultajiet tal-Perù u l-Kolombja biex jikkonformaw mal-impenji tagħhom skont il-Ftehim fil-qasam tax-xorb alkoħoliku, fejn il-prodotti mill-UE (u oħrajn importati) qed jesperjenzaw miżuri ta' distorżjoni tal-kummerċ.  La l-Perù u lanqas il-Kolombja ma setgħu jindikaw pjan direzzjonali biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. In-naħa tal-UE ddikjarat b’mod ċar li kienu qed jiġu kkunsidrati l-għażliet kollha biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, inkluż l-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-mekkaniżmu tal-istabbilizzazzjoni tal-banana u t-talba tal-Kolombjani għall-ekwivalenza fil-biedja organika kienu fost is-suġġetti l-oħra fuq l-aġenda.

Sottokumitat dwar l-Akkwist Pubbliku – 16 ta’ Ġunju 2015

L-elementi ewlenin imqajma fir-rigward tal-Kolombja kienu l-aċċess għas-suq fil-livell subċentrali u l-applikazzjoni, minn entitajiet tal-akkwist, ta' indikaturi mhux tas-soltu u xi kultant għoljin ħafna biex tiġi tiddetermina l-kapaċità ekonomika tal-impriżi offerenti u li d-diskussjonijiet dwarhom jeħtieġu jkomplu. Il-Perù, min-naħa l-oħra, infurmat li riforma fis-seħħ se tagħmel id-delega tal-akkwisti pubbliċi lil organizzazzjonijiet internazzjonali, li bħalissa hija l-problema ewlenija f’dan il-qasam, impossibbli.

Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji – 16-17 ta’ Ġunju 2015

Fir-rigward tal-Kolombja, fil-laqgħa ġew innotati l-avvanzi fi proċedura tal-approvazzjoni waħda għall-esportazzjonijiet mill-UE ta’ prodotti tal-annimali. Fir-rigward tal-Perù ma kienx possibbli li jiġu diskussi u identifikati soluzzjonijiet għan-nuqqas ta’ proċedura ta’ approvazzjoni kompatibbli mal-Ftehim minħabba n-nuqqas fil-laqgħa ta’ waħda mill-entitajiet responsabbli (jiġifieri SENASA).

Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (ara wkoll il-punt 4 hawn taħt) — 16-17 ta’ Ġunju 2015

It-tieni laqgħa serviet bħala tranżizzjoni għal aġenda aktar sostantiva, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol. Il-partijiet fasslu lista ta’ temi potenzjali għal azzjoni ta’ segwitu li se jeħtieġu li jiġu studjati f’aktar dettall u prijoritizzati. Saret sessjoni miftuħa mas-soċjetà ċivili (madwar 80 parteċipant), li fiha ż-żewġ naħat ppreżentaw fil-qosor id-diskussjonijiet fil-laqgħa bejn il-gvernijiet, tal-jum ta’ qabel. Il-biċċa l-kbira tal-interventi mis-soċjetà ċivili ffukaw fuq l-impatt tal-ftehim kummerċjali fuq il-Kolombja. (ara wkoll punt 4 hawn taħt)

Sottokumitat dwar il-Proċeduri tad-Dwana, l-Iffaċilitar tal-Kummerċ, u r-Regoli tal-Oriġini — 17 ta’ Ġunju 2015

Il-laqgħa kienet opportunità biex jiġu ppreżentati l-aħħar żviluppi dwar is-suġġett u jiġu indirizzati xi punti ta’ interess attwali. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li tiddefinixxi t-trasport dirett ingħatat attenzjoni partikolari, għalkemm mingħajr ftehim finali, u bdew diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta' kumulazzjoni estiża maċ-Ċilì u l-Messiku.

Sottokumitat dwar l-Aċċess għas-Suq – 19 ta’ Ġunju 2015

Sabiex titjieb l-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Ftehim, il-Partijiet qablu dwar skambju regolari tal-istatistika dwar l-importazzjoni. Dwar il-kwistjonijiet tal-aċċess għas-swieq, l-UE enfasizzat it-tħassib fir-rigward tal-politika tal-iskrappjar tat-trakkijiet fil-Kolombja.

Kumitat tal-Kummerċ — 19 ta’ Ġunju 2015

Il-Kumitat tal-Kummerċ ġie użat biex jitkejjel il-progress li sar mis-sottokumitati u biex jittennew xi wħud mill-preokkupazzjonijiet ewlenin, inkluż id-diskriminazzjoni kontinwata tax-xorb alkoħoliku impurtat speċjalment fil-Kolombja iżda wkoll fil-Perù, l-aċċess tal-UE għas-suq tal-akkwisti pubbliċi fil-livell subċentrali fil-Kolombja u l-problemi fil-Perù fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-UE tal-prodotti tal-annimali.

L-UE offriet aġġornament dwar l-istat ta’ ratifika tal-Ftehim mill-UE. Il-laqgħa serviet ukoll biex imexxu ’l quddiem l-iffirmar tal-Protokoll tal-Kroazja għall-Ftehim li seħħ fit- 30 ta’ Ġunju 2015. Fir-rigward tal-Protokoll ta’ Adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim kien miftiehem li jkompli diskussjonijiet bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd malajr kemm jista’ jkun u li l-Kolombja u l-Perù jipprovdu kummenti aktar dettaljati.

4. L-ISSODISFAR TAL-OBBLIGI DWAR IL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENNIBBLI

Is-sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

It-tieni laqgħa tas-sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (is-Sottokumitat) saret f’Bogotá fis-16 u s-17 ta’ Ġunju 2015. Id-diskussjonijiet koprew dan li ġej:

4.1.L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati max-xogħol

Il-Kolombja għamlet referenza għall-Pjan Nazzjonali tal-Iżvilupp adottat reċentement, li jinkludi politika nazzjonali għal xogħol deċenti, kif ukoll għall-isforzi biex issaħħaħ l-ispezzjonijiet tax-xogħol, ittejjeb il-ġbir tal-multi u tindirizza l-prattiki tal-esternalizzazzjoni u tan-negozjar kollettiv mhux xierqa minn ċerti kumpaniji. Sar progress fid-djalogu soċjali permezz ta’ mekkaniżmi bħalma huma l-Kumitat dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti (CETCOIT) u twettaq b’suċċess eżerċizzju kbir ta’ negozjar kollettiv fis-settur pubbliku. Filwaqt li tirrikonoxxi li għad fadal ħafna xi jsir, il-Kolombja ddikjarat li ntużaw aktar riżorsi biex titjieb il-protezzjoni tal-mexxejja tat-trejdjunjins mhedda bi vjolenza u tenniet l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-impunità.

Il-Perù ppreżenta l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tiegħu għall-formalizzazzjoni tax-xogħol u rrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ politiki li jiġġieldu kontra x-xogħol furzat kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tiegħu għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal. Il-Perù notevolment informa li ssaħħaħ ir-reġim tal-ispezzjoni tax-xogħol taħt Sopraintendenza Nazzjonali għall-Ispezzjoni tax-Xogħol (SUNAFIL). Barra minn hekk, ġew enfasizzati xi żviluppi pożittivi dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti tax-xogħol u d-djalogu soċjali. Ġie istitwit premju nazzjonali biex jirrikonoxxi l-kumpaniji bi prattiċi ta’ xogħol tajbin.

L-UE tat aġġornament dwar ir-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO mill-Istati Membri tagħha. Hija ssottolinjat l-impenn tagħha għall-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u rrapportat dwar l-azzjonijiet meħuda biex tippermetti ratifika rapida tal-Protokoll tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat mill-Istati Membri tagħha. Hija talbet għal kjarifiki dwar għadd ta’ punti li tqajmu f’rapporti tal-esperti tal-ILO dwar il-Kolombja u l-Perù.

4.2.L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ambjent

Il-Kolombja semmiet tal-Pjan Nazzjonali tal-Iżvilupp tagħha, li jinkludi strateġija trasversali għat-tkabbir ekoloġiku, il-Pjan Nazzjonali għal Negozju Ekoloġiku tagħha u l-politika tagħha dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli.

Min-naħa tiegħu, il-Perù ta preżentazzjoni dwar l-Aġenda ta’ Azzjoni Ambjentali 2015-2016 tiegħu u enfasizza t-twaqqif ta’ premju ambjentali nazzjonali bħala inċentiv għal prattika tajba.

L-UE pprovdiet informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ politika trasversali ġdida dwar l-ekonomija ċirkolari, l-iżviluppi f’CITES u l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali, pjanijiet għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi, u informazzjoni dwar ir-rieżami tal-UE tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT).

4.3.Konsultazzjoni domestika u sessjonijiet tas-Sottokumitat mas-soċjetà ċivili

Il-mekkaniżmu intern tal-UE għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili (“il-Grupp Konsultattiv Domestiku”) iltaqa’ diversi drabi u ftiehem dwar ir-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jipprovdi s-Segretarjat kif ukoll tliet membri tal-grupp u waqqaf paġna web iddedikata fil-websajt tiegħu. Il-Kolombja u l-Perù infurmaw lin-naħa tal-UE b’mod intersessjonali li huma għandhom il-ħsieb li jintużaw mekkaniżmi konsultattivi domestiċi eżistenti fl-oqsma tax-xogħol u l-ambjent. L-UE u l-Kolombja taw id-dettalji tal-membri tal-gruppi tagħhom lil xulxin u lill-Peru.

Fis-17 ta’ Ġunju 2015 saret sessjoni miftuħa f’Bogota b’madwar 80 rappreżentant tas-soċjetà ċivili Kolombjana u diversi membri tal-grupp konsultattiv domestiku tal-UE. Is-sessjoni kienet ġiet ippubblikata fuq il-websajt tal-Ministeru tal-Kummerċ Kolumbjan kif ukoll f'websajts oħrajn. Ir-rappreżentanti tal-partijiet infurmaw lis-soċjetà ċivili dwar id-diskussjonijiet tagħhom fis-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli permezz ta’ rapport orali u bil-miktub. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Kolombja għamel għadd ta’ dikjarazzjonijiet ġenerali, li prinċipalment esprimaw tħassib dwar l-impatt kumplessiv ta’ dan il-Ftehim. Barra minn hekk, xi kelliema indirizzaw problemi marbuta mad-drittijiet tredjunjonisti, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ix-xogħol informali u l-ispezzjonijiet tax-xogħol. Dikjarazzjoni konġunta mir-rappreżentanti tal-UE u l-Kolombja sejħet għal aktar interazzjoni bejn il-gruppi.

4.4    Segwitu

Wara preżentazzjoni mill-UE, il-Kolombja u l-Perù esprimew interess li jitgħallmu aktar dwar kif l-UE tivvaluta l-impatti fuq ix-xogħol u ambjentali ta’ ftehimiet kummerċjali — u dan ġie identifikat bħala qasam potenzjali ta’ kooperazzjoni futura. Is-Sottokumitat identifika firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati max-xogħol li fuqhom tista’ tiġi żviluppata kooperazzjoni bħall-prassi tajba fl-ispezzjonijiet tax-xogħol, is-suq tax-xogħol, il-mobilizzazzjoni ta’ xogħol informali għal xogħol formali, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti kif ukoll il-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat. Min-naħa tal-ambjent, ġie espress interess f’kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-bijodiversità, inklużi s-CITES, il-kummerċ fil-prodotti tal-foresti, il-kimiċi u l-iskart perikoluż u, is-sistema ta’ informazzjoni ambjentali. Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva ġiet ukoll identifikata bħala tema ta’ interess, u l-UE enfasizzat l-appoġġ tagħha għall-ħidma tal-OECD dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-setturi tat-tessuti u minerali. Ġie miftiehem li l-ħidma ssir intersessjonalment sabiex tipprijoritizza s-suġġetti bil-ħsieb li jiġu implimentati.

 

4.5    Attivitajiet oħrajn

Il-Kummissjoni ħadet sehem f’laqgħa tal-Kumitat INTA tal-Parlament Ewropew fil-Grupp ta’ Monitoraġġ dwar il-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù fil-5 ta’ Mejju 2015, li ffukat fuq id-drittijiet tax-xogħol fil-Kolombja u l-Perù.

Id-Delegazzjoni tal-UE fil-Kolombja, bl-appoġġ tad-DĠ Kummerċ, organizzat avveniment dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fit-18 ta’ Ġunju 2015 mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Bogota li fiha pparteċipaw aktar minn 400 persuna. L-avveniment inkluda preżentazzjonijiet dwar temi bħall-enerġija rinnovabbli, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-kummerċ ġust, iċ-ċertifikazzjoni organika. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-kummerċ ġust Kolombjani u distributuri tal-ikel u x-xorb Ewropej kellhom stands bil-prodotti tagħhom waqt l-attività.

5.    L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 19/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL LI JIMPLIMENTA L-KLAWSOLA TA’ SALVAGWARDJA BILATERALI U L-MEKKANIŻMU TA’ STABBILIZZAZZJONI GĦALL-BANANA

Ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja jew li jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari taħt ċerti kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament. Skont l-Artikoli 3 u 13 tar-Regolament, il-Kummissjoni ilha ssegwi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-banana mill-Kolombja u l-Perù. Sa meta nkiteb dan ir-rapport, il-Kummissjoni la tat bidu u lanqas ma rċeviet xi talba sabiex tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja, jew sabiex jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari.

5.1.L-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet tal-banana friska mill-Kolombja u l-Perù lejn l-UE

L-importazzjoni ta’ banana friska mill-Perù fl-2014 naqset b’14 % meta mqabbel mal-volumi tal-2013; 96 136 tunnellata u 112 396 tunnellata, rispettivament. Minkejja dan, il-Perù reġa’ laħaq il-volum ta’ importazzjoni ta’ skattar tiegħu għall-2014 kif stabbiliti mill-Ftehim (jiġifieri 82 500 tunnellata), b’mod partikolari f’Novembru — ara t-tabella hawn taħt. Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt fuq is-suq tal-banana tal-UE, b’kont meħud, inter alia, tal-effett fuq il-livell tal-prezzijiet, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra, l-istabilità kumplessiva tas-suq tal-Unjoni.

L-importazzjoni ta’ banana friska mill-Perù rrappreżentat 1,9 % biss tal-importazzjoni totali tal-banana friska lejn l-UE, l-importazzjonijiet ta’ banana friska minn pajjiżi esportatturi tradizzjonali oħra baqgħu sew taħt il-livell limitu stipulat għalihom fil-mekkaniżmi ta’ stabbilizzazzjoni komparabbli, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana ma rreġistrax kambjament notevoli u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ effett negattiv għall-istabbiltà tas-suq tal-UE, għall-produtturi tal-UE jew ir-reġjuni 'l aktar imbiegħda tal-UE u għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tad-dazji dogonali preferenzjali fuq il-banana li toriġina mill-Perù ma kinetx xierqa.

Bħal fil-każ tal-Perù, l-importazzjonijiet tal-banana friska mill-Kolombja fl-2014 naqsu meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, f’dan il-każ b’6 % meta mqabbel mal-volumi tal-2013; 1 086 096 tunnellata u 1 150 980 tunnellata, rispettivament. Kif jista’ jiġi osservat fit-tabella t'hawn taħt, il-Kolombja baqgħet ferm taħt il-livelli tagħha ta’ volum ta’ importazzjoni ta’ skattar kif stabbilit mill-Ftehim (intlaħaq biss 64 % ta’ dan il-volum ta’ skattar).

6.    KONKLUŻJONI

Sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-proċess ta’ implimentazzjoni għadu għaddej u ġeneralment il-Ftehim qed jaħdem tajjeb u għas-sodisfazzjon tal-partijiet kollha. F'xi oqsma huwa diffiċli li wieħed jivvaluta, pereż. minħabba li d-dejta għall-kummerċ fis-servizzi u l-flussi tal-investiment għandhom mhux disponibbli jew dsiponibbli inparti biss. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-Amerika Latina u l-waqgħa fil-prezzijiet tal-komoditajiet fis-suq globali affettwaw ukoll il-flussi kummerċjali tal-UE bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù. B’mod ġenerali, mill-2012 kien hemm tnaqqis fil-valur kemm fl-importazzjonijiet tal-UE minn u fl-esportazzjonijiet lejn il-Perù, b’konformità max-xejra ġenerali tal-kummerċ Peruvjana. Is-sehem tal-UE mill-importazzjonijiet tal-Kolombja żdiedu minn 2012 sa 2014, filwaqt li l-esportazzjonijiet mill-Kolombja lejn l-UE żdiedu fil-valur fl-2014, wara tnaqqis fl-2012 u fl-2013.

Il-kummerċ fil-prodotti liberalizzat skont il-Ftehim jindika effett pożittiv tal-implimentazzjoni tiegħu. L-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Perù u l-Kolombja ta’ prodotti liberalizzati skont il-Ftehim żdiedu, f’xi każijiet b’mod sinifikanti. L-UE żiedet b’mod sinifikanti l-esportazzjonijiet tagħha, kemm lejn il-Kolombja kif ukoll lejn il-Perù, ta’ prodotti li ġew liberalizzati skont il-Ftehim, kemm jekk għal kollox, parzjalment jew permezz ta’ kwoti tariffarji preferenzjali. F’termini ta’ diversifikazzjoni, mill-2012, għadd sinifikanti ta’ linji tariffarji ġodda rreġistraw importazzjonijiet.

Il-fatt li 526 kumpanija Kolombjana u 1133 kumpanija Peruvjana esportaw għall-ewwel darba lejn l-UE wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim huwa żvilupp pożittiv, aktar u aktar peress li għadd sinifikanti minnhom huma SMEs. Programmi tal-iżvilupp tal-UE li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom l-għan li jsaħħu aktar din ix-xejra.

Filwaqt li l-proċess ta’ implimentazzjoni sejjer tajjeb f’bosta oqsma, xi oqsma jeħtieġ li jiġu indirizzati malajr, pereżempju l-implimentazzjoni mill-Perù tal-obbligi fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji u t-tassazzjoni tax-xorb alkoħoliku notevolment fil-Kolombja iżda wkoll fil-Perù. L-implimentazzjoni tal-impenji tal-aċċess għas-suq tal-akkwisti fil-livell subċentrali fil-Kolombja hija ta' tħassib wkoll.

Il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim, li jirriflettu prijorità għall-UE huma issa stabbiliti u bl-involviment tanġibbli tas-soċjetà ċivili. Il-Kolombja nnutat progress fil-qasam tad-djalogu soċjali u l-Perù enfasizza l-istrateġija tiegħu għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, kif ukoll il-formalizzazzjoni tax-xogħol.

Fejn jidħol il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana, il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana friska fis-suq tal-UE ma rreġistrax kambjament notevoli u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-UE jew is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE ġew milquta miż-żieda fl-esportazzjonijiet Peruvjani. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienet ġustifikata l-ebda sospensjoni ta' dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù. Il-monitoraġġ mill-qrib tal-importazzjonijiet tal-banana u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq qiegħda għalhekk tkun effettiva.

Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka fuq il-miżuri mmirati lejn l-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim fl-aspetti kollha tiegħu għall-benefiċċju tal-kummerċ u l-investiment reċiproku u f’koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab.

(1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.
(2) L-istat tar-ratifika tal-Ftehim mill-Istati Membri tal-UE huwa disponibbli fis-sit web tal-Kunsill: http://www.consilium.europa.eu/mt/documents-publications/agreements-conventions/agreement/?aid=2011057  
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1).
(4) Sors: ITC/ Comext (R1)
(5) Sors: Comext (R1)
(6) Sors: ITC/ Comext (R1)
(7) Sors: Comext (R1)
(8) Sors: PROCOLOMBIA
(9) Jissemmew biss it-TRQs użati biss.
(10) L-UE stabbilixxiet 8 TRQs għall-Kolombja u 18-il TRQs għall-Perù.
(11) Sors: L-Eurostat u l-unità tal-Ekonomista Kap tad-DĠ TRADE