IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.2.2016
COM(2016) 51 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
{SWD(2016) 24 final}
1.Introduzzjoni
It-tisħin u t-tkessiħ jikkunsmaw nofs l-enerġija tal-UE u ħafna minnha tinħela. L-iżvilupp ta' strateġija biex it-tisħin u t-tkessiħ isiru iktar effiċjenti u sostenibbli huwa prijorità tal-Unjoni tal-Enerġija. Din għandha tgħin tirriduċi l-importazzjonijiet tal-enerġija u d-dipendenza fuqha, tnaqqas l-ispejjeż domestiċi u dawk kummerċjali, u tgħin fl-ilħuq tal-mira tat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gass serra tal-UE u tissodisfa l-impenn tagħha skont il-ftehim dwar il-klima milħuq fil-konferenza dwar il-klima COP21 f'Pariġi.
Minkejja li s-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ qed jimxi lejn enerġija nadifa b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, 75% tal-fjuwil li juża xorta waħda ġej minn fjuwils fossili (kważi nofshom mill-gass). Filwaqt li din l-istrateġija se tikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni, is-sigurtà tal-provvista tibqa prijorità, speċjalment fi Stati Membri li jiddependu minn fornitur wieħed.
It-tisħin u t-tkessiħ u s-sistema tal-elettriku jistgħu jappoġġaw lil xulxin fl-isforz tad-dekarbonizzazzjoni. Huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti r-rabtiet bejniethom u li jiġu sfruttati s-sinerġiji.
Din l-istrateġija tipprovdi qafas għall-integrazzjoni ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti fil-politiki tal-enerġija tal-UE billi tiffokka l-azzjoni fuq it-twaqqif tat-tnixxija tal-enerġija mill-bini, timmassimizza l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ, tappoġġa l-effiċjenza fl-industrija u tiggwadanja mill-benefiċċji tal-integrazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ fis-sistema tal-elettriku. Hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jagħti ħarsa ġenerali lejn dan is-settur kumpless. Is-soluzzjonijiet se jiġu eżaminati fir-rieżamijiet kontinwi tal-leġiżlazzjoni skont l-Unjoni tal-Enerġija.
Użu intelliġenti u iktar sostenibbli tat-tisħin u tat-tkessiħ huwa realistiku għaliex it-teknoloġija hija disponibbli. L-azzjonijiet jistgħu jiġu varati malajr, mingħajr investiment minn qabel f'infrastruttura ġdida, u b'benefiċċji sostanzjali kemm għall-ekonomija kif ukoll għall-konsumaturi individwali, sakemm il-konsumaturi (domestiċi) jifilħu jinvestu jew ikollhom aċċess għall-fondi meħtieġa biex jagħmlu dan.
2.Viżjoni u Miri
Biex niksbu l-objettivi ta' dekarbonizzazzjoni tagħna, il-bini jrid ikun dekarbonizzat. Dan jinvolvi r-renovazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti, flimkien ma' sforzi intensifikati fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli, appoġġati minn elettriku u tisħin distrettwali dekarbonizzati. Il-bini jista' juża awtomazzjoni u kontrolli biex jaqdi r-residenti tiegħu aħjar, u biex jipprovdi flessibilità għas-sistema tal-elettriku permezz ta' tnaqqis u ċaqliq tad-domanda, u ħżin termali.
L-industrija tista' timxi fl-istess direzzjoni, billi tapprofitta mill-każ ekonomiku għall-effiċjenza u soluzzjonijiet tekniċi ġodda biex tuża iktar enerġija rinnovabbli. F'dan is-settur, madankollu, xi domanda għall-fjuwil fossili tista' tkun mistennija għal proċessi li jirrikjedu temperatura għolja ħafna. Il-proċessi industrijali se jkomplu jipproduċu tisħin u tkessiħ mitlufa, kif se tagħmel ukoll l-infrastruttura. Ħafna minnhom jistgħu jerġgħu jintużaw f'bini fil-qrib.
Filwaqt li din hija viżjoni għat-terminu ta' żmien twil, jistgħu jsiru gwadanji kbar immedjatament.
3.Sfidi
B'50% (546 Mtoe) tal-konsum finali tal-enerġija fl-2012, it-tisħin u t-tkessiħ huwa l-ikbar settur tal-enerġija fl-UE. Huwa misteni li jibqa hekk.
Ir-rinnovabbli sarrfu għal 18% tal-provvista tal-enerġija primarja tat-tisħin u tat-tkessiħ fl-2012, filwaqt li l-fjuwils fossili sarrfu għal 75%.
Grafika 1: Enerġija primarja għat-tisħin u għat-tkessiħ fl-2012
Bil-miri tal-UE għall-2020, l-enerġija rinnovabbli qed tikber. Kull Stat Membru, fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli tiegħu, adotta mira tal-enerġija rinnovabbli għat-tisħin u għat-tkessiħ. Ħafna minnhom jinsabu fit-triq it-tajba biex jiksbuhom; uħud qed jibdlu iktar malajr milli ppjanat
. Is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) użati fit-tisħin huwa l-ogħla fl-Istati Membri Baltiċi u dawk Nordiċi (li jvarja minn 43% fl-Estonja sa 67% fl-Iżvezja). Illum il-ġurnata l-bijomassa hija l-iżjed enerġija rinnovabbli użata fil-wisà għat-tisħin, fejn tirrappreżenta madwar 90% tat-tisħin rinnovabbli kollu. Fl-aħħar tal-2016 il-Kummissjoni se tipproponi politika tas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija, li se tqis l-impatt tal-bijoenerġija fuq l-ambjent, l-użu tal-art u l-produzzjoni tal-ikel.
Grafika 2: Konsum finali tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ fl-2012
45% tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ fl-UE tintuża fis-settur residenzjali, 37% fl-industrija u 18% fis-servizzi. Kull settur għandu l-potenzjal li jnaqqas id-domanda, iżid l-effiċjenza u jimxi lejn sorsi rinnovabbli.
Ostakli għar-restawr tal-enerġija tal-bini
Il-bini (u r-residenti tiegħu) huma l-ewwel konsumaturi tat-tisħin u tat-tkessiħ. It-tisħin tal-post isarraf għal iktar minn 80% tal-konsum tat-tisħin u tat-tkessiħ fi klimi iktar kesħin. Fi klimi iktar sħan, it-tkessiħ tal-post huwa l-iktar importanti - u qed jikber.
Il-bini spiss jitlef is-sħana u l-kesħa minħabba kwalità inferjuri. Żewġ terzi tal-bini tal-UE nbnew meta r-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika kienu limitati jew noneżistenti; ħafna minn dawn se jkunu għadhom jeżistu fl-2050. Jista' jsir tfaddil kbir permezz ta' restawr sempliċi bħall-iżolament tat-tromba, tal-ħitan u tal-pedamenti, u l-installar ta' unitajiet bi ħġieġ doppju jew triplu. Dawn huma l-orħos meta jsiru bħala parti minn xogħlijiet oħrajn tal-bini. Is-soluzzjonijiet ibbażati fin-natura, bħall-veġetazzjoni tat-triq iddisinjata sew, soqfa u ħitan ekoloġiċi li jipprovdu iżolament u dell għall-bini, ukoll inaqqsu d-domanda għall-enerġija billi jillimitaw il-ħtieġa għat-tisħin u għat-tkessiħ.
Forom differenti ta' sjieda ta' bini jirrikjedu miżuri differenti biex jixprunaw restawr li huwa effiċjenti fl-enerġija.
Madwar 70% tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'bini residenzjali ta' proprjetà privata. Is-sidien spiss ma jagħmlux restawr li huwa kosteffiċjenti għaliex ma jkollhomx is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji, ma jingħatawx parir dwar il-possibbiltajiet tekniċi, jaffaċċaw inċentivi opposti (pereżempju f'bini li fih ħafna appartamenti) u jkollhom limitazzjonijiet finanzjarji.
F'bini ta' proprjetà privata mikri - sehem kbir f'ċerti pajjiżi - l-isfidi ewlenin huma l-inċentivi opposti, ir-regoli tal-kiri u l-finanzi. L-inċentivi huma 'opposti' fis-sens li s-sidien tal-proprjetà ftit għandhom inċentiv biex jinvestu jekk il-kerrej iħallas il-kont tal-enerġija. Xi pajjiżi għandhom sistemi fejn kostijiet tal-enerġija iktar baxxi minħabba t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jistgħu jintużaw biex jiġġustifikaw żieda fil-kera.
Il-bini li huwa proprjetà ta' korpi pubbliċi, inkluż l-akkomodazzjoni soċjali, jifforma parti konsiderevoli mis-sehem tal-istokk. Il-bini bħall-iskejjel, l-universitajiet u l-isptarijiet huwa viżibbli ħafna u spiss intens fl-enerġija.
L-isfida ewlenija għar-restawr tal-bini pubbliku hija n-nuqqas ta' fondi. L-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija
u l-Kumpaniji tas-Servizzi tal-Enerġija (ESCOs) jistgħu joffru assistenza teknika, għarfien espert u aċċess għall-kapital. Fl-Istati Uniti tal-Amerka, l-involviment tal-ESCOs fir-rennovazzjoni tal-bini tas-settur pubbliku huwa prattika stabbilita, u s-settur għandu dħul ta' iktar minn USD 6 biljun. Fl-UE dan is-suq huwa sottożviluppat.
Il-bini tas-servizzi, bħall-banek, l-uffiċċji u l-ħwienet, jiffurmaw kwart mill-istokk. Il-konsum tal-enerġija għal kull metru kwadru bħala medja huwa 40% ogħla minn dak fil-bini residenzjali. Il-konsum tal-enerġija huwa partikolarment għoli b'sistemi kumplessi għad-dawl, għall-kundizzjonament tal-arja jew għall-ventilazzjoni. Dan is-settur jikkonsma wkoll ħafna mit-tkessiħ tal-post fl-Ewropa
. Id-domanda għar-refriġerazzjoni hija għolja fis-supermarkets (fejn tipikament issarraf għal iktar minn 40% tal-konsum tal-enerġija) u fiċ-ċentri tad-dejta (25-60% tal-kostijiet operatorji).
In-nuqqas ta' għarfien espert u ta' taħriġ jaffettwa s-setturi kollha. Hemm wisq ftit professjonisti li għandhom l-għarfien espert meħtieġ fil-kostruzzjoni effiċjenti fl-enerġija u fit-teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti u rinnovabbli. Il-periti jistgħu jinkorporaw disinn avvanzat u materjali tal-kostruzzjoni u teknoloġiji intelliġenti fl-aspetti kollha tal-bini, mill-iżolament sad-dawl. Iżda l-installaturi huma l-"ġeneraturi tas-suq" għal ħafna teknoloġiji.
Bħala medja, l-Ewropej jonfqu 6% tan-nefqa tal-konsum tagħhom fuq it-tisħin u t-tkessiħ; 11% ma għandhomx il-mezzi biex iżommu d-djar tagħhom sħan matul ix-xitwa. L-għażla għall-konsumaturi hija limitata minn nuqqas ta' informazzjoni dwar il-konsum u l-kostijiet proprji tal-enerġija, u spiss minħabba n-nuqqas ta' mezzi finanzjarji biex isir investiment fl-iktar teknoloġija effiċjenti. Huwa diffiċli li jitqabblu t-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet abbażi tal-kostijiet u l-benefiċċji, il-kwalità u l-affidabilità matul il-ħajja.
Finanzjament
Minkejja l-evidenza ekonomika li tixhed dan, ftit hemm prodotti finanzjarji attraenti għar-restawr tal-bini.
Il-baġit tal-UE għall-2014-2020 żied il-kontribuzzjoni tiegħu b'mod sinifikanti. Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) se jallokaw madwar EUR 19-il biljun għall-effiċjenza enerġetika u EUR 6 biljun għall-enerġija rinnovabbli, notevolment fil-bini u fit-tisħin u fit-tkessiħ distrettwali, madwar EUR 1 biljun għall-grilji tad-distribuzzjoni intelliġenti, u l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni bbażati wkoll fuq il-prijoritajiet magħżula fl-Istrateġiji tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti nazzjonali jew reġjonali. Il-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 se jalloka EUR 2,5 biljun għall-effiċjenza enerġetika u EUR 1,85 biljun għall-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, minħabba li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa bbażat fuq il-garanzija tal-UE, hija mistennija l-mobilizzazzjoni ta' mill-inqas EUR 315-il biljun f'investiment addizzjonali. It-tħeġġiġ għal investiment fi proġetti tal-enerġija sostenibbli huwa wieħed mill-prijoritajiet strateġiċi tal-EFSI u wħud minnhom diġà ġew approvati.
Iżda l-finanzjament pubbliku la jista' u lanqas ma għandu jkollu r-rwol primarju. Is-suq tal-effiċjenza enerġetika jrid jimmatura u jsir kompletament investibbli. Hekk kif inhu kkonfermat fir-rapport mill-Grupp tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Effiċjenza Enerġetika (EEFIG), il-promoturi u l-investituri tal-proġetti għadhom iridu jifhmu u jafdaw li l-iffrankar fil-kostijiet tal-enerġija jwassal għal fluss tal-flus disponibbli addizzjonali u prestazzjoni enerġetika aħjar twassal għal valuri tal-assi ogħla. Il-Kummissjoni se tindirizza dawn il-kwistjonijiet taħt l-inizjattiva 'Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti', f'kooperazzjoni mal-EEFIG, kif tħabbar fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.
Tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ
Kważi nofs il-bini tal-UE għandu bojlers individwali installati qabel l-1992 b'effiċjenza ta' 60% jew inqas. 22% tal-bojlers individwali tal-gass, 34% tal-ħiters tal-elettriku dirett, 47% tal-bojlers taż-żejt u 58% tal-bojlers tal-faħam huma eqdem mit-tul tal-ħajja teknika tagħhom.
Id-deċiżjonijiet biex jinbidel l-apparat antik tipikament jittieħdu taħt pressjoni, meta s-sistema tat-tisħin tinkiser. It-tqabbil tal-prezzijiet bejn is-soluzzjonijiet, kif ukoll l-informazzjoni dwar kif is-sistema eżistenti tagħhom taħdem, mhix disponibbli faċilment għal ħafna mill-konsumaturi. Dan iwassalhom biex ikomplu jużaw teknoloġiji eqdem, li huma inqas effiċjenti.
F'xi partijiet mill-Ewropa, sa tliet kwarti mit-tniġġis tal-materja partikolata fina fuq barra huwa attribwibbli għat-tisħin domestiku bil-fjuwils solidi (inkluż il-faħam u l-bijomassa). Il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta' ksur dwar il-kwalità tal-arja ambjentalikontra diversi Stati Membri, fejn tirreferi għal żewġ każijiet fir-rigward ta' livelli għoljin persistenti ta' materja partikolata fina lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fl-2015. Il-Kummissjoni twissi dwar l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja mill-użu tal-faħam (linjite) u mill-bojlers u mill-fuklari li għandhom standards tal-emissjoni inferjuri għat-tisħin għaliex huma disponibbli soluzzjonijiet iżjed favorevoli għas-saħħa, li huma aċċessibbli faċilment u iktar effiċjenti u orħos fit-terminu ta' żmien twil.
Ir-rekwiżiti tat-tikkettar tal-ekodisinn u tal-enerġija għall-ħiters tal-post u tal-ilma daħlu fis-seħħ fl-2015. Il-bejgħ ta' bojlers ineffiċjenti issa huwa pprojbit. Il-kosumaturi jħarsu l-klassifikazzjonijiet tal-effiċjenza - kemm għal teknoloġiji uniċi kif ukoll għall-pakketti li jinkludu l-użu tar-rinnovabbli. It-tranżizzjoni li dawn il-miżuri huma mistennija li jrawmu għandha trendi ffrankar annwali tal-enerġija ta' 600 TWh u tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 ta' 135 miljun tunnellata sal-2030. Fl-istess ħin, l-emissjonijiet tat-tniġġis tal-arja se jonqsu wkoll.
Ir-Regolament il-ġdid dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra, ukoll se jaċċellera r-rennovazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ. Ir-refriġeranti ekoloġiċi joffru potenzjali kbar ta' ffrankar tal-enerġija, iżda jirrikjedu li xi applikazzjonijiet jiġu aġġornati għall-istandards eżistenti biex jiżguraw l-użu sikur tagħhom. Għal dak il-fini l-Kummissjoni bdiet il-proċess ta' rieżami tal-istandards Ewropej rilevanti.
Żmien tajjeb biex tinbidel is-sistema antika tat-tisħin huwa meta bini jkun qed jiġi rennovat. It-trasformazzjoni għal bini effiċjenti tagħmilha possibbli li ssir bidla għal pompi tas-sħana, għat-tisħin solari jew ġeotermali jew għas-sħana mitlufa. Dan l-apparat inaqqas il-kostijiet. Il-pompi tas-sħana jistgħu jdawru unità waħda tal-elettriku jew tal-gass fi 3 unitajiet jew iktar ta' tisħin jew ta' tkessiħ, filwaqt li s-sħana termali ma għandhiex bżonn input tal-fjuwil għat-tisħin. Barra minn hekk, hemm għadd ta' teknoloġiji innovattivi effiċjenti ħafna li malajr jaslu lejn it-tlestija għas-suq, bħaċ-ċelloli tal-fjuwil stazzjonarji.
Grafika 3: Klassifikazzjoni tal-effiċjenza ta' apparat tat-tisħin tal-post ġdid
Hemm disponibbli firxa wiesgħa tat-tisħin rinnovabbli u tas-soluzzjonijiet tat-tkessiħ u l-iskalar tas-suq ikun qed inaqqas il-prezz tagħhom. Id-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku (2010/30/UE) tiddikjara li l-inċentivi tal-Istati Membri għal prodotti bħall-ħiters jeħtieġ li jimmiraw lejn l-ogħla livelli ta' prestazzjoni. F'konformità mad-dikjarazzjoni tal-G20 2020 dwar is-sussidji tal-fjuwils fossili ineffiċjenti, il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri jiffokaw l-inċentivi fuq teknoloġiji tat-tisħin u tat-tkessiħ li huma bbażati fuq fjuwil mhux fossili.
It-tkessiħ jirriżulta l-iktar minn apparat elettriku, minkejja li hemm teknoloġiji tat-tkessiħ innovattivi ta' enerġija baxxa li huma prometenti. Regolament adotatt reċentament dwar l-ekodisinn li jkopri l-prodotti tat-tkessiħ jikkonkludi s-sett tar-rekwiżiti għat-tisħin u għat-tkessiħ. Se jrendi tfaddil tal-fjuwil ta' 5 Mtoe fis-sena fl-2030, li jikkorrispondu għal 9 miljun tunnelata ta' CO2.
Industrija
L-industrija sarrfet għal kwart mill-konsum finali tal-enerġija tal-UE fl-2012. 73% ta' din tintuża għat-tisħin u għat-tkessiħ. L-industrija Ewropea naqset l-intensità enerġetika tagħha darbtejn iktar malajr mill-Istati Uniti tal-Amerka mis-sena 2000 l'hawn. Ir-rata ta' titjib hija iktar iebsa fis-setturi li huma intensi fl-enerġija
. Ir-raġuni hija ċara: l-enerġija hija kost importanti. Billi jitpoġġa prezz fuq l-emissjonijiet tad-CO2, l-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet ipprovdiet inċentiv biex jintużaw fjuwils b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u biex isir investiment fl-effiċjenza enerġetika.
Għad fadal potenzjal sinifikanti. Bl-użu ta' teknoloġiji eżistenti, huwa possibbli li l-kostijiet tal-enerġija fl-industrija jonqsu bejn 4-10% b'investimenti li jħallsu għalihom infushom f'inqas minn 5 snin. Madankollu, il-viżibilità tat-tfaddil enerġetiku hija baxxa.
Kollettivament, id-domanda tal-SMEs għall-enerġija hija konsiderevoli. Spiss ikollhom inqas riżorsi u inqas aċċess għall-finanzjament biex jagħmlu t-titjib. Jista' ma jkollhomx il-kapaċità jmexxu proġetti bħal dawn u, billi ma jkollhomx inċentiv dirett tal-prezz tal-karbonju, rarament jaraw l-effiċjenza enerġetika bħala prijorità, speċjalment fis-snin bikrin tagħhom.
L-istituzzjonijiet finanzjarji spiss jibqgħu lura milli jipprovdu prodotti finanzjarji minħabba r-riskji perċepiti.
L-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-industrija huwa limitat. Kważi kollox huwa bijomassa, minkejja l-maturità tas-suq - tal-inqas għas-sħana tat-temperatura baxxa - tal-pompi tas-sħana, solari u ġeotermali
. Bl-iżvilupp teknoloġiku, iktar applikazzjonijiet ta' sħana ta' temperatura medja (sa 250°C) se jsiru fattibbli fis-suq.
Sħana u kesħa mitlufa
Xi industriji jiġġeneraw is-sħana bħala prodott sekondarju. Ħafna iżjed minn din tista' terġa tintuża fl-impjanti jew tinbiegħ biex issaħħan bini ieħor viċin. L-istess japplika għas-sħana mitlufa mill-impjanti tal-enerġija, is-settur tas-servizzi u infrastruttura bħall-metro
.
Il-kesħa mitlufa tiġi ġġenerata f'siti bħat-terminali tal-gass naturali likwifikat u l-grilji tal-gass. Rari terġa tintuża, minkejja l-fatt li t-teknoloġija biex isir dan tintuża diġà fuq bażi kummerċjali f'xi sistemi ta' tkessiħ distrettwali. L-integrazzjoni tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-użu mill-ġdid tal-kesħa mitlufa toħloq benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u tnaqqas id-domanda tal-enerġija primarja għall-kesħa.
L-ostakli għall-użu ta' dawn ir-riżorsi huma n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli; mudelli u inċentivi kummerċjali inadegwati; nuqqas ta' netwerks tas-sħana; u nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-industrija u l-kumpaniji tat-tisħin distrettwali.
4.Sinerġiji fis-sistema tal-enerġija
Il-grilja elettrika tal-futur se tintegra iktar enerġija rinnovabbli, speċjalment enerġija eolika u enerġija solari inkluż provvisti deċentralizzati. Għalhekk il-provvista u d-domanda jridu jsiru iktar flessibli, permezz ta' użu iktar mifrux ta' tnaqqis fid-domanda, mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda u l-ħżin tal-enerġija.
Ir-rabta tat-tisħin u tat-tkessiħ man-netwerks tal-elettriku se jnaqqsu l-kost tas-sistema tal-enerġija - għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Pereżempju, l-elettriku matul is-sigħat kwieti jista' jintuża biex isaħħan l-ilma f'tankijiet latenti li jistgħu jaħżnu l-enerġija għall-jiem sħaħ u saħansitra ġimgħat.
Tisħin u tkessiħ distrettwali
It-tisħin distrettwali jipprovdi 9% tat-tisħin tal-UE. Fl-2012 il-fjuwil prinċipali kien il-gass (40%), segwit mill-faħam (29%) u mill-bijomassa (16%). It-tisħin distrettwali jista' jintegra l-elettriku rinnovabbli (permezz ta' pompi tas-sħana), l-enerġija ġeotermali u solari termali, is-sħana mitlufa u l-iskart muniċipali. Jista' joffri flessibbiltà għas-sistema tal-enerġija billi jaħżen l-enerġija termali b'mod irħis, pereżempju f'tankijiet tal-ilma sħun jew taħt l-art.
It-tisħin distrettwali għandu tradizzjoni twila fi Stati Membri b'xitwa kiesħa. F'xi pajjiżi, it-tisħin distrettwali jitqies bħala għażla attraenti għall-kumpaniji u għall-konsumaturi u bħala mezz ta' titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-varar tal-enerġija rinnovabbli. F'postijiet oħrajn, madankollu, is-sistemi antiki naqsu minħabba n-nuqqas ta' investiment jew regolamentazzjoni mhux favorevoli tal-prezzijiet, prestazzjoni baxxa u perċezzjonijiet negattivi tal-konsumaturi. Xi Stati Membri qed jagħmlu sforz biex jimmodernizzaw u jespandu sistemi antiki - oħrajn, fejn it-teknoloġija bilkemm hija magħrufa, qed jibnu l-ġodda. It-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-objettivi tal-kwalità tal-arja, speċjalment jekk jissostitwixxu jew jevitaw tisħin domestiku bil-fjuwils solidi.
Is-sinerġiji bejn il-proċessi tal-iskart għall-enerġija u t-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jipprovdu enerġija sigura, rinnovabbli, u f'xi każijiet, orħos meta jieħdu post il-fjuwil fossili. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li għandha toħroġ preżentament dwar l-iskart għall-enerġija se tindirizza din il-kwistjoni fid-dettall.
Koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija (CHP)
Il-koġenerazzjoni (CHP) tista' tipproduċi tfaddil sinifikanti tal-enerġija u s-CO2 meta mqabbla mal-ġenerazzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku. Tintuża fl-industrija u fis-settur tas-servizzi biex tiffranka l-flus u tiżgura provvista stabbli u affidabbli tas-sħana u tal-elettriku.
Il-kombinazzjoni mal-ħżin termali żżid l-effiċjenza tal-koġenerazzjoni għaliex il-produzzjoni tas-sħana tista' tinħażen aktar milli titnaqqas jekk ma jkunx hemm bżonnha f'dak il-mument. Ħafna teknoloġiji tal-koġenerazzjoni għandhom il-kapaċità li jużaw l-enerġija rinnovabbli (ġeotermali, bijogass), il-fjuwils alternattivi (eż. l-idroġenu) u s-sħana mitlufa. It-triġenerazzjoni għandha tiġi sfruttata wkoll biex tuża l-produzzjoni tas-sħana għat-tkessiħ fis-sajf.
Il-potenzjal ekonomiku tal-koġenerazzjoni mhux qed jiġi sfruttat. Is-settur jaffaċċa ostakli bħall-ħtieġa kumplessa li jkun hemm konformità mar-regolamenti tal-provvista tal-elettriku u tas-sħana. Unitajiet iżgħar jaffaċċaw ostakli ta' konnessjoni mal-grilja u ta' aċċess għall-grilja, bħal proċessi li jaħdmu bil-mod biex jagħtu l-permessi u tariffi għoljin. Dawn l-ostakli regolatorji u amministrattivi s'issa għadhom ma ġewx indirizzati kompletament mill-Istati Membri.
Bini intelliġenti
Bini intelliġeni konness ma' grilja intelliġenti jippermetti kontroll remot jew awtomatiku tat-tisħin u tat-tkessiħ, tat-tisħin tal-ilma, tal-apparat u tad-dawl skont il-ħin u d-data, l-umdità, it-temperatura fuq barra, u skont jekk il-bini fihx nies ġo fih.
Il-ġestjoni awtomatika tad-domanda għall-enerġija fil-bini tippermetti lill-konsumaturi jipparteċipaw fir-rispons għad-domanda, billi jaġġustaw il-ħin tal-konsum tagħhom b'risposta għall-prezz tal-elettriku.
Ix-xejra għan-negozji u d-djar biex jipproduċu l-elettriku tagħhom stess toħloq opportunitajiet ġodda li jikkontrollaw il-kost. L-awtokonsum, minbarra li jippermetti l-parteċipazzjoni attiva fis-swieq tal-enerġija, jista' jbaxxi l-kostijiet tas-sistema tal-enerġija, eż. PV solari jista' jissodisfa d-domanda massima tal-elettriku għall-kundizzjonament tal-arja. Il-ġenerazzjoni u l-konsum tal-elettriku lokalment jistgħu jnaqqsu wkoll it-telf fis-sistema u jżidu r-reżiljenza tagħha.
5.Għodod u soluzzjonijiet
It-tisħin u t-tkessiħ qed jiġu prodotti lokalment fi swieq li huma frammentati. L-indirizzar tal-ostakli għal tisħin u tkessiħ iktar effiċjenti u sostenibbli se jirrikjedi azzjoni fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, fi ħdan qafas ta' appoġġ Ewropew.
Skont id-Direttiva tal-Effiċjenza Enerġetika (EED), l-Istati Membri diġà żviluppaw Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza Enerġetika li fihom jistipulaw l-azzjonijiet biex inaqqsu d-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ; strateġiji ta' restawr tal-bini li jipprovdu qafas aħjar għall-investiment; u valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal għal koġenerazzjoni u tisħin distrettwali ta' effiċjenza għolja.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri:
-Jeżaminaw mill-ġdid il-liġijiet tal-proprjetà tagħhom biex jindirizzaw kif se jikkondividu l-gwadann mit-titjib fl-enerġija fi proprjetajiet ta' kiri privat bejn is-sidien tal-proprjetà u l-kerrejja, u dwar kif se jikkondividu l-benefiċċji u l-kostijiet fost ir-residenti ta' bini li fih ħafna appartamenti. Dan jista' jiġi stabbilit fl-istatus legali tal-kondominji jew fir-regolament tal-assoċjazzjonijiet tal-bini;
-Jiżguraw li sehem tal-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika jiġi ddedikat għat-titjib għal djar li huma fqar fl-enerġija jew (bħala riżultat ta') għal dawk li jgħixu fiż-żoni l-iktar foqra, pereżempju, billi jinvestu f'tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ li huwa effiċjenti fl-enerġija;
-Jaħdmu mal-partijiet ikkonċernati biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-aspetti domestiċi tal-effiċjenza enerġetika, u speċjalment mal-korpi, bħall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li jistgħu jagħtu parir lill-konsumaturi dwar il-forom effiċjenti u sostenibbli tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-iżolament;
-Jistimulaw il-varar tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifiki tal-enerġija tal-kumpaniji;
-Jappoġġaw l-atturi lokali u reġjonali li jistgħu jtejbu l-prospetti bankarji tal-investiment permezz ta' 'raggruppamenti' ta' proġetti individwali f'pakketti tal-investiment ikbar. L-inizjattivi bħall-Faċilità ELENA, Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u l-Ftehim Formali tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija, integrat u ġdid, ilkoll jistgħu jħeġġu dan l-approċċ.
Bħala parti mill-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima għandhom jintegraw is-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ.
Bini
Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) tistabbilixxi qafas għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini Ewropew. It-teħid tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-enerġija gradwalment se jnaqqsu d-domanda għall-enerġija u se jżidu l-provvista minn sorsi rinnovabbli. Madankollu, ir-rata ta' restawr tal-bini hija baxxa (0,4 sa 1,2% fis-sena).
Bħala parti mir-rieżami tal-EPBD (inkluż il-komponent REFIT) fl-2016, il-Kummissjoni se tħares lejn il-possibbiltà ta' tisħiħ tal-affidabbiltà taċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija u se tirrinforza s-sinjali tagħhom għall-enerġija rinnovabbli.
Il-Kummissjoni se teżamina:
-L-iżvilupp ta' sett ta' għodod ta' miżuri li jiffaċilitaw ir-restawr f'bini li fih ħafna appartamenti;
-Il-promozzjoni ta' mudelli li taw prova tal-effiċjenza enerġetika għall-bini pubbliku mibni għal skopijiet edukattivi u sptarijiet;
-L-użu ta' spezzjonijiet tal-bojlers biex tipprovdi informazzjoni dwar l-effiċjenza tas-sistemi ta' tisħin u tkessiħ eżistenti;
-L-iffaċilitar tat-teħid mis-suq ta' skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji għal bini li mhux residenzjali.
L-EED stabbiliet id-drittijiet tal-konsumatur għall-informazjoni dwar il-konsum tat-tisħin u tat-tkessiħ. Madankollu, il-frekwenza tal-metraġġ u tal-informazzjoni dwar il-kontijiet tista' tkun għadha mhux suffiċjenti biex tipprovdi lill-konsumaturi b'dejta dwar il-konsum fil-ħin reali jew kważi reali. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija tar-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u l-inizjattiva tad-disinn tas-suq tal-elettriku fl-2016, se tħares lejn:
-It-tisħiħ tar-rispons lill-konsumaturi permezz ta' metraġġ u ħruġ ta' kontijiet avvanzati;
-Il-kostruzzjoni ta' għodod avvanzati għall-metraġġ, għall-kontroll u għall-awtomazzjoni bbażati fuq rekwiżiti ta' informazzjoni standard fil-ħin reali għall-bini tas-settur tas-servizzi;
-Il-konsumaturi jingħataw is-setgħa jipparteċipaw fir-rispons tad-domanda, u b'hekk jiffrankaw il-flus.
Tisħin u tkessiħ ibbażati fuq enerġija rinnovabbli u effiċjenti
Il-Kummissjoni, meta teżamina mill-ġdid l-EPBD, l-EED u d-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli, se tħares lejn:
-Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' approċċ komprensiv biex jitħaffef it-tibdil ta' bojlers tal-fjuwil fossili obsoleti b'tisħin rinnovabbli effiċjenti u ż-żieda tal-varar tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin distrettwali u l-koġenerazzjoni;
-Appoġġ għall-awtoritajiet lokali fit-tħejjija ta' strateġiji għall-promozzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ rinnovabbli;
-L-istabbilment ta' sit web b'għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet dwar il-kostijiet tul il-ħajja u l-benefiċċji ta' sistemi ta' tisħin u tkessiħ.
Sistemi intelliġenti
Il-grilji intelliġenti, il-metraġġ intelliġenti, id-djar u l-bini intelliġenti, l-awtoġenerazzjoni u l-ħżin termali, tal-elettriku u dak kimiku jeħtieġ li jiġu promossi permezz ta' disinn tas-suq modern.
Bħala parti mir-rieżamijiet tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku, tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u tal-EED, il-Kummissjoni se tħares lejn:
-Ir-regoli għall-integrazzjoni tal-ħżin termali (fil-bini u t-tisħin distrettwali) f'mekkaniżmi tal-flessibbiltà u tal-bilanċ tal-grilja;
-L-inċentivar tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-suq tal-enerġija permezz ta' produzzjoni u konsum tal-elettriku deċentralizzati;
-L-inċentivar tat-teħid tal-enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tas-sħana, inkluż il-koġenerazzjoni;
-L-inċentivar tat-teħid ta' soluzzjonijiet, sistemi u apparat għal bini intelliġenti li huma kompletament interoperabbli.
Il-Kummissjoni se:
-Tintensifika l-kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi Ewropej;
-Testendi x-xogħol tal-kampanja tal-ħiliet BUILD UP biex jitjieb it-taħriġ għall-professjonisti tal-bini, b'mod partikolari permezz ta' modulu ġdid għall-esperti u l-arkitetti tal-enerġija;
-Tistabbilixxi diskussjonijiet settorjali mal-industrija u l-iżvilupp ta' valuri referenzjarji/gwida għall-aħjar prassi dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Tali diskussjonijiet jistgħu wkoll jgħaddu informazzjoni għad-Dokumenti ta' Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali;
-Tipprovdi gwida għall-kumpaniji fl-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' ffrankar ta' flus mill-verifiki tal-enerġija u s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Enerġija;
-Tivvaluta prassi tajbin dwar kif l-Istati Membri jistgħu jistimulaw it-teħid tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifiki tal-kumpaniji tal-enerġija.
Innovazzjoni
Il-Kummissjoni, skont il-Pjan Strateġiku tat-Teknoloġija tal-Enerġija se:
-Tintegra r-riżultati tad-diskussjonijiet settorjali industrijali f'inizjattivi tar-R&Ż tal-UE;
-Tippromwovi l-enerġija rinnovabbli u s-sħana mitlufa abbażi tal-koġenerazzjoni;
-Teżamina approċċi ġodda għal tisħin f'temperatura baxxa fl-industrija;
-Tiżviluppa materjali avvanzati u proċessi industrijalizzati tal-kostruzzjoni mas-settur tal-kostruzzjoni u ma' istituzzjonijiet mexxejja fil-qasam tal-materjali u tal-industrija.
L-azzjonijiet tar-riċerka, tal-innvazzjoni u tad-demostrazzjoni ffinanzjati minn Orizzont 2020 se jappoġġaw l-istrateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ ukoll.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa l-użu tal-FSIE għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti marbutin mat-tisħin u mat-tkessiħ nazzjonali u reġjonali.
Finanzjament
Il-Kummissjoni, skont l-inizjattiva 'Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti' se:
-Tiffaċilita l-aggregazzjoni ta' proġetti żgħar f'pakketti investibbli, u, mal-EEFIG, se tittestja qafas għal proċeduri ta' sottoskrizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex jinkorporaw l-impatti tal-effiċjenza enerġetika fil-prassi ta' kuljum tas-suq;
-Tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu punti uniċi ta' kuntatt għall-investimenti ta' karbonju baxx (li jinkludu servizzi konsultattivi, Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti u finanzjament tal-proġetti);
-Tħeġġeġ lill-banek għall-konsumatur joffru prodotti adattati għar-restawr ta' bini mikri privatament (eż. ipoteka differita, self għal terminu) u jiddisseminaw l-aħjar prassi, b'rabta mat-trattament tat-taxxa għar-restawr ukoll.
6.Konklużjonijiet
Il-konsumaturi jridu jkunu ċentrali għal din l-istrateġija, bl-użu ta' teknoloġiji moderni u soluzzjonijiet innovattivi biex jimxu lejn sistema tat-tisħin u tat-tkessiħ intelliġenti, effiċjenti u sostenibbli li tista' tagħti lok għal tfaddil tal-enerġija u dak baġitarju għall-kumpaniji u għaċ-ċittadini, ittejjeb il-kwalità tal-arja, iżżid il-benessri għall-individwi u tipprovdi benefiċċji għas-soċjetà globali.
Din l-istrateġija tibni bażi solida fil-leġiżlazzjoni tal-UE u tidentifika oqsma fejn huma meħtieġa l-aġġornamenti jew ir-riformi biex ikunu vijabbli fil-futur u tikseb l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni, fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha tal-2016 għar-rieżamijiet tal-EPBD, l-EED, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Inizjattiva tad-Disinn tas-Suq il-ġdida, se tanalizza għażliet differenti biex tgħin lill-bini u lill-industrija jimxu lejn sistemi tal-enerġija effiċjenti u dekarbonizzati, ibbażati fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli u fuq l-użu tas-sħana mitlufa. Dawn l-analiżijiet se jinkludu t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-elettrifikazzjoni tat-tisħin permezz tal-pompi tas-sħana. Il-valutazzjonijiet tal-impatt se jistudjaw kif se jespandu r-rispons għad-domanda u t-tnaqqis u l-użu tal-ħżin termali fis-sistema tal-elettriku, kif joħolqu l-inċentivi t-tajbin għall-varar ta' teknoloġiji intelliġenti, u kif iżidu l-effettività tal-fondi pubbliċi u jimmobilizzaw l-investituri privati.
Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill iħaddnu din l-istrateġija.