30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/67

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil — It-tieni pakkett u qafas tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni

(2017/C 207/13)

Relatur:

Vincenzo Bianco (PSE/IT), Sindku ta’ Katanja

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)

COM(2016) 465 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul

COM(2016) 466 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE

COM(2016) 467 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2016) 468 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL EMENDI

COM(2016) 466 final (Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni)

Emenda 1

Artikolu 8.3 – Protezzjoni interna

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex f’riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għall-protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet determinanti għandhom, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, iqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant skont l-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet determinanti għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġornata tinkiseb mis-sorsi rilevanti kollha, inkluż informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini disponibbli fil-livell tal-Unjoni u l-analiżi komuni tal-informazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini msemmija fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XX [Ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil] kif ukoll informazzjoni u gwida maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati.

Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex f’riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għall-protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet determinanti għandhom, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, iqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant skont l-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet determinanti għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġornata tinkiseb mis-sorsi rilevanti kollha, inkluż informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini disponibbli fil-livell tal-Unjoni u l-analiżi komuni tal-informazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini msemmija fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XX [Ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil] kif ukoll informazzjoni u gwida maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati. Tista’ wkoll issir valutazzjoni tal-informazzjoni u l-gwida mogħtija minn sorsi u esperti indipendenti.

Raġuni

Jitqies li l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet indipendenti jistgħu jgħinu biex jipprovdu elementi li mhux dejjem ikunu disponibbli minn sorsi uffiċjali.

Emenda 2

Artikolu 15 – Ir-rieżami ta’ status ta’ rifuġjat

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sabiex jiġi applikat l-Artikolu 14(1), l-awtorità determinanti għandha teżamina mill-ġdid l-istatus ta’ rifuġjat, b’mod partikolari:

Sabiex jiġi applikat l-Artikolu 14(1), l-awtorità determinanti għandha teżamina mill-ġdid l-istatus ta’ rifuġjat, b’mod partikolari:

(a)

fejn l-informazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini fil-livell tal-Unjoni u analiżi komuni tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini kif imsemmija fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XX [Ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil] tindika bidla sinifikanti fil-pajjiż ta’ oriġini li tkun rilevanti għall-bżonnijiet tal-protezzjoni tal-applikant,

(b)

meta jiġi mġedded, għall-ewwel darba, il-permess ta’ residenza maħruġ lil rifuġjat.

(b)

meta jiġi mġedded, għall-ewwel darba, il-permess ta’ residenza maħruġ lil rifuġjat , bi proċedura semplifikata: fejn waqt il-proċedura semplifikata jirriżultaw elementi bħal dawk speċifikati fil-paragrafu (a) fid-dawl tal-possibbiltà ta’ rifjut ta’ tiġdid, din għandha immedjatament tiġi konvertita fi proċedura ordinarja, u l-persuna kkonċernata tingħatalha informazzjoni dwar dan; u, f’kull każ, titħares il-possibbiltà ta’ rikors ġudizzjarju għan-nuqqas ta’ tiġdid .

Raġuni

Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi r-rieżami tal-istatus mogħti lir-refuġjati; dan jirriżulta: a) awtomatikament kull meta jiġu rrappurtati, permezz tal-EASO, bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini; b) fi kwalunkwe każ, f’intervalli regolari, anki meta ma jkunux ġew irrappurtati bidliet; madankollu, jitqies li, f’dan it-tieni każ, it-tiġdid jista’ u għandu jsir bi proċedura semplifikata biex jiġu evitati piżijiet żejda fuq ir-refuġjati u ma jinħolqux sentimenti ta’ instabilità eċċessiva.

COM(2016) 467 final (Proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali)

Emenda 3

Artikolu 7(4) – Obbligi tal-applikanti

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-applikant għandu jinforma lill-awtorità determinanti tal-Istat Membru fejn huwa meħtieġ li jkun preżenti dwar il-post tar-residenza jew l-indirizz tiegħu jew numru tat-telefon fejn jistgħu jikkuntattjawh l-awtorità determinanti jew awtoritajiet responsabbli oħra. Hu għandu jinnotifika lil dik l-awtorità determinanti bi kwalunkwe bidla. L-applikant għandu jaċċetta kull komunikazzjoni fl-aktar post ta’ residenza jew indirizz reċenti li jkun indika, b’mod partikolari meta jippreżenta applikazzjoni skont l-Artikolu 28.

L-applikant għandu jinforma lill-awtorità determinanti tal-Istat Membru fejn huwa meħtieġ li jkun preżenti dwar il-post tar-residenza jew l-indirizz tiegħu u dwar in- numru tat-telefon fejn jistgħu jikkuntattjawh l-awtorità determinanti jew awtoritajiet responsabbli oħra. Hu għandu jinnotifika lil dik l-awtorità determinanti bi kwalunkwe bidla. L-applikant għandu jaċċetta kull komunikazzjoni fl-aktar post ta’ residenza jew indirizz reċenti li jkun indika, b’mod partikolari meta jippreżenta applikazzjoni skont l-Artikolu 28.

Raġuni

L-applikant għandu jinforma lill-awtoritajiet responsabbli dwar il-post ta’ residenza u l-indirizz u mhux biss in-numru tat-telefon tiegħu sabiex ikun jista’ jiġi infurmat dwar kwalunkwe deċiżjoni li taffettwa l-proċedura.

Emenda 4

Artikolu 15.5 – Assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas (fil-proċedura amministrattiva)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura tal-appell tista’ tkun eskluża fejn:

L-għoti ta’ assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedura tal-appell tista’ tkun eskluża fejn:

(a)

l-applikant ikollu riżorsi suffiċjenti;

(a)

l-applikant ikollu riżorsi suffiċjenti.

(b)

l-appell jitqies li ma għandux prospett tanġibbli ta’ suċċess;

(c)

l-appell jew ir-reviżjoni hija fit-tieni livell ta’ appell jew ogħla kif previst fil-liġi nazzjonali, inkluż smigħ mill-ġdid jew reviżjonijiet tal-appell.

Fejn tittieħed deċiżjoni li ma tingħatax assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas minn awtorità li mhix qorti jew tribunal minħabba li jkun meqjus li l-appell ma għandux prospett tanġibbli ta’ suċċess, l-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra dik id-deċiżjoni, u għal dak il-għan hu se jkun intitolat li jitlob assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

Jekk jirriżulta li l-applikazzjoni titressaq għal raġunijiet purament strumentali jew manifestament bla bażi, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas u li titnaqqas jew titwaqqaf ir-remunerazzjoni dovuta mill-Istat lill-konsulent (fejn stipulat).

Raġuni

Jitqies, b’mod partikolari fil-każ ta’ proċedura ta’ appell (kemm fl-ewwel livell u/jew f'livelli ogħla), li ċ-ċaħda tad-dritt għal assistenza legali għandha ssir abbażi ta’ kriterju neċessarjament riġidu u kemm jista' jkun mhux abbażi ta' probabbiltà jew diskrezzjoni, u li għandu neċessarjament ikun imħallef li jwettaq il-valutazzjoni kkonċernata.

Emenda 5

Artikolu 33.2 – L-eżami tal-applikazzjonijiet

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   L-awtorità determinanti għandha tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonjiet għall-protezzjoni internazzjonali wara eżami xieraq fir-rigward tal-ammissibilità jew il-merti ta’ applikazzjoni. L-awtorità determinanti għandha teżamina applikazzjonijiet oġġettivament, b’mod imparzjali u fuq bażi individwali. Għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni, din għandha tqis:

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi soġġett għal persekuzzjoni jew ħsara serja;

(a)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi soġġett għal persekuzzjoni jew ħsara serja;

(b)

l-informazzjoni rilevanti, preċiża u aġġornata kollha relatata mas-sitwazzjoni li tkun attwalment teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inklużi liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u mod li bih jiġu applikati, kif ukoll kull informazzjoni oħra rilevanti miksuba mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil, mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem rilevanti, jew minn sorsi oħra;

l-analiżi komuni tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Asil);

(c)

l-analiżi komuni tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Asil);

(d)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħalma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru sabiex jiġi stmat jekk, abbażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunux jammontaw għal persekuzzjoni jew ħsara serja;

(e)

jekk l-attivitajiet li kien involut fihom l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux imwettqa mill-applikant għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew ħsara serja jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(f)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

(f)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza;

(g)

id-dikjarazzjonijiet, jekk appoġġjati minn dokumenti uffiċjali u d-dokumenti mressqa mill-applikant sabiex jagħti prova tal-preferenzi tiegħu, ir-rabtiet familjari, ir-rabtiet mal-komunità mal-pajjiż ta’ oriġini, il-ħiliet lingwistiċi jew professjonali li jistgħu jiffaċilitaw l-inseriment f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri ta’ destinazzjoni.

Raġuni

Din l-emenda hija konsistenti ma’ dik inkluża fl-opinjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin (…) diġà approvata mill-Kummissjoni CIVEX, u skont liema għandhom jitqiesu l-preferenzi u r-rabtiet tal-applikant sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

Emenda 6

Artikolu 34 – It-tul tal-proċedura tal-eżami

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   L-eżami biex tkun determinata l-ammissibilità ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ma għandhiex tieħu aktar minn xahar mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

1.   L-eżami biex tkun determinata l-ammissibilità ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ma għandhiex tieħu aktar minn xahar mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

Il-limitu ta’ żmien għal tali eżami għandu jkun ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol fejn, skont l-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta’ Dublin), l-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni japplika l-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil jew pajjiż terz bla periklu msemmi fl-Artikolu 36(1)(a) u (b).

2.   L-awtorità determinanti għandha tiżgura li proċedura tal-eżami fuq il-merti tiġi konkluża kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ.

3.   L-awtorità determinanti tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur b’perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur fejn:

3.   L-awtorità determinanti tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur b’perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur oħra fejn:

(a)

numru sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt jew liġi;

(b)

ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt jew liġi;

Raġuni

Il-varjabbiltà tat-termini tista’ ddgħajjef l-eżerċitar tad-drittijiet tad-difiża filwaqt li żżid l-obbligi ta’ verifika u ta' aġġornar għad-difensur dwar il-pożizzjoni tal-persuna assistita.

Minħabba li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew dħul eċċessiv, filwaqt li jitqies l-appoġġ speċjali mill-EASO jew Stati Membri oħra, huwa rakkomandabbli li t-tul ta’ żmien massimu tal-proċedura jiżdied minn disa’ xhur għal sena (b’mod kumplessiv).

Emenda 7

Artikolu 36.2 – Deċiżjoni dwar l-ammissibilità tal-applikazzjoni u dwar il-kompetenza

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Applikazzjoni ma għandhiex tkun eżaminata fuq il-merti tagħha f’każijiet fejn applikazzjoni mhix eżaminata b’konformità mar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta’ Dublin), inkluż fejn Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni internazzjonali lill-applikant, jew meta applikazzjoni tiġi rrifjutata bħala inammissibbli skont il-paragrafu 1.

Applikazzjoni ma għandhiex tkun eżaminata fuq il-merti tagħha f’każijiet fejn applikazzjoni mhix eżaminata b’konformità mar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta’ Dublin), inkluż fejn Stat Membru ieħor ikun ta protezzjoni internazzjonali lill-applikant, jew meta applikazzjoni tiġi rrifjutata bħala inammissibbli skont il-paragrafu 1 jew meta, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX (ir-Regolament ta’ Dublin), l-applikant ikun esprima preferenza għal Stat wieħed jew iktar ta’ destinazzjoni fejn, skont id-dejta pprovduta kull tliet xhur mill-EASO, ma jkunx intlaħaq il-limitu minimu previst fl-Artikoli 7 u 35 ta’ dak ir-Regolament .

Raġuni

Anke f'dan il-każ, l-emenda hija konsistenti mal-opinjoni dwar il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin diġà adottata mill-Kummissjoni CIVEX; fil-fatt, fl-ipotesi eżaminata, l-eżami tal-mertu irid isir mill-Istat nominat abbażi tal-kriterju ta' preferenza/rabta u mhux tal-ewwel pajjiż tal-wasla, li għandu sempliċement jiżgura t-trasferiment tal-persuna lejn il-pajjiż responsabbli.

Emenda 8

Artikolu 39 – Irtirar impliċitu ta’ applikazzjonijiet

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   L-awtorità determinanti għandha tirrifjuta applikazzjoni bħala abbandunata meta:

1.   L-awtorità determinanti għandha tirrifjuta applikazzjoni bħala abbandunata meta:

[…]

[…]

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità determinanti għandha twaqqaf l-eżami tal-applikazzjoni u tibgħat notifika bil-miktub lill-applikant fil-post tar-residenza jew l-indirizz imsemmi fl-Artikolu 7(4), fejn tinformah li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jkun twaqqaf u li l-applikazzjoni se tkun irrifjutata b’mod definit bħala abbandunata sakemm l-applikant ma jirrapportax lura lill-awtorità determinanti fi żmien perjodu ta’ xahar mid-data meta tintbagħat in-notifika bil-miktub.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità determinanti għandha twaqqaf l-eżami tal-applikazzjoni u tibgħat notifika bil-miktub lill-applikant fil-post tar-residenza jew l-indirizz imsemmi fl-Artikolu 7(4), fejn tinformah li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jkun twaqqaf u li l-applikazzjoni se tkun irrifjutata b’mod definit bħala abbandunata sakemm l-applikant ma jirrapportax lura lill-awtorità determinanti fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data meta tintbagħat in-notifika bil-miktub.

3.   Meta l-applikant jirrapporta lill-awtorità determinanti f’dak il-perjodu ta’ xahar u juri li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom, l-awtorità determinanti għandha tkompli l-eżami tal-applikazzjoni.

3.   Meta l-applikant jirrapporta lill-awtorità determinanti f’dak il-perjodu ta’ xahrejn u juri li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom, l-awtorità determinanti għandha tkompli l-eżami tal-applikazzjoni.

4.   Meta l-applikant ma jirrapportax lill-awtorità determinanti f’dak il-perjodu ta’ xahar u ma jurix li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom, l-awtorità determinanti għandha tqis li l-applikazzjoni tkun ġiet irtirata b’mod impliċitu.

4.   Meta l-applikant ma jirrapportax lill-awtorità determinanti f’dak il-perjodu ta’ xahrejn u ma jurix li n-nuqqas tiegħu kien dovut għal ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom, l-awtorità determinanti għandha tqis li l-applikazzjoni tkun ġiet irtirata b’mod impliċitu.

Raġuni

Jitqies li, minħabba d-diffikultajiet ta’ komunikazzjoni li jista’ jiltaqa’ magħhom l-applikant, għandu jiġi introdott perjodu ta' garanzija itwal.

Emenda 9

Artikolu 43 – Eċċezzjoni mid-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju f’applikazzjonijiet sussegwenti

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ nonrefoulement, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni mid-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tagħhom u jagħtu deroga mill-Artikolu 54(1), meta:

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ nonrefoulement, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni mid-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tagħhom u jagħtu deroga mill-Artikolu 54(1), meta:

(a)

applikazzjoni sussegwenti tkun ġiet irrifjutata mill-awtorità determinanti bħala inammissibbli jew manifestament mingħajr bażi;

(a)

applikazzjoni sussegwenti tkun ġiet irrifjutata mill-awtorità determinanti bħala inammissibbli jew manifestament mingħajr bażi;

(b)

it-tieni applikazzjoni jew applikazzjonijiet oħra sussegwenti jsiru fi kwalunkwe Stat Membru wara deċiżjoni finali li tirrifjuta applikazzjoni sussegwenti preċedenti bħala inammissibbli, mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi.

Id-dispożizzjoni msemmija f’punt b) ma għandhiex tapplika jekk l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet sottomessa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u, f’dan il-każ, l-applikant ma jkunx ibbenefika minn għajnuna legali;

Raġuni

Peress li l-obbligi ta’ informazzjoni, rappreżentanza u assistenza huma introdotti fil-livelli kollha biss permezz ta' dan il-pakkett ta’ proposti tal-Kummissjoni, jitqies li l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw li jagħtu d-dritt ta' permanenza fit-territorju tagħhom meta l-applikant ma jkunx diġà bbenefika minn għajnuna legali matul l-ewwel applikazzjoni.

Emenda 10

Artikolu 45.3 – Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-awtorità determinanti għandha tqis li pajjiż terz huwa pajjiż terz bla periklu għal applikant partikolari, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, biss meta hi tkun sodisfatta bis-sigurtà tal-pajjiż terz għal applikant partikolari skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 u tkun stabbiliet li:

a)

ikun hemm konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz inkwistjoni li abbażi tagħha ikun raġonevoli għal dik il-persuna li tmur f’dak il-pajjiż, inkluż minħabba li l-applikant ikun għadda in tranżitu minn dak il-pajjiż terz li jkun ġeografikament viċin tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant ;

a)

ikun hemm konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz inkwistjoni li abbażi tagħha ikun raġonevoli għal dik il-persuna li tmur f’dak il-pajjiż, inkluż minħabba li l-applikant ikun irrisjeda f'dak il-pajjiż terz għal perjodu konsiderevoli jew ikun hemm rabtiet jew relazzjonijiet familjari jew maċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż ;

b)

l-applikant ma jkunx ippreżenta raġunijiet serji biex il-pajjiż jitqies li mhuwiex pajjiż terz bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

b)

l-applikant ma jkunx ippreżenta raġunijiet serji biex il-pajjiż jitqies li mhuwiex pajjiż terz bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

Raġuni

It-tranżitu fih innifsu minn pajjiż terz fit-triq lejn l-UE (jew il-waqfien biss għaż-żmien meħtieġ fit-tħejjija għat-tluq) ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kriterju suffiċjenti biex l-applikant jintbagħat fil-pajjiż inkwistjoni.

Emenda 11

Artikolu 53.6 – Id-dritt għal rimedju effettiv

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-applikanti għandhom jippreżentaw appelli kontra kull deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1:

L-applikanti għandhom jippreżentaw appelli kontra kull deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1:

a)

fi żmien ġimgħa fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli jew manifestament mingħajr bażi;

a)

fi żmien ħmistax-il ġurnata fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni sussegwenti bħala inammissibbli jew manifestament mingħajr bażi;

b)

fi żmien ġimgħatejn fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala inammissibbli jew fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrfijuta applikazzjoni bħala espliċitament irtirata jew abbandunata, jew fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja wara proċedura aċċellerata ta’ eżami jew proċedura fuq il-fruntiera, jew meta l-applikant ikun qed jinżamm f’detenzjoni;

b)

fi żmien ħmistax-il ġurnata fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala inammissibbli jew fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrfijuta applikazzjoni bħala espliċitament irtirata jew abbandunata, jew fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala mingħajr bażi jew manifestament mingħajr bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja wara proċedura aċċellerata ta’ eżami jew proċedura fuq il-fruntiera, jew meta l-applikant ikun qed jinżamm f’detenzjoni;

c)

fi żmien xahar fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni bħala mingħajr bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja jekk l-eżami ma jkunx aċċellerat jew fil-każ ta’ deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu reviżjoni ex officio ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu skont proċedura fuq il-fruntiera.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu reviżjoni ex officio ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu skont proċedura fuq il-fruntiera.

Il-limiti ta’ żmien previsti f’dan il-paragrafu għandhom jibdew jgħoddu mid-data meta d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti tiġi notifikata lill-applikant, jew mill-mument meta jinħatar il-konsulent legali jekk l-applikant ikun introduċa talba għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas.

Jitqies li, anke fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu introdotti limiti ta’ żmien minimi pariġġ u mhux divrenzjati bejniethom.

COM(2016) 465 final (Standards dwar l-akkoljenza)

Emenda 12

Artikolu 7(5) – Residenza u libertà ta’ moviment

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-post ta’ residenza jew bl-indirizz attwali tagħhom jew b’numru tat-telefon fejn ikunu jistgħu jinqabdu u jinnotifikaw kull tibdil fin-numru tat-telefon jew fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-post ta’ residenza jew bl-indirizz attwali tagħhom u b’numru tat-telefon fejn ikunu jistgħu jinqabdu u jinnotifikaw kull tibdil fin-numru tat-telefon jew fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli.

Raġuni

L-applikant għandu jinforma lill-awtoritajiet responsabbli dwar il-post ta’ residenza u l-indirizz u mhux biss in-numru tat-telefon tiegħu sabiex ikun jista’ jiġi infurmat dwar kwalunkwe deċiżjoni li taffettwa l-proċedura.

Emenda 13

Artikolu 19 – Sostituzzjoni, tnaqqis jew irtirar ta' kundizzjonijiet ta' akkoljenza materjali

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Rigward l-applikanti li huma meħtieġa jkunu preżenti fit-territorju skont ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXX [ir-Regolament ta' Dublin], l-Istati Membri jistgħu, fis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2:

jibdlu l-akkomodazzjoni, l-ikel, il-ħwejjeġ u oġġetti oħrajn essenzjali mhux tal-ikel ipprovduti fil-forma ta' benefiċċji finanzjarji u vawċers, b'kundizzjonijiet ta' akkoljenza materjali pprovduti in natura; jew

inaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw il-benefiċċji għal kull jum.

(b)

inaqqsu l-benefiċċji għal kull jum.

2.   Il-paragrafu 1 japplika meta applikant:

2.   Il-paragrafu 1 japplika meta applikant:

(a)

jabbanduna l-post ta' residenza ddeterminat mill-awtorità kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk dan ikun mitlub, mingħajr permess, jew jaħrab; jew

(a)

jabbanduna l-post ta' residenza ddeterminat mill-awtorità kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk dan ikun mitlub, mingħajr permess, jew jaħrab għal tul ta’ żmien raġonevoli stabbilit fil-liġi nazzjonali ; jew

(b)

ma jikkonformax ma’ obbligi ta’ rrapportar jew ma’ talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura tal-asil matul perjodu raġonevoli stipulat fil-liġi nazzjonali; jew

ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu [4(2)(i)] tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX [ir-Regolament dwar il-Proċeduri]; jew

(c)

ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu [4(2)(i)] tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX [ir-Regolament dwar il-Proċeduri]; jew

(d)

meta applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali indebitament; jew

(d)

meta applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali indebitament; jew

(e)

ikun kiser serjament ir-regoli taċ-ċentru tal-akkomodazzjoni jew ikun ġab ruħu b'mod serjament vjolenti; jew

(e)

ikun kiser serjament ir-regoli taċ-ċentru tal-akkomodazzjoni jew ikun ġab ruħu b'mod serjament vjolenti; jew

(f)

ikun naqas jattendi miżuri ta' integrazzjoni obbligatorji; jew

(f)

ikun naqas jattendi miżuri ta' integrazzjoni obbligatorji; jew

(g)

ma jkunx ikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu [4(1)] tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXX [ir-Regolament ta' Dublin] u jkun ivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor mingħajr ġustifikazzjoni adegwata u jkun għamel applikazzjoni hemm; jew

(h)

ikun intbagħat lura wara li jkun ħarab lejn Stat Membru ieħor.

(h)

ikun intbagħat lura wara li jkun ħarab lejn Stat Membru ieħor.

Rigward il-punti (a) u (b), meta l-applikant jinstab jew jirrapporta volontarjament lill-awtorità kompetenti, għandha tittieħed deċiżjoni mmotivata kif xieraq, ibbażata fuq ir-raġunijiet tal-għajbien, dwar installazzjoni mill-ġdid tal-għotja ta’ xi wħud mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali sostitwiti, irtirati jew imnaqqsa kollha.

3.   Deċiżjonijiet għal sostituzzjoni, ï tnaqqis jew irtirar ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għandhom jittieħdu b’mod oġġettiv u imparzjali fuq il-merti tal-każ individwali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ applikanti bi bżonnijiet ta' akkoljenza speċjali, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 18 u għandhom jiżguraw standard tal-għajxien dinjituż għall-applikanti kollha.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali ma jkunux ð sostitwiti, ï irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 3 .

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali ma jkunux ð sostitwiti, ï irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 3 .

Raġuni

Jitqies li l-ħarba għandha tiġi ddikjarata biss meta l-assenza tilħaq perjodu ta' żmien pariġġ, sabiex jiġi evitat li t-tluq sporadiku jew minħabba bżonn iwasslu għal penali eċċessivi. Fir-rigward tas-sussidju, qed tiġi proposta biss il-possibbiltà ta’ tnaqqis, peress li l-irtirar sħiħ jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ instabbiltà soċjali.

Emenda 14

Artikolu 23 – Minorenni mhux akkompanjati

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Minorenni mhux akkumpanjati

Minorenni mhux akkumpanjati

L-Istati Membri għandhom mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn ħamest'ijiem ta' xogħol mill-mument meta minorenni mhux akkumpanjat jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jieħdu miżuri biex jiżguraw li gwardjan jirrappreżenta u jassisti lill-minorenni mhux akkumpanjati sabiex jgħinuhom jibbenefikaw mid-drittijiet u jikkonformaw mal-obbligi stipulati f’din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol mill-mument meta minorenni mhux akkumpanjat jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali , jew fl-iqsar żmien possibbli, jieħdu miżuri biex jiżguraw li sponsor jirrappreżenta u jassisti lill-minorenni mhux akkumpanjati sabiex jgħinuhom jibbenefikaw mid-drittijiet u jikkonformaw mal-obbligi stipulati f’din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'perjodu ta' tranżizzjoni sakemm jinħatar sponsor jew rappreżentant, kull forma adegwata ta' rappreżentant ta' Stat Membru, li huwa intitolat biex jiżgura l-protezzjoni tat-tfal, u li jista' jinħatar ukoll mil-liġi fir-rigward ta’ kwistjonijiet urġenti li jistgħu jikkawżaw dannu irreparabbli għall-minorenni, hija suffiċjenti wkoll għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

Raġuni

Fi żminijiet meta jkun hemm akkoljenza ta’ numru kbir ta' minuri mhux akkumpanjati, jista' jkun meħtieġ li jiġi evitat li jiġu stabbiliti skadenzi vinkolanti għall-ħatra ta' sponsor. Il-kunċett ta' “gwardjan” u t-terminu stess jistgħu jkunu qarrieqa u inkompatibbli mal-liġi f'ħafna Stati Membri: nitolbu biex jintuża “sponsor” minflok.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ komprensiv u globali li jippromovi s-sostenibbiltà tal-politiki dwar l-asil u l-integrazzjoni tal-applikanti, u li jinvolvi lill-Unjoni kollha kemm hi u f’kuntest ta' sistema effettiva ta’ solidarjetà anke fost l-Istati Membri;

2.

jenfasizza, barra minn hekk, l-interess primarju kbir tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala msieħba meħtieġa tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea fil-ġestjoni u l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil, għal regolamentazzjoni ġusta u trasparenti f'dan il-qasam, għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-integrazzjoni soċjali u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jenfasizza barra minn hekk, li l-awtoritajiet lokali, li huma garanti tad-drittijiet taċ-ċittadini inġenerali, ikunu jistgħu jwettqu dan il-kompitu aħjar jekk ikollhom dispożizzjonijiet legali Komunitarji għal xiex jirreferu kif ukoll il-mezzi adatti biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini u d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jfittxu asil;

3.

ifakkar, kif diġà enfasizzat fl-opinjoni tiegħu dwar l-ewwel pakkett ta’ proposti, fil-ħtieġa għal soluzzjonijiet dejjiema li jindirizzaw din il-kwistjoni b’mod strutturali, filwaqt li titwarrab l-illużjoni li jiġu indirizzati emerġenzi fuq bażi individwali; madankollu, filwaqt li japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi soluzzjonijiet b'rispons għall-urġenza u l-pressjoni politika li jirriżultaw, iqis li tinħtieġ riflessjoni aktar profonda tal-oriġini tal-problema, b’kunsiderazzjoni tal-obbligi internazzjonali, id-drittijiet tal-migranti u l-ħtiġiet tad-diversi livelli ta’ governanza u fiż-żoni ġeografiċi kollha tal-Unjoni, mingħajr ma jinħoloq piż żejjed, għal raġunijiet ta’ formalità u ta' prinċipju, għall-Istati fuq il-fruntiera jew dawk aktar esposti jew imfittxija mill-applikanti;

4.

jilqa’ tajjeb l-approċċ u l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' assistenza mogħtija lill-applikanti, anke biex jiskoraġġixxu l-movimenti sekondarji interni fi ħdan l-UE; iqis, madankollu, li approċċ ibbażat biss fuq l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet materjali u l-penali relatati maċ-ċaqliq sekondarju mhux awtorizzat ma jkunx biżżejjed;

5.

iqis fil-fatt li, sabiex titħeġġeġ l-integrazzjoni u jitneħħew kemm jista’ jkun il-kawżi prinċipali tal-movimenti sekondarji, huwa importanti kif ukoll meħtieġ li jitqiesu r-rabtiet effettivi, il-ħiliet tax-xogħol u l-preferenzi tal-applikanti fir-rigward ta' Stat Membru wieħed jew aktar, kif diġà ġie enfasizzat fl-opinjoni dwar l-ewwel pakkett ta’ proposti tal-Kummissjoni Ewropea u, għal dan l-għan, jenfasizza l-importanza li tinġabar id-data rilevanti, bil-kooperazzjoni tal-partijiet interessati, biex tiffaċilita l-inklużjoni soċjali u professjonali;

6.

filwaqt li jqis b’mod pożittiv it-tħaffif tal-proċeduri għall-analiżi tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jenfasizza madankollu li dan ma għandux jirriżulta fi tnaqqis tad-drittijiet fundamentali u li l-proċeduri sommarji previsti fil-pakkett ta’ proposti għandhom jintużaw b’kawtela kbira u wara verifika bir-reqqa tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-użu tagħhom;

7.

jesprimi tħassib serju dwar is-soluzzjoni regolatorja adottata skont il-Qafas Komuni għar-Risistemazzjoni – COM(2016) 468 final – (adozzjoni tal-qafas ta' riferiment b’att tal-Kunsill u implimentazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni) li teskludi lill-Parlament Ewropew u li rari tiġri f’dan il-qasam, b’kuntrast mal-politika barranija u ta’ sigurtà;

8.

jilqa’ b’mod pożittiv il-proposti tal-Kummissjoni maħsubin biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmi flessibbli u effettivi li jagħmlu possibbli r-rikonoxximent taċ-ċertifikazzjoni u tal-kwalifiki professjonali bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali;

9.

jilqa’ tajjeb it-tisħiħ tar-rwol tal-EASO fl-appoġġ għall-Istati Membri;

10.

jilqa’ tajjeb il-previżjoni ta' dritt ġeneralizzat għal għajnuna legali, filwaqt li jenfasizza l-impatt pożittiv potenzjali anke biex jitnaqqsu l-ħin u l-għadd ta’ appelli fil-qorti;

11.

jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tkun appoġġjata permezz ta’ rinfurzar tal-aċċess u tal-allokazzjoni ta’ fondi tal-UE, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, li jeħtieġ li jkollhom il-kundizzjonijiet adatti biex jipprovdu akkoljenza adatta lill-applikanti għall-asil u lill-individwi li jkunu għadhom kif jaslu;

12.

jilqa’ l-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni jqisu l-interessi u l-benesseri tal-minorenni mhux akkumpanjati u, fost oħrajn, jistabbilixxu l-ħatra ta’ rappreżentant jew sponsor kemm jista’ jkun malajr. Fi żminijiet meta jkun hemm akkoljenza ta’ numru kbir ta’ minorenni mhux akkumpanjati, jista’ jkun meħtieġ li jiġi evitat li jiġu stabbiliti skadenzi vinkolanti għal tali ħatra ta’ gwardjan, li f’ħafna Stati Membri tinvolvi proċediment ġudizzjarju. Tali proċediment jiġi akkumpanjat b’garanziji proċedurali adegwati, bħall-ħatra ta’ interpretu, kif ukoll b’rekwiżiti speċifiċi għall-investigazzjoni, li ma jistgħux jitwettqu fi ħdan il-limiti ta’ żmien proposti mill-Kummissjoni;

13.

jirrikonoxxi li l-proposti huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li jindirizzaw b’mod komprensiv il-problemi ta’ natura transnazzjonali, bħalma huma s-solidarjetà fost l-Istati Membri, il-ħolqien ta’ sistema ta’ asil aktar integrata u t-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri: objettivi li ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħidhom; jirrikonoxxi li l-miżuri proposti, li jistabbilixxu regoli uniformi applikabbli għall-Unjoni Ewropea kollha, josservaw ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità; jittama li jkun hemm monitoraġġ kontinwu matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod li jiġi vverifikat li dawn il-prinċipji qegħdin jiġu rrispettati.

COM(2016) 467 final

14.

jirrakkomanda li d-definizzjoni ta’ “gwardjan” (Artikolu 4(2) (f)) tenfasizza l-indipendenza mill-amministrazzjoni, tal-persuna jew tal-organizzazzjoni maħtura sabiex tassisti u tirrappreżenta lill-minuri mhux akkumpanjat fil-proċeduri previsti f’dan ir-Regolament;

15.

jirrakkomanda li l-minorenni dejjem għandu jiġi assistit minn avukat fit-taħditiet mal-awtorità amministrattiva li teżamina l-applikazzjoni tiegħu (Arikolu 22);

16.

jirrakkomanda wkoll (dejjem b’referenza għall-Artikolu 22), li r-rappreżentant tal-minorenni fit-taħditiet tkun persuna jew korp indipendenti fir-rigward tal-amministrazzjoni u tinħatar mil-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, fl-interess biss tal-minorenni stess;

17.

jirrakkomanda, b'referenza għal applikazzjonijiet sussegwenti (Artikolu 42) li jiġi previst li, fl-eżami preliminari tal-applikazzjoni għall-finijiet tal-ammissibbiltà tagħha, jiġi vverfikat jekk l-applikant, fl-applikazzjoni preċedenti tiegħu, ikunx ibbenefika minn informazzjoni effettiva u assistenza legali u li n-nuqqas ta’ informazzjoni jew assistenza legali ma kinux ir-raġuni biex tiġġustifika l-applikazzjoni mill-ġdid;

18.

jirrakkomanda li ssir reviżjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 22(4) tal-proposta għal Regolament li tistabbilixxi li l-persuna li taġixxi bħala gwardjan għandha tinbidel biss meta l-awtoritajiet responsabbli jqisu li din ma tkunx wettqet b’mod adegwat il-kompiti tagħha ta’ gwardjan. Pereżempju, l-għażla ta’ rappreżentant ieħor fuq il-post tista’ tiġi offruta wkoll f’każ li jinbidel il-post tar-residenza tal-minorenni;

19.

jirrakkomanda, fir-rigward tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil, li l-inċiż “l-applikant ikun gawda protezzjoni” jiġi interpretat fis-sens li din il-protezzjoni tkun ġiet rikonoxxuta formalment u mhux sempliċement mogħtija;

20.

fir-rigward tat-tul ta’ żmien għall-ewwel livell ta’ appell (Artikolu 55) jenfasizza u jirrakkomanda li l-iskadenzi relatati ma għandhomx jiġu interpretati bħala preskrittivi u li (kif jistipula b'mod ċar l-Artikolu) ma jeskludux eżami adatt u komplet tal-applikazzjoni.

COM(2016) 466 final

21.

jopponi bil-qawwa l-introduzzjoni ta’ rieżami regolari u l-proċedura għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali: dawn fil-fatt mhux biss jistgħu jikkawżaw piż addizzjonali potenzjali għall-amministrazzjonijiet (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali) fil-qadi tal-prattiki u l-kompiti relatati mal-integrazzjoni tar-refuġjati, iżda huma wkoll sors ta’ inċertezza għall-partijiet interessati. F’dan ir-rigward, jikkundanna d-diskorsi politiċi, ksenofobiċi u populisti li jrewħu n-nirien tal-vjolenza u l-kriminalizzazzjoni ta’ dawk kollha li jfittxu l-asil, li b’hekk jiġġeneraw tensjoni soċjali bla bżonn, u jitlob li l-awtoritajiet u l-atturi politiċi jġibu ruħhom b’mod responsabbli;

22.

jesprimi tħassib serju rigward l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ żmien għat-terminu massimu tal-protezzjoni internazzjonali u rigward il-leġittimità ta’ din l-introduzzjoni, filwaqt li jistieden lill-koleġislaturi biex janalizzaw aktar dan il-punt;

23.

jirrakkomanda li, fil-każ tal-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, titqies il-possibbiltà li jingħata perjodu itwal minn dak previst fil-proposta tal-Kummissjoni (eż. sitt xhur) biex jinkiseb permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra (eż. tfittxija ta' xogħol) peress li l-proposta tipprevedi perjodu relattivament qasir (tliet xhur).

COM(2016) 465 final

24.

jirrakkomanda li jitqiesu mill-ġdid id-dispożizzjonijiet indikati fl-Artikolu 17a tal-proposta tal-Kummissjoni, skont liema fl-Stati Membri differenti minn dak ta’ kompetenza, l-applikant m'huwa intitolat għal ebda mill-kundizzjonijiet materjali ta’ assistenza previsti mir-Regolament, sabiex jiġi previst li meta jkun ġustifikat, għal raġunijiet ta' bżonn jew ta’ force majeure, dawn il-kundizzjonijiet, eventwalment bit-tnaqqis previst fl-Artikolu 19, ikunu jistgħu jiġu garantiti għal perjodu limitat;

25.

jirrakkomanda li ssir reviżjoni tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 23(1) tal-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi li l-persuna li taġixxi bħala gwardjan tinbidel biss “f’każ ta’ emerġenza”. Pereżempju, l-għażla ta’ rappreżentant ieħor fuq il-post tista’ tiġi offruta wkoll f’każ li jinbidel il-post tar-residenza tal-minorenni;

26.

jirrakkomanda li terġa’ titqies id-dispożizzjoni tal-Artikolu 17a tal-proposta tal-Kummissjoni, li skontha l-Istati Membri għandhom jiżguraw standard ta’ għajxien dinjituż għall-applikanti kollha, fejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jingħataw ir-responsabbiltà li jappoġġjaw, anke finanzjarjament, l-awtoritajiet lokali li jikkontribwixxu sabiex dan jiġi garantit.

COM(2016) 468 final

27.

jirrakkomanda li titqies mill-ġdid id-deċiżjoni li teskludi r-risistemazzjoni għal applikanti li fl-aħħar ħames snin daħlu irregolarment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea; meta jitqiesu l-kundizzjonijiet mifruxa ta' illegalità relatati ma’ tluq minn pajjiżi tal-viċinat, din l-għażla tidher wisq penalizzanti għall-applikanti li ta’ spiss ikunu vittmi ta’ dan il-fenomenu.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA