31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — It-Tieni Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija”

(COM(2017) 53 final)

u dwar ir-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport ta’ Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli”

(COM(2017) 57 final)

(2017/C 288/14)

Relatur:

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017

Bażi ġuridika

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.5.2017

Adottata fil-plenarja

31.5.2017

Sessjoni plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

190/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ t-Tieni Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija bħala parti mill-proċess tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal Djalogu mill-qrib dwar l-Enerġija mas-soċjeta ċivili fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġu ffaċilitati l-miżuri tanġibbli u jingħataw spinta għal Unjoni tal-Enerġija b’saħħitha.

1.2

Il-KESE minn dejjem ikkunsidra l-idea tal-Unjoni tal-Enerġija bħala ta’ importanza kbira ħafna għas-suċċess tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-progress għandu jiġi vvalutat mhux biss f’termini tal-elementi tal-Unjoni tal-Enerġija nnfisha, iżda wkoll f’termini tal-benefiċċji tagħha għaċ-ċittadini u n-negozji, inklużi l-SMEs.

1.3

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-progress minn angoli differenti, jiġifieri: il-benefiċċji ekonomiċi, l-iżvilupp ta’ impjiegi, il-progress fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, is-sistema tal-enerġija nnfisha, il-motivaturi politiċi u tas-soċjetà u l-użu ta’ strumenti ta’ politika.

1.4

Il-KESE jitlob l-adozzjoni mingħajr xkiel tal-inizjattivi mnedija s’issa – l-ewwel u qabel kollox – l-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Il-pjani nazzjonali huma ta’ importanza ewlenija, u l-Istati Membri għandhom iqisu l-implikazzjonijiet inevitabbli tal-miżuri tagħhom fuq pajjiżi oħra.

1.5

Il-KESE jirrimarka li minkejja l-progress li sar, għad hemm nuqqasijiet konsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-infrastruttura tal-enerġija u s-swieq tal-enerġija. L-infrastruttura tal-enerġija u l-kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti u affidabbli, is-swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb u l-effiċjenza fl-enerġija huma l-kontributuri ewlenin għas-sigurtà tal-enerġija. Għal dan il-għan, l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali għandhom jitkomplew, flimkien mal-iżvilupp ta’ sorsi domestiċi tal-enerġija u d-diversifikazzjoni ġeografika tal-enerġija importata.

1.6

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitkompla jiġi żgurat l-iżvilupp pożittiv fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. It-tibdil sinifikanti fis-sistema tal-enerġija kkawżat minn żieda rapida fl-enerġija rinnovabbli varjabbli u deċentralizzata jeħtieġ attenzjoni speċjali u għandu jiġi mmaniġġjat b’suċċess.

1.7

Il-KESE jilqa’ t-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) bħala opportunità biex jissaħħaħ l-investiment pubbliku-privat. Fir-rigward tal-investiment privat, attwalment l-inċentivi tas-suq huma dgħajfa, l-aktar minħabba politiki inkoerenti. Sabiex jiġu inkoraġġuti l-investituri privati, huwa imperattiv li jiġi żgurat ambjent ta’ investiment prevedibbli, fejn il-karattru fit-tul u stabbli tad-deċiżjonijiet politiċi u tal-leġislazzjoni huwa ta’ importanza kruċjali.

1.8

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni komprensiva tal-istrumenti attwali ta’ politika ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, sabiex ikun żgurat li jintużaw għodod xierqa għall-kisba tal-objettivi bl-aktar mod effiċjenti. Għandu jkun hemm aktar fokus fuq l-indirizzar ta’ problemi relatati ma’ taxxi u imposti li jgħollu l-prezzijiet għall-konsumatur, kif ukoll sussidji li jxekklu s-swieq tal-enerġija u s-sinjali ta’ investiment.

1.9

Jistgħu jinkisbu benefiċċji soċjali mill-Unjoni tal-Enerġija permezz tal-ħolqien tax-xogħol u l-użu dirett u indirett tal-enerġija miċ-ċittadini fl-attivitajiet ta’ kuljum. Madankollu, il-kisba ta’ sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija sfida kbira li trid tiġi ġestita b’mod li jiżgura tranżizzjoni ġusta.

1.10

Fir-rigward tat-tmexxija globali tat-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa, l-UE għandha tistinka sabiex tiġi massimizzata “l-impronta tal-karbonju” globali pożittiva tagħha, minflok ma tiffoka biss fuq l-emissjonijiet tagħha. Dan jinvolvi l-enfasizzar tar-rwol tal-innovazzjoni u l-politiki ta’ kummerċ u investiment, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi promoss l-ipprezzar globali tal-karbonju.

2.   Sfond

2.1

Din l-opinjoni tindirizza t-Tieni Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Appendiċi tiegħu, kif ukoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli. Dawn id-dokumenti juru l-progress li sar fl-oqsma differenti tal-Unjoni tal-Enerġija u jenfasizzaw kwistjonijiet u oqsma fejn hemm bżonn ta’ aktar azzjoni.

2.2

Ir-rapport ewlieni jivvaluta l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija mill-perspettivi li ġejjin: it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fl-enerġija/fir-riżorsi, l-awtonomizzazzjoni tal-konsumatur, infrastruttura valida għall-futur, l-isfida tal-investiment u d-dimensjoni esterna ta’ Unjoni tal-Enerġija b’saħħitha. Jevalwa wkoll is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħames pilastri tal-Unjoni tal-Enerġija, jiġifieri, is-sigurtà tal-enerġija, is-suq intern tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

2.3

Ir-rapport jiddeskrivi wkoll il-prospett ta’ żjara tal-Unjoni tal-Enerġija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Iż-żjara hija relatata mat-tħejjija tal-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima, u għandha wkoll l-għan li tindirizza lill-atturi lokali.

2.4

Ir-rapport separat dwar il-progress tal-enerġija rinnovabbli jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Istati Membri u f’setturi differenti, jiġifieri fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ u tat-trasport. Jindirizza wkoll l-ostakli amministrattivi għall-introduzzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u jiddiskuti s-sostenibbiltà tal-bijokarburanti u tal-bijoenerġija.

2.5

Għall-futur, ir-rapporti jirreferu għall-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” ta’ Novembru 2016. Ir-rapport ewlieni jinkludi wkoll pjan direzzjonali aġġornat għall-Unjoni tal-Enerġija, ibbażat fuq il-pjan direzzjonali oriġinali mill-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2015.

3.   Kummenti dwar l-idea prinċipali tal-Unjoni tal-Enerġija

3.1

Il-KESE minn dejjem ikkunsidra l-idea tal-Unjoni tal-Enerġija bħala ta’ importanza kbira ħafna għas-suċċess tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-Unjoni tal-Enerġija għandha twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej.

3.2

Waħda mill-ideat bażiċi wara l-Unjoni tal-Enerġija hija li jiġu massimizzati l-benefiċċji permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-koerenza u l-unità politika huma prerekwiżit essenzjali u kruċjali għall-kisba ta’ progress sinifikanti. Dan huwa minnu kemm għall-iżvilupp tas-suq uniku tal-enerġija kif ukoll għar-relazzjonijiet tal-enerġija esterni.

3.3

Dan huwa saħansitra aktar importanti issa li l-UE qed tiffaċċja bosta inċertezzi, riskji u theddid fuq livell globali. Fl-istess ħin li tfaċċaw in-nazzjonaliżmu u l-protezzjoniżmu fil-livell domestiku u dawn jistgħu jheddu l-progress tas-suq uniku tal-enerġija. Fl-aqwa tagħha, l-Unjoni tal-Enerġija jista’ jkollha rwol importanti fiż-żieda tal-unità globali – u s-saħħa globali konsegwenti – tal-UE.

3.4

Fil-qasam tal-enerġija nnifisha, żviluppi interni u esterni għamlu lill-Unjoni tal-Enerġija aktar rilevanti. Fuq livell intern, l-interdipendenza tal-Istati Membri u r-riperkussjonijiet tal-għażliet tal-enerġija tagħhom fuq xulxin huma viżibbli b’mod ċar fil-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li x-xena tal-enerġija esterna hija dejjem aktar imprevedibbli.

3.5

Il-KESE jaqbel man-nota tal-Kummissjoni li l-Unjoni tal-Enerġija hija aktar minn sempliċement enerġija u klima. L-Unjoni tal-Enerġija hija waħda mill-komponenti bażiċi tal-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini. Kollox ma’ kollox, hija kwistjoni tas-sostenibbiltà tal-UE f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

3.6

L-Unjoni tal-Enerġija tista’ tiġġenera benefiċċji ekonomiċi b’diversi modi: permezz ta’ attivitajiet ekonomiċi li joħolqu valur miżjud billi jużaw l-enerġija bħala fattur fil-produzzjoni, permezz tas-settur tal-enerġija nnifsu, u permezz ta’ atturi ekonomiċi li jipprovdu soluzzjonijiet għall-enerġija u l-klima, sew jekk teknoloġiji, servizzi jew inkella mudelli kummerċjali ġodda. Sabiex dan iseħħ, l-Unjoni tal-Enerġija trid tipprovdi ambjent stabbli u favorevoli għall-kumpaniji u l-intrapriżi Ewropej, inklużi kundizzjonijiet għall-kompetittività fl-ispejjeż u divrenzjar innovattiv. Dan għandu jsir bil-għan li jkunu f’pożizzjoni u jiġu mħeġġa jinvestu u jimpjegaw, billi tingħata attenzjoni speċjali lill-potenzjal tal-SMEs.

3.7

Il-benefiċċji soċjali huma riżultat tal-ħolqien tax-xogħol u l-użu dirett u indirett tal-enerġija miċ-ċittadini f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ kuljum. Madankollu, il-kisba ta’ sistema tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija sfida kbira li trid tiġi ġestita b’mod li jiżgura tranżizzjoni ġusta u l-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, b’mod partikolari f’reġjuni li kienu dipendenti fuq attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri ta’ adattament fil-pjani nazzjonali u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita dawn l-isforzi.

3.8

Id-disponibbiltà tal-enerġija affordabbli u l-aċċess fiżiku għaliha huma l-element ewlieni sabiex jiġi evitat il-faqar enerġetiku, problema li xxekkel ukoll it-tranżizzjoni miċ-ċittadini lejn soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku għandu wkoll finalment jibda l-attivitajiet tiegħu. Kif iddikjarat fl-opinjoni tal-KESE dwar l-Ewwel Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, “Għaċ-ċittadini, is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija sejjer jitkejjel ukoll minn elementi aktar konkreti, b’mod partikolari l-livell tal-prezzijiet, l-aċċessibbiltà għan-netwerks, is-sigurtà tal-provvista, u l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-materjal li jużaw”.

3.9

Fir-rigward tal-benefiċċji marbuta mal-klima, il-miri tal-enerġija u l-klima spiss jitqiesu li huma objettivi fihom infushom. Madankollu, dawn iridu jitqiesu bħala mezzi sabiex jintlaħaq l-għan finali: l-issodisfar tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-ħolqien ta’ benesseri ekonomiku b’mod li simultanjament jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, l-Unjoni tal-Enerġija tikkontribwixxi għat-tnaqqis fit-tniġġis fl-arja u b’hekk twassal għal impatti pożittivi fuq is-saħħa.

3.10

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li tgħid li l-Unjoni tal-Enerġija ma tistax tiġi sseparata minn politiki Ewropej prinċipali oħra bħal dawk dwar id-diġitalizzazzjoni, is-swieq u l-investiment kapitali, il-ħiliet, l-ekonomija ċirkolari u s-sigurtà. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rabta mill-qrib bejn l-Unjoni tal-Enerġija u l-politiki tat-trasport. L-aspetti tal-enerġija u l-klima tat-trasport ma għandhomx jiġu indirizzati b’mod separat mill-kwistjonijiet tas-suq tat-trasport.

3.11

Kollox ma’ kollox, il-KESE jenfasizza li huma l-kumpaniji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini li b’mod ġenerali jagħmlu l-bidliet fil-prattika. Għaldaqstant, il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex ikun hemm djalogu mill-qrib dwar l-enerġija mas-soċjetà ċivili. Dan għandu jsir fil-livelli kollha: fir-rigward tat-tfassil ta’ politiki fil-livell tal-UE, fit-tħejjija ta’ pjani tal-enerġija u l-klima fuq livell nazzjonali u, finalment, fl-iffaċilitar ta’ miżuri fuq livell lokali.

4.   Kummenti dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u passi ta’ segwitu

4.1   L-implimentazzjoni

4.1.1

Il-Kummissjoni Ewropea ddefiniet l-2016 bħala s-sena tal-konsenja. Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi ppjanati tal-Unjoni tal-Enerġija diġà ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn id-diversi inizjattivi għadhom iridu jiġu adottati u implimentati. Il-KESE jitlob l-adozzjoni mingħajr xkiel ta’ dawn l-inizjattivi u – l-ewwel u qabel kollox – l-implimentazzjoni f’waqtha tal-miżuri fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri.

4.1.2

Il-pjani nazzjonali tal-enerġija u l-klima huma parti essenzjali mill-proċess ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi differenti fl-Istati Membri, it-tħejjija ta’ pjani nazzjonali hija approċċ razzjonali. Il-pjani għandhom jitħejjew b’mod parteċipatorju u kooperattiv. Fl-istess ħin, huwa importanti li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ governanza xieraq, sabiex jiġi żgurat li dawn il-pjani mhux biss jiġu implimentati iżda wkoll li jkunu koerenti u konformi mal-objettivi komuni. Għandna niżguraw ukoll li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, l-UE u atturi oħra jkunu ċari.

4.1.3

Id-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħdu taħt il-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija huma fuq terminu twil u parzjalment irreversibbli. Huwa għalhekk li l-KESE jisħaq li matul il-proċess wieħed għandu jżomm f’moħħu l-għanijiet fuq terminu twil. Fl-istess waqt, għandha tiġi żgurata biżżejjed flessibilità kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, minħabba l-fatt li l-miżuri prattiċi ma jkomplux b’mod lineari minn sena għal oħra u l-fatt li kundizzjonijiet li qegħdin jinbidlu jirrikjedu reazzjonijiet rapidi.

4.1.4

L-implimentazzjoni ta’ miri politiċi u leġislazzjoni ma għandhiex tkun l-uniku fokus fil-valutazzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija; minflok il-fokus prinċipali għandu jkun fuq is-sitwazzjoni reali tal-ħajja fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Dan huwa partikolarment rilevanti meta wieħed iqis il-kumplessità tal-ħafna objettivi, pilastri u miri numeriċi tal-Unjoni tal-Enerġija. Fir-rapport li jmiss dwar il-progress tal-Unjoni tal-Enerġija, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tiddeskrivi l-progress prattiku li sar u tagħti eżempji dwar proġetti li ġew konklużi b’suċċess, kif ukoll dwar pjani għall-passi li jmiss li jikkontribwixxu għal żieda fl-interkonnettività, swieq li jiffunzjonaw aħjar u adattament soċjali għat-tranżizzjoni.

4.1.5

Peress li l-KESE reċentement ħejja opinjonijiet dwar l-aspetti differenti tal-pakkett ta’ “Enerġija nadifa għaċ-ċittadini kollha”, hawnhekk qed jirreferi għal dawn l-opinjonijiet, li joffru stampa aktar dettaljata dwar il-governanza u l-oqsma differenti tal-Unjoni tal-Enerġija.

4.2   L-infrastruttura, l-investiment u s-swieq

4.2.1

Is-sistema tal-enerġija nnifisha, li hija ċ-ċentru tal-Unjoni tal-Enerġija, għandha tiffunzjona u tiżviluppa kif suppost. Din trid tissodisfa t-tliet objettivi bażiċi – is-sigurtà tal-enerġija, kostijiet u prezzijiet raġonevoli, u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima – mill-perspettiva kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji.

4.2.2

Is-sigurtà tal-enerġija tibqa’ objettiv kruċjali għaliex l-ekonomija moderna u s-soċjetà moderna ma jistgħux jiffunzjonaw, lanqas għal ftit, mingħajr enerġija. L-infrastruttura tal-enerġija u l-kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti u affidabbli, is-swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb u l-effiċjenza fl-enerġija huma l-kontributuri ewlenin għas-sigurtà tal-enerġija. Is-sigurtà tal-enerġija m’għandhiex titqies bħala sinonimu għall-awtosuffiċjenza enerġetika. Bħal ma huwa l-każ b’komoditajiet oħra, l-iskambju transkonfinali kemm internament kif ukoll esternament effettivament itejjeb is-sigurtà tal-provvista, filwaqt li jgħin biex iżomm il-prezzijiet f’livell kompetittiv. Ma jeskludix il-fatt li hemm raġunijiet politiċi biex tiġi evitata d-dipendenza għolja fuq l-enerġija importata. L-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija domestiċi huwa importanti wkoll mill-perspettiva tal-ħolqien tax-xogħol.

4.2.3

Skont il-Kummissjoni, id-dipendenza fuq l-enerġija importata naqset f’bosta Stati Membri, filwaqt li f’xi oħrajn żdiedet minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni ta’ karburanti fossili indiġeni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa jistgħu jissodisfaw id-domanda tagħhom għall-gass permezz ta’ mezzi alternattivi grazzi għal interkonnetturi ġodda u terminals tal-LNG. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa għal investiment fl-infrastruttura, kif ukoll għad-diplomazija tal-enerġija, li hija waħda mill-mekkaniżmi oriġinali disponibbli biex jgħinu fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Hawnhekk il-KESE jirreferi għall-opinjoni preċedenti tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet.

4.2.4

Fir-rigward tas-suq uniku tal-enerġija, għad hemm ostakli regolatorji u infrastrutturali li jxekklu l-kompetizzjoni b’saħħitha u l-fluss liberu b’mod partikolari tal-elettriku. Is-sistema tal-enerġija għaddejja minn bidliet fundamentali, prinċipalment minħabba l-introduzzjoni li qiegħda tiżdied b’mod rapidu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli u deċentralizzati. Il-kooperazzjoni reġjonali u qafas regolatorju komuni adegwat huma meħtieġa biex jintlaqgħu l-isfidi dejjem akbar, minħabba l-fatt li l-miżuri mwettqa fi Stat Membru wieħed għandhom implikazzjonijiet tanġibbli – tal-anqas fil-pajjiżi ġirien. L-inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali bħall-BEMIP (Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku) u s-CESEC (Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk) huma ewlenin biex jindirizzaw l-ostakli regolatorji u infrastrutturali.

4.2.5

L-iżvilupp tal-ekonomija diġitali għandu effett fundamentali fuq is-sistemi tal-enerġija wkoll. Minbarra l-infrastruttura tal-enerġija, trid titwaqqaf infrastruttura diġitali avvanzata. Din tinkludi kejl intelliġenti li se jippermetti grilji enerġetiċi intelliġenti. Id-diġitizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija għandha tkun akkumpanjata wkoll b’miżuri li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u jiżguraw protezzjoni ta’ data personali, privatezza u kompetenza diġitali adegwata.

4.2.6

Fir-rigward tal-investiment fis-sistema tal-enerġija, hemm bżonn kbir ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija iżda wkoll fl-effiċjenza tal-enerġija, b’mod partikolari bir-rinnovazzjoni ta’ bini. Il-KESE jirrikonoxxi l-opportunitajiet ipprovduti mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jilqa’ t-tieni fażi tiegħu, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni pubblika-privata. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jallokaw ukoll finanzi pubbliċi għal investimenti relatati mal-enerġija.

4.2.7

Fir-rigward tal-investiment privat, attwalment l-inċentivi tas-suq huma dgħajfa, l-aktar minħabba politiki inkoerenti. Sabiex jiġu mħeġġa l-investituri privati, huwa essenzjali li jiġi żgurat ambjent ta’ investiment stabbli u prevedibbli. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ deċiżjonijiet politiċi u leġislazzjoni fuq terminu twil u stabbli.

4.2.8

Il-KESE jenfasizza r-rwol dejjem akbar taċ-ċittadini fir-rigward tas-swieq tal-enerġija, inkluż il-prosumeriżmu dejjem jiżdied u l-kooperazzjoni lokali. Għandhom jiġu mħeġġa u msaħħa l-miżuri mmirati lejn il-possibbiltà li l-konsumaturi jaġixxu b’mod aktar konxju u jsiru prosumaturi. Il-KESE qies dawn il-miżuri f’bosta opinjonijiet preċedenti.

4.2.9

Għal dan il-għan, għandha tingħata informazzjoni adegwata u li tinftiehem faċilment dwar kwistjonijiet tal-enerġija (eż. it-tikkettar enerġetiku) lil ċittadini ta’ kull età. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitjiebu l-aċċess ġust għas-suq tal-enerġija u l-finanzjament għal proġetti fuq skala żgħira. Is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni relatata mal-enerġija skont l-inizjattiva REFIT għandha tirriżulta f’benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi tal-enerġija. Għandu jkun hemm aktar fokus fuq l-indirizzar ta’ problemi relatati ma’ taxxi u imposti li – minkejja l-livell tal-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa – jgħollu l-prezzijiet tal-konsumatur u għalhekk jikkontribwixxu għall-faqar enerġetiku.

4.3   L-enerġija rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni

4.3.1

Il-KESE jilqa’ r-Rapport separat tal-Kummissjoni dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli u ġeneralment jaqbel mal-analiżi u l-isfidi ppreżentati. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kumitat jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu dwar aspetti differenti tal-enerġija rinnovabbli mressqa f’numru ta’ opinjonijiet preċedenti u reċenti.

4.3.2

Skond ir-rapport, l-UE kollha kemm hi tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-2020 għalkemm għad jinħtieġu sforzi ulterjuri. Il-KESE għal darb’oħra jenfasizza l-importanza li jitkompla l-iżvilupp pożittiv f’dan il-qasam. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tisħin u t-tkessiħ huwa l-akbar settur f’termini tal-użu assolut tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol deċisiv tat-trasport fil-kisba tal-miri tal-emissjonijiet fuq terminu twil li joffru sfidi u japprova l-iżvilupp tal-elettriku rinnovabbli u bijokarburanti avvanzati bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport.

4.3.3

Ir-rapport jindika li għad hemm ostakli amministrattivi notevoli biex jiġu stabbiliti proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Dawn jirrelataw ma’ one-stop shops, applikazzjonijiet onlajn, limiti ta’ żmien għall-proċeduri, il-faċilitazzjoni ta’ proġetti fuq skala żgħira u l-identifikazzjoni ta’ siti xierqa. Il-KESE jitlob li jkun hemm miżuri fil-pront biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli, li huma komuni f’oqsma oħra wkoll.

4.3.4

Il-KESE jilqa’ l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-UE wkoll miexja fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-2020. Fir-rigward tal-istrumenti ta’ politika li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-użu mhux xieraq ta’ sussidji (inklużi ċertifikati ekoloġiċi), l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u t-taxxi wasslu għal azzjoni ineffiċjenti u riżultati inferjuri, minħabba n-nuqqas ta’ sinjali tas-suq li jinkoraġġixxu l-investiment fl-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

4.3.5

Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni komprensiva tal-istrumenti ta’ politika ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju attwali, sabiex ikun żgurat li jintużaw għodod xierqa għall-kisba tal-objettivi bl-aktar mod effiċjenti u mingħajr piż żejjed fuq l-utenti tal-enerġija.

4.3.6

Il-KESE japprova l-objettiv li tiġi żgurata tmexxija globali tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi. F’dan ir-rigward, l-UE għandha tistinka sabiex timmassimizza l-impronta tal-karbonju globali pożittiva tagħha, minflok ma tiffoka biss fuq l-emissjonijiet tagħha. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-iżvilupp u l-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-klima u prodotti magħmula b’inqas emissjonijiet minn dawk magħmula minn kompetituri barra l-UE, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-kompetizzjoni globali hija ħarxa.

4.3.7

Tmexxija globali tirrikjedi aktar investiment fl-innovazzjoni, b’mod partikolari mis-settur pubbliku li s-sehem tiegħu naqas. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol tal-politiki ta’ kummerċ u investiment fit-twassil ta’ soluzzjonijiet għall-enerġija u l-klima. Sistema globali tal-ipprezzar tal-karbonju hija meħtieġa sabiex tagħti spinta lill-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju b’mod newtrali u effiċjenti. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha b’mod attiv għal dan it-tip ta’ mekkaniżmu, li joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal kumpaniji Ewropej fis-swieq tal-esportazzjoni u fir-rigward ta’ beni importati.

5.   Kummenti dwar il-mekkaniżmu u l-indikaturi ta’ monitoraġġ

5.1

Peress li l-evalwazzjoni tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija hija bbażata fuq ċerti indikaturi ewlenin, huwa importanti li jiġi żgurat li l-indikaturi huma dawk l-aktar rilevanti. Il-KESE jilqa’ l-pjani tal-Kummissjoni li tiżviluppa l-indikaturi aktar, pereżempju indikaturi li jkejlu l-awtonimizzazzjoni tal-konsumatur. Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Ewwel Rapport tal-istat tal-Unjoni tal-Enerġija, il-KESE stieden lill-Kummissjoni tinkludi l-aspetti soċjali fost il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u l-impatt tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

5.2

Attwalment, il-monitoraġġ huwa primarjament ibbażat fuq il-ħames pilastri tal-Unjoni tal-Enerġija u l-miri politiċi u regolatorji korrispondenti. Filwaqt li jqis li “tieħu dak li tkejjel”, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa tal-monitoraġġ tal-progress li sar għall-kisba tal-objettivi fundamentali tal-Unjoni tal-Enerġija, jiġifieri, il-benefiċċji li ġġib magħha għaċ-ċittadini u n-negozji, u b’konsegwenza għall-futur tal-UE.

5.3

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi relatati mal-enerġija, sabiex tiddeskrivi l-valur ekonomiku tal-Unjoni tal-Enerġija. Bl-istess mod, għandu jiġi mmonitorjat il-progress li sar fuq xogħlijiet relatati mal-enerġija. Dan għandu jinkludi wkoll il-valutazzjoni ta’ “rilokazzjoni” potenzjali tal-investiment u l-impjieg.

5.4

Biex l-Unjoni tal-Enerġija tkun eqreb taċ-ċittadini, il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi mmonitorjat u kkomunikat il-progress mill-perspettiva tal-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi. Dan jinkludi li jitqiesu: il-kontijiet tal-enerġija, l-informazzjoni dwar il-prodotti relatati mal-enerġija, l-użu tal-produzzjoni tal-enerġija lokali u deċentralizzata, il-kejl intelliġenti, l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, l-assistenza finanzjarja għall-prosumaturi u l-inċentivi tal-effiċjenza fl-enerġija għar-rinnovazzjoni tad-djar eċċ.

5.5

Sabiex jiġu segwiti l-motivaturi soċjetali, il-bidliet fil-perċezzjoni ta’ kwistjonijiet tal-enerġja jistgħu jiġu mmonitorjati, inkluż: it-tħassib dejjem akbar dwar it-tniġġis tal-arja, aktar interess f’opportunitajiet ta’ xogħol relatati mal-enerġija, l-implikazzjonijiet ta’ żviluppi teknoloġiċi u l-preżenza ta’ parteċipanti ġodda.

5.6

Ikun utli wkoll li ssir valutazzjoni tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’termini ta’ jekk jippromovux koerenza jew diverġenza fis-suq intern u f’relazzjonijiet esterni. F’dan ir-rigward, l-aktar kwistjoni sinifikanti hija l-valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-Brexit fuq l-Unjoni tal-Enerġija.

5.7

Finalment, l-iżgurar tal-kwalità tad-data huwa parti essenzjali mit-titjib tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ. Id-data għandha tkun f’waqtha, preċiża, komparabbli u affidabbli, u dan se jirrikjedi l-iżvilupp kontinwu tal-metodi ta’ ġbir u pproċessar tad-data.

Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS