30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE”

[COM(2016) 723 final — 2016/0359 (COD)]

(2017/C 209/04)

Relatur:

Antonello PEZZINI

Korelatur:

Franca SALIS-MADINIER

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 16.1.2017

Kunsill Ewropew, 25.1.2017

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

29.3.2017

Sessjoni plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

220/2/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Direttiva dwar ir-ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità u għal din ir-raġuni qiegħed jippreżenta l-proposti tas-soċjetà ċivili organizzata li għandhom l-għan li jintegraw il-kontenut.

1.2.

Wara li kkunsidra l-kontenut u l-ħtieġa li jitlestew ir-regoli għas-suq intern, il-KESE huwa favur li l-proposta toħroġ fil-forma ta’ Regolament, mingħajr ma jibża’ milli jipproċedi għall-ogħla armonizzazzjoni possibbli tas-sistemi eżistenti.

1.3.

Il-KESE jinsisti li d-dmir, min-naħa tal-amministraturi tal-kumpanija, li jinformaw u jikkonsultaw lill-impjegati qabel u matul in-negozjati huwa formalment speċifikat fid-Direttiva. B’mod partikolari, il-fażi bikrija ta’ ristrutturar għandha tkun iddedikata għall-interessi tal-ħaddiema, bl-istess mod li, matul il-proċedura ta’ insolvenza, għandha ssir referenza espliċita għall-Artikolu 5.2 tad-Direttiva 2001/23/KE, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema f’dan il-kuntest.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex fid-Direttiva tintroduċi l-obbligu li jiġu “antiċipati” s-sitwazzjonijiet ta’ insolvenza bħala prinċipju fundamentali permezz tal-konklużjoni ta’ “kodiċi ta’ kondotta tajba”. Għal dan l-għan, il-Kumitat jipproponi li l-prinċipju ta’ “twissija soċjali” jiġi inkorporat kif hemm bżonn fid-Direttiva.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda l-integrazzjoni fid-Direttiva tal-prinċipju prijoritarju għall-iżgurar li, f’każ ta’ insolvenza, jingħata l-istatus ta’ kredituri prijoritarji lill-ħaddiema kollha fil-pajjiżi kollha. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ fond nazzjonali ta’ mutwalizzazzjoni tar-riskji, fejn m’hemmx, li jiggarantixxi l-ħlas tal-pagi tal-impjegati fl-Istati Membri kollha. Dan il-fond, fis-seħħ f’xi Stati Membri, jista’ jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet minn min iħaddem permezz ta’ kontribuzzjoni speċifika. L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-governanza ta’ dan il-fond u jagħtu l-garanziji.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi malajr il-proċeduri neċessarji u l-perjodi ta’ żmien biex id-diffikultajiet tal-intrapriżi jiġu identifikati fil-ħin.

1.7.

Il-professjonisti u l-esperti, kif ukoll il-ġudikatura, involuti f’dawn il-każijiet, għandu jkollhom taħriġ komuni adegwat u esperjenzi varji, li jagħtuhom il-possibbiltà joperaw f’oqsma li s’issa ftit li xejn ġew esplorati.

1.8.

Il-verifika tal-kriterji ta’ affidabbiltà tal-imprendituri onesti hija meħtieġa, skont l-imġiba professjonali onesta tagħhom u kif ippruvat minn ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet. Dawn iċ-ċertifikati jiġġustifikaw l-aċċess għat-tieni opportunità.

1.9.

Il-KESE jħeġġeġ li d-Direttiva tqis li l-abbuż tal-amministratur mill-proċedura ta’ insolvenza, sabiex jirrifjuta d-drittijiet għall-ħaddiema, hija prattika illegali u għaldaqstant tirrifjuta l-aċċess għal moratorju jew il-benefiċċju tat-tieni opportunità lill-amministratur li jużaha.

1.10.

Il-KESE jilqa’ r-rwol residwali assenjat lill-qrati, li jidħlu biss f’każ ta’ bżonn.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-valur soċjali tal-intrapriża u l-isforz biex tinżamm attiva bi proċeduri mħaffa, irħas u fil-ħin. F’konformità mal-valuri tat-Trattat tal-UE (Artikolu 3) u fir-rispett tal-bona fide tal-imprenditur.

2.   Ir-regoli ta’ insolvenza tan-negozji fl-UE

2.1.

Fl-20 ta’ Mejju 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) 2015/848 — minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament” — dwar proċeduri ta’ insolvenza bejn Stati differenti.

2.2.

Il-leġislazzjoni l-ġdida tilqa’ l-perspettivi l-ġodda dwar il-liġi dwar l-insolvenza li skonthom il-proċeduri ta’ insolvenza m’għadhomx jitqiesu biss f’termini ta’ likwidaturi, iżda bħala mezz li jiggarantixxi l-ħażna ta’ beni organizzati mill-intrapriżi u għalhekk, id-dritt tax-xogħol tal-impjegati, filwaqt li jiġi żgurat, fejn ikun possibbli, is-sopravivenza tal-intrapriża.

2.3.

F’diversi Stati Membri, fejn il-proċeduri ta’ ristrutturar tal-kumpaniji huma iktar komuni mill-likwidazzjoni, ir-rata ta’ rkupru tal-krediti hija ta’ 83 % minflok ta’ 57 % (1).

2.3.1.

Barra minn hekk, it-tul tal-proċeduri (2) jvarja b’mod konsiderevoli bejn Stati Membru ieħor, minn ftit xhur għal numru ta’ snin.

2.3.2.

Jeżistu wkoll bosta differenzi fl-aċċess tan-negozji għall-proċeduri ta’ ristrutturar qabel ma sseħħ l-insolvenza.

2.3.3.

Studji reċenti (3) wrew li m’hemmx idoneità totali fil-liġi Ewropea dwar l-insolvenza u hemm differenzi kbar fil-liġijiet tal-Istati Membri, li jwassal għal ostakoli għall-investiment fis-Suq Uniku.

2.4.

Għall-imprendituri, fejn ir-rata ta’ “mortalità ekonomika” hija ta’ madwar 50 % (4) fl-ewwel ħames snin tal-ħajja, l-għan huwa li jkunu intitolati għal moratorju fi żminijiet ta’ kriżi ċara, u sussegwentement, li tinstab soluzzjoni għad-dejn, fi żmien perjodu massimu ta’ tliet snin, u titneħħa l-istigma tal-proċeduri ta’ falliment u tinkoraġġixxi imprenditur onest biex jieħu t-tieni opportunità.

2.5.

Innovazzjoni sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja unika Ewropea, huwa l-istabbiliment ta’ sistema ta’ interkonnessjoni elettronika tar-“reġistri tal-insolvenza” li għandhom jiġu stabbiliti sa Ġunju 2019 f’kull Stat Membru, mingħajr ħlas, u jkunu aċċessibbli permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.

2.6.

Skont il- Kummissjoni, ifallu 200 000 intrapriża Ewropea kull sena; li jfisser 1,7 miljun impieg mitluf fis-sena. Dan ta’ spiss jista’ jiġi evitat jekk ikollna proċeduri aktar effettivi dwar l-insolvenza u r-ristrutturar.

2.7.

Mir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-KE tal-2014 dwar ir-ristrutturar u t-tieni opportunità, instab li, minkejja r-riformi fil-qasam tal-insolvenza, ir-regoli għadhom ma jaqblux bejniethom u jibqgħu ineffiċjenti jew ineżistenti f’xi pajjiżi. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-2015 ħabbar inizjattiva leġislattiva dwar l-insolvenza tan-negozji, inkluż ir-ristrutturar bikri u t-tieni opportunità.

2.8.

L-inizjattiva tal-KE għandha wkoll tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li qed nagħmlu biex juru, fost l-oħrajn li:

id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jistgħu joħolqu vantaġġi jew żvantaġġi mhux iġġustifikati;

jeħtieġ li l-kwistjoni tal-insolvenza titqies mill-perspettiva tal-liġi dwar l-impjiegi, peress li definizzjonijiet differenti ta’ “impjieg” u “impjegat” jistgħu jmorru kontra d-drittijiet tal-impjegati fi ħdan l-UE f’każ ta’ insolvenza;

in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kredituri, jista’ jnaqqas il-previdibbiltà tal-eżiti tal-proċedimenti ġudizzjarji;

Il-proċeduri ta’ insolvenza m’għandhomx ikunu jistgħu jiġu użati b’mod abbużiv jew strumentali mill-kredituri eventwali jew minn kreditur wieħed;

huma meħtieġa miżuri biex jiġi evitat il-“forum shopping”.

3.   Il-proposti tal-KE

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni fuq il-bażi legali tal-Artikoli 53 u 114 TFUE – tiffoka fuq tliet elementi ewlenin:

prinċipji komuni dwar l-użu ta’ oqfsa ta’ ristrutturar bikrin, li jgħinu lill-intrapriżi jkomplu l-attività tagħhom u jżommu l-impjiegi;

regoli li jippermettu lill-imprendituri jibbenefikaw mit-tieni opportunità, wara l-ħelsien mid-dejn, f’perjodu massimu ta’ 3 snin;

miżuri għall-Istati Membri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ insolvenza, ir-ristrutturar u ta’ remissjoni, bi tnaqqis konsegwenti fid-dewmien u l-ispejjeż eċċessivi tal-proċeduri, l-eliminazzjoni tan-nuqqas ta’ ċertezza legali għall-kredituri u l-investituri, u rati ogħla ta’ rkupru ta’ djun mhux imħallsa.

3.2.

Ir-regoli l-ġodda jindikaw prinċipji ewlenin biex jiżguraw li l-“oqfsa” fir-rigward tal-insolvenza u r-ristrutturar huma koerenti u effettivi madwar l-UE:

l-intrapriżi f’diffikultajiet finanzjarji, u b’mod partikolari l-SMEs, se jkollhom aċċess għal sistemi ta’ twissija sabiex jidentifikaw id-deterjorament tan-negozju u biex ikun żgurat ristrutturar fi stadju bikri;

l-“oqfsa” ta’ ristrutturar preventiv, flessibbli, għandhom jissemplifikaw il-proċeduri tal-qorti f’termini ta’ ħin, spejjeż u kumplessità;

il-perjodu ta’ grazzja għal erba’ xhur massimu, għad-debitur, qabel l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati n-negozjati li jwasslu għal ristruttarar effettiv;

in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ azzjoni kollettiva tal-pjani ta’ ristrutturar mill-kredituri u l-azzjonisti minoritarji li ma jaqblux, iżda bi protezzjoni sħiħa tal-interessi leġittimi tagħhom;

il-protezzjoni tal-finanzjamenti ġodda u tal-finanzjamenti ad interim sabiex tiżdied il-possibbiltà ta’ ristrutturar effiċjenti;

il-protezzjoni sħiħa tal-liġi tax-xogħol matul il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv, u f’konformità mal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-ħaddiema;

taħriġ u speċjalizzazzjoni omoġenji tal-prattikanti fl-insolvenza u l-imħallfin madwar l-UE;

l-użu sħiħ tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda għall-konformità, notifiki u komunikazzjonijiet online, biex tkun żgurata l-effettività aħjar u jonqos id-dewmien għall-proċeduri ta’ insolvenza, ristrutturar u tat-tieni opportunità.

3.3.

Il-proposta għal Direttiva ġdida sussegwentement tikkunsidra l-aspetti ta’ “kontinwità” fi proċedura fejn l-imprenditur iżomm kontroll tal-attività tiegħu, jiġifieri l-“automatic stay”, jiġifieri l-perjodu ta’ erba’ xhur li l-kredituri ma jkunux jistgħu jagħmlu azzjonijiet individwali biex jirkupraw id-dejn.

4.   Kummenti speċifiċi dwar it-test tal-Kummissjoni

4.1.    Titolu I: Ħelsien mid-dejn

4.1.1.

Rigward l-applikazzjoni fakultattiva tas-sistema proposta għall-proċeduri ta’ ħelsien mid-dejn għall-konsumaturi, il-KESE, bħala segwitu għall-opinjonijiet tiegħu li diġà ġew adottati f’dan il-qasam, jopponi bil-qawwa din il-possibbiltà, li tmur kontra t-talbiet tal-Kumitat dwar il-ħtieġa assoluta għal reġim speċifiku għal konsumaturi b’dejn eċċessiv.

4.2.    Titolu II: Antiċipazzjoni u sistemi ta’ twissija

4.2.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li jiġi ċċarat l-ambitu u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, (tip ta’ intrapriżi, għadd ta’ impjegati). Billi tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs u l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija lokali.

4.2.2.

Hemm konverġenza wiesgħa dwar il-ħtieġa li l-kumpaniji jiġu megħjuna jirristrutturaw fil-ħin, sabiex ikunu jistgħu jsalvaw l-impjiegi u jżommu l-valur tagħhom, kif ukoll għal appoġġ għall-imprendituri onesti.

4.2.3.

Ikun utli u xieraq li jiġi stabbilit fuq liema kriterji l-amministraturi jistgħu jitqiesu bħala “onesti”. Dawn il-kriterji oġġettivi għandhom jiġu identifikati u fformalizzati fid-Direttiva. Reċentement mhux ta’ min jinjora l-fenomenu ta’ proċeduri ta’ insolvenza tattiċi użati biex tiġi evitata r-responsabbiltà legali li ċċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom. Għandu jkun hemm deterrent għall-użu ta’ prattiki bħal dawn, billi dawk li jużawhom ma jkunux eleġibbli għall-moratorju u għat-tieni opportunità.

4.2.4.

L-istadji kollha għandhom jitwettqu bl-involviment kontinwu tal-impjegati u t-trejdjunjins permezz tal-konsultazzjoni effettiva u informazzjoni biżżejjed bil-quddiem. Ir-rappreżentanti tal-impjegati u t-trejdjunjins għandu jkollhom id-dritt li jipproponu soluzzjonijiet oħrajn biex jippreservaw l-impjiegi u għandhom igawdu mid-dritt għal espert.

4.2.5.

Meta qafas ta’ ristrutturar preventiv ikollu elementi ewlenin komuni u kondiviżi għandu jaderixxi ma’ protokoll komuni u uniformi f’livell Komunitarju.

4.2.6.

Il-KESE jipproponi li l-proċeduri għall-ħolqien ta’ fond nazzjonali għall-mutwalizzazzjoni tar-riskji li jiggarantixxi l-ħlas tas-salarji tal-impjegati, ikunu ppjanati fil-pajjiżi membri kollha. Dan il-fond jista’ jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet minn min iħaddem permezz ta’ kontribuzzjoni speċifika. L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-governanza ta’ dan il-fond u jagħtu l-garanziji (5).

4.2.7.

Sabiex jiġu salvagwardjati l-impjiegi u jiġu evitati s-sensji, għandu jkun hemm appoġġ għat-“twissija soċjali”, jiġifieri l-obbligu tal-intrapriża li twissi kmieni biżżejjed dwar id-diffikultajiet tal-kumpanija lill-partijiet kollha involuti. Dan il-mekkaniżmu, li għandu jkun adottat bil-mod xieraq skont il-każ, se jkun ukoll utli biex jiġi stabbilit b’mod ċar l-imġiba soċjalment responsabbli u onesta tal-imprenditur.

4.2.7.1.

Huwa jappoġġja l-kultura ta’ kondiviżjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, it-trejdjunjins, organizzazzjonijiet oħra ta’ rappreżentaza, jew ma’ partijiet interessati oħra.

4.2.8.

L-objettiv hu li jitnaqqas l-intervent tal-awtorità ġudizzjarja/amministrattiva, li hija ta’ spiss mitluba twieġeb fi stadju bikri u b’mod drastiku l-problemi ta’ insolvenza.

4.2.9.

Il-prinċipju tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni rilevanti (Direttiva EWC) tar-rappreżentanti tal-impjegati u l-protezzjoni u d-dritt tagħhom meta titnieda t-twissija għandu jkun applikat fil-livell nazzjonali u Ewropew, billi dawn spiss ikunu minn tal-ewwel konxji min-nuqqas ta’ funzjonament tal-intrapriża (“whistleblower as means of prevention”).

4.2.10.

Għandu jiġi ċċarat aktar il-punt 3 tal-Artikolu 3. B’mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati l-parametri li fuq il-bażi tagħhom l-intrapriżi jistgħu jiġu esklużi mill-mekkaniżmu ta’ twissija (numru ta’ impjegati, volumi ta’ fatturat, eċċ.).

4.3.    Titolu III: Oqfsa ta’ ristrutturar preventiv

4.3.1.

It-twettaq ta’ qafas ġenerali favorevoli u proattiv ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tal-esperjenzi u l-proċeduri.

4.3.2.

Sabiex jinkiseb dak li jinstab fl-Artikolu 114 tat-TFUE, jiġifieri li jiġi implimentat is-Suq Intern, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, inkluż permezz ta’ atti ddelegati, li jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ insolvenza, li attwalment jidhru wisq differenti bejn Stati Membru u ieħor.

4.3.3.

Bl-istess mod proċeduri xierqa ta’ qabel l-insolvenza li jikkunsidraw ir-raġunijiet li jxekklu l-fluss finanzjarju normali, li xi drabi kienu marbutin ma’ ttardjar fil-pagamenti (6) għandhom jiġu ssuġġeriti u armonizzati fil-livell Komunitarju.

4.3.4.

Għandhom jiġu stabbiliti regoli ta’ kondotta tajba bejn il-klijenti u l-fornituri ta’ servizz, li jimponu limiti ta’ żmien għall-ħlas għas-servizzi.

4.3.5.

F’każijiet oħrajn ikun hemm fallimenti għal raġunijiet politiċi li ma jiddependux fuq l-abbiltà tal-imprenditur.

4.3.6.

Il-protezzjoni tal-finanzjamenti ġodda u l-finanzjament interim għandhom jiġu żgurati permezz ta’ regoli komuni u regoli ta’ kondotta li huma omoġeni f’pajjiżi differenti u huma kapaċi wkoll jipproteġu l-pożizzjonijiet leġittimi tal-minoranzi.

4.3.7.

Xi awtoritajiet reġjonali f’pajjiżi Ewropej diġà stabillew “korpi konġunti” (7) bil-kompitu li jintervjenu malajr meta jkun hemm ħtieġa għal intervent ta’ appoġġ għal kumpanija f’diffikultà (8).

4.3.8.

Tkun ħaġa utli li jsir studju dwar dawn l-“organizzazzjonijiet” u jinkisbu tagħlimiet mill-esperjenza l-aktar rilevanti.

4.3.9.

Il-ħolqien ta’ “korpi konġunti”, b’setgħat qawwija, b’perspettivi ċari ta’ previżjoni u b’għanijiet soċjali, jistgħu jgħinu biex jingħelbu d-dgħufijiet ta’ antiċipazzjoni jew ta’ innovazzjoni strateġika, li jwasslu għal deterjorament tad-dinja tax-xogħol kollha kemm hi u kkontribwew għall-kriżi ekonomika li ilha għaddejja minnha l-Ewropa sa mill-2008 għalkemm f’forom differenti.

4.3.10.

Kemm l-istrumenti ta’ ristrutturar bikrija kif ukoll it-tieni opportunità huma benefiċċji għall-imprenditur li jkun konformi mal-proċeduri ta’ antiċipazzjoni u ta’ twissija u li jeħtieġ aċċess għalihom, u t-tnejn li huma għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-involviment tal-kredituri (l-ewwel nett, il-ħaddiema u t-trejdjunjins).

4.3.10.1.

Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li imprenditur li talab l-aċċess għal dawn il-benefiċċji għandu immedjatament jagħmel disponibbli lill-partijiet interessati (ħaddiema, trejdjunjins, kredituri b’mod ġenerali, il-korpi maħtura għall-kompożizzjoni tal-kriżi), il-kontijiet tiegħu kollha (il-balance sheets u l-annessi, il-kontijiet bankarji, l-assigurazzjoni, eċċ.) u jippermetti kwalunkwe forma ta’ kontroll fuq l-attività tiegħu.

4.3.10.2.

Dan mhux biss jirrispetta l-prinċipju ta’ trasparenza, iżda jippermetti wkoll l-effiċjenza ta’ xi prinċipji ewlenin imsemmija f’din il-proposta għal Direttiva iktar effettivi.

4.3.10.3.

L-aċċess immedjat għad-dokumenti kollha tal-intrapriża jista’ jippermetti:

Il-fehim tas-sitwazzjoni ekonomika reali tal-intrapriża mill-atturi kollha involuti, bil-ħsieb li jiġu identifikati kemm jista’ jkun malajr, il-miżuri xierqa biex titranġa s-sitwazzjoni ta’ kriżi;

l-għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-kredituri (ħaddiema u oħrajn, inkluż permezz tal-esperti tagħha stess) biex jieħdu sehem fin-negozjati għall-adozzjoni tal-pjan u/jew miżuri alternattivi kif ukoll miżuri biex jesprimu l-opinjoni jew il-vot tagħhom konxji mill-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar (Artikolu 8);

l-għoti ta’ informazzjoni xierqa lill-professjonisti (Artikolu 17.3), kif ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-esperti (Artikolu 13) f’każijiet fejn huma msejħa sabiex jevalwaw il-pjan ta’ ristrutturar;

valutazzjoni aktar preċiża tal-onestà tal-imprenditur (Artikolu 22.1) minħabba li r-rieżami tad-dokumenti tista’ turi kif l-imprenditur iddejjen; (kemm jekk in bona fede jew le) u jekk din il-proċedura tkunx ġiet meħuda malajr kemm jista’ jkun wara l-ewwel sinjali ta’ kriżi fil-kumpanija.

4.3.11.

Il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi l-effetti fuq l-impjiegi, billi jekk dawn ikunu magħrufa minn qabel, jistgħu jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi, bħat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema.

4.3.12.

Fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Kapitolu 5, l-amministraturi ma għandhomx jitħallew inaqqsu mill-assi kummerċjali taħt il-livell meħtieġ għar-regolamentazzjoni ta’ obbligazzjonijiet dovuti lejn l-impjegati.

4.4.    Titolu IV: Aċċess għall-ħelsien mid-dejn (it-tieni opportunità)

4.4.1.

Fl-opinjoni tiegħu tal-2013 dwar il-proċeduri ta’ insolvenza, li japplikaw ukoll għal din l-opinjoni, il-KESE enfasizza l-importanza li, fost l-oħrajn:

“it-tieni opportunità” li tissemma fihom għandha tingħata lill-imprendituri li tgħallmu mill-falliment preċedenti tagħhom u huma kapaċi jibdew mill-ġdid abbażi ta’ proġett intraprenditorjali maħsub mill-ġdid;

l-impjegati għandhom ikunu protetti aħjar, u jkunu jistgħu jingħataw ir-rwol ta’ “kreditur privileġġjat” fl-Istati Membri kollha;

ir-rikors sistematiku quddiem il-qorti ma jidhirx li huwa l-aħjar soluzzjoni, u stieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar il-possibilità tat-twaqqif ta’ korpi ġodda;

l-obbligu li l-Istati Membri jtejbu r-regoli tal-pubbliċità, permezz ta’ twaqqif ta’ reġistru elettroniku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti, huwa pożittiv.

4.4.2.

Ir-regoli għat-tieni opportunità lill-imprendituri wara l-ewwel falliment, iridu jkunu ċari u komuni għall-pajjiżi tal-UE, kif iddikjarat fl-Artikolu 114 dwar is-Suq Uniku, u għandhom ikunu appoġġjati mill-impjegati li ma jkunux ġarrbu ħsara jew imġiba skorretta volontarja mill-ewwel falliment tal-imprenditur.

4.4.3.

Ħafna drabi, ir-riġidità tal-proċeduri, f’ħafna pajjiżi, iffavoriet azzjonijiet kultant drastiċi promossi mill-prattikanti fl-insolvenza.

4.4.4.

L-azzjonijiet li għandhom jiġu segwiti, b’mod uniformi u miftuħ madwar l-Istati Membri kollha tal-UE, iridu jittrasformaw ir-rwol il-qadim tal-prattikanti fl-insolvenza fi rwol ġdid bħala “prattikanti ta’ żvilupp tal-impjieg”, permezz ta’ preparazzjoni teknika u kulturali profonda u komprensiva, inkluż bl-għajnuna ta’ proċessi informatiċi previsti mill-“Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika” u msaħħa bir-Regolament (UE) 2015/848.

4.4.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon is-semplifikazzjoni proposta għall-aċċess għat-tieni opportunità. F’dan ir-rigward, huwa sinifikanti li l-imprenditur b’dejn eċċessiv jista’ jinħeles mid-djun, wara l-iskadenza tat-terminu previst, mingħajr ma jkun meħtieġ li jerġa’ jirrikorri għall-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva (Artikolu 20.2).

4.5.    Titolu V: Miżuri għaż-żieda fl-effiċjenza tal-proċeduri

4.5.1.

Ikun utli li t-taħriġ inizjali u suċċessiv “tal-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li jittrattaw kwistjonijiet ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u tat-“tieni opportunità” jiġi organizzat direttament mill-Kummissjoni (inkluż permezz ta’ aġenziji).

4.5.2.

Tenħtieġ armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-professjonisti li jaħdmu fl-UE: għandhom jiġu pprovduti standards minimi għal dawn il-prattikanti, bħal taħriġ u kwalifiki professjonali, ikunu rreġistrati bħala prattikanti, ir-responsabbiltà u l-kodiċi professjonali ta’ etika.

4.5.3.

Hemm bżonn ta’ għodod: superviżjoni interna, prattiki ta’ kontabilità, ta’ rappurtar u ta’ kontroll li jippermettu u jtejbu l-effettività tal-proċeduri.

4.6.    Titolu VI: Il-monitoraġġ tal-proċeduri

4.6.1.

Kif ġie enfasizzat ukoll fil-punt 4.3.10.1 aċċess f’waqtugħad-dokumentazzjoni tal-intrapriża biss jista’ jiggarantixxi l-awtentiċità u l-kompletezza tad-data li għandha tinġabar sabiex isir monitoraġġ effettiv tal-proċeduri (Artikolu 29).

4.6.2.

Iċ-ċarezza u l-kompletezza tar-reġistri għandha tkun riaffermata fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont ir-Regolament (UE) 182/2011.

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-Indiċi Doing Business 2016 tal-Bank Dinji

(2)  Ara SWD(2016) 0357 final.

(3)  Https://webcast.ec.europa.eu/insolvency-conference; http://ec.europa.eu/justice/civil/files/insolvency/impact_assessment_en.pdf

COM(2015) 468 final, 30.9.2015 (Insolvenza pp. 28-29); SWD(2015) 183 final, 30.9.2015 (Insolvenza pp. 73-78) u oħrajn.

(4)  Skont l-Ewrobarometru Flash 354 (2012), li wera wkoll li 43 % tal-Ewropej ma jibdewx negozju minħabba li jibżgħu li jfallu.

(5)  Din il-proposta kienet tressqet diġà fl-1764 minn Cesare Beccaria fis-saġġ tiegħu “Dei delitti e delle pene”.

(6)  Skont l-istudji mwettqin mill-Akkademja ta’ Avignon, id-dewmien fil-ħlasijiet huwa kawża ta’ mill-inqas 30 % tal-intrapriżi li jfallu.

(7)  Magħmula minn tekniċi mill-amministrazzjoni reġjonali, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet ta’ kreditu.

(8)  Ara pereżempju l-“Organismo di vigilanza e di sostegno delle aziende in difficoltà” maħluq mir-reġjun indipendenti ta’ Sqallija f’Marzu 2016 – ir-reġjun ta’ Sqallija, il-Ministeru Reġjonali għall- Attivitajiet Produttivi.