31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istabbiliment tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD”

[COM(2016) 586 final]

(2017/C 173/11)

Relatur:

Jan SIMONS

Konsultazzjoni

24.11.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

31.1.2017

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

22.2.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-istabbiliment tal-Pjan ta’ Investiment Estern għall-Ewropa (EIP) u l-proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u l-istabbiliment tal-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD bħala passi fid-direzzjoni t-tajba lejn l-indirizzar tal-kawżi tal-immigrazzjoni irregolari mill-għeruq tagħha. Il-qerda tal-faqar hija wkoll għan li jenħtieġ li jiffoka fuqu l-EFSD.

1.2.

Il-Kumitat jitlob li jkun hemm konċentrazzjoni partikolari fuq is-soluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li huma s-sors ewlieni ta’ migrazzjoni fejn il-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u dawk tas-sigurtà wasslu għal devastazzjoni ekonomika u faqar dejjem jiżdied filwaqt li jiġi bblokkat kwalunkwe sforz lejn l-iżvilupp sostenibbli.

1.3.

Il-Kumitat jirreferi għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu fejn enfasizza l-ħtieġa li s-settur privat jiġi involut fl-iżvilupp bil-kundizzjoni li tali żvilupp ikun konformi mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u li s-settur privat jirrispetta d-drittijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali bażiċi, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti. Dan għandu japplika wkoll għall-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-EFSD.

1.4.

Il-Kumitat iqis li l-proposta dwar l-EFSD hija konformi mar-rakkomandazzjoni tiegħu li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża bħala fattur multiplikanti għat-tqabbil tal-kapital privat mal-investimenti fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u biex dawn jintrabtu ma’ għanijiet definiti b’mod ċar, bħall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar, it-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni u t-trasferiment tal-għarfien espert tal-ġestjoni għas-settur privat.

1.5.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tanalizza l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas u ostakolu meta jitqies li s-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi sħab koperti mill-EFSD huma ħafna aktar ikkumplikati minn dawk fl-Istati Membri tal-UE.

1.6.

Il-Kumitat jilqa’ l-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u l-governanza permezz tal-bord strateġiku tal-EFSD fejn jenħtieġ li jiġu rrappreżentati l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha rilevanti. Minħabba r-rwol insostitwibbli tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-KESE jitlob li jingħata l-istatus ta’ osservatur fuq il-bord strateġiku u jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab jiġu involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż fit-tħejjija ta’ proġetti konkreti.

1.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-one-stop shop li għandu jiġi stabbilit għall-investituri m’għandux ikun limitat għal kwistjonijiet ta’ investiment iżda għandu jipprovdi gwida u l-informazzjoni u l-kuntatti kollha meħtieġa għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ żvilupp.

1.8.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li r-Regolament jinkludi l-impenn li tiġi estiża l-validità tal-EFSD u tal-Garanzija lil hinn mil-limitu tal-2020 wara l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-implimentazzjoni tiegħu u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-PE biex iqisu dan meta jkunu qed iħejju l-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Pjan ta’ Investiment Estern (EIP) ambizzjuż bħala parti mill-Qafas ta’ Sħubija l-ġdid tal-UE ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (1). Il-pjan il-ġdid huwa bbażat fuq tliet pilastri: fond ta’ investiment ġdid (pilastru 1); għajnuna teknika (pilastru 2) biex l-awtoritajiet u l-kumpaniji lokali jiġu megħjuna jiżviluppaw numru ogħla ta’ proġetti sostenibbli u jattiraw lill-investituri; u (pilastru 3) firxa ta’ programmi tematiċi, nazzjonali u reġjonali ddedikati ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, kombinati ma’ djalogu politiku strutturat immirat biex itejjeb il-klima ta’ investiment u l-ambjent politiku ġenerali fil-pajjiżi kkonċernati.

2.2.

Il-Pilastru 1 se jkun implimentat parzjalment permezz tal-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD). L-EFSD se jkollu l-għan prinċipali li jipprovdi pakkett finanzjarju integrat għall-finanzjament tal-investimenti li jibdew fir-reġjuni tal-Afrika u tal-Viċinat. L-EFSD se jkun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali, li se jikkombinaw finanzjament minn faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti u l-Garanzija tal-EFSD. Huwa se jopera bħala “one-stop shop” sabiex jirċievi proposti ta’ finanzjament mingħand istituzzjonijiet finanzjarji u investituri pubbliċi jew privati u jwassal firxa wiesgħa ta’ appoġġ finanzjarju għall-investimenti eliġibbli.

2.3.

L-għan prinċipali tal-EFSD huwa li jipprovdi pakkett finanzjarju integrat għall-finanzjament tal-investimenti għall-pajjiżi li huma firmatarji għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (2), u l-Viċinat, sabiex b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ tkabbir u impjieg, tiġi massimizzata l-addizzjonalità, jiġu pprovduti prodotti innovattivi u jinġabru fondi mis-settur privat. L-EFSD huwa mistenni li jimmobilizza sa EUR 44 biljun ta’ investimenti bl-użu ta’ fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u sorsi oħrajn li sal-2020 jammontaw għal EUR 3,35 biljun.

2.4.

Sal-2020, l-Unjoni se tagħmel disponibbli s-somma totali ta’ EUR 750 miljun għall-Garanzija tal-EFSD, li tirriżulta kemm mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi l-mobbilizzazzjoni tal-marġini ta’ kontinġenza sabiex tipprovdi EUR 250 miljun. Kontribuzzjonijiet oħrajn mill-baġit tal-Unjoni jsiru bl-użu ta’ riallokazzjonijiet jew iffokar mill-ġdid tal-fondi pprogrammati. Finanzjament ulterjuri jista’ jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet oħrajn minn kontributuri oħrajn, bħall-Istati Membri.

2.5.

L-EFSD se jiġi ġestit mill-Kummissjoni u implimentat permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment reġjonali, li jikkombinaw il-finanzjament mill-faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti għall-Afrika u għall-Viċinat u l-għoti tal-Garanzija tal-EFSD. Il-Kummissjoni se tingħata pariri minn bord strateġiku u żewġ bordijiet operattivi, wieħed għal kull Pjattaforma ta’ Investiment Reġjonali. Il-Kummissjoni se tiġġestixxi s-segretarjat tal-EFSD, li se jiżgura t-twettiq tal-kompiti u l-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-EIP.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata Ewropea f’diversi kumitati bilaterali bħall-AKP-UE, l-Euromed, is-Sħubija tal-Lvant, tal-Amerika Latina u oħrajn, u jippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-iżvilupp (3). Is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol importanti ħafna fl-evalwazzjoni tal-utilità u s-sostenibbiltà tal-proġetti ta’ investiment, fis-sorveljanza tat-trasparenza tal-finanzjament tagħhom u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.2.

Il-Kumitat iqis il-problema tal-għadd kbir ta’ refuġjati u ta’ migranti irregolari għall-UE bħala waħda mill-isfidi l-kbar li l-UE ffaċċjat f’dawn l-aħħar snin. Dawn iż-żewġ fenomeni għadhom kawżi differenti u jeħtieġu soluzzjonijiet divrenzjati. L-ewwel prijorità għall-komunità internazzjonali għandha tkun li tagħmel l-isforzi kollha biex jintemmu l-kunflitti militari u jiġi stabbilit ftehim ta’ paċi sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni reali tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Flimkien mar-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-UE, bħala l-ikbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp, għandha taqdi r-rwol ewlieni f’dawn l-isforzi.

3.3.

Il-kawżi tal-migrazzjoni irregolari huma ħafna drabi r-riżultat ta’ prospetti ekonomiċi dgħajfa u tkabbir ekonomiku baxx fil-pajjiżi ta’ oriġini flimkien ma’ nuqqas ta’ kundizzjonijiet soċjali u kwistjonijiet ta’ sigurtà sinifikanti, li jirriżultaw f’faqar aggravat u jġiegħlu eluf ta’ persuni jaqbdu t-triq tal-eżilju. Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex isibu l-aħjar approċċ għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha.

3.4.

L-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tibqa’ insostitwibbli fil-ġlieda kontra l-faqar speċjalment fil-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati, l-istati fraġli u għall-popolazzjonijiet vulnerabbli iżda din ma tistax tkopri l-ħtiġijiet kollha ta’ żvilupp.

3.5.

Fl-opinjonijiet tiegħu dwar ir-rwol tas-settur privat (4) u dwar il-finanzjament tal-iżvilupp (5), il-Kumitat ikkonkluda li huwa meħtieġ li jiġu mobilizzati r-riżorsi kollha disponibbli u li jingħata rwol ħafna akbar lis-settur privat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak lokali bil-kundizzjoni li dan l-iżvilupp ikun konformi mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli u li s-settur privat jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem inklużi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali, speċjalment il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO. L-impjiegi l-ġodda li nħolqu għandhom jikkonformaw mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u dan għandu japplika wkoll għall-proġetti ta’ investiment li jsiru permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli.

3.6.

L-istrumenti l-ġodda bħall-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija għandhom jintużaw bħala fattur multiplikanti biex jattiraw il-kapital privat għall-investimenti fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u biex dawn jintrabtu ma’ għanijiet definiti b’mod ċar, bħall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar, it-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni u t-trasferiment tal-għarfien espert tal-ġestjoni għas-settur privat. Barra minn hekk, it-taħlita tal-investimenti pubbliċi u privati trid tkun trasparenti u tirrispetta l-bilanċ meħtieġ sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn l-investituri privati jgawdu mill-benefiċċji kollha u s-settur pubbliku jkopri t-telf. Ir-riżultati tal-proġetti għandhom jitkejlu u jitqabblu b’mod ċar, filwaqt li jevalwaw fost riżultati pożittivi oħrajn l-eliminazzjoni tal-kawżi tal-migrazzjoni irregolari.

3.7.

Peress li l-EFSD huwa ispirat mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Kumitat qed jitlob lill-Kummissjoni titgħallem mill-funzjonament tiegħu peress li dan ma jistax jiġi deskritt bħala suċċess komplet. Din l-esperjenza għandha tiġi studjata u analizzata bir-reqqa sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas u ostakolu meta jiġi ġestit l-EFSD, filwaqt li jitqies li l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi sħab huma differenti u ħafna aktar ikkumplikati minn dawk fl-Istati Membri tal-UE.

3.8.

L-EFSD propost se jbiddel it-taħlita eżistenti tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Afrika (6) u l-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (7) f’żewġ pjattaformi ta’ investiment taħt kappa waħda. Il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż fit-tħejjija ta’ proġetti konkreti, sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-monitoraġġ tat-trasparenza tal-finanzjament u fl-effettività tal-proġetti ta’ investiment.

3.9.

L-UE għandha għadd eċċessiv ta’ għodod finanzjarji marbuta mal-programmi ta’ żvilupp (il-11-il Fond ta’ Żvilupp Ewropew bil-pakketti, faċilitajiet, pjattaformi differenti ta’ finanzjament tiegħu, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (il-baġit tal-UE) bil-programmi territorjaliu reġjonali, u l-programmi settorjali differenti tiegħu, il-BEI bil-faċilitajiet u programmi tiegħu, il-BERŻ, eċċ.) li jagħmilha kkumplikata ħafna għall-pubbliku ġenerali u l-imsieħba rilevanti biex jifhmuhomu jsiru jafu kif jużawhom. L-EFSD għandu l-ħsieb li jsir il-one-stop shop għal dawk li huma interessati fl-investiment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan ma għandux ikun limitat għall-investiment iżda għandu jipprovdi gwida bl-informazzjoni kollha meħtieġa u l-kuntatti għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ żvilupp.

3.10.

6 % biss tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE marret għall-istati fraġli u ħafna minnha kienet diretta lejn l-10 pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi naturali. Il-Kumitat jistenna li l-EFSD iġib riżultati pożittivi anke għall-istati fraġli speċjalment dawk b’kunflitti militari, ekonomiji meqruda u governanza falluta fejn il-Garanzija proposta tista’ tgħin lill-investituri privati jaffaċċjaw riskji ogħla għall-proġetti tagħhom. Il-Kumitat huwa wkoll kontra t-tentattiv li jiġi stabbilit persentaġġ massimu li l-Garanzija tista’ tkopri, li jillimita l-applikazzjoni tagħha għall-investimenti f’pajjiżi fraġli.

3.11.

Il-Kumitat iqis li l-bidla kwalitattiva ewlenija għal din is-sitwazzjoni tista’ tkun li jiġu indirizzati l-koordinazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni u tal-governanza permezz tal-bord strateġiku tal-EFSD, fejn l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti kollha għandhom ikunu rrappreżentati. Fid-dawl tar-rwol tagħha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-istatus ta’ osservatur lir-rappreżentanti tal-Kumitat sabiex il-fehmiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati.

3.12.

Il-Kumitat iqis li l-valur miżjud sinifikanti ħafna tal-Pjan ta’ Investiment Estern il-ġdid għandu jiġi pprovdut permezz tat-tieni pilastru tiegħu relatat mal-għajnuna teknika u t-tielet pilastru, li jkopri l-kwistjonijiet ta’ titjib tad-demokrazija u l-governanza fil-pajjiżi sħab speċjalment it-trasparenza, il-monitoraġġ u r-responsabbiltà u l-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju li jkun favorevoli għal investiment li jwassal għal tkabbir u impjiegi ġodda u l-qerda tal-faqar.

3.13.

Huwa meħtieġ ukoll li tittejjeb il-komunikazzjoni dwar il-pjan ta’ investiment u l-proġetti speċifiċi tiegħu sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ timmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-proposta għal Regolament dwar il-Garanzija tal-EFSD issostni (8) li din tingħata għal perjodu ta’ investiment inizjali li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, li fil-fehma tal-Kumitat huwa qasir wisq biex jissodisfa l-għanijiet tal-EIP. Il-Kumitat jixtieq li jkun possibbli li jiġi estiż l-EIP u li jitkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sabiex jinkludi pajjiżi u reġjuni oħrajn skont is-suċċess tiegħu u dan għandu jitqies meta jitħejja l-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid.

4.2.

Huwa propost li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jipprovdu kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ garanzija allokata minn reġjun, settur jew tieqa ta’ investiment (9). Il-Kumitat jirrakkomanda li jiżdied li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu konformi mal-prijoritajiet tal-iżvilupp tal-UE.

4.3.

Aħna nilqgħu l-impenn tal-Kummissjoni li tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD u bi pjaċir ninnotaw li r-rapport se jsir pubbliku sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili, jesprimu l-fehmiet tagħhom. Il-KESE se jkun ħerqan biex jipparteipa fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-EFSD huwiex qed jikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, inkluża r-raġuni ewlenija għall-ħolqien tiegħu – it-tneħħija tal-kawżi tal-migrazzjoni irregolari.

4.4.

Fl-opinjonijiet kollha tiegħu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Kumitat insista li l-għajnuna trid tingħata b’mod kompletament trasparenti sabiex jiġu evitati l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, huwa jappoġġja l-fatt li dawn il-prinċipji jissemmew b’mod espliċitu fil-proposta (10).

4.5.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-qerda tal-faqar tiżdied mal-SDGs imsemmija fl-Artikolu 3(2) li fuqhom se jiffoka l-EFSD u biex din tissemma’ fost l-għanijiet ġenerali skont l-Artikolu 8(1)(a).

Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE REX 478 Sħubija għall-Migrazzjoni l-ġdida ma’ pajjiżi terzi (ara paġna 66 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (“Il-Ftehim ta’ Cotonou”).

(3)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 1, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 138, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 129, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 133; ĠU C 487, 28.12.2016, p. 24.

(4)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 1.

(5)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 49.

(6)  C(2015) 5210 final.

(7)  C(2016) 3436 final.

(8)  Punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet.

(9)  Punt 14 tal-kunsiderazzjonijiet u l-Artikolu 14 punt 4.

(10)  L-Artikoli 17, 18, 19 u 20.