10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti”

[COM(2016) 597 final – 2016/0276 (COD)]

(2017/C 075/11)

Relatur:

is-Sur Alberto MAZZOLA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea 26.9.2016 u Parlament Ewropew 3.10.2016.

Bażi legali

Artikoli 172, 173, 175 u 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni responsabbli

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottat fis-sezzjoni

29.11.2016

Adottat fis-sessjoni plenarja

15.12.2016

Sessjoni plenarja Nru

521

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

172/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b’mod qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi d-durata u żżid il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jaqbel mal-għan tagħha u l-importanza tagħha għall-iżgurar tal-istabilità u ċ-ċertezza għall-investituri u l-promoturi tal-proġetti. Il-Kumitat huwa wkoll favur l-estensjoni tal-għażla taż-żmien u l-finanzjament tal-FEIS biex tiġi inkluża perspettiva li tkun saħansitra għal żmien itwal, biex ikun żgurat li l-intervent huwa sistematiku u mhux interrott.

1.2.

Il-KESE jilqa’ r-riżultati pożittivi tal-ewwel sena tal-FEIS fl-immobilizzar immedjat tal-valur tal-investiment previst u jikkunsidra b’mod partikolari t-“tieqa ta’ investiment” tal-SME bħala suċċess. L-Osservatorju tas-Suq Uniku tal-Kumitat għandu jwettaq monitoraġġ kostanti tal-użu tal-FEIS għall-SMEs permezz ta’ indikaturi tal-impatt.

1.3.

Fil-fehma tal-Kumitat, l-FEIS 2.0 għandu jimmira lejn involviment dejjem akbar tal-kapital privat, u jaqbeż it-62 % miksub fl-ewwel sena. F’dak ir-rigward il-Kumitat jipproponi li jikkunsidra b’attenzjoni l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal fergħat oħra ta’ finanzi minbarra l-banek: is-suq tal-bonds u l-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet. Il-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet Ewropej u internazzjonali jista’ jkollhom parti kruċjali fl-investimenti.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm enfasi mmexxi mis-suq, li jiġi kkunsidrat b’mod serju l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-FEIS, filwaqt li tiġi msaħħa l-addizzjonalità tal-FEIS fil-konfront ta’ strumenti oħra tal-UE u negozju normali tal-BEI. Il-KESE jiddispjaċih li l-FEIS ma jiżgurax li l-fondi ser jiġu investiti f’pajjiżi li l-aktar jeħtiġuhom. Jitlob biex l-FEIS jiżgura kopertura bilanċjata mill-aspett ġeografiku fl-UE kollha, filwaqt li jikkunsidra l-attività ekonomika globali ta’ kull pajjiż, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-karattru mmexxi mis-suq u mid-domanda tal-inizjattiva, mingħajr ma jistabbilixxi kwoti bil-quddiem u jżomm biżżejjed flessibilità fost is-setturi li fih jintuża.

1.5.

Il-fehma tal-Kumitat hija li l-FEIS 2.0 għandu jiffoka l-interventi tiegħu stess fuq setturi tal-futur bħall-Industrija 4.0, in-netwerks intelliġenti tal-enerġija, diġitali u tal-infrastruttura tat-trasport u l-protezzjoni ambjentali, proġetti transfruntiera, inklużi proġetti Ewropej fuq skala kbira f’setturi bl-ogħla multiplikaturi ekonomiċi tal-PDG, abbażi tal-ammont tal-potenzjal tal-investiment, filwaqt li ma tiġix ittraskurata l-agrikoltura, sabiex jiġi massimizzat l-impatt tat-tkabbir u tal-impjiegi – inkluża l-possibilità li jinfetħu fondi oħra tal-UE, inklużi t-teknoloġiji b’użu doppju marbuta mal-industriji tas-sigurtà u tad-difiża u għandu jemenda l-lista tas-setturi esklużi mill-BEI.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda l-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), li għandu jżid l-operazzjonijiet tiegħu fid-diversi pajjiżi u jassumi rwol proattiv fir-reġjuni li huma l-anqas favoriti b’mod partikolari, isaħħaħ ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali kif ukoll il-ħolqien ta’ pjattaformi territorjali ta’ assistenza. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibilità li l-fondi strutturali u ta’ investiment jintużaw biex proġetti tal-FEIS jiġu kofinanzjati bla xkiel u mingħajr ostakoli burokratiċi u biex jiġi żgurat djalogu aħjar mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

1.7.

Il-KESE jitlob li tiġi rinforzata d-dimensjoni soċjali tal-użu tal-FEIS bħal fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp ta’ industriji kreattivi u kulturali, l-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-mediċina, u l-infrastruttura tas-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, tat-turiżmu u tal-protezzjoni ambjentali. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu jappoġġja b’mod ċar l-impenji tal-COP21.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li tiżdied il-viżibilità tal-finanzjament tal-FEIS permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni kbira fil-prattika madwar l-Unjoni, li jitnieda logo tal-FEIS biex jidher fuq l-inizjattivi finanzjati – b’mod speċjali dawk għall-SMEs – u li jissaħaħ id-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

1.9.

Minħabba l-importanza tas-suċċess tal-FEIS għas-soċjetà ċivili u l-marka Ewropea, il-Kumitat jitlob li jiġi kkonsultat b’mod regolari biex jipprovdi rapporti ta’ informazzjoni dwar operazzjonijiet finanzjarji u ta’ investiment u l-funzjonament tal-fond ta’ garanzija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-impatt ambjentali kif ukoll lill-evalwazzjoni minn esperti indipendenti tal-applikazzjoni tar-regolament u t-tibdil tal-FEIS permezz ta’ indikaturi soċjoekonomiċi u ambjentali ċari u billi tiġi ċċarata l-addizzjonalità ta’ din l-inizjattiva.

1.10.

Fid-dawl tad-diversi effetti pożittivi tal-investiment soċjali, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi, il-KESE jemmen li għandu jiġi kkunsidrat aktar kif il-Pjan Junker 2 jista’ jintrabat mal-objettivi tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali.

2.   Il-kuntest tal-iżvilupp tal-FEIS: il-qagħda preżenti

2.1.

Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “[i]l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), diġà ta riżultati konkreti u huwa pass importanti fil-mobilizzazzjoni ta’ investiment privat filwaqt li jsir użu għaqli tar-riżorsi baġitarji skarsi”.

2.2.

Minn meta ġie ppreżentat il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa f’Novembru 2014, bdiet terġa’ tinkiseb ċerta fiduċja fl-ekonomija u t-tkabbir. Madankollu, għad hemm 22 miljun persuna qiegħda, l-investiment għadu 15 % taħt dak irreġistrat qabel il-kriżi fl-2008 u jinħtieġu EUR 300 biljun aktar ta’ investiment kull sena biex jerġgħu jiġu rkuprati l-livelli ta’ qabel il-kriżi. Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-UE qiegħda tirreġistra rkupru moderat, bi tkabbir ta’ PDG ta’ 2 % fl-2015: għalkemm proġetti akbar ta’ investiment ma jistgħux jipproduċu effetti makroekonomiċi mill-ewwel, l-impenn imħaddan bis-sħiħ mal-pjan ta’ investiment diġà qiegħed jagħti riżultati tanġibbli.

2.3.

Fl-ewwel sena tal-operazzjonijiet tiegħu, il-FEIS wera s-solidità tal-pjan inizjali: implimentat u kosponsorjat mill-Grupp tal-BEI, jinsab fit-triq it-tajba biex iwassal l-objettiv tal-immobilizzar ta’ mill-anqas EUR 315 biljun f’investimenti addizzjonali fl-ekonomija reali sa nofs l-2018. Operazzjonijiet approvati f’dik l-ewwel sena kienu jiswew aktar minn EUR 115 biljun, 62 % minnhom iffinanzjati minn investituri privati – fil-15 ta’ Novembru 2016, EUR 154 biljun u 49 % tat-total mistenni (1).

2.4.

It-teħid mis-suq kien partikolarment rapidu fir-rigward tat-tieqa tal-SME, fejn ir-riżultati tal-FEIS qabżu sew l-aspettattivi: għal din ir-raġuni, it-tieqa żdiedet f’Lulju 2016 b’EUR 500 miljun fi ħdan il-parametri eżistenti tar-Regolament (UE) 2015/1017. Fl-aħħar tal-ewwel sena, l-operazzjonijiet li jibbenefikaw lill-SMEs kienu ġew approvati bl-ammont ta’ aktar minn EUR 47 biljun – 64 % ta’ dak li kien mistenni għat-tul kollu tat-tliet snin.

2.5.

Inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, iżda bil-governanza tiegħu stess, il-FEIS qiegħed jgħin ukoll biex jiffinanzja l-proġetti ta’ innovazzjoni u infrastruttura f’numru ta’ setturi: attwalment, fil-15 ta’ Novembru 2016, ir-riċerka u l-iżvilupp (20 %), l-enerġija (22 %), id-diġitalizzazzjoni (12 %), it-trasport (7 %), l-użu ambjentali u effiċjenti ta’ riżorsi (4 %), u l-infrastruttura soċjali (4 %).

2.6.

Il-Kumitat laqa’ t-tnedija ta’ Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u apprezza “il-bidla fit-ton lil hinn mill-awsterità u l-konsolidazzjoni fiskali”. Huwa enfasizza li “Il-Pjan ta’ Investiment huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda hemm għadd ta’ mistoqsijiet serji dwar id-daqs tiegħu meta mqabbel mal-bżonnijiet ta’ investiment enormi tal-Ewropa, il-livell għoli ta’ ingranaġġ mistenni, il-fluss potenzjali ta’ proġetti ta’ investiment adatti, l-involviment tal-SMEs – b’attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar – u l-għażla taż-żmien tal-Pjan” (2). Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-FEIS ma żgurax li l-fondi kienu investiti f’pajjiżi fejn l-iktar li kien hemm bżonn. L-Istati Membri li għaddejjin minn proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv skont il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbilità ma jistgħux jibbenefikaw minn xi flessibbiltà (ECOFIN 2012 u ECOFIN 2014).

2.7.

Il-Kumitat ibbenefika mill-esperjenza u l-opinjonijiet, fil-biċċa l-kbira pożittivi dwar il-FEIS, ta’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fis-seduta ta’ smigħ li saret fl-10 ta’ Novembru 2016.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi d-durata tal-FEIS b’sentejn oħra – sal-2020 – u żżid il-garanzija tal-UE minn EUR 16 sa 26 biljun u l-kontribuzzjoni tal-BEI minn EUR 5 sa 7,5 biljun – l-għan huwa li jiġi xprunat l-investiment għal madwar EUR 500 biljun matul dan it-tul ta’ żmien. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li l-fond ta’ garanzija jiżdied b’EUR 1,1 biljun, sa EUR 9,1 biljun. Din iż-żieda se tiġi ffinanzjata l-aktar b’fondi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u d-dħul minn operazzjonijiet tal-BEI relatati mal-FEIS.

3.2.

Ġew imfassla objettivi strateġiċi pluriennali tal-FEIS 2.0 għall-appoġġ ta’ investiment għal tkabbir f’konformità mal-prijoritajiet baġitarji tal-UE għas-setturi prijoritarji li ġejjin:

l-infrastruttura strateġika b’investimenti diġitali u tal-enerġija f’konformità mal-politiki tal-UE;

l-infrastruttura tat-trasport f’ċentri industrijali, l-ambjent, l-edukazzjoni, u r-riċerka u l-innovazzjoni;

l-investimenti li jagħtu spinta lill-impjiegi, b’mod partikolari permezz tal-finanzjament tal-SMEs u miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ;

il-kapital uman, il-kultura u s-saħħa.

3.3.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-inizjattiva għandha tippermetti lill-BEI u lill-FEIS iwettqu operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ta’ volum akbar f’dawn l-oqsma, u fil-każ tal-BEI, fi proġetti aktar riskjużi iżda ekonomikament sostenibbli bis-saħħa tal-garanzija tal-UE li jirċievi. L-effett multiplikatur involut huwa kapaċi jiġġenera investiment ta’ EUR 15 fi proġetti għal kull euro ta’ garanzija – b’total ta’ mhux anqas minn EUR 500 biljun bejn issa u l-aħħar tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali.

3.4.

It-tibdil ewlieni li l-Kummissjoni tipproponi għar-Regolament 2015/1017 jikkonċerna:

it-tisħiħ tal-addizzjonalità tal-proġetti, inklużi proġetti ta’ infrastruttura tranfruntiera u servizzi relatati, li ġew identifikati speċifikament bħala li jipprovdu addizzjonalità;

iż-żieda fil-penetrazzjoni tal-FEIS f’reġjuni li jkunu għadhom lura u/jew ta’ tranżizzjoni u li tkun aktar faċli li jiġu kombinati l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FEIS), l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mal-appoġġ tal-FEIS;

l-appoġġ għal reġjuni li jkunu għadhom lura u ta’ tranżizzjoni permezz ta’ referenza espliċità għal kwalunkwe industrija li altrimenti ma tkunx koperta fl-objettivi ġenerali;

konċentrazzjoni akbar tal-FEIS fuq proġetti biex jiġu sodisfatti l-għanijiet tal-COP 21 u prijoritajiet ta’ tibdil fil-klima;

il-possibilità li jiġu inklużi proġetti ta’ investiment relatati mad-difiża fl-FEIS, minħabba l-effett multiplikatur ekonomiku;

il-promozzjoni tal-għanijiet ta’ diversifikazzjoni settorjali u ġeografika tal-FEIS filwaqt li jiġi salvagwardjat l-enfasi mmexxi mis-suq;

aktar trasparenza fil-proċess ta’ governanza tal-FEIS.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b’mod qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi kemm id-durata u kif ukoll il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), filwaqt li jaqbel mal-għan u l-importanza tagħha fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-investiment fl-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat itenni l-pożizzjoni li ħa qabel (3) dwar il-ħtieġa għal pjan Ewropew għat-tkabbir u l-impjiegi li jinkorpora FEIS aktar ambizzjuż flimkien ma’ programmi ta’ tkabbir Komunitarji oħra, b’mod speċjali l-Orizzont 2020, is-CEF u l-Fondi Strutturali. Il-KESE jappoġġja l-ftuħ ta’ Fondi oħra tal-UE biex tiġi appoġġjata finanzjarjament il-garanzija ta’ investiment fis-setturi speċifiċi tagħhom.

4.2.

Dawn il-programmi ta’ għotja kif ukoll l-investimenti pubbliċi jridu jinżammu u ma jiġux imminati fl-ispeċifiċità tagħhom għall-importanza tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi.

4.3.

Il-KESE jilqa’ r-riżultat pożittiv tal-ewwel sena tal-FEIS fl-immobilizzar immedjat tal-valur tal-previżjoni tal-investiment – filwaqt li għadu jistenna analiżi kwalitattiva u kwantitattiva aktar preċiża tar-riżultati – u jikkunsidra t-“tieqa ta’ investiment” tal-SME bħala suċċess. Iwassal dak li qal il-Kumitat dwar ir-rwol tal-FEIS fir-rigward tal-kapital ta’ riskju u l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat it-tkabbir tal-ħolqien tal-impjiegi u tan-negozju, b’mod speċjali l-SMEs (4).

4.4.

Il-fehma tal-Kumitat hija li s-suċċess tal-FEIS għall-SMEs huwa parzjalment riżultat ta’ problemi persistenti fil-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ fondi mill-banek għall-kumpaniji, kif muri mid-depożiti li baqgħu ma ntmessux fil-BĊE; f’dan ir-rigward, l-Osservatorju tas-Suq Uniku tal-KESE għandu jimmonitorja b’mod kostanti l-użu tal-FEIS għall-SMEs permezz ta’ indikaturi tal-impatt.

4.5.

Fil-fehma tal-Kumitat, l-FEIS 2.0 għandu jimmira lejn involviment dejjem akbar tal-kapital privat, li, jekk ikun possibbli, jaqbeż it-62 % miksuba fl-ewwel sena. F’dak ir-rigward il-Kumitat jipproponi li jikkunsidra b’attenzjoni l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal fergħat oħra ta’ finanzi minbarra l-banek: is-setturi finanzjarji, is-suq tal-bonds u l-fondi tal-assigurazzjoni u tal-investimenti (5). Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa ta’ fond addizzjonali mmirat primarjament lejn l-immobilizzar tal-investiment privat. Fil-livell Ewropew, investituri istituzzjonali jimmaniġġjaw assi bl-ammont ta’ EUR 13 500 biljun (6), li minnhom anqas minn 1 % huma investiti fl-infrastruttura.

4.6.

Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jirriflettu dwar il-possibbiltà li tiġi permessa aktar flessibbiltà għall-Istati Membri f’sitwazzjonijiet diffiċli biex iżidu l-investimenti pubbliċi, biex jiffinanzjaw permezz tal-infrastruttura tal-FEIS u r-riċerka, l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, il-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali.

4.6.1.

Biex jiżdiedu dawn il-fondi hemm bżonn ta’ bidla fir-regoli tas-suq uniku għall-kapital, bħad-Direttiva Solvibbiltà II, li jfixklu l-investiment fl-intrastruttura mill-fondi Ewropej tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet. Fil-Kanada, pereżempju, is-sehem ta’ dawn il-fondi fl-investiment fl-infrastruttura – inkluża l-infrastruttura Ewropea – jilħaq1il-15 % tal-assi mmaniġġjati. Pjattaforma ffinanzjata mis-CEF, il-BEI u l-fondi tal-assigurazzjoni tista’ ttaffi dawn il-problemi u tiggarantixxi l-użu proprju ta’ dawn il-fondi.

4.7.

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti għas-suċċess tal-FEIS 2.0 li jinżamm il-karattru mmexxi mis-suq tiegħu u li tissaħħaħ l-addizzjonalità tal-FEIS fil-konfront ta’ strumenti oħra tal-UE u l-attività ewlenija tal-BEI: kull proġett individwali ewlieni m’għandux biss ikun konsistenti mal-politiki tal-UE, iżda għandu jiġi ġġudikat ukoll fuq il-merti tiegħu stess u r-riżultati ekonomiċi mistennija.

4.8.

Il-KESE jaqbel dwar in-neċessità li tiġi appoġġjata l-addizzjonalità tal-proġetti appoġġjati mill-FEIS biex b’hekk jiżdiedu l-bankabilità/finanzjabilità ta’ proġetti aktar riskjużi. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ ammissibilità jridu jinkludu r-rekwiżit li proġetti appoġġjati jindirizzaw fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment mhux ottimali, u li l-proġetti transfruntiera u servizzi oħrajn relatati huma speċifikament identifikati bħala proġetti li jissodisfaw intrinsikament ir-rekwiżit ta’ addizzjonalità, biex b’hekk jiġi żgurat li l-pjan ta’ investiment jerġa’ jagħti spinta b’mod effettiv lill-ekonomija tal-Ewropa u jippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

4.9.

Il-KESE jitlob bis-saħħa biex il-FEIS jintuża b’mod aktar intensiv fl-edukazzjoni, it-taħriġ, u-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u tul il-ħajja, fl-iżvilupp tal-industriji kreattivi u kulturali, il-kura tas-saħħa u l-infrastruttura soċjali u tat-turiżmu.

4.10.

Il-Kumitat isostni li l-FEIS irid jimxi lejn kopertura bilanċjata ġeografikament fl-UE kollha li tikkunsidra l-attività ekonomika globali ta’ kull pajjiż u l-etos immexxi mis-suq u mid-domanda tal-inizjattiva, mingħajr ma jistabbilixxi kwoti bil-quddiem u filwaqt li jżomm biżżejjed flessibilità fl-allokazzjoni tal-fondi bejn is-setturi. Il-KESE jaqbel li jkun loġiku li jissaħħaħ iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) sabiex iżid l-operazzjonijiet tiegħu stess fid-diversi pajjiżi. Japprova wkoll il-possibilità li l-fondi strutturali u ta’ investiment jintużaw biex proġetti tal-FEIS jiġu kofinanzjati mingħajr xkiel u mingħajr ostakoli burokratiċi.

4.10.1.

Ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) u dak tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali għandu jiġi estiż mhux biss biex jipprovdi servizzi ta’ assistenza teknika aktar immirati fil-livell lokali fl-UE kollha, iżda anke biex tiġi żgurata komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-FEIS 2.0.

4.10.2.

Ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali, fis-suċċess tal-FEIS huwa essenzjali wkoll. L-UE u l-gvernijiet nazzjonali, permezz tal-FEIS, għenu u jeħtieġ li jibqgħu jagħtu dejjem aktar appoġġ għall-proġetti kemm f’żona ġdida kif ukoll f’siti abbanduanti li kieku ma jkunux vijabbli finanzjarjament. Dan huwa partikolarment minnu għal proġetti b’riskju ta’ domanda/użu mhux kwantifikabbli. Dan ir-riskju jista’ jiġi mmitigat permezz tal-użu parzjali ta’ garanziji provduti mill-banek promozzjonali nazzjonali, li f’ħafna każijiet jistgħu ibiddlu tranżazzjoni mhux kummerċjabbli għal waħda kummerċjabbli għall-investituri istituzzjonali.

4.11.

Il-KESE jaqbel mal-idea li: “il-kontribuzzjonijiet għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) mill-Istati Membri ma jiġux inklużi fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit” u jixtieq jara dan il-prinċipju estiż għall-programmi ta’ investiment, pereżempju fil-forma ta’ regola tad-deheb proprja għall-investiment pubbliku strateġiku.

4.12.

Fil-fehma tal-Kumitat, kemm biex jiġi xkattat l-investiment Ewropew kif ukoll biex jiġi attirat l-investiment barrani (7) – li għandu jiġi previst fir-Regolament fuq bażi reċiproka – u biex jinkiseb b’mod effettiv ingranaġġ ta’ 1 għal 15 bejn il-garanzija u l-investiment, mhux biss iridu jerġgħu jingħataw spinta l-ekonomija u t-tkabbir tal-Ewropea, iżda trid tiġi aċċellerata wkoll l-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pilastru tal-pjan ta’ investiment billi jsiru riformi strutturali, jitneħħew l-ostakoli għall-investiment, u tiġi inkorporata l-kontribuzzjoni tal-FEIS.

4.13.

Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament tal-FEIS għandu jsir aktar viżibbli permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni kbira fil-prattika u li l-logo tal-FEIS, b’mod partikolari fil-każ tal-SMEs, jitqiegħed fuq kull kuntratt ta’ finanzjament li jinkludi l-appoġġ tal-FEIS. Il-Kumitat jikkunsidra l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment u tat-tmexxija u l-ħidma tal-fondi ta’ garanzija bħala importanti għas-soċjetà ċivili kollha li jirrappreżenta u għall-awtoritajiet lokali u reġjonali – kif inhi importanti wkoll l-evalwazzjoni minn espert indipendenti tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-FEIS u l-emendi għalih. Il-KESE għalhekk jitlob li rapporti ta’ dan it-tip jiġu ppreżentati mhux biss lill-Parlament u lill-Kunsill, iżda anke lill-KESE u l-KtR.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

F’termini ta’ setturi prijoritarji, l-FEIS 2.0 għandu jipprovdi finanzjament bilanċjat u flessibbli, abbażi tal-volum tal-investiment potenzjali, lid-diversi setturi tal-ekonomija u b’mod speċjali lill-enerġija u d-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari u l-għanijiet tas-COP 21, in-netwerks tat-trasport u transfruntiera sostenibbli, kif ukoll setturi bħall-agrikoltura, il-bijoekonomija, il-manifattura u servizzi f’reġjuni li jkunu għadhom lura u ta’ tranżizzjoni sabiex isir l-aħjar impatt possibbli fuq l-impjiegi, inklużi teknoloġiji b’użu doppju relatati mal-industriji tas-sigurtà u d-difiża li jappoġġjaw il-varar ta’ bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) unika b’saħħitha u definita b’mod aktar ċar b’ “koordinazzjoni akbar u ppjanar komuni, bil-ħsieb li nimxu lejn Unjoni Ewropea tad-Difiża” (8).

5.1.1.

Il-Kumitat jirrakkomanda b’mod speċjali l-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-manifattura (Industrija 4.0), l-iżvilupp sikur u uniformi tal-cloud networks u ċ-ċentri tad-data.

5.2.

Sa fejn hija kkonċernata l-governanza tal-FEIS, il-KESE jemmen li jkun loġiku li ssir rotazzjoni tar-rappreżentanza mill-Kummissjoni Ewropea, minbarra d-DĠ ECFIN, u l-BEI fil-kumitat ta’ tmexxija sabiex jiddaħħlu rappreżentanti ta’ DĠs f’setturi bħat-trasport, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent, sabiex jiġi promoss il-finanzjament ibbilanċjat fis-setturi kollha. Il-kumitat għall-investiment li jiddeċiedi liema proġetti se jiġu appoġġjati mill-garanzija tal-UE jrid ikun ukoll indipendenti għalkollox u jieħu deċiżjonijiet trasparenti mingħajr indħil mill-BEI, il-Kummissjoni Ewropea jew kontributuri pubbliċi jew privati oħra. Għandu jiġi estiżukoll biex jinkludi esperti speċifiċi għas-settur li jistgħu jipprovdu għarfien speċjalizzat dwar is-sitwazzjoni tas-swieq ġeografiċi għal intervent.

5.3.

Il-FEIS għandu ħafna aktar finanzjament minn inizjattivi Komunitarji oħra u bħala tali jippermetti investiment fi proġetti Ewropej fuq skala kbira li jiswew aktar minn EUR 10 biljun, appoġġjati prinċipalment minn kapital privat (9). Biex jiġu implimentati dawn il-proġetti, il-Kumitat huwa tal-fehma li r-rwol proattiv tal-Kummissjoni jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex ikun jista’ jappoġġja t-tnedija konġunta ta’ diversi programmi Ewropej u jiġi determinat il-qafas regolatorju xieraq, b’mod speċjali fis-settur tat-trasport, l-enerġija u n-netwerks tal-ITC, li għandhom l-ogħla multiplikaturi ekonomiċi tal-PDG.

5.4.

Fil-fehma tal-KESE, il-FEIS għandu jiffoka aktar fuq l-konomija diġitali kollaborattiva fl-Ewropa, bil-promozzjoni tal-Pjattaformi ta’ Investiment Ewropew biex jitrawwem it-tkabbir ta’ negozji li jkunu għadhom kemm fetħu f’dan is-settur biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità. Ser jiġu garantiti d-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur.

Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ċifri tal-Grupp tal-BEI. 12 ta’ Ottubru 2016.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27).

(3)  Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10).

(5)  Ara n-nota nru 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Pjan ta’ Azzjoni tal-UE nagħmlu l-aħjar użu minn skemi finanzjarji ġodda.

(7)  Ara, pereżempju, il-programm Ċiniż One Belt One Road (Ċintorin Wieħed Triq Waħda).

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà” (ĠU C 264, 20.7.2016, p. 1).

(9)  Pereżempju: is-sistema Ewropea ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-Sistema ta’ Tmexxija tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (ERTMS), is-Sewqan Konness u Awtomatiku, il-grilja interkonnessa lil hinn mill-Kosta tal-Baħar tat-Tramuntana għall-parks oleiċi,, Komputazzjoni ta’ Prestazzjoni Għolja Gigabyte industrijali, u l-implimentazzjoni tal-broadband madwar l-Ewropa.