21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni”

(COM(2016) 491 final – 2016/0236 (COD))

(2017/C 125/04)

Relatur:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 15.9.2016

Kunsill, 24.10.2016

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

13.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

138/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjan ta’ Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva tal-2012 (il-Pjan ta’ Azzjoni) (1).

1.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (l-Aġenda tas-Sigurtà) (2) u għal darb’oħra jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar u l-użu illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi, kif ukoll għall-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (3)  (4).

1.3

Minħabba l-kummenti hawn taħt, il-KESE issa jilqa’ bi pjaċir anke l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni (5) (il-Proposta) bħala l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Huwa jfaħħar l-għan tal-Proposta li titwaqqaf sistema ta’ approvazzjoni tat-tip għall-apparat ta’ kontroll b’ċertifikazzjoni permezz ta' punt uniku ta' servizz sabiex titħaffef l-introduzzjoni ta’ prodotti fuq is-suq, jitnaqqsu l-ispejjeż, jiżdied il-volum tas-suq u tittejjeb il-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-sigurtà tal-prodotti.

1.4

Madankollu, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-proposta ma tintroduċix awtorità tal-UE unika għall-approvazzjoni b'servizz tekniku integrat, peress li dan kien iġib l-aħjar effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż. Il-KESE għandu dubji serji dwar l-effiċjenza fir-riżorsi tal-alternattiva proposta ta’ separazzjoni tas-servizzi tekniċi u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni.

1.5

Il-KESE jiddispjaċih ukoll li mhix riflessa fil-Proposta l-possibbiltà provduta fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (6) biex fil-livell nazzjonali jiddaħħlu rekwiżiti aktar stretti milli fil-livell bażiku provdut taħt dak ir-Regolament, u li l-KESE kien laqa' b’mod espliċitu fl-Opinjoni (7) tiegħu dwar il-proposta għal dak ir-Regolament.

1.6

Il-KESE jiddeplora l-fatt li l-kunsiderazzjonijiet tas-suq intern jidhru li ħadu preċedenza fuq il-preokkupazzjonijiet dwar is-sigurtà, sal-punt li lanqas tingħata l-possibbiltà għal rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali addizzjonali biex jissalvagwardjaw interessi nazzjonali kruċjali skont l-Artikolu 114(10) tat-TFUE.

1.7

F’dan ir-rigward, il-KESE jiddispjaċih ukoll li t-TFUE ma jippermettix azzjoni nazzjonali speċifika biex tipproteġi l-interessi nazzjonali essenzjali kontra atti terroristiċi, skont kif japplika fir-rigward ta’ apparat militari skont l-Artikolu 346 tat-TFUE jew fir-rigward tal-akkwist pubbliku skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24 dwar l-akkwist pubbliku (8).

1.8

Il-KESE għandu dubji dwar l-adegwatezza tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 24(3) tal-Proposta li tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tippresjedi l-kumitat ta’ koordinazzjoni tas-servizzi tekniċi, meta titqies in-natura teknika u kumplessa ħafna tal-mistoqsijiet li jkollhom jiġu indirizzati mis-servizzi tagħha.

1.9

F’dan ir-rigward, il-KESE jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li jidher li ma ngħatat l-ebda kunsiderazzjoni għall-possibilità li fil-proposta tiġi inkluża sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali ta’ approvazzjoni.

1.10

Il-KESE jiddubita dwar kemm il-Proposta tmur lil hinn mill-ambitu ta’ dak li huwa awtorizzat taħt l-Artikolu 290(1) tat-TFUE meta tawtorizza l-użu ta’ atti delegati għall-modifika ta' dispożizzjonijiet tekniċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-Artikolu 27(a) tal-Proposta, li ma jistabbilixxi l-ebda limitu għall-kamp ta’ applikazzjoni jew għan-natura tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni ġodda li jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I għall-Proposta permezz ta’ atti delegati.

1.11

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jirrimarka li, jekk se tilleġisla f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se jkollha bżonn il-kompetenza teknika meħtieġa biex tiżgura l-kwalità tal-atti leġislattivi.

1.12

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta li l-UE għandha tfittex li ssir membru sħiħ tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC). Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Kostituzzjoni attwali tal-ECAC tawtorizza biss Stati bħala membri, u li s-sħubija fl-ECAC tmur lil hinn mill-Istati Membri tal-UE u li mhemmx ċertezza dwar l-eżitu ta’ tali negozjati ta’ sħubija, jista’ jkun aktar realistiku li jiġi ddikjarat li l-UE għandha tieħu l-passi adatti bil-ħsieb li tissieħeb fl-ECAC.

1.13

Il-KESE ħa nota tad-dispożizzjoni fil-Proposta għal tul ta' żmien medju massimu ta’ sitt xhur bejn it-tressiq ta’ talba għal test mis-servizzi tekniċi u t-twassil tar-riżultati tat-test lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni rilevanti. Il-KESE jissuġġerixxi li alternattiva aħjar tkun li s-servizz tekniku jagħmel valutazzjoni inizjali ta’ talba sabiex jiddefinixxi t-tul ta' żmien meħtieġ għall-ittestjar u biex jgħarraf lill-applikant f’limitu ta’ żmien fiss. Jekk, wara dan, l-iskadenza għall-ittestjar ma tiġix rispettata, l-applikant għandu jiġi mgħarraf u tingħata spjega tar-raġunijiet għad-dewmien.

1.14

Il-KESE jinnota li s-sistema tal-ECAC għall-valutazzjoni tal-prodotti issa qed taħdem tajjeb u li, għaldaqstant, jistgħu jitqajmu dubji dwar il-valur miżjud ta' sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE għal raġunijiet operattivi. Din l-osservazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tas-Suq Intern stabbiliti fil-Proposta.

1.15

Minħabba r-raġunijiet indikati, il-KESE għandu dubji dwar il-valur miżjud tal-Proposta kif inhi bħalissa u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-kontenut tagħha bil-ħsieb li tindirizza l-osservazzjonijiet magħmula f’din l-Opinjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-proposta hija pass ’il quddiem lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni (9). L-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni huma li:

jegħleb il-frammentazzjoni tas-suq permezz tal-ħolqien ta' standards ta' ċertifikazzjoni mal-UE kollha/internazzjonali, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità taċ-ċertifikazzjoni/valutazzjoni tal-UE, u l-isfruttar tas-sinerġiji bejn it-teknoloġiji tas-sigurtà u tad-difiża;

inaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq;

itejjeb l-integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali permezz tal-ittestjar bikri tal-impatt soċjali, inkluż l-effetti possibbli fuq id-drittijiet fundamentali.

2.2

Wieħed mill-għanijiet importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tintemm il-frammentazzjoni tas-suq tas-sigurtà permezz tal-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni mal-UE kollha għat-teknoloġiji tas-sigurtà, l-ewwel nett għall-apparat tal-kontroll u għas-sistemi tal-alarms fl-ajruporti, li għandha tintlaħaq billi tiġi stabbilita sistema ta' punt uniku ta’ servizz għaċ-ċertifikazzjoni li tagħti l-aċċess tas-suq madwar l-UE kollha għall-prodott iċċertifikat. Dan iwassal għal semplifikazzjoni, tnaqqis tal-piżijiet taċ-ċertifikazzjoni, żieda fil-volumi tas-suq domestiku u għalhekk kompetittività mtejba meta mqabbla ma’ prodotti Amerikani u Ċiniżi li għandhom il-vantaġġ ta’ volumi akbar fi swieq domestiċi kbar.

2.3

L-aġenda tas-Sigurtà (10) tapprova l-Pjan ta’ Azzjoni meta tindirizza azzjonijiet ta’ appoġġ bħat-taħriġ, il-finanzjament, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

2.4

L-Aġenda tas-Sigurtà fiha firxa wiesgħa ta’ miżuri li jinkludu l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, it-traffikar u l-użu illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi u miżuri oħra biex jipproteġu liċ-ċittadini u l-infrastruttura kritika, inkluż pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar u l-użu illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi u Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (11).

2.5

Il-Proposta tintroduċi sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq rekwiżiti ta’ prestazzjoni komuni, metodi ta’ ttestjar komuni u akkreditazzjoni tal-laboratorji tal-ittestjar (servizzi tekniċi).

2.6

Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni huma dawk stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (12) u l-atti ta' implimentazzjoni tiegħu (l-Artikolu 4 u l-Anness I tal-Proposta).

2.7

Il-metodi ta’ evalwazzjoni huma dawk żviluppati fil-Proċess ta' Evalwazzjoni Komuni (Common Evaluation Process – CEP) approvat mill-ECAC.

2.8

Kull Stat Membru għandu jkollu awtorità tal-approvazzjoni b’kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tal-apparat (l-Artikolu 6 tal-Proposta). L-ebda Stat Membru ma jista’ jagħmel rekwiżiti addizzjonali dwar apparat iċċertifikat (l-Artikolu 4 tal-Proposta).

2.9

Il-Proposta tistabbilixxi proċeduri fir-rigward ta’ apparat li jippreżenta riskju fil-livell nazzjonali jew li ma jkunx konformi maċ-ċertifikazzjoni (l-Artikoli 17-19 tal-Proposta).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE diġà laqa’ bi pjaċir il-Pjan ta’ Azzjoni (13), l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, il-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar u l-użu illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi u l-Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (14).

3.2

Issa l-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll l-għan tal-Proposta li l-Pjan ta’ Azzjoni jiġi implimentat permezz tat-tisħiħ tas-settur tal-industrija tas-sigurtà Ewropea bil-ħolqien ta’ suq domestiku akbar u t-titjib tal-kompetittività ta’ din l-industrija.

3.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet tal-Proposta li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE u li tissemplifika l-proċeduri amministrattivi permezz tal-introduzzjoni ta' punt uniku ta' servizz biex inaqqas l-ispejjeż ta’ ċertifikazzjoni u joħloq suq domestiku akbar. Il-KESE jinnota l-enfasi qawwija fuq is-Suq Intern u l-kompetittività, u l-fatt li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà huma indirizzati prinċipalment mill-perspettiva li ż-żieda fil-kompetittività tal-industrija tista’ ttejjeb il-possibbiltajiet tagħha għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda.

3.4

Il-KESE japprova l-approċċ segwit fil-Proposta favur leġislazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-użu ta' Metodi ta’ Ttestjar Komuni żviluppati mill-ECAC, u jaqbel li l-natura klassifikata ta’ ħafna materjal legali titlob dan l-approċċ. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta tista’ tittejjeb f’għadd ta’ aspetti importanti.

3.5

Għaldaqstant, il-KESE jiddispjaċih li fil-Proposta mhix inkluża l-possibbiltà li tinsab fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 biex Stat Membru japplika miżuri aktar stretti mill-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-Proposta. La l-proċeduri fir-rigward ta’ apparat li jippreżenta riskju fil-livell nazzjonali u lanqas il-proċedura għas-salvagwardja tal-unjoni ma huma adatti biex jindirizzaw din it-tip ta’ problema.

3.6

Hawnhekk il-KESE jfakkar li huwa approva b’mod speċifiku l-possibbiltà li l-Istati Membri jitħallew jieħdu miżuri aktar stretti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal dak ir-Regolament (15).

3.7

Il-KESE huwa konxju mid-diffikultajiet involuti fl-awtorizzazzjoni tar-rekwiżiti nazzjonali addizzjonali dwar prodotti koperti minn kriterji armonizzati, iżda madankollu jiġbed l-attenzjoni dwar il-possibbiltà li tingħata mill-Artikolu 114(10) tat-TFUE biex jiġu awtorizzati rekwiżiti nazzjonali abbażi tal-bżonn ta' protezzjoni tal-interessi ta’ sigurtà nazzjonali, pereżempju, għalkemm għal perjodu limitat ta’ żmien biss.

3.8

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li, fi proposti għal opinjonijiet motivati dwar il-kwistjoni tas-sussidjarjetà, li waħda minnhom intbagħtet, il-parlamenti ta' mill-inqas żewġ Stati Membri irreferew għall-ħtieġa li r-rekwiżiti ta’ sigurtà jkunu jistgħu jiġu adattati skont il-livelli differenti ta’ esponiment għar-riskju fl-Istati Membri differenti (16). Dan ifisser li jista' ikun hemm bżonn li jissaħħu r-rekwiżiti tas-sigurtà permezz tal-introduzzjoni ta' karatteristiċi addizzjonali u prestazzjoni mtejba tal-apparat, inkluż tagħmir tal-kontroll fl-ajruporti, meta mqabbel mar-rekwiżiti standard tal-UE.

3.9

Il-KESE huwa tal-fehma li, fl-implimentazzjoni ta' politika li għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni kontra atti terroristiċi, dan l-għan għandu jitqies bħala element essenzjali ta’ kwalunkwe miżura proposta. Aġenda ta’ politika industrijali marbuta ma’ dan l-għan għandha titqies bħala subordinata għall-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.10

Għalhekk għandu jkun hemm raġuni ċara għal azzjoni separata min-naħa tal-Istati Membri biex jindirizzaw theddidiet terroristiċi, inkluż billi jagħmlu talbiet addizzjonali dwar tagħmir tal-kontroll fl-ajruporti minbarra r-rekwiżiti standard ta’ ċertifikazzjoni. L-Artikoli 17 u 18 tal-Proposta mhumiex relatati ma’ din il-problema u ma jagħtux biżżejjed libertà ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri li tippermettilhom jipproteġu lilhom innifishom kontra theddidiet terroristiċi. Il-KESE huwa konxju li t-TFUE kif inhu bħalissa ma fih l-ebda regola speċifika li tippermetti li l-apparat tas-sigurtà jkun eżenti mir-regoli tas-suq intern għal raġunijiet ta’ salvagwardja tal-interessi nazzjonali essenzjali, peress li l-Artikolu 346 TFUE jipprevedi din il-possibbiltà biss fir-rigward ta’ apparat militari u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE (l-Artikolu 15) jikkonċernaw l-akkwist pubbliku biss (17).

3.11

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li l-Proposta tippermetti lill-Kummissjoni tadotta atti delegati biex temenda l-Anness I sabiex jirrifletti l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tal-prestazzjoni ġodda għall-apparat ta’ kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni (l-Artikolu 27(a)) u sabiex temenda l-Annessi ta’ dan ir-Regolament biex tadattahom għall-iżvilupp ta’ għarfien xjentifiku u tekniku (l-Artikolu 27(b)). L-Artikolu 290(1) tat-TFUE jillimita d-delega għal elementi mhux essenzjali tal-att legali inkwistjoni, inklużi aġġornamenti minħabba żviluppi tekniċi. Id-delega fl-Artikolu 27(a) tal-proposta tidher li tmur lil hinn minn dak il-limitu. Għaldaqstant, il-KESE għandu dubji dwar il-kompatibbiltà tad-delega proposta mal-Artikolu 27(a) tal-Proposta mat-TFUE.

3.12

Fi kwalunkwe każ, jekk ikollha tilleġisla f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se jkollha bżonn il-kompetenza teknika meħtieġa biex tiżgura l-kwalità tal-atti leġislattivi.

3.13

Il-Proposta tipprovdi għal awtorità ta’ approvazzjoni f’kull Stat Membru. Il-KESE għandu dubji kemm dwar il-kapaċità tal-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu tali awtorità fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Proposta kif ukoll dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-valur miżjud ta’ dan ir-rekwiżit, filwaqt li jitfakkar li bħalissa ħames Stati Membri biss għandhom il-kapaċità li jittestjaw l-apparat u joħorġu approvazzjoni tat-tip. Il-KESE jemmen li awtorità ta’ approvazzjoni unika tal-UE kienet tkun soluzzjoni aktar effiċjenti, f’konformità ma’ approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz.

3.14

F’dan ir-rigward, il-KESE għandu dubji wkoll dwar kemm hu siewi li l-funzjonijiet tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni jiġu separati bejn is-servizzi tekniċi u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni, li fil-verità jfisser li l-ittestjar tal-prestazzjoni ta’ prodott għandu jitwettaq minn servizz tekniku, li jkun ġie ċertifikat fir-rigward tal-kompetenzi tiegħu, filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-ħruġ taċ-ċertifikazzjoni (l-approvazzjoni tat-tip) għandha tittieħed mill-awtorità tal-approvazzjoni, li biċ-ċar ma għandha għalfejn tissodisfa ebda kriterju speċifiku ta’ kompetenza teknika iżda tkun tibbaża għal kollox fuq il-valutazzjonijiet mwettqa mis-servizz tekniku. Jekk ir-raġuni li tingħata għal din is-sistema ta’ żewġ livelli se tkun li l-kompetenza teknika adatta mhix disponibbli fl-Istati Membri kollha, il-KESE jissuġġerixxi l-integrazzjoni taż-żewġ funzjonijiet b’numru mnaqqas ta’ awtoritajiet ta’ approvazzjoni jew, idealment, kif diġà ġie suġġerit, l-istabbiliment ta' awtorità tal-approvazzjoni waħda komuni għall-UE kollha kemm hi.

3.15

Il-KESE jieħu nota wkoll tal-fatt li metodoloġija komuni tal-ECAC għat-test ta’ ċertifikazzjoni issa qed taħdem sew. Dan iqajjem dubji dwar il-valur miżjud tas-sistema li għandha tinħoloq bil-Proposta, peress li l-qafas tal-ECAC jiżgura l-moviment liberu tal-prodotti kkonċernati fost l-Istati Membri tal-ECAC. Din l-osservazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tas-Suq Intern tal-Proposta.

3.16

Il-KESE jinnota li l-Artikolu 10 tal-Proposta jistipula li l-UE għandha ssir membru sħiħ tal-entità responsabbli għat-tfassil tal-metodoloġiji komuni tal-ittestjar, jiġifieri l-ECAC. Il-KESE jirrimarka li s-sħubija tal-UE fl-ECAC tkun teħtieġ emenda minn qabel għal Kostituzzjoni tal-ECAC, peress li bħalissa din tippermetti biss Stati bħala membri sħaħ. Minħabba li s-sħubija tkun ir-riżultat ta’ proċess ta’ negozjati, il-KESE jissuġġerixxi li d-dispożizzjoni li tkun trid tinbidel tkun tistipula li l-UE għandha tingħata mandat biex tibda negozjati bl-għan li tikseb sħubija sħiħa fl-ECAC.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Proposta tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippresjedi grupp settorjali ta’ servizzi tekniċi biex tiżgura l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi tekniċi. Fid-dawl tal-fatt li dan il-grupp aktarx li se jkun qed jindirizza suġġetti tekniċi kumplessi ħafna, il-KESE jiddubita l-adegwatezza ta’ din is-soluzzjoni.

4.2

Il-KESE huwa sorpriż li ma nħass l-ebda bżonn biex jiġi propost skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali ta’ approvazzjoni, u bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-Kummissjoni, meta jitqies li sistema bħal din ġiet ikkunsidrata utli għas-servizzi tekniċi u f’kuntesti oħra fejn l-awtoritajiet nazzjonali jeżerċitaw kompetenza ta' teħid ta’ deċiżjonijiet li hija rilevanti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, pereżempju fil-qasam tal-kompetizzjoni.

4.3

Filwaqt li l-Proposta tipprovdi għal awtorità tal-approvazzjoni waħda għal kull Stat Membru, ma hemm l-ebda rekwiżit bħal dan li japplika għas-servizzi tekniċi li, kif indikat hawn fuq, ser jaqdu rwol ewlieni fis-sistema ta’ ċertifikazzjoni ppjanata. Dan għal darb’oħra jsaħħaħ l-opinjoni li r-rekwiżit ta’ awtorità tal-approvazzjoni waħda f’kull Stat Membru għandu valur simboliku biss, meta jitqies li ċ-ċertifikazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikati ta’ konformità maħruġa abbażi ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni huma validi madwar l-UE kollha. Il-proċedura biex jiġi indirizzat apparat li jippreżenta riskju fil-livell nazzjonali (l-Artikolu 17 tal-Proposta) tista’ tiġi ttrattata minn awtorità nazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet ta’ sigurtà.

4.4

Il-Proposta tispeċifika li s-servizzi tekniċi għandhom jiżguraw li t-tul ta' żmien medju bejn it-tressiq ta’ talba għal test ta' apparat u t-twassil tar-riżultati lill-awtorità tal-approvazzjoni ma jaqbiżx is-sitt xhur, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali jew wara talba speċifika tal-manifatturi. Il-KESE huwa tal-fehma li tul ta' żmien fiss ta’ dan it-tip la hu mixtieq u lanqas realistiku. Alternattiva aħjar tista’ tkun obbligu għas-servizz tekniku biex jivvaluta minnufih it-tul ta' żmien meħtieġ sabiex jindirizza talba u jgħarraf lill-applikant f’perjodu ta’ żmien fiss, pereżempju ħmistax-il jum ta’ xogħol. Jekk, wara dan, l-iskadenza għall-ittestjar ma tiġix rispettata, is-servizz tekniku għandu jagħti spjega tar-raġunijiet.

Brussell, il-25 ta’ Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2012) 417 final, (ĠU C 76, 14.3.2013, p. 37).

(2)  COM(2015) 185 final.

(3)  COM(2015) 624 final: L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi u COM(2015) 625 final: Proposta għal Direttiva dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(4)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 51.

(5)  COM(2016) 491 final.

(6)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(7)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 17.

(8)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 tat-Trattat (attwalment l-Artikolu 346 tat-TFUE) fil-qasam tal-akkwist għad-difiża (COM(2006) 779 final) (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(9)  COM(2012) 417 final.

(10)  COM(2015) 185 final.

(11)  COM(2015) 624 final: L-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà: pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar u l-użu illeċitu tal-armi tan-nar u l-isplussivi u COM(2015) 625 final: Proposta għal Direttiva dwar il-glieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

(12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(15)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(16)  Opinjoni motivata tal-House of Commons tal-Parlament tar-Renju Unit tal-1 ta’ Novembru 2016 fid-dokument tal-Kunsill 14180/16 u Assemblée Nationale ta’ Franza, No 4060 rect. Proposition de Résolution Europeenne.

(17)  Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 tat-Trattat (l-Artikolu 346 tat-TFUE) fil-qasam tal-akkwist tad-difiża, paġna 6, nota 10 ta’ qiegħ il-paġna. Minn dak iż-żmien id-Direttiva 2004/18/KE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2014/24/UE – COM(2006) 779 final.