2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus”

[COM(2016) 452 final — 2016/0209 (CNS)]

(2017/C 034/20)

Relatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 27/07/2016

Bażi legali

L-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

[COM(2016) 452 final — 2016/0209 (CNS)]

Sezzjoni Speċjalizzata responsabbli

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

05/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

227/3/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, prattika li mhux biss tinvolvi l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri iżda hija wkoll waħda mis-sorsi ewlenin ta’ finanzjament tal-organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi fil-livell dinji.

1.2.

Minħabba l-gravità tal-konsegwenzi tal-frodi u tal-evitar tat-taxxa, il-KESE japprova r-regoli previsti fil-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (Direttiva DAC). Il-fatt li fil-kategoriji ta’ informazzjoni soġġetti għal skambju bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri tiġi inkluża l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji reali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li, fuq il-bażi tas-sejbiet mill-kontrolli, l-analiżijiet u l-awditjar, jistgħu jkunu suspettużi fir-rigward tal-legalità jew saħansitra jirriżultaw li huma ħasil tal-flus, se jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

1.3.

Peress li l-emenda tad-Direttiva DAC ma tistax tiġi implimentata sakemm ma tiġix approvata wkoll il-proposta għal Direttiva li temenda r-Raba’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (1), il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew japprovaw il-pakkett regolatorju kollu kif propost mill-Kummissjoni.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jiżguraw ir-riżorsi umani, finanzjarji u loġistiċi meħtieġa għall-awtoritajiet tat-taxxa sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw b’suċċess ir-regoli l-ġodda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.

Fil-qafas tal-programm għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u l-pjan ta’ azzjoni kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f’Lulju 2016 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett regolatorju bl-għan li jtejjeb l-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill (2) li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tagħmel ukoll parti minnha.

2.2.

Il-proposta tal-Kummissjoni temenda l-Artikolu 22 tad-Direttiva DAC biex, fl-iskambju bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, tiġi inkluża wkoll l-informazzjoni speċifika li tikkonċerna l-operazzjonijiet finanzjarji li jiffaċilitaw il-ħasil tal-flus.

2.3.

L-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li jkun possibbli li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess sistematiku għall-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fit-twettiq tad-dmirijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni adatta tad-Direttiva DAC.

2.4.

Il-proposta għal direttiva tistabbilixxi regoli għall-ġlieda kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern. Bl-istess mod, hija maħsuba biex tiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji reali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li, fuq il-bażi tas-sejbiet mill-kontrolli, l-analiżijiet u l-awditjar, jistgħu jkunu suspettużi fir-rigward tal-legalità jew saħansitra jirriżultaw li huma ħasil tal-flus li jiffinanzja organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-proposta għal Direttiva titlob li r-regoli dwar l-iskambju bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali dwar informazzjoni dwar il-benefiċjarji reali ta’ operazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jkunu ta’ ħasil tal-flus, jiġu implimentati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Kif innutat f’opinjonijiet preċedenti (3), il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, prattika li mhux biss tinvolvi l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri iżda hija wkoll waħda mis-sorsi ewlenin ta’ finanzjament tal-organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi fil-livell dinji.

3.2.

Il-KESE japprova r-regoli dwar l-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għal mekkaniżmi, proċeduri, dokumentazzjoni u informazzjoni dwar l-operazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jkunu operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus. Fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ April, il-G20 talab lill-grupp ta’ azzjoni finanzjarja biex jippreżenta proposti biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza, speċjalment dwar id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji proprji, u l-iskambju internazzjonali ta’ din l-informazzjoni fuq livell dinji. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom ta’ negozjar fil-livell internazzjonali, fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet bħall-OECD u l-G20, sabiex l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun tista’ ssir fuq skala globali.

3.3.

Peress li l-emenda tad-Direttiva DAC ma tistax tiġi implimentata sakemm ma tiġix approvata wkoll il-proposta għal Direttiva li temenda r-Raba’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (4), il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew japprovaw il-pakkett regolatorju kollu kif propost mill-Kummissjoni.

3.4.

Minħabba l-firxa tal-attivitajiet terroristiċi fil-livell dinji, u ż-żieda fin-numru ta’ attakki li wasslu għat-telf ta’ ħajjiet f’diversi Stati Membri, il-KESE jemmen li r-regoli proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu approvati b’mod urġenti. L-adozzjoni ta’ regolamenti aħjar kontra l-ħasil tal-flus se taqta’ wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jiżguraw ir-riżorsi umani, finanzjarji u loġistiċi meħtieġa għall-awtoritajiet tat-taxxa sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw ir-regoli l-ġodda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ippreżentati fil-pakkett propost mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta’ programmi mmirati biex jiżguraw l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-esperti tas-servizzi fiskali tal-Istati Membri jista’ jgħin biex jinkisbu riżultati aħjar fl-implimentazzjoni tar-regolamenti l-ġodda.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Geroges DASSIS


(1)  COM(2016) 450 final.

(2)  COM(2016) 452 final.

(3)  ĠU C 271, 19.09.2013, p. 31.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.