2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/162


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa”

[COM(2016) 399 final – 2016/185 (COD)]

(2017/C 034/27)

Relatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 04/07/2016

Kunsill Ewropew, 07/07/2016

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[COM(2016) 399 final – 2016/185 (COD)]

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

06/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

224/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE minn dejjem appoġġja bil-qawwa t-tneħħija ta’ kull prezz speċifiku għar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli. Huwa jappoġġja l-Kummissjoni fl-inizjattivi tagħha intiżi biex jinkiseb roam-like-at-home mill-15 ta’ Ġunju 2017 ‘l quddiem u li, qabel din id-data, jiġu eliminati n-nuqqasijiet tas-suq tar-roaming bl-ingrossa li jirriskjaw li jikkompromettu l-għan imsemmi hawn fuq.

1.2.

B’mod parallel għat-tneħħija tal-prezzijiet tar-roaming, għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex jiġi evitat li l-operaturi jikkumpensaw it-tnaqqis mid-dħul, li jirriżulta mill-abolizzjoni tal-prezzijiet tar-roaming, permezz ta’ żieda fit-tariffi nazzjonali jew miżuri abbużivi oħra. Bl-istess mod, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tariffi nazzjonali, speċjalment l-offerti b’rata fissa, jingħataw b’mod iktar trasparenti u li l-awtoritajiet regolatorji jfasslu, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, mudell ta’ informazzjoni standardizzata dwar il-kompożizzjoni tal-prezzijiet.

1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-prezzijiet medji massimi bl-ingrossa li l-operatur fil-pajjiż li qed iżur l-utent jista’ jitlob lill-fornitur tar-roaming, proposti mill-Kummissjoni għall-forniment ta’ telefonata, SMS u ta’ servizzi tad-data bir-roaming, huma raġonevoli u għandhom iħallu marġni biżżejjed għal kompetizzjoni tajba bejn il-fornituri bl-ingrossa tas-servizzi mobbli tar-roaming.

1.4.

Minn naħa l-oħra, il-KESE jesprimi riżervi kbar dwar il-possibbiltà ġdida offruta mill-Proposta għal Regolament inkwistjoni lill-operaturi biex jinnegozjaw “skemi ta’ pprezzar bl-ingrossa innovattivi” lil hinn mill-prezzijiet (limiti massimi) irregolati u li ma jkunux marbuta direttament mal-volumi realment ikkunsmati. In-negozjati kummerċjali bbażati fuq pagamenti fissi, impenji bil-quddiem jew fuq il-kapaċità jirriskjaw li joħolqu kartelli u abbużi tal-pożizzjoni dominanti min-naħa tal-operaturi bl-ingrossa u ta’ dawk li jistgħu jagħmlu użu minn netwerk li għandu kopertura nazzjonali, għad-detriment tal-operaturi ż-żgħar u l-operaturi tan-netwerk virtwali mobbli, u dan jista’ biss isaħħaħ l-oligopolji eżistenti u l-ftehimiet bilaterali dwar ir-roaming li l-Kummissjoni tqis bħala sors tan-nuqqasijiet attwali tas-suq.

1.5.

Il-KESE japprova l-proposta f’dan ir-Regolament li, f’każ ta’ tilwim bejn l-operaturi dwar is-swieq tar-roaming bl-ingrossa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu obbligati li jitolbu l-opinjoni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu, peress li dan iwassal għal konsistenza akbar bejn l-approċċi regolatorji adottati minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet li jindirizzaw it-tilwim jiġu kkompletati u li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jinkoraġġixxu, fejn meħtieġ, lill-partijiet involuti li l-ewwel u qabel kollox isolvu t-tilwim permezz tal-metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-għan tal-Unjoni li tagħmel l-Ewropa kontinent konness, abbażi ta’ infrastruttura b’teknoloġija avvanzata u prezzijiet ta’ servizzi fissi u bla fili affordabbli, qed jiffaċċja, fost affarijiet oħra, prezzijiet tar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli Ewropej eċċessivi u ferm ogħla mit-tariffi fatturati għall-istess servizzi fi ħdan pajjiż partikolari.

2.2.

Peress li t-talbiet imtennija, imnedija sa mill-2006 mill-Kummissjoni, li jistiednu lill-operaturi tat-telefonija mobbli jraħħsu l-ipprezzar eċċessiv tar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli, ma rnexxewx, l-Unjoni fl-2007 bdiet tintroduċi limitu massimu tariffarju (“l-ewrotariffa”) għas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut tat-telefonati bil-vuċi fi ħdan l-Ewropa, imbagħad għall-SMSs u fl-aħħar għat-trażmissjoni tad-data, u dan kollu bit-tama li tiġi żviluppata kompetizzjoni tajba u li l-utenti ma jiġux imġiegħla jħallsu prezzijiet eċċessivi.

2.3.

Il-prezzijiet massimi tar-roaming għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi, il-bgħit ta’ SMSs u l-użu ta’ servizzi tad-data, inklużi l-MMSs, għalhekk ġew suċċessivament imraħħsa (ara t-tabella iktar ‘l isfel) fid-dawl tal-għan finali li jwassal għat-tneħħija kompleta tal-ispejjeż tar-roaming u li jallinja t-tariffi tal-komunikazzjonijiet fi ħdan l-Ewropa mat-tariffi applikati fil-livell nazzjonali.

 

Telefonati bil-vuċi

EUR/minuta

mingħajr VAT

SMS

EUR/SMS

mingħajr VAT

Data

EUR/kilobyte

mingħajr VAT

Prezz bl-ingrossa

Prezz bl-imnut għal kull telefonata magħmula

Prezz bl-imnut għal kull telefonata riċevuta

Prezz bl-ingrossa

Prezz bl-imnut

Prezz bl-ingrossa

Prezz bl-imnut

prezz medju qabel l-1.9.2007

 

0,7692

0,417

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007

prezz massimu 1.9.2007 – 31.8.2008

0,30

0,49

0,24

prezz massimu 1.9.2008 – 30.6.2009

0,28

0,46

0,22

prezz massimu 1.7.2009 – 30.6.2010

0,26

0,43

0,19

0,04

0,11

1,00

Ir-Regolament (KE) Nru 544/2009

prezz massimu 1.7.2010 – 30.6.2011

0,22

0,39

0,15

0,04

0,11

0,80

prezz massimu 1.7.2011 – 30.6.2012

0,18

0,35

0,11

0,04

0,11

0,50

prezz massimu 1.7.2012 – 30.6.2013

0,14

0,29

0,08

0,03

0,09

0,25

0,70

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012

prezz massimu 1.7.2013 – 30.6.2014

0,10

0,24

0,07

0,02

0,08

0,15

0,45

prezz massimu 1.7.2014 – 30.6.2015

0,05

0,19

0,05

0,02

0,06

0,05

0,20

prezz massimu 1.7.2015 – 30.6.2017

0,05

0,19

0,05

0,02

0,06

0,05

0,20

prezz massimu 1.7.2015 – 30.6.2022

0,05

 

 

0,02

 

0,05

 

2.4.

L-ebda netwerk mobbli ma jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE. Għalhekk, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni mobbli lill-klijenti domestiċi tagћhom li jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor, jeħtieġ li l-fornituri tar-roaming jixtru servizzi ta’ roaming bl-ingrossa minn operaturi fil-pajjiż li jkun żar l-utent, jew isir skambju tas-servizzi ta’ roaming bl-ingrossa ma’ dawn l-operaturi.

2.5.

Il-limitu massimu tat-tariffi fl-Unjoni Ewropea ġie akkumpanjat minn miżuri strutturali, fost l-oħrajn, għas-suq tar-roaming bl-ingrossa (1). Għalhekk, l-operaturi tan-netwerks mobbli fil-pajjiż li qed iżur l-utent għandhom:

jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha ta’ aċċess għar-roaming u jistgħu jirrifjutaw it-talbiet għal aċċess għar-roaming bl-ingrossa fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi biss;

jippubblikaw offerta ta’ referenza dettaljata biżżejjed, b’konformità mal-linji gwida tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), li jittrażmettu lill-impriża li titlob aċċess għas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa;

jipprovdu lill-impriża li titlob l-aċċess abbozz ta’ kuntratt dwar dan l-aċċess sa mhux iktar tard minn xahar wara l-wasla inizjali tat-talba mill-operatur tan-netwerk mobbli. L-aċċess għar-roaming bl-ingrossa jingħata fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx it-tliet xhur mill-konklużjoni tal-kuntratt;

iwieġbu fi żmien li ma jaqbiżx ix-xahrejn għat-talba ta’ operatur biex jibda negozjati kummerċjali biex jinkludi wkoll elementi li mhumiex koperti mill-offerta ta’ referenza.

2.6.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament (UE) 2015/2120 jipprevedi li b’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017, iżda bla ħsara għal użu raġonevoli u riżultat pożittiv ta’ rieżami tal-funzjonament tajjeb tas-suq, il-fornituri tar-roaming m’għandhomx jiffatturaw aktar spejjeż addizzjonali lill-klijenti tar-roaming fi Stat Membru b’żieda mal-prezz bl-imnut nazzjonali għal telefonati bil-vuċi bir-roaming irregolati magħmula jew irċevuti, għall-bgħit ta’ SMSs bir-roaming irregolati u għall-użu ta’ servizzi tad-data bir-roaming irregolati, u ma jiffatturawx spejjeż ġenerali marbuta mal-attivazzjoni ta’ servizzi jew tagħmir tat-terminals għall-użu barra mill-pajjiż.

2.7.

Madankollu, f’ċirkustanzi partikolari u eċċezzjonali, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-mudell tariffarju nazzjonali tiegħu, jekk fornitur tar-roaming ma jkunx kapaċi jkopri l-ispejjeż reali u mistennija kollha relatati mal-forniment ta’ servizzi rregolati ta’ roaming, dan jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni li jiffattura spejjeż addizzjonali. Dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu applikati biss sa fejn meħtieġ biex ikopru l-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ servizzi irregolati ta’ roaming bl-imnut, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prezzijiet bl-ingrossa massimi applikabbli.

2.8.

Madankollu, mir-rapport dwar ir-rieżami tas-suq tar-roaming bl-ingrossa [COM(2016) 398)] jirriżulta li l-miżuri strutturali previsti ma kinux biżżejjed, fir-rigward tas-suq intern tar-roaming, biex isaħħu l-kompetizzjoni u jwettqu suq intern ta’ servizzi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr distinzjoni bejn it-tariffi nazzjonali u t-tariffi tar-roaming

2.9.

Din l-analiżi tas-swieq uriet li l-funzjonament tas-swieq bl-ingrossa għadu jbati minn ċertu numru ta’ nuqqasijiet minħabba sitwazzjonijiet oligopolistiċi kkombinati ma’ ftehimiet bilaterali dwar ir-roaming, in-nuqqas ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni fil-livell tal-ingrossa u prezzijiet li huma sostanzjalment ogħla mill-ispejjeż stmati, b’mod partikolari għas-servizzi tad-data.

2.10.

Peress li teżisti korelazzjoni mill-qrib bejn is-swieq bl-ingrossa u bl-imnut, u fin-nuqqas ta’ marġni suffiċjenti bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut, l-għan ta’ “roam-like-at-home” ma jkunx jista’ jintlaħaq u jsir strutturalment insostenibbli, speċjalment għall-operaturi ż-żgħar, l-operaturi tan-netwerk virtwali mobbli u l-operaturi bi traffiku nett kbir ta’ roaming ‘il barra.

2.11.

Dan iwassal biex il-Kummissjoni tħossha obbligata tipproponi intervent regolatorju ġdid tal-UE fis-swieq tar-roaming bl-ingrossa.

2.12.

L-Artikolu 6d tar-Regolament (UE) 2015/2120, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012, jitlob, fost affarijiet oħra, li l-Kummissjoni, sa mhux iżjed tard mill-15 ta’ Diċembru 2016, tressaq att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni min-naħa tal-operaturi ta’ politika ta’ “użu ġust” fir-rigward tal-konsum ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut irregolati, forniti bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Għalissa, dan l-att ta’ implimentazzjoni għadu pendenti, peress li l-proposta inizjali dwaru ġiet irtirata mill-Kummissjoni.

3.   Kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-proposta għal rieżami tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 tipprevedi:

it-traħħis, għall-perjodu mill-15 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2022, tal-prezz medju massimu tar-roaming bl-ingrossa:

ta’ telefonata: minn 0,05 EUR/minuta għal 0,04 EUR/minuta;

ta’ SMS: minn EUR 0,02 għal EUR 0,01;

ta’ servizz tad-data: minn EUR 0,05/megabyte għal EUR 0,0085/megabyte;

il-possibbiltà għaż-żewġ partijiet li jikkonkludu ftehim ta’ forniment tar-roaming bl-ingrossa li jaqblu b’mod ċar li ma jissoġġettawx l-applikazzjoni tal-ftehim għall-prezz bl-ingrossa massimu previst mir-Regolament matul perjodu determinat;

fil-każ ta’ tilwim bejn l-operaturi tan-netwerk fil-pajjiż li qed iżur l-utent u l-operaturi l-oħrajn dwar is-servizzi tar-roaming bl-ingrossa, l-obbligu għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jikkonsultaw lill-BEREC dwar l-azzjonijiet li jridu jittieħdu;

it-tfassil mill-Kummissjoni ta’ rapport li għandu jitressaq, kull sentejn wara l-15 ta’ Ġunju 2017, quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq il-bażi ta’ data miġbura mill-BEREC dwar l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming tal-Unjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE dejjem approva l-proposti tal-Kummissjoni bil-għan li jkun hemm limitu massimu ta’ prezzijiet tar-roaming, billi qies li dawn huma pass fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri l-għajbien, fuq perjodu medju ta’ żmien, ta’ kull forma speċifika ta’ prezz tar-roaming fil-komunikazzjonijiet mobbli. Għalhekk jista’ biss japprova l-proposti ġodda tal-Kummissjoni intiżi biex ineħħu n-nuqqasijiet tas-suq tar-roaming bl-ingrossa li jirriskjaw li jikkompromettu l-implimentazzjoni ta’ “roam-like-at-home” mill-15 ta’ Ġunju 2017 ‘il quddiem.

4.2.

Fir-rigward tar-“roam-like-at-home”, il-KESE jfakkar li huwa dejjem wissa kontra l-effetti kontroproduttivi potenzjali u li stieden lill-awtoritajiet regolatorji jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw li l-operaturi ma jikkumpensawx it-tnaqqis mid-dħul, li jirriżulta mill-abolizzjoni tal-prezz tar-roaming, permezz ta’ żieda fit-tariffi nazzjonali jew miżuri oħra abbużivi għad-detriment tal-konsumatur, pereżempju l-fatturazzjoni tal-aċċess għan-netwerk mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni (taxxa tal-attivazzjoni).

4.3.

Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-“roam-like-at-home”, u jivverifikaw li m’hemmx żieda fit-tariffi nazzjonali, il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li l-awtoritajiet regolatorji jfasslu, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, mudell ta’ informazzjoni standardizzata dwar il-kompożizzjoni tal-prezzijiet, b’mod li jwassal għal trasparenza ikbar tat-tariffi u b’mod partikolari għal offerti b’rata fissa.

4.4.

Il-KESE huwa fil-fatt konxju li l-prezzijiet bl-ingrossa massimi ser ikollhom jippermettu li l-operaturi jirkupraw l-ispejjeż tagħhom filwaqt li jħallu marġni ta’ profitt raġonevoli. Madankollu, bħalma tirrikonoxxi l-Kummissjoni (2), il-valutazzjoni tal-ispejjeż tal-forniment tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa hija kompitu kumpless, li jimplika sett kbir ta’ għażliet u ipoteżijiet u jibqgħu ċerti inċertezzi.

4.5.

Fid-dawl tal-elementi differenti li huma parti integrali mill-ispiża li jiġu pprovduti servizzi tar-roaming bl-ingrossa (rata ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-mowbajl fil-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż ta’ destinazzjoni), kif ukoll spejjeż oħra, b’mod partikolari spejjeż mhux irregolati ta’ tranżitu, il-limiti massimi proposti mill-Kummissjoni jidhru raġonevoli u għandhom iħallu marġni biżżejjed sabiex ikun hemm kompetizzjoni tajba bejn il-fornituri tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa.

4.6.

Il-KESE jesprimi riżervi kbar dwar il-possibbiltà l-ġdida li l-Proposta għal Regolament inkwistjoni toffri lill-operaturi li jinnegozjaw “skemi ta’ pprezzar bl-ingrossa innovattivi” lil hinn mill-prezzijiet (limiti massimi) irregolati u li ma jkunux marbuta direttament mal-volumi realment ikkunsmati. In-negozjati kummerċjali bbażati fuq pagamenti fissi, l-impenji bil-quddiem jew fuq il-kapaċità jirriskjaw li joħolqu kartelli u abbużi mill-pożizzjoni dominanti min-naħa tal-operaturi bl-ingrossa u ta’ dawk li jistgħu jagħmlu użu minn netwerk li għandu kopertura nazzjonali, għad-detriment tal-operaturi ż-żgħar u l-operaturi tan-netwerk virtwali mobbli.

4.7.

Il-KESE japprova l-proposta li f’każ ta’ tilwim bejn l-operaturi dwar is-swieq tar-roaming bl-ingrossa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu marbuta jitolbu l-opinjoni ta’ BEREC dwar l-azzjonijiet li jridu jittieħdu, li jwassal għal koerenza ikbar tal-approċċi regolatorji applikati minn dawn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet li jindirizzaw it-tilwim jiġu kkompletati u li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jinkoraġġixxu, fejn meħtieġ, lill-partijiet involuti li l-ewwel u qabel kollox isolvu t-tilwim permezz tal-metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10

(2)  COM(2016) 398 final.