14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 266/26


Avviż għall-attenzjoni ta’ “The Army Of Emigrants And Supporters” li żdiedet mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1390

(2015/C 266/09)

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1) titlob lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u ta’ individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, kif imsemmijin fil-lista mħejjija skont l-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont l-UNSCR 1267(1999).

Il-lista mħejjija minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi lil:

Al Qaida;

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati ma’ Al Qaida; u

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta’ kwalunkwe minn dawn il-persuni, l-entitajiet, il-korpi u l-gruppi assoċjati, jew li huma kkontrollati minnhom, jew li b’xi mod ieħor huma sostenituri tagħhom.

L-atti jew l-attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati ma’” Al-Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru minn jew flimkien ma’ Al-Qaida jew kull ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnha jew derivat tagħha, taħt isimhom, f’isimhom jew b’sostenn għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil xi ħadd minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kwalunkwe wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta’ sostenn għall-atti jew għall-attivitajiet ta’ kwalunkwe wieħed minnhom.

2.

Fis-6 ta’ Awwissu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva ż-żieda ta’ “The Army Of Emigrants And Supporters” (L-Armata tal-Emigranti u s-Sostenituri) mal-lista ta’ tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet kontra Al-Qaida.

F’kull waqt, dawn jistgħu jippreżentaw rikjesta lill-Ombudsperson tan-NU, flimkien ma’ kull dokumentazzjoni ġustifikattiva, sabiex id-deċiżjoni li jiġu inklużi fil-lista tan-NU msemmija hawn fuq terġa’ tiġi kkunsidrata. Tali rikjesta għandha tintbagħat fl-indirizz segwenti:

United Nations — Office of the Ombudsperson

Room TB-08041D

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 2129632671

Faks +1 2129631300/3778

Posta elettronika: ombudsperson@un.org

Għal aktar informazzjoni ara http://www.un.org/sc/committees/1267/delisting.shtml.

3.

B’segwitu għad-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) 2015/1390 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (3) li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida. L-emenda, li saret skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolment (KE) Nru 881/2002, iżżid lil “The Army Of Emigrants And Supporters” mal-lista fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-individwi u għall-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u għall-entitajiet ikkonċernati, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) milli fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għall-individwi u għall-entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament (l-Artikoli 2 u 2a); u

(2)

il-projbizzjoni tal-għoti, tal-bejgħ, tal-forniment jew tat-trasferiment ta’ pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari lil kwalunkwe mill-individwi jew mill-entitajiet ikkonċernati, kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament (l-Artikolu 3).

4.

Fl-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa previst proċess ta’ rieżami li fih jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista minn dawk li jkunu elenkati fiha. L-individwi u l-entitajiet miżjudin fl-Anness I permezz tar-Regolament (UE) 2015/1390 jistgħu jagħmlu rikjesta lill-Kummissjoni għar-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba għandha tintbagħat lil:

European Commission

“Restrictive measures”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-individwi u tal-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament (UE) 2015/1390 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fir-raba’ u fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

F’ġieħ ordni tajjeb, qiegħda tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u tal-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li jressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat/i Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal ħtiġijiet essenzjali jew għal pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta’ dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 215, 14.8.2015, p. 6.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.