7.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/27


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2) punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 80/12)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA’ STG

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti  (2)

“TRADITIONAL BRAMLEY APPLE PIE FILLING”

Nru tal-KE: UK-TSG-007-0057-5.11.2008

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikanti

Isem:

UK Apples & Pears Ltd

Indirizz:

Forest Lodge

Bulls Hill

Walford

Ross-on-Wye

Herefordshire HR9 5RH

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1732529781

Faks

+44 1732529781

posta elettronika:

info@englishapplesandpears.co.uk

UK Apples & Pears Ltd hija organizzazzjoni li hija proprjetà tal-produtturi, li ġiet stabbilita fl-1987. Bħalissa tirrappreżenta 73 % tal-produtturi kummerċjali tat-tuffieħ u tal-lanġas fir-Renju Unit u pparteċipat b’mod attiv fil-programmi ffinanzjati mill-UE għall-promozzjoni ta’ konsum akbar ta’ tuffieħ frisk u pproċessat fis-suq tal-oġġetti friski, u fl-industriji tal-manifattura, tal-forniment tal-ikel u tas-servizzi alimentari.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Renju Unit

3.   Speċifikazzjoni tal-Prodott

3.1.   Isem għar-reġistrazzjoni (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007 tat-18 ta’ Ottubru 2007 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti  (3) )

“Traditional Bramley Apple Pie Filling”

3.2.   Indika jekk l-isem

huwiex speċifiku minnu nnifsu

jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

L-isem jindika l-kompożizzjoni tradizzjonali tal-prodott: tuffieħ Bramley biss, miżjud bl-ilma u z-zokkor u forsi b’xi ftit meraq tal-lumi u bi ftit lamtu tal-qamħirrum biex jgħaqqad it-taħlita.

Il-varjetà tat-tuffieħ Bramley, li tintuża għal għan kulinarju waħdieni, għandha taħlita unika ta’ livelli baxxi ta’ materjal niexef, livelli għoljin ta’ aċidu maliku u livelli baxx ta’ zokkor, filwaqt li n-nuqqas ta’ kull addittiv jagħti t-togħma qawwija tradizzjonali lit-Traditional Bramley Apple Pie Filling.

3.3.   Jekk ir-riżervazzjoni tal-isem hijiex skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Reġistrazzjoni b’riżervazzjoni tal-isem

Reġistrazzjoni mingħajr riżervazzjoni tal-isem

3.4.   Tip ta’ prodott

Grupp 1.6: Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1. (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) 1216/2007)

It-Traditional Bramley Apple Pie Filling hija taħlita omoġenja ta’ biċċiet ta’ tuffieħ Bramley, zokkor u ilma. It-tuffieħ użat għat-Traditional Bramley Apple Pie Filling għandu jkun ta’ daqs ta’ bejn 65 mm u 115 mm, u għandu jkun tuffieħ sħiħ misjur u li jrid ikun ħieles minn tbajja’, grif u kontużjonijiet severi fil-qoxra. It-tuffieħ Bramley għandu jitqatta’ għall-inqas daqs meħtieġ ta’ 15 mm, iżda l-forom tal-biċċiet tat-tuffieħ jistgħu jvarjaw. It-taħlita tal-ingredjenti jrid ikollha biċċiet definiti tal-frott b’konsistenza tajba. Il-biċċiet tat-tuffieħ ivarjaw fil-kulur u jinsabu f’diversi sfumaturi ta’ aħdar li huwa tipiku tal-varjetajiet Bramley’s Seedling.

Iż-żieda ta’ puré tat-tuffieħ Bramley u ta’ lamtu tal-qamħirrum mhijiex obbligatorja u, meta tintuża, din għandu jkun fiha minimu ta’ 97 % tuffieħ Bramley filwaqt li l-% li jifdal għandu jikkonsisti minn ilma miżjud matul il-proċess tat-tisjir. Il-puré jiġi pproċessat billi jittieħdu l-qoxra, il-qalba u l-laħma tat-tuffieħ Bramley, u billi l-prodott jiġi espost għas-sħana u l-fwar. Il-puré imbagħad jiġi mgħarbel sabiex jiġi eliminat kwalunkwe materjal fibruż u għandu jkun likwidu magħqud ta’ kulur aħdar/kannella ċar tipiku tat-tuffieħ Bramley.

Jista’ jiġi miżjud ukoll ammont ta’ meraq tal-lumi.

Il-prodott aħħari fih it-togħma qawwija karatteristika tat-tuffieħ Bramley. It-Traditional Bramley Apple Pie Filling jitqassam lill-bejjiegħa bl-ingrossa, lill-fornituri tas-servizzi tal-ikel, lill-fran tal-ħobż, lill-manifatturi u lill-bejjiegħa tal-ikel bl-imnut f’kontenituri differenti.

L-ingredjenti tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling huma:

 

Biċċiet tat-tuffieħ Bramley — ta’ daqs minimu ta’ 15 mm

 

Zokkor

 

Ilma

 

Puré tat-tuffieħ Bramley — mhux obbligatorju

 

Lamtu tal-qamħirrun — mhux obbligatorju

 

Meraq tal-lumi — mhux obbligatorju

Il-kwantitajiet tal-ingredjenti użati jvarjaw skont il-manufattur, iżda madankollu għandhom jiġu rrispettati dawn il-karatteristiki tekniċi li ġejjin:

 

Biċċiet tat-tuffieħ Bramley — minimu ta’ 40 %

 

Zokkor — massimu ta’ 20 %

 

Kontenut ta’ ilma — L-attività massima tal-ilma għandha tkun ta’ 0,97 aw.

 

pH — inqas minn 4

 

solidi — minimu 2o Bx —

 

Viskożità — ir-rata tal-fluss massima ta’ 8 meta tintuża t-ttazza Ford tal-viskożità.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt (3.1) (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

It-tuffieħ Bramley huwa miksub bħala l-materja prima tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling. It-tuffieħ jitkabbar b’konformità mal-protokoll li ġej:

Rekords kompleti tat-tkabbir, il-ħsad u l-ħażna ta’ frott jinżammu għal kull konsenja mwassla fl-impjant tal-fabbrikazzjoni. Wara l-ispezzjoni inizjali biex jiġi żgurat li l-konsenja hija tajba għat-Traditional Bramley Apple Pie Filling, it-tuffieħ jgħaddi minn proċess fejn jinżamm f’wiċċ l-ilma. Wara jiġi klassifikat permezz tal-magni u jiġi spezzjonat b’mod manwali fuq il-linja qabel il-proċess tal-manifattura.

Id-daqs tat-tuffieħ li jintuża fil-produzzjoni tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling ivarja bejn minimu ta’ 65 mm u massimu ta’ 115 mm. Minħabba l-forma unika tal-Bramley, għandhom jintużaw sistemi speċjalizzati u adegwati għall-kategorizzazzjoni skont id-daqsijiet u għall-proċeduri tal-immaniġġar, u dan sabiex jiġi żgurat li l-materja prima tiġi ppreparata bir-reqqa.

It-tuffieħ ma jridx ikun mħassar, irid ikun nadif, ħieles minn tbajja’ severi tal-qoxra, sħiħ u misjur, u ħieles minn qtugħ u daqqiet ta’ fond ta’ >0,5 mm, u ma għandux ikollhom simtomi ta’ żerriegħa morra, taħsir jew skorċa disfigurattiva. Minħabba n-natura ratba tal-frott, il-linji fejn il-frott iżomm f’wiċċ l-ilma u dawk mekkaniċi għandhom jiġu adattati biex inaqqsu l-impatt ta’ enerġija baxxa matul il-proċeduri tat-tħejjija u tal-ipproċessar.

It-togħma tal-Bramley Seedling Apple hija qawwija u qarsa. Il-kulur huwa tipiku tal-Bramley Seedling Apple; dan ivarja minn aħdar skur ħafna għal sfumatura iktar ċara ta’ kulur aħdar li jkopri l-qoxra kollha tat-tuffieħa. Il-konsistenza tat-tuffieħa għandha tkun soda u tqarmeċ u b’mod ġenerali għandha taqa’ fil-kategoriji ta’ frott li jqarmeċ, u li hu mmeraq u sod.

Tqaxxir u tħaffir tal-qalba permezz tal-makkinarju: Il-forma tat-tuffieħ Bramley hija irregolari u huwa meħtieġ tagħmir speċjalizzat għall-kategorizzazzjoni skont id-daqs, għat-tqaxxir, għat-tħaffir tal-qalba u għall-immaniġġar sabiex jiġu ssodisfati l-ispeċifikazzjonijiet eżiġenti tal-manifattura kummerċjali tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling, li tinvolvi wkoll tirqim bl-idejn.

Il-Preparazzjoni: It-tuffieħ Bramley imqatta’ f’kubi għandu karatteristiki uniċi tal-ossidazzjoni u jeħtieġ it-tekniki speċjalizzati mniżżla hawn taħt:

It-tuffieħ Bramley jitqatta’ fid-daqsijiet meħtieġa. Il-biċċiet huma ġeneralment ta’ daqs irregolari, u jvarjaw minn “kubu” mqatta’ ta’ 15 mm għal “strixxi” twal ta’ 70 mm, filwaqt li s-sezzjoni transversali m’għandiex tkun ta’ tul ta’ inqas minn 15 mm. L-irregolarità tal-biċċiet hija parti mill-karattru tradizzjonali tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling u hija riżultat tad-daqs u l-forma tat-tuffieħ innifsu, il-metodu tat-tqattigħ u l-preferenza tal-klijent jew tal-konsumatur.

Dawn il-biċċiet tat-tuffieħ Bramley jistgħu imbagħad jiġu mgħaddsa f’likwidu antiossidant, li jħares il-laħam tat-tuffieħ milli jsir kannella. L-użu tal-meraq tal-lumi, l-aċidu ċitriku jew l-aċidu askorbiku bħala likwidu antiossidant mhijiex obbligatorja, u hija fażi speċifika tal-ipproċessar. Dan la huwa ingredjent u lanqas addittiv u għalhekk ma għandu l-ebda impatt fuq il-kompożizzjoni tal-prodott finali.

It-tuffieħ imbagħad jiġi ttrasferit direttament lejn iż-żona fejn jimtlew it-torti tat-tuffieħ jew lejn sezzjoni ta’ ħżin imkessaħ, u wara jiġi pproċessat fi Traditional Bramley Apple Pie Filling, sħun jew bħala parti minn taħlita kiesħa.

Mal-biċċiet tat-tuffieħ tiġi miżjuda taħlita ta’ ilma u zokkor sakemm din tiġi mifruxa b’mod indaqs. F’dak il-punt, jekk mixtieq, jistgħu jiġu miżjuda l-lamtu tal-qamħirrum u/jew puré tat-tuffieħ Bramley u/jew meraq tal-lumi. Il-puré tat-tuffieħ għandu jiġi pproċessat esklussivament minn tuffieħ Bramley u għandu jkun ħieles minn kwalunkwe aġent ta’ preservazzjoni.

3.7.   Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew prodott tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

It-Traditional Bramley Apple Pie Filling huwa taħlita omoġenja ta’ biċċiet tat-tuffieħ Bramley friski, zokkor u ilma, bl-għażla ta’ żieda ta’ puré tat-tuffieħ Bramley, lamtu tal-qamħirrum u meraq tal-lumi.

Il-karatteristiki uniċi tat-togħma tat-tuffieħ Bramley u n-nuqqas ta’ kwalunkwe addittiv huma responsabbli għat-togħma qarsa tat-tuffieħ Traditional Bramley Apple Pie Filling. It-togħmiet tat-tuffieħ huma kkaratterizzati mill-bilanċ bejn iz-zokkor u l-aċidu maliku. Ħafna mill-varjetajiet l-oħra ta’ tuffieħ għandhom livelli aktar baxxi ta’ aċidu u kontenut ogħla ta’ zokkor, li jagħtuhom togħma ħelwa li tagħmilhom tajbin għall-ikel — iżda din it-togħma tintilef meta t-tuffieħ jiġi msajjar. Madankollu t-tuffieħ Bramley għandu kontenut ogħla ta’ aċidu maliku u livelli ta’ zokkor aktar baxxi, li jagħtu togħma aktar qawwija u qarsa li ma tintilifx waqt it-tisjir.

Il-konsistenza soda tat-tuffieħ Bramley hija kwalità essenzjali li tikkontribwixxi lejn il-ksib ta’ taħlita b’konsistenza umda li “ddub fil-ħalq” meta t-tuffieħ jissajjar. It-tuffieħ użat għad-deżerta jista’ jipproduċi konsistenza elastika u mhux sodisfaċenti minħabba li jkun fih sa 20 % aktar materjal xott minn tuffieħ Bramley.

Il-Good Housekeeping Institute tar-Renju Unit wettaq riċerka li tikkonferma s-superjorità tat-tuffieħ Bramley fuq il-varjetajiet tat-tuffieħ użati għad-deżerta meta dan jissajjar bħala parti minn riċetti popolari. It-tuffieħ Bramley ġie ttestjat kontra t-tuffieħ Granny Smith, Braeburn u Golden Delicious. It-tuffieħ kollu ġie trattat b’mod identiku bl-użu ta’ riċetti meħuda mill-ktieb tar-riċetti Good Housekeeping, inkluż it-torta tat-tuffieħ tradizzjonali, u ġie ttestjat għat-togħma, il-konsistenza u l-kwalità ġenerali tiegħu meta jissajjar. Ir-riċerka wriet li t-tuffieħ Bramley għandu prestazzjoni aqwa minn dik ta’ kwalunkwe varjetà ta’ tuffieħ użata għad-deżerta f’torti tat-tuffieħ tradizzjonali Brittaniċi.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-punteġġi medji (minn 9) irreġistrati mill-bord ta’ dewwieqa konsumaturi tal-Good Housekeeping Institute, li kien magħmul minn 12-il adult, kemm irġiel kif ukoll nisa, tal-gruppi tal-etajiet kollha, inkluż membri tat-tim tat-tisjir:

 

Golden Delicious

Braeburn

Bramley

Granny Smith

Dehra

5,2

5,8

6,9

6,2

Togħma

6,0

5,2

7,0

5,0

Konsistenza

5,5

4,9

6,5

5,5

Kwalità Ġenerali

5,2

5,4

6,7

5,0

Lista tal-karatteristiki uniċi tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling:

Magħmul biss bl-użu tal-ingredjenti “tradizzjonali”, jiġifieri tuffieħ Bramley, ilma u zokkor, puré tat-tuffieħ Bramley — magħmul esklussivament minn tuffieħ Bramley, minn lamtu tal-qamħirrum u meraq tal-lumi jekk mixtieq. Ma ġie użat l-ebda addittiv,

Togħma unika minħabba l-proporzjon għoli ta’ aċidu maliku meta mqabbel maz-zokkor fit-tuffieħ Bramley,

Tuffieħ ta’ daqs ta’ bejn 65 mm u 115 mm.

3.8.   Karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

Bramley’s Seedling (nebbieta li tikber fin-natura f’rispons għat-temperatura moderata tal-klima ta’ gżira) ġiet skoperta bejn wieħed u ieħor fl-1809, mis-Sinjorina Mary Anne Brailsford. Din ġiet imħawla fi ġnien ġewwa Southwell, Nottinghamshire.

Il-frott tas-siġra tat-tuffieħ Bramley imlaqqma ġew esibiti għall-ewwel darba quddiem il-Kumitat tal-Frott tar-Royal Horticultural Society fis-6 ta’ Diċembru 1876. Dawn ġew imfaħħra ħafna.

Matul l-Era Vittorjana kien sar sforz biex jiġu żviluppati varjetajiet ta’ tuffieħ b’għan kulinarju wieħed għall-aqwa riċetta tat-torta tat-tuffieħ. Fin-National Apple Congress tal-1883 it-tuffieħ Bramley ġie mfaħħar bħala l-varjetà l-aktar adattata għat-torti tat-tuffieħ. B’hekk inħolqot din it-tradizzjoni popolari.

F’Ottubru 1887, Bramley Seedlings irċieviet Ċertifikat tal-Ewwel Klassi mill-Kumitat tar-Royal Jubilee Exhibition of Apples, li saret f’Manchester.

Il-Bramley’s Seedling hija tuffieħa unika b’għan kulinarju wieħed (normalment ma tittiekilx nejja peress li l-biċċa l-kbira tan-nies isibuha wisq aċiduża). Din tipproduċi kemm togħma partikolari kif ukoll konsistenza individwali, u huma dawn il-kwalitajiet li rawmu t-tradizzjoni tat-torta tat-tuffieħ.

Il-Brittaniċi ma għoġbithomx l-idea Amerikana li t-tuffieħ jinżamm u jittiekel b’furketta, jew li, kif jagħmlu t-torta tat-tuffieħ il-Franċiżi, jitqiegħed saff flieli tat-tuffieħ fuq il-wiċċ. Dan minħabba li ż-żewġ metodi jeħtieġu li t-tuffieħ iżomm il-forma tiegħu meta jissajjar, u għaldaqstant huwa inqas aċiduż minn “tuffieħ għat-tisjir” proprja. Jekk humiex il-preferenzi jew it-tuffieħ li għandhom jiġu l-ewwel huwa dibatibbli, iżda l-“Bramley’s Seedlings”, li għandhom l-ogħla livelli ta’ aċidità minn fost kull “tuffieħ għat-tisjir” ieħor, għaddew mit-testijiet Ingliżi bl-unuri. L-aċidità qawwija u t-togħma qarsa u ta’ frott li jirriżultaw minn dan żguraw ukoll l-użu kontinwu tagħhom.

It-tradizzjoni bikrija li l-biċċiet imfella ta’ Bramley jiġu midluka bil-meraq tal-lumi (jew b’xi meraq aċiduż ieħor) sabiex ma jsirux kannella ma nbidlitx u hija l-istess bħal fir-riċetta tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling użata llum b’mod kummerċjali.

Għadd ta’ kokijiet ewlenin tar-Renju Unit taw it-testimonjanzi tagħhom direttament lill-UK Apples & Pears, biex jiddikjaraw li r-riċetta tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling ma nbidlitx minn mindu kienet ġiet popolarizzata wara n-National Apple Congress tal-1883:

“Jiena ħdimt fl-industrija tal-ikel għal ħamsin sena u sa fejn naf jien il-mili tradizzjonali tat-torta tat-tuffieħ Ingliża mhi xejn għajr tuffieħ Bramley u zokkor, forsi bi ftit meraq tal-lumi u lamtu tal-qamħirrum biex jgħaqqad.” — Prue Leith, OBE

“It-tuffieħ tat-tip Bramley iċċelebra l-biċentenarju fl-2009, u ilu jintuża għall-mili tat-torta tat-tuffieħ minn meta beda jiġi kkultivat b’mod kummerċjali f’nofs is-seklu 19. F’dak iż-żmien kollu, ir-riċetta għall-mili tat-torta tat-tuffieħ Bramley baqgħet l-istess. Ir-riċetta kienet tikkonsisti biss minn tuffieħ Bramley, zokkor, lamtu bħal-lamtu tal-qamħirrum, preservattiv bħall-meraq tal-lumi, u ilma”. — Phil Vickery

“Sa fejn naf jien ir-riċetta tal-mili tat-torta tradizzjonali tat-tuffieħ Bramley ma nbidlitx; Tuffieħ Bramley, zokkor, lamtu tal-qamħirrum, preservattiv bħal meraq tal-lumi, u ilma. It-tuffieħ Bramley huwa ġustament rikonoxxut bħala l-aħjar tuffieħ għat-tisjir. Il-kwalitajiet uniċi ta’ dan it-tuffieħ, li huwa indiġenu għall-Brittanja, bħal livelli ogħla ta’ aċidu u livelli aktar baxxi ta’ zokkor, jipproduċu togħma qawwija ta’ tuffieħ anki meta dan jissajjar, u konsistenza eċċellenti wara t-tisjir.” — Antony Worrall Thompson, MOBG

Xi mili tat-torti tat-tuffieħ inkluż mili tat-torti tat-tuffieħ Bramley oħrajn jista’ jkun fihom taħlita ta’ varjetajiet ta’ tuffieħ, u dawn ma humiex parti mid-definizzjoni tagħna tat-“Traditional Bramley Apple Pie Filling”, li hija magħmula bl-użu esklussiv ta’ tuffieħ Bramley. Bl-istess mod, l-użu ta’ preservattivi artifiċjali ma jsibx post fid-definizzjoni tagħna tal-Bramley Apple Pie Filling “tradizzjonali”.

3.9.   Ir-rekwiżiti u l-proċeduri minimi sabiex wieħed jeżamina l-karattru speċifiku (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

Dawn huma mniżżla hawn taħt u jirreferu b’mod speċifiku għall-manifattura kummerċjali tat-Traditional Bramley Apple Pie Filling:

Id-Deskrizzjoni tal-Prodott mhux ipproċessat;

Bramley’s Seedling Apple. L-ebda varjetà oħra tat-tuffieħ ma hija permissibbli.

Il-Kwalità tal-Frott

Mal-konsenja lill-proċessur, il-frott ma jridx ikun imħassar, u għandu jkun nadif, sħiħ u matur. It-tuffieħ għandu jkun ħieles minn tbajja’ severi tal-qoxra u ħieles minn qtugħ u daqqiet ta’ fond ta’ >0,5 mm.

Il-kulur għandu jkun aħdar u tipiku tal-varjetà tat-tuffieħ Bramley, li jvarja minn aħdar skur ħafna għal sfumatura aktar ħafifa tal-aħdar li jkopri l-qoxra kollha tat-tuffieħa; mhux isfar/aħdar, isfar.

Ħsara

Ħsarat speċifiċi li għandhom jiġu minimizzati huma: daqqiet severi (ta’ fond ta’ >0,5 mm); frotta tan-nofs; taħsir tal-qalba; żerriegħa morra; frott li jitlef l-għamla tiegħu; degradazzjoni kkawżata minn temperaturi baxxi; ħsara eċċessiva tal-qoxra; skurar tal-qalba; tuffieħ imħassar. Il-Lepidosaphes ulmi ma għandiex tkun preżenti fuq il-parti l-kbira tal-qoxra.

Daqs tal-frotta

Firxa ta’ qisien għall-frott hija aċċettabbli, u din tvarja minn bejn 65 mm u 115 mm.

Konsistenza

Il-konsistenza tat-tuffieħa għandha tkun tajba, soda u tqarmeċ.

Proċessar

Minħabba n-natura ratba tal-frotta, il-kundizzjonijiet tal-ipproċessar għandhom ikunu ta’ tip li jnaqqsu l-impatt mekkaniku matul it-tħejjija u l-ipproċessar.

Il-forma tat-tuffieħ Bramley hija irregolari u huwa meħtieġ tagħmir speċjalizzat għall-kategorizzazzjoni skont id-daqs, għat-tqaxxir, għat-tħaffir tal-qalba u għall-immaniġġar sabiex jiġu ssodisfati l-ispeċifikazzjonijiet.

Ladarba jitqaxxar u titħaffirlu l-qalba, it-tuffieħ għandu jiġi spezzjonat u mqatta’ bl-idejn.

It-tuffieħ jista’ jiġi mgħaddas f’likwidu antiossidant, u jiġi mfarfar qabel jitħalla joqtor sabiex jitneħħa l-likwidu żejjed.

It-tuffieħ għandu jiġi maħżun f’kondizzjonijiet imkessħa < 5 °C qabel l-użu.

Manifatturar

Minbarra l-ingredjenti li ġew imsemmija, it-Traditional Bramley Apple Filling għandu jkun fih biss l-ilma u z-zokkor, bl-għażla tal-puré tat-tuffieħ Bramley u l-lamtu tal-qamħirrum. Varjazzjonijiet fir-riċetta huma permessi, iżda l-ingredjenti ma jistgħux jiġu mibdula.

Il-proċess tat-taħlit u tal-ippompjar irid ikun b’tali li jipproduċi taħlita omoġenja b’definizzjoni tajba tal-frott.

Kull lott tal-mili tat-torta li għandu jiġi ttestjat għall-pH, għat-total tas-solidi solubbli, viskożità, kulur, u togħma sabiex jiġu verifikati l-paramteri ta’ speċifikazzjoni huma ssodisfati. Il-livelli jistgħu jvarjaw bejn il-manifatturi, fejn jiddependu fuq l-ispeċifikazzjoni tal-klijent aħħari. Il-prodotti għandhom ikunu ttikkettati biex tkun żgurata traċċabbiltà sħiħa u miżmuma f’ħażna/distribuzzjoni mkessħa.

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

4.1.   Isem u indirizz

Isem:

The National Britannia Group

Indirizz:

Caerphilly Business Park

Caerphilly CF83 3GG

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 2920852852

Faks

+44 2920867738

Indirizz tal-posta elettronika:

client_support@natbrit.com

Isem:

LawLabs Limited

Indirizz:

Law Labs House

121 Shady Lane

Great Barr

Birmingham B44 9ET

UNITED KINGDOM

Tel.

+44 1212514000

Faks

+44 1212514040

Indirizz tal-posta elettronika:

market.lawlabs@bodycote.com

Dawn iż-żewġ Korpi ta’ Spezzjoni huma akkreditati skont EN45011. Auditing to the requirements of the BRC Global Standards — Food (l-aħħar Ħarġa 4, Jannar 2005)

http://www.brc.org.uk/standards/default.asp

☒ Pubbliċi

☐ Privati

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-korp

Il-Korp ta’ Spezzjoni huwa responsabbli għall-verifikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni kollha.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  ĠU L 275, 19.10.2007, p. 3.