Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 596 final

2015/0276(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1Il-Kuntest ġenerali

Bħalissa l-ekonomija tal-Unjoni qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali li jkun hemm fil-flussi tal-iskart. Fl-2013, it-total ta' skart iġġenerat fl-UE laħaq maż-2.5 biljun tunnellata, li minnhom 1.6 biljun tunnellata ma ġewx użati mill-ġdid jew riċiklati, u b'hekk mil-lat tal-ekonomija Ewropea ntilfu. Huwa stmat li jistgħu jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid 600 miljun tunnellata oħra. Bħala eżempju, mill-iskart muniċipali ġġenerat fl-Unjoni, ġie rriċiklat biss sehem limitat (43%), filwaqt li l-bqija ntrema f'miżbla (31 %) jew f'inċineratur (26%). B'hekk l-Unjoni qiegħda titlef opportunitajiet sinifikanti biex ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi u toħloq ekonomija iktar ċirkulari.

Fir-rigward tal-immaniġġar tal-iskart, l-Unjoni tħabbat wiċċha wkoll ma' differenzi kbar fost l-Istati Membri tagħha. Fl-2011, filwaqt li sitt Stati Membri rmew f'miżbla inqas minn 3% tal-iskart muniċipali tagħhom, 18-il Stat Membri rmew f'miżbla aktar minn 50%, u wħud irmew fil-miżbliet aktar minn 90%. Din is-sitwazzjoni żbilanċjata jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti.

Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart 1 , id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 2 , id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [miżbla] 3 , id-Direttiva 2000/53/KC dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw 4 , id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi 5 u d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku 6 jiffurmaw parti minn Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi wkoll Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari".

1.2Raġunijiet u għanijiet tal-Proposta

Ix-xejriet riċenti juru li l-effiċjenza tar-riżorsi tista' tkompli titjieb u din tista' toħloq bosta benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali kbar. Mod essenzjali kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi hu billi l-iskart jinbidel f'riżorsa u allura tissawwar ekonomija ċirkolari sħiħa.

Il-miri legalment vinkolanti fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart kienu xprun ewlieni biex jitjiebu l-prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart, tiġi stimolata l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ, jiġi limitat ir-rimi fil-miżbliet, u jinħolqu inċentivi biex tinbidel l-imġiba tal-konsumaturi. L-estensjoni tal-politika dwar l-iskart tista' ġġib magħha benefiċċji sinifikanti: tkabbir sostanzjali u ħolqien tal-impjiegi, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iffrankar dirett b'rabta ma' prattiċi aħjar ta' mmaniġġar tal-iskart, u ambjent aħjar.

Din il-proposta biex temenda d-Direttiva 2008/98/KE tindirizza l-obbligu legali ta' rieżami tal-miri tal-immaniġġar tal-iskart f'dik id-Direttiva. Il-proposti li jiffurmaw parti mill-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u li jemendaw is-sitt Direttiva msemmija hawn fuq jibnu parzjalment fuq il-proposta li l-Kummissjoni ressqet f'Lulju 2014 u mbagħad irtiratha fi Frar 2015. Il-proposti jaqblu mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Rizorsi 7 kif ukoll tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali 8 , fosthom l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-ġerarkija tal-iskart 9 fl-Istati Membri kollha, it-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart f'termini assoluti u per capita, l-iżgurar ta' riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u l-użu tal-iskart riċiklat bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni. Il-proposti jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE għall-Materja Prima 10 , u jindirizzaw il-bżonn li jiġi evitat l-iskart tal-ikel. Barra minn hekk, dawn il-proposti jissemplifikaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar inklużi fis-sitt Direttiva li huma.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1L-istudji

Il-proposti u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjahom jeżaminaw l-aspetti teknoloġiċi, soċjoekonomiċi u ta' kosteffiċjenza marbutin mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Tfassal suppliment għall-Valutazzjoni tal-Impatt sabiex janalizza l-effetti potenzjali ta' varjanti addizzjonali tal-għażliet ewlienin ta' politika ddefiniti fl-istess Valutazzjoni tal-Impatt.

2.2Il-konsultazzjoni interna

Fi ħdan il-Kummissjoni, Grupp ta' Tmexxija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, magħmul minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (SG, ECFIN, GROW, CLIMA, JRC u ESTAT), segwew it-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi.

2.3Il-konsultazzjoni esterna

Il-Kummissjoni ħejjiet lista indikattiva ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u l-ewwel intervisti mal-partijiet interessati ewlenin bdew fi Frar 2013. F'Ġunju 2013 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet, bi qbil mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni, u din intemmet f'Settembru 2013. B'kollox waslu 670 tweġiba, u dan juri ħafna tħassib fost il-pubbliku dwar il-qagħda tal-immaniġġar tal-iskart fl-UE u aspettattivi għoljin biex tittieħed azzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Saret konsultazzjoni speċifika mal-Istati Membri bejn Ġunju u Settembru 2015, kif ukoll konsultazzjoni usa' tal-ekonomija ċirkulari.

2.4Valutazzjoni tal-impatt

Mal-proposta adottata f'Lulju 2014 ġew ippubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv 11 . Il-valutazzjoni tal-impatt, li tibqa' tgħodd bħala l-bażi analitika ewlenija għall-proposti leġiżlattivi riveduti, tevalwa l-impatti ewlenin ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' għadd ta' għażliet ta' politika bil-għan li tittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE. Qed jiġu vvalutati bosta livelli ta' ambizzjoni u qed jitqabblu max-"xenarju bażi" ħalli jinstabu l-aktar strumenti xierqa u l-miri filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji kemm jista' jkun.

Fit-8 ta' April 2014, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jorqom ir-rapport. Il-Bord talab aktar kjarifika dwar id-definizzjoni tal-problema u l-ħtieġa ta' miri ġodda ta' nofs it-terminu, li jissaħħu l-argumenti favur projbizzjoni tal-miżbliet mil-lat ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u favur miri uniformi f'kull Stat Membru, u li jiġi spjegat f'aktar dettall kif il-proposta qed tqis il-bosta prestazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

Il-valutazzjoni tal-impatt wasslet għall-konklużjoni li kombinazzjoni ta' għażliet għandha ġġib magħha l-benefiċċji li ġejjin:

Jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-istabbilimenti jew l-impriżi ż-żgħar, tiżdied is-simplifikazzjoni u titjieb l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan;

Jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 170,000 impjieg dirett sal-2035, l-aktar fosthom ma jkunx possibbli jitilqu mill-UE;

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 600 miljun tunnellata ta' gassijiet serra jistgħu jiġu evitati bejn l-2015 u l-2035;

Jitħallew effetti pożittivi fuq il-kompetittività tas-setturi tal-UE tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ kif ukoll fuq is-settur tal-manifattura tal-UE (skemi aħjar ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, inqas riskji assoċjati mal-aċċess għall-materja prima);

Terġa' tiddaħħal il-materja prima sekondarja fl-ekonomija tal-UE u b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima.

Nota analitika li tissupplimenta l-valutazzjoni tal-impatt inħarġet flimkien mal-proposta leġiżlattiva. F'dik in-nota, ġew analizzati għadd ta' għażliet u varjanti addizzjonali bil-għan li jqisu aħjar il-pożizzjonijiet differenti ta' tluq ta' kull Stat Membru.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1Sommarju tal-azzjoni proposta

L-elementi ewlenin tal-proposti biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart huma:

L-allinjament tad-definizzjonijiet:

Żieda fil-mira tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta' skart muniċipali għal 65 % sal-2030;

Żieda fit-tħejjija tal-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ, u s-semplifikazzjoni tas-sett ta' miri;

Limitazzjoni progressiva tar-rimi f'miżbiet tal-iskart muniċipali, sa 10% sal-2030;

Aktar armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-qafas legali dwar il-prodotti sekondarji u tat-tmiem tal-istadju tal-iskart;

Miżuri ġodda biex jippromwovu l-prevenzjoni, inkluż għall-iskart tal-ikel, u l-użu mill-ġdid;

Introduzzjoni ta' kundizzjonijiet operattivi minimi ta' tħaddim għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

Introduzzjoni ta' Sistema ta' Twissija Bikrija għall-monitoraġġ tal-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ;

Simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar;

Allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

3.2Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi li jindirizzaw l-immaniġġjar ta' skart differenti. Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 1999/31/KE, id-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE huma msejsa fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, filwaqt li l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 94/62/KE hija msemja fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi mira ta' 50% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u ta' skart simili u mira ta' 70% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjal tal-iskart mhux perikoluż mill-bini u t-twaqqigħ sal-2020. Skont l-Artikolu 11(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha teżamina dawk il-miri bil-għan li jekk ikun meħtieġ issaħħaħhom, u kellha tqis jekk tistabbilixxix miri għal flussi oħra ta' skart rilevanti skont kif dawn il-miri jolqtu l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Skont l-Artikolu 9(c), sa tmiem l-2014 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi għanijiet għall-prevenzjoni u d-diżakkoppjar tal-iskart għall-2020, skont l-aqwa prattiki disponibbli, inkluża, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 29(4). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 37(4), fl-ewwel rapport li jsir sat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha tivvaluta għadd ta' miżuri li jinkludu skemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi speċifiċi ta' skart, miri, indikaturi u miżuri relatati mar-riċiklaġġ, kif ukoll operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal u enerġija li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 b'mod aktar effettiv.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/31/KE jistabbilixxi tliet miri għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet u jipprojbixxi r-rimi ta' ċertu flussi ta' skart. L-Istati Membri jridu jilħqu l-aħħar mira għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet sas-16 ta' Lulju 2016. Skont l-Artikolu 5(2), din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid sas-16 ta' Lulju 2014 bil-ħsieb li tiġi konfermata jew emendata biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u fid-dawl tal-esperjenza prattika li kisbu l-Istati Membri meta laħqu ż-żewġ miri preċedenti.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE jistabbilixxi miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ li skont l-Artikolu 6(5) għandhom jiġu ffissati kull ħames snin skont l-esperjenza prattika li jiksbu l-Istati Membri u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u l-evalwazzjonijiet bħall-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

3.3Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposti jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huma limitati għall-emendar tad-Direttivi msemmija hawn fuq billi jipprovdu qafas li jistabbilixxi għanijiet komuni, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi tal-implimentazzjoni.

3.4Id-dokumenti ta ' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti li jispjegaw il-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi.

Ħafna drabi fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tiġi trasposta b'mod deċentralizzat ħafna, inkluża fil-livell reġjonali jew lokali u f'bosta atti legali, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. Minħabba f'hekk , fit-traspożizzjoni tad-Direttivi emendati l-Istati Membri jaf ikollhom jemendaw varjetà wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-proposti jemendaw sitt Direttivi differenti dwar l-iskart, u jolqtu għadd importanti ta' obbligi legalment vinkolanti, inkluża emenda komprensiva tal-miri inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE, fid-Direttiva 1999/31/KE u fid-Direttiva 94/62/KE, kif ukoll semplifikazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE. Din hi reviżjoni kumplessa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li jaf tolqot għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-miri riveduti għall-immaniġġjar tal-iskart li hemm fid-Direttivi emendati huma interrelatati, u għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u aktar tard inkorporati fis-sistemi nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.

Id-dispożizzjonijiet proposti se jolqtu firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fl-Istati Membri, u se jħallu impatt importanti fuq l-investimenti futuri f'infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hi meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni fl-UE.

Ir-rekwiżit li jingħataw id-dokumenti ta' spjegazzjoni jaf toħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta' spjegazzjoni hemm bżonnhom biex tkun tista' ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u tajba li hi essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri b'inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta' traspożizzjoni f'kull Stat Membru.

Fid-dawl ta' dan kollu, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

3.5Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huma identifikati, u l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta' dawn l-atti ġew stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6, 9, 11, 14, 15, 18, 19, 21, 22 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 2008/98/KE, il-paragrafi 4, 6, 7, 9, 10 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 94/62/KE, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 1999/31/EC u l-emendi proposti fl-Artikoli 1 u 3 tal-proposta dwar id-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposti mhux se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhumiex akkumpanjati bid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).    

2015/0276 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva ,

Billi:

(1)L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni għandu jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali, u tiġi promossa ekonomija iktar ċirkolari.

(2)Il-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ għandhom jiġu emendati billi jiżdiedu t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ, bil-għan li jirriflettu aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija iktar ċirkolari.

(3)Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata aktar koerenza fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, id-definizzjonijiet fid-Direttiva 94/62/KE għandhom jiġu allinjati ma' dawk tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , li huma applikabbli għall-iskart b'mod ġenerali.

(4)Iż-żieda tal-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ tissarraf f'benefiċċji ċari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali.

(5)Permezz ta' żieda progressiva fil-miri eżistenti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ, għandu jiġi żgurat li l-materjali tal-iskart ta' valur ekonomiku jiġu rkuprati progressivament u b'mod effettiv, b'immaniġġjar tajjeb tal-iskart u f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart. B'dan il-mod għandu jkun żgurat li materjali ta' valur fl-iskart jerġgħu lura fl-ekonomija Ewropea, u b'hekk isir progress fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Materja Prima 15 u fit-tiswir ta' ekonomija ċirkolari.

(6)Għadd ta' Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti għanijiet ċari ta' politika sabiex jiġi evitat li l-materja prima sekondarja teħel f'qiegħ il-ġerarkija tal-iskart.

(7)Bit-taħlita ta' miri tar-riċiklaġġ u restrizzjonijiet għar-rimi fil-miżbliet stipulati fid-Direttivi 2008/98/KE u 1999/31/KE, m'għadhomx meħtieġa l-miri tal-Unjoni għall-irkupru tal-enerġija u għar-riċiklaġġ fejn jidħol l-iskart mill-imballaġġ kif stipulati fid-Direttiva 94/62/KE.

(8)Din id-Direttiva tistipula għanijiet fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni, u tagħti lill-operaturi ekonomiċi u lill-Istati Membri direzzjoni ċara għall-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri ta' din id-Direttiva. Waqt li jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart u jippjanaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, l-Istati Membri għandhom jużaw b'mod għaqli l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, billi jippromwovu l-prevenzjoni, u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ.

(9)Il-Kummissjoni stabbiliet miri sal-2025 għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ, filwaqt li qieset dak li kien teknikament fattibbli fiż-żmien tar-reviżjoni tad-Direttiva; il-Kummissjoni tista' tipproponi livelli riveduti ta' miri sal-2030 għall-plastik skont evalwazzjoni tal-progress magħmul mill-Istati Membri lejn dawk il-miri, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tat-tipi ta' plastik li jitqiegħdu fis-suq, kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għar-riċiklaġġ u d-domanda għal plastiks riċiklati.

(10)Għandhom jiġu stipulati miri ta' riċiklaġġ separat għall-metalli ferrużi u għall-aluminju, bil-għan li jinkisbu benefiċċji sinifikanti ekonomiċi u ambjentali, billi l-aliminju jiġi riċiklat u dan iwassal għal ħafna ffrankar tal-enerġija u tad-diossidu tal-karbonju. Għalhekk il-mira eżistenti tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għall-imballaġġ tal-metall għandha tinqasam f'miri separati għal dawn iż-żewġ tipi ta' skart.

(11)Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk humiex se jintlaħqu l-miri ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jqisu l-prodotti u l-komponenti li huma mħejjija għall-użu mill-ġdid minn operaturi rikonoxxuti ta' użu mill-ġdid u minn skemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għal dawk il-kalkoli, il-Kummissjoni se tadotta regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni tat-tħejjija rikonoxxuta għall-operaturi ta' użu mill-ġdid u għall-iskemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu, kif ukoll dwar il-ġbir, il-verifika u r-rappurtar tad-dejta.

(12)Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-dejta miġbura għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli komuni ta' rappurtar. Bl-istess mod, huwa importanti li jiġu stipulati b'mod aktar preċiż ir-regoli dwar kif l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dak li effettivament ikun ġie rriċiklat u jista' jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri tar-riċiklaġġ. Għal dan il-għan, bħala regola ġenerali, ir-rappurtar dwar l-ilħiq tal-miri ta' riċiklaġġ għandhom ikunu msejsa fuq l-input fil-proċess aħħari tar-riċiklaġġ. Sabiex jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, taħt kundizzjonijiet stretti, li jirrappurtaw ir-rati ta' riċiklaġġ abbażi tal-output tal-faċilitajiet ta' separazzjoni. It-telf fil-piż tal-materjali jew tas-sustanzi minħabba proċessi ta' trasformazzjoni fiżiċi u/jew kimiċi inerenti għall-proċess aħħari ta' riċiklaġġ ma għandux jitnaqqas mill-piż tal-iskart irrappurtat bħala riċiklat.

(13)Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, f'waqtha u aktar uniformi ta' din id-Direttiva, u sabiex jiġu antiċipati d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni, għandha titwaqqaf sistema ta' twissija bikrija ħalli ssib in-nuqqasijiet u tkun tista' tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri.

(14)Id-dejta statistika li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tal-istatistika għandhom jittejbu billi jiġi introdott punt ta' dħul wieħed għad-dejta kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta' rappurtar li m'għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta' verifika tal-kwalità tad-dejta.

(15)Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità u żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piż amministrattiv żejjed. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti, u għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità, għandhom juża esklussivament id-dejta statistika rrappurtata mill-Istati Membri kull sena lill-Kummissjoni.

(16)Ir-rappurtar affidabbli tad-dejta statistika dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa tal-akbar importanza għal implimentazzjoni effiċjenti u biex tkun żgurata l-paragunabbiltà tad-dejta fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jippreparaw ir-rapporti dwar il-konformità mal-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jużaw l-aktar metodoloġija riċenti żviluppata mill-Kummissjoni u mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.

(17)Sabiex id-Direttiva 94/62/KE tiġi supplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 6a(2), 6a(5), 11(3), 19(2) u 20. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/62/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 12(3b) u 19. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 .

(19)Id-Direttiva 94/62/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

(20)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni 17 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata.

(21)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva - jiġifieri, fuq naħa, li jiġi evitat kull impatt mill-imballaġġ u mill-iskart mill-imballaġġ fuq l-ambjent, jew li tali impatt jitnaqqas u b'hekk jiġu pprovduti livelli għoljin ta' protezzjoni ambjentali, u fuq in-naħa l-oħra, l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-evitar ta' ostakli għall-kummerċ u t-tagħwiġ u restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni -, ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 94/62/KE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a) fil-punt 1 jitneħħa l-kliem li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, teżamina u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-eżempji illustrattivi dwar id-definizzjoni ta' imballaġġ mogħtija fl-Anness I. L-oġġetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità: kaxxi tas-CD u l-vidjo, qsari, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, karta approprjata għal tikketti bi twaħħil proprju u karti għat-tgeżwir. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3).";

(b) il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2. "skart mill-imballaġġ" tfisser kull imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ li tkopri d-definizzjoni ta' skart stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;";

(*) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).";

(c) jitħassru l-punti (3) sa (10);

(d) jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

"Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' "skart", "produttur tal-iskart", "detentur tal-iskart", "immaniġġjar tal-iskart", "ġbir", "ġbir separat", "prevenzjoni", "użu mill-ġdid", "trattament", "irkupru", "tħejjija għall-użu mill-ġdid", "riċiklaġġ", "proċess aħħari tar-riċiklaġġ" u "rimi", stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.";

(2) Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), l-ewwel sentenza tinbidel b’li ġej:

"Dawn il-miżuri differenti jistgħu jikkonsistu fi programmi nazzjonali, inċentivi permezz ta' skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, sabiex jonqos kemm jista' jkun l-impatt ambjentali tal-imballaġġ, jew azzjonijiet simili li jiġu adottati, jekk xieraq, f'konsultazzjoni mal-operaturi ekonomiċi, u maħsubin biex jiġbru flimkien u jiġu sfruttati l-bosta inizjattivi meħudin fi ħdan l-Istati Membri fejn tidħol il-prevenzjoni." Għandhom jikkonformaw mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva definiti fl-Artikolu 1(1).";

(3) L-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:

(a) it-tiolu jinbidel bi "Irkupru, użu mill-ġdid u riċiklaġġ";

(b) fil-paragrafu 1 jiżdiedu dawn il-punti (f) sa (i):

"(f) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, minimu ta' 65 % skont il-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ se jitħejja għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ;

(g) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, il-miri minimi li ġejjin, skont il-piż, għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, se jintlaħqu fir-rigward tal-materjali speċifiċi li ġejjin, li jinstabu fl-iskart mill-imballaġġ:

(i) 55 % tal-plastik;

(ii) 60 % tal-injam;

(iii) 75 % tal-metall ferruż;

(iv) 75 % tal-aluminju;

(v) 75 % tal-ħġieġ;

(vi) 75 % tal-karta u tal-kartun;

(h) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2030, għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ se jitħejja minimu ta' 75 % skont il-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ;

(i) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2030, se jintlaħqu l-miri minimi li ġejjin, skont il-piż, għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, fejn jidħlu dawn il-materjali speċifiċi li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ:

(i) 75 % tal-injam;

(ii) 85 % tal-metall ferruż;

(iii) 85 % tal-aluminju;

(iv) 85 % tal-ħġieġ;

(vi) 85% tal-karta u tal-kartun.";

(c) il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'li ġej:

"2.     L-iskart mill-imballaġġ esportat mill-Unjoni għandu jingħadd biss lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fil-paragrafu 1 mill-Istat Membru fejn l-iskart mill-imballaġġ ikun inġabar, dejjem jekk jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 6a(4), u jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), l-esportatur jista' jagħti prova li t-tbaħħir tal-iskart jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dak l-istess Regolament u li t-trattament tal-iskart barra mill-Unjoni jkun sar f'kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

3.    L-iskart mibgħut lil Stat Membru ieħor għall-finijiet ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għall-irkupru f'dak l-Istat Membru l-ieħor, jista' jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fil-paragrafu 1(f) sa (i) biss mill-Istat Membru fejn l-iskart mill-imballaġġ ikun inġabar.

(*) Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).";

(d) il-paragrafi 5, 8 u 9 jitħassru;

(4) jiżdied l-Artikolu 6a li ġej:

"Artikolu 6a

Regoli għall-kalkolu tal-ilħiq tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 6

1. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk intlaħqux il-miri stipulati fl-Artikolu 6(1)(f) sa (i),

(a) il-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat għandu jinftiehem bħala l-piż tal-iskart li jiddaħħal fil-proċess aħħari tar-riċiklaġġ;

(b) il-piż tal-iskart mill-imballaġġ imħejji għall-użu mill-ġdid għandu jinftiehem bħala l-piż tal-iskart mill-imballaġġ li jkun ġie rkuprat jew miġbur minn operatur rikonoxxut ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid, u li jkun għadda minn kull operat meħtieġ ta' verifika, tindif u tiswija sabiex jippermetti l-użu mill-ġdid mingħajr iktar separazzjoni jew proċessar preliminari;

(c) l-Istati Membri jistgħu jinkludu prodotti jew komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid minn operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid jew minn skemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu. Għall-kalkolu tar-rata aġġustata ta' skart mill-imballaġġ imħejji għall-użu mill-ġdid u riċiklat, filwaqt li jqisu l-piż tal-prodotti u l-komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jużaw dejta vverifikata mill-operaturi, u għandhom japplikaw il-formola mogħtija fl-Anness IV.

2. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b) u (c) u tal-Anness IV, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta' kwalità u ta' operazzjoni għad-determinazzjoni tal-operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid kif ukoll tal-iskemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu, inklużi regoli speċifiċi dwar il-ġbir, il-verifika u r-rappurtar tad-dejta.

3. B'deroga mill-paragrafu 1, il-piż tal-output ta' kull operat ta' separazzjoni tal-iskart jista' jiġi rrappurtat bħala l-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat, dejjem jekk:

(a) tali output ta' skart jiddaħħal fi proċess aħħari ta' riċiklaġġ;

(b) il-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li mhumiex soġġetti għal proċess aħħari ta' riċiklaġġ, u li jintremew jew ikunu soġġetti għall-irkupru tal-enerġija, jibqa' taħt l-10% tal-piż totali li għandu jiġi rrappurtat bħala riċiklat.

4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effettiva ta' kontroll tal-kwalità u ta' traċċabbiltà tal-iskart mill-imballaġġ, sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3(a) u (b). Dik is-sistema tista' tikkonsisti jew minn reġistri elettroniċi maħluqin skont l-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2008/98/KE, speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta' kwalità tal-iskart separat, jew kull miżura ekwivalenti maħsuba biex tiżgura t-traċċabbiltà u l-preċiżjoni tad-dejta miġbura fuq l-iskart riċiklat.

5. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk ikunu intlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 6(1)(f) sa (i), l-Istati Membri jistgħu jqisu r-riċiklaġġ tal-metalli li jsir b'rabta mal-inċinerazzjoni, proporzjonalment mas-sehem tal-iskart mill-imballaġġ inċinerat, dejjem jekk il-metalli riċiklati jilħqu ċerti rekwiżiti ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom jużaw il-metodoloġija komuni stabbilita skont l-Artikolu 11a(6) tad-Direttiva 2008/98/KE.";

(5) jiddaħħal l-Artikolu 6b li ġej:

"Artikolu 6b

Rapport ta' twissija bikrija

1. Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapporti dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikolu 6(1)(f) sa (i), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata f'dawk id-dispożizzjonijiet.

2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom li ġej:

(a) stima dwar il-kisba tal-miri minn kull Stat Membru;

(b) lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati.";

(6) l-Artikolu 11(3) jinbidel b'li ġej:

"3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-livelli tal-konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal materjali riċiklati u ċrieki ta' prodotti li jkunu f'katina magħluqa u ikkontrollata, kif ukoll it-tipi ta' imballaġġ li huma eżenti mir-rekwiżit imsemmi fit-tielet inċiż tal-paragrafu 1.";

(7) l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titlu jinbidel bi "Sistemi ta' informazzjoni u rappurtar";

(b) il-paragrafu 2 jinbidel b'li ġej:

"2. Għal dan il-għan, il-bażijiet tad-dejta previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-dejta elenkata fl-Anness III, u għandhom jipprovdu b'mod partikolari informazzjoni dwar id-daqs, il-karatteristiċi u l-evoluzzjoni tal-flussi tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, inkluża l-informazzjoni dwar it-tossiċità jew il-periklu tal-materjali tal-imballaġġ u l-komponenti użati għall-manifattura tagħhom fil-livell tal-Istati Membri individwali.";

(c) jitħassar il-paragrafu 3;

(d) jiddaħħlu l-paragrafi 3a, 3b, 3c u 3d li ġejjin:

"3a. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena tal-kalendarju, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) sa (i). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta.

Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3d. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena] sal-31 ta' Diċembru [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena].

3b. Id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta' verifika tal-kwalità, kif ukoll rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6a(4).

3c. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dejta rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-dinja, is-sorsi tad-dejta u l-metoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta' dik id-dejta. Il-valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal kull tliet snin.

3d. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-dejta skont il-paragrafu 3 a. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).";

(e) jitħassar il-paragrafu 5;

(8) jitħassar l-Artikolu 17;

(9) l-Artikolu 19 jinbidel b'li ġej:

"1. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni li jkun hemm bżonn biex tadatta s-sistema ta' identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu, is-sitt inċiż, għall-progress xjentifiku u tekniku. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jemendaw l-eżempji illustrattivi mogħtija għad-definizzjoni tal-imbalaġġ elenkati fl-Anness I.";

(10) l-Artikolu 20 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 20

Miżuri speċifiċi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jkun hemm bżonn biex tindirizza xi diffikultajiet li jinqalgħu fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari, għall-materjali tal-imballaġġ inerti li jitqiegħdu fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna (jiġifieri ta' madwar 0,1% bil-piż) fl-Unjoni, għall-imballaġġ primarju tal-apparat mediku u l-prodotti farmaċewtiċi, għall-imballaġġ żgħir u għall-imballaġġ lussuż.";

(11) l-Artikolu 21 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 21

Proċedura ta' kumitat

1. Għall-finijiet tal-Artikoli 12(3d) u 19(1), il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva Nru 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13).";

(12) jiżdied l-Artikolu 21a li ġej:

"Artikolu 21a

L-eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 6a(2), 11(3), 19(2) u 20, għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 6a(2), 11(3), 19(2) u 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Tali deċiżjoni ma tolqotx il-validità ta' xi atti delegati diġà fis-seħħ.

4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 6a(2), 11(3), 19(2) u 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.".

(13) l-Anness III tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ huwa emendat kif muri fl-Anness ta' din id-Direttiva.

(14) l-Anness IV tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ huwa emendat kif muri fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data ta' 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).";
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34-43).
(5) Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.09.2006, p. 1-14).
(6) Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38-71).
(7) COM(2011) 571.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(9) Il-ġerarkija tal-iskart tagħti preferenza lill-prevenzjoni, u mbagħad warajha l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ qabel l-irkupru tal-enerġija, u r-rimi li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija.
(10) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(11) COM(2014) 397.
(12) ĠU C, , p. .
(13) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(14) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(15) COM(2013) 442.
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28/02/2011, p. 13).
(17) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 596 final

ANNESS

ta'

Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


ANNESS

L-ANNESS III huwa emendat kif ġej:

(1) Fit-Tabelli 1 u 2, ir-ringieli intitolati "Metall" huma sostitwiti b'żewġ ringieli intitolati "Metall ferruż" u "Aluminju";

(2) Fit-Tabelli 3 u 4, ir-ringieli intitolati "Imballaġġ tal-metall" huma sostitwiti b'żewġ ringieli intitolati "Imballaġġ tal-metall ferruż" u "Imballaġġ tal-aluminju".

Jiżdied l-Anness IV li ġej:

"ANNESS IV

Metodu ta' kalkolu għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid ta' prodotti u komponenti għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(f) sa (i)

Sabiex tiġi kkalkolata r-rata aġġustata ta' riċiklaġġ u tħejjija għall-użu mill-ġdid skont l-Artikolu 6(1)(f) sa (i), l-Istati Membri għandhom jużaw il-formola li ġejja:

E: rata aġġustata ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid f'sena determinata;

A: piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat jew imħejji għall-użu mill-ġdid f'sena determinata;

R: piż tal-prodotti u l-komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid f'sena determinata;

P: piż tal-iskart mill-imballaġġ iġġenerat f'sena determinata."