Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 595 final

2015/0275(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Il-Kuntest ġenerali

Bħalissa l-ekonomija tal-Unjoni qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali li jkun hemm fil-flussi tal-iskart. Fl-2013, it-total ta' skart iġġenerat fl-UE laħaq maż-2.5 biljun tunnellata, li minnhom 1.6 biljun tunnellata ma ġewx użati mill-ġdid jew riċiklati, u b'hekk mil-lat tal-ekonomija Ewropea ntilfu. Huwa stmat li jistgħu jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid 600 miljun tunnellata oħra. Bħala eżempju, mill-iskart muniċipali ġġenerat fl-Unjoni, ġie rriċiklat biss sehem limitat (43%), filwaqt li l-bqija ntrema f'miżbla (31 %) jew f'inċineratur (26%). B'hekk l-Unjoni qiegħda titlef opportunitajiet sinifikati biex ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi u toħloq ekonomija iktar ċirkulari.

Fir-rigward tal-immaniġġar tal-iskart, l-Unjoni tħabbat wiċċha wkoll ma' differenzi kbar fost l-Istati Membri tagħha. Fl-2011, filwaqt li sitt Stati Membri rmew f'miżbla inqas minn 3% tal-iskart muniċipali tagħhom, 18-il Stat Membru rmew f'miżbla aktar minn 50%, u wħud irmew fil-miżbliet aktar minn 90%. Din is-sitwazzjoni żbilanċjata jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti.

Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart 1 , id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 2 , id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [miżbla] 3 , id-Direttiva 2000/53/KC dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw 4 , id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi 5 u d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku 6 jiffurmaw parti minn Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi wkoll Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari".

1.2.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ix-xejriet riċenti juru li l-effiċjenza tar-riżorsi tista' tkompli titjieb u din tista' toħloq bosta benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali kbar. Mod essenzjali kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi hu billi l-iskart jinbidel f'riżorsa u allura tissawwar ekonomija ċirkolari sħiħa.

Il-miri legalment vinkolanti fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart kienu xprun ewlieni biex jitjiebu l-prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart, tiġi stimulata l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ, jiġi limitat ir-rimi fil-miżbliet, u jinħolqu inċentivi biex tinbidel l-imġiba tal-konsumaturi. L-estensjoni tal-politika dwar l-iskart tista' ġġib magħha benefiċċji sinifikanti: tkabbir sostanzjali u ħolqien tal-impjiegi, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iffrankar dirett b'rabta ma' prattiċi aħjar ta' mmaniġġar tal-iskart, u ambjent aħjar.

Il-proposta biex temenda d-Direttiva 2008/98/KE tindirizza l-obbligu legali ta' rieżami tal-miri tal-immaniġġar tal-iskart f'dik id-Direttiva. Il-proposti li jiffurmaw parti mill-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u li jemendaw is-sitt Direttivi msemmija hawn fuq jibnu parzjalment fuq il-proposta li l-Kummissjoni ressqet f'Lulju 2014 u mbagħad irtiratha fi Frar 2015. Il-proposti jaqblu mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi 7 kif ukoll tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali 8 , fosthom l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-ġerarkija tal-iskart 9 fl-Istati Membri kollha, it-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart f'termini assoluti u per capita, l-iżgurar ta' riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u l-użu tal-iskart riċiklat bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni. Il-proposti jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE għall-Materja Prima 10 , u jindirizzaw il-bżonn li jiġi evitat l-iskart tal-ikel. Barra minn hekk, dawn il-proposti jissemplifikaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar inklużi fis-sitt Direttivi li huma.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1.L-istudji

Il-proposti u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjahom jeżaminaw l-aspetti teknoloġiċi, soċjoekonomiċi u ta' kosteffiċjenza marbutin mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Tfassal suppliment għall-Valutazzjoni tal-Impatt sabiex janalizza l-effetti potenzjali ta' varjanti addizzjonali tal-għażliet ewlienin ta' politika ddefiniti fl-istess Valutazzjoni tal-Impatt.

2.2.Il-konsultazzjoni interna

Fi ħdan il-Kummissjoni, Grupp ta' Tmexxija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, magħmul minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (SG, ECFIN, GROW, CLIMA, JRC u ESTAT), segwa t-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi.

2.3.Il-konsultazzjoni esterna

Il-Kummissjoni ħejjiet lista indikattiva ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u l-ewwel intervisti mal-partijiet interessati ewlenin bdew fi Frar 2013. F'Ġunju 2013 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet, bi qbil mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni, u din intemmet f'Settembru 2013. B'kollox waslu 670 tweġiba, u dan juri ħafna tħassib fost il-pubbliku dwar il-qagħda tal-immaniġġar tal-iskart fl-UE u aspettattivi għoljin biex tittieħed azzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Saret konsultazzjoni speċifika mal-Istati Membri bejn Ġunju u Settembru 2015, kif ukoll konsultazzjoni usa' tal-ekonomija ċirkulari.

2.4.Valutazzjoni tal-impatt

Mal-proposta adottata f'Lulju 2014 ġew ippubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv 11 . Il-valutazzjoni tal-impatt, li tibqa' tgħodd bħala l-bażi analitika ewlenija għall-proposti leġiżlattivi riveduti, tevalwa l-impatti ewlenin ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' għadd ta' għażliet ta' politika bil-għan li jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE. Qed jiġu vvalutati bosta livelli ta' ambizzjoni u qed jitqabblu max-"xenarju bażi" ħalli jinstabu l-aktar strumenti u miri xierqa filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji kemm jista' jkun.

Fit-8 ta' April 2014 il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jorqom ir-rapport. Il-Bord talab aktar kjarifika dwar id-definizzjoni tal-problema u l-ħtieġa ta' miri ġodda ta' nofs it-terminu, li jissaħħu l-argumenti favur projbizzjoni tal-miżbliet mil-lat ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u favur miri uniformi f'kull Stat Membru, u li jiġi spjegat f'aktar dettall kif il-proposta qed tqis il-bosta prestazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

Il-valutazzjoni tal-impatt wasslet għall-konklużjoni li kombinazzjoni ta' Għażliet għandha ġġib magħha l-benefiċċji li ġejjin:

Jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-istabbilimenti jew l-impriżi ż-żgħar, tiżdied is-simplifikazzjoni u titjieb l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan;

Jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 170 000 impjieg dirett sal-2035, li l-biċċa l-kbira minnhom ma jkunx possibbli jiġu ddelokalizzati barra mill-UE;

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 600 miljun tunnellata ta' gassijiet serra jistgħu jiġu evitati bejn l-2015 u l-2035;

Jitħallew effetti pożittivi fuq il-kompetittività tas-setturi tal-UE tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ kif ukoll fuq is-settur tal-manifattura tal-UE (skemi aħjar ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, inqas riskji assoċjati mal-aċċess għall-materja prima);

Terġa' tiddaħħal il-materja prima sekondarja fl-ekonomija tal-UE u b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima.

Nota analitika li tissupplimenta l-valutazzjoni tal-impatt inħarġet flimkien mal-proposta leġiżlattiva. F'dik in-nota, ġew analizzati għadd ta' għażliet u varjanti addizzjonali bil-għan li jqisu aħjar il-pożizzjonijiet differenti ta' tluq ta' kull Stat Membru.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.Sommarju tal-azzjoni proposta

L-elementi ewlenin tal-proposti biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart huma:

L-allinjament tad-definizzjonijiet:

Żieda fil-mira tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta' skart muniċipali għal 65 % sal-2030;

Żieda fit-tħejjija tal-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-iskart tal-imballaġġ, u s-semplifikazzjoni tas-sett ta' miri;

Limitazzjoni progressiva tar-rimi f'miżbiet tal-iskart muniċipali, sa 10% sal-2030;

Aktar armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-qafas legali dwar il-prodotti sekondarji u tat-tmiem tal-istadju tal-iskart;

Miżuri ġodda biex jippromwou l-prevenzjoni, inkluż għall-iskart tal-ikel, u l-użu mill-ġdid;

l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet operattivi minimi ta' tħaddim għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

l-introduzzjoni ta' Sistema ta' Twissija Bikrija għall-monitoraġġ tal-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ;

is-semplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar;

l-allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

3.2.Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi li jindirizzaw l-immaniġġjar ta' skart differenti. Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 1999/31/KE, id-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE huma msejsa fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, filwaqt li l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 94/62/KE hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi mira ta' 50% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u ta' skart simili u mira ta' 70% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjal tal-iskart mhux perikoluż mill-bini u t-twaqqigħ sal-2020. Skont l-Artikolu 11(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha teżamina dawk il-miri bil-għan li jekk ikun meħtieġ issaħħaħhom, u kellha tqis jekk tistabbilixxix miri għal flussi oħra ta' skart rilevanti skont kif dawn il-miri jolqtu l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Skont l-Artikolu 9(c), sa tmiem l-2014 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi għanijiet għall-prevenzjoni u d-diżakkoppjar tal-iskart għall-2020, skont l-aqwa prattiki disponibbli, inkluża, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 29(4). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 37(4), fl-ewwel rapport li jsir sat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha tivvaluta għadd ta' miżuri li jinkludu skemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi speċifiċi ta' skart, miri, indikaturi u miżuri relatati mar-riċiklaġġ, kif ukoll operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal u enerġija li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 b'mod aktar effettiv.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/31/KE jistabbilixxi tliet miri għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet u jipprojbixxi r-rimi ta' ċertu flussi ta' skart. L-Istati Membri jridu jilħqu l-aħħar mira għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet sas-16 ta' Lulju 2016. Skont l-Artikolu 5(2), din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid sas-16 ta' Lulju 2014 bil-ħsieb li tiġi konfermata jew emendata biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u fid-dawl tal-esperjenza prattika li kisbu l-Istati Membri meta laħqu ż-żewġ miri preċedenti.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE jistabbilixxi miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ li skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġu ffissati kull ħames snin skont l-esperjenza prattika li jiksbu l-Istati Membri u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u l-evalwazzjonijiet bħall-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

3.3.Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposti jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huma limitati għall-emendar tad-Direttivi msemmija hawn fuq billi jipprovdu qafas li jistabbilixxi għanijiet komuni, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi tal-implimentazzjoni.

3.4.Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti li jispjegaw il-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi.

Ħafna drabi fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tiġi trasposta b'mod deċentralizzat ħafna, inkluża fil-livell reġjonali jew lokali u f'bosta atti legali, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. Minħabba f'hekk, fit-traspożizzjoni tad-Direttivi emendati l-Istati Membri jaf ikollhom jemendaw varjetà wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-proposti jemendaw sitt Direttivi differenti dwar l-iskart, u jolqtu għadd importanti ta' obbligi legalment vinkolanti, inkluża emenda komprensiva tal-miri inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE, fid-Direttiva 1999/31/KE u fid-Direttiva 94/62/KE, kif ukoll semplifikazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE. Din hi reviżjoni kumplessa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li jaf tolqot għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-miri riveduti għall-immaniġġjar tal-iskart li hemm fid-Direttivi emendati huma interrelatati, u għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u aktar tard inkorporati fis-sistemi nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.

Id-dispożizzjonijiet proposti se jolqtu firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fl-Istati Membri, u se jħallu impatt importanti fuq l-investimenti futuri fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hi meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni fl-UE.

Ir-rekwiżit li jingħataw id-dokumenti ta' spjegazzjoni jaf joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta' spjegazzjoni hemm bżonnhom biex tkun tista' ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u tajba li hi essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri b'inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta' traspożizzjoni f'kull Stat Membru.

Fid-dawl ta' dan kollu, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

3.5.Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huma identifikati, u l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta' dawn l-atti ġew stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6, 9, 11, 14, 15, 18, 19, 21, 22 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 2008/98/KE, il-paragrafi 4, 6, 7, 9, 10 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 94/62/KE, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 1999/31/EC u l-emendi proposti fl-Artikoli 1 u 3 tal-proposta dwar id-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE.

4.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposti mhux se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhumiex akkumpanjati bid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).



2015/0275 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni għandu jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali, u tiġi promossa ekonomija iktar ċirkolari.

(2)Il-miri stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart għandhom jiġu emendati biex jirriflettu aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija iktar ċirkolari.

(3)Għadd ta' Stati Membri għad iridu jiżviluppaw l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu stipulati għanijiet ta' politika fit-tul sabiex jiggwidaw il-miżuri u l-investimenti, speċifikament billi jiġi evitat il-ħolqien ta' kapaċitajiet strutturali eċċessivi għat-trattament tal-iskart residwali u tiġi evitata l-inerzja tal-materji riċiklabbli f'qiegħ il-ġerarkija tal-iskart.

(4)L-iskart muniċipali jiġbor kważi bejn 7% u 10% tal-iskart kollu ġġenerat fl-Unjoni; madankollu, dan il-fluss tal-iskart hu fost l-aktar skart kumpless biex timmaniġġja, u l-mod kif jiġi mmaniġġjat ġeneralment jixhed sew il-kwalità tas-sistema ġenerali tal-immaniġġjar tal-iskart ġenerali fil-pajjiż. L-immaniġġjar tal-iskart muniċipali joħloq sfidi minħabba li l-kompożizzjoni tiegħu hi tassew kumplessa u mħallta, l-iskart iġġenerat hu qrib ferm taċ-ċittadini, u l-iskart iġġenerat għandu ħafna viżibilità pubblika. Minħabba f'hekk, l-immaniġġjar tiegħu jeħtieġ sistema kumplessa ħafna tal-immaniġġjar tal-iskart inkluża skema ta' ġbir effiċjenti, l-involviment attiv taċ-ċittadini u n-negozji, infrastruttura aġġustata skont il-kompożizzjoni speċifika tal-iskart, u sistema elaborata ta' finanzjament. Il-pajjiżi li żviluppaw sistemi effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali ġeneralment irendu aħjar fl-immaniġġjar ġenerali tal-iskart.

(5)Jeħtieġ li jiġu inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE definizzjonijiet tal-iskart muniċipali, tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni, tal-proċess aħħari tar-riċiklaġġ, u tar-radam mill-ġdid, bil-għan li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-kunċett jiġi ċċarat.

(6)Biex jiġi żgurat li l-miri tar-riċiklaġġ jissejsu fuq dejta affidabbli u paragunabbli, u biex ikun permess monitoraġġ iktar effettiv tal-progress fil-ksib ta' dawk il-miri, id-definizzjoni tal-iskart muniċipali fid-Direttiva 2008/98/KE għandha taqbel mad-definizzjoni użata għal finijiet statistiċi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li abbażi tagħha l-Istati Membri ilhom is-snin jirrappurtaw id-dejta. Id-definizzjoni tal-iskart muniċipali f'din id-Direttiva hija newtrali fejn jidħol l-istatus pubbliku jew privat tal-operatur li jimmaniġġja l-iskart.

(7)L-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi xierqa għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikulari permezz ta' inċentivi finanzjarji li jimmiraw il-ksib tal-għanijiet ta' prevenzjoni tal-iskart u ta' riċiklaġġ stipulati minn din id-Direttiva, fosthom il-ħlasijiet għar-rimi f'miżbla u għall-inċinerazzjoni, skemi ta' "ħallas skont kemm tarmi", skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, u inċentivi għall-awtoritajiet lokali.

(8)Sabiex l-operaturi fis-swieq ta' materja prima sekondarja jingħataw iktar ċertezza fir-rigward tal-istatus ta' skart jew mhux skart ta' sustanzi jew oġġetti, u biex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi, huwa importanti li, fil-livell tal-Unjoni, jiġu stabbiliti kundizzjonijiet armonizzati għas-sustanzi jew għall-oġġetti li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala prodotti sekondarji, kif ukoll għall-iskart li jkun għadda minn operazzjoni ta' rkupru u li għandu jiġu rikonoxxut li m'għadux skart. Fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, jew sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni ambjentali madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni ta' tali kundizzjonijiet armonizzati għal ċertu skart, inkluż għal użu speċifiku.

(9)L-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur huma parti essenzjali mill-immaniġġjar effiċjenti tal-iskart, iżda l-effettività u l-prestazzjoni tagħhom ivarjaw sew fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stipulati rekwiżiti minimi ta' operat għar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Dawk ir-rekwiżiti għandhom inaqqsu l-kostijiet u jtejbu l-prestazzjoni, kif ukoll jiżguraw kundizzjonijiet ekwi, inkluż għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u għandhom jevitaw ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Għandhom jikkontribwixxi wkoll għall-inkorporazzjoni tal-kostijiet fi tmiem il-ħajja fil-prezzijiet tal-prodotti, u għandhom jipprovdu inċentivi lill-produtturi sabiex iqisu aħjar ir-riċiklabbiltà u l-kapaċità ta' użu mill-ġdid meta jiddisinjaw il-prodotti tagħhom. Ir-rekwiżiti għandhom japplikaw kemm għall-iskemi l-ġodda kif ukoll għal dawk diġà eżistenti ta' responsabbiltà estiża tal-produttur. Madankollu, ikun hemm bżonn perjodu ta' tranżizzjoni sabiex l-iskemi eżistenti ta' responsabbiltà estiża tal-produttur jadattaw l-istrutturi u l-proċeduri tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(10)Il-prevenzjoni tal-iskart hija l-iktar mod effiċjenti ta' kif tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kif ukoll ta' kif jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-iskart. Għaldaqstant, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart, kif ukoll biex jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress fl-implimentazzjoni ta' tali miżuri. Sabiex jiġi żgurat kejl uniformi tal-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-iskart, għandhom jiġu stabbiliti indikaturi komuni.

(11)Is-sustanzi bbażati fuq il-pjanti mill-industrija agroalimentari u l-ikel minn oriġini mhux annimali u li m'għadux intiż għall-konsum mill-bniedem, li jkunu maħsubin għall-użu bħala għalf, huma soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 767/2009 15 , u mhumiex meqjusa bħala skart għall-finijiet ta' dak ir-Regolament. Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/98/KE ma għandhiex tapplika għal dawk il-prodotti u s-sustanzi meta jintużaw għall-għalf, u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva jeħtieġ jiġi ċċarat minħabba f'dan.

(12)L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, bi qbil mal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, u b'mod partikulari l-mira tagħha li l-iskart tal-ikel jitnaqqas bin-nofs sas-sena 2030. Dawn il-miżuri għandhom jimmiraw li jipprevjenu l-iskart tal-ikel fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifatturar, fil-bejgħ bl-imnut u f'mezzi oħra ta' distribuzzjoni tal-ikel, f'restorants u servizzi tal-ikel kif ukoll fid-djar. Filwaqt li jqisu l-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi tal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri speċifiċi ta' prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, u għandhom ikejlu l-progress fit-tnaqqis tal-iskart tal-ikel. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-prassi tajba madwar l-UE, kemm fost l-Istati Membri u kemm fost l-operaturi kummerċjali tal-ikel, għandhom jiġu stabbiliti metodoloġiji uniformi għal tali kejl. Ir-rappurtar dwar il-livelli tal-iskart tal-ikel għandu jsir kull sentejn.

(13)L-iskart industrijali, ċertu skart kummerċjali u ċertu skart mill-minjieri huma ddiversifikati wisq mil-lat ta' volum u kompożizzjoni, u huma differenti ħafna skont l-istruttura ekonomika tal-Istat Membru, l-istruttura tas-settur industrijali jew kummerċjali li jiġġenera l-iskart, u d-densità industrijali jew kummerċjali f'żona ġeografika partikolari. Għalhekk, għall-parti l-kbira tal-iskart industrijali u tal-minjieri, soluzzjoni xierqa hija approċċ orjentat lejn l-industrija u li juża d-dokumenti ta' referenza bl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-immaniġġjar ta' tip partikolari ta' skart 16 . Madankollu, l-iskart mill-imballaġġ industrijali u kummerċjali se jibqgħu jkopruh ir-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62/KE u tad-Direttiva 2008/98/KE, inkluż it-titjib rispettiv tagħhom.

(14)Il-miri għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu sabiex iġibu magħhom benefiċċji sostanzjali ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

(15)Permezz ta' żieda progressiva tal-miri eżistenti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, għandu jiġi żgurat li l-materjali tal-iskart li jkunu ta' siwi ekonomiku jintużaw mill-ġdid u jiġi rriċiklati b'mod effettiv, u għandu jiġi żgurat ukoll li l-materjali ta' siwi li jinstabu fl-iskart jiddaħħlu mill-ġdid fl-ekonomija Ewropea, biex b'hekk tinġieb 'il quddiem l-Inizjattiva tal-Materja Prima 17 u jiġi xprunat il-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari.

(16) Jeżistu differenzi kbar fost l-Istati Membri fejn tidħol il-prestazzjoni tagħhom fl-immaniġġjar tal-iskart, l-aktar tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali. Sabiex jitqiesu dawk id-differenzi, dawk l-Istati Membri li fl-2013 irriċiklaw inqas minn 20% tal-iskart muniċipali tagħhom skont id-dejta tal-Eurostat għandhom jingħataw żmien addizzjonali sabiex jikkonformaw mal-miri tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, stabbiliti għall-2025 u għall-2030. Fid-dawl tar-rati medji ta' progress annwali osservati fl-Istati Membri tul l-aħħar ħmistax-il sena, dawk l-Istati Membri jkollhom iżidu l-kapaċità ta' riċiklaġġ tagħhom f'livelli li jinsabu 'l fuq sew mill-medji mgħoddija sabiex jilħqu dawk il-miri. Sabiex jiġi żgurat li jsir progress sod lejn dawk il-miri, kif ukoll li n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni jiġu indirizzati fi żmien xieraq, l-Istati Membri li jingħataw żmien addizzjonali għandhom jilħqu miri interim, u għandhom ifasslu pjan ta' implimentazzjoni.

(17)Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-dejta miġbura għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli komuni ta' rappurtar. B'mod simili, huwa importanti li jiġu stipulati regoli aktar preċiżi dwar kif l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dak li effettivament ġie rriċiklat u li jista' jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri ta' riċiklaġġ. Għal dan il-għan, bħala regola ġenerali, ir-rappurtar dwar l-ilħiq tal-miri ta' riċiklaġġ għandhom ikunu msejsa fuq l-input fil-proċess aħħari tar-riċiklaġġ. Sabiex jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, taħt kundizzjonijiet stretti, li jirrappurtaw ir-rati ta' riċiklaġġ abbażi tal-output tal-faċilitajiet ta' separazzjoni. It-telf fil-piż tal-materjali jew tas-sustanzi minħabba proċessi ta' trasformazzjoni fiżiċi u/jew kimiċi inerenti għall-proċess aħħari ta' riċiklaġġ ma għandux jitnaqqas mill-piż tal-iskart irrappurtat bħala riċiklat.

(18)Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk humiex se jintlaħqu l-miri ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jqisu l-prodotti u l-komponenti li huma mħejjija għall-użu mill-ġdid minn operaturi rikonoxxuti ta' użu mill-ġdid u minn skemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu, jew imħejjija għar-riċiklaġġ tal-metalli li jsir b'rabta mal-inċinerazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-kalkolu uniformi ta' din id-dejta, il-Kummissjoni se tadotta regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni tat-tħejjija rikonoxxuta għall-operaturi ta' użu mill-ġdid u għall-iskemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu, dwar il-kriterji ta' kwalità għall-metalli riċiklati, u dwar il-ġbir, il-verifika u r-rappurtar tad-dejta.

(19)Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, f'waqtha u aktar uniformi ta' din id-Direttiva, u sabiex jiġu antiċipati d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni, għandha titwaqqaf sistema ta' twissija bikrija ħalli ssib in-nuqqasijiet u tkun tista' tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri.

(20)Il-konformità mal-obbligu li jiġu stabbiliti sistemi ta' ġbir separat għall-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ hija essenzjali sabiex jiżdiedu r-rati tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-bijoskart għandu jinġabar b'mod separat sabiex jikkontribwixxi għal żieda fir-rati ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, kif ukoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' materjali riċiklabbli nixfin.

(21)L-immaniġġjar xieraq tal-iskart perikoluż għadu problema fl-Unjoni, u d-dejta dwar it-trattament tiegħu għadha parzjalment nieqsa. Għaldaqstant, hemm bżonn li jissaħħu l-mekkaniżmi taż-żamma tar-rekords u tat-traċċabbiltà billi jitwaqqfu reġistri elettroniċi għall-iskart perikoluż fl-Istati Membri. Il-ġbir ta' dejta elettronika għandu jitwessa' għal tipi oħra ta' skart, fejn xieraq, sabiex iż-żamma tar-rekords teħfief għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet u ħalli jitjieb il-monitoraġġ tal-flussi tal-iskart fl-Unjoni.

(22)Din id-Direttiva tistipula għanijiet fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni, u tagħti lill-operaturi ekonomiċi u lill-Istati Membri direzzjoni ċara għall-investimenti li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri ta' din id-Direttiva. Waqt li jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart u jippjanaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, l-Istati Membri għandhom jużaw sew il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment billi jippromwovu l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, bi qbil mal-ġerarkija tal-iskart.

(23)Ċerti tipi ta' materja prima huma ta' importanza kbira għall-ekonomija tal-Unjoni, u l-provvista tagħhom hija marbuta ma' riskju għoli. Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista ta' dawk it-tipi ta' materja prima, u bi qbil mal-Inizjattiva tal-Materja Prima u l-għanijiet u l-miri tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu l-aqwa mmaniġġjar possibbli tal-iskart li jkun fih ammonti sinifikanti ta' tali tipi ta' materja prima, filwaqt li jqisu l-vjabbiltà ekonomika u teknoloġika kif ukoll il-benefiċċji ambjentali. Il-Kummissjoni stabbiliet lista ta' materja prima kritika għall-UE 18 . Din il-lista hija soġġetta għal rieżami regolari mill-Kummissjoni.

(24)Sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni effettiva tal-Inizjattiva tal-Materja Prima, l-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll l-użu mill-ġdid tal-prodotti li jikkostitwixxu s-sorsi ewlenin tal-materja prima. Għandhom jinkludu wkoll fil-pjanijiet tagħhom ta' mmaniġġjar tal-iskart miżuri xierqa fuq livell nazzjonali b'rabta mal-ġbir u l-irkupru tal-iskart li jkun fih ammonti sinifikanti ta' dawk it-tipi ta' materja prima. Il-miżuri għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-iskart meta jiġu aġġornati għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar il-gruppi ta' prodotti u l-flussi tal-iskart rilevanti fil-livell tal-UE. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Istati Membri jieħdu miżuri għal materja prima oħra meqjusa importanti għall-ekonomija nazzjonali tagħhom.

(25)Ir-rimi taż-żibel għandu impatti ħżiena diretti fuq l-ambjent u fuq il-benessri taċ-ċittadini, u l-kostijiet għoljin tat-tindif huma piż ekonomiku mhux meħtieġ għas-soċjetà. L-introduzzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart, u l-infurzar tajjeb mill-awtoritajiet kompetenti, għandhom jgħinu biex ineħħu din il-problema.

(26)Sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq stabbilimenti jew intrapriżi żgħar, għandha tiġi introdotta s-semplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għal stabbilimenti jew intrapriżi żgħar li jiġbru jew iġorru kwantitajiet żgħar ta' skart mhux perikoluż. Il-limitu għall-kwantitajiet ta' tali skart x'aktarx ikollu jiġi adattat mill-Kummissjoni.

(27)Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità u żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piż amministrattiv żejjed. Għaldaqstant, jixraq li jitħassru ċerti dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti. Minflokhom, il-monitoraġġ tal-konformità għandu jissejjes esklussivament fuq id-dejta statistika li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni.

(28)Id-dejta statistika li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tal-istatistika għandhom jittejbu billi jiġi introdott punt ta' dħul wieħed għad-dejta kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta' rappurtar li m'għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta' verifika tal-kwalità tad-dejta. Għalhekk, meta jiġu biex jirrappurtaw dwar l-ilħiq tal-miri stipulati fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aktar metodoloġija riċenti li jkunu żviluppaw il-Kummissjoni u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.

(29)Sabiex id-Direttiva 2008/98/KE tiġi supplimentata jew emendata, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 11a(2), 11a(6), 26, 27(1), 27(4), 38(1), 38(2) u 38(3). Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(30)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 9(4), 9(5), 33(2), 35(5), u 37(6). Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 .

(31)Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/98/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(32)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni 20 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata.

(33)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b'hekk tgħin fil-protezzjoni, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, tas-saħħa tal-oċeani u tas-sigurtà tal-frott tal-baħar billi jitnaqqas ir-rimi tal-iskart fil-baħar, kif ukoll għall-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2008/98/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 2(2) jiżdied il-punt (e) li ġej:

"(e) materjal ta' għalf kif iddefinit fl-Artikolu 3(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)    Ir-Regolament (KE) 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).";

(2) L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a) jiddaħħal dan il-punt 1a li ġej:

"1a. "skart muniċipali" tfisser

(a)skart imħallat u skart miġbur b'mod separat mid-djar, inklużi:

karta u kartun, metalli tal-ħġieġ, plastik, bijoskart, injam, tessuti, tagħmir elettriku u elettroniku mormi, batteriji u akkumulaturi mormija;

skart goff, inklużi apparat domestiku, saqqijiet u għamara;

skart tal-ġonna, inklużi l-weraq u l-ħaxix maqtugħ;

(b)skart imħallat u skart miġbur b'mod separat minn sorsi oħra, li huwa paragunabbli għall-iskart tad-djar fin-natura, fil-kompożizzjoni u fil-kwantità tiegħu.

(c)skart mit-tindif tas-suq u skart minn servizzi ta' tindif tat-toroq, inkluż il-knis tat-triq, il-kontenu tal-laned taż-żibel, l-iskart mill-manutenzjoni tal-parks u tal-ġonna.

L-iskart muniċipali ma jinkludix l-iskart min-netwerk u mit-trattament tad-drenaġġ, inklużi l-ħama tad-drenaġġ u l-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;";

(b) jiddaħħal il-punt 2a li ġej:

"2a. "skart mhux perikoluż" tfisser skart li ma jkollu l-ebda waħda mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III;";

(c) il-punt 4 jinbidel b'dan li ġej:

"4. "bijoskart" tfisser skart bijodegradabbli mill-ġonna u mill-parks, skart tal-ikel u tal-kċina mid-djar, mir-restorants, mill-caterers u mill-ħwienet bl-imnut, skart paragunabbli minn impjanti ta' pproċessar tal-ikel, u skart ieħor b'karatteristiċi simili ta' bijodegradibbiltà li huwa paragunabbli fin-natura, fil-kompożizzjoni u fil-kwantità tiegħu;";

(d) jiddaħħal il-punt 4a li ġej:

"4a. "skart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni" tfisser l-iskart li jaqa' fil-kategoriji ta' skart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni msemmija fil-lista ta' skart adottata skont l-Artikolu 7;";

(e) Il-punt 16 jinbidel b'dan li ġej:

"16. "tħejjija għall-użu mill-ġdid" tfisser il-verifika, it-tindif jew it-tiswija tal-operati ta' rkupru, li permezz tagħhom l-iskart, il-prodotti jew il-komponenti ta' prodotti li jkunu nġabru minn operatur rikonoxxut ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid jew minn skema ta' rifużjonijiet tad-depożitu, jiħejjew sabiex jiġu użati mill-ġdid mingħajr xi preproċessar ieħor;";

(f) jiddaħħlu l-punti 17a u 17b li ġejjin:

"17a. "proċess aħħari ta' riċiklaġġ" tfisser il-proċess ta' riċiklaġġ li jibda meta ma jkun meħtieġ l-ebda operat ulterjuri ta' separazzjoni mekkanika, u l-materjal ta' skart jidħol fi proċess ta' produzzjoni u jiġi effettivament riproċessat fi prodotti, materjali jew sustanzi;

17b. "radam mill-ġdid" tfisser kull operat ta' rkupru fejn l-iskart xieraq jintuża għal finijiet ta' rkupru f'żoni skavati jew għal finijiet ta' inġinerija fil-pjanifikazzjoni tal-art jew fil-kostruzzjoni, minflok materjali oħra mhux skart li, kieku mod ieħor, kien ikun jintuża għal dak l-istess għan;";

(3) Fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3. L-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi xierqa biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-istrumenti speċifiċi previsti skont dan il-paragrafu sa [daħħal id-data ta' tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], u kull ħames snin wara dik id-data.";

(4) L-Artikolu 5 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-frażi inizjali tinbidel b'li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta' produzzjoni, li l-għan ewlieni tiegħu mhuwiex il-produzzjoni ta' dik is-sustanza jew dak il-prodott, ma jitqisux bħala skart, iżda prodott sekondarju jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:";

(b) il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a sabiex tistabbilixxi kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fl-paragrafu 1 għal sustanzi jew oġġetti speċifiċi.";

(c) jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

"3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regolament tekniċi adottati skont il-paragrafu 1 tad-Direttiva 2015/1535/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (*), fejn dan ikun meħtieġ minn dik id-Direttiva.

(*) ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1.";

(5) L-Artikolu 6 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i) il-frażi ta' introduzzjoni u l-punt (a) jinbidlu b'li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskart li jkun għadda minn operat ta' rkupru jitqies li m'għadux skart jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jintużaw għal finijiet speċifiċi;";

(ii) it-tieni subparagrafu jitħassar;

(b) il-paragrafi 2, 3 u 4 jinbidlu b'li ġej:

"2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a sabiex tistabbilixxi kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fl-paragrafu 1 għal ċerti tipi ta' skart. Fejn ikun meħtieġ, dawk il-kriterji ddettaljati għandhom jinkludu valuri ta’ limitu għas-sustanzi li jniġġsu, u għandhom iqisu kull effett ambjentali ħażin possibbli li jista' jkollhom is-sustanza jew l-oġġett.

3. L-iskart li jitqies li m'għadux skart skont il-paragrafu 1 jista' jitqies imħejji għall-użu mill-ġdid, riċiklat jew irkuprat għall-fini tal-kalkolu tal-ilħiq tal-miri stipulati f'din id-Direttiva, fid-Direttiva 94/62/KE, fid-Direttiva 2000/53/KE, fid-Direttiva 2006/66/KE u fid-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), rispettivament, jekk ikun ġie soġġett għal tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għall-irkupru skont dawk id-Direttivi.

4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regolament tekniċi adottati skont il-paragrafu 1, bi qbil mad-Direttiva 2015/1535/UE tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill, fejn meħtieġ minn dik l-istess Direttiva.

(*) Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).";

(6) L-Artikolu 7 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tinbidel b'li ġej:

"1. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a sabiex tistabbilixxi l-lista ta' skart.";

(b) il-paragrafu 5 jitħassar;

(7) L-Artikolu 8 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Tali miżuri jistgħu jinkludu wkoll l-istabbiliment ta' skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur li jiddefinixxu obbligi operattivi u finanzjarji speċifiċi għall-produtturi ta' prodotti.";

(b) it-tieni sentenza tal-paragrafu 2 tinbidel b’li ġej:

"Tali miżuri jistgħu jħeġġu, fost l-oħrajn, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti adattati għal użu multiplu, li teknikament ikunu durabbli, u li meta jsiru skart ikunu adattati għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tajba tal-ġerarkija tal-iskart. Il-miżuri għandhom iqisu l-impatt tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.";

(c) jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5. Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri u l-atturi involuti fl-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti ddefinita fl-Artikolu 8a, u dwar l-aqwa prassi biex jiġu żgurati governanza xierqa u kooperazzjoni transfruntiera tal-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, l-iskambju ta' informazzjoni dwar karatteristiċi organizzattivi, u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta' responsabbiltà tal-produtturi, kif ukoll l-għażla tal-operaturi ta' mmaniġġjar tal-iskart u l-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-iskambju ta' informazzjoni.";

(8) Jiżdied l-Artikolu 8a li ġej:

"Artikolu 8a

Rekwiżiti ġenerali għall-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, stabbiliti skont l-Artikolu 8(1):

jiddefinixxu biċ-ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-produtturi ta' prodotti li jqiegħdu merkanzija fis-suq tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw f'isimhom ir-responsabbiltà estiża tal-prodottur, l-operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart, l-awtoritajiet lokali, u fejn xieraq, l-operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid;

jiddefinixxu miri ta' mmanniġjar tal-iskart li jistgħu jitkejlu, bi qbil mal-ġerarkija tal-iskart, bil-għan li jintlaħqu tal-inqas il-miri kwantitattivi rilevanti għall-iskema kif stipulati f'din id-Direttiva, fid-Direttiva 94/62/KE, fid-Direttiva 2000/53/KE, fid-Direttiva 2006/66/KE u fid-Direttiva 2012/19/UE;

jistabbilixxu sistema ta' rappurtar biex tiġbor dejta dwar il-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni mill-produtturi li huma soġġetti għar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Ladarba dawn il-prodotti jsiru skart, is-sistema ta' rappurtar għandha tiżgura li tinġabar dejta dwar il-ġbir u t-trattament ta' dak l-iskart, filwaqt li jispeċifikaw, fejn xieraq, il-flussi tal-materjal ta' skart;

jiżguraw it-trattament ekwu u n-nondiskriminazzjoni fost il-produtturi tal-prodotti, u fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi tal-iskart immirati mill-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, stabbiliti skont l-Artikolu 8(1), ikunu infurmati dwar is-sistemi disponibbli ta' ġbir tal-iskart, kif ukoll dwar il-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri wkoll biex joħolqu inċentivi sabiex id-detenturi tal-iskart jieħdu sehem fis-sistemi ta' ġbir b'mod separat li jkunu fis-seħħ, speċifikament permezz ta' inċentivi jew regolamenti ekonomiċi, fejn xieraq.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull organizzazzjoni li titwaqqaf biex timplimenta l-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f'isem produttur ta' prodotti:

(a) ikollha kopertura ddefinita biċ-ċar mil-lat ġeografiku, tal-prodott u tal-materjal;

(b) ikollha l-mezzi operattivi u finanzjarji meħtieġa biex taqdi l-obbligi tagħha ta' responsabbiltà estiża tal-produttur;

(c) timplimenta mekkaniżmu xieraq ta' awtokontroll, appoġġjat minn awditjar indipendenti regolari li jivvaluta:

il-ġestjoni finanzjarja tal-organizzazzjoni, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 4(a) u (b);

il-kwalità tad-dejta miġbura u rrappurtata skont il-paragrafu 1, it-tielet inċiż, u skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

(d) tippubblika informazzjoni dwar:

is-sjieda u l-membri tagħha;

il-kontributi finanzjarji mħallsa mill-produtturi;

il-proċedura ta' selezzjoni għall-operaturi ta' mmaniġġjar tal-iskart.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kontributi finanzjarji mħallsa mill-produttur sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu ta' responsabbiltà estiża tal-produttur:

(a) ikopru l-kost sħiħ tal-immaniġġjar tal-iskart għall-prodotti li jqiegħed fis-suq tal-Unjoni, inklużi dawn kollha li ġejjin:

il-kosti tal-ġbir b'mod separat, u tal-operati ta' separazzjoni u ta' trattament, meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-immaniġġjar tal-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, it-tieni inċiż, filwaqt li jitqies id-dħul mill-użu mill-ġdid jew mill-bejgħ ta' materja prima sekondarja mill-prodotti tagħhom;

il-kosti tal-provvista ta' informazzjoni xierqa lid-detenturi tal-iskart, skont il-paragrafu 2;

il-kosti tal-ġbir u r-rappurtar tad-dejta, skont il-paragrafu 1, it-tielet inċiż;

(b) jiġu mmodulati abbażi tal-kost reali tal-prodotti jew tal-gruppi ta' prodotti simili fi tmiem il-ħajja tagħhom, speċifikament billi jitqiesu l-kapaċità tagħhom ta' użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà tagħhom;

(c) jissejsu fuq il-kost ottimizzat tas-servizzi pprovduti f'każijiet fejn l-operaturi pubbliċi tal-immaniġġjar tal-iskart ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' kompiti operattivi f'isem l-iskema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur.

5. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas xieraq ta' monitoraġġ u infurzar bil-għan li jiżgura li l-produtturi tal-prodotti qegħdin jimplimentaw l-obbligi tagħhom ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, kif ukoll bil-għan li jiżgura li l-mezzi finanzjarji qegħdin jintużaw sew, u li l-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-iskema jirrappurtaw dejta affidabbli.

Fejn, fit-territorju ta' Stat Membru, organizzazzjonijiet multipli jimplimentaw l-obbligi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur f'isem il-produtturi, l-Istat Membru għandu jwaqqaf awtorità indipendenti li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-obbligi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur.

6. L-Istati Membri għandhom joħolqu pjattaforma li tiżgura djalogu regolari fost il-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, inklużi l-operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart, l-awtoritajiet lokali, u fejn xieraq, l-operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid.

7. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur li jkunu ġew stabbiliti qabel [daħħal id-data ta' tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu sa erbgħa u għoxrin xahar minn dik id-data.";

(9) L-Artikolu 9 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 9

Il-prevenzjoni tal-iskart

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart. Dawn il-miżuri għandhom:

iħeġġu l-użu ta' prodotti li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li huma durabbli, faċli biex jissewwew, u riċiklabbli;

jidentifikaw u jimmiraw prodotti li huma s-sorsi ewlenin ta' materja prima ta' importanza kbira għall-ekonomija tal-Unjoni, u li l-provvista tagħhom hija marbuta ma' riskju kbir, sabiex jevitaw li dik il-materja prima ssir skart;

iħeġġu l-ħolqien ta' sistemi li jippromwovu attivitajiet ta' użu mill-ġdid, inkluż, b'mod partikulari, għat-tagħmir elettriku u elettroniku, għat-tessuti u għall-għamara;

inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart fi proċessi marbutin mal-produzzjoni industrijali, fl-estrazzjoni tal-minerali, u fil-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, filwaqt li jqisu l-aqwa tekniki disponibbli;

inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifatturar, fil-bejgħ bl-imnut u f'mezzi oħra ta' distribuzzjoni tal-ikel, f'restorants u servizzi tal-ikel kif ukoll fid-djar.

2. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-iskart. Għal dan il-għan, għandhom jużaw indikaturi u miri xierqa kwalitattivi u kwantitattivi, speċifikament fuq il-kwantità per capita tal-iskart muniċipali li jintrema jew li huwa soġġett għall-irkupru tal-enerġija.

3. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom ta' prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, billi jkejlu l-iskart tal-ikel abbażi tal-metodoloġiji stabbiliti skont il-paragrafu 4.

4. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi indikaturi li jkejlu l-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-iskart. Sabiex tiżgura l-kejl uniformi tal-livelli ta' skart tal-ikel, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni biex tistipula metodoloġija komuni, inklużi rekwiżiti minimi ta' kwalità. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).

5. Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika rapport li juri l-evoluzzjoni fil-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart għal kull Stat Membru u għall-Unjoni Ewropea sħiħa, inkluż dwar id-diżakkoppjar tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku, u dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.";

(10) L-Artikolu 11 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi jinbidlu b’li ġej:

"1.    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, kif xieraq, biex jippromwovu t-tħejjija għal attivitajiet ta' użu mill-ġdid, speċifikament billi jħeġġu t-twaqqif u l-appoġġ ta' netwerks ta' użu mill-ġdid u ta' tiswija, u billi jħaffu l-aċċess ta' tali netwerks għal punti ta' ġbir tal-iskart, kif ukoll billi jippromwovu l-użu ta' strumenti ekonomiċi, kriterji ta' akkwist pubbliku, miri kwantitattivi, jew miżuri oħra.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u għal dan il-għan, għandhom jistabbilixxu l-ġbir tal-iskart b'mod separat fejn teknikament, ambjentalment u ekonomikament vjabbli, u fejn xieraq biex jintlaħqu l-istandards ta' kwalità meħtieġa għas-setturi rilevanti ta' riċiklaġġ, u biex jintlaħqu l-miri stipulati fil-paragrafu 2.";

(b) fil-paragrafu 1, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu sistemi ta' separazzjoni għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, tal-anqas għal dawn li ġejjin: l-injam, l-aggregati, il-metall, il-ħġieġ u l-ġibs.";

(c) fil-paragrafu 2, il-punt (b) jinbidel b'li ġej:

"(b) sal-2020, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għar-radam mill-ġdid tal-iskart mhux perikoluż tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, għajr materjal li jokkorri naturalment kif iddefinit fil-kategorija 17 05 04 fil-lista ta’ skart, għandha tiżdied sa minimu ta’ 70 % skont il-piż;";

(d) fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

"(c) sal-2025, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu sa minimu ta' 60 % skont il-piż;

(d) sal-2030, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart munipiċali għandhom jiżdiedu sa minimu ta' 65 % skont il-piż.";

(e) il-paragrafi 3 u 4 jinbidlu b'li ġej:

"3. L-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Latvja, Malta, ir-Rumanija u s-Slovakkja jistgħu jiksbu ħames snin addizzjonali biex jilħqu l-miri msemmija fil-paragrafu 2(c) u (d). L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li juża din id-dispożizzjoni sa mhux aktar tard minn 24 xahar qabel l-iskadenzi rispettivi stipulati fil-paragrafi 2(c) u (d). F'każ ta' estensjoni, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex iżid it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklagg tal-iskart muniċipali sa minimu ta' 50% u 60% skont il-piż, rispettivament sal-2025 u sal-2030.

In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta' implimentazzjoni li jippreżenta l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mal-miri qabel l-iskadenza l-ġdida. Il-pjan għandu jinkludi wkoll skeda taż-żmien iddettaljata għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, kif ukoll valutazzjoni tal-impatti mistennija tagħhom.

4. Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha teżamina l-mira stipulata fil-paragrafu 2(d) bil-għan li żżidha, u filwaqt li tqis l-istipular ta' miri għal flussi ta' skart oħra. Għal dan il-għan, għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport tal-Kummissjoni, akkumpanjat bi proposta fejn ikun xieraq.";

(f) jitħassar il-paragrafu 5.

(11) jiżdied l-Artikolu 11a li ġej:

"Artikolu 11a

Regoli għall-kalkolu tal-ilħiq tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 11

1. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk intlaħqux il-miri stipulati fl-Artikolu 11(2)(c) u (d) u 11(3),

(a) il-piż tal-iskart muniċipali riċiklat għandu jinftiehem bħala l-piż tal-iskart li jiddaħħal fil-proċess aħħari tar-riċiklaġġ;

(b) il-piż tal-iskart muniċipali mħejji għall-użu mill-ġdid għandu jinftiehem bħala l-piż tal-iskart munċipiali li jkun ġie rkuprat jew miġbur minn operatur rikonoxxut ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid, u li jkun għadda minn kull operat meħtieġ ta' verifika, tindik u tiswija sabiex jippermetti l-użu mill-ġdid mingħajr iktar separazzjoni jew proċessar preliminari;

(c) l-Istati Membri jistgħu jinkludu prodotti jew komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid minn operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid jew minn skemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu. Għall-kalkolu tar-rata aġġustata ta' skart muniċipali mħejji għall-użu mill-ġdid u riċiklat, filwaqt li jqisu l-piż tal-prodotti u l-komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jużaw dejta vverifikata mill-operaturi, u għandhom japplikaw il-formola mogħtija fl-Anness VI.

2. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b) u (c) u tal-Anness VI, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta' kwalità u ta' operazzjoni għad-determinazzjoni tal-operaturi rikonoxxuti ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid kif ukoll tal-iskemi ta' rifużjonijiet tad-depożitu, inklużi regoli speċifiċi dwar il-ġbir, il-verifika u r-rappurtar tad-dejta.

3. B'deroga mill-paragrafu 1, il-piż tal-output ta' kull operat ta' separazzjoni tal-iskart jista' jiġi rrappurtat bħala l-piż tal-iskart muniċipali riċiklat, dejjem jekk:

(a) tali output ta' skart jiddaħħal fi proċess aħħari ta' riċiklaġġ;

(b) il-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li mhumiex soġġetti għal proċess aħħari ta' riċiklaġġ, u li jintremew jew ikunu soġġetti għall-irkupru tal-enerġija, jibqa' taħt l-10% tal-piż totali li għandu jiġi rrappurtat bħala riċiklat.

4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effettiva ta' kontroll tal-kwalità u ta' traċċabbiltà tal-iskart muniċipali, sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3(a) u (b). Is-sistema tista' tikkonsisti jew minn reġistri elettroniċi maħluqin skont l-Artikolu 35(4), speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta' kwalità tal-iskart separat, jew kull miżuri ekwivalenti maħsub biex jiżgura t-traċċabbiltà u l-preċiżjoni tad-dejta miġbura fuq l-iskart riċiklat.

5. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' jekk inkunu intlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 11(2)(c) u (d) u l-Artikolu 11(3), l-Istati Membri jistgħu jqisu r-riċiklaġġ tal-metalli li jsir b'rabta mal-inċinerazzjoni, proporzjonalment mas-sehem tal-iskart munċipali inċinerat, dejjem jekk il-metalli riċiklati jilħqu ċerti rekwiżiti ta' kwalità.

6. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a, li jistabbilixxu metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż tal-metalli li jkunu ġew riċiklati bl-inċinerazzjoni, inklużi l-kriterji ta' kwalità għall-metalli riċiklati.

7. L-iskart mibgħut lil Stat Membru ieħor għall-finijiet ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għar-radam mill-ġdid f'dak l-Istat Membru l-ieħor, jista' jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikoli 11(2) u (3) biss mill-Istat Membru fejn l-iskart ikun inġabar.

8. L-iskart esportat mill-Unjoni għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ għandu jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikoli 11(2) u (3) biss mill-Istat Membru fejn ikun inġabar, dejjem jekk jintlaħqu r-rekwiżiti tal-paragrafu 4, kif ukoll jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006, l-esportatur jista' jagħti prova li l-kunsinna tal-iskart tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament, u li t-trattament tal-iskart barra mill-Unjoni jkun sar f'kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni.';

(12) jiddaħħal l-Artikolu 11b li ġej:

"Artikolu 11b

Rapport ta' twissija bikrija

1. Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapporti dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikoli 11(2)(c) u (d) u (3), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata f'dawk id-dispożizzjonijiet.

2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom li ġej:

(a) stima dwar il-ksib tal-miri minn kull Stat Membru;

(b) lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jilħqux il-miri fil-limiti taż-żmien rispettivi, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati.";

(13) L-Artikolu 22 jinbidel b'li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir b'mod separat tal-bijoskart fejn ikun vjabbli teknikament, ambjentalment u ekonomikament, u fejn ikun xieraq biex jiżgura l-istandards rilevanti ta' kwalità għad-demel, kif ukoll biex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 11(2)(a), (c) u (d), u 11(3).

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, kif ikun xieraq, u skont l-Artikoli 4 u 13, biex iħeġġu:

(a) ir-riċiklaġġ, inkluż l-ikkompostjar, u d-diġestjoni tal-bijoskart;

(b) it-trattament tal-bijoskart b’mod li jilħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali;

(c) l-użu ta’ materjali sikuri għall-ambjent, prodotti mill-bijoskart.";

(14) Jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin mal-Artikolu 26:

"L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti eżenzjoni milli jżommu reġistru ta' stabbilimenti u intrapriżi li jiġbru jew iġorru kwantitajiet ta' skart mhux perikoluż li ma jaqbżux l-20 tunnellata fis-sena.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a sabiex tadatta s-saqaf għall-kwantitajiet ta' skart mhux perikoluż.";

(15) L-Artikolu 27 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

"1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 38a, li jistabbilixxu standards tekniċi minimi għal attivitajiet ta' trattament li jeħtieġu permess skont l-Artikolu 23 meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta' ġid mil-lat ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.";

(b) il-paragrafu 4 jinbidel b'li ġej:

"4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 38a li jkunu jistabbilixxu standards minimi għal attivitajiet li jeħtieġu reġistrazzjoni skont l-Artikolu 26(a) u (b) meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta' ġid mil-lat ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew għax jevitaw xkiel fis-suq intern.";

(16) L-Artikolu 28 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 hu emendat kif ġej:

(i)il-punt (b) jinbidel b'li ġej:

"(b) skemi eżistenti ta' ġbir tal-iskart u installazzjonijiet ewlenin ta' depożitu u rkupru, inklużi arranġament speċjali għall-iskart ta' żejt, skart perikoluż, skart li jkun fih ammonti sinifikanti ta' materja prima li hija ta' importanza ewlenija għall-ekonomija tal-Unjoni, u li l-provvista tagħhom hija marbuta ma' riskju kbir, jew flussi tal-iskart indirizzati minn leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni;";

(ii) jiżdied il-punt (f) li ġej:

"(f) miżuri li jindirizzaw kull forma ta' rimi taż-żibel, u li jnaddfu kull tip ta' żibel mormi.";

(b) il-paragrafu 5 jinbidel b'li ġej:

"5. Il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ippjanar tal-iskart kif stipulati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 94/62/KE, u għandhom jikkonformaw ukoll mal-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) u (3) ta' din id-Direttiva, u mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/31/KE.";

(17) L-Artikolu 29 hu emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tinbidel b'li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta' prevenzjoni tal-iskart li jistipulaw miżuri ta' prevenzjoni tal-iskart skont l-Artikoli 1, 4 u 9.";

(b) il-paragrafi 3 u 4 jitħassru;

(18) L-Artikolu 33(2) jinbidel b'li ġej:

"2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format għan-notifika tal-informazzjoni dwar l-adozzjoni u r-reviżjonijiet sostanzjali ta' dawk il-pjanijiet u l-programmi. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

(19) L-Artikolu 35 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

"1. L-istabbilimenti jew l-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-produtturi tal-iskart perikoluż u l-istabbilimenti u l-intrapriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart perikoluż fuq bażi professjonali, jew jaġixxu bħala negozjanti jew sensara ta’ skart perikoluż, għandhom iżommu reġistru kronoloġiku tal-kwantità, in-natura u l-oriġini tal-iskart, u fejn rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tat-trasport u l-metodu tat-trattament mistenni fir-rigward tal-iskart. Għandhom jippubblikaw dik id-dejta għall-awtoritajiet kompetenti permezz tar-reġistru/i elettroniku/iċi li għandhom jiġi stabbiliti skont il-paragrafu 4.";

(b) jiżdiedu dawn il-paragrafi 4 u 5:

"4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru elettroniku jew reġistri kkoordinati biex jirreġistraw dejta dwar l-iskart perikoluż imsemmi fil-paragrafu 1, li jkopru t-territorju ġeografiku kollu tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu tali reġistri għal flussi oħra ta' skart, b'mod partikulari dawk il-flussi ta' skart li għalihom hemm miri stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dejta dwar l-iskart li jirrappurtaw l-operaturi industrijali skont ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

5. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim ta' dawn ir-reġistri. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).

(*) Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).";

(20) Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew l-immaniġġar bla kontroll tal-iskart, inkluż ir-rimi taż-żibel.";

(21) L-Artikolu 37 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 37

Ir-rappurtar

1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena tal-kalendarju, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(2)(a) sa (d) u tal-Artikolu 11(3). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6. L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sal-31 ta' Diċembru 2020.

2. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, kull sentejn, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(4). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6. L-ewwel rapport għandu jkun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sal-31 ta' Diċembru 2021.

3. Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mal-Artikolu 11(2)(b), l-ammont ta' skart użat għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid għandu jiġi rappurtat b'mod separat mill-ammont ta' skart imħejji għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. L-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart f'materjal li għandu jintuża għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid għandu jiġu rappurtat bħala radam mill-ġdid.

4. Id-dejta rrappurtata mill-Istat Membru skont dan l-Artikolu għandu tkun akkumpanjata minn rapport ta' verifika tal-kwalità, kif ukoll rapport dwar il-miżuri meħudin skont l-Artikolu 11a(4).

5. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dejta rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-dinja, is-sorsi tad-dejta u l-metoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta' dik id-dejta. Il-valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal kull tliet snin.

6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-dejta skont il-paragrafi 1 u 2, kif ukoll għar-rappurtar ta' operati ta' radam mill-ġdid. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).";

(22) L-Artikolu 38 jinbidel b'li ġej:

"1. Il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa linji gwida għall-interpretazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ rkupru u ta' rimi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a, sabiex tispeċifika l-applikazzjoni tal-formola għall-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni msemmija fil-punt R1 tal-Anness II. Jistgħu jitqiesu l-kundizzjonijiet klimatiċi lokali, bħas-severità tal-kesħa u l-ħtieġa għat-tisħin, safejn dawn ikunu jinfluwenzaw l-ammonti ta' enerġija li teknikament jistgħu jintużaw jew jiġu prodotti fil-forma ta' elettriku, tisħin, tkessiħ jew fwar tal-ipproċessar. Jistgħu jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet lokali tal-aktar reġjuni mbiegħda, kif jissemma fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tat-territorji msemmija fl-Artikolu 25 tal-Att ta' Adeżjoni tal-1985.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a biex temenda l-Annessi I sa V fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a, meħtieġa sabiex jiġi emendat l-Anness VI.";

(23) jiżdied l-Artikolu 38a li ġej:

"Artikolu 38a

L-eżerċitar tad-delega

1. Il-Kummissjoni tingħata b'dan is-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 11a(2), 11a(6), 26, 27(1), 27(4), 38(1), 38(2) u 38(3) tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 11a(2), 11a(6), 26, 27(1), 27(4), 38(1), 38(2) u 38(3) tista' titħassar f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' tħassir għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Tali deċiżjoni ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat diġà fis-seħħ.

4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 6(2), 7(1), 11a(2), 11a(6), 26, 27(1), 27(4), 38(1), 38(2) u 38(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jesprimu oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.";

(24) L-Artikolu 39 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 39

Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";

(25) Jiżdied l-Anness VI f'konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data ta' 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34-43).
(5) Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.09.2006, p. 1-14).
(6) Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38-71).
(7) COM(2011) 571.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(9) Il-ġerarkija tal-iskart tagħti preferenza lill-prevenzjoni, u warajha l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ qabel l-irkupru tal-enerġija, u r-rimi li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija.
(10) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(11) COM(2014) 397.
(12) ĠU C, , p. .
(13) ĠU C, , p. .
(14) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).
(16) L-attivitajiet industrijali jkopruhom id-dokumenti ta' referenza (BREFs) bl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) li tfasslu bid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17), li jinkludu informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tar-riżorsi u tal-ġenerazzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-BREFs u l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Konklużjonijiet tal-BAT se jsaħħu l-impatt ta' dawn il-BREFs dwar prattiki industrijali li jwasslu għal aktar effiċjenza tar-riżorsi, u żiedu r-riċiklaġġ u l-irkupru tal-iskart.
(17) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(18) COM(2014) 297.
(19) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28/02/2011, p. 13).
(20) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 595 final

ANNESS

ta'

Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


ANNESS VI

Metodu ta' kalkolu għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid ta' prodotti u komponenti għall-finijiet tal-Artikolu 11(2)(c) u (d) u l-Artikolu 11(3)

Sabiex tiġi kkalkolata r-rata aġġustata tar-riċiklaġġ u tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid skont l-Artikolu 11(2)(c) u (d) u l-Artikolu 11(3), l-Istati Membri għandhom jużaw il-formola li ġejja:

E: rata aġġustata ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid f'sena determinata;

A: piż tal-iskart muniċipali riċiklat jew imħejji għall-użu mill-ġdid f'sena determinata;

R: piż tal-prodotti u l-komponenti mħejjija għall-użu mill-ġdid f'sena determinata;

P: piż tal-iskart muniċipali ġġenerat f'sena determinata.