Brussell, 2.12.2015

COM(2015) 593 final

2015/0272(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2015) 259 final}
{SWD(2015) 260 final}


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1Il-Kuntest ġenerali

Bħalissa l-ekonomija tal-Unjoni qed titlef għadd ġmielu ta' materja prima sekondarja potenzjali li jkun hemm fil-flussi tal-iskart. Fl-2013, it-total ta' skart iġġenerat fl-UE laħaq maż-2.5 biljun tunnellata, li minnhom 1.6 biljun tunnellata ma ġewx użati mill-ġdid jew riċiklati, u b'hekk mil-lat tal-ekonomija Ewropea ntilfu. Huwa stmat li jistgħu jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid 600 miljun tunnellata oħra. Bħala eżempju, mill-iskart muniċipali ġġenerat fl-Unjoni, ġie rriċiklat biss sehem limitat (43%), filwaqt li l-bqija ntrema f'miżbla (31 %) jew f'inċineratur(26%). B'hekk l-Unjoni qiegħda titlef opportunitajiet sinifikanti biex ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi u toħloq ekonomija iktar ċirkulari.

Fir-rigward tal-immaniġġar tal-iskart, l-Unjoni tħabbat wiċċha wkoll ma' differenzi kbar fost l-Istati Membri tagħha. Fl-2011, filwaqt li sitt Stati Membri rmew f'miżbla inqas minn 3% tal-iskart muniċipali tagħhom, 18-il Stat Membru rmew f'miżbla aktar minn 50%, u wħud irmew fil-miżbliet aktar minn 90%. Din is-sitwazzjoni żbilanċjata jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti.

Il-proposti biex jiġu emendati d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart 1 , id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 2 , id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [miżbla] 3 , id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw 4 , id-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi 5 u d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku 6 jiffurmaw parti minn Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi wkoll Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Sabiex Nagħlqu ċ-Ċiklu – Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari".

1.2Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ix-xejriet riċenti juru li l-effiċjenza tar-riżorsi tista' tkompli titjieb u din tista' toħloq bosta benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali kbar. Mod essenzjali kif tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi hu billi l-iskart jinbidel f'riżorsa u allura tissawwar ekonomija ċirkolari sħiħa.

Il-miri legalment vinkolanti fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart kienu xprun ewlieni biex jitjiebu l-prattiċi fl-immaniġġjar tal-iskart, tiġi stimulata l-innovazzjoni fir-riċiklaġġ, jiġi limitat ir-rimi fil-miżbliet, u jinħolqu inċentivi biex tinbidel l-imġiba tal-konsumaturi. L-estensjoni tal-politika dwar l-iskart tista' ġġib magħha benefiċċji sinifikanti: tkabbir sostanzjali u ħolqien tal-impjiegi, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, iffrankar dirett b'rabta ma' prattiċi aħjar ta' mmaniġġar tal-iskart, u ambjent aħjar.

Din il-proposta biex temenda d-Direttiva 2008/98/KE tindirizza l-obbligu legali ta' rieżami tal-miri tal-immaniġġar tal-iskart f'dik id-Direttiva. Il-proposti li jiffurmaw parti mill-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari u li jemendaw is-sitt Direttiva msemmija hawn fuq jibnu parzjalment fuq il-proposta li l-Kummissjoni ressqet f'Lulju 2014 u mbagħad irtiratha fi Frar 2015. Il-proposti jaqblu mal-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi 7 kif ukoll tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali 8 , fosthom l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-ġerarkija tal-iskart 9 fl-Istati Membri kollha, it-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart f'termini assoluti u per capita, l-iżgurar ta' riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u l-użu tal-iskart riċiklat bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni. Il-proposti jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE għall-Materja Prima 10 , u jindirizzaw il-bżonn li jiġi evitat l-iskart tal-ikel. Barra minn hekk, dawn il-proposti jissemplifikaw ir-rekwiżiti ta' rappurtar inklużi fis-sitt Direttivi li huma.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1L-istudji

Il-proposti u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjahom jeżaminaw l-aspetti teknoloġiċi, soċjoekonomiċi u ta' kosteffiċjenza marbutin mal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Tfassal suppliment għall-Valutazzjoni tal-Impatt sabiex janalizza l-effetti potenzjali ta' varjanti addizzjonali tal-għażliet ewlienin ta' politika ddefiniti fl-istess Valutazzjoni tal-Impatt.

2.2Il-konsultazzjoni interna

Fi ħdan il-Kummissjoni, Grupp ta' Tmexxija tal-Valutazzjoni tal-Impatt, magħmul minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (SG, ECFIN, GROW, CLIMA, JRC u ESTAT), segwa t-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi.

2.3Il-konsultazzjoni esterna

Il-Kummissjoni ħejjiet lista indikattiva ta' kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u l-ewwel intervisti mal-partijiet interessati ewlenin bdew fi Frar 2013. F'Ġunju 2013 tnediet konsultazzjoni pubblika fuq l-internet, bi qbil mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni, u din intemmet f'Settembru 2013. B'kollox waslu 670 tweġiba, u dan juri ħafna tħassib fost il-pubbliku dwar il-qagħda tal-immaniġġar tal-iskart fl-UE u aspettattivi għoljin biex tittieħed azzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Saret konsultazzjoni speċifika mal-Istati Membri bejn Ġunju u Settembru 2015, kif ukoll konsultazzjoni usa' tal-ekonomija ċirkulari.

2.4Valutazzjoni tal-impatt

Mal-proposta adottata f'Lulju 2014 ġew ippubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv 11 . Il-valutazzjoni tal-impatt, li tibqa' tgħodd bħala l-bażi analitika ewlenija għall-proposti leġiżlattivi riveduti, tevalwa l-impatti ewlenin ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' għadd ta' għażliet ta' politika bil-għan li tittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE. Qed jiġu vvalutati bosta livelli ta' ambizzjoni u qed jitqabblu max-"xenarju bażi" ħalli jinstabu l-aktar strumenti u miri xierqa filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet u jiżdiedu l-benefiċċji kemm jista' jkun.

Fit-8 ta' April 2014 il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jorqom ir-rapport. Il-Bord talab aktar kjarifika dwar id-definizzjoni tal-problema u l-ħtieġa ta' miri ġodda ta' nofs it-terminu, li jissaħħu l-argumenti favur projbizzjoni tal-miżbliet mil-lat ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u favur miri uniformi f'kull Stat Membru, u li jiġi spjegat f'aktar dettall kif il-proposta qed tqis il-bosta prestazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

Il-valutazzjoni tal-impatt wasslet għall-konklużjoni li kombinazzjoni ta' għażliet għandha ġġib magħha l-benefiċċji li ġejjin:

Jonqsu l-piżijiet amministrattivi l-aktar għall-istabbilimenti jew l-impriżi ż-żgħar, tiżdied is-semplifikazzjoni u titjieb l-implimentazzjoni anki billi l-miri jkunu adatti għall-għan;

Jinħolqu l-impjiegi – aktar minn 170,000 impjieg dirett sal-2035, li l-biċċa l-kbira minnhom ma jkunx possibbli jiġu ddelokalizzati barra mill-UE;

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra – madwar 600 miljun tunnellata ta' gassijiet serra jistgħu jiġu evitati bejn l-2015 u l-2035;

Jitħallew effetti pożittivi fuq il-kompetittività tas-setturi tal-UE tal-imminiġġjar tal-iskart u tar-riċiklaġġ kif ukoll fuq is-settur tal-manifattura tal-UE (skemi aħjar ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, inqas riskji assoċjati mal-aċċess għall-materja prima);

Terġa' tiddaħħal il-materja prima sekondarja fl-ekonomija tal-UE u b'hekk tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-materja prima.

Nota analitika li tissupplimenta l-valutazzjoni tal-impatt inħarġet flimkien mal-proposta leġiżlattiva. F'dik in-nota, ġew analizzati għadd ta' għażliet u varjanti addizzjonali bil-għan li jqisu aħjar il-pożizzjonijiet differenti ta' tluq ta' kull Stat Membru.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1Sommarju tal-azzjoni proposta

L-elementi ewlenin tal-proposti biex jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart huma:

L-allinjament tad-definizzjonijiet;

Żieda fil-mira tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ ta' skart muniċipali għal 65 % sal-2030;

Żieda fit-tħejjija tal-miri tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ għall-iskart tal-imballaġġ, u s-semplifikazzjoni tas-sett ta' miri;

Limitazzjoni progressiva tar-rimi f'miżbiet tal-iskart muniċipali, sa 10% sal-2030;

Aktar armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-qafas legali dwar il-prodotti sekondarji u tat-tmiem tal-istadju tal-iskart;

Miżuri ġodda biex jippromwou l-prevenzjoni, inkluż għall-iskart tal-ikel, u l-użu mill-ġdid;

Introduzzjoni ta' kundizzjonijiet operattivi minimi ta' tħaddim għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

Introduzzjoni ta' Sistema ta' Twissija Bikrija għall-monitoraġġ tal-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ;

Simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar;

Allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE dwar atti delegati u ta' implimentazzjoni.

3.2Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

Din id-Direttiva temenda sitt Direttivi li jindirizzaw l-immaniġġjar ta' skart differenti. Il-proposti biex jemendaw id-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 1999/31/KE, id-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE huma msejsa fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, filwaqt li l-proposta biex temenda d-Direttiva 94/62/KE hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE jistabbilixxi mira ta' 50% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u ta' skart simili u mira ta' 70% tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għall-irkupru tal-materjal tal-iskart mhux perikoluż mill-bini u t-twaqqigħ sal-2020. Skont l-Artikolu 11(4), sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha teżamina dawk il-miri bil-għan li jekk ikun meħtieġ issaħħaħhom, u kellha tqis jekk tistabbilixxix miri għal flussi oħra ta' skart rilevanti skont kif dawn il-miri jolqtu l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Skont l-Artikolu 9(c), sa tmiem l-2014 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi għanijiet għall-prevenzjoni u d-diżakkoppjar tal-iskart għall-2020, skont l-aqwa prattiki disponibbli, inkluża, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 29(4). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 37(4), fl-ewwel rapport li jsir sat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni kellha tivvaluta għadd ta' miżuri li jinkludu skemi tar-responsabbiltà tal-produttur għal flussi speċifiċi ta' skart, miri, indikaturi u miżuri relatati mar-riċiklaġġ, kif ukoll operazzjonijiet ta' rkupru ta' materjal u enerġija li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 b'mod aktar effettiv.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/31/KE jistabbilixxi tliet miri għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet u jipprojbixxi r-rimi ta' ċertu flussi ta' skart. L-Istati Membri jridu jilħqu l-aħħar mira għad-devjazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli mill-miżbliet sas-16 ta' Lulju 2016. Skont l-Artikolu 5(2), din għandha tiġi eżaminata mill-ġdid sas-16 ta' Lulju 2014 bil-ħsieb li tiġi konfermata jew emendata biex tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u fid-dawl tal-esperjenza prattika li kisbu l-Istati Membri meta laħqu ż-żewġ miri preċedenti.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE jistabbilixxi miri għall-irkupru u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ li skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġu ffissat kull ħames snin skont l-esperjenza prattika li jiksbu l-Istati Membri u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u l-evalwazzjonijiet bħall-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

3.3Il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposti jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huma limitati għall-emendar tad-Direttivi msemmija hawn fuq billi jipprovdu qafas li jistabbilixxi għanijiet komuni, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi tal-implimentazzjoni.

3.4Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti li jispjegaw il-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi.

Ħafna drabi fl-Istati Membri l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tiġi trasposta b'mod deċentralizzat ħafna, inkluża fil-livell reġjonali jew lokali u f'bosta atti legali, skont l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru. Minħabba f'hekk, fit-traspożizzjoni tad-Direttivi emendati l-Istati Membri jaf ikollhom jemendaw varjetà wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-proposti jemendaw sitt Direttivi differenti dwar l-iskart, u jolqtu għadd importanti ta' obbligi legalment vinkolanti, inkluża emenda komprensiva tal-miri inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE, fid-Direttiva 1999/31/KE u fid-Direttiva 94/62/KE, kif ukoll semplifikazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE u d-Direttiva 2012/19/UE. Din hi reviżjoni kumplessa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li jaf tolqot għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-miri riveduti għall-immaniġġjar tal-iskart li hemm fid-Direttivi emendati huma interrelatati, u għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u aktar tard inkorporati fis-sistemi nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.

Id-dispożizzjonijiet proposti se jolqtu firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fl-Istati Membri, u se jħallu impatt importanti fuq l-investimenti futuri f'infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hi meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, iżidu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jevitaw l-ostakli għall-kummerċ u r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni fl-UE.

Ir-rekwiżit li jingħataw id-dokumenti ta' spjegazzjoni jaf joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq l-Istati Membri. Madankollu, id-dokumenti ta' spjegazzjoni hemm bżonnhom biex tkun tista' ssir verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u tajba li hi essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u ma jeżistux miżuri b'inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' spjegazzjoni jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jonqos il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ tal-konformità mill-Kummissjoni; mingħajrhom ikun hemm bżonn ħafna riżorsi u kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu traċċati l-metodi ta' traspożizzjoni f'kull Stat Membru.

Fid-dawl ta' dan kollu, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi li jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

3.5Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni

Is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni huma identifikati, u l-proċeduri korrispondenti għall-adozzjoni ta' dawn l-atti ġew stabbiliti fil-paragrafi 4, 5, 6, 9, 11, 14, 15, 18, 19, 21, 22 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 2008/98/KE, il-paragrafi 4, 6, 7, 9, 10 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 94/62/KE, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 1 tal-proposta dwar id-Direttiva 1999/31/EC u l-emendi proposti fl-Artikoli 1 u 3 tal-proposta dwar id-Direttivi 2000/53/KE u 2012/19/UE.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposti mhux se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhumiex akkumpanjati bid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).



2015/0272 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni għandu jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali, u tiġi promossa ekonomija iktar ċirkolari.

(2)Biex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-istabbilimenti u l-intrapriżi ż-żgħar, għandha tiġi introdotta semplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' permess u reġistrazzjoni għal stabbilimenti u intrapriżi żgħar.

(2)Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità u żgurata implimentazzjoni korretta, u dawn qed joħolqu piż amministrattiv żejjed. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti, u għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità, għandha tintuża esklussivament id-dejta statistika rrappurtata mill-Istati Membri kull sena lill-Kummissjoni.

(3)Id-dejta statistika li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tal-istatistika għandhom jittejbu billi jiġi introdott punt ta' dħul wieħed għad-dejta kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta' rappurtar li m'għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta' verifika tal-kwalità tad-dejta.

(4)Ir-rappurtar affidabbli tad-dejta statistika dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa tal-akbar importanza għal implimentazzjoni effiċjenti u biex ikunu żgurati l-paragunabbiltà tad-dejta u kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jippreparaw ir-rapporti dwar il-konformità mal-miri stipulati f'dawn id-Direttivi, l-Istati Membri għandhom jużaw l-aktar metodoloġija riċenti li jkunu żviluppaw il-Kummissjoni u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.

(5)Id-Direttivi 2000/53/KE, 2006/66/KE u 2012/19/UE għandhom għalhekk jiġu emendati.

(6)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni 14 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata.

(7)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva – jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b'hekk tgħin fil-protezzjoni, fil-preżervazzjoni u fit-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll fl-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali –, ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala tal-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda tad-Direttiva 2000/53/KE

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/53/KE huwa emendat kif ġej:

(1) il-paragrafu 1 jitħassar;

(2) jiddaħħlu l-paragrafi 1a, 1b, 1c u 1d li ġejjin:

"1a. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena tal-kalendarju, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(2). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1d. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena] sal-31 ta' Diċembru [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena].

1b. Id-dejta li jirrapporta l-Istat Membru skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata b'rapport ta' verifika tal-kwalità.

1c. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dejta rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-dinja, is-sorsi tad-dejta u l-metoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta' dik id-dejta. Il-valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal kull tliet snin.

1d. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-dejta skont il-paragrafu 1a. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).".

Artikolu 2

Emenda tad-Direttiva 2006/66/KE

Id-Direttiva 2006/66/KE hija emendata kif ġej:

(1) l-Artikolu 22 jitħassar;

(2) l-Artikolu 23 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

"Sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u l-impatt tagħha fuq l-ambjent u fuq il-funzjonament tas-suq intern.";

(b) fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja tinbidel b'li ġej:

"Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta' dawn l-aspetti ta' din id-Direttiva:".

Artikolu 3

Emenda tad-Direttiva 2012/19/UE

Id-Direttiva 2012/19/UE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 16 hu emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 5 jitħassar;

(b) jiddaħħlu l-paragrafi 5a, 5b, 5c u 5d li ġejjin:

"5a. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena tal-kalendarju, id-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(4). Għandhom jirrappurtaw din id-dejta b'mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta' rappurtar li għaliha tkun inġabret id-dejta. Id-dejta trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5d. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena] sal-31 ta' Diċembru [daħħal is-sena tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva + sena].

5b. Id-dejta li jirrapporta l-Istat Membru skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata b'rapport ta' verifika tal-kwalità.

5c. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dejta rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-reviżjoni tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-dinja, is-sorsi tad-dejta u l-metoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta' dik id-dejta. Il-valutazzjoni tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal kull tliet snin.

5d. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-dejta skont il-paragrafu 5a. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).";

(2) L-Artikolu 21 jinbidel b'li ġej:

"Artikolu 21

Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (*).

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Fejn il-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).".

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data ta' 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva."

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(2) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.07.1999, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34-43).
(5) Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1-14).
(6) Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38-71).
(7) COM(2011) 571.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” ( ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(9) Il-ġerarkija tal-iskart tagħti preferenza lill-prevenzjoni, u mbagħad warajha l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ qabel l-irkupru tal-enerġija, u r-rimi li jinkludi r-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija.
(10) COM(2008) 699 u COM(2014) 297.
(11) COM(2014) 397.
(12) ĠU C, , p. .
(13) ĠU C, , p. .
(14) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.