52015PC0129

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE /* COM/2015/0129 final - 2015/0065 (CNS) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-2003, il-Kunsill adotta Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax (id-Direttiva dwar it-Tfaddil). Din id-Direttiva kellha żewġ għanijiet ewlenin, li kienu li jiġi evitat it-tfixkil fil-moviment tal-kapital u li titħalla ssir tassazzjoni effettiva tal-pagamenti ta’ mgħax li l-aġenti tal-pagament stabbiliti fi Stat Membru partikulari jagħmlu lil individwi li joqogħdu fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva dwar it-Tfaddil tiffaċilita t-tassazzjoni ta’ dan it-tip ta’ pagament ta’ mgħax f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru ta’ residenza tal-individwu li jkun qed jirċievi d-dħul mit-tfaddil, billi titlob li jsir skambju awtomatiku tat-tagħrif dwar il-pagamenti ta’ mgħax li jsiru lil dawk l-individwi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2005 u ġew estiżi għall-Bulgarija u r-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2007 u għall-Kroazja wara l-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż fl-1 ta’ Lulju 2013.

Id-Direttiva ħarġet mill-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000, li matulu l-Istati Membri qablu li, sabiex jiġi implimentat il-prinċipju li ċ-ċittadini kollha għandhom iħallsu t-taxxa dovuta fuq id-dħul mit-tfaddil tagħhom kollu, l-iskambju tat-tagħrif “fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun”, għandu jkun l-għan aħħari tal-UE f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali.

Id-Direttiva, kif adottata fl-2003, kienet tkopri d-dħul mit-tfaddil tal-individwi li kien ġej mill-pretensjonijiet tad-dejn (jew mid-dħul klassiku mill-imgħax jew mill-qligħ kapitali fuq it-titoli tad-dejn), li jkun waslilhom jew b’ mod dirett jew permezz ta’ fondi tal-investiment, jew permezz ta’ xi korp intermedjarju ieħor mhux intaxxat. Din id-Direttiva daħħlet dispożizzjonijiet dwar l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif dwar dan id-dħul mit-tfaddil li l-individwi li joqogħdu fi Stat Membru partikulari jirċievu mingħand aġenti tal-pagament stabbiliti fi Stat Membru ieħor. L-Istati Membri kollha daħħlu sistemi għar-rappurtar awtomatiku tat-tagħrif mill-ewwel, minbarra l-Belġju, il-Lussemburgu u l-Awstrija. Dawn it-tliet pajjiżi ġew awtorizzati jimponu taxxa minn ras il-għajn għal perjodu tranżitorju minflok ma jibagħtu dan it-tagħrif - taxxa li kellu jkollha rata ta’ 15 % għall-ewwel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (sat-30 ta’ Ġunju 2008), rata ta’ 20 % għat-tliet snin ta’ wara (sat-30 ta’ Ġunju 2011) u rata ta’ 35 % minn dik id-data ’l quddiem. Ir-regoli kienu jistipulaw li 75 % mid-dħul minn din it-taxxa minn ras il-għajn kellu jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru ta’ residenza tal-investitur. Il-Belġju ddeċieda li ma jibqax japplika t-taxxa tranżitorja minn ras il-għajn mill-1 ta’ Jannar 2010 ’l quddiem u li jibda jiskambja t-tagħrif bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra. Il-Lussemburgu għamel l-istess mill-1 ta’ Jannar 2015.

Mill-1 ta’ Lulju 2005, f’ħames pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE, inkluż fl-Isvizzera, bdew jiġu applikati miżuri ekwivalenti għal dawk tad-Direttiva dwar it-Tfaddil f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul mit-tfaddil imħallas f’dawn il-pajjiżi lil individwi li joqogħdu fl-UE. Mill-istess data bdew jiġu applikati miżuri identiċi għal dawk tad-Direttiva f’għaxar territorji dipendenti jew assoċjati tal-Istati Membri tal-UE (li saru tnax-il territorju wara li ġew xolti l-Antilli Olandiżi) permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali li kull waħda minn dawn il-ġuriżdizzjonijiet iffirmat ma’ kull wieħed mill-Istati Membri. Wara l-bidla fl-istatus ta’ Saint Barthélemy, Franza ntrabtet li f’Saint Barthélemy jibdew japplikaw id-dispożizzjonijiet attwali u futuri kemm tad-Direttiva dwar it-Tfaddil u kemm tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

Wara l-ewwel reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, f’Novembru tal-2008 l-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ emendi bil-ħsieb li jiġu eliminati l-lakuni eżistenti u li tiġi evitata b’mod aktar effettiv l-evażjoni tat-taxxa. L-emendi proposti kellhom l-għan li jtejbu d-Direttiva billi jsaħħu l-miżuri biex ikun żgurat li l-pagamenti tal-imgħax jiġu ntaxxati. Għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istrutturi intermedji ġie estiż. Il-proposta wessgħet ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għad-dħul minn strumenti ekwivalenti għall-istrumenti tad-dejn, jiġifieri d-dħul minn prodotti finanzjarji innovattivi u minn ċerti prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. Il-Kunsill adotta dawn l-emendi fid-Direttiva 2014/48/UE tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2014[1] (id-Direttiva emendatorja dwar it-tfaddil). L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva. L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il quddiem.

Filwaqt li talab lill-Kunsill jipproċedi għall-adozzjoni formali tad-Direttiva emendatorja dwar it-tfaddil, il-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2014 ikkonkluda li l-istandard dinji li qed tiżviluppa l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) għandu jkun il-metodu għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif li l-UE għandha tapplika fil-fruntieri tagħha. Il-Kunsill Ewropew għamel dan billi stieden lill-Kunsill jiżgura li, bl-adozzjoni wkoll ta’ test emendat għad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva sal-aħħar tal-2014, il-liġi tal-UE tkun allinjata bis-sħiħ mal-istandard dinji l-ġdid.

Fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni kienet fil-fatt ipproponiet emendi għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. L-għan ewlieni tal-proposta kien li l-Istati Membri jingħataw bażi legali xierqa fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istandard dinji dwar l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif (l-istandard dinji) li qed jiġi żviluppat mill-OECD. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendatorja proposta hu wiesa’ ħafna, minħabba li din tkopri t-tipi kollha ta’ prodotti finanzjarji li l-individwi jew l-entitajiet “li mhumiex entitajiet pubbliċi” jista’ jkollhom direttament jew indirettament (ħlief għal xi eżenzjonijiet għal prodotti speċifiċi). Din id-Direttiva emendatorja ġiet adottata fid-9 ta’ Diċembru 2014 bħala d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE[2] (id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva). L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem u sa Settembru tal-2017 għandhom ikunu bdew jiskambjaw it-tagħrif bejniethom. L-Awstrija ngħatat deroga skont l-Artikolu 2(2) abbażi ta’ differenzi strutturali, u se titħalla tibda tapplika d-Direttiva sa sena wara l-Istati Membri l-oħra. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva, l-Awstrija ħabbret li hija mhix se tuża d-deroga għalkollox. Fil-fatt, sa minn Settembru tal-2017, hija se tibda tiskambja t-tagħrif dwar sett limitat ta’ kontijiet (il-kontijiet il-ġodda li jinfetħu bejn l-1 ta’ Ottubru 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016 biss), filwaqt li se tuża d-deroga għall-kontijiet l-oħra.

L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(3)(a) il-ġdid li daħħlet id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva jiddikjara b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan il-paragrafu (il-paragrafu 3(a)) se jkollhom preċedenza fuq dawk tad-Direttiva riveduta dwar it-Tfaddil. Minħabba f’hekk, peress li ż-żewġ Direttivi jidħlu ħafna fuq xulxin, se jkun hemm biss ftit każijiet fejn id-Direttiva riveduta dwar it-Tfaddil tibqa’ tapplika.

Essenzjalment, dan l-għadd żgħir ta’ każijiet ġej minħabba tliet raġunijiet. L-ewwel nett, id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tistabbilixxi obbligi tar-rappurtar għall-istituzzjonijiet finanzjarji li fiha huma ddefiniti bħala entitajiet. Għalhekk, għall-kuntrarju tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, din id-Direttiva ma tistabbilixxix obbligi tar-rappurtar għall-individwi (pereżempju għas-sensara) li jista’ jkun li jħallsu dħul finanzjarju. It-tieni nett, id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tinkludi xi eżenzjonijiet marbutin ma’ ċerti fondi tal-pensjonijiet jew tal-irtirar, mal-entitajiet li joħorġu l-karti tal-kreditu, mal-kontijiet regolati li jgawdu minn benefiċċji tat-taxxa u ma’ istituzzjonijiet u prodotti finanzjarji simili li għandhom riskju baxx ta’ evażjoni tat-taxxa. It-tielet nett, l-approċċ tal-aġent tal-pagament malli jirċievi l-pagament, meħud fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, ikopri wkoll l-imgħax imħallas minn ġurisdizzjoni li mhix qed tieħu sehem fl-iskema permezz ta’ aġent tal-pagamenti ta’ Stat Membru malli dan l-aġent jirċievi l-pagament; barra minn hekk, l-approċċ ta’ trasparenza meħud fl-Artikolu 2(3) u l-approċċ imtejjeb ta’ aġent tal-pagament malli jirċievi l-pagament meħud fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva riveduta dwar it-Tfaddil ikopru wkoll id-dħul imħallas permezz ta’ entitajiet mhux finanzjarji “attivi”, sakemm dawn l-entitajiet ikunu eżenti mit-taxxa. Dawn il-każijiet residwi jeżistu minħabba differenzi żgħar fl-approċċi meħudin mid-Direttiva dwar it-Tfaddil u mid-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, u minħabba eżenzjonijiet speċifiċi inklużi fiż-żewġ Direttivi. L-effett ta’ jekk dawn il-każijiet residwi humiex koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE li qed tiġi diskussa hawnhekk jew le huwa wieħed marġinali fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. L-applikazzjoni internazzjonali tal-istandard dinji u s-superviżjoni mill-qrib tal-implimentazzjoni tiegħu mill-Forum Dinji dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tat-Tagħrif se jnaqqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe riskju li jista’ jkun hemm b’rabta ma’ dawn il-każijiet residwi.

Dan ifisser li l-vantaġġi li jista’ jkun hemm billi wieħed iżomm iż-żewġ strumenti legali jaħdmu fl-istess ħin huma minimi. Filwaqt li l-konċessjoni msemmija hawn fuq u prevista mill-Artikolu 8(3)(a) l-ġdid imdaħħal mid-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva setgħet isservi biex jiġi evitat ir-rappurtar skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil f’ħafna mill-każijiet, il-koeżistenza ta’ żewġ strumenti legali li għandhom kamp ta’ applikazzjoni sostanzjalment simili mhix konformi mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar u mhix fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, jekk wieħed iżomm iż-żewġ strumenti legali jaħdmu fl-istess ħin, dan ikun ifisser li jkun hemm żewġ settijiet ta’ regoli, proċeduri u sistemi tar-rappurtar marbutin mad-diliġenza dovuta tal-klijenti li jkunu simili, iżda li ma jkunux allinjati għalkollox, kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jibagħtu r-rapporti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed jiskambjaw it-tagħrif bejniethom. L-ispejjeż marbutin ma’ dan ikunu ferm aktar mill-vantaġġi li joħorġu mill-kopertura addizzjonali mogħtija mid-Direttiva dwar it-Tfaddil.

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm standard wieħed biss li japplika għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif fl-UE, u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm żewġ standards applikati b’mod parallel, id-Direttiva dwar it-Tfaddil għandha titħassar.

Sabiex ma jkun hemm l-ebda lakuna fir-rappurtar, jeħtieġ li t-tħassir tad-Direttiva dwar it-Tfaddil ikun ikkoordinat sewwa ma’ meta tiġi applikata d-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, filwaqt li titqies b’mod partikulari l-estensjoni tal-iskadenza għall-applikazzjoni mogħtija lill-Awstrija.

Ladarba l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu sewwa l-għan ta’ din il-proposta għal Direttiva - li huwa li titħassar id-Direttiva dwar it-Tfaddil u li jingħataw l-eżenzjonijiet temporanji meħtieġa biex jitħarsu d-drittijiet miksubin u biex titqies id-deroga mogħtija lill-Awstrija skont id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, u għalhekk dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-livell ta’ uniformità u effettività meħtieġ, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak l-Artikolu, din il-proposta għal Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2014 u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tad-9 ta’ Diċembru 2014 juru li l-Istati Membri jippreferu biċ-ċar li jkollhom standard wieħed biss għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif dwar id-dħul finanzjarju. Dan l-istandard issa ġie implimentat għalkollox permezz tad-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

F’laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil, l-esperti enfasizzaw l-importanza tal-fatt li jkun hemm sistema waħda li biha t-tagħrif jiġi rrappurtat b’mod awtomatiku għall-finijiet tat-tassazzjoni diretta. Huma spjegaw li l-partijiet li huma jirrappreżentaw, jiġifieri l-istituzzjonijiet u l-intermedjarji finanzjarji tal-UE, xtaqu li tiġi evitata d-duplikazzjoni tas-sistemi tar-rappurtar. Il-Grupp ta’ Esperti stqarr ukoll li s-settur diġà qed idaħħal sistemi ġodda tal-IT jew jadatta dawk li diġà jeżistu bi tħejjija għar-rappurtar mitlub mill-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin tal-Istati Uniti tal-Amerika (il-FATCA) u enfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif dwar il-kontijiet finanzjarji tkun allinjata mal-istandard dinji tal-OECD għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif (li, hu stess, huwa bbażat fuq il-prinċipji tad-diliġenza dovuta tal-klijenti żviluppati fil-kuntest tal-FATCA), sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u dawk marbutin mal-konformità.

Kif ġie deskritt hawn fuq, it-tħassir tad-Direttiva dwar it-Tfaddil se jkollu biss effett marġinali ħafna fuq l-effettività tal-iskambju awtomatiku tat-tagħrif li joħroġ mid-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, jekk tabilħaqq ikollu effett, u dan it-tħassir essenzjalment jikkostitwixxi miżura ta’ regolamentazzjoni aħjar. Għalhekk, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt dwar dan.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1 iħassar id-Direttiva rilevanti. Dan jikkoordina t-tħassir mal-applikazzjoni tad-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva min-naħa tal-Istati Membri.

L-Artikoli 1(1)(a) u 1(1)(b) jinkludu l-obbligi ewlenin tar-rappurtar u tal-iskambju tat-tagħrif previsti fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil rispettivament.

L-Artikolu 1(1)(a) jistipula li l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri fejn dawn ikunu stabbiliti għandhom jirrappurtaw u jaqsmu ma’ xulxin it-tagħrif li jkun inġabar għall-2015. Dak it-tagħrif għandu x’jaqsam mal-aġenti tal-pagamenti malli dawn jirċievu l-pagamenti, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, u dan it-tagħrif għandu jiġi rrappurtat sal-istess data prevista fl-Artikolu 9, jiġifieri “fi żmien sitt xhur minn meta tintemm is-sena fiskali”. Għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, din id-data hija t-30 ta’ Ġunju 2016, iżda għar-Renju Unit din hija l-5 ta’ Ottubru 2016. Għalhekk, l-estensjoni tal-applikazzjoni qed tiġi stabbilita b’tali mod li din tkun tinkludi wkoll l-iskadenza tar-Renju Unit. L-iskeda taż-żmien se tibqa’ miftuħa sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu jew korrezzjoni meħtieġa wara dik id-data.

L-Artikolu 1(1)(b) jistipula li l-operaturi ekonomiċi u l-aġenti tal-pagamenti u l-Istati Membri fejn dawn ikunu stabbiliti għandhom jirrappurtaw u jaqsmu ma’ xulxin it-tagħrif li jkun inġabar għall-2015 “fi żmien sitt xhur minn meta tintemm is-sena fiskali”, kif stipulat fl-Artikolu 9, li, għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, ifisser sat-30 ta’ Ġunju 2016, iżda għar-Renju Unit ifisser sal-5 ta’ Ottubru 2016. Għalhekk, l-applikazzjoni qed tiġi estiża sal-5 ta’ Ottubru 2016 sabiex din tkun tinkludi wkoll l-iskadenza tar-Renju Unit. L-iskeda taż-żmien se tibqa’ miftuħa sabiex ikun jista’ jintbagħat kwalunkwe tagħrif addizzjonali meħtieġ u sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe korrezzjoni meħtieġa wara dik id-data.

L-Artikolu 1(2) jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li għandha timplimenta l-Awstrija.

L-Awstrija se tapplika d-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva b’dewmien li f’ħafna każijiet se jkun ta’ sena. Madankollu, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva fid-9 ta’ Diċembru 2014, l-Awstrija ntrabtet li tibda tiskambja t-tagħrif sa mill-2017, għalkemm se tibda tagħmel dan għal sett limitat ta’ kontijiet biss (jiġifieri għall-kontijiet il-ġodda miftuħin bejn l-1 ta’ Ottubru 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016 biss), filwaqt li żżomm id-deroga għall-każijiet l-oħra.  Għalhekk, b’mod ġenerali l-Awstrija se jkollha tapplika d-Direttiva dwar it-Tfaddil għal sena oħra, ħlief għal sett limitat ta’ kontijiet li se jsir rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Għall-kuntrarju tal-Lussemburgu, l-Awstrija ma qalitx li se tibda tiskambja t-tagħrif b’mod awtomatiku skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil qabel ma jintemm il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 10 tagħha. U lanqas ma huwa mistenni li l-Awstrija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tmiem ta’ dak il-perjodu tranżitorju sad-data meta hija tibda tapplika d-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Għalhekk, għall-finijiet tal-Artikolu 1(2), qed jiġi preżunt li l-Awstrija se tkompli tapplika t-taxxa tranżitorja minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil fl-2016, ħlief għal sett limitat ta’ kontijiet li l-Awstrija se tagħmel rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2)(a) jirreferi għall-obbligi tal-Awstrija u għall-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti f’dan il-pajjiż li jittrasferixxu t-taxxa minn ras il-għajn fuq il-pagamenti ta’ mgħax miżmuma fl-2016, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil.

L-Awstrija trid tissodisfa wkoll l-obbligi tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mar-rappurtar mill-operaturi ekonomiċi tagħha skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil f’każijiet fejn l-entità li tkun qed tirċievi l-pagament ta’ mgħax mingħand dawk l-operaturi ekonomiċi u msemmija fl-Artikolu 11(5) tal-istess Direttiva tkun qablet b’mod formali li isimha, l-indirizz tagħha u l-ammont totali tal-imgħax imħallas lilha jew assigurat għaliha jiġu nnotifikati skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dik id-Direttiva. Id-dispożizzjoni rilevanti li tiżgura li dan isir hija mogħtija fl-Artikolu 1(2)(b) ta’ din il-proposta.

Barra minn hekk, jekk l-Awstrija tistipula li ssir il-proċedura skont l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, ikunu jridu jitħarsu wkoll l-obbligi imposti fuq dan il-pajjiż u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti fih li jibagħtu rapporti skont il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar it-Tfaddil. Id-dispożizzjoni rilevanti li tiżgura li dan isir hija mogħtija fl-Artikolu 1(2)(c) ta’ din il-proposta.

L-obbligi kollha previsti fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu ssodisfati fi żmien sitt xhur minn meta tintemm is-sena fiskali fl-Awstrija, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2017.

Fl-Artikolu 1(3) qed tiżdied eċċezzjoni għall-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tfaddil għas-sett limitat ta’ kontijiet li se ssirilhom id-diliġenza dovuta tal-klijenti mill-1 ta’ Ottubru 2016 ’il quddiem u li se jsir rapport dwarhom fl-2017 skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva kif emendata mid-Direttiva emendatorja relatata.

Is-27 Stat Membru li se jibdew japplikaw id-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem xorta waħda se jkollhom jagħtu lis-sidien benefiċjarji li joqogħdu fihom iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva dwar it-Tfaddil. Peress li l-aħħar data meta dak iċ-ċertifikat se jkun japplika taħbat l-aħħar data meta l-Awstrija se tapplika t-taxxa minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil, l-Artikolu 1(1)(c) ta’ din il-proposta jiffissa din id-data bħala l-31 ta’ Diċembru 2016. Minħabba li l-Lussemburgu se jibda japplika d-Direttiva dwar it-Tfaddil mingħajr ma jimponi taxxa minn ras il-għajn mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, l-Awstrija hija l-uniku Stat Membru li se japplika t-taxxa minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil fl-2015 u l-2016.

Ir-regoli dwar it-tneħħija ta’ kwalunkwe tassazzjoni doppja li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tat-taxxa tranżitorja minn ras il-għajn imposta skont id-Direttiva dwar it-Tfaddil ukoll se jkollhom jiġu estiżi biex jibqgħu validi wara d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva emendatorja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Abbażi tar-regoli domestiċi fl-Istat Membru speċifiku li jkun se jagħti l-kreditu jew ir-rifużjoni skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil, jista’ jkun li din id-dispożizzjoni jkollha tibqa’ tiġi applikata ħafna wara l-aħħar data meta tiġi applikata t-taxxa minn ras il-għajn, li, għat-taxxa minn ras il-għajn imposta fl-Awstrija, hija l-31 ta’ Diċembru 2016 (ara l-Artikolu 1(1)(d) ta’ din il-proposta). Din hija miżura tranżitorja li tipproteġi d-drittijiet miksubin tas-sidien benefiċjarji skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar it-Tfaddil f’dak li għandu x’jaqsam mal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

L-Artikolu 2 jistipula li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 3 jistipula li d-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2015/0065 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       Filwaqt li tibni fuq il-kunsens li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2000 li għandu jkun hemm skambju tat-tagħrif rilevanti għall-finijiet tat-taxxa fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE[3] ilha tiġi applikata fl-Istati Membri sa mill-1 ta’ Lulju 2005 bil-għan li d-dħul mit-tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax magħmulin fi Stat Membru wieħed lil sidien benefiċjarji li huma individwi li joqogħdu fi Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi ntaxxat b’mod effettiv skont il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dawn ikunu joqogħdu, biex b’hekk jiġi eliminat it-tfixkil fil-moviment tal-kapital bejn Stat Membru u ieħor li mhuwiex kompatibbli mas-suq intern.

(2)       L-aspett dinji tal-isfidi li joħolqu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali huwa punt ta’ tħassib ewlieni fil-livell dinji u fl-Unjoni. Id-dħul li ma jiġix irrappurtat u ntaxxat inaqqas b’mod konsiderevoli d-dħul nazzjonali mit-taxxi. Fit-22 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew laqa’ bil-ferħ l-isforzi kontinwi li qed isiru fil-G8, fil-G20 u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) biex jiġi żviluppat standard dinji.

(3)       Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE[4] tistipula li għandu jkun hemm skambju awtomatiku obbligatorju ta’ ċertu tagħrif bejn l-Istati Membri, u li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jiġi estiż pass pass għal kategoriji ġodda ta’ dħul u kapital sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transkonfinali.

(4)       Fid-9 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE[5] li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, li wessgħet l-iskambju awtomatiku tat-tagħrif għal firxa wiesgħa ta’ dħul f’konformità mal-istandard dinji maħruġ mill-Kunsill tal-OECD f’Lulju tal-2014 u li żgurat li jkun hemm approċċ koerenti, komprensiv u konsistenti fl-Unjoni Ewropea kollha għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif dwar il-kontijiet finanzjarji fis-suq intern.

(5)       B’mod ġenerali, id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, u hija tistipula li, f’każijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom jidħol f’xulxin, hija għandha tieħu prevalenza. Għad hemm każijiet residwi li fihom kieku tapplika biss id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE. Dawn il-każijiet residwi ġejjin minn differenzi żgħar fl-approċċ li jieħdu ż-żewġ Direttivi u minn eżenzjonijiet speċifiċi differenti. F’dawk il-każijiet limitati li fihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw, u dan iwassal għal żewġ standards tar-rappurtar fl-Unjoni. Il-benefiċċji ż-żgħar li jkun hemm jekk wieħed iżomm it-tali rappurtar doppju jingħelbu mill-ispejjeż li dan iġib miegħu.

(6)       Fil-21 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill jiżgura li l-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun allinjata għalkollox mal-istandard dinji waħdieni l-ġdid għall-iskambju awtomatiku tat-tagħrif li żviluppat l-OECD. Barra minn hekk, meta adotta d-Direttiva 2014/107/UE, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE u biex tikkoordina t-tħassir ta’ dik id-Direttiva mad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/107/UE filwaqt li tqis kif xieraq id-deroga stipulata fiha għall-Awstrija. Għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandha tkompli tapplika għall-Awstrija għal perjodu addizzjonali ta’ sena. Fid-dawl tal-pożizzjoni li ħa l-Kunsill, se jkun hemm bżonn li d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE titħassar sabiex jiġu evitati l-obbligi doppji tar-rappurtar u sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u kemm għall-operaturi ekonomiċi.

(7)       Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE[6] li temenda d-Direttiva 2003/48/KE, l-Istati Membri se jkollhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma se jkollhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet sa mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il quddiem. It-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE se jkun ifisser li d-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE mhux se jkollha għalfejn tiġi trasposta aktar.

(8)       Sabiex ikun żgurat li r-rappurtar awtomatiku tat-tagħrif dwar il-kontijiet finanzjarji jkompli jseħħ mingħajr xkiel, it-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE.

(9)       Minkejja t-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, it-tagħrif miġbur mill-aġenti tal-pagamenti, mill-operaturi ekonomiċi u mill-Istati Membri sad-data ta’ tħassir għandu jiġi pproċessat u ttrasferit kif kien maħsub oriġinarjament, filwaqt li l-obbligi li kien hemm qabel dik id-data għandhom jitħarsu.

(10)     F’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa minn ras il-għajn imposta matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, sabiex jipproteġu d-drittijiet miksubin tas-sidien benefiċjarji, l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu l-kreditu jew ir-rifużjonijiet kif kien maħsub oriġinarjament u għandhom joħorġu, fuq talba, ċertifikati li jippermettu lis-sidien benefiċjarji jiżguraw li ma tiġi imposta fuqhom l-ebda taxxa minn ras il-għajn.

(11)     Għandu jitqies il-fatt li, fid-dawl tad-differenzi strutturali, l-Awstrija ngħatat deroga skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE b’dewmien massimu ta’ sena. Meta ġiet adottata dik id-Direttiva, l-Awstrija ħabbret li hija ma kinitx se tuża d-deroga għalkollox. Minflok, sa Settembru tal-2017, hija se tibda tiskambja t-tagħrif dwar sett limitat ta’ kontijiet biss, filwaqt li se żżomm id-deroga għall-każijiet l-oħra. Għalhekk, għandha ssir dispożizzjoni speċifika biex ikun żgurat li l-Awstrija u l-aġenti tal-pagamenti u l-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan il-pajjiż ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE matul il-perjodu tad-deroga, ħlief għal dawk il-kontijiet li jkunu saru jaqgħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE.

(12)     Din id-Direttiva tħares id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, u xejn fiha ma għandu jnaqqas jew jelimina dawk id-drittijiet.

(13)     Ladarba l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu sewwa l-għan ta’ din id-Direttiva - li huwa li titħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE u li jingħataw l-eżenzjonijiet temporanji meħtieġa biex jitħarsu d-drittijiet miksubin u biex titqies id-deroga mogħtija lill-Awstrija skont id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, u għalhekk dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-livell ta’ uniformità u effettività meħtieġ, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan.

(14)     Għalhekk id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandha titħassar,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.           Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE qed titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

Madankollu, għandhom jibqgħu japplikaw l-obbligi li ġejjin skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE[7]:

(a) l-obbligi tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fihom li ġejjin mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE għandhom ikomplu japplikaw sal-5 ta’ Ottubru 2016 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

(b) l-obbligi tal-aġenti tal-pagamenti li ġejjin mill-Artikolu 8 u dawk tal-Istati Membri tal-aġenti tal-pagamenti li ġejjin mill-Artikolu 9 għandhom ikomplu japplikaw sal-5 ta’ Ottubru 2016 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

(c) l-obbligi tal-Istati Membri ta’ residenza tas-sidien benefiċjarji għall-finijiet tat-taxxa li ġejjin mill-Artikolu 13(2) għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2016; u

(d) l-obbligi tal-Istati Membri ta’ residenza tas-sidien benefiċjarji għall-finijiet tat-taxxa li ġejjin mill-Artikolu 14 għandhom ikomplu japplikaw, f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa minn ras il-għajn imposta fl-2016 u fis-snin ta’ qabel, sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati.

2.           Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, għandha tkompli tapplika fl-intier tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2016 għall-Awstrija, ħlief għal dan li ġej:

(a) l-obbligi tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan il-pajjiż li ġejjin mill-Artikolu 12, li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati;

(b) l-obbligi tal-Awstrija u tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan il-pajjiż li ġejjin mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati; u

(c) l-obbligi tal-Awstrija u l-obbligi sottostanti tal-aġenti tal-pagamenti stabbiliti f’dan il-pajjiż li ġejjin direttament jew indirettament mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 13, li għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2017 jew sa ma dawn l-obbligi jkunu ġew issodisfati.

3.           Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, m’għandhiex tapplika wara l-1 ta’ Ottubru 2016 għall-pagamenti ta’ mgħax għall-kontijiet li għalihom l-obbligi ta’ rappurtar u diliġenza dovuta inklużi fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE ġew issodisfati u li għalihom l-Awstrija bagħtet it-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 8(6)(b) tal-istess Direttiva permezz ta’ skambju awtomatiku.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE tal-24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 50).

[2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38).

[4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

[5]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

[6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/48/UE tal-24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 50).

[7]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam tat-tassazzjoni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).