24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “in-nanoteknoloġija għal industrija tal-kimika kompetittiva”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/05)

Relatur:

is-Sur Egbert BIERMANN

Korelatur:

is-Sur Tautvydas MISIŪNAS

Nhar it-28 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“In-nanoteknoloġija għal industrija tal-kimika kompetittiva”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’115-il vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet relatati mat-tfassil ta’ politika industrijali Ewropea, b’mod partikolari biex jiġu promossi teknoloġiji ewlenin li jsaħħu l-kompetittività tagħna. Jekk l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda fil-livell internazzjonali ssaħħaħ ir-rwol tagħha fid-djalogu globali. Is-saħħa innovattiva tan-nanomaterjali u n-nanoteknoloġija, speċjalment fl-industrija tal-kimika, tagħti kontribut importanti.

1.2.

Inizjattiva għall-promozzjoni tan-nanoteknoloġija tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta’ politika industrijali komuni Ewropea. Ir-riċerka u l-iżvilupp tant huma kumplessi li ma jistgħux jitwettqu biss minn intrapriżi jew istituzzjonijiet individwali. Għalhekk jeħteġ li ssir kooperazzjoni transkonfinali bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet xjentifiċi, l-intrapriżi u l-inkubaturi tan-negozji. Approċċ pożittiv huwa dak taċ-ċentri tar-riċerka, bħalma ġew stabbiliti, fost affarijiet oħra, fis-settur tal-kimika u tal-farmaċewtika. Għandha tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-SMEs.

1.3.

Fir-rigward tan-nanoteknoloġija, ir-raggruppamenti ta’ eċċellenza Ewropej (nanoclusters) għandhom ikomplu jiġu żviluppati. Għandu jkun hemm netwerking bejn l-atturi ewlenin mill-qasam tal-intrapriża, ix-xjenza, il-politika u s-soċjetà sabiex jiġu promossi t-trasferiment tat-teknoloġija, il-kooperazzjoni diġitali u personali, valutazzjoni mtejba tar-riskju, u analiżi speċifika taċ-ċiklu tal-ħajja jew tas-sigurtà tan-nanoprodotti.

L-istrumenti finanzjarji fil-programm qafas ta’ riċerka Orizzont 2020 fil-qasam tan-nanoteknoloġija għandhom jitfasslu b’mod sempliċi u flessibbli, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-finanzjament pubbliku għandu jissaħħaħ u għandu jitħeġġeġ il-provvediment ta’ finanzjament privat.

1.4.

Sabiex in-nanoteknoloġija multidixxiplinari tiġi ankrata aħjar fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, għandhom jiġu involuti xjenzati u tekniċi kkwalifikati f’dixxiplini bħall-kimika, il-bijoloġija, l-inġinerija, il-mediċina u x-xjenzi soċjali. L-intrapriżi għandhom jissodisfaw jirreaġixxu ir-rekwiżiti ta’ ħiliet li dejjem jiżdiedu tal-impjegati tagħhom permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ inizjali u taħriġ mill-ġdid immirati. L-impjegati, bl-esperjenzi u l-ħiliet tagħhom, għandhom jiġu inklużi.

1.5.

Il-proċess ta’ standardizzazzjoni tal-UE għandu jibqa’ jiġi promoss. L-istandards jaqdu rwol ewlieni fil-konformità mal-liġijiet, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-impjegati. Għaldaqstant, għandhom jiġu żviluppati għodod għall-materjali ta’ referenza ċertifikati biex jiġu ttestjati l-metodi li bihom jitkejlu l-karatteristiċi tan-nanomaterjali.

1.6.

Il-konsumaturi għandhom jiġu informati bis-sħiħ dwar in-nanomaterjali. Il-promozzjoni soċjali tal-aċċettazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ewlenin hija essenzjali. Għandu jkun hemm djalogu regolari bejn il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-industrija u l-politika. Għaldaqstant għandhom jiġu żviluppati pjattaformi ta’ informazzjoni pan-Ewropej u strumenti għall-aċċettazzjoni.

1.7.

Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea twaqqaf osservatorju għan-nanomaterjali, li għandu jirreġistra u jevalwa l-proċessi tal-iżvilupp u l-applikazzjonijiet, ir-riċiklaġġ u r-rimi tagħhom. Dan għandu josserva wkoll l-impatt fuq l-impjieg u s-suq tax-xogħol u għandu jevalwa u jiddeskrivi l-konklużjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali ewlenin li għandhom jitfasslu. Qabel l-2020 għandu jitressaq ir-Rapport attwali dwar in-nanomaterjali u n-nanoteknoloġija fl-Ewropa li jidentifika l-linji ta’ żvilupp possibbli sal-2030.

2.   In-nanoteknoloġija f’Ewropa innovattiva

2.1.

Fis-snin reċenti kien u għad hemm diversi inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jippromovu l-innovazzjoni u teknoloġiji ewlenin bil-għan li tiżdied il-kompetittività. L-eżempji jinkludu l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE” (2009, 2012) u l-Komunikazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-2014. In-nanoteknoloġija ngħatat attenzjoni partikolari f’diversi Opinjonijiet tal-KESE (1).

2.2.

Bl-adozzjoni tal-Pjan Juncker tal-2014, il-politika industrijali tal-UE ngħatat sinifikat speċjali, u magħha anki l-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi. It-teknoloġiji favoriti stabbiliti fil-pjan jixhdu li politika industrijali Ewropea kompetittiva trid tiffoka b’mod strateġiku fuq teknoloġiji u materjali orjentati lejn il-futur. Dan japplika b’mod partikolari għall-qasam kimiku u farmaċewtiku.

2.3.

Il-qasam kimiku u farmaċewtiku Ewropew jistimola l-innovazzjoni f’setturi oħrajn. In-nanoteknoloġija għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda. Dan mhux biss iżid il-kompetittività ta’ dan is-settur iżda jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija.

2.4.

In-nanomaterjali diġà jinsabu f’ħafna prodotti li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum (pereżempju ħwejjeġ sportivi, kożmetiċi, kisjiet). Barra minn hekk jiftħu għadd ta’ possibbiltajiet ta’ innovazzjoni għal prodotti u proċessi ġodda (pereżempju t-teknoloġija tal-enerġija u l-ambjent, it-teknoloġija medika, l-ottika, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ ċipep, il-protezzjoni teknika tad-data, l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll prodotti relatati mal-konsumatur bħall-verniċ u ż-żebgħa, il-mediċini u t-teknoloġija medika).

2.5.

Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, in-nanomaterjali jista’ jkollhom proprjetajiet ottiċi, manjetiċi, mekkaniċi, kimiċi jew bijoloġiċi ġodda. Dan jippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi, li jinkorporaw funzjonalitajiet ġodda u karatteristiċi speċjali.

2.6.

Skont rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, in-nanomaterjali huma materjali li l-kostitwenti ewlenin tagħhom ikollhom dimensjoni ta’ bejn biljuneżmu wieħed u 100 biljuneżmu ta’ metru. Din id-definizzjoni hija pass importanti ‘l quddiem peress li tiddeskrivi b’mod ċar liema materjali għandhom jiġu kkunsidrati nano u tippermetti li tintgħażel l-aktar metodoloġija xierqa ta’ ttestjar (2).

2.7.

In-nanoteknoloġija toffri potenzjal kbir għat-tkabbir. Għall-perjodu 2006-2021 l-esperti qegħdin ibassru żieda minn USD 8 biljun għal USD 119-il biljun fis-sena (3).

3.   In-nanoteknoloġija fl-industrija tal-kimika u tal-mediċini  (4)

3.1.

Il-firxa tan-nanoteknoloġija użata fl-industrija tal-kimika hija enormi. Ta’ min jinnota li ħafna minn dak li huwa inkluż taħt “nano” illum il-ġurnata mhuwa xejn ġdid, għalkemm it-terminu “nanoteknoloġija” jinstema’ ġdid. It-twieqi tal-knejjes medjevali bil-ħġieġ ikkulurit, pereżempju, jinkludu nanopartiċelli tad-deheb. Dak li fil-verità huwa ġdid fir-rigward tan-nanoteknoloġija kif nifhmuha llum huwa l-fatt li issa nafu aħjar kif taħdem.

3.2.

Il-mediċina toffri ħafna oqsma ta’ applikazzjoni għan-nanoteknoloġija. Ix-xewqa li sustanzi attivi jkunu ttrasportati lejn iċ-ċelluli morda b’mod immirat hija antika daqs il-produzzjoni tal-mediċini u toriġina mill-fatt li ħafna sustanzi attivi għandhom effetti sekondarji qawwijin. Dawn l-effetti sekondarji huma ta’ spiss ikkawżati minn sustanzi attivi li huma ddistribwiti madwar il-ġisem b’mod mhux speċifiku. L-iżvilupp tas-sistemi ta’ twassil tal-mediċina fuq skala nanometrika jagħmilha possibbli li s-sustanzi attivi jiġu kkonċentrati fiċ-ċelluli morda u b’hekk jitnaqqsu l-effetti sekondarji.

3.3.

Jeżistu żviluppi tan-nanoteknoloġija speċifiċi fil-qasam tax-xjenzi tal-ħajja, pereżempju “biochips” għal testijiet li jippermettu d-dijanjożi u t-trattament minn kmieni ta’ mard bħall-Alzheimer, il-kanċer, l-isklerożi multipla jew l-artrite rewmatika (5). Aġenti ta’ kuntrast ibbażati fuq in-nanopartikoli jorbtu b’mod selettiv liċ-ċelloli morda, li jwassal għal dijanjostika aħjar u sostanzjalment iktar rapida. In-nanogels iħaffu r-riġenerazzjoni tal-qarquċa. In-nanopartiċelli li jistgħu jaqsmu l-barriera ematoenċefalika jistgħu jgħinu, pereżempju, fit-trattament immirat ta’ tumuri fil-moħħ (6).

3.4.

Fil-membrani tal-plastik, pori żgħar ta’ madwar 20 nanometru jiżguraw li l-mikrobi, il-batterji u l-viruses jistgħu jiġu ffiltrati mill-ilma. L-hekk imsejħa “ultrafiltrazzjoni” tintuża fil-purifikazzjoni kemm tal-ilma tax-xorb kif ukoll tal-ilma tal-ipproċessar, jiġifieri ilma minn proċessi tal-produzzjoni industrijali.

3.5.

Fil-futur qarib, in-nanoteknoloġija se żżid b’mod sinifikanti l-effiċjenza taċ-ċelloli solari. Il-produzzjoni tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jistgħu jiżdiedu b’mod konsiderevoli permezz ta’ kisjiet ġodda tal-uċuħ.

3.6.

Kemm jekk bħala addittiv fil-plastiks, fil-metalli jew materjali oħrajn, l-hekk imsejħin nanotubi, in-nanotubi tal-karbonju jew il-graphene jistgħu jipprovdu lill-materjali b’karatteristiċi ġodda. Pereżempju, dawn itejbu l-konduttività elettrika, iżidu s-saħħa mekkanika jew jgħinu sabiex ikun hemm kostruzzjonijiet ta’ piż ħafif.

3.7.

L-użu tat-turbini tar-riħ ukoll jista’ jsir iktar effiċjenti bl-użu tan-nanoteknoloġija. It-turbini tar-riħ ikunu eħfef meta jkunu magħmulin b’materjali tal-bini moderni, li jwassal għal inqas spejjeż, iżda wkoll għal ġenerazzjoni tal-enerġija u kostruzzjoni mtejba.

3.8.

Madwar 20 % tal-enerġija kkonsmata globalment tintuża għad-dawl. Peress li n-nanoteknoloġija tipprevedi bozoz effiċjenti li jużaw ammont baxx ħafna ta’ enerġija elettrika, dan l-ammont ser jonqos b’aktar minn terz. Huwa permezz tal-batteriji tal-litju, li l-eżistenza tagħhom hija dovuta għan-nanoteknoloġija, li l-karozzi elettriċi huma ekonomiċi tassew.

3.9.

Il-konkrit huwa wieħed mill-aktar materjali mifruxa fil-kostruzzjoni. Permezz ta’ kristalli tal-kalċju bbażati fuq in-nanoteknoloġija, il-partijiet lesti tal-konkrit jistgħu jkunu manifatturati malajr ħafna u bi standard ogħla filwaqt li tintuża inqas enerġija.

3.10.

L-industrija tal-karozzi diġà qiegħda taħdem b’kisjiet tan-nano, kollha bil-karatteristiċi partikolari tagħhom. Dan japplika wkoll għal modi oħra tat-trasport, pereżempju l-ajruplani u l-vapuri.

4.   In-nanoteknoloġija bħala komponent ekonomiku

4.1.

Il-fatturi tal-kompetittività fis-suq globali l-ħin kollu jinbidlu. Xi affarijiet ikunu ppjanata, iżda wħud iseħħu b’mod mhux mistenni. Għandhom jitfasslu programmi politiċi biex jistabilizzaw l-iżviluppi. Huwa f’dan id-dawl li kienet tfasslet l-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010. L-għan tagħha huwa t-tkabbir sostenibbli u inklużiv b’koordinazzjoni msaħħa tal-miżuri trans-Ewropej. Hekk għandha tintrebaħ il-battalja għall-innovazzjoni, battalja li taħraq ferm. Din tinvolvi r-riċerka u l-iżvilupp, l-iżgurar tal-privattivi kif ukoll il-postijiet ta’ produzzjoni u l-impjiegi.

4.2.

L-industrija tal-kimika hija wieħed mill-iktar setturi ta’ suċċess fl-UE, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 527 biljun fl-2013, li jagħmilha t-tieni l-ikbar produttur. Iżda minkejja din il-qawwa, is-sitwazzjoni attwali tidher li hija sors ta’ tħassib. Wara treġġigħ lura rapidu tat-tendenza minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, il-produzzjoni staġnat sa mill-bidu tal-2011. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, is-sehem tal-UE fil-produzzjoni globali u l-esportazzjonijiet naqas (7).

4.3.

Fl-2012 l-industrija tal-kimika Ewropea investiet madwar EUR 9 biljun fir-riċerka. Din in-nefqa staġnat f’dan il-punt sa mill-2010. Mill-banda l-oħra, ir-riċerka u l-iżvilupp tan-nanoteknoloġija jgawdu minn pożizzjoni li qiegħda tiżdied fl-importanza pereżempju fl-Istati Uniti u ċ-Ċina, iżda wkoll fil-Ġappun u l-Arabja Sawdija, b’tali mod li hawnhekk il-kompetizzjoni se tkompli tintensifika.

5.   In-nanoteknoloġija bħala komponent ambjentali

5.1.

Ekonomija ambjentalment sostenibbli hija fattur kompettitiv ewlieni fil-politika industrijali Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll f’dak dinji.

5.2.

In-nanomaterjali jipprovdu kemm prodotti preliminari, intermedji kif ukoll finali, u bid-diversi karatteristiċi tal-materjal tagħhom jgħinu sabiex iżidu l-effiċjenza fil-konverżjoni tal-enerġija u biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija. In-nanoteknoloġija toffri l-possibbiltà li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2  (8). Għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

5.3.

L-Istat Federali Ġermaniż ta’ Hesse ppubblika studju li jenfasizza l-potenzjal ta’ innovazzjoni tan-nanoteknoloġija għall-protezzjoni ambjentali (9), pereżempju għat-trattament u l-purifikazzjoni tal-ilma, il-prevenzjoni tal-iskart, l-effiċjenza tal-enerġija u l-purifikazzjoni tal-arja. Dan ikun ifisser livelli ta’ ordnijiet aħjar, partikolarment għall-SMEs. L-industrija tal-kimika Ewropea qiegħda twettaq riċerka u tiżviluppa l-bażi għal dan u prodotti primarji u finali korrispondenti.

5.4.

L-element ambjentali bħala parti mill-kunċett tas-sostenibbiltà għandu jiġi integrat fl-istrateġiji tal-intrapriżi, inklużi tal-SMEs. L-impjegati huma involuti b’mod attiv f’dawn il-proċessi.

5.5.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa komponent essenzjali tal-politika dwar l-ambjentu l-politika tas-saħħa attwali fl-Ewropa. Il-piżijiet jew il-perikli għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem għandhom jiġu mminimizzati minn qabel. Madankollu, huwa neċessarju li tkun ippreservata l-proporzjonalità tal-ispejjeż, il-benefiċċji u l-isforz fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prekawzjoni, partikolarment għall-protezzjoni tal-SMEs.

6.   In-nanoteknoloġija bħala komponent tal-impjieg/soċjali

6.1.

Il-potenzjal tan-nanoteknoloġija biex toħloq l-impjiegi madwar id-dinja huwa għoli ħafna. In-numru ta’ impjiegi relatati man-nanoteknoloġija fl-UE diġà huwa stmat għal bejn 300 000 u 400 000 (10).

6.2.

Iżda apparti dan it-tkabbir huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati r-riskji tat-telf ta’ impjiegi, ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni jew il-bidla fil-firxa tal-ħiliet.

6.3.

L-għadd ta’ impjiegi huwa ħaġa waħda, il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi hija ħaġa oħra. L-impjiegi maħluqa f’oqsma relatati man-nanoteknoloġija ta’ diversi intrapriżi, mhux biss fl-industrija tal-kimika, normalment huma impjiegi mħallsin tajjeb għal ħaddiema kkwalifikati (11).

6.4.

Fl-intrapriżi dan iwassal għal bżonn kbir ta’ taħriġ u taħriġ ulterjuri. Jirriżultaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni. Is-sħubija soċjali nfisha ssir fattur ta’ innovazzjoni fis-sens li huwa meħtieġ djalogu kontinwu, pereżempju dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, il-ħarsien tas-saħħa u t-taħriġ. Anki hawnhekk qegħdin jiġu żviluppati standards ġodda. Fl-industrija tal-kimika Ġermaniża jeżistu ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali li huma estensivi ħafna (12).

7.   Opportunitajiet u riskji assoċjati man-nanoteknoloġija

7.1.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà qiegħda tonfoq bejn EUR 20 u 30 miljun fis-sena fuq ir-riċerka dwar in-nanosigurtà. Ma’ dawn iridu jiżdiedu madwar EUR 70 miljun mill-Istati Membri kull sena (13). Dan huwa qafas adegwat u suffiċjenti.

7.2.

Għandu jkun ikkoordinat programm komprensiv ta’ riċerka pubblika u privata fuq terminu twil fuq livell Ewropew bil-għan li jiġi estiż l-għarfien dwar in-nanomaterjali, il-karatteristiċi tagħhom u l-opportunitajiet potenzjali u r-riskji għall-impjegati u s-saħħa tal-konsumaturi u l-ambjent.

7.3.

Ħafna kumpaniji kimiċi adottaw miżuri differenti fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom sabiex jimplimentaw b’mod responsabbli protezzjoni tax-xogħol sostenibbli u sikurezza sostenibbli tal-prodotti. Dan isir f’ħafna każijiet taħt l-inizjattiva “Responsible Care” tal-industrija tal-kimika stabbilita madwar id-dinja (14). Jeżistu wkoll inizjattivi simili f’setturi oħrajn.

7.4.

Il-ġestjoni tal-prodott tapplika mir-riċerka sal-fażi tar-rimi. Diġà fil-fażi tal-iżvilupp, l-intrapriżi jeżaminaw jekk il-prodotti ġodda tagħhom jistgħux jiġu prodotti u użati b’mod sigur. L-istħarriġ għandu jiġi konkluż sal-fażi tat-tqegħid fis-suq u għandhom jitfasslu linji gwida dwar l-użu sigur. Barra minn hekk, l-intrapriżi għandhom jispeċifikaw kif il-prodotti għandhom jintremew.

7.5.

Fid-dikjarazzjonijiet tagħha rigward is-sigurtà tan-nanomaterjali, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li studji xjentifiċi wrew li n-nanomaterjali jikkwalifikaw bħala “sustanzi kimiċi normali” (15). L-għarfien dwar il-proprjetajiet tan-nanomaterjali qiegħed jiżdied kontinwament. Il-metodi eżistenti għall-valutazzjoni tar-riskju jistgħu jintużaw.

7.6.

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li r-REACH (16) huwa l-aqwa qafas għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati man-nanomaterjali. Ċerti kjarifki u dettalji addizzjonali huma meħtieġa fl-annessi tar-Regolament REACH u d-dokumenti ta’ gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi – iżda mhux fit-test ewlieni tar-Regolament (17).

7.7.

Fl-industrija tal-farmaċewtika, il-prassi tajba ta’ manifattura (PTM) taqdi rwol ċentrali fl-ipproċessar tan-nanomaterjali. Dan jinkludi l-linji gwida dwar il-garanzija tal-kwalità fil-proċessi tal-produzzjoni tal-mediċini u s-sustanzi attivi.

7.8.

Naturalment, il-konsumaturi għandhom jiġu informati. Id-djalogi dwar in-nanoteknoloġija li jsiru bejn il-intrapriżi kimiċi l-kbar huma eżempji pożittivi ta’ dan (18). Dawn id-djalogi għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni, jippromovu l-aċċettazzjoni u jidentifikaw il-perikli. Sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzoni dwar in-nanomaterjali, il-Kummissjoni Ewropea nediet pjattaforma web fl-aħħar tal-2013 (19). Din tinkludi referenzi għas-sorsi disponibbli ta’ informazzjoni, inklużi r-reġistri nazzjonali u settorjali.

8.   Fatturi ta’ kompetittività/Impetu għan-nanoteknoloġija fl-Ewropa

8.1.

Ambjent pożittiv għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa fattur essenzjali għall-kompetittività. Dan japplika għall-innovazzjoni fi prodotti u proċessi kif ukoll għall-innovazzjoni soċjali. L-importanza kruċjali tan-nanoteknoloġija għandha tkun riflessa u appoġġata iktar kemm fil-prijoritajiet tal-UE kif ukoll fil-programmi ta’ riċerka u finanzjament reġjonali tagħha.

8.2.

Ir-riċerka u l-iżvilupp għandu jkollhom rwol ewlieni fl-UE. F’dan ir-rigward huwa importanti li jkun hemm netwerking pan-Ewropew, kooperazzjoni u raggruppamenti bejn in-negozji l-ġodda, l-intrapriżi stabbiliti, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka li jiffukaw fuq ir-riċerka fundamentali u applikata. Illum il-ġurnata, dan huwa l-mod kif jiġi ġenerat potenzjal ta’ innovazzjoni effettiv. Qed jiġu stabbiliti ċentri li jgħaqqdu lill-kumpaniji f’postijiet ġeografiċi ewlenin sabiex tiġi ottimizzata l-kooperazzjoni.

8.3.

It-taħriġ inizjali u dak ulterjuri huma fattur ewlieni fi proċessi b’innovazzjoni għolja bħalma hija n-nanoteknoloġija. Taħlita ta’ ħaddiema tas-sengħa u gradwati tipproduċi l-effetti ta’ innovazzjoni l-iktar b’saħħithom, bl-iskambju tal-għarfien bejn ħaddiema b’tipi differenti ta’ kwalifiki appoġġati minn miżuri komplementari relatati mal-organizzazzjoni u politika tar-riżorsi umani bħall-ħidma f’tim, ir-rotazzjoni tax-xogħol u d-delega għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kompetizzjoni globali għall-innovazzjoni twassal ukoll għal kompetizzjoni għal ħaddiema kkwalifikati. Dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati fl-industrija għandhom jiżviluppaw inċentivi adatti.

8.4.

Iktar flessibbiltà fir-rigward tal-orjentament tar-riċerka u inqas regolamenti u rekwiżiti burokratiċi jiżguraw il-kompetittività. Il-mediċini, it-teknoloġija medika, il-kisjiet tal-uċuħ u t-teknoloġija ambjentali huma ta’ importanza kbira għas-swieq tal-esportazzjoni u intern tal-Ewropa. B’mod partikolari, is-suq intern biċ-ċentri reġjonali tiegħu jiftaħ firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet f’dan il-qasam għall-SMEs.

8.5.

L-ispiża tax-xogħol m’għandhiex tiġi kkunsidrata biss bħala spiża inċidentali tas-salarji. Fil-valutazzjoni għandhom jiġu inklużi wkoll l-ispejjeż amministrattivi (pereżempju l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, il-garanzija tal-kwalità).

8.6.

L-ispejjeż tal-enerġija huma fattur rilevanti għall-kompetizzjoni fl-industrija tal-kimika li tagħmel użu intensiv mill-enerġija. Prezzijiet tal-enerġija kompetittivi u provvista stabbli tal-enerġija fl-UE huma prekundizzjoni għall-kompetittività, partikolarment għall-SMEs.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tessuti tekniċi: mutur tat-tkabbir” “ (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 14), Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija għall-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi.” (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 175)

(2)  Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 18 ta’ Ottubru 2011. Nanometru wieħed huwa ekwivalenti għal biljuneżmu ta’ metru. Dan huwa twil biżżejjed biex joqogħdu minn ħames sa għaxar atomi. Ir-relazzjoni bejn nanometru u metru hija ekwivalenti għal dik bejn ballun tal-futbol u d-dinja. It-terminu nanoteknoloġija jirreferi għall-kejl, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-applikazzjoni mmirati u kkontrollati tan-nanomaterjali li l-istrutturi, il-partikoli, il-fibri jew il-pjastrini tagħhom huma iżgħar minn 100 nanometru.

(3)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(4)  Fit-test segwenti, it-terminu “industrija tal-kimika” jista’ jinftiehem li jinkludi wkoll l-industrija farmaċewtika.

(5)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(6)  Sors: www.vfa.de/…/nanobiotechnologie-nanomedizin-positionspapier.pdf.

(7)  Oxford Economics Report, Evolution of competitiveness in the European chemical industry: historical trends and future prospects (L-evoluzzjoni tal-kompetittività fl-industrija tal-kimika Ewropea: tendenzi storiċi u prospetti futuri), Ottubru 2014.

(8)  Għaldaqstant, il-Fraunhofer-Institut für Windenergie und Energiesystemtechnik fil-Ġermanja u l-ENEA fl-Italja żviluppaw teknoloġija għall-ħżin tas-CO2bħala gass metan. Sors: Fraunhofer-Institut für Windenergie und Energiesystemtechnik, 2012.

(9)  Sors: Ministeru ta’ Hesse għall-Affarijiet Ekonomiċi u t-Trasport, Einsatz von Nanotechnologie in der hessischen Umwelttechnologie (L-użu tan-nanoteknoloġija fit-teknoloġija ambjentali f’Hesse), 2009.

(10)  Otto Linher, Kummissjoni Ewropea, Grimm et al: Nanotechnologie: Innovationsmotor für den Standort Deutschland (In-nanoteknoloġija: il-mutur tal-innovazzjoni għall-Ġermanja), Baden-Baden, 2011.

(11)  IG BCE/VCI: Zum verantwortungsvollen Umgang mit Nanomaterialien (Proċessar responsabbli tan-nanomaterjali). Dokument ta’ pożizzjoni, 2011.

(12)  IG BCE: Nanomaterialien – Herausforderungen für den Arbeits- und Gesundheitsschutz (Nanomaterjali – Sfidi għall-ħarsien tax-xogħol u tas-saħħa).

(13)  Otto Linher, Kummissjoni Ewropea.

(14)  http://www.icca-chem.org/en/Home/Responsible-care/.

(15)  Dokument ta’ riflessjoni għal-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema minn Riskji Potenzjali tan-Nanomaterjali Manifatturati (Guidelines on Protecting Workers from Potential Risks of Manufactured Nanomaterials).

(16)  REACH hija d-Direttiva qafas Ewropea għar-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi. http://echa.europa.eu/web/guest.

(17)  Sors: Sector Social Dialogue, Committee of the European Chemical Industry (Djalogu Soċjali Settorjali, Kumitat tal-Industrija tal-Kimika Ewropea).

(18)  http://www.cefic.org/Documents/PolicyCentre/Nanomaterials/Industry-messages-on-nanotechnologies-and-nanomaterials-2014.pdf.

(19)  https://ihcp.jrc.ec.europa.eu/our_databases/web-platform-on-nanomaterials.