Brussell, 18.12.2015

COM(2015) 906 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tielet rapport dwar il-progress mill-Kosovo* dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża

{SWD(2015) 706 final}


1. INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea nediet djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo 1* fid-19 ta’ Jannar 2012. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, għaddiet lill-Gvern tal-Kosovo pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan id-dokument kien jidentifika l-leġiżlazzjoni u l-miżuri kollha l-oħra li jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mill-Kosovo sabiex jagħmel progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-Kummissjoni adottat żewġ rapporti dwar il-progress tal-Kosovo fid-djalogu dwar il-viża: l-ewwel wieħed fit-8 ta’ Frar 2013; 2 It-tieni wieħed, fl-24 ta’ Lulju 2014 3 . Dan ir-rapport kien fih valutazzjoni tal-progress li sar mill-Kosovo, rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Kosovo u dejta statistika dwar l-impatti migratorji u ta’ sigurtà mistennija tar-reġim mingħajr viża.

Dan huwa t-tielet rapport li jipprovdi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-viża. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-iżviluppi dwar l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u jifformula rakkomandazzjonijiet f’oqsma fejn huma meħtieġa iktar passi għal konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Pjan direzzjonali tal-viża. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, 4 li jindirizza l-impatti migratorji u ta’ sigurtà mistennija mil-liberalizzazzjoni tal-viża.

Ir-rapport u d-dokument li jakkumpanja jibbażaw fuq rapporti ppreżentati mill-gvern tal-Kosovo, rapporti abbozzati mill-esperti tal-Istati Membri tal-UE li pparteċipaw fil-missjonijiet ta’ valutazzjoni f’Lulju 2015, informazzjoni li tasal mingħand l-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo, l-EULEX u l-Aġenziji tal-UE, kif ukoll dejta statistika miġbura mill-Eurostat u ppreżentata mill-Istati Membri.

Id-djalogu dwar il-viża huwa mwettaq mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar l-istatus.

2. REKWIŻITI RELATATI MAR-RIAMMISSJONI U R-RIINTEGRAZZJONI

2.1. Ir-riammissjoni

Il-Kosovo jissodisfa s-seba’ rekwiżiti kollha fil-qasam tar-riammissjoni.

Il-qafas legali tal-Kosovo dwar ir-riammissjoni huwa fis-seħħ. Huwa kkonkluda ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ 17-il Stat Membru, 3 Stati Assoċjati ta’ Schengen u 2 pajjiżi tal-Balkani tal-Punent 5 . Huwa ffirma ftehim ta’ riammissjoni mat-Turkija fil-15 ta’ Diċembru 2015 u beda negozjati ma’ Stati oħra.

Ir-riammissjoni ta’ ċittadini tal-Kosovo qed tiffunzjona tajjeb, inkluża dik ta’ persuni vulnerabbli 6 . Il-Kosovo tejjeb l-ipproċessar tat-talbiet; il-każijiet pendenti m'għadhomx kwistjoni ta’ tħassib. M’hemmx dejta dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi.

2.2. Ir-riintegrazzjoni

Il-Kosovo jissodisfa tnejn mit-tliet rekwiżiti fil-qasam tar-riintegrazzjoni

Il-baġit tal-Kosovo alloka EUR 3,2 miljun għall-Fond għar-Riintegrazzjoni fl-2015, inklużi EUR 1 miljun għal kostruzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni għal persuni rimpatrijati. 20% ta’ dan l-ammont intefqu fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Issa ġiet stabbilita sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, li tiffaċilita l-aċċess tal-persuni rimpatrijati għas-servizzi ta’ riintegrazzjoni. Id-data tal-għeluq għall-eliġibbiltà tibqa’ l-10 ta' Lulju, iżda dawk li telqu mill-Kosovo wara, mar-ritorn tagħhom jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għadd ta’ servizzi ta’ emerġenza, bħal trasport, kenn u assistenza medika. Individwi vulnerabbli jibbenefikaw minn firxa sħiħa ta’ servizzi ffinanzjati minn dan il-fond irrispettivament mid-data tat-tluq tagħhom mill-Kosovo.

Fl-ewwel nofs tal-2015, 1,542 minn 2,744 persuni rimpatrijati rreġistrati fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet (56%) rċevew, fil-mument ta’ ritorn lejn il-Kosovo, assistenza immedjata, bħal trasport, kenn, ikel u assistenza medika; 256 persuna minn dawk irreġistrati fis-sistema (9%) ibbenefikaw minn servizzi ta’ riintegrazzjoni "sostenibbli" bħal allowance għal min ikun qed ifittex impjieg u appoġġ għal pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju. Għandhom jiġu żviluppati aktar programmi ta’ taħriġ għal għall-persuni rimpatrijati b’ħiliet u r-riintegrazzjoni tat-tfal fis-sistema tal-iskola, speċjalment permezz ta’ taħriġ lingwistiku.

Rakkomandazzjoni Nru. 1:

-Biex jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tar-riintegrazzjoni, il-Fond għar-Riintegrazzjoni għandu jiġi żborzat kompletament, b’enfasi fuq li joffri assistenza b’impjieg, l-istabbiliment ta’ negozji żgħar, it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ lingwistiku għat-tfal.

3. BLOKK 1: SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI

Il-Kosovo jissodisfa tmienja mid-disa' rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti.

Il-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar personali, karti tal-identità u dokumenti oriġinaturi huma sodisfaċenti. Dawn id-dokumenti jikkonformaw mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u mal-istandards tas-sigurtà tad-dokumenti tal-UE.

Is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-istatus ċivili tal-Kosovo (CSRs) tjiebet ħafna. Il-ħidma li għaddejja għandha l-għan li toħloq bażi ta’ dejta ċentrali waħdanija li tgħaqqad dejta minn bażijiet tad-dejta li jeżistu filwaqt li tivverifika l-integrità u l-kwalità tad-dejta sottostanti. B’taħriġ xieraq, verżjoni ġdida tas-CSRs tnediet f’Lulju 2015, li teħtieġ verifika robusta ġdida kull darba li jinħareġ ċertifikat tal-istat ċivili.

Iċ-ċittadini jinħarġilhom Numru tal-Identifikazzjoni Personali uniku, marbuta mad-dejta bijometrika tagħhom, meta jitolbu dokument dwar l-istat ċivili. Dan il-metodu ppermetta lill-Aġenzija Responsabbli mir-Reġistrazzjonijiet Ċivili tivverifika d-dejta personali ta’ 1,602,453 ċittadin, jew 86% tal-popolazzjoni.

Fl-2014, l-Aġenzija Responsabbli mir-Reġistrazzjonijiet Ċivili kkonkludiet memoranda ta’ qbil mal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Kosovo, il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo, tal-Pulizija tal-Kosovo, l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja, u l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u tad-Dwana tal-Kosovo biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn il-bażijiet ta' dejta rispettivi tagħhom. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-bażijiet ta' dejta issa ġew interkonnessi.

It-tibdil ta’ ismijiet u kunjomijiet huwa rregolat minn leġiżlazzjoni sekondarja adottata f’Mejju 2015 u emendata f’Novembru 2015. Suġġett għal kontroll tal-isfond kriminali u l-istabbiliment li l-applikant mhuwiex taħt investigazzjoni kriminali, it-talbiet għandhom jiġu approvati mill-pulizija u mill-ġudikatura, u jistgħu jsiru biss darba kull ħames snin. L-emendi adottati f’Novembru 2015 stabbilew kumitat speċjali fl-Aġenzija Responsabbli mir-Reġistrazzjonijiet Ċivili li jivverifika talbiet għal tibdil fl-isem abbażi ta’ estratti mis-CSRS. Fil-futur, dan il-Kumitat huwa mistenni li jagħti pariri lill-muniċipalitajiet lokali jekk japprovawx it-talbiet. Dan il-leġiżlazzjoni emendata issa għandha tiġi implimentata b’mod sħiħ.

Rakkomandazzjoni Nru. 2:

-Biex jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti, il-Kosovo għandu juri li huwa jkun implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja emendata tiegħu dwar tibdil fl-isem.

4. BLOKK 2: IL-ĠESTJONI TAL-FRUNTIERI/KONFINI U TAL-MIGRAZZJONI

4.1. Il-ġestjoni tal-fruntieri/konfini

Il-Kosovo jissodisfa erbatax mill-ħmistax-il rekwiżit fil-ġestjoni tal-fruntieri/konfini, inklużi r-responsabbiltà tat-trasportatur.

Il-leġiżlazzjoni tal-Kosovo hija ġeneralment konformi mal-acquis ta’ Schengen, u l-kontrolli jitwettqu f’konformità mal-istandards tal-UE. Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri/konfini huma mgħammra biżżejjed biex iwettqu kontrolli tal-ewwel u tat-tieni linja, ħlief f'Merdare/Merdarë, fejn bħalissa qed jiġi stabbilit punt ta’ qsim komuni (IBM). F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni tal-esperti f’Lulju 2015, l-awtoritajiet tal-Kosovo f’nofs Novembru 2015 introduċew mill-ġdid kontrolli tal-ħruġ fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri/konfini prinċipali mal-Albanija.

L-awtoritajiet rilevanti għandhom persunal adegwat biex jikkontrollaw il-flussi tat-traffiku u l-moviment tal-passiġġieri. Dawn huma mgħammra biżżejjed biex titlesta s-sorveljanza tal-fruntieri; l-analiżi tar-riskju hija użata għall-monitoraġġ ta’ żoni ta’ riskju għoli, iżda d-detezzjonijiet għadhom baxxi. L-Aġenzija Alimentari u Veterinarja għandha aċċess għall-internet.

Iċ-Ċentru tal-IBM tal-Kosovo huwa operattiv b’mod sħiħ. Dan iċ-ċentru huwa magħmul minn persunal mill-awtoritajiet rilevanti kollha u huwa responsabbli għal analiżi tar-riskju strateġiku u operazzjonali fil-livell ċentrali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta. Fil-livell lokali, l-analiżi tar-riskju titwettaq f’punti ta’ qsim.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tjiebet. Il-Ftehim tad-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro għandu jiġi ratifikat mill-Kosovo qabel ma jingħata l-istatus mingħajr viża liċ-ċittadini tal-Kosovo.

Il-kooperazzjoni mal-FRONTEX tal-Kosovo tjiebet b’mod konsiderevoli. L-awtoritajiet rilevanti kollha għandhom l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ reati relatati mal-fruntieri/konfini, għalkemm l-għadd ta’ każijiet individwati u investigati ta' migrazzjoni irregolari ffaċilitata, traffikar tal-bnedmin jew traffikar tad-drogi għadu baxx.

Rakkomandazzjoni Nru. 3:

-Biex jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri/konfini, il-Kosovo għandu jirratifika l-Ftehim ta’ delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro qabel ma jingħata l-istatus mingħajr viża liċ-ċittadini tal-Kosovo.

4.2. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-Kosovo jissodisfa l-għaxar rekwiżiti kollha fil-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni tal-Kosovo fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni hija konformi mal-acquis tal-UE.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Viża tal-Kosovo (KVIS) bdiet tintuża fi 15 mit-30 missjoni diplomatika jew konsulari tal-Kosovo barra mill-pajjiż. Il-15-il missjoni li jifdal, mhux konnessi mal-KVIS jinsabu tipikament fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati Assoċjati ma’ Schengen, fejn mill-inqas uffiċju konsulari wieħed, tipikament dak fil-kapitali, ikun diġà ġie konness ma’ din is-sistema. Minħabba r-rappreżentanza diplomatika limitata tal-Kosovo madwar id-dinja, il-KVIS hija disponibbli biss fi ftit kapitali Amerikani, Afrikani u Ażjatiċi. Sabiex din is-sistema ssir disponibbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jidħlu fil-Kosovo, 7 l-awtoritajiet tal-Kosovo bdew l-esternalizzazzjoni tat-trattament tal-applikazzjonijiet għal viża lil fornituri esterni tas-servizzi filwaqt li jżommu kontroll fuq id-deċiżjonijiet dwar il-viża. Dan il-proċess għandu jitkompla.

Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-viżi jinħarġu fil-fruntieri tal-Kosovo f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss 8 .

Il-profil migratorju estiż tal-Kosovo huwa żviluppat tajjeb. Dan jista’ jiġi rfinat aktar billi jinkorpora l-informazzjoni dwar id-dijaspora tal-Kosovo.

Fl-2014, il-Kosovo ta 77 permess ta’ residenza lill-barranin. Peress li l-integrazzjoni tal-barranin għadha fil-bidu tagħha, f’dan il-qasam il-Kosovo għandu juża l-esperjenza miksuba fit-tħaddim ta’ programm ta’ riintegrazzjoni tiegħu.

Il-Kosovo jopera l-faċilitajiet ta' detenzjoni tiegħu - waħda temporanja fl-ajruport ta’ Pristina u waħda permanenti f'Vanidoll- f'konformità mad-Direttiva tal-UE dwar ir-ritorn. Il-persuni rimpatrijati għandhom salvagwardji proċedurali xierqa u l-aċċess għas-servizzi, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar ir-Ritorn. Għandu jkun disponibbli fuljett li jiddeskrivi s-salvagwardji proċedurali għall-persuni rimpatrijati fiż-żewġ faċilitajiet.

Id-diversi bażijiet ta’ dejta fl-infurzar tal-liġi u l-migrazzjoni bħalissa qed jiġu interkonnessi 9 .

4.3. Ażil

Il-Kosovo jissodisfa sitta mis-seba' rekwiżiti fil-qasam tal-ażil.

Il-leġiżlazzjoni tal-Kosovo hija konformi mal-acquis tal-UE, u għandha l-istruttura istituzzjonali u r-riżorsi meħtieġa fis-seħħ biex toffri protezzjoni lil dawk li jfittxu l-ażil.

Skont l-UNHCR, 62 u 98 persuna talbu l-ażil fil-Kosovo rispettivament fl-2013 u l-2014 - erba’ applikanti rċevew protezzjoni sussidjarja fl-2013; wieħed fl-2014. Filwaqt li r-rotta ta' migrazzjoni tal-Balkani tal-Punent s'issa evitatu, il-Kosovo għandu jagħmel użu tal-faċilitajiet biex tingħata protezzjoni internazzjonali lil dawk li jistħoqqilhom.

Fl-2015 il-Kosovo żied il-kooperazzjoni tiegħu mal-UNHCR, l-aktar fil-qasam ta’ interpretazzjoni remota. Huwa ħejja lista tiegħu ta’ interpreti u kkonkluda ftehim mal-UNHCR biex jagħmel użu tar-riżorsi tal-interpretazzjoni remota għal-lingwi li ma tkoprix il-pula tal-Kosovo.

Rakkomandazzjoni Nru. 4:

-Biex ikun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tal-ażil, il-Kosovo għandu jimmonitorja r-raġuni għar-rata baxxa tiegħu ta' rikonoxximent għal persuni li jfittxu l-ażil.



5. BLOKK 3: L-ORDNI PUBBLIKU U S-SIGURTÀ

5.1. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, tal-korruzzjoni u tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrihom

Il-Kosovo jissodisfa tnax mill-ħmistax-il rekwiżiti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu.

F’Ġunju 2015, l-Assemblea adottat emendi għal erba’ liġijiet bażiċi 10 li jirfdu s-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Kosovo. Dawn l-emendi armonizzaw il-kriterji għall-ħatra tal-imħallfin u t-tneħħija ta’ mħallfin u prosekuturi, u saħħew l-indipendenza tagħhom billi jagħtuhom is-setgħa biex jipproponu l-baġits tagħhom stess. Il-postijiet battala qed jimtlew bħalissa kemm fil-livell tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo (KJC) u l-Kunsill tal-Prosekuzzjoni fil-Kosovo (KPC) 11 .

F’Ottubru 2015, il-KJC trasferixxa tliet imħallfin fid-dipartiment tal-kriminalità serja tal-Qorti Ordinarja ta' Pristina, biex b’hekk in-numru totali ta’ mħallfin sar 14. Dan l-iżvilupp pożittiv għandu jiġi estiż għad-dipartimenti kollha ddedikati għal delitti serji tal-qrati kollha fil-Kosovo. It-tkomplija tat-tisħiħ tar-riżorsi umani tad-dipartimenti ddedikati għal delitti serji ta' qrati ordinarji inklużi mħallfin kwalifikati u persunal ta’ appoġġ b’baġit xieraq, għandhom isiru prijorità għall-Kosovo.

Fl-2014, il-KJC adottat strateġija biex inaqqas ix-xogħol b’lura tal-kawżi tal-qorti li timmira li sal-aħħar tal-2016 tinforza l-maġġoranza tas-sentenzi f’kawżi amministrattivi 12 . Il-KJC issa għandu jagħti prijorità lir-riżorsi skarsi b’tali mod li l-imħallfin f’dipartimenti ddedikati għal delitti serji, b’appoġġ xieraq, ikunu jistgħu jiffukaw fuq il-qtugħ ta' kawżi ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni serji.

Ir-rekord tal-Kosovo fir-rigward tal-qtugħ ta’ sentenzi f’każijiet ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni serji għadu dgħajjef, parzjalment minħabba problemi ta’ kapaċità li jaffettwaw lill-ġudikatura 13 . Biex jirrettifika din is-sitwazzjoni, il-kap prosekutur f’Ottubru 2015 ħatar aġent kap tal-prosekuzzjoni speċjali bħala koordinatur ċentrali biex jagħżel u jimmira lejn kawżi bi profil għoli ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni serji. Issa l-Kosovo għandu jqis l-għoti ta’ mandat u riżorsi lill-uffiċċju tal-koordinatur ċentrali biex imexxi timijiet multidixxiplinarji, magħmula minn prosekuturi speċjali, uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali tad-dwana u tat-taxxa, li jwettqu investigazzjonijiet finanzjarji u biex jimmonitorja s-segwitu ġudizzjarju ta’ każijiet ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni ta’ profil għoli, inkluż l-iffriżar tal-assi u sekwestru, l-infurzar ta’ ordnijiet ta’ konfiska u r-ritorn ta’ assi miksubin illeċitament lis-soċjetà.

Il-Kosovo qed jaħdem biex jiżviluppa sistema integrata ta’ ġestjoni tal-kawżi li tippermetti t-traċċar tal-kawżi mill-fażi ta’ intelligence u f'dik investigattiva, permezz tal-prosekuzzjoni u l-kundanni definittivi u l-irkupru tal-assi. L-uffiċċju tal-koordinatur ċentrali responsabbli f’każijiet ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni ta’ profil għoli għandu jieħu passi biex issaħħaħ ir-rabtiet operazzjonali u tal-IT bejn l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. Ix-xogħol ta’ tħejjija beda.

L-istrateġija tal-gvern għall-2014 biex jevita l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ġiet implimentata, iżda l-kundanni għal reati ta’ ħasil ta’ flus għadhom baxxi.

Il-Kosovo għamel xi progress fl-iffriżar u l-konfiska tal-assi miksuba b’mod illeċitu, iżda frazzjoni żgħira biss minn dawn l-assi ġew ikkonfiskati 14 . Fin-nuqqas ta’ numru biżżejjed ta’ ordnijiet ta’ konfiska, l-Aġenzija għall-Ġestjoni ta' Assi Ssekwestrati u Kkonfiskati (AMSCA) hija obbligata li tmexxi b’mod indefinit l-assi konfiskati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Il-liġi tal-2013 dwar setgħat estiżi għall-konfiska tal-assi għandha tintuża b’mod sħiħ.

Il-Kosovo saħħaħ konsiderevolment l-attività tal-pulizija bbażata fuq l-intelligence fl-2015, li għandha titkompla. Il-Pulizija tal-Kosovo għandha aċċess għal firxa ta’ bażijiet ta' dejta meħtieġa għall-ħidma tagħha.

Bħalissa għaddejja ħidma biex tiġi stabbilita bażi ta' dejta elettronika ta' rekords kriminali, iżda għadha trid tiddaħħal id-dejta kollha fis-sistema.

L-akkwist pubbliku jibqa’ sors ewlieni ta’ korruzzjoni fil-Kosovo. L-Assemblea adottat liġi emendata dwar l-akkwist pubbliku fl-14 ta' Diċembru 2015, li fost affarijiet oħra ħolqot pjattaforma għall-akkwist elettroniku u fittxet li tirregolarizza l-istatus tal-membri tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku, li tamministra l-akkwist pubbliku fil-Kosovo u l-korp ta’ reviżjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPRB), li jirrevedi d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni. Dawn l-emendi huma mistennija li jidħlu fis-seħħ f’Jannar 2016. B’allegazzjonijiet ta’ kollużjoni bejn il-PPRB u l-ġudikatura, kif ukoll b'allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kontra l-kap tal-PPRB, huwa essenzjali li l-Kosovo jistabbilixxi salvagwardji xierqa li jiggarantixxu l-indipendenza operazzjonali tal-PPRB. Pjanijiet stretti għall-integrità għandhom jiġu implimentati biex jipproteġu l-indipendenza taż-żewġ korpi.

L-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Kunsill Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni mmexxijja mill-President tal-Kosovo intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom. L-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni għandha biżżejjed riżorsi u tkompli tirrevedi d-dikjarazzjonijiet tal-assi u timmonitorja l-kunflitti ta’ interess fis-settur pubbliku.

Il-liġi tal-Kosovo dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi bdiet tintuża fil-kampanja elettorali tal-2014. Il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) issa għandha biżżejjed persunal. Matul il-kampanja tas-sena l-oħra, il-partiti politiċi kollha ppreżentaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom lill-CEC bi wħud minnhom jirċievu multi għall-preżentazzjoni tard tar-rapporti tagħhom.

Il-liġi dwar l-interċettazzjoni tal-Kosovo ġiet adottata f’Mejju 2015. Hija tagħmel distinzjoni ċara, minn perspettiva legali, proċedurali u teknika, bejn interċettazzjoni legali għall-finijiet ta’ ġustizzja kriminali u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Kosovo. Din il-leġiżlazzjoni tirregola wkoll iż-żamma tad-dejta. L-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ewlenija tinsab għaddejja.

Il-protezzjoni tax-xhieda issa hija operattiva fil-Kosovo. Id-Direttorat għall-Protezzjoni tax-Xhieda tal-pulizija għandu biżżejjed persunal, b’baġit xieraq. Għadd ta’ ftehimiet ta' rilokazzjoni ġew konklużi ma’ pajjiżi terzi.

Il-Kosovo għamel xi progress fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi. Huwa qabad ammonti dejjem akbar ta’ marijuana, eroina u kokaina fl-2013 u l-2014. Il-Kosovo kkonkluda sett ta’ memoranda ta’ qbil ma’ sħab u parteċipanti ewlenin, permezz tal-unità tiegħu ta’ kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi (ILECU) fir-"Rotta tal-Balkani tal-Punent" u l-"Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta tal-Balkani" immexxija mill-EUROPOL kontra t-traffikar tad-droga. Il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' kriminalità organizzata investigati mill-pulizija jikkonċernaw it-traffikar tad-drogi, anki jekk il-kundanni finali f’kawżi relatati mat-traffikar tad-drogi għadhom baxxi.

Ir-reazzjoni tal-Kosovo għat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tal-migranti hija aċċettabbli. Il-pulizija għandha numru biżżejjed ta’ persunal biex tinvestiga reati relatati mat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tal-migranti. Wara l-kriżi migratorja straordinarja mill-Kosovo lejn l-aħħar tal-2014 u l-bidu tal-2015, il-Kosovo għamel kontrolli aktar stretti fuq kumpaniji tal-karozzi tal-linja li tipikament jiffaċilitaw it-traffikar tal-migranti. Filwaqt li r-rotta tal-migrazzjoni tal-Balkani tal-Punent s’issa evitat il-Kosovo, hija saħħet il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mas-Serbja, l-Ungerija u l-Awstrija.

Il-liġi dwar il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità qed tiġi implimentata, u l-Kosovo żied l-isforzi tiegħu tar-riabilitazzjoni tal-vittmi u biex jipprevjeni t-traffikar tal-bnedmin.

Il-Kosovo qed jindirizza t-traffikar tal-armi, iżda r-rata ta’ distruzzjoni ta’ armi żgħar għadha baxxa. Biex itejjeb l-effikaċja tal-isforzi tiegħu kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, il-Kosovo għandu jagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha miftehmin fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar bejn l-UE u r-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa.

L-isforz tal-Kosovo kontra t-terroriżmu għadhom funzjonali. Il-ġellieda barranin għadhom problema, bl-awtoritajiet tal-Kosovo jiġbru ħafna informazzjoni dwar il-ġellieda Kosovari fis-Sirja. Qiegħda tiġi implimentata liġi tal-2015 dwar il-Projbizzjoni tal-Parteċipazzjoni f’kunflitti armati. Il-gvern żied konsiderevolment l-isforzi tiegħu kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni fil-Kosovo, b’mod partikolari billi jimmobilizza l-appoġġ ta’ mexxejja Iżlamiċi.

Rakkomandazzjonijiet Nru. 5, 6 & 7:

Biex jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-terroriżmu, il-Kosovo għandu jagħmel dan li ġej:

-Jittrasferixxi numru biżżejjed ta' mħallfin, flimkien ma' persunal ta’ appoġġ xierqa, f'dipartimenti ddedikati għal delitti serji fil-qrati tal-Kosovo;

-Jistabbilixxi rekord tal-investigazzjonijiet, sentenzi finali tal-qorti u konfiski f’każijiet ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata serja, b’mod partikolari billi jadotta koordinatur ċentrali għall-kawżi ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni serji b’mandat u riżorsi biex imexxi timijiet multidixxiplinarji ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u biex jimmonitorja s-segwitu ġudizzjarju ta’ każijiet ta’ dan it-tip;

-Jiżgura l-indipendenza operazzjonali tal-Korp ta’ Rieżami tal-Akkwist Pubbliku. Għandhom jiġu mplimentati pjanijiet ta' integrità stretti biex jipproteġu l-indipendenza ta’ dan il-korp u tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku.

5.2. Koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

Il-Kosovo jissodisfa il-ħdax-il rekwiżit kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-ligi.

Il-Kosovo kkonkluda 55 memoranda ta’ qbil dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi ma’ 16-il pajjiż u mal-EULEX. Huwa bagħat 7 uffiċjali ta’ kollegament lil sħab ewlenin, bħat-Turkija, il-Ġermanja, l-Awstrija u Franza.

Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi sseħħ kemm fuq bażi bilaterali, kif ukoll b'rabta mal-Europol permezz tal-EULEX, jew b'rabta mal-Interpol permezz tal-punt ta’ kuntatt integrat fil-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK). L-aħħar tnejn jiffaċilitaw ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni fl-infurzar tal-liġi mas-Serbja.

Ir-relazzjonijiet mal-Europol permezz tal-EULEX tjiebu b’mod konsiderevoli, l-istess bħall-kooperazzjoni mal-Interpol permezz tal-punt ta’ kuntatt f’UNMIK. F’Awwissu 2015, il-Kosovo ressaq l-applikazzjoni tiegħu biex jingħaqad mal-Interpol.

Il-Pulizija tal-Kosovo għandha aċċess għal seminars organizzati mill-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL).

5.3. Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali

Il-Kosovo jissodisfa s-seba’ rekwiżiti kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali.

L-organu xierqa għandu biżżejjed persunal biex jittratta talbiet li jidħlulu u biex jagħmel talbiet għal assistenza legali reċiproka.

Il-Kosovo kkonkluda ftehimiet ta’ assistenza legali reċiproka mal-Belġju, il-Kroazja, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvizzera u t-Turkija. Għaddejjin negozjati mal-Montenegro, is-Slovenja u l-Istati Uniti. Il-kooperazzjoni mas-Serbja, permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR), tjiebet b’mod konsiderevoli.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali taħdem mal-Istati Membri tal-UE jew permezz ta’ arranġamenti bilaterali inkella permezz tar-RSUE.

Il-Kosovo esplora wkoll il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust.

5.4. Protezzjoni tad-dejta

Il-Kosovo jissodisfa t-tliet rekwiżiti kollha fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta.

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali hija f’konformità mal-acquis tal-UE, għalkemm l-emendi li qed jitħejjew tal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE għandhom ikunu integrati fl-istruttura legali tal-Kosovo. L-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Dejta adottat leġiżlazzjoni sekondarja dwar is-sigurtà tad-dejta.

Din l-aġenzija issa qed tiġi sistematikament ikkonsultata dwar abbozzi ta’ liġijiet ippreżentati lill-Assemblea -setgħa li użat biex tinfluwenza l-kontenut ta’ diversi abbozzi ta’ leġiżlazzjoni.

L-Aġenzija kellha wkoll għadd ta’ avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni, u l-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta issa inħatru fil-livell lokali. Il-baġit tal-Aġenzija għandu jinżamm.

6. BLOKK 4: ID-DRITTIJIET FUNDAMENTALI RELATATI MAL-LIBERTÀ TAL-MOVIMENT

Il-Kosovo jissodisfa sebgħa mit-tmien rekwiżiti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali relatati mal-libertà tal-moviment.

Il-qafas tad-drittijiet fundamentali għadu sod u ssaħħaħ bl-adozzjoni f’Mejju 2015 tal-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni, il-liġi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-liġi dwar l-ombudsperson. Il-liġijiet ġew adottati bħala pakkett leġiżlattiv wieħed (il-Pakkett tal-Liġijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) u daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2015.

Il-liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni tinkludi dispożizzjonijiet li jipprevjenu u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, jippromwovu l-ugwaljanza effettiva u jddaħħlu fis-seħħ il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-persuni kollha quddiem il-liġi. Il-liġi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tħaddan rispett sħiħ għad-drittijiet tan-nisa f’konformità mal-istandards internazzjonali. Il-liġi l-ġdida tal-ombudsperson tejbet il-leġiżlazzjoni dwar l-istituzzjoni tal-ombudsperson, u estendiet il-mandat tiegħu u saħħet id-dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-liġijiet ser teħtieġ l-adozzjoni ta’ tmien ordinanzi sal-aħħar tal-2015.

L-implimentazzjoni tal-liġi tal-ombudsperson b’mod partikolari teħtieġ li jiżdiedu l-kapaċità u r-riżorsi tal-istituzzjonijiet li jittrattaw mal-mandat usa’ tiegħu. Bħala l-korp għat-trattament ugwali prinċipali tal-pajjiż u l-mekkaniżmu nazzjonali ta’ prevenzjoni, jeħtieġ aktar persunal, bini xieraq u baġit xieraq biex jaqdi r-rwol il-ġdid tiegħu. Miżuri inizjali li ttieħdu mill-gvern imorru kontra l-ispirtu tal-liġi l-ġdida. Il-Gvern għandu jalloka bini adegwat lill-ombudsperson u jiżgura l-indipendenza baġitarja tiegħu.

L-uffiċċji tal-ombudspersons reġjonali jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-mandat u l-kompiti tiegħu.

Il-gvern kompla wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għall-integrazzjoni tal-komunitajiet Roma, Ashkali u Eġizzjani. Aktar fondi ġew allokati u minfuqa fil-livell lokali, biex jibbenefikaw impriżi differenti mmirati lejn il-minoranzi Roma, Ashkali u Eġizzjani.

Applikazzjoni stretta tal-Artikolu 147 tal-kodiċi kriminali ma tkoprix l-inċidenti kollha etnikament motivati, peress li dan l-artikolu ma jkoprix l-intenzjonijiet wara delitt. L-użu esklussiv ta’ dan l-artikolu jkun ifisser li r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti tista' ma tqisx il-motivazzjoni etnika potenzjali tagħhom. Dan in-nuqqas jista’ jiġi indirizzat billi jintuża l-Artikolu 74.2.12 tal-kodiċi kriminali, li jqis jekk reat ikunx etnikament motivat.

Fl-2014, il-Pulizija tal-Kosovo rreġistrat 19-il każ b'motivazzjoni etnika potenzjali. Fl-aħħar tliet xhur tal-2014, ġie irrappurtat 26 każ b'motivazzjoni etnika potenzjali. Mekkaniżmu ta’ traċċar ilu operattiv mill-2014. Madankollu, in-numru ta' reati b'motivazzjoni etnika potenzjali għadu mhux ċar, peress li l-istatistika ma tinġabarx b’mod armonizzat mill-Pulizija tal-Kosovo.

Issa hemm regolamenti fis-seħħ li jagħmluha possibbli li jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn il-mandati tal-kunsilli tas-sikurezza tal-komunitajiet muniċipali u tal-assemblej muniċipali. Ġie ppubblikat manwal għall-kunsilli f’Jannar 2015.

Rakkomandazzjoni Nru. 8:

-Biex jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali relatati mal-libertà tal-moviment, il-Kosovo għandu jipprovdi binjiet xierqa u jiżgura l-indipendenza baġitarja sħiħa tal-ombudsperson.

7. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-viża li għamel il-Kosovo fuq il-bażi tal-informazzjoni u dokumenti leġiżlattivi u ta’ politika rilevanti pprovduti mill-Kosovo. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkumplimentata b’missjonijiet ta’ valutazzjoni fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea megħjuna minn esperti mill-Istati Membri tal-UE.

Mit-tnedija tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo f’Jannar 2012 u l-għoti lill-awtoritajiet tal-Kosovo ta' pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi f’Ġunju 2012, il-Kummissjoni għandha tirrapporta b’mod regolari lill-Kunsill u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali.

Id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, bħala parti minn politika ġenerali tal-UE għall-Balkani tal-Punent, sar fi ħdan il-qafas tad-Djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni organizzat erba’ Laqgħat għall-Uffiċjali Għolja mill-2012 u laqqgħet diversi laqgħat tekniċi fil-livell tal-esperti. Il-progress fil-kwistjonijiet koperti mid-djalodu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ġie diskuss u rrappurtat regolarment fi ħdan il-qafas tad-Djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

Il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), f’konformità mal-mandat tagħha, kellha rwol importanti fil-monitoraġġ, l-iggwidar u l-konsulenza tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan direzzjonali dwar il-viża. L-awtoritajiet tal-Kosovo urew ukoll kooperazzjoni effikaċi mal-EULEX, inkluż fit-twettiq tal-mandat esekuttiv tagħha.

Id-djalogu dwar il-viża mal-Kosovo wera li hu għodda importanti u partikolarment effettiva fl-avvanz ta’ riformi mifruxa u diffiċli fil-qasam tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni, u lil hinn, b’impatt f’oqsma bħall-istat tad-dritt u r-riforma tal-ġustizzja kriminali. Dawn il-kwistjonijiet huma mmonitorjati wkoll f’oqfsa oħra, bħalma huma fis-sottokumitat tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà tad-Djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni.

Il-progress miksub mill-Kosovo fl-oqsma kollha koperti mill-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża huwa stabbli u effettiv. Dan huwa turija t'impenn fit-tul tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-viża bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta.

Il-Kummissjoni ppreżentat żewġ rapporti komprensivi dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-viża. L-ewwel wieħed, adottat fi Frar 2013, iffoka fuq il-konformità leġislattiva tal-Kosovo mar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali. It-tieni rapport, ippubblikat f’Lulju 2014, iffoka fuq l-implimentazzjoni. Dan tal-aħħar ifformula 52 rakkomandazzjoni fl-erba’ blokok tal-pjan direzzjonali tal-viża, kif ukoll ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni. Huwa nnota li l-Kosovo għamel progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-viża iżda kienu għadhom meħtieġa sforzi ulterjuri f’konformità ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Dan ir-rapport stabbilixxa 8 rakkomandazzjonijiet li jikkorrispondu għal 8 rekwiżiti pendenti tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fl-oqsma li ġejjin jibqa’ prijorità ewlenija:

-Trasferiment ta' numru biżżejjed ta' mħallfin, flimkien ma' persunal ta’ appoġġ xierqa, f'dipartimenti ddedikati għal delitti serji fil-qrati madwar il-Kosovo;

-Il-bini ta' rekord tal-investigazzjonijiet, sentenzi finali tal-qorti u konfiski f’kawżi ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata serji, b’mod partikolari billi jadotta koordinatur ċentrali tal-kawżi ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni serji b’mandat u riżorsi biex imexxi timijiet multidixxiplinarji ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u biex jimmonitorja s-segwitu ġudizzjarju ta’ kawżi ta’ dan it-tip;

-Jiżgura l-indipendenza operattiva tal-Korp tal-Analiżi tal-Akkwisti Pubbliċi u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet biex tipproteġi l-integrità stretta għall-indipendenza ta’ dan il-korp u l-Kummissjoni Regolatorja tal-Akkwist Pubbliku;

-Juri li l-Kosovo implimenta l-leġiżlazzjoni sekondarja emendata tiegħu dwar tibdil fl-isem.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-progress fl-issodisfar tal-Kosovo tar-rekwiżiti pendenti oħra u fl-implimentazzjoni tar-riformi li għaddejjin fl-oqsma li ġejjin: ir-ratifikazzjoni tal-ftehim tad-delineazzjoni tal-fruntieri/konfini mal-Montenegro qabel ma jingħata l-istatus mingħajr viża liċ-ċittadini tal-Kosovo. żborż tal-Fond għar-Riintegrazzjoni, b’enfasi fuq li joffri assistenza b’impjieg, l-istabbiliment ta’ negozji żgħar, it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ lingwistiku għat-tfal. il-monitoraġġ tar-raġunijiet għal rata baxxa ta’ rikonoxximent tal-Kosovo għal dawk li jfittxu ażil; u l-għoti ta' bini adegwat lill-ombudsperson u jiżgura l-indipendenza baġitarja sħiħa t.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja b'mod attiv l-implimentazzjoni kontinwa mill-Kosovo tar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-erba’ blokok tal-pjan direzzjonali tal-viża, kif ukoll tar-rintegrazzjoni u r-riammissjoni, skont id-djalogu tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ segwitu ad hoc.

Skont din l-evalwazzjoni, u minħabba l-eżitu tal-monitoraġġ u rappurtar kontinwu li sar mit-tnedija ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo f’Jannar 2012, il-Kummissjoni tqis dan ir-rapport bħala dak finali.

Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq jibqgħu; hekk kif dawn jiġu implimentati, u sakemm miżuri effettivi jkunu u jibqgħu fis-seħħ biex tiġi evitata kriżi ġdida ta’ migrazzjoni, il-Kummissjoni se tipproċedi biex toħroġ proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Il-Kosovo għandu jkompli jorganizza kampanji ta’ informazzjoni ffukati bil-għan li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen u dwar ir-regoli rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja lill-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tal-viża.

(1)

*L-użu ta' dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.

(2)

COM (2013) 66 finali

(3)

COM(2014) 488

(4)

SWD(2015) 706

(5)

L-Albanija, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Liechtenstein, Malta, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Slovenja, l-Iżvezja, l-Isvizzera, flimkien ma’ ftehim uniku li jkopri l-Belġju, il-Lussemburgu u n-Netherlands.

(6)

Matul il-kriżi ta’ migrazzjoni straordinarja mill-Kosovo bejn Settembru 2014 u April 2015, 87,495 ċittadin tal-Kosovo fittex l-ażil fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati Assoċjati ma’ Schengen. Fl-ewwel għaxar xhur tal-2015, il-Kosovo ħa lura 9,182 miċ-ċittadini tiegħu.

(7)

Iċ-ċittadini ta’ 88 pajjiż jeħtieġu viża biex jidħlu fil-Kosovo. Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża. Iċ-Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża biex jidħlu l-Kosovo jistgħu jagħmlu dan għal ħmistax-il jum jekk ikunu fil-pussess ta’ viża ta’ Schengen ta’ diversi dħul. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għal persuni li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar għal refuġjati u persuni apolidi.

(8)

Bejn Ottubru 2014 u Ottubru 2015, kien hemm biss 8 viżi maħruġa fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri/konfini tal-Kosovo.

(9)

Dawn is-sistemi jinkludu dawn li ġejjin: is-sistema tal-ġestjoni tal-fruntieri (BMS), is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Pulizija tal-Kosovo (KPIS), is-sistema ta’ informazzjoni tal-viża tal-Kosovo (KVIS), is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-istatus ċivili (CSRS) u s-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet għall-persuni rimpatrijati, kif ukoll il-bażijiet ta' dejta dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

(10)

Il-Liġi dwar il-Qrati, il-Liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo, il-Liġi dwar il-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Kosovo, il-Liġi dwar il-Prosekutur

(11)

Mill-171 pożizzjoni ta’ prosekuzzjoni disponibbli, il-KPC mela' 157 post. Bħalissa għaddejja sejħa biex jiġu rreklutati 15-il prosekutur minn minoranzi.

(12)

Mill-102,009 kawża pendenti f’Diċembru 2011, il-qrati tal-Kosovo irnexxielhom jinfurzaw 25,275 kawża antika (jew madwar 25% tax-xogħol b'lura) fl-2014. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu jeħtieġu l-infurzar ta’ sentenzi dwar il-ħlas ta’ kontijiet tal-konsum. Il-pjanijiet tal-KJC li jnaqqas ulterjorment ix-xogħol b’lura ta’ infurzar tiegħu sal-2016, b’mod partikolari permezz ta’ risoluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

(13)

Fl-2013, il-prosekuzzjoni ressqet żewġ akkużi marbuta mal-kriminalità organizzata; 8 kawżi fl-2014; u 3 kawżi fl-ewwel nofs tal-2015. Huma ppreżentaw akkużi fi 314-il kawża ta’ korruzzjoni fl-2013; 444 każ fl-2014; u 128 kawżi fl-ewwel nofs tal-2015. M'hemm l-ebda dejta dwar kundanni finali f’dawn il-każijiet.

(14)

Fl-2014, assi li għandhom valur ta’ EUR 30 miljun ġew iffriżati jew konfiskati, iżda EUR 128,000 biss ġew ikkonfiskati. Fl-ewwel nofs tal-2015, ġew ikkonfiskati EUR 27,000 ta' assi b’valur ta’ EUR 16-il miljun taħt ordni ta’ ffriżar jew sekwestru.