Brussell, 21.10.2015

COM(2015) 600 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja


1.INTRODUZZJONI

L-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġiet imsaħħa b’mod sinifikanti tul dawn l-aħħar snin biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika u biex tinkiseb l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, ir-reżiljenza tal-UEM teħtieġ li tissaħħaħ aktar sabiex jitnieda mill-ġdid proċess ta’ konverġenza 'l fuq, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fi ħdan is-soċjetajiet, b’żieda fil-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ekwità soċjali fil-qalba tagħha.

F'Ġunju 2015, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-President tas-Summit dwar il-Euro, il-President tal-Grupp tal-Euro, il-President tal-Bank Centrali Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew ippreżentaw rapport dwar pjan direzzjonali ambizzjuż iżda prammatiku għall-ikkompletar tal-UEM 1 . Dan ir-Rapport tal-Ħames Presidenti jenfasizza li l-progress huwa meħtieġ fuq erba' fronti b'mod parallel. L-ewwel, lejn Unjoni Ekonomika ġenwina li tiżgura li kull ekonomija jkollha l-karatteristiċi strutturali biex tiffjorixxi fl-Unjoni Monetarja. It-tieni, lejn Unjoni Finanzjarja li tiggarantixxi l-integrità tal-munita fl-Unjoni Monetarja kollha u tillimita r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja u żżid il-kondiviżjoni tar-riskji mas-settur privat. It-tielet, lejn Unjoni Fiskali li trendi kemm is-sostenibbiltà fiskali kif ukoll l-istabbilizzazzjoni fiskali. U finalment, lejn Unjoni Politika li tipprovdi l-pedamenti għal dan t'hawn fuq kollu permezz ta' responsabilizzazzjoni demokratika, leġittimità u tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

Il-Ħames Presidenti qablu wkoll dwar pjan direzzjonali 2 għall-implimentazzjoni li għandu jikkonsolida ż-żona tal-euro sa kmieni fl-2017 (l-Ewwel Stadju — “tisħiħ bil-prattika”). F’dan l-ewwel stadju, li beda fl-1 ta’ Lulju 2015 3 , l-azzjoni għandha tibni fuq strumenti eżistenti, ukoll billi jsir l-aħjar użu possibbli tat-Trattati eżistenti. Imbagħad, abbażi ta’ punti ta’ riferiment għal tiġdid ta' konverġenza akbar tal-ekonomiji taż-żona tal-euro, għandhom isiru riformi aktar fundamentali, lejn viżjoni ta’ perspettivi ġodda ta’ tkabbir fuq medda medja sa medda twila (it-Tieni Stadju — “Nikkompletaw l-UEM”). B’mod ġenerali, it-traduzzjoni tar-rapport tal-Ħames Presidenti” f’azzjoni teħtieġ sens kondiviż ta’ determinazzjoni fost l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni japplikaw għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, iżda l-proċess lejn UEM aktar profonda hu miftuħ għall-pajjiżi kollha tal-UE. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tiżgura li ma sseħħ l-ebda distorsjoni fis-suq uniku.

Din il-Komunikazzjoni u l-proposti mehmuża tagħha jmexxu ‘l quddiem l-elementi ewlenin tal-Ewwel Stadju tal-proċess li japprofondixxi l-UEM. Il-pakkett ta’ miżuri jinkludi approċċ rivedut għas-Semestru Ewropew; għodod imtejba ta’ governanza ekonomika, inkluża l-introduzzjoni ta’ Bordijiet ta' Kompetittività Nazzjonali u Bord Ewropew ta’ konsulenza Fiskali; aktar rappreżentanza unifikata taz-zona tal-euro f’organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari tal-Fond Monetarju Internazzjonali; u passi lejn Unjoni Finanzjarja, notevolment permezz ta’ Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Dawn il-miżuri se jkunu komplementati b’passi meħuda mal-Parlament Ewropew biex titjieb il-kontabilità demokratika tas-sistema tal-governanza ekonomika Ewropea.

2.VERŻJONI ĠDIDA TAS-SEMESTRU EWROPEW

Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u monetarja fl-UEM ġiet imsaħħa b’mod sinifikanti matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sabiex jingħelbu l-iżbilanċi ta’ qabel il-kriżi, dgħufijiet strutturali u l-konsegwenzi tal-kriżi, u biex tingħata spinta lill-investiment u jerġa' jinbena l-potenzjal ta’ tkabbir fuq terminu medju, dawn ir-regoli komuni, proċeduri u istituzzjonijiet fil-livell tal-UE għandhom rwol ċentrali.

Is-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika fil-livell tal-UE introdott fl-2011, sar mezz importanti biex iwassal għal riformi fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, peress li l-implimentazzjoni s’issa kienet irregolari u ħafna drabi limitata.

Tul is-snin, il-proċess ġie mtejjeb kontinwament, sabiex wieħed jikkapitalizza fuq il-qawwiet tiegħu u biex jindirizza d-dgħufijiet tiegħu. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni l-ġdida użat l-ewwel Semestru Ewropew fl-2015 biex tissimplifika b'mod sostanzjali l-eżerċizzju. Il-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi diġà fi Frar ħolqot aktar spazju għal djalogu ġenwin mal-Istati Membri, li jippermetti dibattitu fil-fond fil-livell bilaterali u multilaterali, kif ukoll ma' partijiet interessati oħra. Dan il-pubblikazzjoni iktar kmieni jirrikjedi wkoll adattament tar-rwol tal-programmi nazzjonali ta’ riforma li għandu jsir strument għall-Istati Membri biex iwieġbu għall-analiżi tal-Kummissjoni billi jippreżentaw inizjattivi ta’ politika orjentati lejn il-ġejjieni. Inħoloq ukoll aktar ħin għal riflessjoni u dibattitu mill-pubblikazzjoni iktar kmieni tal-proposti tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’Mejju. Hawnhekk, il-Kummissjoni introduċiet enfasi ikbar billi naqqset b’mod sinifikanti l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, u kopriet biss il-kwistjonijiet ewlenin ta’ prijorità ta’ rilevanza makroekonomika u soċjali li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Istati Membri fit-tnax-il jew it-tmintax-il xahar li jmiss. Filwaqt li għandha tibqa' din l-enfasi, ir-Rapporti tal-Pajjiżi se jkomplu jieħdu approċċ aktar olistiku, li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti b’rilevanza ekonomika għall-Istati Membri.

L-istabbiltà u l-implimentazzjoni ta’ din l-istruttura hija importanti ħafna biex jitgawdew il-benefiċċji kollha fil-perjodu li ġej. Fl-istess ħin, u filwaqt li jibnu fuq dawn l-iżviluppi, xi aġġustamenti ulterjuri jistgħu jwasslu għal benefiċċji addizzjonali. Dan jinkludi b’mod partikolari integrazzjoni aħjar taż-żona tal-euro u d-dimensjonijiet nazzjonali, enfasi aktar qawwi fuq l-impjieg u l-prestazzjoni soċjali, il-promozzjoni ta’ konverġenza permezz ta’ parametraġġ referenzjarju u s-segwitu tal-aħjar prattiki, u l-appoġġ għar-riformi mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) u assistenza teknika. It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali bil-grafika tas-Semestru Ewropew 2016 propost.

2.1.Integrazzjoni aħjar taż-żona tal-euro u d-dimensjonijiet nazzjonaii

Minħabba l-interdipendenza aktar profonda tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-potenzjal ogħla ta’ effetti konsekwenzjali bejn il-pajjiżi li jikkondividu l-munita unika, hemm bżonn ta' koordinazzjoni msaħħa u sorveljanza aktar b’saħħitha tal-proċessi baġitarji u l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Il-lezzjoni li tgħallimna mill-kriżi tinqasam fi tnejn: l-ewwel, politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali u superviżjoni finanzjarja inadegwati jistgħu jikkawżaw diffikultajiet ekonomiċi u soċjali enormi; it-tieni, iż-żona tal-euro kollha kemm hi mhijiex immuni għar-riskji kbar u skossi ekonomiċi u finanzjarji destabilizzanti kbar. Għalhekk, filwaqt li l-politiki nazzjonali sodi jikkontribwixxu ferm biex jitnaqqsu l-possibbiltajiet ta’ kriżi, hemm ukoll il-każ għal monitoraġġ u analiżi mill-qrib tas-sitwazzjoni fiskali, ekonomika u soċjali aggregata taż-żona tal-euro kollha kemm hi, u l-konsiderazzjoni ta' din l-analiżi fil-formulazzjoni tal-politiki nazzjonali.

Diġà, is-Semestru Ewropew jinkludi dimensjoni ġenerali taż-żona tal-euro , b’mod partikolari fil-valutazzjoni annwali tal-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u qagħda fiskali ġenerali riżultanti fiż-żona tal-euro, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro. Il-proċess huwa dwar l-istabbiliment ta’ prijoritajiet flimkien u teħid ta' azzjoni fuqhom f’perspettiva taż-żona tal-euro. Madankollu, dan il-proċess għadu bbażat fuq approċċ b'saħħtu ta’ pajjiż b'pajjiż, u jieħu f’kunsiderazzjoni biss id-dimensjoni ġenerali taż-żona tal-euro b’mod indirett. Is-Semestru Ewropew għandu jkun strutturat b’tali mod li diskussjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro jseħħu l-ewwel, qabel diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex l-isfidi komuni jkunu riflessi bis-sħiħ f'azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Għalhekk il-Kummissjoni, bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha li għandu jiġi ppubblikat f’Novembru, tpoġġi enfasi speċifika fuq il-prijoritajiet fiskali, ekonomiċi, soċjali u finanzjarji ewlenin għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssejjaħ għal diskussjoni speċifika dwar il-Grupp tal-Euro dwar il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-Abbozz Tal-Pjanijiet Baġitarji. Dan jista’ wkoll jirrikjedi li l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro jimxu 'l quddiem.

Diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet taż-żona tal-euro għandhom isiru fi ħdan il-Kunsill u l-Grupp tal-euro, kif ukoll mal-Parlament Ewropew. Il-fehim komuni li jsegwi mbagħad jipprovdi orjentazzjonijiet għall-kontenut ta' Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u ta’ Stabbiltà tal-Istati Membri taż-żona tal-euro f’April u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rispettivi f'Mejju.

2.2.Enfasi akbar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali

Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex issaħħaħ l-enfasi fuq il-kwistjonijiet ta' impjieg u dawk soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-proċess ta’ approfondiment tal-UEM. Ir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2015 iddiskutew l-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fid-dettall. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’dawn l-oqsma ġew indirizzati lill-maġġoranza tal-Istati Membri.

L-aspetti tal-impjieg u dawk soċjali qed jiġu enfasizzati aktar fil-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku wkoll. Il-Kummissjoni pproponiet aktar kmieni fl-2015 biex iżżid tliet indikaturi (ir-rata ta’ attività, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-qgħad fit-tul) mal-11-il indikatur eżistenti ewlenin ta’ valutazzjoni tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku. Dan iservi l-iskop ta’ kwalifikazzjoni tal-kuntest soċjali u tal-impjiegi li fih l-aġġustament qiegħed iseħħ, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal tfassil ta’ politika aħjar. Il-Kummissjoni qed tippjana li tuża lista estiża ta’ indikaturi ewlenin mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2016.

Tingħata wkoll attenzjoni akbar lill-ekwità soċjali ta’ programmi ġodda ta’ aġġustament makroekonomiku biex jiġi żgurat li l-aġġustament huwa mifrux b’mod ekwu u li jitħarsu dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Il-Kummissjoni ħejjiet għall-ewwel darba valutazzjoni tal-impatt soċjali għall-Memorandum ta’ Qbil għall-Greċja 4 . Hija biħsiebha tissokta din il-prattika fil-każ ta’ kwalunkwe programm futur ta’ appoġġ għall-istabbiltà.

Għadd ta’ passi ulterjuri għandhom jittieħdu biex tinkiseb aktar enfasi fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom joqogħdu aktar attenti għall-kontribuzzjoni tal-imsieħba soċjali nazzjonali, b’mod partikolari biex tissaħħaħ is-sjieda tal-isforzi ta’ riforma. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi involviment aktar b’saħħtu tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Barra minn hekk, ir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri se jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali nazzjonali fl-istadji ewlenin definiti minn qabel tas-Semestru. Dawn il-passi se jkunu kumplimentati minn djalogu msaħħaħ mal-imsieħba soċjali matul il-missjonijiet tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, l-involviment ta’ msieħba soċjali fil-livell tal-UE se jitkompla u possibbilment jittejjeb, pereżempju permezz ta’ Summit Soċjali Tripartitiku mġedded u Djalogu Makroekonomiku, li jsaħħu l-kontributi tagħhom għall-proċess tas-Semestru.

Konverġenza lejn l-aħjar prattiki fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali għandha tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar u leġittimità tal-proġett UEM. Fi żmien qasir, tali konverġenza akbar tista’ tinkiseb permezz tal-iżvilupp ta’ punti ta’ riferiment komuni fuq il-komponenti tal-kunċett ta’ “flessigurtà”, bħal kuntratti tax-xogħol flessibbli u affidabbli li jevitaw suq tax-xogħol fuq żewġ livelli, strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja, linji politiċi effettivi biex jgħinu lill-persuni qiegħda jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, u sigurtà soċjali moderna u sistemi edukattivi u l-possibbiltà ta’ tassazzjoni fuq l-impjieg. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll l-intenzjoni tagħha biex tippreżenta pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jibni fuq l-“acquis” eżistenti u jservi ta’ boxxla għall-proċess ġenerali ta’ konverġenza.

2.3.Il-promozzjoni tal-konverġenza permezz ta’ parametraġġ referenzjarju u s-segwitu tal-aħjar prattiki

Ir-rapport tal-Ħames Presidenti jenfasizza l-użu ta’ parametraġġ referenzjarju u l-kontroeżami tal-prestazzjoni sabiex tintlaħaq konverġenza u jintlaħqu bl-istess mod strutturi ekonomiċi reżiljenti fiż-żona kollha tal-euro. Il-kontroeżami għandu l-għan li jidentifika prestazzjoni insuffiċjenti u jappoġġa l-konverġenza lejn l-aqwa prestaturi fl-oqsma tas-swieq tax-xogħol, il-kompetittività, l-ambjent tan-negozju u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll ċerti aspetti tal-politika ta’ tassazzjoni. Il-parametraġġ referenzjarju jista' jgħin biex isaħħaħ ir-responsabbiltà tal-aġendi ta’ riforma strutturali tal-Istati Membri u jippromwovi l-implimentazzjoni tagħhom.

Kif urew l-eżerċizzji kontinwi ta’ parametraġġ referenzjarju fil-Grupp tal-Euro (eż. dwar il-porzjon ta’ taxxa fuq l-impjieg), il-parametraġġ referenzjarju, jekk jintuża b’mod xieraq, jista’ jkun tassew lieva b’saħħitha għal azzjoni. B’mod partikolari, l-indikaturi tal-parametraġġ referenzjarju jeħtieġ li jissodisfaw żewġ rekwiżiti. L-ewwel, jeħtieġ li jkunu relatati mill-qrib mal-lievi ta' politika, b’tali mod li jkunu jistgħu jwasslu għal implikazzjonijiet politiċi sinifikanti u reali. It-tieni, irid ikun hemm evidenza b’saħħitha u biżżejjed kunsens li huma jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal għanijiet ta’ livell ogħla, bħalma huma l-impjiegi, it-tkabbir, il-kompetittività, l-inklużjoni soċjali u l-ġustizzja jew l-istabbiltà finanzjarja 5 . 

Id-disponibbiltà ta’ tali indikaturi, l-affidabbiltà statistika tagħhom, il-kumplessità u sa fejn dawn jaqbdu r-realtà kollha jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-qasam ta’ politika. Bħala konsegwenza, l-implimentazzjoni tal-eżerċizzju tal-parametraġġ referenzjarju għandħa tħalli lok għal aġġustamenti mfassla apposta skont il-qasam ta’ politika. Barra minn hekk, parametraġġ referenzjarju jeħtieġ li jkun ikkomplementat b’analiżi ekonomika, li jagħti lok għal riflessjoni dwar kompromessi potenzjali bejn l-oqsma ta’ politika u għal valutazzjoni dettaljata tal-impatti tal-politika.

Mis-Semestru Ewropew 2016 ’il quddiem, il-Kummissjoni se tissuġġerixxi progressivament eżerċizzji ta' parametraġġ referenzjarji u ta' kontroeżami f’oqsma politiċi jew tematiċi. Dawn se jikkontribwixxu għal dibattiti fil-formazzjonijiet xierqa tal-Kunsill u l-Grupp tal-Euro, bil-ħsieb li jitrawwem fehim komuni ta’ sfidi u reazzjonijiet politiċi.

L-eżitu tad-diskussjonijiet u l-valutazzjonijiet se jinforma lis-Semestru Ewropew u jwitti t-triq sabiex tissaħħaħ il-konverġenza tal-politiki ukoll fid-dawl tat-Tieni Stadju.

2.4.Appoġġ aktar iffukat għal riformi permezz ta’ fondi tal-UE u għajnuna teknika

Biex tappoġġa riformi strutturali f’konformità ma’ prijoritajiet ekonomiċi komuni stabbiliti fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ l-użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) b’appoġġ ta’ prijoritajiet ewlenin enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluż permezz tal-użu tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi ESI ma’ governanza ekonomika soda 6 . Il-qafas legali l-ġdid jirrikjedi li l-programmi kofinanzjati mill-Fondi ESI jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet relevanti kollha speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kummissjoni se tissorvelja u tirrapporta l-progress lejn l-objettivi maqbula sal-2017. Ir-riforma tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-2013 introduċiet il-prinċipju tal-hekk imsejħa kondizzjonalità makroekonomika għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Dan huwa parti minn sforz usa’ biex jiġi żgurat li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jintużaw biex jappoġġaw riformi identifikati li huma ta’ importanza ewlenija tal-prestazzjoni soċjali u ekonomika fl-Istati Membri, u sabiex jiġi żgurat li l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma tkunx imxekkla minn politiki makroekonomiċi mhux sodi 7 .

Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tar-riforma se tkun appoġġata permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE fl-oqsma ta’ politika tagħhom u l-introduzzjoni progressiva ta’ offerti ta' assistenza teknika mis-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet dan is-Servizz sabiex tagħti appoġġ tekniku disponibbli fuq talba lill-Istati Membri kollha għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ riformi fil-kuntest ta’ proċessi ta’ governanza ekonomika (b’mod partikolari l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, azzjonijiet taħt il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, jew riformi taħt programmi ta’ appoġġ għall-istabbiltà), inkluż permezz ta’ appoġġ għall-użu effiċjenti u effettiv tal-Fondi tal-UE.

.

3.IT-TITJIB TAL-GĦODOD TAL-GOVERNANZA EKONOMIKA

Wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-qafas tal-governanza ekonomika ssaħħaħ b’mod konsiderevoli permezz tal-introduzzjoni tas-"Six-Pack”, it-“Two-Pack” u  t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) 8 . Ir-regoli fiskali msaħħa kif ukoll il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku li nħolqot reċentement approfondew u wessgħu b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni u l-effettività possibbli ta’ azzjoni tal-UE.

L-ewwel rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika 9 msaħħa identifikat xi oqsma għal titjib, b’mod partikolari rigward it-trasparenza, il-kumplessità u l-prevedibbiltà tat-tfassil tal-politika, li huma rilevanti għall-effikaċja tal-għodod. L-esperjenza qasira mat-tħaddim tal-istrumenti l-ġodda, li wħud minnhom daħlu fis-seħħ biss dan l-aħħar, tillimita l-possibbiltà li jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir, l-iżbilanċi u l-konverġenza.

Hemm bżonn ta' aktar evidenza u esperjenza mal-istrutturi ta’ governanza riformati qabel ma wieħed jidħol għal aktar riformi leġiżlattivi. Fl-istadju attwali, il-Kummissjoni se ssegwi l-applikazzjoni sħiħa u trasparenti tal-istrumenti u l-għodod disponibbli. B’mod parallel, il-Kummissjoni bi ħsiebha ttejjeb iċ-ċarezza u tnaqqas il-kumplessità tal-qafas eżistenti, mir-regoli fiskali sal-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku. Barra minn hekk, kif indikat fir-rapport tal-Ħames Presidenti, il-Kummissjoni tappoġġa l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ Bordijiet ta’ Kompetittività nazzjonali u l-istabbiliment ta’ Bord Ewropew ta’ konsulenza Fiskali.

3.1.Titjib fit-trasparenza u tnaqqis tal-kumplessità tar-regoli fiskali attwali

Bil-għan li titjieb it-trasparenza tal-mod kif hija tapplika r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni ppubblikat “Vade Mecum dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” 10 . Il-Vade Mecum se jiġi aġġornat kull sena biex jirrifletti l-bidliet f’waqthom fl-evoluzzjoni tar-regoli u l-prattiki ta’ sorveljanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taqsam mal-Istati Membri kollha, id-dejta u l-kalkoli sottostanti għad-deċiżjonijiet tagħha dwar is-sorveljanza. Għandha l-għan ukoll li taqsam l-istess informazzjoni ma’ kunsilli fiskali nazzjonali u — wara konsultazzjoni mal-Istati Membri — mal-pubbliku. Il-Bord Ewropew ta’ konsulenza Fiskali indipendenti ġdid (ara t-taqsima 3.4) se jikkontribwixxi sabiex tiżdied it-trasparenza. Il-Kummissjoni se tibda wkoll tippreżenta aġġornament tas-sett sħiħ ta’ suppożizzjonijiet ekonomiċi esterni f’Settembru, biex tagħti informazzjoni għat-tfassil tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji nazzjonali.

Il-mod kif ir-regoli huma implimentati jista' wkoll jiġi simplifikat u jsir aktar trasparenti, mingħajr ma tinbidel il-bażi legali tagħhom. Il-Kummissjoni se timmira għal dawn il-kjarifiki, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

L-ewwel, il-Kummissjoni se tiżgura l-konsistenza tal-metodoloġija bejn ir-regola tad-dejn tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u l-miri baġitarji strutturali tal-Istati Membri, magħrufa bħala l-Objettivi Baġitarji ta' Terminu Medju. It-tisħiħ tal-governanza ekonomika reċenti ttraduċiet il-kriterju tad-dejn tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv f’regola sempliċi għat-tnaqqis ta’ dejn tal-gvern ogħla minn 60% tal-PDG. Xi rwol għandu jkollha r-regola f'deċiżjoni dwar jekk Stat Membru għandux jitpoġġa fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv madanakollu s'issa għadha ma ġietx iċċarata. Meta taġġorna l-limiti aktar baxxi għal Objettivi Baġitarji ta' Terminu Medju li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, il-Kummissjoni se tiżgura l-koerenza ta’ dawn il-valuri b’rispett tar-regola tad-dejn fuq terminu medju.

It-tieni, il-Kummissjoni se timmira li tissimplifika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Attwalment, bħala riżultat ta’ diskussjoni mal-Istati Membri matul is-snin, settijiet differenti ta’ indikaturi baġitarji jintużaw biex jivvalutaw il-konformità tal-politiki fiskali għall-Istati Membri taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Approċċ armonizzat u konsistenti jwassal għal aktar sempliċità u jippermetti tranżizzjoni aktar konsistenti mir-reġim korrettiv għar-reġim preventiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, il-Kummissjoni se tesplora modi biex tiżdied id-dipendenza fuq indikatur prattiku wieħed ta’ konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

It-tielet, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà ta’ aġġornament fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex tnaqqas defiċits eċċessivi sabiex jittieħed kont mhux biss tal-kundizzjonijiet mhux previsti fid-deterjorament tal-ambjent ekonomiku – kif inhu espliċitament previst fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir –, iżda wkoll f’każ ta’ titjib mhux previst. Tali approċċ jappoġġa l-għan tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv biex jiżgura korrezzjoni f’waqtha tas-sitwazzjonijiet ta' defiċit eċċessiv.

Finalment, il-Kummissjoni qed teżamina t-traspożizzjoni tar-regoli stabbiliti fl-hekk imsejjaħ Patt Fiskali (jiġifieri l-parti fiskali tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-UEM), li huma maħsuba sabiex isaħħu l-konsistenza bejn l-oqfsa fiskali nazzjonali u Ewropej u jsaħħu s-sjieda tagħhom fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlet analiżi tal-inkorporazzjoni tal-Patt Fiskali fil-liġi nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 3(2) TSKG. Ipparteċipat f'konsultazzjonijiet preliminari mal-Partijiet Kontraenti, bil-għan li tagħtihom, fejn meħtieġ, l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 8(1) TSKG u imbagħad ippublikat ir-rapport tagħha dwar l-inkorporazzjoni skont l-istess Artikolu.

3.2.Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku aktar b'saħħitha

Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku kienet strumentali biex il-kwistjonijiet ewlenin dwar l-iżbilanċ jitressqu fuq quddiem nett tas-sorveljanza ekonomika u kienet effettiva fl-appoġġ ta’ aġġustament ta’ politika effettiva f’ċerti pajjiżi (pereżempju fi Spanja u s-Slovenja). Madankollu, l-esperjenza turi li l-implimentazzjoni tista’ tittejjeb b’numru ta’ modi.

L-ewwel, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fi ħdan il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku se tiġi msaħħa permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ “Kompendju”, li se jiġbor u jippreżenta l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku f’post wieħed. Barra minn hekk, is-sejbiet tal-Rieżami fil-Fond se jiġu ppreżentati b’mod iktar ċar kemm fir-Rapporti dwar il-Pajjiżi kif ukoll fil-Komunikazzjoni li tippreżenta konklużjonijiet mill-Rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll ġustifikazzjoni espliċita ta’ deċiżjonijiet meħuda, inkluż dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi marbuta mal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku.

It-tieni, il-Kummissjoni se tiżgura segwitu xieraq għall-identifikazzjoni ta’ żbilanċi eċċessivi. Dan jeħtieġ ġudizzju ekonomiku u impenn attiv mal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi tagħhom u tiġi żgurata s-sjieda tar-riformi domestiċi. S’issa, il-Kummissjoni poġġiet l-Istati Membri bi żbilanċi f’kategoriji differenti li evolvew matul iż-żmien, u, skont in-natura u l-intensità tal-iżbilanċi, appellat għal gradi differenti ta’ monitoraġġ u azzjoni ta' politika. Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv għadha ma ġietx invokata s’issa. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-kategoriji, tiċċara l-kriterji li jiggwidaw id-deċiżjoni tagħha, u tispjega aħjar ir-rabta bejn in-natura tal-iżbilanċi u kif dawn jiġu indirizzati f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, inklużi l-Bordijiet ġodda ta’ Kompetittività, 11 dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-iżbilanċi u jdaħħlu fis-seħħ sistema b’saħħitha ta’ monitoraġġ speċifiku u marbut biż-żmien biex l-implimentazzjoni tkun sostnuta. Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv tista’ tinfetaħ f’każ ta’ nuqqas ta’ impenn għar-riformi u n-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni, u se tintuża f’każ ta’ żbilanċi makroekonomiċi serji li jipperikolaw il-funzjonament xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja, bħal dawk li wasslu għall-kriżi. Il-Kummissjoni se tistieden ukoll involviment ikbar tal-Kunsill f’monitoraġġ speċifiku ta’ pajjiżi bi żbilanċi eċċessivi li għalihom il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv ma tkunx attivata.

It-tielet, id-dimensjoni taż-żona tal-euro tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku se tiġi msaħħa. Kunsiderazzjonijiet taż-żona tal-euro se jiġu integrati aħjar f’dokumenti relatati (ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija u l-Komunikazzjoni dwar is-sejbiet tal-Analiżi fil-Fond) u deċiżjonijiet. Il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku se tkompli tittratta l-korrezzjoni ta’ defiċits esterni ta’ ħsara kif ukoll it-trawwim ta’ riformi xierqa fil-pajjiżi li qed jakkumulaw eċċessi kbar u sostnuti fil-kontijiet kurrenti.

3.3.Sistema ta’ Bordijiet ta’ Kompetittività nazzjonali

Il-kompetittività hija essenzjali għar-reżiljenza u l-kapaċità għal aġġustament fl-unjoni monetarja kif ukoll sabiex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u konverġenza għall-ġejjieni. Biex jitrawwem progress bir-riformi strutturali fil-qasam tal-kompetittività, il-mekkaniżmi eżistenti tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jeħtieġ li jkunu sostnuti bi sjieda nazzjonali qawwija tal-aġendi ta’ riforma. Jagħmel sens li għarfien espert indipendenti ta' politika jitqajjem fil-livell nazzjonali u biex jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu Bordijiet ta’ Kompetittività nazzjonali nkarigati mit-traċċar tal-prestazzjoni u l-politiki fil-qasam tal-kompetittività.

Il-Bordijiet ta' Kompetittività jgħinu biex jitjieb it-tfassil tal-politika nazzjonali billi jipprovdu għarfien espert indipendenti b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-kompetittività u r-riformi relatati mal-kompetittività. B'dan il-mod jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi effettivi, inkluż b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-ambitu ta’ aspetti ta’ kompetittività li għandhom jiġu monitorjati għandhom jirriflettu l-kunċett ta’ kompetittività globali, inkluż l-iżviluppi fil-prezzijiet u mhux fil-prezzijiet. Il-Bordijiet ta' Kompetittività jiġbru u jippubblikaw ir-riżultati tagħhom dwar l-oqsma sorveljati fuq bażi annwali.

Il-Bordijiet ta' Kompetittività għandhom jikkonformaw ma’ sett ta’ prinċipji komuni, b’kont meħud tad-diversità ta’ esperjenzi u prattiki fl-Istati Membri. Il-pariri tal-Bordijiet għandhom jinfurmaw lill-proċessi li jistabbilixxu l-pagi, iżda l-għan tagħhom huwa la biex jinterferixxu fil-proċess tal-istipular tal-pagi u r-rwol tal-imsieħba soċjali, u lanqas li jiġu armonizzati s-sistemi nazzjonali tal-istipular tal-pagi. Il-Bordijiet għandhom ikunu indipendenti minn awtoritajiet tal-gvern li jittrattaw kwistjonijiet relatati u jkollhom il-kapaċità li jiżguraw kwalità għolja ta’ analiżi ekonomika. Dment li dawn ir-rekwiżiti jkunu ssodisfati, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jfasslu l-Bordijiet ta’ Kompetittività nazzjonali tagħhom, jew billi jiġu stabbiliti istituzzjonijiet ġodda jew bl-adattament tal-mandat ta' korpi eżistenti.

Il-Kummissjoni tadotta flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet ta’ Kompetittività nazzjonali. Din hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, iżda l-Istati Membri l-oħra huma mħeġġa wkoll li jistabbilixxu korpi simili. Il-Kummissjoni se tissorvelja s-segwitu tar-Rakkomandazzjoni u, jekk meħtieġ fit-Tieni Stadju, se tippreżenta prinċipji komuni permezz ta’ strument vinkolanti.

3.4.Bord Ewropew ta’ konsulenza Fiskali

Matul is-snin li għaddew ġiet enfasizzata l-importanza li jitmexxew politiki fiskali responsabbli bħala pilastru ewlieni tal-istrateġija Ewropea tat-tkabbir. Il-politiki fiskali għandhom irawwmu l-istabbiltà makroekonomika f’konformità mal-qafas fiskali bbażat fuq ir-regoli. It-twettiq ta’ politika fiskali nazzjonali responsabbli hija speċjalment importanti fiż-żona tal-euro.

Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi Bord Ewropew ta’ konsulenza Fiskali indipendenti. Dan il-bord se jikkontribwixxi għal sorveljanza multilaterali fiż-żona tal-euro f’kapaċità konsultattiva. Dan se jkun magħmul minn ħames esperti rinomati b’kompetenza u esperjenza kredibbli fil-makroekonomija u fit-tfassil prattikua tal-politika baġitarja. Il-pariri tal-Bord jiddependu fuq il-ġudizzju ekonomiku li huwa konsistenti mar-regoli fiskali tal-UE.

Il-Bord għandu jipprovdi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Qafas Fiskali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza orizzontali tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tas-sorveljanza baġitarja, każijiet serji ta' nuqqas ta’ konformità mar-regoli, u l-adegwatezza tal-pożizzjoni fiskali reali fil-livell taż-żona tal-euro u dak nazzjonali.

Billi l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jiffoka fuq il-bilanċi tal-baġits nazzjonali, u l-iżviluppi tad-dejn u ma jiddeterminax il-pożizzjoni fiskali aggregata, il-Bord għandu jikkontribwixxi wkoll għal diskussjoni aktar infurmata tal-implikazzjonijiet ġenerali tal-politiki baġitarji fiż-żona tal-euro u fil-livell nazzjonali, bil-ħsieb li tinkiseb pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro. Fejn jidentifika r-riskji li jipperikolaw il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Bord jakkumpanja l-parir tiegħu b’konsiderazzjoni speċifika tal-għażliet ta’ politika disponibbli taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

Il-Bord se jikkoopera wkoll ma’ kunsilli fiskali nazzjonali, bil-għan li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġi ffaċilitat fehim komuni. Dan se jsir f’konnessjoni diretta mal-inkarigi tal-Bord u b’rispett reċiproku tal-prerogattivi u studji ġuridiċi tal-kunsilli fiskali nazzjonali u l-Bord Ewropew Fiskali.

4.IR-RAPPREŻENTANZA ESTERNA TAL-EURO

Sabiex tiġi kkompletata l-UEM, responsabbiltà akbar u integrazzjoni fil-livell tal-UE u taż-żona tal-euro għandhom jimxu id f’id ma’ tisħiħ istituzzjonali. Wieħed mill-oqsma fejn passi konkreti lejn dan l-għan huma espliċitament previsti fit-Trattat u għalhekk jistgħu jittieħdu diġà llum hija r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro.

Il-piż ekonomiku u finanzjarju taż-żona tal-euro u l-eżistenza ta' politika monetarja u tar-rata tal-kambju unika għamlu d-deċiżjonijiet ta' politika u l-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro dejjem aktar rilevanti għall-ekonomija dinjija. Filwaqt li l-qafas ta’ governanza msaħħa għaż-żona tal-euro u konverġenza qawwija ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja għamlu ż-żona tal-Euro internament aktar b’saħħtu.

Il-progress li ntlaħaq dwar integrazzjoni interna ulterjuri taż-żona tal-euro jeħtieġ ukoll li jiġi proġettat esternament, sabiex jippermetti li z-zona tal-euro li jkollha rwol aktar attiv fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u biex tfassal b’mod effettiv ir-rwol futur tagħha fl-arkitettura finanzjarja globali. Rappreżentanza aktar koerenti tkun ukoll ta' benefiċċju għall-pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz ta' kontribuzzjoni aktar b'saħħitha u aktar konsistenti taż-żona tal-euro għall-istabbiltà ekonomika u finanzjarja globali.

Sar progress konsiderevoli fit-tisħiħ tal-Unjoni u r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro f’ħafna fora ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali. Fil-Fond Monetarju Internazzjonali, dan kien jinkludi aktar tisħiħ tal-arranġamenti ta’ koordinazzjoni fl-2007, l-elezzjoni tal-President tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-UE lill-Fond Monetarju Internazzjonali (l-hekk imsejjaħ EURIMF), it-titjib tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn is-Sottokumitat dwar il-Fond Monetarju Internazzjonali tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF/SCIMF) u tal-EURIMF, u aktar koordinazzjoni fost il-membri tal-EURIMF dwar strateġiji tal-Bord Eżekuttiv. Madankollu, jinħtieġu passi ulterjuri biex tinkiseb rappreżentanza esterna tabilħaqq unifikata.

Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta Komunikazzjoni li turi t-triq lejn approċċ dejjem aktar unifikat tar-rappreżentanza esterna tal-EMU 12 . Hija tressaq ukoll proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l- Artikolu 138 tat-TFUE li jistipula miżuri fid-dawl tal-istabbiliment ta’ rappreżentanza unifikata taz-zona tal-ewro fil-Fond Monetarju Internazzjonali 13 . Ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro għadha frammentata, b’mod partikolari fil-Fond Monetarju Internazzjonali, li permezz tal-istrumenti tas-self u s-sorveljanza tiegħu, huwa attur istituzzjonali ewlieni fil-governanza ekonomika globali. Tali arranġamenti għandhom jiġu stabbiliti u miftiehma mingħajr dewmien, iżda jiġu implimentati gradwalment, sabiex jippermettu lill-atturi kollha involuti — fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali — biex jagħmlu l-aġġustamenti istituzzjonali u legali meħtieġa.

Waqt li jitqies l-iżvilupp futur tal-UEM jew l-arkitettura finanzjarja internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li inizjattivi ulterjuri jkunu utli biex tissaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro f’fora internazzjonali oħra wkoll.

5.PASSI LEJN UNJONI FINANZJARJA

Minbarra l-progress fl-oqsma tal-governanza ekonomika, l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja huwa pass indispensabbli lejn UEM sħiħa u approfondita. Għall-munita unika, sistema finanzjarja uniformi u integrata b’mod sħiħ hija essenzjali mhux biss għat-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja, iżda wkoll għal diversifikazzjoni adegwata tar-riskju fost il-pajjiżi u fiduċja ġenerali fis-sistema bankarja fiż-żona tal-euro. Ġew miftiehma passi importanti f’din id-direzzjoni f’dawn l-aħħar snin, iżda hija meħtieġa aktar ħidma.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet legali miftiehma. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku immirat lejn superviżjoni prudenzjali indipendenti u ta’ kwalità għolja uniformi huwa diġà kompletament operattiv, u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni se jiżgura riżoluzzjoni effettiva ta’ banek f’diffikultà mill-1 ta’ Jannar 2016. Il-Kummissjoni se tuża s-setgħat kollha tagħha skont it-Trattat biex tiżgura traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (l-iskadenza kienet Jannar 2015) 14 u d-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (l-iskadenza kienet Lulju 2015) 15 fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri kollha kemm jista’ jkun malajr. L-Istati Membri huma mħeġġa jirratifikaw il-Ftehim Intergovernattiv dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni sat-30 ta’ Novembru 2015 16 . 

It-tieni, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaslu għal ftehim rapidu dwar mekkaniżmu ta’ finanzjament tranżitorju effettiv, biex jiġi żgurat li, filwaqt li l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni qed jinbena gradwalment permezz ta’ dazji miġbura mis-settur bankarju, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jkollu riżorsi suffiċjenti disponibbli biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni residwa possibbli għal banek f’diffikultà, f’konformità mad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jaqblu malajr dwar garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li għandu jkun fiskalment newtrali fuq terminu medju.

It-tielet, il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva qabel tmiem is-sena dwar l-ewwel passi lejn Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti komuni bil-ħsieb li tinħoloq sistema iktar Ewropea, skonnettjata mis-sovran, b’tali mod li l-istabbiltà finanzjarja tissaħħaħ u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jkunu ċerti li s-sigurtà tad-depożiti tagħhom ma tiddependix fuq il-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

L-ewwel pass lejn sistema aktar komuni se jibni fuq approċċ ta' “riassigurazzjoni”. Fond ta’ riassigurazzjoni konġunt — supplimentari għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali eżistenti — jikkontribwixxi taħt ċerti kundizzjonijiet meta l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti nazzjonali jiġu msejħa. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mfassla biex tiġi limita r-responsabbiltà għal fond ta’ riassigurazzjoni u jitnaqqas il-periklu morali fil-livell nazzjonali, u għandu jirrifletti l-fatt li l-fondi nazzjonali bil-mod il-mod qed jinbnew u punti ta’ tluq differenti suċċessivament jiġu allinjati. L-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti tkun obbligatorja għall-Istati Membri taż-żona tal-euro u miftuħa għal Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Bankarja.

Ir-raba’, b’mod parallel mal-proposta tagħha dwar Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tnaqqas ir-riskji u tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-settur bankarju u tillimita ċ-ċirkwit bejn il-banek u s-sovrani. Għal dan il-għan, se tistabbilixxi mod kif il-ħidma tista’ titressaq ’il quddiem f’dawn l-oqsma partikolari fejn il-qafas regolatorju u prudenzjali jista’ jkun li jeħtieġ li jiġi rivedut u komplut biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Fl-aħħar nett, flimkien mat-tlestija ta’ Unjoni Bankarja, Unjoni tas-Swieq Kapitali hija prijorità ewlenija. Fit-30 ta’ Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali, fost l-oħrajn bil-għan li tiżgura sorsi aktar diversifikati ta’ finanzjament għall-kumpaniji u permezz ta’ kondiviżjoni tar-riskju transkonfinali msaħħaħ għall-approfondiment tal-integrazzjoni ta’ swieq tal-bonds u tal-ekwità.

6.LEĠITTIMITÀ DEMOKRATIKA EFFETTIVA, IS-SJIEDA U R-RESPONSABBILTÀ

Leġittimità u responsabbiltà demokratiċi effettivi huma kruċjali għat-tisħiħ tas-sjieda fl-Ewwel Stadju tal-approfondiment tal-UEM u huma indispensabbli fit-Tieni Stadju, meta huma previsti inizjattivi li jinvolvu iktar kondiviżjoni tas-sovranità. Fis-snin riċenti, il-Kummissjoni gradwalment stabbiliet djalogu iktar profond u iktar permanenti mal-Istati Membri, permezz ta' laqgħat bilaterali, diskussjonijiet iktar immirati fil-Kunsill u missjonijiet tekniċi u politiċi iktar mifruxa fl-ibliet kapitali. Il-Kummissjoni se tkompli tintensifika dawn id-djalogi, anke permezz tal-użu tan-netwerk tagħha tal-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew fl-Istati Membri.

Il-Parlament Ewropew ħa l-ewwel passi prattiċi sabiex isaħħaħ is-sorvejanza parlamentari bħala parti mis-Semestru Ewropew. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-legizÌazzjoni tas-"Six-Pack" u tat-"Two-Pack" saru "djalogi dwar l-ekonomija" bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro. Dawn kienu diġà parti miċ-ċikiu tai-aħħar Semestru Ewropew. Dawn id-djalogi jistgħu jissaħħu billi jkun hemm qbil dwar perjodi ta' żmien speċifiċi waqt l-istadji ewlenin tać-ċiklu tas-Semestru. Ġiet stabbilita forma ġdida ta' kooperazzjoni interparlamentari sabiex tiġbor flimkien l-atturi Ewropej u nazzjonali. Din isseħħ fil-Ġimgħa Parlamentari Eworpea organizzata mill-Parlament Ewropew f'kooperazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali, u tkun tinkludi rappreżentanti mill-Parlamenti nazzjonali għal dikussjonijiet profondi dwar il-prijoritajiet tal-politiki. It-'Two Pack' stabbilixxa wkoll id-dritt li Parlament nazzjonali jsejjaħ Kummissarju biex jippreżenta l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju jew dwar ir-rakkomandazzjoni tagħha lil Stat Membru fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv.

L-għażla taż-żmien u l-valur miżjud ta’ dawn il-mumenti parlamentari jisgħtu jissaħħu aktar, skont is-Semestru Ewropew rinnovat. B'mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea tista' timpenja ruħha mal-Parlament Ewropew waqt dibattitu plenarju qabel ma jiġi ppreżentat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, u tkompli d-dibattitu wara l-adozzjoni tiegħu. B'żieda ma' dan, jista' jsir it-tieni dibattitu speċifiku fil-plenarja mal-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-'Six-Pack' dwar id-djalogu ekonomiku. Fl-istess waqt, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw f'laqgħat interparlamentari b'mod partikolari fil-kuntest tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea. Din il-prattika l-ġdida tista’ tkun progressivament maqbula f’aktar dettall bejn l-istituzzjonijiet tal-UE b’rispett sħiħ tar-rwol istituzzjonali rispettiv tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha toħloq arranġamenti li jservu bħala mudell sabiex l-interazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali tkun aktar effiċjenti. Din l-interazzjoni għandha tapplika għad-dibattiti parlamentari nazzjonali kemm għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi indirizzati lill-Istat Membru kif ukoll għall-proċedura tal-baġit nazzjonali annwali. Dan jagħti aktar ħajja għad-dritt rikonoxxut fit-'Two-Pack' li jissejjaħ Kummissarju. Bħala regola, il-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-adozzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u Stabbiltà.

7.L-IKKOMPLETAR TAL-UEM: IT-TĦEJJIJA GĦAT-TIENI STADJU

Il-passi ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni għall-Ewwel Stadju tal-ikkompletar tal-UEM, jibnu fuq strumenti eżistenti u jagħmlu l-aħjar użu possibbli mit-Trattati eżistenti. Madankollu, dawn l-inizjattivi kollha tal-Ewwel Stadju m’għandhomx jitqiesu b’mod iżolat, iżda pjuttost bħala skaluni lejn l-istadju li jmiss, li jibda mill-2017. Fit-Tieni Stadju, iktar miżuri b’ambitu wiesa’ għandhom jiġu miftiehma biex tiġi kkompletata l-arkitettura ekonomika u istituzzjonali tal-UEM. Dan se jinvolvi l-kondiviżjoni ta' aktar sovranità u solidarjetà u se jkollu jkun akkumpanjat minn sorveljanza demokratika msaħħa.

Biex tħejji għat-tranżizzjoni mill-Ewwel Stadju għat-Tieni Stadju, il-Kummissjoni se tippreżenta White Paper fil-Rebbiegħa 2017 li tivvaluta l-progress li jkun sar fl-Ewwel Stadju u tispjega l-passi meħtieġa li imiss, inkluż miżuri ta' natura ġuridika biex l-UEM tiġi kkompletata fit-Tieni Stadju. Il-White Paper se titħejja b'konsultazzjoni mal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

L-2016 se tkun kruċjali fit-tħejjija ta’ din il-White Paper, li tibni fuq it-tliet fergħat li ġejjin:

-L-ewwel, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri għandhom jaqblu u jieħdu azzjoni dwar il-miżuri ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni. B’mod partikolari, se jkun importanti li l-Bord ta' Kompetittività u l-Bord Ewropew Fiskali jsiru operattivi sa nofs l-2016.

-It-tieni, huwa essenzjali li tikkonsulta u tinvolvi liċ-ċittadini, il-partijiet interessati, il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar l-ikkompletar tal-UEM fit-Tieni Stadju. Bil-ħsieb li jiġi stimulat dan id-dibattitu wiesa’ meħtieġ madwar l-Ewropa, il-Kummissjoni se tiffaċilita konsultazzjoni wiesgħa, inkluż dibattiti pubbliċi fl-2016. Il-konsultazzjoni għandha tkun wiesgħa, trasparenti u inklużiva u tippermetti liċ-ċittadini jagħtu l-fehmiet tagħhom.

-Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti f’nofs l-2016 biex jesploraw il-prekundizzjonijiet legali, ekonomiċi u politiċi li se jinformaw il-proposti aktar fit-tul kif spjegat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti.

L-implimentazzjoni tal-Ewwel Stadju, l-eżitu ta’ din il-konsultazzjoni u l-ħidma tal-grupp ta’ esperti għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ kunsens għal aktar passi fundamentali li ġejjin. Dan il-kontribut se jidħol fil-White Paper, li eventwalment għandha — wara aktar diskussjoni — tiġi tradotta f’qafas leġiżlattiv u istituzzjonali aktar b’saħħtu għall-UEM.

8.KONKLUŻJONI

Din il-Komunikazzjoni tissostanzja passi differenti fl-Ewwel Stadju li l-Ħames Presidenti kienu ddeskrivew fir-rapport tagħhom dwar “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”. Dawn il-passi huma ambizzjużi u prammatiċi. Abbażi tal-prinċipju "tisħiħ bil-prattika", il-miżuri proposti jibnu fuq strumenti eżistenti u jagħmlu l-aħjar użu possibbli mit-Trattati eżistenti.

L-inizjattivi ppreżentati se jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u l-konverġenza ekonomika u soċjali, bil-għan li tittejjeb ulterjorment l-Unjoni Ekonomika. L-Unjoni Fiskali hija inkoraġġita permezz tal-kisba u ż-żamma ta’ politiki fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali u tal-UE. L-inizjattivi jgħinu wkoll biex tiżdied aktar l-effiċjenza u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u biex tiġi kkompletata l-Unjoni Finanzjarja. Fl-aħħar nett, l-Unjoni Politika hija appoġġata bit-titjib tar-responsabbiltà demokratika u s-sjieda nazzjonali.

Dawn l-elementi kollha huma importanti fihom infushom, iżda huma wkoll interdipendenti. Għalhekk, dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod parallel. B’mod ġenerali, l-inizjattivi tal-Ewwel Stadju 1 se jkomplu jsaħħu r-reżiljenza tal-UEM. Huma wkoll pass importanti biex jistimulaw il-konverġenza meħtieġa biex wieħed jimxi għat-Tieni Stadju tal-proċess tal-ikkompletar ta' UEM profonda u ġenwina.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-atturi kollha involuti biex jiżguraw li l-proċess tal-approfondiment tal-UEM jiġi implimentat malajr. Huma biss ambizzjoni kontinwa u azzjoni miftiehma li jistgħu jiżguraw li l-UEM mhux biss tibqa’ ħajja iżda tiffjorixxi, u terġa’ tikseb it-triq lejn tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv u lejn il-ħolqien tal-impjiegi.

TABELLA 1: KRONOLOĠIJA TAS-SEMESTRU EWROPEW 2016

(1)

Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea, Rapport ta’ Jean-Claude Juncker, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, it-22 ta’ Ġunju 2015.

(2)

Ara l-Anness I mar-Rapport.

(3)

  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5294_en.htm .

(4)

4 Ara d-dokument: http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/greek_loan_facility/pdf/
assessment_social_impact_en.pdf
.

(5)

 Eżempji ta’ tali indikaturi sinifikanti jinkludu d-dħul u l-ħruġ fis-suq ta’ ditti, rati ta’ qgħad (eż. il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul) u l-livell ta’ edukazzjoni. Dawn urew li huma relatati mat-tkabbir ekonomiku, il-produttività, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-ekwità. Fl-istess ħin, huma jindikaw lievi politiċi konkreti li għandhom jiġu kkunsidrati biex tittejjeb il-prestazzjoni. Dawn jinkludu, fost l-eżempji msemmijin, l-azzjonijiet li jkollhom impatt fuq il-faċilità li wieħed jagħmel negozju, miżuri li jkollhom impatt fuq id-domanda u l-provvista tal-impjieg bħalma huma l-komponent ta' attivazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad u r-rati fiskali fuq l-impjieg, u t-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni.

(6)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

(7)

 Fl-ewwel taqsima, il-Kummissjoni tista’ titlob emendi għal Ftehimiet ta’ Sħubija tal-Istati Membri u l-programm dwar l-użu ta’ fondi tal-UE biex jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill jew biex jiġi massimizzat l-impatt tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fl-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-UE. Jekk Stat Membru jonqos milli jagħmel dawn l-emendi, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill li jissospendi l-pagamenti għall-programmi kkonċernati. Fit-tieni taqsima, il-Kummissjoni għandha tipproponi li tissospendi l-impenji jew il-pagamenti meta Stat Membru ma jiħux azzjoni korrettiva fil-kuntest tal-proċeduri ta’ governanza ekonomika, eż. il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u/jew il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv jew ta’ programm ta’ appoġġ ta’ stabbiltà.

(8)

Six-Pack: Ir-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011; 1174/2011; 1175/2011; 1176/2011; 1177/2011; id-Direttiva 2011/85/UE; Two-Pack: Ir-Regolamenti (UE) Nru 472/2013; 473/2013; TSKG: http://www.consilium.europa.eu/en/european-council/pdf/Treaty-on-Stability-Coordination-and-Governance-TSCG/ . Il-parti fiskali tat-TSKG tissejjaħ ukoll “Patt Fiskali”.

(9)

Rieżami tal-governanza ekonomika, Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (EU) Nru 1173/2011; 1174/2011; 1175/2011; 1176/2011; 1177/2011; 472/2013; 473/2013; COM(2014) 905, 28.11.2014.

(10)

  http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2013/pdf/ocp151_en.pdf .

(11)

Ara t-Taqsima 3.3.

(12)

 Ara COM(2015)602 tal-21 ta' Ottubru 2015.

(13)

 Ara COM(2015)603 tal-21 ta' Ottubru 2015.

(14)

Fid-19 ta' Ottubru 2015, id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek kienet għadha ma ġietx trasposta, jew biss parzjalment minn 12-il Stati Membru: Ir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja, l-Italja, il-Litwanja, il-Belġju, Ċipru, in-Netherlands, Spanja, u s-Slovenja.

(15)

Fid-19 ta' Ottubru 2015, id-Direttiva dwar il-Garanzija tad-Depożitu kienet għadha ma ġietx trasposta, jew biss parzjalment minn 18-il Stati Membru: ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, is-Slovakkja, il-Belġju, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, u l-Iżvezja.

(16)

Fid-19 ta' Ottubru 2015, il-Ftehim Intergovernattiv kien għadu ma ġiex ratifikat jew l-istrumenti ta' ratifika kienu għadhom ma ġewx depożitati minn 13-il Stati Membru: l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, u s-Slovenja.