Brussell, 1.10.2015

COM(2015) 480 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

1.Introduzzjoni

Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina s-sigurtà tal-ikel, ifixkel il-kompetizzjoni, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ u jdgħajjef il-komunitajiet kostali, partikolarment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Is-sajd IUU jirrappreżenta theddida ambjentali serja għall-istokkijiet tal-ħut u jista’ jwassal għall-kollass tas-sajd. Il-valur globali stmat tas-sajd IUU huwa ta’ mill-inqas EUR 10 biljun fis-sena 1 . Fis-sena jinqabdu illegalment bejn 11 u 26 miljun tunnellata ħut, li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-qabdiet fid-dinja. B’riżultat ta’ dan jintilef ammont sinifikanti ta’ riżorsi, dħul, nutrizzjoni u għajxien. Dan joħloq sfidi serji għad-drittijiet tal-bniedem u għas-sigurtà; għas-sigurtà marittima; għall-attività ekonomika u l-kummerċ, kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.

In-nuqqas ta’ xi Stati milli jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom tar-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera skont il-liġi internazzjonali wassal biex il-komunità internazzjonali sabu modi innovattivi kif jindirizzaw is-sajd IUU. Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-1995 dwar Sajd Responsabbli, u l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-2001 li Jimpedixxi, Jiskoraġġixxi u Jelimina s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (IPOA/International Plan of Action to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing) adottat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) kienu l-punt ta’ tluq ta’ era ġdida ta’ impenn internazzjonali favur is-sostenibilità tar-riżorsi tal-baħar. Dawn it-testi mhux vinkolanti fil-kuntest tal-liġi dwar is-sajd internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA), stabbilixxew qafas u għodod kontra s-sajd IUU. Skont dawn id-dispożizzjonijiet huwa d-dover tal-Istati kollha li jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u biex jikkooperaw sabiex dan jinkiseb. Barra minn hekk fl-2009, il-FAO adottat il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (PSMA/Port State Measures to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing). L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura koperazzjoni multilaterali msaħħa permezz ta’ miżuri armonizzati għall-ġlieda kontra s-sajd IUU u li jwaqqaf il-fluss ta’ prodotti tas-sajd IUU fis-swieq. L-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) fasslu wkoll miżuri biex jiġġieldu s-sajd IUU, bħal skemi tad-dokumentazzjoni tal-qbid 2 , żieda tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera u listi ta’ bastimenti IUU 3 .

In-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxew ukoll l-importanza tal-ġlieda kontra s-sajd IUU fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU bħala waħda mill-kwistjonijiet li se jiġu indirizzati bil-mira dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli 4 .

L-Unjoni Ewropea (UE) hija parti kontraenti fl-UNCLOS, fl-UNFSA u fil-PSMA u hija membru jew kooperatur mhux membru f’sitt organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd 5 tat-tonn u fi ħdax li mhumiex tat-tonn 6 .

Minħabba l-kobor u l-urġenza tal-problema tas-sajd IUU l-UE ddeċidiet li ssaħħaħ l-azzjonijiet tagħha u li tadotta miżuri addizzjonali derivati mill-qafas internazzjonali eżistenti. Fl-2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd IUU (ir-Regolament IUU) 7 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010. Fl-2009, il-Kummissjoni adottat regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament IUU 8 .

Ir-Regolament IUU jirrifletti r-responsabbiltà ta’ kull pajjiż, kemm jekk Stat Membru kif ukoll jekk pajjiż terz, li jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew Stat tas-suq. Huwa strument trasparenti u mhux diskriminatorju li japplika għall-bastimenti kollha involuti fl-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd destinati għas-suq tal-UE u għal kull ċittadin tal-UE involut f’attivitajiet tas-sajd taħt kwalunkwe bandiera. Ir-Regolament IUU għandu l-għan li jevita, jiskoraġġixxi u jelimina l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd li ġejjin mis-sajd IUU fl-UE.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE introduċiet għadd ta’ għodod biex itejbu t-traċċabbiltà u biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif ukoll l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd. Dawn jinkludu skema ta’ ċertifikat tal-qbid tal-UE, is-sistema tal-Assistenza Reċiproka bejn l-Istati Membri, il-proċess ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-lista ta’ bastimenti IUU.

Billi taġixxi kontra s-sajd IUU kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, l-UE tħares ir-riżorsi meħtieġa għall-għajxien ta’ persuni, tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ industrija tas-sajd leġittima u toħloq kundizzjonijiet aktar ekwi. Hija tagħmel dan billi taħdem biex tgħolli l-istandards dwar il-ġestjoni tas-sajd, kemm f’pajjiżi terzi kif ukoll fl-Istati Membri.

Minbarra l-politika tagħha kontra s-sajd IUU, l-UE żviluppat u implimentat sett ta’ politiki dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali oħra bħall-injam 9 u l-organiżmi selvaġġi 10 .

L-Artikolu 55 tar-Regolament IUU jistipula li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti u tal-osservazzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament IUU jidhru għadd ta’ riżultati tanġibbli. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta fil-qosor il-kisbiet ewlenin tar-Regolament IUU 11 . Aktar informazzjoni statistika dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fl-Istati Membri relatati ma’ spezzjoni u kontrolli ta’ ħatt l-art u trażbord; ċifri dwar iċ-ċertifikati tal-qabdiet; l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mill-ġdid kif ukoll l-użu ta’ sistemi tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT); l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet; il-kooperazzjoni it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni jinsabu fl-istudju dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament IUU 12 .

 

2.Ir-Regolament IUU – Kisbiet Ewlenin

Il-ġlieda kontra s-sajd IUU kienet prijorità politika għall-UE f’dawn l-aħħar snin. Il-ġlieda tal-UE kontra s-sajd IUU tista’ tiġi maqsuma f’4 oqsma ta’ azzjoni prinċipali u interkonnessi: il-kooperazzjoni mal-Istati Membri; il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi; l-investigazzjonijiet dwar bastimenti preżunti bħala IUU u l-kooperazzjoni internazzjonali u bejn il-partijiet konċernati. F’dawn l-oqsma kollha, l-UE ffokat fuq il-ħolqien ta’ ambjent għal bidla pożittiva permezz ta’ riforma strutturali bl-identifikazzjoni ta’ pajjiżi, kumpaniji jew individwi bħala l-aħħar għażla.

2.1.    KOOPERAZZJONI MAL-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera

Żewġ siltiet oħra importanti ta’ leġiżlazzjoni tal-UE daħlu fis-seħħ fl-istess żmien bħar-Regolament IUU: Ir-Regolament tal-Kontroll 13 u r-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd 14 . Dawn wasslu għal riforma sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll tal-UE, li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn bastimenti tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE u dawk li joperaw f’ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tinvesti ħafna sforzi fl-implimentazzjoni tat-tliet Regolamenti kollha biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera, hekk kif huwa mistenni minn pajjiżi terzi.

L-Istati Membri u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-port

Ir-Regolament IUU jipprovdi qafas sod għall-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw il-miżuri tal-Istat tal-port li jnaqqas il-probabbiltà ta’ prodotti tas-sajd IUU li kienu ġew ittrasportati direttament lejn l-UE. Skont ir-Regolament IUU portijiet magħżula biss huma aċċessibbli għal bastimenti minn pajjiżi terzi u jeżistu kundizzjonijiet stretti għal dawn il-bastimenti li jużaw il-portijiet. Fl-2012 u fl-2013 Stati Membru tal-UE spezzjonaw kważi 1 500 bastiment tas-sajd fil-portijiet tagħhom. Dawn l-ispezzjonijiet identifikaw serje ta’ ksur marbuta ma’, pereżempju, żbalji fid-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art; rappurtar ħażin ta’ informazzjoni fil-ġurnal ta’ abbord il-bastiment; ksur ta’ Miżuri tal-Istat tal-port anke jekk ma tintbagħatx notifika tad-dħul jew tal-ħatt l-art mingħajr il-preżenza ta’ spettur.

L-ispezzjoni rigoruża tal-operazzjonijiet tal-ħatt l-art u tat-trażbord minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi fil-portijiet tal-UE wasslet għal numru ta’ bidliet. Eżempju notevoli huwa l-port ta’ Las Palmas, fejn kontrolli stretti mill-awtoritajiet Spanjoli ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd ta’ riskju għoli tal-Afrika tal-Punent wasslu għal tnaqqis sinifikanti f’ħatt l-art ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mill-operazzjonijiet tas-sajd IUU.

L-Istati Membri u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tas-suq

Ir-Regolament IUU jipprovdi lill-Istati Membri bi strumenti li jikkontrollaw l-importazzjonijiet fl-UE, billi jippermettilhom jimmonitorjaw il-fluss tal-kummerċ minn operazzjonijiet tas-sajd lil hinn mill-ilmijiet tal-UE lejn l-UE. Bl-użu u l-qsim ta’ intelliġenza ġejja minn ċertifikati tal-qbid u mill-informazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri il-verifiki ta’ importazzjonijiet tjiebu. Dan it-tagħrif jipprovdi bażi soda għall-analiżi tar-riskju effettiva li tippermetti lill-awtoritajiet jevalwaw, pereżempju, jekk il-mudell speċifiku tal-importazzjoni tas-sajd jagħmel sens minn perspettiva tal-ekonomija. L-analiżi tar-riskju effettiva hija essenzjali minħabba l-iskala ta’ importazzjonijiet tas-sajd: Bejn l-2010 u l-2013, l-Istati Membri rċevew aktar minn 810 000 ċertifikat tal-qbid u 108 000 dikjarazzjonijiet ta’ pproċessar u bagħtu aktar minn 6 400 talba għal verifika.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IUU jippermettu li l-importazzjonijiet jiġu rrifjutati jekk il-verifiki mwettqa mill-Istati Membri jidentifikaw kunsinna li tkun ġejja minn attivitajiet ta’ sajd IUU. Mill-2010, l-Istati Membri rrifjutaw iktar minn 200 kunsinna ta’ importazzjoni. Ir-raġunijiet għar-rifjut jistgħu jinkludu: Ċertifikati tal-qbid foloz, żbaljati jew mhux kompluti, mhux validi; ksur ta’ta’ miżuri nazzjonali jew tal-RFMOs tal-konservazzjoni u l-ġestjoni, inklużi kwoti; trażbord illegali fuq il-baħar; qabda minn bastiment tas-sajd li mhix inkluża fil-lista ta’ bastimenti awtorizzati li joperaw fiż-żona tal-RFMO rilevanti jew nuqqas ta’ kooperazzjoni jew azzjoni inadegwata meħuda mill-Istat tal-bandiera responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-qabda.

Sabiex ikun żgurat kontroll effettiv, ittejbet il-kooperazzjoni fl-Istati Membri bejn l-awtoritajiet involuti f’kontrolli tal-fruntieri, bħal dipartimenti doganali, sanitarji u tas-sajd, li jridu jaħdmu flimkien biex is-suq tal-UE jiġi protett minn prodotti tas-sajd IUU.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Ir-Regolament IUU jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jindirizzaw l-attivitajiet tas-sajd IUU. Is-sistema ta’ Assistenza Reċiproka tippermetti lill-Istati Membri li jgħarrfu lil xulxin dwar tranżazzjonijiet suspettati ta’ prodotti tas-sajd IUU, u tista’ tintuża mill-Kummissjoni biex tibgħat twissijiet u informazzjoni lill-Istati Membri kollha. Sa mill-2010 il-Kummissjoni bagħtet aktar minn 160 messaġġ ta’ assistenza reċiproka lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jimmiraw il-kontrolli u l-verifiki tagħhom għal sitwazzjonijiet ta’ riskju u biex jitolbu li jsiru investigazzjonijiet dwar attivitajiet ta’ sajd IUU preżunti. L-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni f’każijiet ta’ rifjuti ta’ kunsinni ta’ importazzjoni u kontrolli fil-mira ta’ bastimenti tas-sajd, ta’ operaturi u ta’ attivitajiet ta’ importazzjoni. Pereżempju, tali messaġġi ntbagħtu lill-Istati Membri rigward l-imġiba mhux konformi minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-Afrika tal-Punent. Dan irriżulta f’aktar minn EUR 4.2 miljun f’multi imposti minn diversi Stati kostali. Eżempju konkret ieħor ikkonċerna liċenzji foloz mogħtija minn pajjiż terz li wasslu għall-irkupru mill-pajjiż terz konċernat ta’ aktar minn 2 miljun EUR f’miżati tal-liċenzji.

2.2.    KOOPERAZZJONI MA’ PAJJIŻI TERZI

Il-qafas legali internazzjonali jistabbilixxi d-dover tal-Istati kollha li jadottaw miżuri xierqa u li jikkooperaw biex jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Il-kunċett tal-Istat tal-bandiera u r-responsabbiltà tal-Istat kostali ġie msaħħaħ b’mod kostanti fil-liġi internazzjonali tas-sajd u llum huwa meqjus bħala obbligu ta’ “diliġenza dovuta”, li huwa obbligu biex l-Istat jeżerċita l-aħjar sforzi possibbli u jagħmel dak kollu possibbli sabiex jiġi evitat is-sajd IUU, li jinkludi l-obbligu li jadotta miżuri amministrattivi u ta’ infurzar biex ikun żgurat li bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, iċ-ċittadini ttiegħu, jew il-bastimenti tas-sajd involuti f’ilmijiet tiegħu ma jkunux involuti f’attivitajiet li jmorru kontra l-miżuri applikabbli dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, u f’każ ta’ ksur, li jikkoopera ma’ Stati oħra sabiex jinvestiga u, jekk meħtieġ, jimponi sanzjonijiet suffiċjenti li jiskoraġġixxu l-ksur u li jċaħħdu lil dawk li jiksru l-liġi, mill-benefiċċji li jieħdu mill-attivitajiet illegali tagħhom, u li jikkonsulta.

Ir-Regolament IUU jintroduċi għodod u jimplimenta metodoloġija biex jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jissodisfaw dawn l-obbligi fir-rigward tas-sajd IUU u l-ġestjoni tas-sajd. Permezz ta’ notifiki tal-Istat tal-bandiera, iċ-ċertifikati tal-qbid u l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-UE għandha għodda effettivi biex il-ġlieda kontra s-sajd IUU f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi madwar id-dinja, tissaħħaħ.

L-UE qed tuża miżuri biex tevita, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU bħala strument biex tgħin lil pajjiżi terzi biex jindirizzaw il-problemi ta’ ġestjoni tas-sajd. L-għan huwa li, permezz ta’ djalogu, kooperazzjoni u assistenza teknika u ta’ żvilupp, tgħin lill-pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex il-politiki u l-għodod tagħhom jissaħħu, biex dawk li jiksru r-regoli jiġu ssanzjonati b’mod dissważiv biżżejjed, biex il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar jittejbu u biex il-komunitajiet tas-sajd u l-operaturi onesti jingħataw opportunitajiet aħjar. Matul dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni setgħet tgħin lil diversi pajjiżi terzi biex jiksbu bidliet fundamentali fil-politiki tas-sajd tagħhom pereżempju, permezz tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom, fil-bini tal-kapaċità jew bis-saħħa ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza mtejba. Dawn il-pajjiżi ħadu pussess tar-riformi u ġabu l-governanza tas-sajd tagħhom sal-livell tal-istandards attwali tal-liġi internazzjonali.

It-titjib tat-traċċabbiltà ta’ importazzjonijiet tas-sajd tal-baħar

L-iskema taċ-ċertifikat tal-qbid tal-UE ġiet introdotta biex ittejjeb it-traċċabilità tal-prodotti kollha li joriġinaw mis-sajd tal-baħar, u li jiġu kkumerċjati fis-suq tal-UE, tul il-katina tal-produzzjoni kollha, mix-xibka sal-platt. L-iskema ta’ ċertifikazzjoni toħloq il-bażi għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. S’issa, 91 pajjiż terz innotifikaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont ir-Regolament IUU tal-UE u applikaw skema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid għall-esportazzjonijiet lejn l-UE 15 .

Bħala parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni għall-pajjiżi terzi l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), tanalizza kampjuni taċ-ċertifikati tal-qbid minn pajjiżi terzi biex tidentifika d-dgħufijiet u n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ validazzjoni tagħhom. Mat-talba tista’ mbagħad tipprovdi t-taħriġ u l-bini tal-kapaċità għal dawn il-pajjiżi terzi, waqt li tiżgura titjib kontinwu tas-sistemi ta’ validazzjoni taċ-ċertifikat tal-qbid tagħhom 16 . Barra minn hekk diversi pajjiżi terzi introduċew sistemi moderni tal-IT biex jagħmlu kontroverifika tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vvalidati ċ-ċertifikati tal-qbid u xi wħud introduċew ukoll miżuri tal-Istat tas-suq (bħal sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid) kif irrakkomandat fl-IPOA tal-FAO.

It-tisħiħ tal-governanza tas-sajd permezz ta’ djalogu

L-objettiv primarju tal-politika tal-UE kontra s-sajd IUU hu li ssir ħidma flimkien ma’ pajjiżi terzi sabiex titrawwem bidla fl-imġiba u tissaħħaħ il-governanza tas-sajd. Id-djalogi jistgħu jibdew wara valutazzjoni tar-rekord ta’ konformità ta’ pajjiżi terzi bħala stati tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u tal-livell ta’ impenn fil-ġlieda kontra s-sajd IUU filwaqt li jitqies il-livell globali ta’ żvilupp tal-pajjiż.

Il-Kummissjoni s’issa fetħet djalogu ma’ kważi 50 pajjiż. Permezz ta’ missjonijiet u laqgħat, il-proċess ta’ djalogu wasslet għal riformi leġiżlattivi u amministrattivi f’aktar minn 15-il pajjiż. Ir-riżultati tanġibbli ta’ din il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi jinkludu governanza mtejba, b’mod partikolari: il-leġiżlazzjoni riveduta; l-adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni (NPOA) skont il-FAO IPOA-IUU; sanzjonijiet imsaħħa; kooperazzjoni, koordinazzjoni u mobilizzazzjoni aħjar tal-awtoritajiet rilevanti differenti u impenn politiku għall-ġlieda kontra s-sajd IUU sal-ogħla livell. Il-proċess ta’ djalogu pprovda qafas għal pajjiżi għat-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza permezz ta’ monitoraġġ imtejjeb tal-attivitajiet tas-sajd, inklużi r-rekwiżiti tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS/Vessel Monitoring System) għall-flotot nazzjonali u tal-ilmijiet mbiegħda u t-tisħiħ tal-ispezzjonijiet u l-kontrolli.

L-identifikazzjoni minn qabel (“Il-karta s-safra”)

F’każijiet fejn id-djalogu ma’ pajjiż terz ma kienx kapaċi jsolvi n-nuqqasijiet stabbiliti, il-Kummissjoni nnotifikat lill-pajjiż terz tar-riskju li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU (il-proċedura tal-identifikazzjoni minn qabel, l-Artikolu 32, l-hekk imsejħa “il-karta s-safra”). Għal kull wieħed mit-18-il każ tal-identifikazzjoni minn qabel sal-lum, il-Kummissjoni pproponiet miżuri speċifiċi għall-pajjiż biex sa data ta’ skadenza speċifikata, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Din il-proċedura toħloq qafas għal kollaborazzjoni biex titjieb il-governanza fil-qasam tas-sajd.

Il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni minn qabel, tal-identifikazzjonijiet, tat-tneħħija tal-identifikazzjoni minn qabel u t-tneħħija mill-elenkar tiddependi primarjament fuq l-eżami tal-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi bħalma huma l-okkorrenza ta’ attivitajiet IUU minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż konċernat, l-okkorrenza ta’ attivitajiet IUU fl-ilmijiet tal-pajjiż konċernat, l-attivitajiet tas-suq (it-trasformazzjoni u l-esportazzjonijiet), l-attivitajiet tal-portijiet, il-valutazzjoni tal-konformità mal-ftehimiet internazzjonali u mal-istrumenti ta’ “soft law”, inkluża l-valutazzjoni ta’ konformità mal-miżuri tal-RFMOs, l-istrumenti ta’ infurzar (inkluż l-eżami tal-qafas legali u amministrattiv fis-seħħ) u r-reazzjoni in concreto għall-okkorrenza IUU (inkluża s-suffiċjenza ta’ deterrent) u l-istatus ta’ pajjiż li qed jiżviluppa.

Il-proċeduri tal-identifikazzjoni minn qabel kienu mibdija f’Novembru 2012 għall-Beliże, għall-Kambodja, għal Fiġi, għall-Guinea, għall-Panama, għas-Sri Lanka, għat-Togo u għal Vanuatu 17 ; f’Novembru 2013 għal Curacao, għall-Ghana u għall-Korea 18 ; f’Ġunju 2014, għall-Filippini u għal Papua New Guinea 19 ; f’Diċembru 2014, għall-Gżejjer Solomon, għal Tuvalu, għal Saint Kitts u Nevis, għal Saint Vincent u l-Grenadini 20 u f’April 2015 għat-Tajlandja 21 .

Il-pajjiżi identifikati minn qabel li wrew progress b’konformità mal-miżuri proposti ngħataw żmien addizzjonali jekk u kif kien meħtieġ biex jikkonkludew ir-riformi. F’Lulju 2013, il-Kummissjoni estendiet l-istatus tal-identifikazzjoni minn qabel għal Fiġi, għall-Panama, għas-Sri Lanka, għat-Togo u għal Vanuatu bbażat fuq il-progress miksub s’issa u biex tippermettilhom biżżejjed żmien biex jadottaw oqfsa legali rivedut u kapaċitajiet ta’ kontroll għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom skont ir-rekwiżiti internazzjonali. L-istess estensjoni ingħatat lil Curaçao, lill-Ghana u lill-Korea f’Lulju 2014; lill-Filippini u lil Papua New Guinea fi Frar 2015 u lill-Ghana u lil Curaçao f’Marzu 2015.

L-identifikazzjoni (“Il-karta l-ħamra”)

F’każijiet fejn il-pajjiż identifikat minn qabel naqas milli jsolvi l-problemi tas-sajd IUU, b’konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu, il-Kummissjoni tidentifikah bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU (il-proċedura ta’ identifikazzjoni, l-Artikolu 31, l-hekk imsejħa “l-karta l-ħamra”) u pproponiet li l-Kunsill jiddikjara l-pajjiż fuq il-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx (il-proċedura tal-elenkar, l-Artikolu 33). L-identifikazzjoni u l-elenkar sussegwenti jwasslu għal miżuri kummerċjali, inkluża l-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd minn pajjiżi li ma jikkooperawx fl-UE, u l-projbizzjoni ta’ bastimenti tal-UE milli joperaw fl-ilmijiet ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

F’Novembru 2013 inbdew proċeduri ta’ identifikazzjoni għall-Beliże, għall-Kambodja u għall-Guinea 22 u f’Ottubru 2014 għas-Sri Lanka 23 . F’Marzu 2014 tlestew proċeduri ta’ elenkar, għall-Beliże, għall-Kambodja u għall-Guinea 24 li wasslu għal deċiżjonijiet tal-Kunsill biex dawn jitqiegħdu fuq il-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx, u f’Jannar 2015 għas-Sri Lanka 25 .

Il-proċedura ta’ identifikazzjoni għandha bħala konsegwenza l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1)(g) jiġifieri li l-Istati Membri jirrifjutaw l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd tal-baħar minn pajjiż terz identifikat kopert b’ċertifikati tal-qbid b’dati tal-validazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-proċedura tal-elenkar tinvolvi miżuri kummerċjali mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill kif stipulat fl-Artikolu 38, bħall-projbizzjoni tal-importazzjonijiet; ir-rifjut taċ-ċertifikati tal-qbid; il-projbizzjoni tax-xiri ta’ bastimenti tas-sajd; il-projbizzjoni għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-UE; l-ebda ftehimiet ta’ kiri; il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-UE; il-projbizzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali privati ma’ ċittadini tal-UE; il-projbizzjoni ta’ operazzjonijiet tas-sajd konġunti mal-UE; id-denunzja possibbli ta’ ftehimiet jew ta’ sħubijiet tas-sajd bilaterali permanenti; u/jew projbizzjoni ta’ aktar negozjati biex jikkonkludu ftehimiet jew sħubijiet bilaterali tas-sajd.

It-tneħħija tal-identifikazzjoni minn qabel u tat-tneħħija mil-lista (“Il-karta l-ħadra”)

Il-proċess ta’ djalogu jkompli matul l-istadji kollha tal-proċedura. Meta l-pajjiżi identifikati minn qabel, jew identifikati jew elenkati jkunu ħadu miżuri konkreti biex jiksbu titjib dejjiemi fil-ġlieda kontra l-attivitajiet IUU l-Kummissjoni tneħħi l-istatus tal-identifikazzjoni minn qabel jew tipproponi lill-Kunsill li l-pajjiż jitneħħa mil-lista, skont l-istadju tal-proċedura (l-hekk imsejħa “il-karta l-ħadra”).

F’Ottubru 2014, b’segwitu ta’ riformi strutturali fil-ġestjoni tas-sajd u ta’ garanziji sodi fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn ir-riformi, il-Kummissjoni neħħiet l-istatus tal-identifikazzjoni minn qabel, għal Fiġi, għall-Panama, għat-Togo u għall-Vanuatu 26 . F’Diċembru 2014, il-Kunsill neħħa lill-Beliże mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, wara r-reviżjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sajd tiegħu u l-introduzzjoni ta’ miżuri konkreti għall-ġlieda kontra s-sajd IUU 27 . F’April 2015, b’segwitu ta’ riformi strutturali fil-ġestjoni tas-sajd u ta’ garanziji sodi fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn ir-riformi, il-Kummissjoni neħħiet l-istatus tal-identikazzjoni minn qabel għall-Korea u għall-Filippini 28 .

L-appoġġ lil pajjiżi terzi

Sabiex tinkiseb bidla dejjiema, ħafna drabi huma meħtieġa taħriġ u bini ta’ kapaċità.

Il-proċess ta’ djalogu IUU jipprovdi qafas għall-bini tal-kapaċità bħal dan u l-Kummissjoni, ta’ spiss flimkien maL-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), wettqet sessjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità mfassla apposta dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qbid u dwar l-għodod u l-politika dwar il-Monitoraġġ, il-Kontroll u s-Sorveljanza (MSC) lil ċerti pajjiżi terzi b’reazzjoni għal talbiet speċifiċi. Sessjonijiet IUU speċifiċi jikkomplementaw l-azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità li qed jitwettqu mill-Kummissjoni u mill-EFCA ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tas-sajd, inklużi l-RFMOs, taħt l-awspiċi tal-PKS. Dawn jinkludu l-użu ta’ appoġġ settorjali skont il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA/Sustainable Fisheries Partnership Agreements) bejn l-UE u pajjiżi terzi, immirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-MCS u t-tisħiħ tal-governanza tas-sajd tal-pajjiż imsieħeb tas-SFPA 29 .

Flimkien ma’ każijiet numerużi ta’ assistenza teknika biex tiffinanzja azzjonijiet speċifiċi minn pajjiżi terzi, aktar minn 55 pajjiż li qed jiżviluppaw irċevew assistenza teknika mill-UE bis-saħħa ta’ żewġ programmi: il-Programm ACP FISH II għall-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) li jammontaw għal 30 miljun EUR u l-Ġestjoni Sostenibbli tal-Ambjent u tar-Riżorsi Naturali inkluż il-programm Enerġija (ENRTP) li jammonta għal 2 miljun EUR. L-għanijiet ta’ dawn il-programmi jinkludu l-ġestjoni sostenibbli u ġusta tas-sajd f’reġjuni speċifiċi. Il-ġlieda kontra s-sajd IUU hija parti integrali ta’ diversi proposti ta’ finanzjament, li huma ta’ rilevanza għal programmi li jindirizzaw is-sigurtà tal-ikel kif ukoll dawk li jindirizzaw is-sigurtà marittima. L-għan tal-azzjonijiet tal-UE huwa li jkollha approċċ transsettorjali u olistika li jindirizza l-problemi kollha konnessi mad-dominju marittimu bħas-sajd IUU, is-sigurtà tal-ikel, il-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-terroriżmu fuq il-baħar, il-kummerċ illegali, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu ta’ migranti, it-traffikar tal-armi u tad-drogi, it-traffikar ta’ speċijiet protetti ta’ fawna u flora selvaġġi, u attivitajiet marittimi illegali oħra.

2.3.    INVESTIGAZZJONIJIET DWAR L-ATTIVITAJIET TA’ BASTIMENTI PREŻUNTI BĦALA IUU

Mill-2010 l-Kummissjoni investigat aktar minn 200 każ ta’ sajd preżunt bħala IUU minn bastimenti minn 27 pajjiż. Dawn l-investigazzjonijiet kienu bbażati fuq l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni jew li waslet mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi u minn partijiet ikkonċernati. Bħala konsegwenza diretta ta’ dawn l-investigazzjonijiet tmien Stati tal-bandiera (il-Beliże, il-Brażil, il-Komoros, il-Litwanja, il-Panama, ir-Repubblika ta’ Guinea, ir-Repubblika tal-Korea u Spanja) u erba’ Stati kostali (il-Liberja, ir-Repubblika tal-Guinea, Sierra Leone u l-Guinea Bissau) imponew sanzjonijiet li jammontaw għal aktar minn 8 miljun EUR ta’ multi u onorarji kontra aktar minn 50 bastiment. Billi dawn il-każijiet wasslu għal sanzjonijiet imposti miill-Istat tal-bandiera, jew bħala Stat kostali, jew it-tnejn, ma kien hemm, sal-lum, l-ebda ħtieġa biex jiddaħħlu bastimenti fil-lista tal-UE skont l-Artikolu 27(1). Fl-istess ħin il-Kummissjoni inkoraġġiet l-Istati tal-bandiera kkonċernati biex jagħtu bidu għal riformi amministrattivi u leġiżlattivi biex isaħħu l-kontroll tal-attivitajiet tal-flotot tas-sajd tagħhom.

Dawn l-investigazzjonijiet saru l-aktar f’oqsma fejn l-attivitajiet tas-sajd IUU huma l-aktar mifruxa u fejn għandhom l-aktar impatti serji - mhux biss fuq ir-riżorsi tal-baħar, iżda wkoll fuq il-ħajja tal-komunitajiet lokali. Ix-xogħol iffoka fuq każijiet b’dimensjoni tanġibbli tal-UE, fuq bastimenti konnessi mal-esportazzjonijiet lejn l-UE; fuq bastimenti kkontrollati minn operaturi tal-UE jew li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri tal-UE.

Tmien RFMOs iżommu jew jikkondividu listi ta’ bastimenti li nstabu li jagħmlu jew li jappoġġaw is-sajd IUU fi ħdan l-oqsma ta’ konvenzjoni rispettivi tagħhom. Dawn il-listi huma għodod importanti għal kontrolli mill-Istat tal-port u tal-bandiera, billi dawn jistgħu jintużaw mill-ispetturi sabiex jinfurmaw l-analiżi tar-riskji dwar l-attivitajiet tal-portijiet u taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid. Kull sena, f’konformità mar-Regolament IUU, l-UE tittrasponi dawn il-listi kollha f’ġabra unika ta’ lista tal-UE ta’ bastimenti IUU 30 skont l-Artikolu 30.

Il-bastimenti tas-sajd inklużi fil-lista tal-bastimenti IUU tal-UE mhumiex awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet ta’ Stati Membri, ma jingħatawlhomx awtorizzazzjonijiet jew jiġu chartered mill-Istati Membri, ma jidħlux f’portijiet tal-UE, ma jiġux fornuti bi provvisti, fjuwil jew jibdlu l-ekwipaġġ, ma jitħallewx jidħlu f’operazzjonijiet b’bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-UE, jiġu pprojbiti milli jimportaw prodotti tas-sajd fl-UE, milli joħorġu ċertifikati tal-qbid u jesportaw jew jirriesportaw prodotti tas-sajd mill-UE.

3.Kooperazzjoni Internazzjonali u mal-Partijiet Ikkonċernati

3.1.    KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Is-sajd IUU ma jistax jiġi miġġieled mill-UE f’iżolament, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex tiġi aċċellerata l-bidla globali. L-UE ffirmat Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-ġlieda kontra s-sajd IUU mal-Istati Uniti f’Settembru 2011 u mal-Ġappun f’Lulju 2012. l-UE hija lesta tikkoopera fuq kwistjonijiet tas-sajd IUU ma’ kwalunkwe pajjiż li jikkondividi l-valuri tagħha għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

Il-Kummissjoni tapprezza l-progress li sar mill-FAO fl-iżvilupp ta’ Reġistru Globali tal-Bastimenti tas-Sajd, ta’ Bastimenti tat-Trasport Refriġerati u ta’ Bastimenti tal-Provvista. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment u dejta rilevanti oħra sabiex ikun hemm mod mgħaġġel u affidabbli biex titqabbel id-dejta ma’ sorsi oħra. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-konsultazzjoni mill-esperti tal-FAO dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet. Tappoġġa l-użu ta’ Numri tal-IMO għall-bastimenti ta’ 100 tunnellaġġ gross u iktar u tilqa’ l-approvazzjoni riċenti fil-Kumitat dwar is-Sajd tal-FAO (COFI) tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera.

Il-Kummissjoni qed taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-INTERPOL. Fl-2013, il-Kummissjoni saret osservatur fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kriminalità fis-Sajd li nħoloq taħt il-kappa tal-Programm tal-INTERPOL dwar il-Kriminalità Ambjentali. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tappoġġa l-Proġett SKALA tal-INTERPOL, inizjattiva globali għall-identifikazzjoni, it-trażżin u l-ġlieda kontra l-kriminalità fis-sajd.

3.2.    KOOPERAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Bħalma l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha huwa wkoll importanti.

L-organizzazzjonijiet nongovernattivi jaqdu rwol sinifikanti fil-ġlieda kontra s-sajd IUU permezz tax-xogħol tagħhom fil-qasam tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd illegali; billi jinkoraġġixxu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet madwar id-dinja biex iqiegħedu l-kwistjoni tas-sajd IUU fuq l-aġendi politiċi u permezz tax-xogħol tagħhom mal-pubbliku ġenerali, iqajmu sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-problemi tas-sajd IUU. L-organizzazzjonijiet nongovernattivi spiss ipprovdew evidenza sostanzjata ta’ attivitajiet IUU li jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni f’investigazzjonijiet differenti.

Il-kooperazzjoni mal-industrija hija importanti billi tinsab fuq quddiem nett fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU. L-industrija issa tagħti aktar attenzjoni lill-komponenti kollha tal-katina tal-provvista sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd maqbuda legalment biss jidħlu fl-UE. Il-fornituri legali bbenefikaw minn din il-bidla ta’ politika filwaqt li l-operaturi illegali tilfu l-vantaġġ. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li rċeviet mingħand l-industrija, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni saret taf b’għadd ta’ kwistjonijiet prattiċi li jistgħu jiġu indirizzati sabiex tittejjeb l-effettività tar-Regolament IUU.

4.Ir-Regolament IUU – Passi li Jmiss

Wara ħames (5) snin ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament IUU affettwa b’mod ċar l-attivitajiet tas-sajd madwar id-dinja. Dan stabbilixxa mekkaniżmu permanenti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Ir-Regolament rawwem ir-rieda fost l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex itejbu l-konformità tagħhom mal-obbligi internazzjonali bħala Stati tal-bandiera, kostali, tal-port jew tas-suq. L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi issa rrealizzaw ukoll li l-benefiċċji tal-ġlieda kontra s-sajd IUU huma konkreti u jinkludu żieda fid-dħul għall-baġit tal-istat jew lokali, dħul likieku jintilef favur il-benefiċċju tal-operaturi IUU.

Internament, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb is-sistemi attwali li qegħdin fis-seħħ u biex tissimplifika u timmodernizza l-implimentazzjoni tar-Regolament IUU. Ġie identifikat titjib tekniku sostanzjali li jista’ jiġi introdott fuq il-bażi tat-test legali attwali. L-għan huwa li titjieb il-kosteffettività tas-sistema attwali, biex issir aktar sempliċi billi tgħaddi minn sistema bbażata fuq il-karti għal waħda elettronika. Dan se jżid it-traċċabilità tat-tranżazzjonijiet u se jipproteġi s-sistema minn frodi tad-dokumenti. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni se timmodernizza l-iskema taċ-ċertifikat tal-qbid permezz ta’ sistema tal-IT u se toħloq sistema armonizzata għall-iskambju u l-verifika tal-informazzjoni f’kooperazzjoni mal-EFCA. Din is-sistema l-ġdida tal-IT se tippermetti li jingħalqu l-lakuni fil-kontroll tal-importazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-użu totali ta’ kwalunkwe ċertifikat tal-qbid maqsum f’diversi konsenji, u b’hekk jiġu evitati l-ħasil ta’ prodotti tas-sajd IUU. Analiżi tar-riskju armonizzata se twassal għal approċċ aktar kosteffettiv għall-kontroll taċ-ċertifikati tal-qbid u se tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Dan it-titjib se ssir matul l-2015 u l-2016.

Esternament, il-Kummissjoni se tkompli taħdem ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali, ta’ djalogu u ta’ proċess formali fil-qafas tal-proċeduri għall-identifikazzjoni minn qabel, l-identifikazzjoni u l-elenkar stabbiliti bil-għan li jiġu kkoreġuti l-problemi tas-sajd IUU.

Il-Kummissjoni se tkompli toffri assistenza teknika u għall-iżvilupp għal pajjiżi terzi sabiex huma jindirizzaw il-problemi tas-sajd IUU. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ azzjonijiet immirati fuq il-bini tal-kapaċità ta’ amministraturi ta’ pajjiżi terzi u permezz ta’ programmi ta’ għajnuna tal-UE għall-iżvilupp billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-ħtiġijiet ta’ pajjiżi terzi u tal-programmi possibbli korrispondenti.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll x’azzjoni addizzjonali għandha tittieħed fil-livell internazzjonali kontra s-sajd IUU fil-kuntest tal-isforzi tagħha biex ittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani  31

Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni għamlet proposta għall-allinjament tar-Regolament IUU għar-regoli l-ġodda tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 32 . Dan il-proċess għadu pendenti quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(1)

Agnew et al. (2009) PLoS ONE 4(2): e4570.

(2)

Għall-iskemi tad-dokumentazzjoni tal-qbid tal-RFMOs ara l-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009, ĠU L 280, 27.10.2009, p. 1 dwar skemi tad-dokumentazzjoni tal-qbid adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, rikonoxxuti bħala konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament IUU.

(3)

Għal listi ta’ bastimenti IUU tal-RFMOs, ara l-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1296/2015, ĠU L 199/29.7.2015, p. 12.

(4)

Ara l-Mira 14.4 li tinsab fuq https://sustainabledevelopment.un.org/sdgsproposal.html  

(5)

Għal-lista dettaljata ara: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/international/rfmo/index_en.htm

(6)

Għal-lista dettaljata ara: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/international/rfmo/index_en.htm

(7)

ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009, ĠU L 280, 27.10.2009, p. 1.

(9)

Ara l-pjan ta’ azzjoni tal-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) (jinsab fuq http://www.euflegt.efi.int/flegt-action-plan ).

(10)

Ara l-ħidma tal-UE kontra l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora selvaġġi kif deskritta fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ Organiżmi Salvaġġi (COM(2014)64 finali 7.2.2014) u d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar sommarju tat-tweġibiet għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar l-approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi (SWD(2014) 347 finali, 26.11.2014).

(11)

Ir-regoli dettaljati tal-UE għall-ġlieda kontra s-sajd IUU li jinkludu dokumenti legali, spjegazzjonijiet u materjal għall-istampa jinsabu fuq http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/illegal_fishing/index_en.htm  

(12)

  http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/iuu-regulation-application/index_en.htm  

(13)

ĠU L 351, 22.12.2009, p. 1.

(14)

ĠU L 29,10.2008, p. 33.

(15)

Għal-lista ta’ pajjiżi terzi li nnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament IUU ara: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/illegal_fishing/info/flag_state_notifications_en.pdf

(16)

Dawn l-azzjonijiet twettqu fil-Filippini, f’Curacao, f’Cape Verde, fil-Ghana, f’Papua New Guinea, fil-Gżejjer Solomon u fil-Korea.

(17)

ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1.

(18)

ĠU C 346, 27.11.2013, p. 26.

(19)

ĠU C 185, 17.6.2014, p. 2 u p. 17.

(20)

ĠU C 447, 13.12.2014, p. 6, 16 u 13, ĠU 453, 17.12.2014, p. 5.

(21)

ĠU C 142, 29.04.2015, p. 7.

(22)

ĠU C 346, 27.11.2013, p. 2.

(23)

ĠU L 297, 15.10.2014, p. 13.

(24)

ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43.

(25)

ĠU L 33, 10.2.2015, p.15.

(26)

ĠU C 364, 15.10.2014, p. 2.

(27)

ĠU L 360, 17.12.2014, p. 53.

(28)

ĠU C 142, 29.04.2015, p. 5, ĠU C 142, 29.04.2015, p. 6.

(29)

Għall-ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u l-ammonti allokati għall-iżvilupp tal-politika tas-sajd ara:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/international/agreements/index_en.htm  

(30)

ĠU L 199, 29.7.2015, p. 12–20.

(31)

Ara l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Governanza tal-Oċeani :

http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/ocean-governance/index_en.htm

(32)

Ara l-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, COM/2012/0332 final - 2012/0162 (COD), jinsab fuq http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012PC0332&from=MT