Brussell, 17.9.2015

COM(2015) 461 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2014


1.Skop u kamp ta' applikazzjoni tar-rapport

1 2 Ir-Regolament Nru 258/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jestendi programm tal-Unjoni għas-sostenn ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, daħal fis-seħħ fid-9 ta’ April 2014 wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali.

L-għan ġenerali tal-programm tal-Unjoni huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-funzjonament effettiv tas-suq intern billi jappoġġa l-iżvilupp trasparenti u indipendenti ta’ standards internazzjonali tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju.

Ir-Regolament jistipula l-benefiċjarji tal-programm.

Fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju dawn huma:

— il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG),

— il-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS)

Fil-qasam tal-awditjar, il-benefiċjarju huwa:

— il-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB).

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament, mill-2015, il-Kummissjoni tħejji rapport annwali dwar l-attività tal-Fondazzjoni tal-IFRS fir-rigward tal-iżvilupp tal-IFRS, tal-PIOB u tal-EFRAG. Il-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport huwa spjegat aktar fl-Artikolu 9 (4, 5 u 6) kif ġej:

fir-rigward tal-Fondazzjoni tal-IRFS, ir-rapport ikopri:

(a) l-attività tagħha u b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali li abbażi tagħhom ġew żviluppati standards ġodda. Ir-rapport ikopri wkoll il-kwistjoni ta’ jekk l-IFRS jiħdux kont xieraq tal-mudelli differenti ta’ negozju, jekk jirriflettux il-konsegwenzi attwali tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi, jekk humiex kumplessi żżejjed u jekk jevitawx preġudizzji artifiċjali għal terminu qasir u ta’ volatilità.

(b) Wara l-ħruġ ta’ Qafas Kunċettwali rivedut, ir-rapport jindirizza kwalunkwe bidla li ġiet introdotta fil-Qafas Kunċettwali, b’enfasi partikolari fuq il-kunċetti ta’ prudenza u affidabilità.

Fir-rigward tal-EFRAG, ir-rapport ikopri:

(a) jekk l-EFRAG fix-xogħol tekniku tiegħu fir-rigward tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità jiħux kont xieraq tar-rekwiżit tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, b’mod partikolari, huwa u jivvaluta jekk l-IFRS ġodda jew emendati humiex konsistenti mal-prinċipju tal-“istampa ċara u ġusta” u jwasslux għall-ġid pubbliku Ewropew;

(b) jekk l-EFRAG fix-xogħol tekniku tiegħu dwar l-IFRS jipprovdix valutazzjoni adegwata ta’ jekk l-istandards internazzjonali tal-kontabilità abbozzati, ġodda jew emendati kif żviluppati mill-IASB humiex ibbażati fuq evidenza, jirrispondux għall-bżonnijiet tal-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tad-diversità ta’ mudelli u opinjonijiet tal-kontabilità u ekonomiċi fl-Unjoni; kif ukoll

(c) il-progress tal-EFRAG fl-implimentazzjoni tar-riformi ta’ governanza tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi wara r-rakkomandazzjonijiet espressi fir-rapport tal-konsulent speċjali.

fir-rigward tal-PIOB, ir-rapport ikopri l-iżviluppi fid-diversifikazzjoni tal-finanzjament 3 .

Ir-rapport ikopri l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2014. Madankollu, ċerti avvenimenti li seħħew fl-2015 issemmew ukoll fejn kien meqjus utli għall-iskop ta’ dan ir-rapport.

2.Il-Fondazzjoni tal-IFRS

2.1.Prinċipji ġenerali li abbażi tagħhom ġew żviluppati Standards ġodda

1.1.1.Il-Prinċipju tal-IASB ta’ Preżentazzjoni Ġusta

L-IAS 1, Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji, jeħtieġ li r-rapporti finanzjarji jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, il-prestazzjoni finanzjarja u l-flussi tal-flus ta’ entità. Preżentazzjoni ġusta teħtieġ rappreżentazzjoni leali tal-effetti ta' tranżazzjonijiet, avvenimenti u kundizzjonijiet oħra b'konformità mad-definizzjonijiet u mal-kriterji tar-rikonoxximent għall-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu u l-ispejjeż stabbiliti fil-Qafas Kunċettwali. Skont l-IAS 1, l-applikazzjoni ta’ Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRSs), b'divulgazzjoni addizzjonali fejn meħtieġ, hija preżunta li tirriżulta f’rapporti finanzjarji li jagħtu preżentazzjoni ġusta, li fil-fehma ta' għadd ta’ partijiet ikkonċernati hija ekwivalenti għal stampa vera u ġusta. L-IFRSs ifittxu li jirriflettu l-prestazzjoni ekonomika, b’enfasi fuq it-trasparenza bil-għan li ċ-ċirkustanzi ekonomiċi jkunu ċari għall-investituri.

Ir-rekwiżiti tal-IASB għal proċess dovut biex jiġu żviluppati Standards ġodda huma mibnija fuq il-prinċipji ta’ trasparenza, konsultazzjoni sħiħa u ġusta u l-kontabilità.

It-trasparenza

Il-laqgħat tal-IASB (kif ukoll tal-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet tal-IFRS) biex jiġu diskussi kwistjonijiet tekniċi huma miftuħa għall-pubbliku, jiġu rrekordjati u trażmessi b’xandira diretta permezz ta' webcast. Id-Dokumenti ta' Ħidma tekniċi għal dawn il-laqgħat huma disponibbli fuq is-sit web tal-Fondazzjoni tal-IFRS, flimkien ma’ rekordings u webcasts tal-laqgħat. Jiġu ppubblikati wkoll sommarji tad-deċiżjonijiet meħuda f’dawn il-laqgħat.

Konsultazzjoni sħiħa u ġusta

L-IASB topera wkoll fuq il-prinċipju li konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati ttejjeb il-kwalità tal-Istandards tagħha. Din il-konsultazzjoni tista’ ssir permezz ta’ mezzi differenti, inkluż laqgħat individwali u ħidma fuq il-post. Xi proċeduri ta’ konsultazzjoni huma obbligatorji pereż. l-espożizzjoni għall-kummenti tal-pubbliku ta' kwalunkwe Standard ġdid propost, emenda proposta għal Standard jew Interpretazzjoni proposta, — b'perjodi ta’ kumment minimi.

Kontabilità

L-IASB huwa impenjat lejn il-prinċipju ta’ kontabilità u jevalwa l-kostijiet u l-benefiċċji, jew l-effetti, probabbli ta’ rekwiżiti ġodda proposti matul l-iżvilupp ta’ Standard ġdid jew emendat. Il-fehmiet tal-IASB dwar l-effetti probabbli huma approvati u ppubblikati mill-IASB.

F’Novembru 2014, l-IASB ippubblika r-rapport tal-Grupp Konsultattiv tal-Analiżi tal-Effetti, li kien ġie stabbilit biex jagħti pariri lill-IASB dwar l-aħjar prattika fil-valutazzjoni tal-effetti probabbli ta’ standard ġdid u, b’hekk, biex ifittex li jsaħħaħ il-fiduċja fil-, u l-effiċjenza tal-proċessi. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu analiżi msaħħa u kuntatti mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi dawk li jissettjaw l-istandards, u s-superviżuri tal-istandards nazzjonali. Dawn qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati.

2.2.Il-kisbiet ewlenin tal-IASB fl-2014

Fl-2014, l-IASB ħareġ żewġ Standards ġodda ewlenin: IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. Barra minn hekk, l-IASB kompla jaħdem fuq għadd ta’ proġetti oħra kbar, b’mod partikolari Kuntratti ta’ Kiri, Kuntratti ta’ Assigurazzjoni u l-Qafas Kunċettwali (li huwa meqjus fit-taqsima 2.3).

a)IFRS 9 Strumenti Finanzjarji

L-IASB ħareġ l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji f’Lulju 2014 wara l-proċess dovut. Dan l-istandard lesta t-tweġina tal-IASB għall-kriżi finanzjarja. L-IFRS 9 jinkludi mudell ġdid ta’ klassifikazzjoni u ta’ kejl, mudell ta' indeboliment ta' “telf mistenni” li jħares 'il quddiem u approċċ lejn il-kontabilità għall-iħħeġġjar irriformat sostanzjalment: 

Il-klassifikazzjoni tal-assi finanzjarji tiddetermina kif dawn jitkejlu. L-approċċ il-ġdid se jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-flussi tal-flus ta’ ass finanzjarju u l-mudell tan-negozju tal-entità. Dan huwa “mudell ta' kejl imħallat” inkluż l-użu ta’ valuri ġusti u kostijiet storiċi. 

Matul il-kriżi finanzjarja, ir-rikonoxximent imdewwem ta’ telf ta’ kreditu fuq self (u strumenti finanzjarji oħra) ġie identifikat bħala dgħufija fi standards ta’ kontabilità eżistenti. Il-mudell ta’ indeboliment il-ġdid ħa żmien twil biex jiġi żviluppat u huwa t-tweġiba tal-IASB għall-kritika tal-G20 tal-istandard eżistenti, li f'termini ta' provvedimenti għat-telf fuq is-self ta wisq ftit, u tard wisq. Il-mudell ta’ indeboliment il-ġdid tal-IASB huwa mistenni li jirriżulta f’rikonoxximent aktar f'waqtu tat-telf ta’ kreditu mistenni bbażat mhux biss fuq informazzjoni li tħares lura (bħal f’dan l-istandard) iżda wkoll fuq informazzjoni attwali u li tħares 'il quddiem.

Il-mudell il-ġdid ta’ kontabilità għall-iħħeġġjar jallinja t-trattament kontabilistiku mal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju, u b'hekk jippermetti li l-entitajiet jirriflettu dawn l-attivitajiet fir-rapporti finanzjarji tagħhom.

L-EFRAG ippubblika abbozz ta’ parir dwar l-approvazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li l-EFRAG jiffinalizza l-parir dwar l-approvazzjoni tiegħu fuq l-IFRS 9 fit-tieni nofs tal-2015. Dan se jivvaluta l-istandard skont il-kriterji mogħtija fir-Regolament tal-IAS inkluż il-prinċipju ta' “stampa vera u ġusta” u jekk l-istandard iwassalx għall-ġid pubbliku Ewropew. L-analiżi ser tikkunsidra wkoll b’mod espliċitu mudelli ta’ negozju, il-volatilità u l-prudenza. Il-proċess ta’ approvazzjoni se jkompli sa kmieni fl-2016.

Wara l-approvazzjoni, entitajiet li huma konformi mal-IFRSs ikunu mistennija li japplikaw l-istandard il-ġdid mill-1 ta’ Jannar 2018 għalkemm applikazzjoni aktar bikrija tkun aktarx permessa kif hemm fit-test tal-IASB. Iż-żmien twil permess għall-implimentazzjoni huwa dovut l-aktar għat-tibdil sostanzjali introdott minn mudell ġdid għat-telf fuq is-self.

b)L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma’ Klijenti

L-istandards attwali għar-rikonoxximent tad-dħul, l-IAS 18 Dħul u l-IAS 11 Kuntratti ta’ Kostruzzjoni, inħarġu aktar minn 20 sena ilu u issa huma ġeneralment meqjusa bħala mhux kompluti u mhumiex aġġornati. Dawn iż-żewġ standards ġew ikkompletati matul is-snin b’tużżana interpretazzjonijiet relatati.

L-IASB ħareġ l-istandard ta’ rikonoxximent ta’ dħul ġdid tiegħu, l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma’ Klijenti, f’Mejju 2014. L-istandard il-ġdid, li se jissostitwixxi l-istandards preċedenti (IAS 11 u 18) u l-interpretazzjonijiet f’dak il-qasam, ġie żviluppat b’mod konġunt mal-Bord tal-Istati Uniti għall-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja (FASB). L-IFRS 15 għandu l-għan li jtejjeb ir-rappurtar finanzjarju tad-dħul u li jtejjeb il-kumparabbiltà tal-ewwel linja fir-rapporti finanzjarji globali. Il-prinċipju ewlieni tal-Istandard il-ġdid huwa li l-kumpaniji jirrikonoxxu d-dħul biex jiddeskrivu t-trasferiment ta' oġġetti jew servizzi lil klijenti f’ammonti li jirriflettu l-kunsiderazzjoni (jiġifieri, pagamenti) li għalihom il-kumpanija tistenna li tkun intitolata bi skambju għal dawk l-oġġetti jew servizzi. L-Istandard il-ġdid se jirriżulta wkoll f'divulgazzjonijiet dwar id-dħul f'aktar dettall, jagħti gwida għal tranżazzjonijiet li preċedentement ma kinux indirizzati b’mod komprensiv (pereżempju, id-dħul tas-servizzi u l-modifiki tal-kuntrattt) u jtejjeb il-gwida għal arranġamenti ta’ elementi multipli.

Bħalissa jinsab għaddej il-proċess ta’ approvazzjoni ta’ IFRS 15. Il-parir dwar l-approvazzjoni mogħti mill-EFRAG jikkonkludi li l-istandard jissodisfa l-kriterji kollha rilevanti, inkluża dik dwar għall-ġid pubbliku Ewropew. B’mod partikolari, l-EFRAG sab li l-benefiċċji ta’ IFRS 15 aktarx li jaqbżu l-kostijiet assoċjati.

c)Kisbiet oħra tal-proġetti ewlenin fl-2014

L-għan tal-proġett tal-Kirjiet, li huwa proġett l-IASB qed jaħdem fuqu flimkien mal-bord ekwivalenti tiegħu fl-Istati Uniti, il-FASB, huwa li tittejjeb il-kwalità u l-komparabbiltà tar-rapportaġġ finanzjarju billi jipprovdi aktar trasparenza dwar l-ingranaġġ ta' entità u l-assi li tuża fl-attivitajiet tagħha. L-IASB u l-FASB laħqu ftehim dwar kważi kull aspett ta’ dan il-proġett — u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit għal-lokatarji li jirrikonoxxu l-assi u l-obbligazzjonijiet għall-kirjiet kollha, b’xi eżenzjonijiet. L-obbligazzjonijiet tal-kiri se jinkludu biss pagamenti li ma jistgħux jiġu evitati mil-lat ekonomiku. Ħafna investituri jaħsbu li l-ommissjoni preżenti ta’ assi u obbligazzjonijiet bħal dawn jistgħu sostanzjalment iwaqqgħu l-ingranaġġ irrappurtat minn xi wħud mill-kumpaniji. Dan ir-rekwiżit ta' kontabilità, meta ffinalizzat, għalhekk ikun jirrappreżenta bidla sinifikanti fir-rappurtar finanzjarju. L-IASB għandu l-ħsieb li jippubblika Standard finali dwar il-Kirjiet sal-aħħar tal-2015.

L-għan tal-proġett ta' Kuntratti ta’ Assigurazzjoni huwa li jġib trasparenza għall-għadd kbir ta’ prattiki tal-kontabilità preżentament użati fl-industrija kollha. L-IASB ippubblika AE rivedut tal-Kuntratti tal-Assigurazzjoni f’Ġunju tal-2013. Ir-rispons għall-AE ta x'jifhem li hemm appoġġ wiesa’ għall-prinċipju ta’ kejl tal-valur attwali ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jinkorpora l-informazzjoni disponibbli kollha b’mod li tkun konsistenti ma’ informazzjoni tas-suq osservabbli. Madankollu, kien hemm ukoll oqsma ta’ nuqqas ta’ qbil, b’mod partikolari dwar ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni, u tħassib dwar il-kumplessità. L-IASB issa kkonkluda fil-biċċa l-kbira d-deliberazzjonijiet tiegħu dwar il-kuntratti mhux parteċipanti 4 iżda jkompli jqis il-mudell tal-kontabilità għal kuntratti b’karatteristiċi parteċipanti. L-IASB beħsiebu jiffinalizza d-deliberazzjonijiet tiegħu fix-xhur li ġejjin u mbagħad jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-Istandard finali.

2.3.L-Iżvilupp ta’ Qafas Kunċettwali Rivedut

Fit-28 ta’ Mejju 2015, l-IASB ippubblika Abbozz ta’ Espożizzjoni (AE) li jipproponi bidliet fil-Qafas Kunċettwali tiegħu. Il-Qafas Kunċettwali jiddeskrivi kunċetti għal rappurtar finanzjarju għal skopijiet ġenerali. Dawn il-kunċetti se jgħinu lill-IASB jiżviluppa u jirrevedi l-Istandards, lil dawk li jippreparaw ir-rapporti finanzjarji biex jiżviluppaw u jagħżlu politika ta’ kontabilità, u lill-partijiet kollha biex jifhmu u jinterpretaw l-Istandards. Fost affarijiet oħra, l-AE jiddiskuti l-prudenza, l-affidabilità, il-ġestjoni, il-mudell kummerċjali ta' entità, li s-sustanza tkun tipprevali fuq il-forma u l-investiment ta' terminu twil

Prudenza

L-AE jipproponi li jirrintroduċi l-prudenza fil-Qafas Kunċettwali.

Il-prudenza hija deskritta bħala l-eżerċizzju ta’ kawtela meta jsiru ġudizzji taħt kundizzjonijiet ta’ inċertezza. Huwa rikonoxxut li l-prudenza tista' twassal għal assimetrija fir-rikonoxximent ta’ assi / dħul u obbligazzjonijiet / spejjeż. Ta’ min jinnota wkoll li, għalkemm it-terminu “prudenza” tneħħa mill-Qafas Kunċettwali fl-2010, l-IASB sostna li l-prudenza hija riflessa fl-istandards tiegħu. Huwa probabbli li jkun hemm aktar dibattitu dwar dan is-suġġett sabiex jiġi vvalutat jekk l-abbozz ta' espożizzjoni jissodisfax l-aspettattivi tal-partijiet komponenti.

L-affidabilità

Qabel l-2010, il-Qafas Kunċettwali identifika l-affidabilità bħala karatteristika ta’ informazzjoni finanzjarja utli. Madankollu, fl-2010, l-IASB issostitwixxa l-kunċett ta’ affidabilità mal-kunċett li informazzjoni finanzjarja utli għandha tirrappreżenta b'mod fidil dak li hija tgħid li tirrappreżenta (“rappreżentazzjoni fidila”).

Xi partijiet ikkonċernati tal-IASB esprimew tħassib dwar din il-bidla. Bi tweġiba, l-AE jfittex li jindirizza aspetti ta' dak li l-IASB jemmen li l-partijiet ikkonċernati kienu qed ifittxu li jiksbu billi esprimew t-tħassib tagħhom dwar l-affidabilità. Id-deskrizzjoni ta’ rappreżentazzjoni fidila fl-AE hija sostanzjalment l-istess bħad-deskrizzjoni ta’ affidabilità fil-Qafas Kunċettwali ta’ qabel l-2010. L-AE jiddeskrivi rappreżentazzjoni perfettament leali bħala kompluta, newtrali u mingħajr żbalji.

Id-diskussjoni mtejba fl-AE tispjega l-fatturi li jippermettu lill-utenti jiddependu fuq l-informazzjoni finanzjarja biex tipprovdi rappreżentazzjoni fidila ta’ dak li hija tgħid li tiddeskrivi. Skont l-IASB, dan ifissier li m'hemmx bżonn li jiġi introdott mill-ġdid it-terminu’ “affidabilità”. Madankollu, xi partijiet ikkonċernati (li potenzjalment jinkludu l-EFRAG għalkemm mhux ser jiffinalizzaw l-ittra ta' osservazzjoni tagħhom sal-ħarifa) jistgħu jkomplu jemmnu li jkun aħjar li jintroduċu mill-ġdid it-terminu "affidabbiltà" b’mod aktar espliċitu.

Mudell kummerċjali

L-AE jidentifika kif id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jistgħu jsiru aktar rilevanti jekk l-IASB iqis, meta jkun qed jiżviluppa l-istandards tiegħu, kif entità twettaq l-attivitajiet kummerċjali tagħha. Din il-bidla, li hija fid-direzzjoni tal-pożizzjoni tal-EFRAG, tirrikonoxxi r-rwol li l-mudell kummerċjali għandu jkollu fid-determinazzjoni ta’ kif l-oġġetti jitkejlu fir-rapport tal-introjtu u l-karta tal-bilanċ.

Is-sustanza tipprevali fuq il-forma

L-AE jerġa’ jintroduċi mill-ġdid li s-sustanza tipprevali fuq il-forma, li hija milqugħa peress li huwa meħtieġ li wieħed juri l-konsegwenzi ekonomiċi tat-tranżazzjonijiet.

Investiment ta' terminu twil

Meta ġie żviluppat l-AE, l-IASB wasal għall-konklużjoni li l-pakkett ta’ proposti fl-AE jipprovdi biżżejjed għodod biex jippermettu lill-IASB jikkunsidra b’mod xieraq kemm il-ħtiġijiet tal-informazzjoni ta’ investituri fuq terminu twil kif ukoll kif entità għandha tikkontabilizza l-investimenti ta' terminu twil. Aħna nilqgħu l-kunsiderazzjoni espliċita li l-IASB ta lil dan is-suġġett u ser nagħtu attenzjoni lill-kwistjoni ta’ jekk investituri fuq terminu twil jaqblux mal-IASB dwar din il-kwistjoni.

3.EFRAG

3.1.Il-kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' stampa vera u ġusta t-tisħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-EFRAG dwar IFRSs ġodda fuq il-ġid pubbliku

L-EFRAG jipprovdi l-kontribut tiegħu fil-proċess tal-istipular tal-istandards kollha billi jikkummenta fuq id-dikjarazzjonijiet tal-IASB u permezz ta’ ħidma proattiva biex tistimula dibattitu fl-Ewropa dwar kwistjonijiet importanti ta’ kontabilità. L-attivitajiet ta' kummentar u dawk proattivi huma essenzjali biex jiżguraw li l-opinjonijiet Ewropej dwar l-l-iżvilupp tar-rappurtar finanzjarju jkunu artiklati sew u b’mod ċar fil-proċess tal-istipular tal-istandards bil-għan li l-istandards li jirriżultaw ikunu tajbin għall-Ewropa.

Qabel l-implimentazzjoni tar-riforma tal-governanza, l-EFRAG iffoka l-valutazzjonijiet tal-approvazzjoni fuq jekk l-IFRS kinux qed jissodisfaw il-kriterji tekniċi kollhatar-Regolament tal-IAS, jiġifieri jekk jipprovdux rappurtar finanzjarju relevanti, affidabbli, komparabbli u li jinftiehem u li ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stabbilit fid-Direttiva dwar il-kontabilità u r-4 u s-7 Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji. Barra minn hekk, l-EFRAG ipprovda wkoll lill-Kummissjoni b’valutazzjoni tal-kompromess tal-kostijiet/benefiċċji ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ġdida tal-IFRS li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex issostni d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha. Wara rakkomandazzjonijiet fir-rapport Maystadt, l-EFRAG saħħaħ ukoll il-valutazzjoni tiegħu dwar jekk rekwiżiti ta’ rappurtar finanzjarju ġodda jew proposti iwasslux għall-ġid pubbliku. Dan se jinkludi l-interazzjoni mal-istabbiltà finanzjarja u t-tkabbir ekonomiku.

Ir-rapport Maystadt irrakkomanda wkoll li l-EFRAG fl-għoti ta’ pariri dwar l-approvazzjoni jista' jintalab janalizza aktar bir-reqqa il-konformità mal-prudenza. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-EFRAG ddiskuta l-bażi li fuqha se jipprovdi valutazzjoni espliċita ta’ prudenza fil-proċess ta’ approvazzjoni. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Qafas Kunċettwali tal-IASB huwa ddiskuta kif jerġa’ jintroduċi l-prudenza b’mod sinifikattiv. Il-konklużjoni preliminari hija li l-prudenza għandha tinkludi kemm l-eżerċitar ta' grad ta’ prudenza meta jkunu qed isiru xi ġudizzji f'kundizzjonijiet ta' inċertezza kif ukoll l-idea li jista’ jkun xieraq, taħt ċerti ċirkustanzi, li jkun hemm asimetrija fir-rikonoxximent tal-qligħ u t-telf.

Fit-talba tagħha għall-parir dwar l-approvazzjoni dwar l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji, il-Kummissjoni, wara li kkonsultat ma' Membri tal-Kumitat Regolatorju dwar il-kontabilità (ARC) idenfikat għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi, inkluż kwistjonijiet ta' ġid pubbliku, li jeħtieġ li jiġu analizzati mill-EFRAG. B’mod partikolari, hija talbet għal valutazzjoni ta’ dan l-istandard fid-dawl tal-kunċett tal-prudenza. Hija talbet ukoll għal valutazzjoni tal-użu ta’ valur ġust u jekk il-bidliet miġjuba jistax ikollhom effetti ħżiena fuq l-istabbiltà finanzjarja. L-EFRAG beda jaħdem fuq l-abbozz tal-parir dwar l-approvazzjoni diġà fl-2014. Huwa ħareġ abbozz ta’ parir dwar l-approvazzjoni fl-4 ta’ Mejju 2015 li fih huwa fittex il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kemm dwar il-valutazzjoni tagħha tal-Istandard abbażi tal-kriterji tekniċi fl-UE kif ukoll dwar il-valutazzjoni tiegħu ta’ jekk l-IFRS 9 iwassalx għall-ġid pubbliku Ewropew.

Matul l-2014 l-EFRAG beda jħejji parir dwar l-approvazzjoni ta' standard ewlieni ieħor 5 , l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma’ Klijenti. L-abbozz tal-parir dwar l-approvazzjoni kien jinkludi mistoqsija miftuħa lill-kostitwenti dwar jekk kienx hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-IFRS15 ma jwassalx għall-ġid pubbliku Ewropew. Fil-finalizzazzjoni tal-parir dwar l-approvazzjoni l-Bord tal-EFRAG ħa kont tar-rispons tal-kostitwenti u qies li l-istandard il-ġdid kien iwassal għall-ġid pubbliku Ewropew peress li sab li l-IFRS 15 jista’ jkun mistenni li jkollu impatt pożittiv fuq il-kost tal-kapital filwaqt li ma identifika ebda effett negattiv potenzjali għall-ekonomija Ewropea. Il-parir dwar l-approvazzjoni finali maħruġ f’Marzu 2015 kien jinkludi din il-valutazzjoni.

Fl-2014 l-EFRAG ħa sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-IASB u ħareġ ittri ta’ kumment wara konsultazzjoni pubblika dwar id-dikjarazzjonijiet kollha tal-IASB, inkluż il-Qafas Kunċettwali. Barra minn hekk, l-EFRAG kompla d-diskussjonijiet dwar il-proġett tal-Kirjiet u l-IFRS 4 Proġett ta' Kuntratti tal-Assigurazzjoni.

3.2.Il-kunsiderazzjoni tad-diversità ta’ mudelli u fehmiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea

Sa mit-twaqqif tiegħu l-EFRAG daħħal fis-seħħ proċess dovut trasparenti li maż-żmien ġie żviluppat iktar. Dan il-proċess dovut jippermetti lill-kostitwenti kollha Ewropej iressqu l-opinjonijiet tagħhom għall-kunsiderazzjoni tal-EFRAG u jiżgura li d-diversità ta’ mudelli u opinjonijiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-Ewropa jkunu kkunsidrati u li l-IFRS ġodda jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-Unjoni. Bħala parti mill-proċess dovut tiegħu l-EFRAG jippubblika abbozz ta’ pożizzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika, iwettaq testijiet fuq il-post u forom oħra ta’ analiżi tal-effetti, jorganizza avvenimenti ta’ lħiq u jwettaq stħarriġ speċjali, jippubblika r-riżultati f’dikjarazzjonijiet ta' segwitu u jippubblika l-pożizzjonijiet finali tiegħu. Fl-2014 l-EFRAG ħareġ ittri ta’ kumment u dikjarazzjonijiet b’reazzjoni dwar il-proposti kollha tal-IFRS.

Il-laqgħat tal-Bord tal-EFRAG u l-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (it-TEG) tal-EFRAG isiru fil-pubbliku u l-aġenda u s-sommarji tal-laqgħat huma ppubblikati fuq is-sit web tal-EFRAG, kif ukoll id-dokumenti ta' sostenn tal-aġenda għall-laqgħat tal-Bord tal-EFRAG. Id-diskussjonijiet huma barra minn hekk infurmati b’kontributi mingħand il-Forum Konsultattiv ta' Dawk li Jissettjaw l-Istandards tal-EFRAG u l-Gruppi ta’ Ħidma speċjalizzati tal-EFRAG. Il-kontribut riċevut mill-Panel ta' Utenti tal-EFRAG huwa essenzjali għax-xogħol tal-EFRAG. Dan il-kontribut huwa msaħħaħ permezz tas-smigħ b’mod aktar wiesa’ minn utenti permezz tal-Programm ta’ Lħiq tal-Utenti mniedi fl-2012. L-għamla differenti ta’ dawn il-gruppi kif ukoll il-Bord tal-EFRAG u l-Grupp ta' Esperti Tekniċi tal-EFRAG kemm f’termini ta’ sfond professjonali kif ukoll ġeografiku, flimkien mal-proċess dovut jiżgura li l-perspettivi differenti kollha jitqiesu b’mod xieraq mill-EFRAG.

L-EFRAG iwettaq ħidma fuq il-post (inkluż stħarriġ/riċerka sekondarja; testijiet fuq il-post 6 ; u sessjonijiet ta' ħidma/intervisti) f’diversi stadji tal-proċess tal-issettjar tal-istandards, f’koordinazzjoni ma’ korpi li jissettjaw l-Istandards Nazzjonali fl-Ewropa 7 . Dawn it-testijiet fuq il-post huma maħsuba biex jevalwaw l-effetti ta’ bidliet proposti, bħala parti mit-tħejjija li għaddejja tal-proċess dovut tal-EFRAG u l-kontribut lejn l-istandards finali. Il-ħidma fuq il-post tal-EFRAG tikkontribwixxi għall-issettjar ta' standards ibbażat fuq l-evidenza.

3.3.L-implimentazzjoni tar-riforma tal-governanza wara rakkomandazzjoni tar-rapport Maystadt

F’Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 8 dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-EFRAG. Il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni favorevoli dwar il-progress li sar sa issa.

Ir-riforma involviet reviżjoni fundamentali tal-Istatuti tal-EFRAG u tar-Regoli interni tal-EFRAG biex jinkorporaw struttura ġdida ta’ governanza, li żiedet il-leġittimità u r-rappreżentattività tal-EFRAG. L-istatuti tal-EFRAG u r-Regoli Interni tal-EFRAG riveduti ġew approvati fis-16 ta’ Ġunju 2014 b’data effettiva tal-31 ta’ Ottubru 2014. Il-perjodu bejn Ġunju u l-aħħar ta’ Ottubru intuża biex jiġu nominati l-Membri tal-Bord tal-EFRAG li nħatru fil-31 ta’ Ottubru 2014 9 . Fl-istess jum l-EFRAG kabbar is-sħubija tiegħu 10 u l-istruttura l-ġdida ta’ governanza tal-Bord tal-EFRAG saret operattiva b’laqgħat ta' kull xahar bdew isiru minn Novembru 2014. Il-President tal-Bord huwa nnominat mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Bħalissa, wieħed mill-membri tal-Bord jaġixxi bħala President sakemm issir il-ħatra formali.

Il-Bord tal-EFRAG jieħu d-deċiżjonijiet kollha tiegħu fuq bażi ta’ kunsens wara li jikkunsidra r-riżultati tal-proċess dovut tal-EFRAG. Il-Kummissjoni, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bank Ċentrali Ewropew ilhom jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet tal-Bord bħala osservaturi. Il-Kummissjoni tiżgura li l-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità jipprovdi kontribut għall-EFRAG jew jitlob valutazzjonijiet speċifiċi fejn ikun meħtieġ.

4.PIOB (Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku) — L-iżviluppi fid-diversifikazzjoni tal-finanzjament fl-2014

Huwa aċċettat b’mod wiesa’ li korpi li jwettqu funzjoni ta’ interess pubbliku għandhom jiġu ffinanzjati b’tali mod li jippreservaw l-indipendenza tagħhom. Il-PIOB, li huwa inkarigat li jissorvelja l-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Verifika (ISA) u attivitajiet oħra ta’ interess pubbliku tal-IFAC (Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti), huwa wieħed minn dawn il-korpi. Diversifikazzjoni xierqa tas-sorsi ta’ finanzjament tgħin mhux biss biex tiġi garantita dik l-indipendenza iżda wkoll biex il-perċezzjoni tal-indipendenza tagħhom tissaħħaħ. Fil-qasam tal-awditjar statutorju l-ħtieġa għad-diversifikazzjoni tal-finanzjament ġiet rikonoxxuta internazzjonalment mir-riforma tal-IFAC tal-2003, li pprevediet il-ħolqien tal-PIOB, u dejjem ġiet difiża mill-Grupp ta’ Monitoraġġ, l-organizzazzjoni internazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tar-riforma tal-governanza tal-IFAC.

Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2005 sal-2010, meta l-programm ta’ finanzjament Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni 716/2009/KE daħal fis-seħħ, il-PIOB, minbarra xi kontribuzzjonijiet in natura, kien iffinanzjat esklussivament mill-IFAC. Il-fondi magħmula disponibbli mill-IFAC f’sena partikolari jikkostitwixxu kontribuzzjoni massima garantita tal-IFAC li ssir disponibbli lill-PIOB mingħajr ebda interferenza ulterjuri mill-IFAC. Il-kontribuzzjoni tal-UE fil-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2014 wasslet għal numru ta’ donaturi li jagħtu l-kontributi tagħhom stess. L-għan ta' kontribuzzjonijiet mhux tal-IFAC huwa li jissostitwixxu u għalhekk inaqqsu l-kontribuzzjoni tal-IFAC għal dik is-sena speċifika. Idealment il-porzjon ta’ finanzjament tal-IFAC tal-ispejjeż totali annwali tal-PIOB totali għandu jkun inqas minn 50%.

Fl-2014, l-ispejjeż tal-PIOB ammontaw għal EUR 1 502 850. L-IFAC pprovdiet EUR 874,540 li jirrappreżentaw 58% tat-total. Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet EUR 272,000 li jirrappreżentaw 18% tat-total. L-ADAA (Abu Dhabi Accountability Authority) ipprovdiet EUR 120,000 li jirrappreżentaw 8% tat-total. L-IOSCO pprovdiet EUR 100,000 li jirrappreżentaw 7% tat-total. Il-BĦI (Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali) ipprovda EUR 55,000 li jirrappreżenta 4% tat-total. L-FRC Brittanniku (Il-Kunsill tar-Rapportar Finanzjarju) ipprovda EUR 40,000 li jirrappreżentaw 3% tat-total. Il-bilanċ ta’ EUR 5,478 jirrappreżenta introjtu mill-imgħax.

L-Artikolu 9.5 tar-Regolament jistipula li jekk il-finanzjament mill-IFAC f’sena partikolari jilħaq aktar minn żewġ terzi tal-ammont totali tal-finanzjament annwali tal-PIOB, il-Kummissjoni tipproponi li l-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena tkun limitata għal massimu ta’ EUR 300,000. Fis-sena 2014, dan ma kienx il-każ għaliex kemm (i) il-kontribuzzjoni tal-IFAC kienet anqas minn żewġ terzi tal-ammont totali tal-finanzjament annwali tal-PIOB, u (ii) il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni kienet inqas minn EUR 300,000, jiġifieri EUR 272,000. Għalhekk, peress li l-limitu kritiku stipulati fir-Regolament ma ntlaħaqx mill-finanzjament tal-IFAC, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tirrevedi l-kontribuzzjoni annwali tagħha lill-PIOB.

5.Konklużjonijiet

Il-Fondazzjoni tal-IFRS

Fl-2014, l-IASB iffinalizza żewġ standards ewlenin li huma ta’ importanza fundamentali għall-utenti tar-rapporti finanzjarji, jiġifieri IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u IFRS 15 Dħul minn kuntratti ma’ klijenti u għamel progress sinifikanti fi proġetti importanti oħra. L-IFRS 15 għandu l-għan li jipprovdi lill-kumpaniji bi gwida aktar kompluta u aġġornata dwar rikonoxximent ta’ dħul. Wara valutazzjoni pożittiva tal-istandard mill-EFRAG, bħalissa għaddej il-proċess ta’ approvazzjoni tiegħu. Dwar l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji, l-EFRAG ħareġ abbozz ta’ parir dwar l-approvazzjoni pożittiv fl-4 ta’ Mejju 2015 u huwa mistenni li jiffinalizzah fit-tieni nofs tal- 2015.

Fir-rigward ta’ jekk l-IFRS:

   jiħdux kont xieraq tal-mudelli differenti ta’ negozju: l-IFRS 9 jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-importanza tal-mudelli kummerċjali sabiex jiġi ddeterminat kejl ta’ strumenti finanzjarji. Il-parir dwar l-approvazzjoni finali tal-EFRAG se jivvaluta jekk l-Istandard jirnexxilux jagħmel dan b’suċċess. L-IFRS 15 huwa kkunsidrat flessibbli biżżejjed biex jilħaq mudelli kummerċjali differenti. Il-Qafas Kunċettwali (ara hawn taħt) jagħti aktar enfasi lill-mudelli kummerċjali.

   jirriflettux il-konsegwenzi reali tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi: L-EFRAG bħalissa jinsab fil-proċess li jivvaluta dan l-aspett għal IFRS 9, b’enfasi partikolari fuq ir-rikonoxximent f’waqtu ta’ telf minn indeboliment fuq self; L-IFRS 15 jirnexxilu jagħmel dan, u kif imsemmi hawn taħt, il-Qafas Kunċettwali se jintroduċi l-kunċett ta’ sustanza fuq il-forma li huwa importanti biex juri tranżazzjonijiet ekonomiċi b’mod xieraq.

   mhumiex kumplessi wisq: L-IFRS 9 huwa standard kumpless madankollu introduċa simplifikazzjonijiet fil-kontabilità għal strumenti finanzjarji, u l-IFRS 15 huwa aktar kumpless mill-istandard li jissostitwixxi, iżda dan huwa ġustifikabbli minħabba li l-istandard preċedenti ma kienx adattat biex jirrifletti l-kumplessità ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali tal-lum il-ġurnata. Barra minn hekk, l-istandard jissostitwixxi kemm standard kif ukoll interpretazzjonijiet, u b'hekk ir-rekwiżiti l-ġodda qegħdin organizzati f’post wieħed.

   jevitaw preġudizzji artifiċjali għal terminu qasir u ta’ volatilità: il-proċess ta’ approvazzjoni għal IFRS 9 ser jindirizza din il-kwistjoni. Madankollu, l-IFRS 15 huwa effettiv biex jevita volatilità bħal din peress li fih dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fejn ikun hemm inċertezza fir-rikonoxximent tad-dħul futur.

Sa fejn huwa kkonċernat il-Qafas Kunċettwali, il-Kummissjoni ttenni l-appoġġ tagħha għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kunċett tal-prudenza u ser issegwi mill-qrib l-iżviluppi wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' espożizzjoni fl-2015. Kif imsemmi fl-aħħar rapport tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament tal-IAS 11 , hija stiednet ukoll lill-IASB biex iqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ investituri b'investiment b'limitu ta’ żmien differenti u biex jipprovdi soluzzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal investituri fuq terminu twil, meta jkunu qed jiżviluppaw l-istandards tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IASB biex issaħħaħ l-analiżi tal-impatt tiegħu u biex ikollu koordinazzjoni aħjar mal-EFRAG.

EFRAG

Fl-2014, ġiet implimentata r-riforma tal-governanza tal-EFRAG. Din kienet tinvolvi t-twaqqif ta' Bord ġdid tal-EFRAG, il-korp il-ġdid ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu, b’rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi pubbliċi u privati. Bħala riżultat, l-EFRAG issa huwa mgħammar sew biex isaħħaħ il-leġittimità tal-pożizzjonijiet tiegħu u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn l-objettiv li l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda.

L-EFRAG ħa kont fil-valutazzjonijiet tal-approvazzjoni tiegħu ta' jekk l-IFRS kinux jissodisfaw il-kriterji tekniċi kollha tar-Regolament tal-IAS. Wara r-riforma ta’ goveranza tiegħu, l-EFRAG saħħaħ il-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tiegħu ta’ jekk ir-rekwiżiti ta’ rappurtar finanzjarju l-ġodda jew proposti jwasslux għall-ġid pubbliku. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ r-rieda tal-EFRAG biex ikompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu fir-rigward tal-analiżi tal-effetti ta’ standards, inklużi l-effetti makroekonomiċi bħal kwalunkwe effett ħażin fuq l-istabbiltà finanzjarja jew l-iżvilupp ekonomiku fl-UE.

Bis-saħħa tal-proċess dovut estensiv tiegħu, l-EFRAG kien f’pożizzjoni li jipprovdi valutazzjoni adegwata ta’ jekk l-istandards internazzjonali tal-kontabilità abbozzati, ġodda jew emendati iwiġbux għall-bżonnijiet tal-Unjoni, filwaqt li jqis id-diversità ta’ mudelli u opinjonijiet kontabilistiċi u ekonomiċi fl-UE. Din l-attività kienet partikolarment importanti fil-fażi ta’ żvilupp ta’ standards ġodda mill-IASB fejn l-EFRAG kellu rwol ewlieni sabiex jiżgura li l-bżonnijiet u l-interessi tal-Unjoni jiġu kkunsidrati.

   

PIOB

Rigward il-PIOB, id-diversifikazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament mxiet 'il quddiem b’mod sinifikanti. Is-sehem totali pprovdut mill-IFAC huwa ta’ 58%; mhux wisq 'il bogħod mill-punt ta’ riferiment ta’ inqas minn 50% u huwa wkoll ferm taħt il-limitu ta’ żewġ terzi stipulat fir-Regolament. Għas-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi tal-finanzjamenti u ser tikkoopera ma’ partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-Grupp ta’ Monitoraġġ, biex tiżgura li l-PIOB jibbenefika minn sistema ta’ finanzjament ċara, stabbli, diversifikata u adegwata sabiex ikun jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu fl-interess pubbliku b’mod indipendenti u effiċjenti.

(1)

   Il-perjodu tal-programm fir-rigward tal-EFRAG (il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju) huwa bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2016.

(2)

ĠU L 105/1, 8.04.2014

(3)

Jekk il-finanzjament mill-IFAC f’sena partikolari jilħaq aktar minn żewġ terzi tal-ammont totali tal-finanzjament annwali tal-PIOB, il-Kummissjoni tipproponi li l-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena tkun limitata għal massimu ta’ EUR 300 000.

(4)

Kuntratti fejn id-detenturi tal-poloz mhumiex parteċipanti fl-interess u l-qligħ kapitali magħmul mill-assiguratur fuq il-primjums imħallsa.

(5)

Fl-2014 l-EFRAG ta l-parir tiegħu dwar l-approvazzjoni fir-rigward ta’ diversi proġetti oħrajn (iċken fid-daqs).

(6)

Dawn jinvolvu l-ittestjar tal-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prefinali u finali proposti għal kuntratti u tranżazzjonijiet eżistenti sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tar-riżultati u/jew il-fehim tar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni.

(7)

B’mod partikolari dawk ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit

(8)

http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/1/2014/MT/1-2014-396-MT-F1-1.Pdf

(9)

Aġent President tal-Bord tal-EFRAG ġie magħżul minn fost il-membri tal-Bord il-ġdid tal-EFRAG sakemm jiġi nnominat President mill-Istituzzjonijiet Ewropej.

(10)

Bħalissa l-EFRAG għandu sittax-il Membru: Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Partijiet Ikkonċernati: BUSINSESSEUROPE, EACB, EBF, EFAA, EFFAS, ESBG, FEE u Insurance Europe; Organizzazzjonijiet Nazzjonali: Id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(11)

  http://ec.europa.eu/finance/accounting/docs/ias-evaluation/20150618-report_en.pdf