Brussell, 22.7.2015

COM(2015) 361 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa


Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

1. Introduzzjoni: Ir-rwol ewlieni tal-NPBs fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa

Fis-26 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni nediet Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa 1 , sforz ikkoordinat u komprensiv li jimmobilizza mill-inqas EUR 315-il biljun f’investiment pubbliku u privat addizzjonali fl-ekonomija reali fi tliet snin. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-pjan tiddependi prinċipalment fuq il-Kummissjoni u l-BEI li jaħdmu flimkien bħala sħab strateġiċi, hu meħtieġ l-involviment effettiv tal-banek promozzjonali nazzjonali (NPBs) sabiex jissaħħaħ l-impatt tiegħu fuq l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-għarfien espert partikolari tagħhom u l-għarfien tagħhom tal-kuntest, in-negozji u l-komunitajiet lokali tal-investituri kif ukoll il-politiki u l-istrateġiji nazzjonali. L-Istati Membri li għadhom mingħajr NPB jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu wieħed. Barra minn hekk, il-pjattaformi ta’ investiment jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tal-BEI, tal-NPBs u tal-investituri privati. Din il-Komunikazzjoni tagħti gwida u tipprovdi ċarezza dwar kif l-aħjar li jiġu stabbiliti banek u pjattaformi bħal dawn.

Sal-lum, tmien NPBs (mill-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja u Spanja) impenjaw ruħhom li jipprovdu kofinanzjament għal proġetti u pjattaformi ta’ investiment, għal volum ta’ finanzjament totali sa EUR 34 biljun.

L-NPBs għandhom rwol importanti biex jikkatalizzaw finanzi fit-tul. F’dawn l-aħħar snin huma saħħew l-attivitajiet tagħhom, bil-għan li jikkumpensaw il-proċess meħtieġ ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ fis-settur bankarju kummerċjali. Huma għandhom ukoll rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE lil hinn mill-ambitu tal-Pjan ta’ Investiment. Għadd ta’ Stati Membri li ma kellhom NPB qabel iddeċidew li jistabbilixxu wieħed, filwaqt li oħrajn qed jikkunsidraw li jistabbilixxu NPB ġdid.

Matul il-konsultazzjoni dwar il-Green Paper dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea 2 , saru sejħiet għal sfruttament aħjar tas-sinerġiji bejn il-baġit tal-UE, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u NPBs f’oqsma ta’ politika bħat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp tal-kapital uman u soċjali. Minħabba l-ħtieġa urġenti biex tingħata spinta lill-investiment u l-ispazju fiskali limitat disponibbli bħala medja fl-Ewropa, iktar minn qatt qabel hu meħtieġ l-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi. Użu aktar intelliġenti tar-riżorsi pubbliċi, sabiex jiġu inklużi kemm jista' jkun atturi privati, jinsab fil-qalba tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Għalhekk kooperazzjoni msaħħa bejn l-NPBs, fuq naħa waħda, u l-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI fuq in-naħa l-oħra hija kundizzjoni ewlenija għas-suċċess tal-pjan. Dan huwa wkoll rifless b’mod ċar fir-regolament dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) 3 , li jistabbilixxi bażi legali għal dak li jirrigwarda l-ewwel fażi ta’ dan il-pjan ta’ investiment.

F’dan l-isfond, il-Komunikazzjoni preżenti tipprovdi gwida lill-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li joħolqu NPB ġdid, li tibni fuq l-aħjar prattiki. Barra minn hekk, tistabbilixxi għadd ta’ prinċipji ewlenin għall-kollaborazzjoni tal-NPBs mal-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni kif ukoll bejniethom fil-kuntest tal-Pjan ta’ Investiment, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment. Tikkjarifika wkoll il-mod kif għandhom jitqiesu l-kontribuzzjonijiet mill-NPBs għal pjattaformi ta’ investiment , u l-proċedura fir-rigward tal-komponent tal-għajnuna mill-Istat fil-kofinanzjament.

2. It-twaqqif tal-NPBs

2.1 Il-ħsieb wara t-twaqqif tal-NPBs

Għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, l-NPBs huma ddefiniti bħala entitajiet ġuridiċi li jwettqu attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali li huma mogħtija mandat minn Stat Membru jew minn entità ta’ Stat Membru fuq livell ċentrali, reġjonali jew lokali, li jwettqu żvilupp jew attivitajiet promozzjonali, kif stipulat fl- Artikolu 2(3) tar-regolament tal-FEIS. Din id-definizzjoni tinkludi NPBs f’forom differenti ħafna u prodotti promozzjonali distinti li huma offruti skont il-ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiż. Jibqa’ f’idejn l-Istati Membri individwali biex jiddeċiedu jekk l-NPB għandux jiġi stabbilit, kif ukoll dwar il-forma u s-sura tiegħu.

Il-ħsieb ekonomiku prinċipali wara bank promozzjonali hu li l-fallimenti tas-suq jistgħu jwasslu għal inqas investiment u, għalhekk, ikun hemm tkabbir futur aktar batut milli jkun ekonomikament effiċjenti, u li istituzzjoni b'mandat pubbliku hija f’pożizzjoni aħjar minn operatur privat sabiex jingħelbu dawn il-fallimenti tas-suq.

Il-fallimenti tas-suq jistgħu jkunu r-riżultat ta’ (i) informazzjoni asimmetrika, (ii) esternalitajiet u (iii) saħħa tas-suq (kompetizzjoni dgħajfa). Dawn jaffettwaw kemm id-domanda kif ukoll il-provvista tal-investiment. Eżempji tipiċi jinkludu (i) razzjonament tal-kreditu u rekwiżiti ta' redditu għoli minħabba l-kostijiet għolja tat-tranżazzjonijiet tal-banek għall-identifikazzjoni tal-proġetti vijabbli għall-investiment (pereż. fis-settur tal-SMEs), (ii) sottoinvestiment f'oqsma bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-proġetti ambjentali, fejn il-benefiċċji mill-investimenti jistgħu jinġemgħu ukoll għall-kompetituri u (iii) sottoforniment ta' servizzi finanzjarji li jirriżultaw minn konċentrazzjoni tas-suq minħabba l-fużjonijiet, ħruġ ta' kompetituri jew xkiel ieħor għal kompetizzjoni effettiva. Esternalità speċifika fil-kuntest tal-UE tinsab fl-integrazzjoni msaħħa tas-suq imrawma minn proġetti transfruntieri.

Xi wħud minn dawn il-fallimenti tas-suq jistgħu jiġu indirizzati mill-banek promozzjonali jew mekkanimi oħra ta' intervent. Per eżempju, bank promozzjonali jista' jtejjeb il-forniment tal-finanzjament tal-investiment f'oqsma milquta mil-fallimenti tas-suq. B’kuntrast ma’ dan, il-politiki strutturali huma f’pożizzjoni aħjar biex itejbu l-univers ta’ proġetti b’rendiment (pereż. billi jtejbu ċ-ċertezza legali, jtejbu l-proċeduri amministrattivi, inaqqsu l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni, eċċ.). Huwa għalhekk li l-aġenda ta’ riforma regolatorja u strutturali tifforma parti mill-pjan ta’ investiment. L-istabbiliment tal-NPB mhuwiex sostitut għar-riformi meħtieġa.

Hemm varjetà ta’ istituzzjonijiet pubbliċi li huma attivi fil-livell nazzjonali. Fost l-akbar, Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW, il-Ġermanja), Bpifrance (Franza), Caisse des Dépôts et Consignations (CDC, Franza), Cassa Depositi e Prestiti (CDP, l-Italja), Instituto de Crédito Oficial (ICO, Spanja) u dan l-aħħar twaqqfu Green Investment Bank u British Business Bank (ir-Renju Unit) li jipprovdu finanzjament għal setturi ewlenin u jinvestu fi proġetti f’oqsma innovattivi u ekoloġiċi u soċjali fejn ġew identifikati l-fallimenti tas-suq. Il-Portugall, l-Irlanda, il-Greċja u l-Latvja għandhom ukoll NPBs li ġew stabbiliti reċentement.

2.2 Prinċipji ta' gwida għat-twaqqif tal-NPBs

L-NPBs, billi jikkoreġu l-fallimenti tas-suq, jistgħu jaqdu r-rwol li jkattru l-benesseri, iżda jeħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ politiki xierqa li jiżguraw li l-effetti sekondarji negattivi possibbli tal-azzjoni tal-NPBs ma jimmaterjalizzawx, pereżempju:

Telf għall-gvernijiet garanti li joħorġu minn sottoskrizzjoni ta’ standard baxx;

Allokazzjoni ħażina ta’ investimenti minħabba interferenza politika;

Żamma ta’ strutturi ineffiċjenti tas-suq, setturi b’kapaċità żejda jew ta’ sostenn lill-impriżi f’diffikultà;

Esklużjoni ta’ finanzjaturi mis-settur privat, biex b’hekk jinżamm lura l-iżvilupp tas-settur finanzjarju.

Il-qafas legali u regolatorju għall-NPBs, kif ukoll l-istrutturi ta’ governanza tagħhom, huma kruċjali għall-protezzjoni kontra dawn ir-riskji u li jiġu żgurati l-benefiċċji massimi li ġejjin mill-NPBs 4 . Leġiżlazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-istatuti tal-NPBs għandhom għalhekk iqisu l-aħjar prattiki eżistenti:

L-istatuti tal-NPBs normalment jistipulaw b’mod ċar li l-bank ser jiffoka l-operazzjonijiet tiegħu fuq oqsma fejn huma mifruxa l-fallimenti tas-suq u li għalhekk huma inqas moqdija minn banek kummerċjali jew fornituri oħra ta’ finanzjament privat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-livell ta’ kumpaniji destinatarji ta’ investiment, għandhom ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, b’mod partikolari fi swieq fejn l-intrapriżi tal-Istat u l-kumpaniji tas-settur privat jikkompetu sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq.

Biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq il-ħtieġa għal intervent tal-NPBs, jew qasam ġdid ta’ intervent jew strument finanzjarju ġdid għandu jkun ġustifikat, megħjun minn valutrazzjoni indipendenti ex-ante tan-nuqqas tas-suq li għandu jiġi indirizzat mill-NPB, l-effikaċja u l-effiċjenza relattiva tiegħu, l-interazzjoni tas-suq bejn il-mezzi finanzjarji eżistenti (kemm privati kif ukoll pubbliċi) u l-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu adottati mill-NPB. Fil-fatt, tista’ tingħata wkoll konsiderazzjoni partikolari għall-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni, waqt li tiġi evitata duplikazzjoni ma’ attivitajiet alternattivi ta’ finanzjament u l-ġestjoni ta’ konnessjonijiet ma’ skemi ta’ appoġġ eżistenti. Evalwazzjoni ex post indipendenti tgħin biex tiġi vverifikata l-valutazzjoni ex-ante tal-valur miżjud tal-inizjattiva. Meta joperaw fi swieq fejn diġà joperaw il-banek kummerċjali, jgħin li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-swieq finanzjarji meta l-NPB jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu indirettament permezz ta’ rappreżentanti mis-settur tal-banek kummerċjali. Tali interazzjoni mill-qrib mas-settur privat tista' tippermetti lill-NPB mhux biss biex jallinja l-firxa tal-prodotti tiegħu mal-lakuni eżistenti fis-suq, iżda wkoll biex jagħti effett ta’ messaġġ pożittiv dwar il-bankabilità tat-tipi ta’ proġetti li huma barra mill-politiki tradizzjonali ta’ investiment tal-banek, u b’hekk jiġi kkatalizzat il-finanzjament privat fl-oqsma ta’ attività tagħha mingħajr esklużjoni tal-attività tas-settur privat. B’dan il-mod, jista’ jkun żgurat l-banek kummerċjali li jsellfu fondi mislufa jgħaddu l-benefiċċji kollha lill-benefiċjarju finali fl-ekonomija reali.

L-NPBs jidhru li jaħdmu l-aħjar meta jiffokaw fuq proġetti ekonomikament vijabbli u joperaw b’biżżejjed profitt (għalkemm anqas mill-kostijiet tal-ekwità tal-operaturi privati) biex tinżamm is-sodezza finanzjarja mingħajr injezzjonijiet kontinwi tal-kapital mill-gvern (il-profitti l-aktar jinżammu biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ self futur). Standards għoljin ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà huma importanti għar-reputazzjoni tal-NPBs fis-suq, daqs il-ġestjoni professjonali u l-grad meħtieġ ta’ indipendenza. Superviżjoni prudenzjali eżerċitata b’mod indipendenti minn entità separata tkompli ssaħħaħ din ir-reputazzjoni.

Gwida strateġika u monitoraġġ ta’ ġestjoni permezz tal-bordijiet tal-NPBs jeħtieġu awtorità, kompetenza, integrità, responsabilità u oġġettività. Separazzjoni bejn is-sħubija fil-bord u l-ġestjoni amministrattiva ssaħħaħ il-funzjoni ta’ sorveljanza tal-bord. Filwaqt li l-attivitajiet promozzjonali tal-NPB huma normalment soġġetti għal approvazzjoni mill-bord superviżorju u bħala tali jippermettu rabta mal-Gvern permezz tal-preżenza tiegħu fil-bord, il-parti operazzjonali jew dik bankarja ta' NPB titħalla f’idejn ġestjoni professjonali u tibqa’ ħielsa minn indħil politiku.

Ġestjoni tajba tar-riskju u l-proċeduri ta’ kontroll intern jipprevjenu l-bordijiet tal-NPB milli jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji u organizzattivi perikolużi.

L-NPBs il-ġodda jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza ta’ pari stabbiliti f’varjetà ta’ modi biex jgħinuhom jilħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Diversi NPBs maħluqa reċentement, bħall-Istituzzjoni Finanzjarja Portugiża tal-Iżvilupp u l-SBCI tal-Irlanda jistrieħu fuq kooperazzjoni bilaterali ad hoc mal-NPBs assoċjati.

Barra minn hekk, il-BEI u l-NPBs għandhom ikunu lesti li jagħmlu disponibbli l-kompetenza taċ-Ċentru ta’ Konsulenza Ewropew għall-Investiment (EIAH) biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki f’oqsma fi ħdan l-ambitu tal-EIAH tiegħu. L-NPBs jistgħu ukoll jużaw l-EIAH bħala punt ta’ dħul lokali għal klijenti potenzjali lokali u partijiet konċernati biex iħaffu l-iżvilupp tal-proġett. Fl-aħħar nett, il-BEI u l-NPBs għandhom jiġu ppreparati biex jagħmlu skambju ta’ persunal fuq bażi temporanja, li jista’ jkun għodda siewja oħra biex jibnu kompetenza fi ħdan li NPB ġdid 5 .

2.3 Kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat

L-NPBs fil-parti l-kbira tal-każi huma ffinanzjati u appoġġjati mill-Istat, li huwa vantaġġ kompetittiv fuq parteċipanti fis-suq privat. Għalhekk ir-riżorsi tagħhom jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE 6 u l-interventi tagħhom jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat jekk il-kriterji l-oħra kollha tal-Art. 107(1) jintlaħqu. Kif stipulat hawn fuq, il-ħsieb ekonomiku fundamentali wara l-NPBs għandu jorbot fuq il-ħila tagħhom li jipprovdu finanzjament f'oqsma fejn il-fallimenti tas-suq wasslu għal sottoforniment ta' finanzjament minn operaturi privati, fejn is-suq privat ma jintervjeni xejn. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat huma bbażati fuq l-istess prinċipju. Dawn ir-regoli huma mfassla biex jiżguraw li l-interventi tal-NPBs ikunu mmirati sew biex jirrimedjaw il-fallimenti tas-suq u b’hekk jikkontribwixxu għal żvilupp ekonomiku u finanzjarju, filwaqt li fl-istess ħin la joħolqu distorsjoni fis-swieq, la jeskludu operaturi privati u lanqas ma jżommu l-kumpaniji ħajjin li, kieku kien mod ieħor, kienu joħrġu mis-suq.

Dwar it-twaqqif, il-mandat u l-kapitalizzazzjoni tal-NPBs il-ġodda, il-prattika reċenti ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni tistabbilixxi kif il-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Każijiet reċenti jinkludu il-Green Investment Bank tar-Renju Unit 7 , il-British Business Bank 8 , l-Istituzzjoni Finanzjarja għall-Iżvilupp Portugiża 9 u Istituzzjoni Unika ta’ Żvilupp tal-Latvja 10 . F’dawn id-deċiżjonijiet, tpoġġiet enfasi kbira fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-NPBs inkwistjoni jiffukaw l-operazzjonijiet tagħhom f'setturi fejn il-fallimenti tas-suq huma mifruxa u li b’hekk mhumiex moqdijin tajjeb mill-fornituri finanzjarji kummerċjali, li tipikament huma l-banek, u b’hekk jiġi evitat li l-politika ta' self ta' dawn l-NPBs teskludi l-investiment privat.

Il-parteċipazzjoni fi strumenti finanzjarji tal-UE li huma ġestiti ċentralment kienet ikkunsidrata mill-Kummissjoni li taqa' fl-ambitu tal-attivitajiet tal-NPBs. Pereżempju il-mandat tal-British Business Bank jinvolvi parteċipazzjoni fi strumenti finanzjarji tal-UE li huma ġestiti ċentralment jew programmi implimentati mill-Grupp tal-BEI. L-Istituzzjoni Unika ta’ Żvilupp tal-Latvja se taġixxi wkoll bħala intermedjarju finanzjarju billi tmexxi l-programmi u l-proġetti kofinanzjati tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), jew banek tal-iżvilupp nazzjonali oħrajn, bħal pereżempju Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW), f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Ir-riformi introdotti mill-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat jiffaċilitaw it-trattament tal-għajnuna li hija mfassla tajjeb, immirata lejn nuqqasijiet tas-suq identifikati u lejn objettivi ta' interess komuni, u lanqas li joħolqu distorsjoni ("għajnuna tajba") 11 . B’hekk, fid-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lill-NPBs, ma kinuts għadha meqjusa meħtieġa analiżi ekonomika dettaljata ex ante ta’ nuqqasijiet tas-suq għal dawk l-attivitajiet li huma skont ir-regolamenti de minimis 12 , li jaqgħu taħt ir-Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija 13 jew li huma miżuri ta’ għajnuna mill-Istat approvati skont linji gwida speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal attivitajiet oħrajn studju ex ante fuq il-fallimenti tas-suq wera l-ħtieġa ta' intervent. Ċertament, l-NPBs għandhom ukoll ikunu konformi mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw għall-benefiċjarji finali. Pereżempju, l-impriżi f’diffikultà ma għandhomx ikunu ssussidjati sakemm ma jkunx espliċitament permessi, pereżempju skont il-Linji Gwida ta’ Salvataġġ u Ristrutturar 14 . Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni nnotat b’mod pożittiv meta l-NPBs jintervjenu b’mod indirett permezz ta’ intermedjarji finanzjarji biex jitnaqqsu r-riskji ta’ esklużjoni u diskriminazzjoni ta’ fornituri ta' finanzjament privat, filwaqt li l-benefiċċji tal-għajnuna għandhom jilħqu b’mod sħiħ lill-benefiċjarju finali.

Skont il-prattika deċiżjonali riċenti tal-Kummissjoni, il-politiki ta’ pprezzar ibbażati fis-suq ġew permessi tipikament b'konformità mal-Avviż ta’ Garanzija 15 , il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza 16 jew skont il-prinċipji tal-investimenti pari passu, biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq. Fil-każ tal-British Business Bank, pereżempju, il-kumpanija li fiha jsir l-investiment għandha turi lill-NPB li ma rnexxilhiex issib finanzjament fis-suq. L-attivitajiet kummerċjali tal-NPBs, madankollu huma separati mill-attivitajiet promozzjonali tagħhom sabiex ikun evitat is-sussidju trażversali.

Id-deċiżjonijiet reċenti ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni jipprevedu klawżola ta’ reviżjoni wara erba’ sa seba’ snin. Tali evalwazzjoni mill-ġdid tal-fallimenti tas-suq u l-mandat tal-NPB huma meħtieġa li jikkunsidraw l-iżvilupp ekonomiku u l-evoluzzjonijiet tas-suq u, bl-istess mod, l-evoluzzjoni tal-fallimenti tas-suq. Fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat, hi possibbli wkoll reviżjoni aktar qabel; pereżempju, l-ambitu inizjali tal-attivitajiet tal-Green Investment Bank tar-Renju Unit ġie estiż sabiex jippermetti investimenti f’setturi addizzjonali tal-mandat tagħha inizjalment approvat kif ukoll finanzjament addizzjonali 17 . Bl-istess mod, id-deċiżjoni dwar l-Istituzzjoni Finanzjarja għall-Iżvilupp Portugiża tindika li l-gvern Portugiż beħsiebu jestendi l-mandat tal-Istituzzjoni għal attivitajiet ta' self ta' fondi mislufa iffinanzjati permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u NPBs oħrajn.

Il-Kummissjoni ċċarat ukoll, fid-deċiżjoni tagħha dwar il-British Business Bank, li sempliċiment ir-raggruppar ta’ entitajiet eżistenti u/jew l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa, mingħajr kapital addizzjonali jew finanzjament pubbliku lill-entità riżultanti, huwa kkunsidrat bħala riorganizzazzjoni amministrattiva interna tal-Istati Membri u mhijiex soġġetta għal notifika.

L-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li joħolqu NPB ġdid huma mistiedna li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni kmieni dwar il-pjanijiet tagħhom biex jiffaċilitaw il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-obbligu ta’ sospenzjoni stabbilita fl- Artikolu 108 tat-TFUE.

2.4 2.4 Trattament statistiku tal-NPB ta’ teħid u għoti ta’ self kemm ġewwa kif ukoll barra l-amministrazzjoni pubblika skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP)

Għoti u teħid ta’ self minn NPBs li jissodisfaw il-prinċipji ta’ gwida stabbiliti fit-Taqsimiet 2.1 sa 2.3 hawn fuq huma ġeneralment ikkunsidrati 'il barra mill-istatistika tal-amministrazzjoni pubblika peress li d-deċiżjonijiet tas-self jittieħdu b’mod indipendenti mill-gvern u l-membri tal-korpi regolatorji tal-NPBs huma indipendenti mill-gvern. L-operazzjonijiet tal-NPBs li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti b’hekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-UE, skont dawn il-kundizzjonijiet.

Jekk, għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament jirrikjedu l-approvazzjoni tal-gvern jew tal-membri tal-korpi governattivi rilevanti (eż. il-Bord) li jkunu uffiċjali tal-gvern jew inkella jaġixxu taħt il-gwida tal-gvern, l-NPB jsir istituzzjoni finanzjarja kaptiva u għandha tiġi inkluża fis-settur tal-gvern fil-kontijiet nazzjonali. Gwida dettaljata dwar it-trattament tal-kontabilità tal-NPBs hija pprovduta mis-Sistema Ewropea tal-Eurostat dwar il-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA 2010) 18 , il-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern fuq l-implimentazzjoni tal-ESA 2010 19 u parir speċifiku lill-Istati Membri 20 .

3. Kooperazzjoni tal-NPB u r-rwol ta’ pjattaformi ta’ investiment fil-kuntest tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa

KAXXA 1:

Sal-lum, tmien pajjiżi ħabbru li se jipparteċipaw fil-proġett tal-FEIS permezz tal-NPBs tagħhom (jew istituzzjonijiet simili): il-Bulgarija, is-Slovakkja, il-Polonja, il-Lussemburgu, Franza, l-Italja, Spanja u l-Ġermanja. Fil-preżent, fost it-tmien NPBs msemmija hawn taħt, l-unika waħda kklassifikata ġewwa l-gvern hija dik tal-Lussemburgu, filwaqt li l-klassifikazzjoni qed tiġi diskussa bħalissa fil-każ taż-żewġ unitajiet Slovakki, l-unità Bulgara, l-unità Spanjola u l-Bpifrance.

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ħabbar f'Lulju li se jagħmel garanziji disponibbli biex jiġu kofinanzjati proġetti infrstrutturali tal-FEIS fir-Renju Unit (€8,5(£6bn)). Il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit ma ssirx permezz ta' NPB.

Fid-dettall, l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali mħabbra permezz ta' Banek Nazzjonali Promozzjonali bħalissa huma kif ġej:

il-Bulgarija, Ġunju 2015, EUR 100 miljun, il-Bank Bulgaru tal-Iżvilupp,

is-Slovakkja, Ġunju 2015, EUR 400 miljun, Slovenský investičný Holding u Slovenská Záručná a Rozvojová Banka,

il-Polonja, April 2015, EUR 8 biljun EUR, Bank Gospodarstwa Krajowego (BGK) u istituzzjoni pubblika oħra Investimenti Pollakki tal-Iżvilupp (PIR),

il-Lussemburgu, April 2015, EUR 80 miljun permezz ta' Société nationale de crédit et d’Investissement (SNCI),

Franza, Marzu 2015, EUR 8 biljun permezz ta' Caisse des Dépôts (CDC) u Bpifrance (BPI),

l-Italja, Marzu 2015, EUR 8 biljuni permezz Cassa Depositi e Prestiti (CDP),

Spanja, Frar 2015, EUR 1.5 biljun permezz ta' Instituto de Crédito Oficial (ICO),

il-Ġermanja, Frar 2015, EUR 8 biljuni permezz ta’ KfW.

3.1 Kooperazzjoni bejn il-BEI u l-NPBs

Minħabba l-firxiet ta' prodotti komplementari u l-kopertura ġeografika, l-NPBs għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Filwaqt li l-parteċipazzjoni diretta tal-NPBs fil-FEIS huwa permess skont r-Regolament tal-FEIS, s’issa l-NPBs esprimew preferenza ċara għal kooperazzjoni fil-livell ta’ pjattaformi ta’ investiment u fuq il-livell ta’ proġetti individwali. Barra minn hekk, ir-Regolament FEIS jipprovdi li l-NPBs ikunu eliġibbli għal kopertura mill-garanzija tal-BEI pprovduta minn FEIS taħt kontrogaranzija tal-Garanzija tal-UE.

Il-proposti tal-grupp ta’ ħidma dwar kooperazzjoni mtejba bejn il-Grupp tal-BEI u l-NPBs, li ġie stabbilit fuq talba tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin) tal-UE ta’ Settembru 2014, jirriflettu dawn il-preferenzi. Filwaqt li jappella għal mudelli ta' kooperazzjoni flessibbli, il-grupp jirrikonoxxi l-komplementarjetajiet bejn il-BEI u l-NPBs, fejn dan tal-aħħar jista’ jġib miegħu valur miżjud partikolari bbażat fuq l-għarfien tagħhom tal-kuntest lokali, in-negozji u komunitajiet tal-investituri kif ukoll politiki u strateġiji nazzjonali. Il-kooperazzjoni tista’ sseħħ kemm fuq bażi bilaterali kif ukoll multilaterali (pereż. permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment). Ingranaġġ ta’ riżorsi mis-settur privat jikkostitwixxi objettiv ewlieni fiż-żewġ każijiet.

Prodotti finanzjarji possibbli għall-kollaborazzjoni, b’żieda ma’ kofinanzjament fil-livell tal-proġett, jinkludu, fost l-oħrajn, prodotti għall-kondiviżjoni tar-riskju li jipprovdu kopertura għal self mhux garantit u t-tipi oħra ta’ finanzjament aktar riskjuż, pjattaformi konġunti ta’ titolizzazzjoni, fondi ta’ kapital ta’ riskju u fondi u pjattaformi oħra ta’ investiment.

Il-kooperazzjoni dwar is-servizzi konsultattivi u l-iskambji tal-persunal għandha tikkumplimenta l-kooperazzjoni finanzjarja biex jinxterdu l-aħjar prattiki madwar l-istituzzjonijiet kollha, inklużi l-NPBs ġodda u iżgħar.

Aktar sinerġiji bejn il-BEI u l-NPBs jistgħu jinkisbu meta jkun hemm kofinanzjament f’termini tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-kisba ta’ aktar standardizzazzjoni. Dan jista’ jwassal pereżempju għal rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri ta’ diliġenza dovuta.

3.2 Kooperazzjoni permezz ta' pjataformi ta' invetiment

Mod wieħed possibbli biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-NPBs u l-BEI huwa permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment. Pjattaformi ta’ investiment huma essenzjalment arranġamenti strutturati ta' koinvestiment bil-ħsieb li jikkatalizzaw investimenti f’sett ta’ proġetti (għall-kuntrarju ta’ proġetti individwali). Pjattaformi ta’ investiment huma mezzi biex proġetti ta’ investiment jiġu aggregati, jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u l-informazzjoni u jipprovdu għal allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju bejn diversi investituri.

Pjattaformi ta’ investiment jistgħu jkunu veikoli b’għanijiet speċjali, kontijiet ġestiti, arranġamenti ta’ kofinanzjament jew ta’ kondiviżjoni tar-riskji bbażati fuq kuntratti jew arranġamenti stabbiliti bi kwalunkwe mezz ieħor li permezz tagħhom entitajiet jibagħtu kontribuzzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw għadd ta’ proġetti ta’ investiment. L-ambitu ta’ pjattaformi ta’ investiment jistgħu jinkludu pjattaformi nazzjonali jew subnazzjonali li jirraggruppaw diversi proġetti ta’ investiment fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari, pjattaformi multinazzjonali jew reġjonali, li jirragruppaw imsieħba minn diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f’żona ġeografika partikolari, jew pjattaformi tematiċi li jiġbru proġetti ta’ investiment f’settur partikolari.

Pjattaformi mfassla tajjeb għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment privat minn investituri istituzzjonali, bħal fondi tal-pensjonijiet, u b’hekk tingħata spinta lill-impatt tal-fondi pubbliċi.

Numru ta’ pjattaformi multilaterali, bħalma huma l-fond tal-infrastruttura Marguerite 21 , il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF) 22 u l-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk (EFSE) 23 , diġà qed jintużaw u jistgħu jiġu żviluppati aktar. Kull wieħed minn dawn il-fondi għandu numru ta' investituri ċentrali, inklui l-BEI u l-NPBs bħas-CDC, KfW, CDP, ICO u l-PKO Bank Polski SA. Dawn huma kkumplimentati sa livelli differenti minn koinvestuturi privati kemm fil-livell tal-fond kif ukoll fil-livell tal-proċetti individwali appoġġjati mill-pjattaforma. Il-pjattaformi b’hekk jgħaqqdu flimkien l-investimenti minn diversi sponsors biex jinvestu f’portafoll diversifikat ta’ proġetti fl-oqsma fil-mira tal-fond. Filwaqt li l-eżempji msemmija hawn fuq għandhom personalità ġuridika, il-pjattaformi ta’ investiment jistgħu jiġu implimentati wkoll kuntrattwalment permezz ta' ftehimiet ta' kofinanzjament u dawk ta’ kondivijoni tar-riskju bejn il-parteċipanti.

B'istituzzjonijiet pubbliċi li jaġixxu bħala investituri fissi u b'ġestjoni indipendenti, il-pjattaformi ta’ investiment għandhom il-potenzjal li jattiraw l-investiment minn investituri istituzzjonali u, possibbilment, fondi ta’ ġid sovran fuq skala sinifikanti. Fejn meħtieġ, jista’ jiġi pprovdut tisħiħ tal-kreditu mill-FEIS biex jiġi ffaċilitat id-dħul tal-koinvestituri privati permezz ta' mitigazzjoni tar-riskji ta’ proġetti speċifiċi jew ta' portafoll.

Assistenza teknika għall-ħolqien ta’ pjattaformi ta’ investiment tista’ tkun disponibbli permezz tal-FEIS. Skont il-prattika attwali, l-NPBs u l-BEI huma mħeġġa biex jimmassimizzaw is-sinerġiji ma’ objettivi ta’ politika tal-UE b’kollaborazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni fi stadju bikri tal-proċess.

3.3 Trattament statistiku ta' pjattaformi skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST)

It-trattament ta’ pjattaformi ta’ investiment taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) jiddependi l-ewwel nett fuq il-klassifikazzjoni statistika ta’ dawn il-pjattaformi mill-Eurostat. It-trattament statistiku, fil-karta tal-bilanċ tal-gvern jew barra minnha, huwa rregolat mill-istess regoli tal-Eurostat bħal dawk li jappartjenu għall-NPBs nfushom (ESA 2010 u d-dokumenti anċillari msemmija fit-Taqsima 2.4 hawn fuq). Pjattaformi ta’ investiment b’personalità ġuridika jistgħu jiġu ttrattati bħala Entitajiet bi Skop Speċjali (SPEs) għal dan l-għan.

F’termini ġenerali, l-SPEs huma kklassifikati mal-gvern jekk ikunu stabbiliti mill-gvern u jservu unità tal-gvern. Fil-każ ta’ pjattaforma ta’ investiment b’diversi azzjonisti jew sponsors, l-istatus tal-pjattaforma jiddependi fuq l-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha skont ir-regoli nazzjonali tal-kontijiet.

F’każ li l-NPBs ikunu kklassifikati mal-gvern jew jekk l-operazzjonijiet tagħhom jingħataw direzzjoni ġdida permezz tal-gvern, il-kwistjoni prinċipali issir dwar liema hija l-entità li tistabbilixxi u tikkontrolla l-SPE.

Għalhekk, f’sitwazzjonijiet fejn l-investituri fil-pjattaforma ta’ investiment se jkunu prinċipalment istituzzjonijiet finanzjarji mhux kaptivi u investituri privati, u fejn l-ebda gvern ma jeżerċita kontroll fuq l-SPEs b’mezzi oħra, l-SPE x’aktarx li se tiġi kklassifikata barra mill-kontijiet tal-gvern. Bl-istess mod, f’każijiet fejn il-gvern (direttament jew permezz ta’ istituzzjoni finanzjarja kaptiva kkontrollata mill-gvern) ikun investitur minoritarju u ma jikkontrollax l-SPE permezz ta’ mezzi oħra, l-SPE tipikament tibqa’ barra mill-karta tal-bilanċ (u minn oħrajn) tal-gvern.

Fl-aħħar nett, fejn l-SPE hija kkontrollata b’mod konġunt minn grupp ta’ NPBs ikklassifikati barra mill-gvern u ma jaġixxix fuq struzzjonijiet tal-gvern (u mhux minn gvern wieħed), jew minn entitajiet privati u/jew il-BEI u fejn l-SPE se tinvesti f’pajjiżi differenti tematikament, aktarx li mhux se tiġi kklassifikata mal-gvern.

Fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament tal-FEIS, il-Kummissjoni ħarġet id-dikjarazzjoni li ġejja dwar il-valutazzjoni tagħha dwar kontribuzzjonijiet ta’ darba fil-kuntest tal-inizjattiva tal-FEIS bl-għan li jiġi implimentat il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir: 24

"[M]ingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, jew minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fil-FEIS jew fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 25[1] u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 26[2]."

B’hekk, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal pjattaformi ta’ investiment multilaterali għandhom, b’mod ġenerali, jitqiesu bħala miżuri ta’ darba fis-sens tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, f’konformità ma’ prinċipji ta’ klassifikazzjoni ta’ darba. Din l-interpretazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ sorveljanza baġitarja taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan flimkien mal-vantaġġi operattivi tagħhom, bħal diversifikazzjoni aħjar tal-portafoll u ekonomiji ta’ skala.

3.4 Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat

Lil hinn mill-prinċipji ġenerali għall-istabbiliment tal-NPBs mislutin mill-prattika deċiżjonali stabbilita fil-punt 2.3 iktar’ il fuq, biex tiżgura li tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi proċess rapidu li se jimmira li jlesti l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat ta’ kofinanzjament nazzjonali ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi n-notifika sħiħa mill-Istat Membru rilevanti.

3.5 Ħolqien ta' sinerġiji bejn il-BEI, l-NPBs l-istrumenti tal-UE

Il-Kummissjoni qed timplimenta sehem dejjem jikber ta’ fondi tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji, biex b’hekk iżżid aktar l-appoġġ tradizzjonali permezz ta’ għotjiet sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-fondi pubbliċi fl-ekonomija reali.

Eżempji ta’ strumenti finanzjarji, li jikkombinaw il-fondi baġitarji tal-UE b’self mill-banek promozzjonali, inklużi programmi ta’ appoġġ tal-SMEs, bħall-COSME u Orizzont 2020 InnovFin, tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus +, u oħrajn. Dawn l-istrumenti għandhom track rekord li jilħqu l-miri ta’ ingranaġġ tagħhom għall-fondi pubbliċi investiti fihom. L-NPBs fil-futur jista' jkollhom rwol akbar fil-mobilizzazzjoni tagħhom.

Skont il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE 2014-2020, l-istituzzjonijiet ta’ promozzjoni jistgħu jikkumplimentaw l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fl-allokazzjoni ta’ Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (FEIS), inklużi l-istrumenti finanzjarji bħal strumenti li jikkondividu r-riskju, il-garanziji ta’ self (parzjali), l-ekwità u l-finanzjament intermedju. L-użu tal-fondi FEIS biex jiġi pprovdut kapital ta’ kreditu jew ta' riskju, minflok għotjiet, għandu żewġ vantaġġi prinċipali: L-ewwel, jista’ jiġġenera ingranaġġ, jiġifieri kull euro ta’ fondi FEIS jista’ jiġġenera ħafna euros ta’ self jew finanzjament tal-ekwità u, it-tieni, ir-rekwiżit tal-vijabbiltà finanzjarja jiżgura li riżorsi skarsi jiġu allokati għal użi effiċjenti. Il-Kummissjoni ħejjiet sett ta’ strumenti finanzjarji predefiniti, disponibbli, li jippermettu użu aktar wiesa’ tal-Fondi EIS b’mod aktar standardizzat. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni huma mħeġġa jisfruttaw dawn l-istrumenti fil-programmi operattivi, li jiddependu fuq l-espansjoni tar-rwol tal-NPBs.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem fuq soluzzjonijiet tekniċi konkreti li jikkombinaw il-finanzjament tal-FEIS tal-ESIF. L-ewwel, il-FEIS jista’ jipprovdi appoġġ għal strumenti finanzjarji stabbiliti fil-livell nazzjonali jew reġjonali, potenzjalment flimkien ma’ appoġġ mill-ESIF. It-tieni, il-FEIS jista' jappoġġja direttament l-iżvikupp u l-implimentazzjoni tal-proġett (b'konformità mar-regoli tal-ipprogrammar tal-FEIS u l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli) 27 . Alternattivament, il-programmi tal-FEIS jistgħu jikkontribwixxu għal Pjattaforma ta’ Investiment – b’riżorsi ġestiti flimkien iżda mistennija li jkopru kompartimenti differenti sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet legali tal-FEIS/sabiex jikkonformaw mar-Regolament 1303/2013. F’każ bħal dan, il-BEI/FEI, b’sostenn tal-FEIS, jistgħu jkunu mistennija li jikkontribwixxu għal pjattaforma ta’ investiment filwaqt il-kontribuzzjoni tal-programm tal-FEIS jiġi permezz ta’ strument finanzjarju.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Finanzjarju tal-UE 28 stabbilixxa l-bażi ġuridika għall-NPBs li jassumu r-rwol ta’ entità fdata (bħall-BEI u l-FEI) għal strumenti finanzjarji tal-UE ġestiti ċentralment. Attività bħal din, madankollu, tista’ ssir biss sa fejn l-NPB jiġi pprovdut b’qafas regolatorju nazzjonali li jippermetti l-internazzjonalizzazzjoni u l-operazzjonijiet transfruntieri. Sabiex iżommu l-attenzjoni tagħhom fuq l-indirizzar tal-fallimenti tas-suq, l-NPBs huma mħeġġa biex joperaw f’konsorzji u jinvolvu ruħhom f’operazzjonijiet ta’ kofinanzjar internazzjonali. Għalhekk hemm aktar lok għall-NPBs biex jespandu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni kemm tal-programmi tal-UE ġestiti ċentralment u l-FEIS.

4. Konklużjoni

Sforz kollettiv li jibbaża fuq il-komplimentarjetajiet tal-BEI, l-NPBs u l-investituri privati jista' jilħaq l-għan tal-Pjan ta’ Investiment li jimmobilizza ta’ mill-inqas EUR 315-il biljun f’investiment pubbliku u privat addizzjonali fl-ekonomija reali matul it-tliet snin li ġejjin. It-taqsimiet ta’ hawn fuq għamlu l-argument għal involviment b’saħħtu, fl-Istati Membri kollha, tal-NPBs fil-Pjan ta’ Investiment. L-Istati Membri li għadhom mingħajr NPB jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu wieħed, fuq il-bażi tal-principji mfassla hawn fuq. Barra minn hekk, il-pjattaformi ta’ investiment jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jiġbru flimkien ir-riżorsi tal-BEI, tal-NPBs u tal-investituri privati. L-NPBs jistgħu jsaħħu aktar il-kapaċitajiet tagħhom abbażi ta’ dawn l-aħjar prattiki, li se jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jikkooperaw. Grupp ta’ ħidma konġunt, immexxi mill-BEI u bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, diġà għamel proposti siewja, fuq pjattaformi ta’ investiment konġunti, skambju tal-għarfien u xogħol ta’ konsulenza. Maż-żmien, dan il-livell aktar profond ta’ kooperazzjoni jista’ jevolvi f’sistema integrata ta’ banek ta’ investiment pubbliku, li tkun kapaċi tapplika prodotti pprivati u l-aħjar prattika fost l-Istati Membri. L-evalwazzjoni FEIS fl-2017/18 se jipprovdi opportunità li wieħed iħares lejn l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn l-NPBs u l-BEI kif ukoll fost l-NPBs.

Skeda ta’ żmien tentattiva

L-4 ta' Lulju 2015: Jidħol fis-seħħ ir-Regolament tal-FEIS

Sal-1 ta’ Ottubru 2015: l-ewwel garanziji tal-FEIS jiġu estiżi għall-NPBs

L-Il-Ħamis, 1 ta' Ottubru 2015: Jiġu stabbiliti l-ewwel pjattaformi ta’ investiment

L-Is-Sibt, 30 ta' Ġunju 2018: Jitlesta l-programm ta’ investiment tal-FEIS

Wara Ġunju tal-2018: Evalwazzjoni tal-FEIS, inkluż ir-rwol ta’ u l-kooperazzjoni fost l-NPBs

(1)

 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, COM(2014)903 final, ippubblikat fis-26 ta’ Novembru 2014

(2)

Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea, COM(2014)168 final, ippubblikata fis-27 ta' Marzu 2014

(3)

Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 01.07.2015, p. 1).

(4)

Ara l-"Linji gwida tal-OECD dwar il-Governanza Korporattiva tal-Intrapriżi tal-Istat”, 2005.

(5)

Dawn il-miżuri kienu mifthiema minn grupp ta’ ħidma konġunt tal-BEI u l-NPBs bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni bi tħejjija għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.

(6)

Il-klassifikazzjoni tal-NPBs taħt il-kontijiet nazzjonali (taqsimiet 2.4 u 3.3 hawn taħt) mhijiex rilevanti għall- Artikolu 107(1) TFUE.

(7)

SA.33984 (2012/N), OJ C 370, 30.11.2012, p. 2.

(8)

SA.36061 (2014/N), OJ C 460, 19.12.2014, p. 1.

(9)

SA.37824 (2014/N), OJ C 5, 9.1.2015, p. 1.

(10)

SA. 36904 (2014/N), li għadha ma ġietx ippubblikata.

(11)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)", COM/2012/0209 final, 8.12.2012. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/modernisation/sam_communication_mt.pdf

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis, ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura, ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 717/2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, ĠU L 190, 28.6.2013, p. 45;

(13)

Ir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas- 17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, ĠU L 187, 26.06.2014, p. 1., ir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1.

(14)

ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

(15)

ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(16)

ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(17)

SA.37554, ĠU C 210, 4.7.2014, p. 1.

(18)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/5925693/KS-02-13-269-EN.PDF

(19)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/5937189/KS-GQ-14-010-EN.PDF/c1466fde-141c-418d-b7f1-eb8d5765aa1d

(20)

http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/advice-to-member-states

(21)

http://www.marguerite.com/

(22)

  http://www.eeef.lu/

(23)

http://www.efse.lu/

(24)

 Ara l-premessa 10 tar-regolament FEIS.

(25)

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(26)

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(27)

Eżempji simili jistgħu jiġu previsti għal-SME Window tal-FEIS li tappoġġja tal-portafolli ta’ finanzjament tal-SMEs.

(28)

Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jirrevika r-Regolamewnt tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.