Brussell, 27.5.2015

COM(2015) 285 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015 - 2020)


I.Daħla

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Mejju 2015, identifikat il-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti bħala prijorità, biex jiġi evitat l-isfruttament tal-migranti minn netwerks kriminali. L-Aġenda stipulat il-mira li jiġu ttrasformati n-netwerks ta’ kuntrabandu ta’ migranti minn “operazzjonijiet b'riskju baxx u dħul għoli” għal dawk “b'riskju għoli, dħul baxx”.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, adottata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ April 2015, identifikat ukoll il-kooperazzjoni kontra t-traffikar ta’ migranti fl-UE u ma’ pajjiżi terzi bħala prijorità fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni kontra t-Traffikar ta’ Migranti jistabbilixxi l-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa biex jiġu implimentati dawn iż-żewġ Aġendi f’dan il-qasam, u jinkorpora l-azzjonijiet ewlenin li diġà ġew identifikati fih.

Fin-netwerks kriminali bla ħniena jiġu organizzati vjaġġi ta’ għadd kbir ta’ migranti li jkunu ddisprati biex jaslu fl-UE. Dawn jagħmlu qligħ sostanzjali filwaqt li jpoġġu l-ħajjiet tal-migranti f’riskju. Biex jagħmlu kemm jista' jkun profitti, it-traffikanti ta’ spiss irassu mijiet ta’ migranti fuq dgħajjes mhux tajbin għat-tbaħħir, inklużi dgħajjes żgħar li jintefħu jew bastimenti tal-merkanzija li m'għadhomx jintużaw jew fi trakkijiet. Għadd kbir ta’ migranti jegħrqu fil-baħar, jifgaw f’kontenituri jew jintilfu f’deżerti. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) 1 , huwa stmat li aktar minn 3 000 migrant tilfu ħajjithom fil-Baħar Mediterran fl-2014. Huwa maħsub li madwar 1 700 għerqu fl-ewwel erba’ xhur tal-2015. Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti ta’ spiss jinkisru b'mod serju permezz ta’ abbuż u sfruttament.

Il-migrazzjoni irregolari bil-baħar, b’mod partikolari tul ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant, żdied b’mod esponenzjali matul din l-aħħar sena bi kważi 225 000 migrant fl-2014, kważi tliet darbiet aktar mill-2013 2 . Dan ġara wkoll fl-għadd ta' riskji li l-migranti jiġu esposti għalihom meta jkunu qed jaqsmu l-Baħar Mediterran. F'rotot migratorji oħrajn, bħal pereżempju fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, kien hemm żidiet simili fl-2014, bl-ogħla livell li qatt kien hemm ta’ migranti irregolari li daħlu fl-UE, li ġie rreġistrat mill-2007 3 .

It-traffikanti jittrattaw lill-migranti bħala merkanzija, simili għal drogi u armi tan-nar li huma jittraffikaw fl-istess rotot. Dawn ibiddlu b’ħeffa r-rotot tat-traffikar biex jadattaw għas-sitwazzjoni tas-sigurtà f’pajjiżi ta’ tranżitu jew skont l-infurzar tal-liġi. Dawn jagħmlu wkoll użu ħażin mill-proċeduri għal dħul u residenza legali. Pereżempju, il-kumpaniji tal-karozzi tal-linja rreklamaw b’mod miftuħ liċ-ċittadini tal-Kosovo l-possibbiltà ta’ abbuż fis-sistemi tal-benefiċċji u l-assistenza għar-ritorn fl-UE.

It-traffikar tal-migranti huwa negozju ferm profitabbli, b'netwerks kriminali b’saħħithom f'riskju baxx li jinqabdu u jiġu ppenalizzati. Filwaqt li d-dejta dwar il-profitti miksuba minn netwerks ta’ traffikar globalment mhumiex disponibbli, każijiet iżolati juru li dawn huma pjuttost sostanzjali. F'inċident wieħed biss li involva l-bastiment tal-merkanzija Ezadeen interċettat fl-1 ta’ Jannar 2015 mill-Operazzjoni Konġunta Triton bi 360 migrant abbord, huwa maħsub li t-traffikanti kisbu EUR 2,5 miljun.

II.Reazzjoni Ewropea aktar qawwija għat-traffikar tal-migranti

Kooperazzjoni b'saħħitha fil-livell tal-UE, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, sħab strateġiċi, organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili, hija essenzjali biex jitfixklu l-attivitajiet tat-traffikanti, jittellgħu l-qorti u jiġu kkonfiskati l-assi tagħhom.

Dan l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex jiġi miġġieled u evitat it-traffikar tal-migranti, filwaqt li jiġi żgurat li l-migranti jkunu mħarsa skont id-drittijiet tal-bniedem. Huwa bbażat fuq approċċ multidixxiplinari, li jinvolvi l-atturi u l-istituzzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak internazzjonali. Dan ikopri l-fażijiet kollha u t-tipi kollha ta’ traffikar ta’ migranti, u r-rotot migratorji kollha.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-isforzi tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari, b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, u jipprevjeni t-telf ta’ ħajjiet ikkawżati mit-traffikanti. Dan għandu jkun marbut mal-ħidma kontinwa biex tiġi stabbilita operazzjoni ta' Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) li tidentifika sistematikament, taqbad u teqred bastimenti użati minn traffikanti.

In-netwerks ta’ traffikar jistgħu jiddgħajfu jekk inqas nies ifittxu s-servizzi tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li jinfetħu aktar mezzi sikuri u legali lejn l-UE. Barra minn hekk, l-isforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti jridu jsiru flimkien ma’ azzjoni b’saħħitha biex l-immigranti li m’għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-UE jiġu rritornati lejn pajjiżhom. Politika effettiva ta' ritorn hija deterrent qawwi, minħabba li probabbilment il-migranti jkunu inqas lesti li jħallsu prezz għoli lit-traffikanti biex iwassluhom fl-UE jekk ikunu jafu li se jintbagħtu lura lejn pajjiżhom hekk kif jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq it-traffikar tal-migranti. It-traffikar tal-bnedmin, li huwa kriminalità differenti madankollu relatata 4 , qed jiġi indirizzat fil-livell tal-UE skont strateġija separata 5 . 

L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet previsti f’dan il-pjan se tibda immedjatament u se ssir f’koerenza ma’ strateġiji relatati oħrajn fil-livell tal-UE 6 . Azzjonijiet addizzjonali kontra t-traffikar tal-migranti se jittieħdu fis-snin li ġejjin sabiex tiġi indirizzata din il-kriminalità li qed tinbidel b’rata mgħaġġla.

1.Reazzjoni msaħħa tal-pulizija u dik ġudizzjarja

Biex it-traffikar tal-migranti jinbidel f’operazzjoni bi profitt baxx u riskju għoli, huwa essenzjali li jiġi mfixkel il-mudell tan-negozju tal-gruppi kriminali u min hu ħati jitressaq il-qorti. Biex isir dan jeħtieġ li jitjiebu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jinvestigaw u jipproċedu kontra n-netwerks tat-traffikar ta’ migranti u l-abbiltà ta’ Aġenziji tal-UE biex jipprovdu appoġġ. Jeħtieġ ukoll koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-infurzar tal-liġi u l-istrutturi tal-ġudikatura fl-UE u approċċ li jinvolvi aġenziji diversi.

Fl-2016 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex ittejjeb il-qafas legali eżistenti tal-UE biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-migranti 7 , li jiddefinixxi r-reat ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati, u ssaħħaħ il-qafas penali. Hija se tara li tiżgura li jkun hemm sanzjonijiet kriminali xierqa filwaqt li jiġu evitati r-riskji tal-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti f’diffikultà.

L-identifikazzjoni, il-qbid u r-rimi ta’ bastimenti

Sabiex jiġi evitat u jitnaqqas it-traffikar ta’ migranti bil-baħar, se jsiru sforzi sistematiċi biex jiġu identifikati, jinqabdu u jintremew bastimenti maħsuba biex jintużaw mit-traffikanti. Se ssir lista ta’ bastimenti suspettużi li x’aktarx jintużaw fil-Mediterran. Dan għandu jinkludi, pereżempju, bastimenti rreġistrati li m'għadhomx jintużaw u maħsuba għall-iskreppjar. L-Aġenziji rilevanti tal-UE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji tar-riskju biex jiġu identifikati bastimenti bħal dawn, u biex jiġi żgurat li jkunu ssorveljati sistematikament, bl-użu tal-Eurosur u l-kapaċitajiet tal-aġenziji kollha.

Wara li jiżguraw is-sigurtà tal-persuni, id-dgħajjes użati jew maħsuba biex jintużaw mit-traffikanti għandhom ikunu rmunkati b'mod sistematiku lejn l-art jew jintremew fil-baħar. Il-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-Frontex, se jipprovdu lill-Istati Membri b’appoġġ finanzjarju u tekniku biex id-dgħajjes jiġu rmunkati sax-xtut u jiġu skreppjati. Dawn l-isforzi għandhom jitqiesu flimkien mat-twaqqif tal-operazzjoni tal-PSDK biex jagħtu l-kontribut tagħhom biex ifixklu n-netwerks ta’ migranti.

It-traffikanti jitneħħewlhom il-profitti tagħhom

Investigazzjonijiet finanzjarji proattivi biex jiġu kkonfiskati u irkuprati l-assi kriminali, u t-teħid ta’ azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, huma kruċjali biex in-netwerks kriminali involuti fit-traffikar tal-migranti jiddgħajfu. L-UE għandha żżid il-kooperazzjoni mal-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja u netwerks rilevanti oħra dwar il-flussi finanzjarji fil-qasam tat-traffikar tal-migranti.

Kif stipulat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-infurzar tal-liġi jrid ikollu l-kapaċità li jenfassizza fuq il-finanzjament ta’ gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar ta’ migranti. Il-prijorità tal-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi u n-Network tal-Interaġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN) għandha tkun fuq il-flus marbuta ma’ gruppi ta' traffikanti ta' migranti. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenziji rilevanti tal-UE, se tagħti bidu għal kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji, bħal banek, fornituri ta’ servizzi ta’ trasferiment ta’ kreditu u emittenti ta' karti ta’ kreditu fuq l-intraċċar tal-assi konnessi ma’ traffikanti tal-migranti. Barra minn hekk, l-UE għandha żżid b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi, li jippermettu l-intraċċar u l-konfiska ta’ rikavat mill-kriminalità f’pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-migranti.

Tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali kontra t-traffikar tal-migranti

Għandu jiġi stabbilit punt uniku ta’ kuntatt għat-traffikar ta’ migranti f’kull Stat Membru biex jissaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali, il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ xulxin u mal-Aġenziji tal-UE.

Il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp ta’ Kuntatt tal-Aġenziji tal-UE dwar it-traffikar tal-migranti, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Aġenziji rilevanti tal-UE.

B’mod parallel, se jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Aġenziji tal-UE biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-migranti. II-Eurojust għandha twaqqaf grupp tematiku dwar it-traffikar ta’ migranti li jsaħħaħ u jifformalizza l-kooperazzjoni bejn il-prosekuturi nazzjonali u jtejjeb l-assistenza legali reċiproka.

Appoġġ għall-bini ta’ kapaċità biex jgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jnaqqsu t-traffikar tal-migranti huwa essenzjali, bħalma huwa l-użu tal-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta u l-għoti ta’ assistenza reċiproka f’każijiet ta’ traffikar ta’ migranti. Il-Eurojust tista’ tagħti kontribut akbar permezz tal-finanzjament tal-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta u appoġġ għal assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari s-CEPOL u l-Europol, kif ukoll in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, se jfasslu l-ħtiġijiet ta’ taħriġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex il-bini ta’ kapaċità jkun indirizzat aħjar. Dan għandu jinkludi taħriġ personalizzat għall-ġudikatura, l-infurzar tal-liġi, il-gwardji tal-fruntiera u l-awtoritajiet konsulari dwar il-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali se tiżviluppa d-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-migranti involuti fit-traffikar.

L-azzjonijiet kontra t-traffikar tal-migranti skont iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għal kriminalità internazzjonali organizzata u serja se jiżdiedu, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera dwar frodi ta' dokumenti, żwiġijiet ta' konvenjenza, u forom oħra ta’ abbuż ta’ proċeduri ta’ dħul u ta’ residenza legali.

Azzjonijiet speċifiċi

Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar ta’ migranti sal-2016

Il-kompilazzjoni ta’ lista ta’ bastimenti suspettużi u l-monitoraġġ ta’ dawn il-bastimenti

Appoġġ lill-Istati Membri biex id-dgħajjes maħsuba biex jintużaw mit-traffikanti jiġu rmunkati lejn ix-xtut jew jintremew fil-baħar.

It-tnedija ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji biex jitħaffu l-investigazzjonijiet finanzjarji.

L-istabbiliment ta’ punt ta’ kuntatt uniku dwar it-traffikar tal-migranti f’kull Stat Membru

It-twaqqif ta’ Grupp ta’ Kuntatt tal-Aġenziji tal-UE dwar it-traffikar tal-migranti

Il-ħolqien ta’ grupp tematiku tal-Eurojust dwar it-traffikar tal-migranti

2.Il-ġbir u l-iskabju aħjar ta’ informazzjoni

Il-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-modus operandi, ir-rotot, il-mudelli ekonomiċi ta' netwerks tat-traffikar, dwar rabtiet mat-traffikar tal-bnedmin u reati oħra, u dwar trasferimenti finanzjarji, huwa kruċjali biex dan jiġi indirizzat b’mod effettiv. 

Fil-preżent, l-għarfien u l-informazzjoni dwar it-traffikar tal-migranti huma rari, minħabba n-natura moħbija u li qed tinbidel b’pass mgħaġġel ta’ dan ir-reat. Il-modus operandi tan-netwerks jiddependi ħafna fuq ir-reġjun u ċ-ċirkustanzi tal-migrant li qed iħallas. Il-kisba ta’ informazzjoni speċifika fil-livell reġjonali hija kruċjali. L-organizzazzjonijiet kriminali involuti fit-traffikar tal-migranti jistgħu jkunu attivi kemm f’negozji leġittimi u dawk illeċiti, għalkemm in-nuqqas ta’ riċerka u evidenza jnaqqas il-fehim tagħna ta’ dawn ir-rabtiet.

Il-kapaċitajiet tal-Aġenziji tal-UE biex tinġabar u tiġi skambjata l-informazzjoni dwar it-traffikar tal-migranti għandhom jissaħħu. Għandu jsir użu sħiħ tal-analiżi tar-riskju dwar ir-rotot tat-traffikar tal-migranti magħmula mill-Frontex. Bħala parti mill-azzjonijiet immedjati msemmija fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Punt Fokali tal-Europol dwar it-traffikar tal-migranti u t-Tim Operattiv Konġunt (JOT) MARE għandu jissaħħaħ, biex isir iċ-ċentru ta’ informazzjoni tal-UE għall-każijiet ta’ traffikar ta’ migranti bil-baħar. Fil-qafas ta’ JOT MARE, għandu jintużan tim operattiv ad hoc biex tissaħħaħ il-ġbir tal-informazzjoni kif ukoll il-kapaċitajiet operazzjonali. Il-Frontex u l-operazzjoni l-ġdida proposta tal-PSDK, EUNAVFOR MED, għandhom ikunu assoċjati mill-qrib mat-tim, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni effettiva.

It-tisħiħ tal-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni f’pajjiżi terzi

Il-kapaċitajiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni għandhom jissaħħu, permezz tal-użu tal-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropej f’pajjiżi ewlenin. Dawn għandhom jiġu integrati fin-Netwerk eżistenti tal-Uffiċjali ta’ Kollegament għall-Immigrazzjoni (ILOs) u marbuta mal-Aġenziji rilevanti tal-UE. Fl-2016 il-Kummissjoni se tevalwa u tikkunsidra reviżjoni possibbli tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ILOs 8 biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jiksbu u jikkondividu informazzjoni rilevanti.

Il-kooperazzjoni ma' uffiċċji reġjonali tal-Interpol f’pajjiżi Afrikani ewlenin għandha tissaħħaħ, biex jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija dwar it-traffikar tal-migranti. Il-Komunità tal-Intelligenza Afrika-Frontex (AFIC) għandha tiġi żviluppata aktar bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-analiżi konġunta ma’ pajjiżi terzi. Għandha tiġi kkunsidrata t-tnedija ta’ pjattaformi simili f’reġjuni ewlenin oħra.

L-iżgurar ta' użu sħiħ tal-għodod disponibbli biex tinġabar informazzjoni

L-UE għandha tiżviluppa aktar il-monitoraġġ fiż-żona prefruntiera għall-identifikazzjoni bikrija ta’ traffikanti u għall-prevenzjoni ta' tluq irregolari ta’ migranti, inkluż permezz tal-użu tal-għodod tal-Frontex, bħall-Eurosur. Il-potenzjal tal-użu ta’ immaġni satellitari wara l-ftehim iffirmat mill-Frontex u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE Sat Cen għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ. Is-sistemi tal-IT tal-UE (pereż. SIS II, VIS) u n-Netwerk Ewropew tal-Frodi tad-Dokumenti għandhom jintużaw biex titjieb l-analiżi tar-riskju u tkun tista' ssir identifikazzjoni ta’ dħul u permanenza irregolari permezz ta' dokumenti li "jixxiebhu" jew iffalsifikati, jew tpartit ta' nazzjonalità.

Il-kooperazzjoni bejn in-netwerks u l-aġenziji rilevanti tal-UE, u l-Interpol, għandhom jissaħħu. L-aġġornament u l-użu usa’ ta’ għodod li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-irregolaritajiet frodulenti ta' dokumenti ta' identifikazzjoni u tal-ivvjaġġar, bħal Dial-Doc tal-Interpol u l-Manwal ta’ Referenza tal-Frontex għall-gwardja tal-fruntieri u uffiċjali għall-infurzar tal-liġi, għandhom jiġu kkunsidrati.

L-approċċ Hotspot li ġie mniedi mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni għandu jippermetti lill-Aġenziji tal-UE biex jipprovdu appoġġ sostanzjali fil-post lill-Istati Membri li jinsabu fil-fruntiera, biex jindirizzaw it-traffikar tal-migranti. L-Europol, f’kooperazzjoni mal-Frontex u l-Eurojust, għandhom jużaw timijiet mobbli konġunti biex jipprovdu appoġġ operattiv u informazzjoni fuq il-post lill-Istati li jinsabu fil-fruntiera. Se jintużaw timijiet imħarrġa dwar l-informazzjoni u l-iskrinjar b’mod aktar wiesa’ biex jintervistaw lill-migranti mal-wasla fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-konċentrazzjoni li tinħoloq u l-fużjoni ta’ informazzjoni għandhom jgħinu fl-investigazzjonijiet.

Barra minn hekk, il-proċeduri standard għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-iffaċilitar tal-migrazzjoni irregolari fi stadju xieraq matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-ażil tal-UE, b’konformità sħiħa mad-drittijiet umanitarji internazzjonali u l-liġi dwar ir-refuġjati, għandhom jiġu żviluppati, abbażi tal-proġett pilota mwettaq mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri rigward il-ġbir ta’ informazzjoni dwar it-traffikar ta’ migranti irregolari maqbuda, b’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. Dawn se jiġu inklużi fil-manwal dwar ir-ritorn, li l-Kummissjoni se tippreżenta fl-2015.

Il-monitoraġġ tal-kontenut tal-internet u l-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien

It-traffikanti jużaw l-internet biex jiġbdu lil migranti. L-Europol se jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jidentifikaw u, fejn xieraq, jitolbu t-tneħħija ta’ kontenut tal-internet użat mit-traffikanti, f’konformità mal-liġi nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ fornituri tas-servizzi tal-internet u l-midja soċjali. L-Eurojust se jkompli jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika u jidentifika l-isfidi dwar il-ġbir u l-użu ta’ evidenza elettronika fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet marbuta ma' traffikar tal-migranti, bis-salvagwardji meħtieġa.

Ir-riċerka u l-analiżi tar-riskju dwar ir-rabtiet bejn it-traffikar u atti kriminali oħra huma essenzjali biex jitnaqqas id-distakk tal-għarfien f’dan il-qasam, b’mod partikolari dwar it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament tax-xogħol, id-drogi u prodotti oħra, it-terroriżmu. Ir-rabtiet bejn it-traffikar tal-migranti u d-delitti finanzjarji għandhom jiġu eżaminati mill-qrib, f’kooperazzjoni mat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja. 

Bl-appoġġ tal-Aġenziji tal-UE rilevanti, il-Kummissjoni se żżid il-ġabra ta’ statistika dwar il-kriminalità biex tinkludi dejta dwar it-traffikar tal-migranti.

Azzjonijiet speċifiċi

Użu ta’ uffiċjali ta’ kollegament Ewropej fir-rigward tal-migrazzjoni f'Delegazzjonijiet ewlenin tal-UE

Evalwazzjoni, fl-2016, u reviżjoni possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Uffiċjali ta’ Kollegament għall-Immigrazzjoni

It-tisħiħ ta’ JOT MARE bħala ċentru tal-informazzjoni dwar it-traffikar ta’ migranti tal-UE

Żvilupp ulterjuri tal-Komunità tal-Intelligenza Afrika-Frontex

Sorveljanza msaħħa fiż-żona prefruntiera b’użu sħiħ tal-Eurosur

Żieda tal-appoġġ tal-Europol biex jiġi identifikat il-kontenut tal-internet użat mit-traffikanti

Inklużjoni tad-dejta dwar it-traffikar ta’ migranti fil-ġbir regolari tal-Eurost tal-istatistika dwar il-kriminalità

3.Prevenzjoni mtejba ta’ traffikar u assistenza lill-migranti vulnerabbli

Li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tat-traffikar u l-migrazzjoni irregolari, huwa kruċjali biex jiġi evitat li migranti potenzjali, inkluż persuni f'sitwazzjonijiet aktar vulnerabbli, bħat-tfal, jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi, inkluż minn pajjiżi ta’ tranżitu. L-evidenza miġbura minn migranti tikkonferma li t-traffikanti jużaw pjattaformi ta’ midja soċjali b’mod wiesa’ biex jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar is-servizzi li jipprovdu. Huwa, għalhekk, importanti li tiġi żviluppata kontronarattiva fil-midja, inkluża l-midja soċjali, biex tiżvela l-ġideb tagħhom, permezz tal-involviment ta' komunitajiet tad-diaspora fl-UE.

Il-Kummissjoni se tniedi kampanji ta’ informazzjoni u ta’ prevenzjoni f’pajjiżi ewlenin ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-migranti, b'kooperazzjoni mas-SEAE u l-pajjiżi kkonċernati, wara li jiġi vvalutat l-impatt tal-kampanji li hija tiffinanzja attwalment fl-Etjopja u n-Niġer. Dawn se jipprovdu wkoll lill-migranti potenzjali b’informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar l-opportunitajiet biex wieħed jidħol fl-UE b’mod legali.

Għajnuna lil migranti vulnerabbli

L-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi lill-migranti involuti fit-traffikar, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u n-nisa, b’assistenza u protezzjoni. Il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni, fl-2016, u stima tal-impatt dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2004/81/KE 9 dwar il-permessi ta’ residenza maħruġa lil vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin u migranti involuti fit-traffikar li jikkooperaw mal-awtoritajiet.

L-għajnuna lill-operaturi tan-negozju tipprevjeni t-traffikar tal-migranti

Il-miżuri ta’ prevenzjoni għandhom fil-mira n-negozji l-aktar milquta bit-traffikar. L-istabbiliment ta’ sħubiji ma’ operaturi tan-negozju fis-setturi l-aktar f’riskju jiġifieri fit-trasport u t-traffiku marittimu huwa kruċjali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri adegwati.

Sal-2017 il-Kummissjoni se tiżviluppa, manwal dwar il-prevenzjoni ta’ traffikar ta’ migranti, inkluż, possibbilment, il-kodiċijiet ta’ mġiba għas-sewwieqa u l-operaturi ta’ bastimenti merkantili u tas-sajd. Dan se jippreżenta l-aħjar prattiki dwar il-promozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà u kontrolli adegwati minn istituzzjonijiet pubbliċi u operaturi tan-negozju għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar it-traffikar tal-migranti għall-awtoritajiet tal-fruntieri u servizzi konsulari. 

It-tisħiħ tal-effettività ta’ ritorn bħala deterrent għat-traffikar

Biex jiġi evitat li migranti potenzjali jippruvaw jilħqu l-UE permezz tal-użu ta’ servizzi ta’ traffikar, għandu jkun ċar li huma se jiġu rritornati fil-pront lejn pajjiżhom jekk ma jkollhom l-ebda dritt li joqogħdu fl-UE legalment. Għalissa, in-netwerks tat-trafikkar jużaw il-fatt li relattivament ftit deċiżjonijiet ta’ ritorn jiġu infurzati biex jattiraw lil migranti (39,2 % tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn twettqu fl-2013).

L-effettività tas-sistema tal-UE biex migranti irregolari jiġu rritornati jew dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil jiġu miċħuda, trid tissaħħaħ, b’konformità sħiħa mal-istandards u s-salvagwardji li jiżguraw ritorn dinjituż u uman, skont id-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn 10 . Kif imħabbar fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, u fuq il-bażi tal-evalwazzjoni kontinwa li għandha tiġi konkluża din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi li temenda l-bażi legali tal-Frontex biex issaħħaħ ir-rwol tagħha dwar ir-ritorn.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) għandha tintuża aħjar biex jiġu infurzati d-deċiżjonijiet ta’ ritorn. Il-Kummissjoni se tevalwa s-SIS fl-2015-2016. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà u l-proporzjonalità biex tintroduċi deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-Istati Membri fis-SIS, biex itejbu t-traċċabilità tagħhom. Dan jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jivverifikaw jekk migrant irregolari maqbud huwiex soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li jkun obbligatorju li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jintroduċu projbizzjonijiet ta’ dħul kollha fis-SIS, biex jippermettu l-infurzar tagħhom mal-UE kollha, li skont il-qafas legali tas-SIS attwali dan mhux obbligatorju. Il-fatt li l-projbizzjonijiet ta’ dħul kollha jkunu introdotti fis-SIS għandu jgħin biex jiġi evitat id-dħul mill-ġdid fiż-żona Schengen ta’ migranti irregolari, li kienu soġġetti għal projbizzjoni ta' dħul maħruġa minn Stat Membru permezz ta' Stat Membru ieħor.

Sabiex jiġi żgurat li r-ritorn ikun sostenibbli, il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza teknika lil pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-migranti, sabiex tgħin biex jitjiebu l-kapaċitajiet tagħhom ħalli jintegraw persuni rimpatrijati. L-UE għandha wkoll tagħmel sforzi aktar qawwija biex tikkonvinċi lill-pajjiżi terzi biex jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom li huma preżenti b’mod irregolari fl-Ewropa, li huwa obbligu internazzjonali. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tipproponi l-ftuħ ta’ negozjati għall-ftehimiet tal-UE dwar ir-riammissjoni mal-pajjiżi prinċipali ta’ oriġini tal-migranti irregolari. Obbligu speċifiku dwar ir-riammissjoni jeżisti fil-Ftehim ta’ Cotonou mal-pajjiżi tal-AKP 11 .

Biex jitnaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari u l-isfruttament tal-immigranti, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni aktar b’saħħitha kontra l-impjieg ta’ migranti irregolari. Dan se jtejjeb l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-impjieg ta’ migranti irregolari, billi jtejjeb l-identifikazzjoni u billi jiżdiedu l-kontrolli. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tidentifika l-miri fir-rigward tan-numru ta’ spezzjonijiet li għandhom isiru kull sena fis-setturi ekonomiċi l-aktar esposti għal impjieg illegali 12 bħall-kostruzzjoni, l-agrikoltura u l-ortikultura, ix-xogħol tad-dar/tindif u s-setturi tas-servizzi tal-forniment tal-ikel u l-ospitalità.

Azzjonijiet speċifiċi

Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ prevenzjoni f’pajjiżi terzi dwar riskji ta’ traffikar

It-tnedija ta’ konsultazzjoni, fl-2016, u valutazzjoni tal-impatt dwar reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2004/81/KE dwar il-permessi tar-residenza.

Żvilupp ta’ manwal dwar il-prevenzjoni tat-traffikar ta’ migranti sal-2017

Żvilupp ta’ linji gwida għas-servizzi konsulari u l-awtoritajiet tal-fruntieri

L-evalwazzjoni tal-qafas legali tal-UE dwar is-SIS biex jiġu eżaminati modi biex tittejjeb l-effikaċja tar-ritorn u titnaqqas il-migrazzjoni irregolari

Proposti biex jinfetħu negozjati rigward ir-riammissjoni mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini tal-migranti irregolari

Jiġu definiti l-miri fir-rigward tal-għadd ta’ spezzjonijiet li għandhom isiru kull sena fis-setturi ekonomiċi l-aktar esposti għal impjieg illegali

4.Kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi

Kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi li jinsabu fir-rotta kollha tat-traffikar hija essenzjali biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-migranti u biex tintemm l-impunità permezz ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi. Din għandha titqies b’rabta mal-isforzi kontinwi tal-UE biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-kawżi tal-migrazzjoni irregolari, b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. L-enfasi għandu jkun fuq l-appoġġ rigward il-ġestjoni tal-fruntieri, iż-żgħażagħ u l-impjiegi, il-mobilità.

Is-SEAE u l-Kummissjoni se jniedu jew isaħħu l-oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali u reġjonali mas-sħab rilevanti billi jiffokaw fuq il-miżuri prattiċi biex jindirizzaw it-traffikar tal-migranti, inkluż permezz tal-Proċessi ta' Rabat, Khartoum, il-Proċessi ta' Budapest u Praga, id-Djalogu bejn l-AKP u l-UE, id-Djalogi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn l-UE u l-Afrika u s-Summit ta' Malta ddedikat għall-migrazzjoni. Fejn meħtieġ, se jiġu stabbiliti Gruppi ta’ Ħidma Speċifiċi bħal dak ippjanat fuq in-Niġer. Għandu jsir użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta’ djalogu politiku skont il-Ftehim ta’ Cotonou bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-UE, u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll l-oqfsa multilaterali rilevanti. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, li għandhom sfida komuni fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari, hija kruċjali.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi sħab biex isiru Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar tal-Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru. Il-Kummissjoni se tipprovdi fondi għall-proġetti li jappoġġaw pajjiżi terzi fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni f’konformità mal-Protokoll.

Provvediment ta' bini ta’ kapaċità lil pajjiżi terzi

Minħabba li kapaċitajiet dgħajfa tal-infurzar tal-liġi jxekklu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni, kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' traffikar f’pajjiżi terzi, it-trasferiment ta’ ħiliet u riżorsi huwa essenzjali.

Il-Kummissjoni u s-SEAE se jżidu l-assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi terzi, biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali kontra t-traffikar tal-migranti, il-politiki ta' kontra l-korruzzjoni li jindirizzaw it-traffikar ta’ migranti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sistemi integrati ta’ ġestjoni għall-fruntieri. Dan għandu jinkludi analiżi tar-riskju, kontroll konġunt fuq il-fruntieri u pattulji tal-fruntieri, żieda fis-sigurtà ta’ passaporti, dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità, u għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-fruntieri biex jidentifikaw il-frodi ta’ dokumenti ta’ identità. It-tisħiħ ta’ missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK bħal EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali, rigward il-ġestjoni tal-fruntieri, se jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Koordinazzjoni effettiva bejn l-għodod differenti tal-UE trid tiġi żgurata u mtejba kif meħtieġ, inkluż permezz ta’ ipprogrammar konġunt u l-Fondi Fiduċjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni se tipprovdi finanzjament sostanzjali biex tgħin fit-tisħiħ tal-pulizija tal-pajjiżi terzi u r-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-traffikar. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ pajjiżi individwali, kif ukoll it-trawwim ta’ kooperazzjoni bejniethom, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, taħriġ reġjonali konġunt u investigazzjonijiet konġunti. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju u tekniku biex jibdew jew jittejbu l-ġbir, il-kondiviżjoni u l-analiżi tad-dejta dwar it-traffikar tal-migranti bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni.

Żieda tal-koerenza u l-impatt tal-azzjoni tal-UE f’pajjiżi terzi

L-azzjoni flimkien, l-ikkombinar ta’ fondi, l-għarfien espert u l-ħiliet rispettivi se jgħinu biex iżidu l-impatt tal-azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti barra mill-pajjiż. It-titjib tal-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti huwa prekondizzjoni biex isir l-aktar impatt possibbli u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

L-UE għandha tistabbilixxi kooperazzjoni u koordinazzjoni tal-UE rigward it-traffikar ta’ migranti f’pajjiżi terzi ta’ prijorità ta’ oriġini u ta’ tranżitu, billi tlaqqa' flimkien regolarment in-Netwerks tal-ILOs, l-uffiċjali Ewropej ta’ kollegament fir-rigward tal-migrazzjoni, l-Uffiċjali ta’ Kollegament tal-Aġenziji tal-UE, ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IOM, l-UNHCR, l-UNODC u l-Interpol. Pjattaformi bħal dawn għandhom jippermettu wkoll allinjament sħiħ bejn il-politiki interni u esterni tal-UE li jindirizzaw it-traffikar tal-migranti.

L-ippjanar konġunt jew koordinat tal-UE u l-appoġġ tal-Istati Membri għall-pajjiżi terzi rigward it-traffikar tal-migranti, ibbażat fuq tfassil ta’ azzjonijiet f’pajjiżi u reġjuni ewlenin, għandu jippermetti l-aqwa użu tar-riżorsi.

Azzjonijiet speċifiċi

It-tnedija jew it-tisħiħ ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali u reġjonali

Il-finanzjament ta’ proġetti biex jiġu appoġġati l-pajjiżi terzi, jinħolqu strateġiji dwar it-traffikar tal-migranti, jiżdied ir-rispons tal-pulizija u dak ġudizzjarju, tiġi żviluppata ġestjoni integrata tal-fruntieri

It-twaqqif ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-migranti f’pajjiżi u reġjuni terzi rilevanti

L-aħjar użu tal-fondi tal-UE permezz ta’ ppjanar konġunt jew koordinat

(1)

     Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni: Vjaġġi Fatali - Intraċċar tal-Ħajjiet Mitlufa waqt il-Migrazzjoni, 2014.

(2)

     Dejta mill-Aġenzija tal-UE għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), 2015.

(3)

     Idem.

(4)

     Id-differenza bejn it-tnejn hija li fil-każ tal-ewwel, il-migranti jipparteċipaw minn jeddhom fil-proċess ta’ migrazzjoni irregolari billi jħallsu għas-servizzi ta’ traffikant sabiex jaqsmu fruntiera internazzjonali, filwaqt li l-każ tal-aħħar jinvolvi vittmi, li jkunu mġiegħla fi sfruttament estrem li jista' jkun marbut mal-qsim ta' fruntiera jew le. Mhumiex faċli li ż-żewġ fenomeni jinfirdu minn xulxin minħabba li persuni li jibdew il-vjaġġi tagħhom b'mod volontarju huma wkoll vulnerabbli għal netwerks ta’ sfruttament tax-xogħol jew sesswali.

(5)

     L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016, COM(2012)286 finali.

(6)

     L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà u l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016.

(7)

     Fl-2002, l-UE adottat regoli biex issaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti, l-hekk imsejjaħ “Pakkett tal-Faċilitaturi”, li huwa magħmul mid-Direttiva 2002/90/KE li tistabbilixxi definizzjoni komuni tar-reat tal-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati.

(8)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni; ĠU L 64/1, 2.3.2004.

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti. ĠU L 261/1, 6.8.2004, p. 19–23.

(10)

Il-Premessa 29, tad-Direttiva 2008/115/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348 98, 24.12.2008, p. 98-107.

(11)

  Skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Cotonou, kull Stat tal-AKP jaċċetta r-ritorn u riammissjoni ta' kull ċittadin tiegħu li jkun illegalment preżenti f'terrotorju ta' xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq talba ta' dak l-Istat Membru u mingħajr aktar formalitajiet. Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta' kull ċittadin li huwa illegalment preżenti f'territorju ta' xi Stat tal-AKP, fuq talba ta' dak l-Istat, mingħajr aktar formalitajiet.