|
18.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/35 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro”
[COM(2015) 601 finali]
(2016/C 177/06)
|
Relatur: |
is-Sur Thomas DELAPINA |
|
Korelatur: |
is-Sur David CROUGHAN |
Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-
“Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro”
[COM(2015) 601 final].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.
Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jeżamina sa fejn il-Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-żona tal-euro jistgħu jgħinu biex jinkiseb it-titjib meħtieġ fil-governanza tal-politika ekonomika billi jnaqqsu d-diverġenza bejn il-membri tal-UEM u ma jħalluhiex tiġri fil-ġejjieni, billi jaġixxu ta’ riflessjoni għall-politika ekonomika u soċjali u billi jsaħħu l-fokus Ewropew billi jkunu konnessi f’netwerk taż-żona tal-euro. |
|
1.2. |
Il-kompetittività mhijiex għan fih innifsu. Hija biss għan raġonevoli jekk ittejjeb il-benesseri tan-nies fil-prattika. Fil-fehma tal-KESE, il-kontinwazzjoni tal-politika attwali mhijiex għażla. L-istrateġija unilaterali li kellha l-għan li ttejjeb il-kompetittività fil-pajjiżi tal-UEM bit-tnaqqis tal-ispejjeż u ż-żieda fl-esportazzjoni fil-verità ggravat l-impatt tal-kriżi jekk xejn għaliex hija bbażata fuq definizzjoni dejqa wisq tal-kompetittività. |
|
1.3. |
Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li fil-ġejjieni tintuża definizzjoni aġġornata tal-kompetittività (“competitiveness 2.0”), u jiġu kkunsidrati l-kunċetti proposti fil-proġett WWWforEurope ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Din id-definizzjoni riveduta hija kompatibbli mal-għanijiet tal-Ewropa 2020, li jinkludu wkoll l-għanijiet ta’ “Il-PDG u lil hinn”. Fiha l-kompetittività hija ddefinita bħala “l-kapaċità ta’ pajjiż (reġjun, post) li jilħaq l-għanijiet tal-PDG u lil hinn għaċ-ċittadini tiegħu”. Skont dan l-approċċ, il-kompetittività hija bbażata fuq tliet pilastri: l-introjtu, il-fatturi soċjali u s-sostenibbiltà. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jħeġġeġ biex diskussjonijiet futuri jirreferu għal “bordijiet għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà” u mhux għal “bordijiet tal-kompetittività”. |
|
1.4. |
Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi kjarifika dwar numru ta’ punti sabiex l-attivitajiet ta’ dawn il-Bordijiet għall-Kompetittività, il-Koeżjoni Soċjali u s-Sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu evalwati. Numru ta’ kwistjonijiet tekniċi dwar pereżempju n-nomina tal-membri, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà eċċ. għadhom ukoll mingħajr tweġiba. |
|
1.4.1. |
Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li tippermetti lill-Istati Membri jfasslu l-bordijiet nazzjonali tagħhom bl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet ġodda jew bl-adattament tal-mandat ta’ korpi eżistenti, sakemm dawn ikunu indipendenti u l-għan tagħhom la jkun li jinterferixxu fil-proċess tal-iffissar tal-pagi u fir-rwol tal-imsieħba soċjali u lanqas li jarmonizzaw is-sistemi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi. Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u l-korpi eżistenti, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq eżerċizzju ta’ mmappjar (il-ħidma tal-FMI, l-OECD, kumitati eżistenti, korpi nazzjonali u korpi oħra potenzjalment utli, eċċ.). Tali reviżjoni komprensiva hija importanti għaliex tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet billi tagħmilha possibbli li jiġi stmat il-valur miżjud tal-bordijiet proposti, li titwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u li tiġi stmata l-ħtieġa għal korpi addizzjonali. |
|
1.4.2. |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti dwar kif jistgħu jitħarsu r-rekwiżiti meħtieġa:
|
|
1.5. |
Il-KESE diġà ressaq proposti speċifiċi għall-approfondiment tal-UEM qabel l-aħħar pakkett tal-Kummissjoni – proposti li għandhom jiġu implimentati.
|
2. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
|
2.1. |
Fil-Komunikazzjoni tagħha Dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kummissjoni tipproponi li tkompli tikkonsolida ż-żona tal-euro sal-bidu tal-2017 (Stadju 1 – “tisħiħ bil-prattika”, li beda fil-15 ta’ Lulju 2015) u mbagħad, abbażi ta’ punti ta’ riferiment għal tiġdid ta’ konverġenza akbar tal-ekonomiji taż-żona tal-euro, għandhom isiru riformi aktar fundamentali lejn viżjoni ta’ perspettivi ġodda ta’ tkabbir fuq medda minn medja sa twila (Stadju 2 – “Nikkompletaw l-UEM”). Wieħed mill-elementi ewlenin tal-Ewwel Stadju huwa sett ta’ għodod imtejba ta’ governanza ekonomika, inkluża l-proposta li l-Kunsill jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro (kif ukoll l-inkoraġġiment lil Stati Membri oħrajn sabiex joħolqu korpi simili). |
|
2.2. |
L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li l-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert nazzjonali indipendenti tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jassumu r-responsabbiltà huma stess għall-miżuri u r-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali. L-għan huwa li jiġu stabbiliti bordijiet nazzjonali tal-kompetittività sabiex jimmonitorjaw il-prestazzjoni u l-politiki fil-qasam ta’ kunċett komprensiv tal-kompetittività, sabiex b’hekk jikkontribwixxu għat-trawwim ta’ konverġenza ekonomika sostnuta u għaż-żieda tas-sjieda tar-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-rakkomandazzjoni u, wara 12-il xahar, il-Kummissjoni tiġi mistiedna sabiex tħejji rapport tal-progress dwar l-implimentazzjoni u l-adegwatezza ta’ din ir-rakkomandazzjoni, inkluż jekk l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti tidhirx meħtieġa. |
|
2.3. |
Il-bordijiet jimmonitorjaw ix-xejriet tal-kompetittività fl-Istati Membri individwali, speċjalment il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u l-kontenut ta’ kwalità tal-prodotti u s-servizzi b’mod relattiv għall-kompetituri globali fi żmien qasir. Il-kompetenza tal-bordijiet tkun “id-dinamiċi tal-pagi kif ukoll fatturi mhux marbuta mal-pagi u motivaturi tal-produttività u kunsiderazzjonijiet dinamiċi relatati mal-investiment, l-innovazzjoni u l-attraenza tal-ekonomija għan-negozji”. Il-bordijiet ser janalizzaw u jivvalutaw il-miżuri rilevanti u jifformulaw rakkomandazzjonijiet ta’ politika, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-prattiki stabbiliti. Il-bordijiet ser jipprovdu wkoll informazzjoni rilevanti sabiex isaħħu l-proċessi tal-iffissar tal-pagi fil-livell nazzjonali. B’konformità mal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet ta’ negozjar kollettiv u ta’ ftehim kollettiv mhux ser jiġu affettwati. |
|
2.4. |
Il-bordijiet igawdu minn indipendenza funzjonali u strutturali fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-bordijiet għandhom jikkonsultaw mal-partijiet interessati rilevanti (eż. parteċipanti jew gruppi ta’ parteċipanti nazzjonali, inkluż is-sħab soċjali, li jipparteċipaw fid-djalogu ekonomiku u soċjali tal-Istat Membru fuq bażi regolari) imma m’għandhomx jittrażmettu biss jew prinċipalment l-opinjonijiet u l-interessi ta’ grupp partikolari ta’ partijiet interessati. |
|
2.5. |
Il-bordijiet għandhom ifasslu rapporti annwali. Sabiex tiżgura li ż-żona tal-euro u l-għanijiet tal-Unjoni jkunu kkunsidrati, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkoordina l-ħidma tal-bordijiet, bil-konsultazzjoni ssir bejn iż-żewġ naħat waqt li jkunu qegħdin jitfasslu r-rapporti u matul il-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti fl-Istati Membri. Ir-rapporti ser iservu wkoll ta’ tagħrif għall-analiżi tal-Kummissjoni b’rabta mas-Semestru Ewropew u l-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jħaddan l-istess konvinzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jeħtieġ li l-UEM tittejjeb u tissaħħaħ; huwa għadda din ir-rimarka u għamel proposti speċifiċi f’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu. Il-Kumitat ifaħħar ukoll il-passi pożittivi li ttieħdu mill-Kummissjoni u jesprimi l-fehma tiegħu li koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi nazzjonali hija assolutament essenzjali sabiex jitneħħew l-iżbilanċi eżistenti u jkun inqas probabbli li l-iżbilanċi jerġgħu jidhru fil-ġejjieni. Parti sinifikanti mill-valur miżjud ta’ dawn il-bordijiet nazzjonali tista’ tkun il-konnessjoni tagħhom f’netwerk taż-żona tal-euro ta’ bordijiet oħra bħalhom li ssaħħaħ il-fokus Ewropew tad-dibattitu politiku bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
|
3.2. |
Madankollu, din il-problema mhijiex qed tiġi indirizzata b’mod adegwat mill-politiki attwali: huma meħtieġa strumenti aħjar għall-ġestjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE jilqa’ bis-sħiħ ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjiegi u l-għanijiet soċjali u li s-“sjieda” tal-isforzi ta’ riforma għandha tissaħħaħ. Il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tappella għal aktar involviment mill-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali, kif ukoll għall-inklużjoni tal-imsieħba soċjali nazzjonali, permezz tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni, fil-proċess tas-Semestru Ewropew fil-livell nazzjonali. Il-bordijiet nazzjonali, stabbiliti bl-involviment sħiħ tal-partijiet interessati kollha jistgħu jsiru mera utli li tirrifletti l-impatt ekonomiku u soċjali tal-azzjonijiet ta’ politika attwali u prospettivi. |
|
3.3. |
Fil-każ tal-Istati Membri li imbarkaw fuq politika monetarja waħdanija (munita waħda, rata tal-imgħax waħda) bi probabbiltà żgħira li din tista’ fi żmien medju jew qatt xi darba ssir unjoni ekonomika, soċjali u fiskali sħiħa bħal f’unjoni kompletament federali, il-korrezzjoni tal-iżbilanċi bl-adattament tar-rata tal-kambju nominali ma għadhiex għażla possibbli. Sa issa, l-isforzi sabiex tingħata spinta lill-kompetittività fiż-żona tal-euro kienu essenzjalment limitati għal għan definit b’mod ristrett, jiġifieri t-titjib tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u tal-kontijiet kurrenti, ta’ spiss permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li jista’ jkun kontroproduttiv. Il-politika attwali ma setgħetx telimina l-iżbilanċi u l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi. Għall-kuntrarju, f’xi każijiet, il-miżuri adottati fil-fatt komplew isaħħuhom (1) minħabba li saret wisq enfasi fuq il-politika ta’ awsterità purament fuq in-naħa tal-provvista, li naqqset id-domanda, filwaqt li kompliet iżżid il-qgħad, l-iżbilanċi pubbliċi u l-inugwaljanza soċjali. Hekk kif l-emerġenza ta’ żbilanċi tista’ tirriżulta f’realtajiet ħorox jekk ma jiġux indirizzati fil-ħin, huma meħtieġa strumenti tal-politika ġodda biex jiġi evitat li l-piż kollu tal-adattament jinġarr biss mill-pagi u s-swieq tax-xogħol. |
|
3.4. |
Għalkemm fir-rakkomandazzjoni tagħha l-Kummissjoni titkellem favur “kunċett komprensiv ta’ kompetittività”, il-KESE jirrimarka li lura fl-2002 il-Kummissjoni kienet ippubblikat definizzjoni ferm aktar wiesgħa tat-terminu, jiġifieri “l-ħila tal-ekonomija li tipprovdi lill-popolazzjoni tagħha b’livelli ta’ għajxien għolja u li qed jogħlew u rati għolja ta’ impjieg fuq bażi sostenibbli” (2). Fil-proġett WWWforEurope (3) ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, din id-definizzjoni ġiet approfondita bil-kopertura tal-għanijiet “Il-PDG u lil hinn” bħall-inklużjoni soċjali u l-ambjent sostenibbli fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020 (4). Fiha l-kompetittività hija ddefinita bħala “l-kapaċità ta’ pajjiż (reġjun, post) li jilħaq l-għanijiet tal-PDG u lil hinn għaċ-ċittadini tiegħu” (5). Il-kompetittività titkejjel abbażi ta’ tliet pilastri: il-pilastru tal-introjtu (inkluż l-introjtu disponibbli tal-familja u n-nefqa tal-konsumaturi), il-pilastru soċjali (l-impatt soċjo-ekonomiku ta’ sistema, bħar-riskju ta’ faqar, inugwaljanza u qgħad fost iż-żgħażagħ) u l-pilastru ambjentali, li jkejjel il-produttività tar-riżorsi, l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra, l-intensità tal-enerġija u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-aġenda diġitali. Dan ma jimplikax li l-iżbilanċi (bħall-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti) jistgħu jiġu injorati kif wieħed seta’ jara wara l-kriżi finanzjarja. |
|
3.5. |
Biex jiġi żgurat li tinftiehem id-definizzjoni komprensiva ta’ kompetittività (“competitiveness 2.0”), il-KESE jissuġġerixxi li d-diskussjonijiet futuri jsiru taħt l-intestatura ta’ “bordijiet għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà” minflok dik ta’ “bordijiet tal-kompetittività”. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Hemm għadd numeruż ta’ istituzzjonijiet u proċeduri fil-livell internazzjonali (inklużi l-FMI u l-OECD, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea) li jimmonitorjaw il-kompetittività u joħorġu rakkomandazzjonijiet ta’ politika rilevanti. Fil-livell nazzjonali wkoll, hemm ħafna korpi, bħal istituti indipendenti tar-riċerka ekonomika, uffiċċji tal-istatistika u kunsilli ekonomiċi u soċjali, li jittrattaw kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni tinnota li l-istabbiliment tal-bordijiet tal-kompetittività jista’ jibni fuq l-istituzzjonijiet u l-ħidma eżistenti, għaliex xi pajjiżi diġà għandhom korpi bħal dawn u f’pajjiżi oħra jistgħu jintużaw korpi li diġà jeżistu. Madankollu, huwa importanti li l-bordijiet ikunu indipendenti u r-rwol konsultattiv tagħhom jirrifletti b’mod adegwat il-ġudizzju espert ifformulat fl-interess ġenerali. |
|
4.2. |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir rapport ta’ progress fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, dwar l-implimentazzjoni u l-idoneità ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività. Qabel l-istabbiliment tal-bordijiet, għandu jsir eżerċizzju ta’ mmappjar li jevalwa l-attivitajiet u l-effettività tal-korpi eżistenti u ta’ dawk li potenzjalment jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Tali reviżjoni komprensiva li tinkludi l-kompetenza tal-imsieħbasoċjali tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet billi tagħmilha possibbli li jiġi stmat il-valur miżjud ta’ dawn il-bordijiet, titwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jiġi stmat jekk hemmx il-ħtieġa għal korpi addizzjonali. |
|
4.3. |
Il-Kummissjoni bir-raġun kollu tibqa’ tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-politika permezz tal-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-partijiet interessati rilevanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. Għalhekk, il-KESE jitlob biex il-korpi responsabbli demokratikament ikunu involuti kif xieraq fil-kwistjonijiet tan-nomina u r-ratifika tal-membri tal-bord, tas-setgħat, tat-tfassil tal-programmi ta’ ħidma, tal-forniment ta’ rapporti u kontijiet eċċ. li jeħtieġ li jiġu ċċarati jekk jiġu stabbiliti l-bordijiet. |
|
4.4. |
Qabel ma l-istabbiliment tal-bordijiet tal-kompetittività jista’ jiġi approvat, il-Kummissjoni għandha tindika l-kriterji għall-indipendenza tagħhom u għar-rappreżentazzjoni ta’ kompetenza imparzjali bbilanċjata li tirrifletti d-diversità tal-opinjonijiet inkluż dawk tal-imsieħba soċjali sabiex jitneħħew id-dubji li jeżistu dwar l-eżistenza ta’ kompetenza newtrali indipendenti. Anke l-kwistjoni tar-responsabbiltà fil-każ ta’ analiżijiet jew tbassir żbaljati mill-bordijiet jeħtieġ li tiġi ċċarata. |
|
4.5. |
Meta jinnota n-natura konsultattiva ta’ dawn il-korpi, il-KESE ifittex kjarifika mill-Kummissjoni sabiex tkun espliċita dwar in-natura mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bordijiet tal-kompetittività. Il-kwistjoni mhux vinkolanti tqum b’mod partikolari b’rabta mal-protezzjoni tal-awtonomija tal-partijiet li jinnegozjaw il-pagi. Fir-rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinnota li d-dritt tan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi ma għandux jiġi affettwat, iżda din l-assigurazzjoni, li tikkonċerna biss id-dritt garantit mit-Trattat (6), hija dgħajfa wisq. Kwalunkwe attentat biex jiġi influwenzat b’mod dirett l-iffissar tal-pagi jaqa’ kompletament barra mill-ambitu tal-kompetenza tal-bordijiet tal-kompetittività. |
|
4.6. |
Il-KESE jinnota l-kunsiderazzjoni usa’ tal-kompetittività lil hinn mill-kompetittività tal-ispejjeż. Kunsiderazzjonijiet oħra għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ żbilanċi għandhom iqisu l-karattru doppju tal-pagi (il-fattur tal-ispiża għall-intrapriżi, u l-fattur li jiddetermina d-domanda domestika; ara l-punt 5.5). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mħaddan approċċ simetriku lejn l-eċċessi u l-iżbilanċi sabiex l-iżbilanċi jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod adegwat (7). |
5. Proposti tal-KESE
|
5.1. |
Il-KESE jemmen fil-ħtieġa tal-approfondiment tal-UEM. Billi l-Kumitat identifika bosta mistoqsijiet mhux imwieġba f’din l-istima tiegħu tal-proposta tal-Kummissjoni, mistoqsijiet li jeħtieġu aktar analiżi u kjarifiki, sommarju ġej rilevanti tagħha tal-proposti ppreżentati sal-lum. Fis-snin riċenti, il-KESE adotta għadd ta’ opinjonijiet dwar is-suġġett tal- “approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (8)”, bl-iktar waħda reċenti tkun il-petizzjoni ECO/380 dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali fl-2015 (9). |
|
5.2. |
Il-KESE jressaq proposti għal inizjattivi futuri tal-UEM mill-Kummissjoni fl-opinjoni tiegħu ECO/380. Il-KESE huwa konvint li tali miżuri ser jgħinu sabiex jinġiebu fi tmiemhom id-diverġenzi fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, fl-iffissar tal-pagi u fis-sistemi soċjali, sistemi li huma meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tal-UEM u għall-approfondiment tagħha minn perspettiva soċjali u demokratika. L-approċċ tal-KESE huwa bbażat fuq l-idea li, fil-kuntest ġenerali tal-politika monetarja, baġitarja u tal-pagi, tista’ tiġi żviluppata l-kunfidenza u tista’ tinkiseb konverġenza akbar mingħajr ma tiddgħajjef l-indipendenza tan-negozjar kollettiv. |
|
5.3. |
Dan ser ikun jirrikjedi miżuri li jippromwovu d-djalogu makroekonomiku u, fuq kollox, li jistabbilixxu djalogu makroekonomiku fiż-żona tal-euro (MED-EURO). L-MED kien imniedi fl-1999 sabiex jikseb taħlita ta’ politika makroekonomika sostenibbli u orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà, jiġifieri, interazzjoni bla xkiel bejn l-iżvilupp tal-pagi u l-politika fiskali u monetarja. Dan il-forum għall-koordinazzjoni tat-tliet parteċipanti l-kbar fil-politika makroekonomika jista’, bl-involviment dirett tal-imsieħba soċjali, jagħmel kontribuzzjoni ewlenija sabiex jiggarantixxi l-koordinazzjoni meħtieġa, il-konformità mal-mira ta’ stabbiltà komuni tal-UEM u l-iżvilupp demokratiku u soċjali tal-UEM. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tiegħu għandhom jikkontribwixxu kemm għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif ukoll għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
|
5.4. |
Għal darba oħra, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rwol tal-imsieħba soċjali u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-politika. Xi tip ta’ djalogu makroekonomiku huwa wkoll ta’ benefiċċju fil-livell nazzjonali. Kien hemm tkabbir qawwi fil-kompetittività u fil-produttività, l-aktar f’dawk il-pajjiżi fejn hemm djalogu soċjali u relazzjonijiet industrijali robusti u fejn huwa garantit livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u koeżjoni soċjali. |
|
5.5. |
Is-sistema tal-iffissar tal-pagi għandha titħalla għall-imsieħba tan-negozjar kollettiv, mingħajr ebda interferenza minn barra. L-awtonomija tagħhom għandha titħares u tkun garantita bis-sħiħ. Huma għandhom l-aqwa għarfien tas-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-iffissar tal-pagi u s-swieq tax-xogħol. L-imsieħba tan-negozjar kollettiv jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-bidliet fil-pagi jħallu effetti kemm fuq l-ispejjeż kif ukoll fuq id-domanda. Huma konxji sewwa li l-allinjament taż-żidiet fil-pagi mat-tkabbir fil-produttività nazzjonali għal żmien medju, flimkien mar-rata ta’ inflazzjoni fil-mira tal-BĊE, għandu impatt newtrali f’termini ta’ prezzijiet, kompetittività, domanda domestika u distribuzzjoni tal-introjtu (10). Il-ħtieġa għat-tisħiħ tad-djalogu makroekonomiku titrawwem mill-fatt li dan l-għarfien ivarja minn Stat Membru għal ieħor u xi drabi ma jsib ebda espressjoni prattika, biex b’hekk iwassal għal żbilanċi. |
|
5.6. |
Fil-governanza taż-żona tal-euro jeħtieġ li jkun hemm involviment aktar attiv tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew. Il-KESE jappella għal kumitat kbir tal-PE li jkun jikkonsisti fil-membri parlamentari kollha miż-żona tal-euro u tal-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiha, flimkien ma’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha fost il-membri parlamentari miż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-UEM (COSAC+). |
|
5.7. |
Il-KESE jirrimarka li l-għanijiet tal-politika ekonomika għandhom isiru aktar konformi mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE u li għandhom jiġu riżolti l-kunflitti possibbli bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali. Il-miżuri kollha taħt is-Semestru Ewropew – b’konformità mal-klawżola soċjali orizzontali – għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt soċjali (11). |
|
5.8. |
Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-ġestjoni tad-domanda fi żmien qasir u programm ta’ investiment effettiv għall-ġenerazzjoni ta’ introjtu permezz ta’ tkabbir, koeżjoni soċjali u solidarjetà huma essenzjali. Dan jimplika ħtieġa għal politika baġitarja favorevoli għat-tkabbir u l-impjiegi. Għandu jkun hemm koordinazzjoni fiskali effettiva sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi jkollhom bażi ta’ introjtu xierqa. Hija meħtieġa wkoll azzjoni b’saħħitha għall-indirizzar tal-frodi fiskali, tar-rifuġji fiskali u tal-ippjanar fiskali aggressiv. |
|
5.9. |
Fuq in-naħa tal-infiq ukoll, il-Kumitat jara lok għal aktar politiki baġitarji li jiffavorixxu t-tkabbir. L-investiment pubbliku huwa għodda ewlenija għall-irkupru ekonomiku. L-investimenti meħtieġa f’oqsma mill-aktar avvanzati u fil-qasam soċjali (ir-riċerka, l-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, is-servizzi soċjali, l-akkomodazzjoni pubblika, eċċ.) mhux biss jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi fi żmien qasir, iżda wkoll iżidu l-produzzjoni potenzjali fit-tul. L-investiment u t-tkabbir, b’mod partikolari fil-pajjiżi milquta mill-kriżi, huma fundamentali għall-proċess ta’ rkupru u, b’hekk, għat-tneħħija tal-iżbilanċi. |
|
5.10. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi ma jiġux inklużi fil-kalkoli tal-bilanċ negattiv tal-baġit. Billi din hija kwistjoni ta’ nfiq li tagħti spinta lill-potenzjal ta’ tkabbir u li mir-rikavati tagħha ser jibbenifikaw ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri, il-finanzjament għandu jinfirex ukoll fuq bosta ġenerazzjonijiet. Bl-użu tal-istess raġunament, il-Kumitat għalhekk jistaqsi għal darba oħra (12) għaliex ma jistax ikun hemm trattament identiku tal-investimenti orjentati lejn il-futur bl-użu tal-baġit ġenerali, fil-forma ta’ regola tad-deheb tal-investiment. |
Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Għal deskrizzjoni dettaljata, ara l-opinjoni ECO/336 tal-KESE dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (punt 3.8 ff.), (ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44).
(2) COM(2002) 714 finali.
(3) http://www.foreurope.eu/.
(4) WWWforEurope, Dokument ta’ Ħidma Nru 84: Kompetittività u Raggruppamenti: Implikazzjonijiet għal Strateġija Ewropea Ġdida ta’ Tkabbir (Frar 2015).
(5) Ibid, p. 9.
(6) L-Artikolu 153(1) tat-TFUE: “Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma: […]” u (5): “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ strajk u lanqas għad-dritt li jiġi impost lock out”.
(7) Opinjoni tal-KESE dwar “Rieżami tal-Governanza Ekonomika” (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33) (punt 3.2.3).
(8) B’mod partikolari dwar il-pilastru politiku: ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ‘L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku’ (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).
(9) U qabel dik, l-Opinjoni tal-KESE dwar L-Ikkompletar tal-UEM: Il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).
(10) Opinjoni tal-KESE dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26) (punt 2.3).
(11) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33).
(12) Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 27) (punt 4).