14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tal-Aġenda Urbana tal-UE kif jidher mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE)

(2016/C 133/02)

Relatur:

is-Sur Roman HAKEN

Nhar it-28 ta’ Awwissu 2015, is-Sur R.H.A. Plasterk, mill-Ministeru għall-Intern u r-Relazzjonijiet tar-Renju tan-Netherlands, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jħejji opinjoni esploratorja dwar

“Il-futur tal-Aġenda Urbana tal-UE kif jidher mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili.”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Jannar 2016.

Matul il-514-il sessjoni plenarja tiegħu, li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2016 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’214-il vot favur u vot 1 kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Aġenda Urbana tal-UE (1) ser tinfluwenza direttament il-ħajja ta’ 80 % taċ-ċittadini tal-UE li ser ikunu qed jgħixu fil-bliet u l-irħula sal-2050. Sabiex jiġu formulati l-aktar dispożizzjonijiet effettivi u tiġi żgurata l-aċċettazzjoni pubblika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu msieħba ugwali fid-diskussjonijiet u l-implimentazzjoni tal-UE. L-inizjattiva tal-Presidenza Netherlandiża tressaq l-ibliet lejn iċ-ċentru tad-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kunsill sabiex jirrikonoxxi l-livell muniċipali fid-diversità kollha tiegħu bħala sieħeb ta’ valur fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jara l-ħidma fi sħubijiet bħala mod effettiv fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet estensivi u kumplikati. Għalhekk, il-KESE japprezza l-prinċipju tas-sħubija, li finalment qiegħed jiġi applikat matul il-kors tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (2).

1.3.

Is-sħubija hija prinċipju għas-servizzi pubbliċi moderni – kemm vertikali kif ukoll orizzontali. Bħala eżempju ieħor ta’ din il-kooperazzjoni, il-KESE jissuġġerixxi li tingħata ħarsa lejn is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) bħala mudell għall-finanzjament ta’ proġetti urbani, diversi intrapriżi soċjali, kif ukoll programmi bbażati fuq is-sħubija Ewropea, bħal Equal (3). Hija r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika f’diversi livelli, b’mod partikolari fl-ibliet, li tlaqqa’ lill-imsieħba rilevanti flimkien fi proġetti konġunti u li tuża l-finanzjament b’mod effettiv.

1.4.

Waħda mill-isfidi li ser tiffaċċja l-Aġenda Urbana hija kif jiġu implimentati l-istrateġiji żviluppati minn sħubijiet tematiċi. Huwa kruċjali li jintuża l-approċċ minn isfel għal fuq fil-ħolqien tas-sħubijiet u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-approċċ minn isfel għal fuq, li mhuwiex l-istess bħal approċċ ibbażat fuq gruppi ta’ esperti. Huwa importanti li jiġi ċċarat kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jaħdmu mal-partijiet interessati tagħhom – kif ser jirrapportaw lura, jikkonsultaw, eċċ.

1.5.

Meta nkunu qed niżviluppaw l-Aġenda Urbana l-ġdida tal-UE, is-sħubijiet orizzontali huma importanti daqs is-sħubijiet vertikali (tematiċi). Dawn ser joperaw primarjament fil-livell lokali fl-ibliet. Huma importanti mhux biss għal ħsieb strateġiku iżda speċjalment biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. L-istrateġiji lokali żviluppati mis-sħubijiet lokali b’għarfien tas-sitwazzjoni lokali huma l-aqwa mod kif jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet mil-livell tal-UE u kif dawn jiġu implimentati b’mod effettiv. Waħda mill-għodod li jirrakkomanda l-KESE għal dan il-għan hija s-CLLD (4).

1.6.

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda Urbana l-ġdida tal-UE, jeħtieġ li:

(a)

jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet bażiċi tal-imsieħba involuti u tingħata attenzjoni lill-bini tal-kapaċità (primarjament għas-sħubijiet muniċipali orizzontali). Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li jintużaw ir-riżorsi tal-“assistenza teknika” tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE);

(b)

jitħejjew rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi dwar il-prinċipji ta’ sħubijiet urbani responsabbli. Huwa importanti li jkun hemm metodoloġija għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Aġenda Urbana, inklużi indikaturi li jkunu jistgħu jkejlu l-bidliet miksuba. Jeħtieġ li l-imsieħba, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġu involuti fl-evalwazzjoni u fil-monitoraġġ.

1.7.

Il-KESE jixtieq li jara kjarifika tal-mod kif is-sħubijiet tematiċi ser jittrattaw il-kwistjonijiet u l-isfidi ta’ żvilupp urban. L-isħubijiet orizzontali għandhom ikunu dawk li jimplimentaw miżuri speċifiċi f’żoni urbani speċifiċi. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li jsir skambju ta’ prassi tajba permezz ta’ avvenimenti speċifiċi. Huwa essenzjali li r-reġjuni kollha tal-UE jiġu inklużi b’mod ugwali (speċjalment fin-nofsinhar u fil-lvant tal-Ewropa). L-Aġenda Urbana ser ikollha tirrikonoxxi r-relazzjonijiet bejn l-ibliet u l-irħula u ż-żoni periurbani kontigwi/tal-madwar li jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja urbana. L-Aġenda Urbana ma għandhiex tkun f’kunflitt ma’ jew tillimita l-iżvilupp taż-żoni rurali.

1.8.

Għadd ta’ temi huma interkonnessi u sa ċertu punt jikkoinċidu. L-implimentazzjoni tal-miżuri li jittrattaw tema waħda ser tinfluwenza tema oħra jew għadd ta’ temi oħrajn. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni f’qasam wieħed ma jkollhomx effett negattiv fuq qasam ieħor. Dan jikkonċerna mhux biss l-UE iżda anki l-livell nazzjonali.

1.9.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Parteċipazzjoni taċ-Ċittadini u tal-Komunitajiet Urbani tiġi inkluża bħala tema ġdida fl-Aġenda Urbana. Il-bliet jeħtieġu mekkaniżmu li jiffunzjona għat-tisħiħ taċ-ċittadini u ta’ gruppi ta’ ċittadini sabiex dawn jistgħu jkunu msieħba sodi u reali fid-diskussjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-iżvilupp għall-ibliet tagħhom u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana. Hija biss komunità b’saħħitha u kunfidenti fiha nnifisha b’kapital soċjali għoli li tkun tista’ tindirizza l-isfidi li qegħdin jinħolqu. Il-KESE huwa lest biex jaħdem fuq it-tlaħħim ta’ din l-idea.

1.10.

Għandhom jiġu inklużi wkoll elementi bħall-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, bis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, u b’mod partikolari l-Għan 11 (“Il-bliet u kull fejn jgħammru n-nies isiru iktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli”) għandu jiġi inkluż ukoll. Il-KESE adotta pożizzjoni dwar dan is-suġġett f’Settembru 2015 (5). L-UE ma għandhiex kompetenzi ugwali fl-oqsma ta’ politika kollha u, b’mod partikolari, is-setgħat tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet soċjali ma jidhrux li huma b’saħħithom biżżejjed. Huwa diskutibbli jekk l-UE tistax tinfluwenza l-iżvilupp urban fil-qasam soċjali jew tivvaluta b’mod adegwat l-impatt soċjali tal-miżuri implimentati f’oqsma ta’ politika oħrajn. Għalkemm l-impatti ambjentali jistgħu jiġu identifikati permezz tal-proċedura tal-EIA, il-valutazzjoni tal-impatt soċjali għadha nieqsa.

1.11.

Il-KESE huwa interessat li jsir membru komprensiv tal-grupp ta’ tmexxija tal-Aġenda Urbana tal-UE u li jipparteċipa fis-sħubijiet tal-Aġenda Urbana. Il-KESE jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha, organizzazzjonijiet li huma rrispettati u li għandhom għarfien espert, u li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp urban.

2.   Is-sħubija bħala prinċipju fl-Aġenda Urbana tal-UE u l-involviment tal-KESE fl-Aġenda Urbana

2.1.

L-Aġenda Urbana tissuġġerixxi l-ħolqien ta’ sħubijiet li jikkonsistu f’madwar 15-il membru, li 11 minnhom ikunu rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (bliet, Stati Membri, rappreżentanti tal-Kummissjoni). Membri oħrajn jistgħu jkunu ġejjin mill-awtoritajiet ġestjonali tal-FSIE, esperti u NGOs. Il-KESE jiddispjaċih li huwa kien mistieden jikkummenta dwar dan is-suġġett biss wara li wħud mis-sħubijiet kienu diġà ġew stabbiliti.

2.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi adottata rappreżentanza aktar bilanċjata fis-sħubijiet. Eżempju tajjeb ta’ rappreżentanza ġusta huwa pprovdut mill-programm LEADER, fejn massimu ta’ 50 % tal-membri fis-sħubija jistgħu jiġu mill-amministrazzjoni pubblika. Il-KESE jirrakkomanda involviment ferm akbar tal-gruppi fil-mira (residenti urbani). Huwa importanti li r-residenti nfushom ikollhom vuċi akbar fir-rigward tal-ġejjieni tal-bliet. Ħafna mit-temi identifikati ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr l-impenn tal-NGOs, tal-imsieħba soċjali u tan-negozji. L-eżempji ta’ suċċess kollha fl-Ewropa wrew li kienu dovuti l-aktar għall-involviment tal-forzi non-governattivi u għal kooperazzjoni pubblika-privata effettiva.

2.3.

Filwaqt li t-temi ta’ prijorità kollha fl-Aġenda Urbana huma rilevanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma jmorru lil hinn mir-rwoli tradizzjonali assoċjati mas-soċjetà ċivili. L-NGOs, l-impriżi soċjali u l-kooperattivi qegħdin jiżviluppaw dejjem aktar il-kapaċità tagħhom jew jistabbilixxu mudelli organizzazzjonali jew ekonomiċi ġodda sabiex jipprovdu servizzi ta’ interess pubbliku. Jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jaraw lilhom infushom mill-perspettiva tal-gruppi u tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’żoni urbani. Il-KESE jissuġġerixxi li l-involviment ta’ netwerks reġjonali jew nazzjonali jew organizzazzjonijiet lokali b’ħafna esperjenza fuq kwistjoni partikolari jkun utli daqskemm li jkun hemm netwerks Ewropej.

2.4.

Il-KESE m’għandux informazzjoni dwar il-modi li bihom jiġu identifikati u/jew maħtura l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti. Il-KESE joffri l-kapaċitajiet u l-għarfien tiegħu fir-rigward tas-soċjetà ċivili organizzata għall-għażla tar-rappreżentanti ta’ NGOs u msieħba soċjali għal sħubijiet tematiċi.

3.   Rakkomandazzjonijiet għall-ħidma tas-sħubijiet tal-Aġenda Urbana u l-proċess tal-parteċipazzjoni

3.1.

Huwa d-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jkun jaf, jifhem u jinfluwenza wkoll il-politiki tal-UE. Il-KESE jirrimarka li sħubija m’għandhiex issir bħal ħanut magħluq. Il-mod kif is-sħubijiet jikkomunikaw mad-dinja ta’ barra huwa importanti ħafna. Amministrazzjoni pubblika miftuħa li tikkomunika mal-pubbliku ġenerali u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini għandha tkun element ewlieni tal-iżvilupp urban. Billi mhuwiex possibbli li l-miri strateġiċi jintlaħqu mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huwa importanti li jiġu żgurati t-trasparenza u l-involviment effettiv tal-partijiet interessati fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana. L-involviment tal-persuni li jixtiequ jkunu involuti huwa l-aħjar mod biex jinkiseb l-appoġġ tagħhom għar-riżultati. Il-KESE jissuġġerixxi li tinfetaħ stedina għall-organizzazzjonijiet li jistgħu juru x-xewqa li jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom dwar temi tal-Aġenda Urbana u jistgħu jissieħbu fi wħud mil-laqgħat ta’ sħubija.

3.2.

Is-sħubijiet għandhom jużaw għadd ta’ għodod ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni għall-kondiviżjoni, il-komunikazzjoni u l-konsulenza. L-involviment u l-konsulenza taċ-ċittadini ma jistgħux jintlaħqu b’mod effettiv sempliċiment b’għodda waħda. Hija meħtieġa taħlita ta’ metodi li tkun kapaċi tindirizza tipi differenti ta’ partijiet interessati, tipprovdi tipi differenti ta’ kontribut u tippermetti livelli differenti ta’ involviment. Is-sħubijiet għandhom jużaw tekniki aġġornati bħal mezzi soċjali, kif ukoll stħarriġ, sessjonijiet ta’ ħidma, gruppi speċifiċi, eċċ. sabiex ikunu jistgħu jirċievu rispons dwar il-ħidma tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi organizzat involviment pubbliku (usa’) addizzjonali fuq kwistjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm ħtieġa ċara għal diskussjoni pubblika usa’, kif ukoll rispons liċ-ċittadini.

3.3.

Is-sħubijiet għandhom jorganizzaw żjarat fuq il-post u laqgħat ma’ diversi partijiet interessati lil hinn miċ-ċirku limitat tas-sħubija. L-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ċivili konkreti u t-tagħlim dwar il-limitazzjonijiet tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti d-diskussjoni tas-sħubija. Jekk l-Aġenda Urbana ma tkunx ibbażata fuq il-prattiki eżistenti, il-politiki li jirriżultaw ikunu qegħdin jirriskjaw li jinjoraw l-għarfien disponibbli.

3.4.

Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjoni onlajn miftuħa. Dan jiggarantixxi li l-partijiet interessati rilevanti kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kontenut tagħhom u li jkunu koperti l-interessi kollha.

4.   Pilastri ta’ prijorità għas-sħubijiet tematiċi

4.1.   Belt inklużiva

4.1.1.

L-impjiegi u l-ħiliet fl-ekonomija lokali – l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jissodisfaw għadd ta’ rwoli – eż. bħala impjegaturi, edukaturi jew dawk li jipprovdu t-taħriġ – li huma rilevanti għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkonsultati organizzazzjonijiet bħal Eurochambres li jirrappreżentaw lill-SMEs, liċ-ċentri tal-impjiegi u lill-istabbilimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Aġenda Urbana għandha tindirizza l-kwistjoni ta’ kif il-bliet ser iwettqu stħarriġ dwar il-ħtiġijiet tal-għarfien espert fil-qasam tagħhom; l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu infurmati dwar dawn il-ħtiġijiet u għandu jkun hemm kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, li għandhom jipprovdu l-ħiliet li huma neqsin fis-suq tax-xogħol.

4.1.2.

Il-Faqar Urban – L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jimplimentaw il-maġġoranza tal-programmi mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar urban fil-bliet. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu involuti organizzazzjonijiet bħan-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar. Aħna konxji wkoll dwar l-importanza fir-rigward ta’ din it-tema ta’: a) is-subborgi u l-emarġinazzjoni, b) il-ghettos, c) iż-żoni neqsin mill-affarijiet essenzjali, d) it-tfal f’kura istituzzjonali u t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità u l-familji, u e) it-tixjiħ u l-vulnerabbiltà fost l-anzjani.

4.1.3.

L-akkomodazzjoni – Sabiex jiggarantixxu akkomodazzjoni sostenibbli u ta’ kwalità tajba kif definita fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Akkomodazzjoni Sostenibbli, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti fir-rappreżentanza u l-ħidma maż-żewġ naħat – is-sidien u l-utenti. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu indirizzati organizzazzjonijiet bħall-Unjoni Internazzjonali tal-Kerrejja, l-assoċjazzjonijiet tas-sidien tad-djar u tal-appartamenti, is-soċjetajiet kooperattivi tal-bini, il-periti u l-pjanifikaturi tal-bliet. Din it-tema tqajjem kwistjonijiet importanti ta’: a) l-ippjanar urban, b) l-akkomodazzjoni soċjali, u c) iċ-ċaqliq taċ-ċittadini lejn żoni periurbani sabiex isibu akkomodazzjoni ta’ kwalità aħjar.

4.1.4.

L-inklużjoni tal-immigranti u tar-refuġjati – Jeħtieġ li jiġu indirizzati mhux biss il-kwistjonijiet immedjati (li jiġu pprovduti bil-ħtiġijiet bażiċi), iżda wkoll – ladarba l-immigranti jissetiljaw – l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-UE: li jingħataw għajnuna fl-edukazzjoni, sabiex isibu l-impjiegi, eċċ., jaqsmu l-valuri u t-tradizzjonijiet tal-UE magħhom u jinkorporaw dawk il-valuri u t-tradizzjonijiet fil-ħajja tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-kultura tal-oriġini tagħhom. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-knejjes, l-organizzazzjonijiet soċjali, l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, il-gruppi tat-tfal u tal-ġenituri, eċċ. għandhom rwol kruċjali flimkien mal-istat. Il-KESE jirrakkomanda li ssir konsultazzjoni ma’ Solidar jew Lumos, fost l-oħrajn. Kwistjonijiet bħall-minorenni mhux akkumpanjati – grupp partikolarment vulnerabbli li jeħtieġ attenzjoni speċjali – għandhom jiġu indirizzati.

4.1.5.

L-użu sostenibbli tal-art u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura – L-objettiv tal-Aġenda Urbana huwa strettament marbut mat-tibdil tal-attitudnijiet u l-istili ta’ ħajja tal-persuni. Għandu jiġi żgurat li l-bidliet fil-bliet jirrispettaw l-ambjent. Dan huwa qasam fejn l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħar-rappreżentanti tas-sidien tal-art, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, u organizzazzjonijiet tal-komunità li jappoġġjaw movimenti għat-titjib tal-lokal huwa kruċjali. Il-KESE jirrakkomanda l-involviment ta’, pereżempju, Friends of the Earth Europe jew ELARD. Il-KESE jqis dawn li ġejjin bħala importanti: a) l-ippjanar spazjali (vertikali) u b) il-problemi taż-żoni suburbani li jfornu l-prodotti (ikel, ilma nadif), iżda wkoll servizzi essenzjali tal-ekosistema, li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

4.2.   Ekonomija urbana

4.2.1.

Ekonomija ċirkolari – Għal ekonomija ċirkolari effettiva, huwa importanti li jinbidel il-mod kif in-nies iħarsu lejn l-iskart u li dan jiġi ppreżentat bħala riżorsa potenzjali. L-edukazzjoni u l-attivitajiet ta’ informazzjoni tal-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-istituzzjonijiet edukattivi huma importanti. Iċ-ċentri għall-innovazzjoni u r-riċerka, flimkien ma’ kumpaniji speċjalizzati u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, li jiffokaw fuq dan il-qasam, ser ikunu atturi ewlenin fl-esplorazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ approċċi ġodda fil-bliet. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu mistiedna organizzazzjonijiet bħal, pereżempju, REVES, sabiex isiru d-diskussjonijiet.

4.3.   Belt ekoloġika

4.3.1.

L-adattament għall-klima – Il-kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata, l-istituti tar-riċerka u l-universitajiet huma kruċjali. Jeħtieġ ukoll li l-persuni ordinarji jiġu edukati u informati sabiex jiġi ffaċilitat l-involviment tagħhom fid-dispożizzjonijiet rilevanti u l-aċċettazzjoni tagħhom. Il-KESE jissuġġerixxi li ssir konsulenza, pereżempju, ma’ Green 10.

4.3.2.

Tranżizzjoni tal-enerġija – Il-bidliet strutturali fis-sistemi tal-enerġija, bħall-bidla sostanzjali lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-enerġija, jistgħu jintlaħqu biss bl-involviment sħiħ tal-imsieħba minn negozji rilevanti u l-appoġġ taċ-ċittadini. Greenpeace, pereżempju, hija attiva f’dan il-qasam.

4.3.3.

Mobilità urbana – Il-mobilità urbana sostenibbli hija sfera fejn ftit li xejn jista’ jsir xogħol sakemm in-nies infushom ma jkunux lesti li jibdlu d-drawwiet tal-mobilità tagħhom. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu involuti organizzazzjonijiet bħal CEEP (iċ-Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali), BusinessEurope, ETF (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport), Polis (netwerk ta’ bliet u reġjuni Ewropej li jiżviluppaw teknoloġiji u politiki innovattivi għat-trasport lokali), il-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti u IPR Prague (l-Istitut tal-Ippjanar u l-Iżvilupp ta’ Praga). Aħna nifhmu wkoll li din it-tema tinkludi l-importanza tal-approċċi integrati bħall-Pjanijiet tal-Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) u, b’hekk, aħna naraw il-mobilità urbana bħala xprunatur għall-iżvilupp ekonomiku, għat-titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali u għat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-bliet. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ strumenti ta’ finanzjament speċifiċi tal-UE għall-mobilità urbana, li hija qasam li jeħtieġ investiment ta’ kapital intensiv.

4.3.4.

Il-kwalità tal-arja – Il-kooperazzjoni tan-negozji, tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, tal-NGOs ambjentali, tal-universitajiet u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u oħrajn hija essenzjali. Is-sħubijiet għandhom jinvolvu organizzazzjonijiet bħal CAN (Climate Action Network Europe).

4.4.   Bliet intelliġenti

4.4.1.

Tranżizzjoni diġitali – Id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tirrappreżenta bidla paradigmatika. L-objettiv huwa li jiġu pprovduti servizzi aħjar liċ-ċittadini u jinħolqu opportunitajiet kummerċjali. Każ partikolari fil-bliet intelliġenti huwa l-ispiral triplu u l-ispiral kwadruplu, li jlaqqgħu lill-partijiet interessati fl-immaniġġjar tal-bliet, fl-edukazzjoni ogħla, fin-negozju u fis-soċjetà ċivili fi proġetti konġunti. Dan il-mudell għandu jinxtered fl-Ewropa. Taħt din l-intestatura, aħna nikkunsidraw il-kwistjonijiet ta’: a) ippjanar urban prevedibbli fi kwalunkwe muniċipalità, u b) l-użu tan-netwerks soċjali u tal-Internet għall-komunikazzjoni bejn il-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini. Is-sħubijiet għandhom jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet bħal Transparency International.

4.5.   Akkwist pubbliku innovattiv u responsabbli

4.5.1.

Il-potenzjal għall-bliet li jimplimentaw approċċi innovattivi huwa sinifikanti: dawn jistgħu jaġixxu bħala pijunieri, u mhux biss fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Madankollu, huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni maċ-ċentri ta’ appoġġ u innovazzjoni fin-negozji u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE bħal CEE Bankwatch Network. Il-KESE jenfasizza l-importanza hawnhekk ta’: a) l-użu tal-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali lokali, u b) metodi speċifiċi sabiex il-bliet jiġu mmotivati jagħżlu l-akkwist pubbliku innovattiv minflok l-irħas soluzzjonijiet.

4.6.

Il-bliet huma parti minn sistemi kumplessi, fejn qasam periurban usa’ jipprovdi appoġġ u riżorsi essenzjali li jippermettu lill-bliet jiffunzjonaw u jirnexxu. Jeħtieġ li jiġu involuti msieħba minn żoni madwar il-bliet, inklużi Gruppi ta’ Azzjoni Lokali, sabiex tiġi pprovduta rabta siewja bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet urbani/rurali mixtieqa. Meta jiġu biex jippjanaw l-iżvilupp tagħhom, il-bliet għandhom jikkunsidraw l-istrateġiji eżistenti, bħall-istrateġiji makroreġjonali u l-istrateġiji ta’ żvilupp mikroreġjonali rilevanti.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://ec.europa.eu/regional_policy/index.cfm/en/policy/themes/urban-development/agenda

(2)  Ara l-ħidma rilevanti tal-KESE, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni:

Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013 (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1).

Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni – elementi għal Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23).

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1).

It-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 1).

Il-valutazzjoni tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati mill-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57).

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A8-2015-0218+0+DOC+PDF+V0//MT

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52013IR6902

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:c10237

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:32013R1303 L-Artikolu 5(3) dwar kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar is-sħubija.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:c10237.

(4)  L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1).

(5)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.press-releases.37475.