24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Semplifikazzjoni tal-PAK”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 071/02)

Relatur:

is-Sur Seamus BOLAND

Nhar it-2 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

is-Semplifikazzjoni tal-PAK

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’196 vot favur, 9 voti kontra u 26 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għamlet prijorità li tiġi ssemplifikata l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) u li diġà pproponiet, u ser tkompli tipproponi, is-semplifikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Kummissjoni, biex hekk il-leġislazzjoni tal-UE ssir aktar faċli biex tinftiehem u biex tiġi implimentata fil-prattika.

1.2.

Il-KESE jemmen li aktar trasparenza u ċertezza legali, u t-tnaqqis ta’ piż amministrattiv żejjed u ta’ spejjeż assoċjati għall-bdiewa, benefiċjarji oħra, organizzazzjonijiet ta’ produtturi u amministrazzjonijiet nazzjonali, huma parti neċessarja tal-proċess ta’ semplifikazzjoni.

1.3.

Is-semplifikazzjoni tas-sistema għandha tiġi implimentata mill-iktar fis possibbli, b’mod partikolari b’għajnuna għall-bdiewa Huwa essenzjali li din tkun akkumpanjata minn appoġġ ibbażat fuq l-informazzjoni u l-edukazzjoni.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex tissemplifika l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida, filwaqt li tqis in-notifiki u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri. Bl-approċċ attwali huwa diffiċli għall-PAK li jiġi suġġett għal semplifikazzjoni konsiderevoli għall-bidwi mingħajr ma tiġi kompromessa r-rigorożità bżonnjuża biex il-rekwiżiti jiġu ssodisfati. Min-naħa l-oħra, dawn ir-rekwiżiti mux dejjem huma koerenti u ġustifikati mill-perspettiva li jiġu konvertiti għall-beni pubbliċi ġenwini u benefiċċji ambjentali.

1.5.

Spezzjonijiet u possibilment multi għandhom ikunu proporzjonati mal-ammont tal-flus riċevut mill-benefiċjarju, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità u r-rieda li jittieħdu azzjonijiet korrettivi. Każijiet ċari ta’ frodi deliberat għandhom jiġu ttrattati permezz tal-proċeduri normali. Il-KESE jirrakkomanda t-tnaqqis tal-isproporzjonalità fost il-każijiet ta’ tnaqqis kbir tal-appoġġ anke għal ksur minuri.

1.6.

L-applikazzjoni tal-miżuri tal-ekoloġizzazzjoni għandhom jieħdu kont tal-fatturi mhux mistennija bħall-kundizzjonijiet tat-temp, nixfa jew avvenimenti oħra simili li jagħmlu l-miżuri impossibbli biex jiġu implimentati.

1.7.

Fejn kwistjonijiet bħal bwar permanenti kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, huwa importanti li r-regoli stabbiliti biex jirrispettaw is-sentenza jkunu mfassla b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun ir-regolamenti aktar milli jżidhom.

1.8.

Il-proċess leġislattiv attwali (regolamenti tal-Kunsill akkumpanjati mill-atti delegati u ta’ implimentazzjoni) huwa ferm kumpless u diffiċli għaċ-ċittadini biex jifhmuh. Għalhekk għandu jsir studju dwar kif din is-sistema tista’ tiġi ssemplifikata.

1.9.

Wara l-implimentazzjoni ta’ skema b’rata fissa fil-kuntest ta’ pagamenti diretti, is-sistema kumplessa tal- intitolamenti għal pagament għandha tiġi riveduta.

1.10.

Il-bur temporanju għandu jżomm l-istatus ta’ raba’, irrispettivament minn kemm ikun ilu jintuża bħala bur.

1.11.

Id-definizzjoni attwali ta’ “bidwi attiv” m’għandiex tiżvantaġġja lill-bdiewa u għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li l-art eliġibbli għall-għajnuna tkun qed tintuża għall-agrikoltura mill-bidwi.

1.12.

Il-KESE jaqbel li s-semplifikazzjoni tal-PAK hija proġett ambizzjuż, partikolarment minħabba li l-politiki ta’ żvilupp agrikoli u rurali, huma ta’ natura kumplessa. Is-semplifikazzjoni għandha tkun kompatibbli ma’ għanijiet politiċi wesgħin bħal:

l-ambjent,

is-sikurezza alimentari,

id-disponibbiltà tal-ikel,

il-koeżjoni,

il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku.

1.13.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodoloġija li tiggwida l-azzjoni fuq ir-rati ta’ żball hija mfassla b’tali mod li tiggarantixxi l-implimentazzjoni ġusta.

1.14.

Miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ bdiewa żgħażagħ għall-iskema favur il-bdiewa żgħażagħ għandhom jiġu esplorati u introdotti immedjatament. L-aċċess taż-żgħażagħ fl-agrikoltura għandu jiġi appoġġjat.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita regola li tillimita ż-żieda fil-burokrazija. Pereżempju, l-adozzjoni ta’ regola li tippermetti l-eliminazzjoni ta’ regolament eżistenti meta tiġi proposta waħda ġdida.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-politika agrikola komuni

2.1.

Il-baġit tal-PAK, li jammonta għal EUR 408 biljun għall-perjodu 2014–2020, jirrappreżenta 38 % tal-baġit globali tal-UE. L-ewwel pilastru, li jammonta għal EUR 313 biljun, jirrappreżenta 77 % tat-total tan-nefqa tal-PAK. Il-pagamenti diretti, li jammontaw għal EUR 294 biljun, jirrappreżentaw 94 % tal-ewwel pilastru.

2.2.

Din l-opinjoni tikkunsidra opinjonijiet oħra tal-KESE (1).

2.3.

L-aħħar riforma prinċipali tal-PAK, li ntemmet fl-2013, ġiet maqbula bħala parti mill-proċess ta’ kodeċiżjoni. Dan ifisser li l-Parlament Ewropew ipparteċipa bħala koleġislatur indaqs mal-Ministri tal-agrikoltura, li żdiedu minn 15 għal 28 wara l-aħħar riforma prinċipali fl- 2003.

2.4.

Huwa nnotat li matul il-perjodu ta’ qabel ir-riforma tal-PAK kien hemm proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-pagament dirett, fejn l-evalwazzjoni wriet żieda ta’ 15-20 % fil-piż burokratiku. Fl-istess ħin, sar tnaqqis fil-baġit.

2.5.

Sensiela ta’ emendi kienu diġà introdotti fis-snin preċedenti, però mhux dejjem żammew id-distinzjoni ċara bejn is-semplifikazzjoni u żżarmar tal-PAK. Eżempji jinkludu:

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) unika ssostitwiet il-21 OKS eżistenti minn qabel. Il-ħolqien tagħha ppermetta r-revokar ta’ 86 att tal-Kunsill u ssostitwixxa aktar minn 1 080 artikolu legali b’madwar 350.

Il-“Kontroll tas-Saħħa” tal-2009 kompla jiddiżakkoppja u jabolixxi bosta skemi, bħall-pagamenti għal għelejjel enerġetiċi u qamħ durum, kif ukoll l-iskema ta’ rimi ta’ krema, butir u butir ikkonċentrat.

Għall-importazzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-liċenzji tnaqqsu minn 500 għal 65, u baqa’ biss 43 rekwiżit ta’ liċenzji għall-esportazzjoni.

Il-Kummissjoni ħassret l-istandards speċifiċi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ 26 tip ta’ frotta u ħaxix, b’hekk l-operaturi m’ għadhomx jiffaċċjaw spejjeż ta’ konformità, l-awtoritajiet nazzjonali m’għadx għandhom għalfejn iwettqu kontrolli, u ser jinħlew inqas prodotti.

Il-bdiewa m’ għadhomx aktar mitluba jżommu art għad-dispożizzjoni tagħhom għal perjodu ta’ għaxar xhur biex jirċievu pagamenti diretti, u b’hekk kisbu flessibilità akbar fil-ġestjoni tal-irziezet tagħhom u biex jirrispondu għall-iżviluppi tas-suq.

2.6.

Skont id-DĠ AGRI, it-tqassim tal-fondi skont kull prijorità ta’ Żvilupp Rurali huwa kif ġej:

Assistenza teknika u trasferiment tal-għarfien 3 %

Titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli 20 %

Ekosistemi 43 %

Promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari 10 %

Promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi; 9 %

Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali 15 %

3.   Kuntest

3.1.

Din l-Opinjoni esploratorja tibni fuq iż-żjara tal-Kummissarju Phil Hogan matul is-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Lulju 2015, fejn hu saħaq li prijorità prinċipali tiegħu kienet li tinkiseb semplifikazzjoni akbar tal-PAK, u wara l-ittra mis-Sur Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, li stiednet lill-KESE biex iressaq opinjoni esploratorja dwar is-suġġett tas-semplifikazzjoni tal-PAK.

3.2.

Hija l-fehma tal-Kummissarju li s-semplifikazzjoni ser tiżgura li l-kumplessità tal-PAK u ż-żieda fil-piż amministrattiv li poġġiet fuq il-bdiewa, benefiċjarji oħrajn, u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni ser tkun iffaċilitata, mentri fl-istess ħin ma tinsiex l-għanijiet ewlenin tagħha.

3.3.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinalizza l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet kollha fuq il-bażi ta’ tliet prinċipji gwida, jiġifieri li l-azzjonijiet għandhom:

jirrispettaw il-politiki tar-riforma tal-2013;

jikkonċentraw fuq x’ser ikun ta’ benefiċċju għall-bdiewa u benefiċjarji oħra;

ma jippreġudikawx il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa tal-PAK.

3.4.

B’mod ċar, kwalunkwe proċess ta’ semplifikazzjoni m’għandux jhedded l-impjiegi fl-industrija kollha.

3.5.

Permezz tal-pilastru tal-iżvilupp rurali, il-PAK taqdi funzjoni importanti fir-rigward tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku. Hija ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni kollha taż-żoni rurali. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi li ssir fl-Artikolu 5(6)(a)-(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (2) dwar: il-ħolqien tal-impjiegi, il-promozzjoni tal-iżvilupp lokali u l-promozzjoni tal-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-użu u t-titjib tal-kwalità tagħhom. Għaldaqstant, is-semplifikazzjoni tal-PAK għandha tiżgura li jkun hemm fondi adatti disponibbli faċilment u mingħajr ostakli burokratiċi.

3.6.

Il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ identifikazzjoni komprensiva tal-leġislazzjoni eżistenti biex jiġu identifikati oqsma fejn aġġustamenti u titjib huma fattibbli. Hija diġà rċeviet kontribuzzjonijiet minn Stati Membri, MEPs u minn organizzazzjonijiet agrikoli madwar l-UE. Għandu jiġi nnutat li s’issa dawn il-proposti jaqbżu l-1 500 paġna. Mill-eżaminar tad-dokumentazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-proposti jaqgħu f’żewġ kategoriji wesgħin:

tnaqqis tal-burokrazija għall-bdiewa;

miżuri ta’ protezzjoni mfassla biex jintlaħqu “l-objettivi tal-ekoloġizzazzjoni”.

3.7.

Il-KESE jinnota l-lista ta’ prijorità tal-miżuri ta’ semplifikazzjoni mfassla mill-Kunsill Agrikolu u l-Presidenza. Din il-lista tista’ tifforma l-bażi tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni.

3.8.

Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li kull Stat Membru għandu libertà konsiderevoli fl-għażla tal-metodoloġija tiegħu biex jamministra u jimmoniterja l-PAK u li s-semplifikazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ interpretazzjoni raġonevoli. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jtejbu l-proċess ta’ semplifikazzjoni permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki.

4.   Approċċi ta’ semplifikazzjoni

4.1.

Huwa ġeneralment aċċettat li s-semplifikazzjoni hija meħtieġa sabiex l-implimentazzjoni tal-PAK m’ għandhiex tkun aktar kumplessa milli hu meħtieġ.

4.2.

Il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi proposti li għandhom x’jaqsmu ma’ Żoni b’Fokus Ekoloġiku (EFAs) fuq farm partikolari biswit l-EFAs, kumpens lill-EFAs fil-każ ta’ dikjarazzjoni żbaljata, u s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS).

4.3.

Il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-potenzjal għal semplifikazzjoni ta’ pagamenti diretti (b’mod partikolari dwar l-ekoloġizzazzjoni), l-iżvilupp rurali, l-iskema tal-frott u l-ħaxix u l-politika dwar il-kwalità.

4.4.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett li jkopri pagamenti diretti lill-elementi bħalma huma l-bdiewa żgħażagħ, sostenn akkoppjat u s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK). Dawn il-bidliet għandhom ikunu applikabbli, jekk hu possibbli, mis-sena ta’ talba 2016 jew sa mhux aktar tard mis-sena ta’ talba 2017.

4.5.

Ir-regoli biex l-art tiġi meqjusa bħala bur permanenti qed joħolqu problemi għall-klassifikazzjoni ta’ bwar temporanji bħala raba’ jew bur permanenti. Għandu jkun possibbli li jinżamm l-istatus ta’ bur temporanju (art klassifikata bħala raba’) anki jekk il-bdiewa jiddeċiedu li jużaw din l-art kontinwament bħala bur għal ħames snin jew aktar. Dan għandu jevita li l-bdiewa jaħartu arthom biss sabiex ma titħallhiex issir bur permanenti. B’hekk, iż-żoni agrikoli kkonċernati jistgħu jibqgħu jitqiesu bħala bur, li huwa vantaġġ ekoloġiku.

4.6.

Fir-rigward tal-miżuri tas-suq, il-Kummissjoni qed issegwi aġenda ambizzjuża ta’ semplifikazzjoni f’termini ta’ elaborazzjoni ta’ atti delegati ġodda u ta’ implimentazzjoni biex jiġu allinjati r-regoli l-ġodda fil-livell tal-Kummissjoni mar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli (Regolament OKS). L-għan mhuwiex biss li jitnaqqsu drastikament l-għadd u l-kumplessità ta’ dawn ir-regoli, iżda wkoll biex tiġi żgurata semplifikazzjoni reali għall-bdiewa kif ukoll għall-operaturi.

4.7.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni għamlet żewġ bidliet f’waqthom tar-regoli attwali billi adottat:

regolament ta’ implimentazzjoni ta’ posponiment għas-sena ta’ talba 2015, id-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna għal pagamenti diretti u appoġġ minn ċerti miżuri tal-iżvilupp rurali sal-15 ta’ Ġunju 2015, u b’hekk il-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aktar żmien biex jippreparaw dawn l-applikazzjonijiet; u

regolament ta’ delega li jemenda r-regoli dwar pagamenti diretti billi jipprovdi aktar flessibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal appoġġ akkoppjat volontarju għall-annimali, u b’hekk tirrispondi għat-talba magħmula minn bosta Stati Membri, Membri tal-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati.

4.8.

Il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi sensiela ta’ proposti dwar bidliet li jistgħu jsiru skont il-linji gwida attwali. Eżempji jinkludu:

Il-koltivazzjonijiet puri ta’ leguminużi (eż. alfalfa) ma għandhomx jitqiesu b’definizzjoni bħala bur permanenti wara ħames snin.

Il-perjodu ta’ dikjarazzjoni ta’ art mistrieħa bħala EFA u l-perjodu ta’ impenn agroambjentali mhumiex se jitqiesu għall-kalkolu tal-perjodu ta’ ħames snin għal bur permanenti.

Il-Kummissjoni ser tressaq għadd ta’ proposti dwar il-pagamenti diretti.

It-tieni pakkett li għandu jiġi propost mill-Kummissjoni hu maħsub biex ikopri elementi oħrajn apparti l-ekoloġizzazzjoni eż. l-iskema favur il-bdiewa żgħażagħ, sostenn akkoppjat volontarju u ċerti aspetti tas-SIAK. Dawn il-bidliet għandhom ikunu applikabbli, jekk hu possibbli, mis-sena ta’ talba 2016 jew, sa mhux aktar tard mis-sena ta’ talba 2017.

Fl-2016, sena wara l-ewwel applikazzjoni, ser ikun hemm reviżjoni ulterjuri tar-regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni kif imwiegħed mill-Kummissjoni f’April 2014. L-għan huwa li jitressaq pakkett ulterjuri ta’ miżuri fl-2016, bil-ħsieb li jiġu applikati fis-sena ta’ wara (sena ta’ talba 2017).

Il-Kummissjoni ser tħares lejn il-potenzjal li jiġu ssemplifikati programmazzjoni ta’ żvilupp rurali u l-approvazzjoni tal-PŻR, fondi doppji, verifiki, għażliet għal spejjeż semplifikati u rappurtar.

5.   Kwistjonijiet ta’ semplifikazzjoni

5.1.

L-ekoloġizzazzjoni ta’ pagamenti diretti issa hija element kruċjali tar-riformi tal-politika agrikola komuni. Filwaqt li l-bdiewa qegħdin jitgħallmu jadattaw għal dawn il-bidliet, huma beżgħana li xi miżuri speċifiċi ma jistgħux ikunu flessibbli biżżejjed biex jittrattaw kundizzjonijiet tat-temp mhux mistennija jew flutwazzjonijiet fil-prezz tas-suq.

5.2.

Huwa mifhum li ser isiru spezzjonijiet għal għarrieda. Però, l-ispezzjonijiet għal għarrieda jitqiesu mill-inqas bħala inkonvenjent serju, u fl-agħar każijiet jistgħu jikkawżaw tbatija mentali enormi lill-bdiewa. Huwa ċar li l-ġustizzja titlob li jingħata avviż raġonevoli lill-bidwi qabel ma ssir l-ispezzjoni.

5.3.

Peress li l-multi imposti minħabba n-nuqqas ta’ konformità ser ikunu għoljin b’mod mhux tas-soltu, il-bdiewa jibżgħu li mhux ser jiksbu appoġġ, b’mod partikolari fil-forma ta’ informazzjoni xierqa. F’dan il-każ l-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni adegwata lill-bdiewa li huma l-aktar milquta minn dawn il-bidliet, b’enfasi partikolari fuq il-bdiewa li huma fi żvantaġġ ekonomiku u soċjali.

5.4.

Il-qafas regolatorju attwali dwar id-definizzjoni ta’ “bidwi attiv” mhuwiex sodisfaċenti u jeħtieġ aktar amministrazzjoni kumplessa. Minħabba dan, hemm riskju li l-bdiewa involuti fil-produzzjoni agrikola ser jiġu esklużi u, min-naħa l-oħra, dawk li mhumiex involuti fil-produzzjoni agrikola jistgħu jiġu inklużi.

5.5.

Il-bdiewa għadhom qegħdin jippruvaw jitgħallmu l-ekoloġizzazzjoni, li attwalment hi fl-ewwel sena tagħha, u t-tliet prattiki agrikoli li din tinvolvi. Id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, iż-żamma ta’ bur permanenti, u l-allokazzjoni ta’ 5 % tal-art lill-EFAs huma t-tliet aspetti tar-riforma li l-bdiewa għandhom jissodisfaw sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

5.6.

Huwa inaċċettabbli li l-bdiewa spiss jinżammu responsabbli minħabba żbalji magħmula f’livell uffiċjali. B’mod partikolari l-bdiewa li d-dħul tagħhom huwa baxx u huma dipendenti minn dan is-sors ta’ introjtu jitpoġġew f’pożizzjoni fejn l-għajxien tagħhom ikun mhedded.

5.7.

“Proporzjonalità tas-sanzjonijiet” hija tema rikorrenti għal bosta assoċjazzjonijiet Ewropej tal-kummerċ.

5.8.

Il-bdiewa b’inqas minn 15-il ettaru jew li qed jirċievu pagamenti ta’ anqas minn EUR 10 000 jħossu li l-konformità għandha tkun ibbażata fuq spezzjoni “light-touch”, u aktar spezzjonijiet għandhom jitwettqu biss b’evidenza preliminari ta’ nuqqas serju ta’ konformità.

5.9.

Ser jeħtieġ li jiġu solvuti kwistjonijiet rigward bwar permanenti, imqajma permezz tad-deċiżjoni tal-2014 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-każ enfasizza bosta każijiet problematiċi ta’ art ta’ lqugħ (raba’ jinħadem), bwar maħduma, raba’ mistrieħ, u raba’ taħt miżuri agroambjentali, fejn il-bdiewa raw riskju li din l-art tiġi ddikjarata formalment bħala bur permanenti minħabba d-definizzjoni tal-ħames snin.

5.10.

Fejn l-organizzazzjonijiet agrikoli jaraw il-ħtieġa għal semplifikazzjoni, flessibilità u proporzjonalità, gruppi ambjentali jaraw riskji reali. Mill-perspettiva tal-KESE, dan jirrappreżenta nuqqas biex jiġu rikonċiljati l-għanijiet ta’ titjib ambjentali ma’ dik tal-produzzjoni tal-ikel fl-irziezet tal-familji.

5.11.

Rigward id-dispożizzjonijiet orizzontali, approċċ aktar proporzjonali u bbażat fuq ir-riskju jista’ japplika għall-intensità tal-kontrolli, b’kunsiderazzjoni għar-riskju u l-ammonti involuti, il-kosteffettività u l-objettivi differenti u r-riżultati mfittxija.

5.12.

Għandhom jiġu evitati verifiki multipli. F’każijiet ta’ nonkonformità, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur minuri, it-tnaqqis tal-pagamenti u l-penali amministrattivi għandhom ikunu proporzjonali. Barra minn hekk:

Il-kalkolu ta’ dawn il-penali għandu jkun issemplifikat.

Is-sistema tal-kontroll u l-penali tal-kundizzjonalità għandha tiġi riveduta wkoll b’rabta mal-proporzjonalità.

Għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ pagamenti, inklużi ħlasijiet bil-quddiem, wara t-tmiem tal-kontrolli amministrattivi.

Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ żball għandha tiġi armonizzata.

Għandhom jiġu ffaċilitati livelli ogħla ta’ tolleranza b’rabta ma’ ksur minuri li jista’ faċilment jiġi kkoreġut.

5.13.

Għandu jkun hemm enfasi fuq passi li jeħtieġu attenzjoni urġenti, bħat-titjib ta’ noti gwida, il-forniment ta’ assistenza teknika, u l-faċċilitar tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-amministrazzjonijiet.

5.14.

Bdiewa żgħażagħ qed ikollhom diffikultà fl-aċċess għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ. L-ostakli li jfixklu bla bżonn dan l-aċċess qed jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jidħlu fis-settur tal-biedja u jeħtieġ li jitneħħew. Għandu jingħata appoġġ għall-aċċess taż-żgħażagħ għall-agrikoltura.

5.15.

Emendi oħra fil-qafas legali attwali għandhom jiġu maqbula fi żmien suffiċjenti biex jippermettu lill-bdiewa jippjanaw b’ mod adegwat għall-istaġun taż-żriegħ. B’mod speċifiku, emendi li jaffettwaw l-applikazzjoni għas-sena 2017 għandhom jiġu ppubblikati fis-sajf tal-2016.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Arranġament ta’ implimentazzjoni għar-riforma tal-PAK (rapport ta’ informazzjoni), NAT/664; Programmi għall-Iżvilupp Rurali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 89); Il-PAK lejn l-2020 (ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116).

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Żid punt ġdid wara punt 1.5

Żid paragrafu ġdid u adatta n-numerazzjoni:

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-ispezzjonijiet tal-irziezet isiru biss wara li li l-bidwi jingħata perjodu ta’ avviż raġonevoli li ma jkunx inqas minn erbatax-il jum.

Raġuni

Farmers who are inspected without advanced notice, often at the busiest times of the year, risking health and safety as well as mental stress caused by having to abandon important work, such as calving, harvesting and so on.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

84

Kontra

104

Astensjonijiet

35

Żid punt ġdid qabel punt 1.6

Żid paragrafu ġdid u adatta n-numerazzjoni:

Għandu japplika livell ogħla ta’ tolleranzi ta’ ksur minuri, fejn dan ikun jirrappreżenta livell baxx ta’ nonkonformità u faċilment tista’ ssir korrezzjoni tiegħu.

Raġuni

Certain infringements are by their nature very minor and easily correctible and in many cases do not affect the overall farm output.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

75

Kontra

116

Astensjonijiet

40