14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda tal-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ”

(COM(2015) 46 final)

(2015/C 268/07)

Relatur Ġenerali:

is-Sur Pavel TRANTINA

Nhar it-12 ta’ Frar 2015 u nhar it-23 ta’ Frar 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 164 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda tal-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ”

(COM(2015) 46 final).

Nhar is-17 ta’ Frar 2015, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tat-18 ta’ Marzu) li jaħtar lis-Sur Trantina bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’213-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex iżżid b’mod sostanzjali l-prefinanzjament inizjali għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ (YEI – Youth Employment Initiative) bħala pass tajjeb ‘il quddiem. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u, ħafna drabi, b’aktar restrizzjonijiet baġitarji biex jibdew jimplimentaw din l-Inizjattiva.

1.2.

Minkejja r-riżervi li ilu jesprimi kontinwament dwar l-ammont u l-mod kif qed jiġu finanzjati l-inizjattivi għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ (1), il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn tibdil fir-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) skont il-proposta li tressqet.

1.3.

Il-KESE huwa konvint li din l-Inizjattiva għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-baġit nazzjonali tagħhom. Il-proċeduri burokratiċi la għandhom jipprevjenu d-distribuzzjoni effiċjenti tas-EUR 6 biljun allokati għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, u lanqas m’għandhom idewmu kwalunkwe inizjattiva oħra maħsuba biex il-qgħad attwali taż-żgħażagħ jiġi miġġieled b’mod effiċjenti.

1.4.

Il-KESE jqis din l-Inizjattiva bħala opportunità biex jiġi eżaminat il-ġejjieni tax-xogħol fl-Istati Membri – is-servizzi pubbliċi tal-impjieg iridu jsiru ħafna aktar proattivi, iridu jinħolqu sinerġiji aħjar bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-atturi tas-suq tax-xogħol, u ż-żgħażagħ għandhom ikunu infurmati b’mod adegwat u minnufih dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali tal-Inizjattiva abbażi ta’ sħubija. Il-KESE jixtieq ifakkar dwar l-impenn tiegħu fit-tul għat-tema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Huwa konvint li l-involviment tal-imsieħba soċjali fi strateġija tat-tkabbir, fir-riformi tas-suq tax-xogħol, fl-iskemi edukattivi u fir-riformi tal-amministrazzjoni kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ser jiżguraw il-kunsens ta’ firxiet kbar tal-popolazzjoni u għaldaqstant l-istabbiltà soċjali (2).

1.6.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja mill-qrib l-isfidi għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva u speċjalment għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-proċess ta’ monitoraġġ m’għandux ikun ibbażat biss fuq analiżi kwantitattiva iżda wkoll fuq indikaturi aktar kwalitattivi.

1.7.

Hemm bżonn investiment ikbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u fl-aħħar mill-aħħar ikun parti minn approċċ komprensiv għall-edukazzjoni. L-internati u l-apprendistati għandhom ikunu skemi ta’ kwalità. L-internati għandhom ikunu bbażati fuq għanijiet ta’ tagħlim u preferibbilment ikunu parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u m’għandhomx jissostitwixxu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

1.8.

Il-KESE huwa konvint li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, iridu jaqdu rwol kruċjali sabiex jiġi żgurat baġit sod tal-UE bil-għan li jiġi stimulat il-ħolqien ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ.

2.   Sfond

2.1.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ kienet proposta mill-Kunsill Ewropew tal-2013 b’baġit ta’ EUR 6 biljun għall-perjodu 2014-2020. Hija għandha tappoġġja b’mod partikolari liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) fir-reġjuni tal-Unjoni li fl-2012 kellhom rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ‘il fuq minn 25 % billi tintegrahom fis-suq tax-xogħol.

2.2.

Għalhekk, il-fondi taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandhom jintużaw għat-tisħiħ u t-tħaffif tal-miżuri deskritti fil-Pakkett dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-2012. B’mod partikolari, il-fondi huma disponibbli biex il-pajjiżi tal-UE jiffinanzjaw il-miżuri biex fir-reġjuni eliġibbli tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ miftiehma fl-2013 mill-Kunsill tal-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

2.3.

F’Diċembru 2014, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta’ 21,4 % fl-UE-28 u 23,0 % fiż-żona tal-euro (3), filwaqt li f’ċerti pajjiżi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b’mod inaċċettabbli – aktar minn 40 jew saħansitra 50 %. Anki jekk dawn ir-rati qed jonqsu bil-mod, xorta huma ħafna ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi u ż-żgħażagħ għadhom ma ħarġux mill-kriżi. Aktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej iħossu li f’pajjiżhom iż-żgħażagħ spiċċaw marġinalizzati u esklużi mill-ħajja ekonomika u soċjali minħabba l-kriżi (4).

2.4.

Sena wara li ġie adottat ir-Regolament tal-FSE dwar l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, dan għadu ma laħaqx il-potenzjal tiegħu. Il-finanzjament disponibbli bil-quddiem tal-impenji tal-Inizjattiva u l-miżuri speċifiċi l-oħra ma wasslux għall-mobilizzazzjoni mħaffa mistennija tar-riżorsi mill-istess Inizjattiva. Fost ir-raġunijiet ewlenin identifikati nsibu l-proċess li għaddej bħalissa tan-negozjar tal-programmi operazzjonali rilevanti u l-applikazzjoni tal-arranġamenti rispettivi ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri; il-kapaċità limitata tal-awtoritajiet li jniedu sejħiet għall-proġetti u li jipproċessaw l-applikazzjonijiet b’rata mgħaġġla u n-nuqqas ta’ prefinanzjament għat-tnedija tal-miżuri neċessarji.

2.5.

Din il-proposta għandha tindirizza din l-isfida u sfidi oħra. Skontha, il-prefinanzjament inizjali disponibbli mill-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fl-2015 ser jiżdied għal madwar EUR 1 biljun. Hija ma tbiddilx il-profil finanzjarju ġenerali tal-allokazzjonijiet nazzjonali li diġà ġew miftiehma, kulma tagħmel hu li tipproponi li jitressqu ‘l quddiem l-allokazzjonijiet li diġà ġew garantiti fil-baġit tal-UE għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ. Għalhekk, din il-proposta żżid il-flessibbiltà biex l-Istati Membri jaċċessaw dawn il-fondi u jimmobilizzawhom b’mod iktar komprensiv.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u d-dritt għal opportunitajiet ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ

3.1.1.

Il-miżuri finanzjati taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ għandhom ikunu bbażati fuq approċċ lejn iż-żgħażagħ u l-impjieg li jkun ibbażat fuq id-drittijiet; b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi kbira, il-kwalità tal-impjieg għaż-żgħażagħ m’għandhiex tkun kompromessa. Il-proġetti li jsiru taħt l-Inizjattiva għandhom jikkontribwixxu biex jiġu promossi impjiegi ta’ kwalità. Hemm evidenza dejjem tiżdied li turi li x-xogħol temporanju u part-time f’xi Stati Membri qed isir obbligu aktar milli għażla għaż-żgħażagħ.

3.1.2.

L-iskemi tal-internat (internship) u tal-apprendistati għandhom jiġu estiżi aktar taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ. L-internati (interns) għandhom ikunu ta’ kwalità. Dawn għandhom jikkostitwixxu esperjenza prezzjuża u utli fuq ix-xogħol għaż-żgħażagħ. L-internat għandu jkun ibbażat fuq għanijiet ta’ tagħlim u preferibbilment ikun parti mill-kurrikula edukattivi, biex jgħin fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u mhux biex jieħu post il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Il-kumpaniji għandhom ikunu inkoraġġuti li jingaġġaw l-internati wara tmiem l-internat.

3.2.   Il-prinċipju tas-sħubija

3.2.1.

Il-KESE jixtieq jenfasizza bil-qawwa li l-programmi operazzjonali (inklużi dawk finanzjati mill-FSE u għalhekk il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ) għandhom ikunu orjentati lejn azzjonijiet u miżuri li jirrispettaw il-prinċipju tas-sħubija. It-trattament ugwali u l-pluraliżmu fis-sħubija, is-sħubijiet immirati għall-programmi mmirati u l-bini tal-kapaċità msaħħaħ għandhom ikunu linji gwida importanti (5). Il-KESE jemmen li l-Kumitati ta’ Monitoraġġ bħala strument ta’ sħubija li jinvolvu wkoll lis-soċjetà ċivili organizzata għandhom jintużaw għal diskussjonijiet adatti dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fl-Istati Membri u l-monitoraġġ tagħha.

3.2.2.

It-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jista’ jiġi xprunat biss permezz ta’ approċċ transsettorjali ġenwin u l-iżvilupp ta’ sħubijiet effiċjenti li jinvolvu lin-negozji, is-settur taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, il-fornituri tat-taħriġ u l-edukazzjoni, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

3.2.3.

Sabiex tiġi indirizzata n-natura eteroġena tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, biex isir kontribut għat-tfassil ta’ servizzi adattati u biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni aħjar maż-żgħażagħ, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli li huma ‘l bogħod mis-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom jiġu involuti fit-tfassil, fil-monitoraġġ u, fejn applikabbli, fl-implimentazzjoni tal-miżuri finanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.2.4.

L-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-komunikazzjoni: jista’ jkollhom rwol fl-identifikazzjoni ta’ benefiċjarji żgħażagħ tal-miżuri taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar il-possibbiltajiet tal-iskemi;

3.3.   Ir-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

3.3.1.

Politiki tas-suq tax-xogħol li jinkoraġġixxu interventi bikrija biex jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol huma ta’ benefiċċju għall-karriera sħiħa tagħhom. Madankollu, huwa wkoll diffiċli ħafna għaż-żgħażagħ biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara l-ewwel esperjenza, għalhekk is-servizzi ta’ gwida tal-karriera għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ fit-tul.

3.3.2.

Sabiex ikunu effiċjenti, il-miżuri taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, speċjalment l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ser ikollhom ikunu akkumpanjati minn żieda fil-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. L-għoti ta’ ismijiet ġodda lis-sistemi falluti attwali mhuwiex biżżejjed. Garanzija għaż-Żgħażagħ ġusta u inklużiva għandha tiżgura tranżizzjoni rapida mill-iskola għax-xogħol billi toffri gwida mfassla għall-karrieri adatta li twassal għal offerti ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ kollha.

3.4.   Il-ħtieġa għal koerenza

3.4.1.

Il-miżuri mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m’għandhomx ikunu biss miżuri immedjati biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda għandhom jimmiraw ukoll biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jitnaqqas fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, li jeħtieġ investimenti iffokati fit-tul.

3.4.2.

It-tnaqqis baġitarju fis-servizzi soċjali u taż-żgħażagħ jikkontradixxi l-ispirtu tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jfixkel il-potenzjal tal-miżuri biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

3.4.3.

Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġiet differenti taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, il-proġetti finanzjati taħt l-Inizjattiva għandhom ikunu parti minn pakkett koerenti ta’ miżuri li jħaddan diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ. L-aċċess għall-iskemi soċjali għandu jkun garantit għaż-żgħażagħ u l-forom ta’ xogħol mhux standard għandhom jiġu regolati sabiex jilqgħu kontra xi effetti negattivi ta’ nuqqas ta’ sigurtà li jirriżultaw minn tali impjiegi. Barra minn hekk, attenzjoni speċifika hija meħtieġa biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol fuq il-bażi tal-età, is-sess, l-isfond ta’ migrazzjoni u oħrajn.

3.4.4.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ m’għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jużaw il-Fond Soċjali Ewropew ħalli jiffinanzjaw proġetti aktar wiesgħa relatati maż-żgħażagħ, speċjalment dawk dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja l-użu tal-fondi tal-FSE għall-proġetti relatati maż-żgħażagħ.

3.5.   Mill-edukazzjoni għax-xogħol u mix-xogħol għall-edukazzjoni

3.5.1.

Minħabba l-bidliet rapidi previsti fis-suq tax-xogħol, illum aktar minn qabel hemm il-ħtieġa ta’ investimenti qawwija fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Madankollu, il-politiki dwar il-ħiliet m’għandhomx jitqiesu biss bħala mezzi li jissodisfaw il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandhom jirrikonoxxu l-kompetenzi li jinkisbu permezz tal-edukazzjoni mhux formali, jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja u fl-aħħar mill-aħħar ikunu parti minn approċċ olistiku għall-edukazzjoni.

3.5.2.

It-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u x-xogħol tista’ wkoll tiġi megħjuna permezz ta’ sistema intelliġenti doppja li tikkombina l-edukazzjoni u x-xogħol, li tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu l-ewwel esperjenza professjonali tagħhom b’mod parallel għal edukazzjoni ta’ kwalità.

3.5.3.

L-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali u b’funzjonijiet trasversali jista’ jkun utli għaż-żgħażagħ biex ikunu ċittadini attivi u innovattivi. L-intraprenditorija għandha titqies ukoll bħala triq vijabbli li twassal għall-impjiegi għaż-żgħażagħ. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakoli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ meta jibdew intrapriża tagħhom stess, bħan-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu, in-nuqqas ta’ livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għall-intraprendituri żgħażagħ, kif ukoll nuqqas ta’ appoġġ mill-istrutturi edukattivi u governattivi.

3.5.4.

L-intraprenditorija soċjali trid tiġi promossa wkoll permezz tal-kapaċità tagħha li toħloq l-impjiegi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-komunità, tappoġġa s-sostenibbiltà ambjentali u tipproduċi kapital soċjali.

3.6.   Monitoraġġ tal-kwalità

3.6.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib l-isfidi għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u speċjalment għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġew identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2014 dwar il-kwalità tal-offerti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni attiva għan-NEETs, il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u n-nuqqas ta’ impenn effettiv mal-imsieħba rilevanti kollha.

3.6.2.

Il-proċess ta’ monitoraġġ m’għandux ikun ibbażat biss fuq analiżi kwantitattiva iżda wkoll fuq indikaturi aktar kwalitattivi. Dan jagħmilha possibbli mhux biss li jiġu identifikati miżuri li ma jkunux effiċjenti biex iż-żgħażagħ ikollhom impjieg iżda wkoll biex jiġu identifikati r-raġunijiet għalfejn miżuri bħal dawn ma jkunux irnexxew.

3.6.3.

Il-KESE jilqa’ l-qafas tal-indikaturi tal-EMCO għall-Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dawn l-indikaturi huma ferm ambizzjużi u dawn ser jimplikaw ħidma amministrattiva sinifikanti mill-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri ser ikollhom ikunu responsabbli biex jiġi żgurat il-ġbir effiċjenti tad-data.

3.7.   Estensjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ

3.7.1.

L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu l-miżuri ta’ politika għaż-żgħażagħ sal-età ta’ 30 sena. L-Istati Membri għandhom iqisu din il-possibbiltà meta l-Inizjattiva tiġi mmonitorjata u evalwata f’pajjiżhom.

3.8.   Ħolqien ta’ impjiegi

3.8.1.

Hemm bżonn politiki makroekonomiċi favur l-impjieg biex jiżdiedu l-investiment u t-tkabbir. L-investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-protezzjoni soċjali jistgħu jimmultiplikaw l-opportunitajiet tal-impjieg, filwaqt li l-investimenti f’setturi speċifiċi u innovattivi, bħalma huma l-ekonomija ekoloġika u l-industrija tal-ICT, jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ. Il-politiki fiskali favorevoli għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari biex jingħata appoġġ lill-interventi mmirati bħal dawn min-naħa tad-domanda, għandhom jkun parti minn dan l-approċċ usa’ biex jiġi miġġieled l-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ.

Brussell, it-18 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101.

(2)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 1.

(3)  Ċifri tal-Eurostat dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

(4)  Parlament Ewropew (2014), Flash Eurobarometer tal-Parlament Ewropew: Iż-Żgħażagħ Ewropej fl-2014.

(5)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 23.