10.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta’ Frar 2015

`dwar ir-reviżjoni tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

(CON/2015/4)

(2015/C 192/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-8 ta’ Awwissu 2014 il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (1) (iktar ‘il quddiem ir-“rapport tal-Kummissjoni”).

Il-kompetenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jagħti opinjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hija bbażata fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 (3). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Ir-rapport tal-Kummissjoni jirrevedi l-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS kif meħtieġ taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010. B’mod ġenerali, il-BĊE jappoġġa l-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rapport tal-Kummissjoni.

Fil-preżent, il-BĊE jikkunsidra li ma hemmx bżonn ta’ bidliet sinjifikanti fil-qafas legali tal-BERS. Il-perijodu ta’ reviżjoni kien relattivament qasir u l-BĊE jikkunsidra li l-BERS ħadem tajjeb, meta jintiżen kollox. Madankollu, ċerti aġġustamenti tekniċi fil-qafas operattiv tal-BERS għandhom itejbu l-effiċjenza tiegħu u jgħinu fil-kontribuzzjoni tiegħu li jipprevjeni u jtaffi r-riskji sistemiċi għal stabbiltà finanzjarja li tirriżulta minn żviluppi fi ħdan is-sistema finanzjarja. Dawn għandhom jiġu kkunsidrati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, meta jivvalutaw il-ħtieġa għal proposti leġiżlattivi konkreti (4). F’dan ir-rigward, meta jsiru proposti leġiżlattivi konkreti mill-Kummissjoni, il-BĊE għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-kompetenzi tiegħu taħt it-Trattati.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Appoġġ mogħti mill-BĊE lill-BERS

1.1.   Rabta bejn is-superviżjoni makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea u l-mandat tal-BĊE għall-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni bankarja

Il-BERS ġie stabbilit fl-2010 biex jagħmel sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-għan primarju tal-BĊE huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li fuqhom il-BĊE jiddefinixxi u jimplementa l-politika monetarja għaż-żona tal-euro. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) tikkontribwixxi għal funzjonament bla xkiel ta’ politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn il-politiki huma ddefiniti u mwettqa fuq il-bażi ta’ settijiet rilevanti ta’ varjabbli u analiżijiet makroekonomiċi u makrofinanzjarji.

Sa mill-bidu tiegħu, il-BERS seta’ jistrieħ fuq kompetenza teknika makroekonomika, finanzjarja u monetarja tal-banek ċentrali kollha tal-SEBĊ, partikolarment fl-oqsma tal-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja, l-analiżi makroekonomika, l-analiżi tal-kundizzjonijiet tas-suq u l-infrastrutturi tas-suq, kif ukoll fil-ġbir ta’ informazzjoni statistika. Barra minn hekk, il-BERS ibbenefika mis-sinerġiji fil-kompetenza teknika, ir-riżorsi u l-infrastruttura fil-kuntest tal-attivitajiet eżistenti tas-SEBĊ.

L-attivitajiet imwettqa mill-BĊE biex jappoġġa lill-BERS la jaffettwaw l-indipendenza istituzzjonali, funzjonali u finanzjarja tal-BĊE u lanqas it-twettiq mis-SEBĊ tal-kompiti tagħha skont it-Trattat u l-Istatut tal-Banek Ċentrali tas-Sistema Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-BĊE jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex ikompli jiżgura appoġġ analitiku, statistiku, finanzjarju u amministrattiv għall-BERS skont l-arranġamenti eżistenti, partikolarment skont ir-Regolament (UE) Nru 1096/2010. Fir-rigward tal-proposta mressqa minn diversi parteċipanti fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ l-awtonomija tal-BERS (5), il-BĊE jikkunsidra li għandu jkun hemm bilanċ xieraq peress li livell mhux ġustifikat ta’ awtonomija jkun inkompatibbli mad-dipendenza kontinwata tal-BERS fuq ir-reputazzjoni u l-kompetenza teknika tal-BĊE (6).

1.2.   Il-President tal-Bord Ġenerali tal-BERS

Il-BĊE jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jinżamm il-President tal-BĊE bħala President tal-Bord Ġenerali tal-BERS. Il-banek ċentrali għandhom rwol importanti fil-politika makroprudenzjali minħabba r-responsabbiltà tagħhom għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, il-kompetenza analitika tagħhom u l-informazzjoni li għandhom dwar l-ekonomija reali, is-swieq finanzjarji u l-infrastrutturi tas-suq. B’mod partikolari, il-BĊE jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS u jiżgura kooperazzjoni mill-qrib fil-livell tekniku b’rappreżentazzjoni reċiproka fil-Kumitat Tekniku Konsultattiv (ATC) tal-BERS u l-Kumitat ta’ Stabbiltà Finanzjarja tal-BĊE.

Il-parteċipazzjoni tal-gvernaturi tal-banek ċentrali kollha tas-SEBĊ fil-Bord Ġenerali tal-BERS, kif ukoll l-attribuzzjoni tal-Presidenza lill-President tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, tenfasizza l-importanza tar-rwol tal-banek ċentrali fil-funzjonament tal-BERS. Għalhekk, ir-rwol tal-President tal-BĊE bħala President tal-Bord Ġenerali tal-BERS m’għandux jinbidel.

Huwa importanti li l-President tal-BĊE jerġa’ jinħatar bħala President tal-Bord Ġenerali tal-BERS sal-aħħar tal-2015, billi r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jipprovdi limitazzjoni espliċita dwar it-tul tal-mandat (7). Għaldaqstant, proposta leġiżlattiva li tispeċifika l-modalitajiet għall-ħatra tal-Presidenza jkollha bżonn tiġi ppreparata u adottata fl-ewwel nofs tal-2015.

2.   Organizzazzjoni tal-BERS

2.1.   Rieżami tal-kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali tal-BERS

Fir-rigward tas-suġġeriment tal-Kummissjoni għal effiċjenza ikbar u għat-tnaqqis tad-daqs tal-Bord Ġenerali tal-BERS (8), il-BĊE jikkunsidra li hemm biss possibbiltajiet ferm limitati biex titnaqqas is-sħubija. Fil-fatt il-BĊE huwa tal-fehma li dawk kollha li jieħdu deċiżjonijiet makroprudenzjali għandhom jipparteċipaw fil-Bord Ġenerali. Minħabba r-rwol ċentrali tagħhom fil-politika makroprudenzjali, il-Bord Ġenerali għandu jinkludi rappreżentanti mill-banek ċentrali tas-SEBĊ u l-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali kollha, meta jkunu differenti mill-banek ċentrali, għalkemm mhux neċessarjament ikollhom dritt li jivvutaw. Barra minn hekk, ikun ta’ benefiċċju li l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) ikun irrappreżentat fil-Bord Ġenerali mingħajr dritt ta’ votazzjoni, jiġifieri bl-istess mod kif huma rrappreżentati s-superviżuri nazzjonali bħalissa.

2.2.   Rieżami tal-kompożizzjoni u kompiti tal-Kumitat ta’ Tmexxija

Il-BĊE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Pereżempju, il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jintuża bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar miżuri makroprudenzjali ppjanati qabel ma jiġu nnotifikati uffiċjalment lill-BERS, biex b’hekk jiġi żgurat l-involviment tal-awtoritajiet makroprudenzjali kollha kkonċernati. Dawn l-awtoritajiet makroprudenzjali jistgħu jiġu mistiedna bħala parteċipanti ad hoc fil-laqgħat rilevanti tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Dan jagħti lill-BĊE l-opportunità li jiddiskuti l-effetti possibbli ta’ konsegwenzi ulterjuri u ta’ kontaġju, partikolarment mal-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro, qabel ma jittieħdu miżuri makroprudenzjali. Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jadotta approċċ iktar proattiv li jħares ‘il quddiem meta jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-aġenda tal-Bord Ġenerali u fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ politika ewlenija taħt is-sura ta’ programm ta’ xogħol. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiżgura trasparenza fil-konfront tal-Bord Ġenerali fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti. Ir-rwol imsaħħaħ tal-Kumitat ta’ Tmexxija m’għandu bl-ebda mod jikkomprometti r-rwol tal-Bord Ġenerali bħala l-korp deċiżjonali waħdieni tal-BERS. Fl-aħħar nett, il-BĊN jikkunsidra li huwa ta’ benefiċċju li l-MSU huwa rrappreżentat fil-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.3.   Substrutturi oħrajn (ATC u ASC)

Il-BERS stabbilixxa diversi substrutturi biex jappoġġaw il-ħidma analitika tiegħu. Il-Kumitat ta’ Xjentifiku ta’ Konsulenza (Advisory Scientific Committee - ASC) jikkontribwixxi għall-ħidma tal-BERS f’diversi oqsma (9). L-ASC jipprovdi perspettiva iktar innovattiva, esterna u xjentifika għall-ħidma tal-BERS. Il-BĊE jikkunsidra li m’hemmx bżonn ta’ tibdil radikali fil-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ dawn il-Kumitati. Il-Kummissjoni ssuġġeriet xi oqsma għat-titjib, jiġifieri fir-rigward tad-daqs kbir tal-ATC, il-viżibbiltà tax-xogħol tal-ASC u rabta iktar mill-qrib tal-ASC mal-aġenda ġenerali tal-BERS (10). Il-fehma tal-BĊE hija li kull modifika fid-daqs tal-ATC għandha tirrifletti tibdil fil-kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali. Fir-rigward tal-ASC, jista’ jtejjeb il-viżibbiltà tiegħu billi jaħdem ukoll fuq kwistjonijiet prijoritarji, kif identifikati mill-Bord Ġenerali u l-Kumitat ta’ Tmexxija, sakemm l-ASC jibqagħlu l-possibbiltà li janalizza kwistjonijiet fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

2.4.   Ir-rwol ta’ Direttur Amministrattiv

Ir-rapport tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha teżamina ulterjorment il-possibbiltà li jinħoloq rwol ta’ Direttur Amministrattiv full-time inkarigat mill-attivitajiet ta’ kuljum tal-BERS (11). Filwaqt li bidla organizzattiva bħal din tista’ tkun ta’ benefiċċju (12), il-fatt li l-BERS se jkompli jistrieħ fuq l-appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku tal-BĊE jfisser li jinżamm profil għoli ta’ preżenza tal-BĊE fil-korpi deċiżjonali tal-BERS. Għal dan il-għan, il-ħatra ta’ Direttur Amministrattiv tal-BERS għandha tiġi bbilanċjata billi l-presidenza ex officio tal-Bord Ġenerali tiġi assenjata b’mod permanenti lill-President tal-BĊE (13). Barra minn dan, il-BĊE jissuġġerixxi li l-ambitu tar-rwol tad-Direttur Amministrattiv għandu jiġi kkjarifikat iktar, pereżempju fir-rigward tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Presidenza u l-Kap tas-Segretarjat, kif ukoll f’termini ta’ responsabbiltà u rekwiżiti ta’ rappurtar, kif ukoll ir-rappreżentanza esterna tal-BERS.

3.   Għodod tal-BERS

3.1.   Għodod ta’ komunikazzjoni (inklużi ittri u stqarrijiet pubbliċi)

Il-BĊE jikkunsidra li kjarifiki addizzjonali huma meħtieġa fir-rigward tal-proposta għall-espansjoni tal-għodod tal-BERS (14). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jkun hemm espansjoni tal-għodod kurrenti, li jinkludu twissijiet u rakkomandazzjonijiet bħala ż-żewġ għodod ewlenin ta’ komunikazzjoni, biex jinkludu l-eżerċizzju ta’ iktar setgħat ta’ persważjoni (“soft powers”). Bħala eżempju, ir-rapport tal-Kummissjoni jsemmi l-pubblikazzjoni ta’ ittri jew stqarrijiet bħala mezz għat-tisħiħ tal-flessibbiltà tal-funzjoni ta’ twissija bikrija qabel ma tinħareġ kwalunkwe twissija jew rakkomandazzjoni formali. Il-BĊE jappoġġa approċċ bħal dan, li għandu jippermetti lill-BERS li jenfasizza xi riskji fi stadju iktar bikri mingħajr ma jkollu neċessarjament joħroġ twissija formali.

3.2.   Il-parteċipazzjoni tal-BERS fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni

Il-BĊE jinnota li diversi minn dawk li pparteċipaw fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll ir-rapporti l-oħrajn fuq l-istess kwistjoni (15) ssuġġerew li l-BERS għandu jkun involut fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni f’forma jew oħra. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-proċeduri leġiżlattivi tal-Unjoni huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 diġà jipprovdi bażi għall-BERS biex joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (16).

Naturalment, il-kompetenza tal-BERS fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja tkun siewja fid-diskuzzjoni tal-inizjattivi tal-politika tal-Unjoni. Il-BĊE jikkunsidra li b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għal strateġija ta’ komunikazzjoni proattiva, il-BERS jista’ jipprovdi l-kontribut tiegħu fil-proċess leġiżlattiv billi, pereżempju, jindika lill-Kummissjoni oqsma fejn azzjoni leġiżlattiva fil-futur tista’ tkun meħtieġa. Triq oħra possibbli għall-involviment tista’ tkun il-parteċipazzjoni tal-BERS fil-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni. Madankollu, il-BĊE jikkunsidra li ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit rwol formali għall-BERS fil-proċedura leġiżlattiva tal-Unjoni lil hinn minn dak li huwa pprovdut diġà fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

4.   Aċċess tal-BERS għal dejta

4.1.   Għoti ta’ appoġġ statistiku lill-BERS mill-BĊE

Fid-dawl tal-esperjenza tiegħu fil-perijodu ta’ rieżami, il-BĊE jivvaluta l-qafas kurrenti għall-għoti ta’ dejta lill-BERS bħala xieraq u jikkonferma li s-Segretarjat tal-BERS u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jikkooperaw mill-qrib. Madankollu, jista’ jsir titjib fil-proċeduri relatati mal-iskambju tad-dejta.

Bħala parti mill-għoti tal-appoġġ statistiku tiegħu lill-BERS, il-BĊE żgura s’issa li r-rekwiżiti inizjali għar-rappurtar regolari ta’ dejta aggregata li hemm fid-Deċiżjoni BERS/2011/6 (17) jiġu osservati f’waqthom u b’dejta ta’ kwalità għolja. Id-Deċiżjoni BERS/2011/6 ġiet adottata wara kontribut importanti minn grupp konġunt li jinkludi rappreżentanti tas-Segretarjat tal-BERS, il-BĊE u l-ASE biex jindirizzaw il-ħtiġijiet statistiċi tad-dejta tal-BERS (18). Din id-dejta tintuża f’laqgħat regolari ta’ informazzjoni tal-Bord Ġenerali tal-BERS u l-ATC, u b’mod parikolari fit-tabella tar-riskju tal-BERS, li ilha tiġi ppubblikata kull trimestu sa minn Settembru 2012.

4.2.   Proċeduri ġenerali għall-aċċess għad-dejta

Il-BĊE jappoġġa wkoll effiċjenza ikbar fil-proċeduri ta’ aċċess għal dejta f’każijiet fejn id-dejta hija disponibbli diġà f’awtoritajiet Ewropej jew nazzjonali u hemm bżonn li jiġu speċifikati biss il-kontenut, il-format u drittijiet ta’ aċċess ta’ din id-dejta. Il-proċedura xorta għandha tippermetti lill-istituzzjonijiet jew korpi rispettivi (eż. l-ASE, l-awtoritajiet nazzjonali jew is-SEBĊ) li jivverifikaw li tiġi osservata kull restrizzjoni li jkun fadal, bħat-tixrid ta’ dejta. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ votazzjoni eżistenti tal-Bord Ġenerali tal-BERS xorta tibqa’ xierqa għal dawk il-każijiet meta d-dejta ma tkunx disponibbli u b’hekk tiġi attivata t-tnedija ta’ stħarriġ ad hoc ġenwin, li jkun jeħtieġ il-ġbir ta’ dejta mill-industrija finanzjarja.

4.3.   Aċċess tal-BERS għal dejta mhux aggregata

Sa minn meta ġie stabbilit, il-ħtiġijiet statistiċi tal-BERS dejjem ġew issodisfati, fil-biċċa l-kbira, permezz ta’ talbiet ad hoc, kemm aggregati kif ukoll speċifiċi għad-ditti. Madankollu, il-proċeduri għall-ġbir, l-ipproċessar u t-tixrid ta’ din id-dejta jieħdu fit-tul u huma ineffiċjenti u dan jaffettwa l-iskadenzi tax-xogħol analitiku sussegwenti. Wara li tiġi kkunsidrata l-kumplimentarjetà bejn id-dejta aggregata u fil-livell ta’ ditti għall-analiżi makroprudenzjali u t-tfassil tal-politika, jeħtieġ li jiġi rrivedut il-qafas restrittiv kurrenti għall-kisba tal-informazzjoni rilevanti. B’mod speċifiku, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jirrestrinġi l-kapaċità tal-BERS (permezz tas-Segretarjat tiegħu u l-funzjoni statistika u analitika ta’ appoġġ tal-BĊE) biex jikseb dejta fil-livell ta’ ditti individwali fil-waqt u b’mod xieraq sabiex titwettaq l-analiżi makroprudenzjali. Kellhom jiġu stabbiliti proċeduri tqal biex jiġu indirizzati dawk ir-restrizzjonijiet. Dawn jistgħu jkunu parzjalment eċċessivi, billi ċerta dejta fil-livell ta’ ditti, bħal dejta tal-prospett finanzjarju individwali ta’ banek elenkati, li bħalissa tmur fid-“dark room” ġestita mis-Segretarjat tal-BERS, tista’ tiġi attwalment ippubblikata mid-ditti.

Għalhekk, il-BĊE jappoġġa bi sħiħ rieżami tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 biex il-proċeduri għall-għoti ta’ dejta fil-livell ta’ ditti individwali ikunu iktar allinjati mar-rekwiżiti tal-BERS u inqas restrittivi, billi tiġi distinta dejta li hija sensittiva (eżempju fuq l-interkonnettività) u tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tal-kunfidenzjalità.

Il-BĊE jipproponi li ssir distinzjoni, simili għal dik li għamel il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (19), bejn dejta ta’ “istituzzjoni għal aggregat”, jiġifieri istituzzjoni waħda li tirrapporta fuq l-iskoperturi ġenerali globali tagħha bħall-kontijiet tal-karta ta’ bilanċ u tal-profitt u tat-telf, jew fil-konfront ta’ kategoriji differenti ta’ kontropartijiet (eż. banek, jew aġenziji tal-gvern) miġburin skont il-fatturi ta’ riskju, u dejta ta’ “istituzzjoni għal istituzzjoni”, jiġifieri istituzzjonijiet li jirrapportaw skoperturi bilaterali. Filwaqt li ż-żewġ każijiet jistgħu jinvolvu dejta kunfidenzjali u sensittiva, u għalhekk għandhom bżonn ikunu suġġetti għal protezzjoni tal-kunfidenzjalità u valutazzjoni attenta minn każ għal każ, il-kategorija ta’ dejta “istituzzjoni għal istituzzjoni” f’ħafna każijiet tkun iktar sensittiva u għal din ir-raġuni għandha tkun suġġetta għal restrizzjonijiet skont il-proċedura kurrenti. B’kuntrast, il-kategorija ta’ dejta “istituzzjoni għal aggregat” tista’ tkun suġġetta għal proċedura iktar simplifikata, mingħajr preġudizzju għad-dritt li jintalab trattament iktar strett f’każijiet speċifiċi meta jkun iġġustifikat minħabba s-sensittività tad-dejta kkonċernata. F’qasam fejn id-dejta aggregata ma tkunx tajba għall-finijiet analitiċi minħabba fatturi konsegwenzjali u riskji assoċjati, miżuri ta’ distribuzzjoni huma essenzjali u jeħtieġu iktar granularità. Wieħed għandu jiftakar ukoll li l-parti l-kbira mid-dejta tiġi rrapportata diversi ġimgħat, jew anki xhur, wara l-perijodu ta’ referenza, u għalhekk tkompli titlef iktar is-sensittività tagħha.

Il-Bord Ġenerali tal-BERS jista’ jistabbilixxi proċeduri fir-rigward tat-tqassim ta’ din id-dejta “istituzzjoni għal aggregat” u fil-livell ta’ ditti, fi ħdan il-qafas legali globali li jirregola dan l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-BĊE għandu fis-seħħ proċeduri xierqa għall-protezzjoni ta’ dejta ġenwinament kunfidenzjali u jista’ juża l-esperjenza estensiva tiegħu f’dak ir-rigward (20).

4.4.   Rekwiżiti ta’ rappurtar superviżorju

Fl-aħħar nett, il-BĊE jinkoraġġixxi lill-ASE biex jagħtu piż xieraq lill-bżonnijiet tal-BERS meta jikkunsidraw rekwiżiti ta’ rappurtar superviżorji ġodda jew emendati, sabiex jirriflettu aħjar il-bżonnijiet analitiċi makroprudenzjali. Min-naħa tiegħu, il-BĊE diġà jikkunsidra r-rekwiżiti tad-dejta tal-BERS f’xogħol ta’ żvilupp dejjem għaddej għal statistika ġdida jew imtejba, permezz tal-“eżerċizzji tal-merti u l-ispejjeż”, li huma ekwivalenti għall-“valutazzjonijiet tal-impatt” tal-Kummissjoni.

5.   Interazzjoni bejn il-BERS u l-MSU

5.1.   Rappreżentanza tal-MSU fl-istrutturi tal-BERS

Fiż-żmien meta saru l-arranġamenti ta’ governanza tal-BERS, l-Unjoni Bankarja kienet għadha mhijiex fis-seħħ. Biex jirrifletti t-tibdil fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Bankarja, inkluż it-twaqqif tal-MSU, ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 għandu jipprovdi espliċitament għal rappreżentanza tal-MSU fil-Bord Ġenerali tal-BERS (21). Kif ġie innutat, għandu jkun hemm provvediment għar-rappreżentanza tal-MSU fil-Kumitat tat-Tmexxija (22). Fl-aħħar nett, ir-rappreżentanza tal-MSU fl-ATC għandu jitqies li jkun utli.

5.2.   Ir-rwol tal-BERS fl-applikazzjoni ta’ għodod makroprudenzjali fi ħdan l-MSU

Għandu jiġi nnutat li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (23) jafda espressament lill-BĊE b’responsabbiltajiet politiċi u poteri fil-qasam makroprudenzjali (24), li jiġu eżerċitati fuq maġġoranza ta’ membri tal-BERS. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bil-miżuri makroprudenzjali li jkollhom il-ħsieb li japplikaw. Min-naħa l-oħra l-BĊE jista’, jekk iqis li huwa meħtieġ, japplika rekwiżiti ogħla.

F’Marzu 2014 il-BERS ippubblika rapport ewlieni dwar il-politika makroprudenzjali fis-settur bankarju (25). Ir-rapport jgħid li l-BERS għandu jservi bħala punt ċentralizzat għall-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar miżuri ta’ politika makroprudenzjali fl-Unjoni. Il-BERS diġà rrakkomanda li l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni fuq bażi transkonfinali wkoll, partikolarment billi l-BERS jiġi infurmat bl-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu indirizzati r-riskji sistemiċi fil-livell nazzjonali (26). Barra minn hekk, il-BERS irrakkomanda li l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jinfurmaw lill-BERS qabel l-applikazzjoni ta’ strumenti makroprudenzjali fil-livell nazzjonali jekk ikunux mistennija effetti transkonfinali sinjifikanti fuq Stati Membri oħra jew fuq is-suq uniku (27).

Huwa essenzjali li s-superviżjoni makroprudenzjali tal-BERS issir wara li jitqiesu r-rwoli u l-funzjonijiet tal-BĊE fil-qasam makroprudenzjali (28). Jista’ jiġi evitat xogħol duplikat billi ssir distinzjoni ċara bejn il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BERS. F’dan l-isfond, huwa previst li l-Bord Ġenerali tal-BERS u l-korpi deċiżjonali tal-BĊE rilevanti jistabbilixxu regoli ċari dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS.

5.3.   Destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 bħalissa jipprovdi għal numru potenzjalment mingħajr limitu ta’ destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS (29). Il-BERS diġà ħareġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, lill-awtoritajiet nazzjonali nominati, lill-Awtorità Ewropea Bankarja u lill-Kummissjoni.

Fl-istess ħin, ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 huwa pjuttost restrittiv fir-rigward tal-indirizzati li huma meħtieġa li jipprovdu evidenza għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS, taħt il-mekkaniżmu “aġixxi jew spjega” (30). Tabilħaqq, huma biss uħud mid-destinatarji ta’ hawn fuq li huma meħtieġa li jirrapportaw lura dwar il-passi meħuda biex jikkonformaw ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Kemm jista’ jkun, għandhom jiġu evitati assimetriji bħal dawn.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, ikun meħtieġ li jitqies jekk il-qafas legali għandux jipprovdi li l-BERS jista’, fi ħdan il-mandat tiegħu, joħroġ rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet nazzjonali makroprudenzjali, kif ukoll lill-BĊE fil-funzjonijiet superviżorji mikroprudenzjali u makroprudenzjali tiegħu (31). Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni tal-BĊE bħala destinatarju potenzjali bl-ebda mod ma għandu jippreġudika l-għan primarju tal-BERS li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat (32). F’dan ir-rigward, għandhom jiġu żgurati komunikazzjoni u tqassim ta’ informazzjoni ex ante ċari bejn il-Bord Ġenerali tal-BERS u l-korpi deċiżjonali tal-BĊE rilevanti, kif issuġġerit iktar ‘il fuq (33).

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2014) 508 final.

(2)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162).

(4)  Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(5)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni, Taqsima 3.2.1.

(6)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni, Taqsima 3.2.1.

(7)  Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(8)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni, Taqsima 4.

(9)  Ara l-Mandat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, disponibbli fil-websajt tal-BERS.

(10)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument tar-Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), p. 16.

(11)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni, Taqsima 3.2.1.

(12)  B’mod partikolari billi tikkontribwixxi għat-titjib tal-viżibbiltà tal-BERS u l-iffaċilitar ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kuljum fi ħdan il-BERS.

(13)  Kif irrakkomandat fil-paragrafu 1.2 ta’ din l-opinjoni.

(14)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni, Taqsima 3.2.3.

(15)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) (2013/2166(INL)).

(16)  Ara l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(17)  Deċiżjoni BERS/2011/6 tal-21 ta’ Settembru dwar il-provvediment u l-ġbir ta’ informazzjoni għas-sorveljanza makro-prudenzjali tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni (ĠU C 302, 13.10.2011, p. 3).

(18)  Iktar dettalji dwar ix-xogħol li sar għat-tħejjija, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ sett inizjali ta’ informazzjoni statistika u superviżorja meħtieġ bħala appoġġ għall-BERS huma ppreżentati minn Israel J-M., Sandars P., Schubert A., u Fischer B. (2013), Statistics and Indicators for Financial Stability Analysis and Policy, Occasional Paper Series, Nru 145, ECB, Frankfurt am Main, April 2013.

(19)  Ara tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja, Consultation Paper, Understanding Financial Linkages: A Common Data Template for Global Systemically Important Banks, [Dokument Konsultattiv, Nifhmu r-Rabtiet Finanzjarji: Mudell ta’ Dejta Komuni għal Banek Sistemikament Importanti Globalment, 6 ta’ Ottubru 2011].

(20)  B’mod partikolari, dejta miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 3, p. 23-24) hija suġġetta għal miżura ta’ protezzjoni speċifikata skont l-Artikolu 8 tal-istess Regolament, biex tiġi żgurata l-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali.

(21)  Ara wkoll il-paragrafu 2.1 ta’ din l-opinjoni.

(22)  Ara wkoll il-paragrafu 2.2 ta’ din l-opinjoni.

(23)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(24)  Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(25)  Ara l-Flagship Report on Macro-prudential Policy in the Banking Sector [Rapport Ewlieni fuq il-Politika Makroprudenzjali fis-Settur Bankarju] disponibbli fil-websajt tal-BERS www.esrb.europa.eu

(26)  Ara r-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3, rakkomandazzjoni B4.

(27)  Ara r-Rakkomandazzjoni BERS/2013/1, rakkomandazzjoni C3.

(28)  B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 diġà jipprovdi referenza għad-disinn tal-interazzjoni bejn pajjiżi tal-MSU u l-BERS fir-rigward tal-kwisjtonijiet makroprudenzjali, billi jippreskrivi li, filwaqt li l-mandat tal-BERS jibqa’ intatt, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-awtoritajiet nazzjonali nominati u l-BĊE jaġixxu fir-rigward ta’ kwalunkwe proċedura ta’ koordinazzjoni li hemm prevista f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Ara l-premessa 24.

(29)  Ara l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(30)  Ara l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(31)  Kif kien issuġġerit diġà fit-Taqsima 2.1.1(a) tar-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-18 ta’ Ġunju 2014 dwar gwida għall-iffissar tar-rati tar-riżerva kontroċiklika (ĠU C 293, 2.9.2014, p. 1).

(32)  Ara l-Grupp tal-Livell Għoli dwar ir-Rieżami tal-BERS, Kontribuzzjoni għar-Rieżami tal-BERS, Marzu 2013.

(33)  Ara l-paragrafu 5.2 ta’ din l-opinjoni.