18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 455/4


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Marine Harvest/Morpol (Art. 14 (2) proc.)

(M.7184)

(2014/C 455/04)

1.

L-abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) jikkonkludi, essenzjalment li Marine Harvest ASA (“Marine Harvest”), bl-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni li tammonta għall-akkwiżizzjoni tal-kontroll sħiħ ta’ Morpol ASA (“Morpol”) qabel ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, kisret in-notifika minn qabel u “l-obbligu ta’ waqfien” li jsegwi rispettivament mill-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Marine Harvest innotifikat l-akkwiżizzjoni ta’ kontroll uniku fuq Morpol lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Awwissu 2013. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni hi kompatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji offruti minn Marine Harvest. Dik id-deċiżjoni alludiet għall-possibilità ta’ proċedura separata relatata mal-ksur possibbli tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (3).

3.

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni informat lil Marine Harvest bl-investigazzjoni fis-seħħ tagħha f’dan il-ksur possibbli u bil-ftuħ ta’ każ separat ġdid relatat ma’ dik l-investigazzjoni.

4.

Fil-31 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), li fiha hija stabbiliet l-opinjoni preliminari tagħha li Marine Harvest kisret l-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

5.

Fl-ittra li takkompanja d-DO, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“id-DĠ Kompetizzjoni”) offra lil Marine Harvest l-opportunità li jinkiseb aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

6.

Fuq talba ta’ Marine Harvest, id-DĠ Kompetizzjoni estenda l-limitu ta’ żmien biex tingħata tweġiba għad-DO, mill-24 ta’ April 2014 sat-30 ta’ April 2014. Marine Harvest wieġbet għad-DO fit-30 ta’ April 2014.

7.

Is-seduta orali formali saret fil-6 ta’ Mejju 2014. Attendew Marine Harvest u l-konsulenti legali tagħha, uffiċjali mid-dipartimenti u s-servizzi tal-Kummissjoni involuti fil-każ, u rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ tmien Stati Membri tal-UE.

8.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom Marine Harvest ingħatat l-opportunità li tgħarraf l-opinjonijiet tagħha. Jiena tal-fehma li hekk sar.

9.

B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul din il-proċedura.

Brussell, l-10 ta’ Lulju 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2013 fil-każ M.6850 Marine Harvest/Morpol, paragrafu 9.