29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/3


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-Politika u l-Governanza tal-Internet — ir-rwol tal-Ewropa fit-tiswir tal-ġejjieni tal-Governanza tal-Internet

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, il-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq il-websajt tal-KEPD www.edps.europa.eu)

2014/C 246/04

I.   INTRODUZZJONI

I.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-12 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-Politika u l-Governanza tal-Internet (“il-Komunikazzjoni”) (1). Il-Komunikazzjoni ġiet adottata wara r- rivelazzjonijiet dwar skema ta’ sorveljanza fuq skala kbira implimentata mill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti fuq (u permezz ta’) l-Internet, li affettwat il-fiduċja fl-Internet u l-mudell ta’ governanza attwali tagħha u talbet għal riforma immedjata.

2.

Aħna jiddispjaċina li ma ġejniex ikkonsultati qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni. Madankollu, minħabba li l-Governanza tal-Internet u d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma relatati mill-qrib, aħna ddeċidejna li nippubblikaw din l-Opinjoni fuq inizjattiva tagħna stess, skont l-Artikolu 41 (2) tar-Regolament 45/2001.

I.2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.

Il-Komunikazzjoni tipproponi bażi għal viżjoni Ewropea komuni għall-Governanza tal-Internet. B’mod partikolari, fost affarijiet oħrajn, hija allegatament:

tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi, kif ukoll l-istrutturi ta’ governanza b’diversi partijiet interessati bbażati fuq regoli ċari u fuq ir-rispett għal dawk id-drittijiet u l-valuri;

tippromwovi netwerk waħdieni u mhux ifframmentat, soġġett għall-istess normi u liġijiet li japplikaw f’oqsma oħrajn ta’ ħajjitna, fejn l-individwi jistgħu jibbenifikaw minn drittijiet u rimedji ġudizzjarji, f’każ li d-drittijiet tagħhom jinkisru (2).

4.

Sabiex tagħmel dan, il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-oqsma ta’ politika ewlenin rilevanti għall-ekosistema kumplessa tal-Governanza tal-Internet, jiġifieri l-iżvilupp ta’ prinċipji tal-governanza tal-Internet, oqfsa kooperattivi u funzjonijiet ewlenin tal-Internet. Hija tagħmel ukoll proposti konkreti dwar kif jista’ jissaħħaħ il-mudell attwali ta’ diversi partijiet interessati. Fl-aħħarnett, hija tħares ’il quddiem lejn uħud mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-Governanza tal-Internet fil-ġejjieni, jiġifieri l-interazzjoni qawwija bejn normi tekniċi u l-politika dwar l-Internet, l-isfidi ewlenin fil-bini mill-ġdid tal-fiduċja u l-kunflitti tal-ġurisdizzjonijiet u l-liġijiet.

5.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-prinċipji sottostanti tar-riforma għandhom jikkonsistu f’aktar trasparenza, responsabbiltà u inklussività fil-mod kif jiġi amministrat l-Internet.

6.

Il-Kummissjoni tpoġġi l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, li “mhumiex negozjabbli” u li “għandhom ikunu protetti online”, fil-qalba tar-riforma (3).

I.3.   L-Għan tal-Opinjoni

7.

Minn mindu ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni, id-diskussjoni dwar l-iżvilupp tal-Governanza tal-Internet baqgħet għaddejja, notevolment waqt il-laqgħa tal-ICANN li saret f’Singapor f’Marzu 2014 u waqt il-Laqgħa Globali ta’ Diversi Partijiet Interessati dwar il-Ġejjieni tal-Governanza tal-Internet (NetMundial) li saret fil-Brażil f’April 2014. Id-diskussjoni ser tissokta waqt il-laqgħa tal-ICANN li sejra ssir f’Londra f’Ġunju 2014.

8.

Permezz ta’ din l-opinjoni, aħna nixtiequ li nikkontribwixxu għad-dibattitu, billi kwalunkwe riforma ta’ Governanza tal-Internet x’aktarx li jkollha impatt sinjifikanti fuq iċ-ċittadini u fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom, mhux l-inqas id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Filwaqt li din l-Opinjoni tindirizza kwistjoni ta’ natura globali u filwaqt li tieħu f’kunsiderazzjoni l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fil-livell globali, hija tiffoka fuq l-azzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-Unjoni Ewropea u mill-istituzzjonijiet tagħha sabiex jinfluwenzaw id-dibattitu u l-istrutturi tal-Governanza tal-Internet u l-proċessi infushom.

9.

Din l-Opinjoni tikkonsisti fi tliet taqsimiet. It-Taqsima II hija ispirata mir-relazzjoni stretta li teżisti bejn il-Governanza tal-Internet, fuq naħa waħda, u l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fuq in-naħa l-oħra. It-Taqsima III tesplora kif is-sistema attwali tal-liġi tal-UE tista’ tgħin fit-tiswir tal-Internet, billi tiffoka fuq il-miżuri u r-regoli li jiżguraw li d-drittijiet individwali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta jiġu ssodisfati kif xieraq. It-Taqsima IV tittratta l-azzjoni ulterjuri li tidher kemm mixtieqa kif ukoll neċessarja sabiex il-Governanza tal-Internet tkun tista’ tissawwar b’mod sodisfaċenti u timmira li tipprovdi reazzjoni f’waqtha għall-kwistjonijiet li jqajjem l-Internet ta’ kuljum.

V.   KONKLUŻJONI

67.

Aħna nilqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni biex jiġu identifikati l-oqsma tal-politika ewlenin li jeħtieġu riforma, wara l-iskandli tas-sorveljanza li xejnu l-fiduċja tal-utenti tal-Internet bħala għodda sabiex jipparteċipaw f’dibattitu demokratiku.

68.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa għal mudell komuni u tassew globali tal-Governanza tal-Internet u, bħala konsegwenza, impenjat ruħha għal numru ta’ inizjattivi li jimmiraw li jagħmlu l-proċess ta’ riforma kemm jista’ jkun inklużiv u trasparenti.

69.

Billi bnejna fuq l-isforzi u l-proposti tal-Kummissjoni, aħna fformulajna numru ta’ suġġerimenti f’din l-Opinjoni, li huma intiżi biex jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjonijiet kritiċi li jikkonċernaw ir-relazzjoni stretta li teżisti bejn il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta u l-Internet.

70.

B’mod partikolari, ir-rimarki tagħna jiffokaw fuq il-punti li ġejjin:

Id-diskussjonijiet dwar il-politika tal-Internet għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni n-natura tad-drittijiet fundamentali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Dawn id-drittijiet huma l-bażi tal-interazzjonijiet tal-utenti fuq l-internet u għandhom jiġu protetti kemm online kif ukoll offline.

Id-diskussjonijiet fuq il-Governanza tal-Internet għandhom jinkludu l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta bħala prijorità.

Fil-qafas ta’ approċċ b’diversi partijiet interessati għall-Governanza tal-Internet, aħna favur miżuri li jiżguraw rappreżentanza wiesgħa tal-partijiet interessati, inkluż ir-rikonoxximent tar-rwol tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta fit-titjib tal-konsistenza tal-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-livell globali.

Aħna nilqgħu l-fatt li l-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi l-adozzjoni bla xkiel tal-leġiżlazzjoni ewlenija, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li ġie propost. It-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u d-dritt għat-tħassir għandhom isiru parti mir-riforma tal-Governanza tal-Internet.

Il-Kummissjoni għandha tippromwovi approċċ komprensiv għall-Governanza tal-Internet, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-dejta personali. Aħna nistiednu lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni bil-għan li tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki dwar is-sigurtà fil-livell globali, billi kwalunkwe kunflitt ta’ tali politiki jista’ jipperikola s-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta.

Aħna nilqgħu r-referenza tal-Kummissjoni għar-relazzjoni mill-qrib bejn id-disinn teknoloġiku u l-protezzjoni tad-dejta. Aħna nħeġġu lill-Kummissjoni sabiex taħdem lejn l-inklużjoni tal-aqwa standards tal-protezzjoni tad-dejta fit-teknoloġija fil-fażi bikrija tad-disinn (protezzjoni tad-dejta mid-disinn u protezzjoni tad-dejta b’mod awtomatiku).

Fir-rigward tan-newtralità tan-netwerk, aħna nirrakkomandaw bil-qawwa li, mingħajr preġudizzju għad-dibattitu attwali dwar in-newtralità tan-netwerk, kull soluzzjoni finalment adottata għandha tiġbor kunsens wiesa’ fir-rigward tal-prinċipji li għandhom jiġu applikati u fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-utenti u d-drittijiet tagħhom.

Aħna nappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni rapida għall-kunflitti tal-liġi li spiss jinqalgħu b’rabta mal-Internet u li jipperikolaw id-drittijiet tal-utenti għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta. Aħna nipproponu wkoll li, f’każijiet li jinvolvu ġurisdizzjonijiet kunfliġġenti, l-utenti jingħataw informazzjoni addizzjonali u aktar preċiża dwar il-liġijiet li jirrigwardjaw il-protezzjoni tad-dejta u s-salvagwardji applikati għall-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom.

Aħna qegħdin nappellaw għal sforzi akbar, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn partijiet interessati privati u pubbliċi oħrajn, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll il-konverġenza tal-partijiet interessati internazzjonali fuq l-istandards tal-protezzjoni tad-dejta u tekniċi komuni.

Aħna nistennew li l-Kummissjoni turi sens ta’ tmexxija u taġixxi bħala katalista fid-diskussjonijiet dwar il-mudell ġdid tal-Governanza tal-Internet. B’mod partikolari, inħeġġu lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi standards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll sabiex tinkoraġġixxi l-adeżjoni minn pajjiżi terzi mal-istandards rilevanti internazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta. Barra minn hekk, aħna nappoġġjaw l-adozzjoni ta’ strument internazzjonali li jitlob ir-rispett għall-istandards tal-protezzjoni tad-dejta mill-korpi tal-intelliġenza u tal-infurzar tal-liġi.

Magħmul fi Brussell, it-23 Ġunju 2014

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2014) 72 final.

(2)  Ara l-Komunikazzjoni, p. 2.

(3)  Il-Viċi President tal-Kummissjoni Neelie KROES, stqarrija għall-istampa IP/14/142 tat-12.02.2014.