23.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza partiċipatorja tal-patrimonju kulturali

(2014/C 463/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR:

1.

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar Governanza Kulturali (1) li ssottolinjaw l-importanza li l-governanza kulturali ssir aktar miftuħa, parteċipattiva, effettiva u koerenti u stiednu lill-Istati Membri sabiex jippromwovu approċċ parteċipattiv għat-tfassil tal-politika kulturali;

2.

fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli (2) li rrikonoxxew li l-wirt kulturali għandu rilevanza politika transettorjali u għandu rwol speċifiku biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u appellaw lill-Istati Membri biex jippromwovu l-mudelli ta’ politika dwar il-wirt fuq perijodu fit-tul li jkunu bbażati fuq l-evidenza u ggwidati mis-soċjetà u ċ-ċittadini;

WAQT LI JILQA’:

3.

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” li rrikonoxxa li l-wirt kulturali huwa riżorsa kondiviża u ta’ ġid komuni u għalhekk il-ħarsien tal-wirt kulturali hija responsabbiltà komuni (3);

WARA LI KKUNSIDRA:

4.

iż-żieda fir-rikonoxximent fil-livell internazzjonali ta’ approċċ iffukat fuq in-nies u bbażat fuq il-kultura biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u l-importanza ta’ sistemi ta’ governanza trasparenti, parteċipattivi u infurmati għall-kultura biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-membri kollha tas-soċjetà (4);

5.

iż-żieda fir-rikonoxximent fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali tad-dimensjoni soċjali tal-wirt kulturali u l-importanza li jiġu attivati sinerġiji fost il-partijiet ikkonċernati differenti biex jissalvagwardjaw, jiżviluppaw u jittrasmettu l-wirt kulturali lill-ġenerazzjonijiet futuri (5);

6.

l-adozzjoni ta’ approċċ ibbażat lokalmentu approċċ iffukat fuq in-nies għall-wirt kulturali f’diversi programmi tal-UE, inkluż fil-programm ta’ riċerka Orizzont 2020 u l-approċċ immexxi mill-komunità għall-iżvilupp lokali appoġġat mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment. Dan l-approċċ huwa rikonoxxut ukoll mill-Inizjattiva għal Programmazzjoni Konġunta “Il-Wirt Kulturali u t-Tibdil fid-Dinja: sfida ġdida għall-Ewropa”;

7.

l-adozzjoni tal-approċċi parteċipattivi fl-azzjonijiet tal-UE għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura u ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (6);

WAQT LI JIRRIKONOXXI LI l-governanza parteċipattiva tal-wirt kulturali (7):

8.

toffri opportunitajiet biex jitrawmu l-parteċipazzjoni demokratika, is-sostenibbiltà u l-koeżjoni soċjali u biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, politiċi u demografiċi tal-lum;

9.

tfittex l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-qafas tal-azzjoni pubblika - jiġifieri l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi, l-atturi privati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, is-settur tal-volontarjat u n-nies interessati - fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi u l-politiki dwar il-wirt kulturali biex jiżdiedu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-investimenti tar-riżorsi pubbliċi kif ukoll biex tinbena l-fiduċja pubblika fid-deċiżjonijiet dwar il-politika;

10.

tikkontribwixxi għal żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri tal-wirt kulturali bħala riżorsa kondiviża, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju tal-użu ħażin u jiżdiedu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi;

11.

tappoġġa x-xogħlijiet kulturali, artistiċi u kreattivi kontemporanji li għandhom rabta mill-qrib mal-identità u l-valuri u li sikwit huma bbażati fuq l-għarfien espert tradizzjonali u l-wirt intanġibbli tan-nies, u għalhekk jistgħu jirrappreżentaw il-wirt kulturali tal-ġenerazzjonijiet futuri;

12.

tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġoddali jirriżultaw minn globalizzazzjoni, diġitalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda li qed jibdlu l-mod li bih il-wirt kulturali jinħoloq, jiġi aċċessat u jintuża;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

13.

jiżviluppaw oqfsa ta’ governanza b’diversi livelli u diversi partijiet ikkonċernati li jirrikonoxxu l-wirt kulturali bħala riżorsa kondiviża bit-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-livelli ta’ governanza lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-wirt kulturali, bir-rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex ikunu previsti l-benefiċċji għan-nies fil-livelli kollha;

14.

jippromwovu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti billi jiżguraw li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun possibbli fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

15.

jippromwovu oqfsa ta’ governanza li jirrikonoxxu l-importanza tal-interazzjoni bejn il-wirt kulturali tanġibbli, intanġibbli u diġitali u li jindirizzaw, jirrispettaw u jtejbu l-valuri soċjali, kulturali, simboliċi, ekonomiċi u ambjentali tiegħu;

16.

jippromwovu oqfsa ta’ governanza li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politiki trasversali, li tippermetti lill-wirt kulturali li jikkontribwixxi lejn objettivi f’oqsma ta’ politika differenti, inkluż it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

17.

jiżvilppaw sinerġiji bejn l-istrateġiji sostenibbli għat-turiżmu u s-setturi kulturali u kreattivi lokali, anke permezz tal-promozzjoni tal-oqfsa ta’ governanza li jinvolvu b’mod attiv lin-nies, lokali biex titrawwem offerta ta’ turiżmu kulturali sostenibbli u ta’ kwalità u jingħata kontribut għal ħajja ġdida fiż-żoni urbani u rurali, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-integrità u jinżammil-valur kulturali tal-wirt u jkun hemm bilanċ bejn l-opportunitajiet ekonomiċi u l-benesseri taċ-ċittadini;

18.

jagħmlu użu adatt mill-finanzjament tal-UE kif ukoll minn dak nazzjonali għal dawn l-għanijiet;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI SABIEX, FL-OQFSA TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U FIR-RISPETT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

19.

jikkooperaw dwar il-kwistjonijiet relatati mal-governanza parteċipattiva tal-wirt kulturali, inkluż il-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2015–2018 (8), sabiex jiġu identifikati u mifruxa l-aqwa prassi u tiżdied il-kapaċità li s-settur tal-wirt kulturali jimpenja ruħu ma’ dawk il-kwistjonijiet b’mod effettiv;

20.

jippromwovu t-trasmissjoni tal-ħiliet tradizzjonali u l-għarfien fost il-ġenerazzjonijiet kif ukoll l-użu innovattiv tagħhom u r-reċiproċità permezz tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi;

21.

jagħmlu użu mill-mezzi diġitali sabiex jiżdied l-aċċess għall-governanza tal-wirt kulturali, u l-parteċipazzjoni fiha, għall-gruppi soċjali kollha;

22.

jesploraw ir-rwol tal-komunitajiet virtwali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-wirt kulturali, fl-appoġġ għall-ġestjoni tal-wirt kulturali, fl-iżvilupp tal-għarfien u fil-finanzjament (pereżempju permezz ta’ esternalizzazjoni fuq skala kbira (crowd-sourcing) u l-finanzjament kollettiv (crowd-funding));

23.

jagħmlu progress konkret fil-governanza tal-Europeana (9) biex tkun garantita s-sostenibbiltà fit-tul tagħha u l-iżvilupp tagħha bħala proġett iggwidat mill-wirt kulturali, kif ukoll biex tkun faċilitata r-rabta tagħha mal-edukazzjoni, it-turiżmu kulturali u setturi oħra; jippromwovu, fejn adatt, l-użu mill-ġdid tal-kontenut tal-wirt kulturali diġitali biex titjieb id-diversità kulturali u jiġi stimulat l-użu tal-għarfien dwar il-wirt fl-espressjoni artistika kontemporanja u mis-setturi kreattivi u kulturali;

24.

jippromwovu l-parteċipazzjoni ċivika fil-qafas ta’ mudell ta’ żvilupp intelliġenti għall-ibliet Ewropej li jintegra b’mod attiv il-wirt kulturali biex jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u biex tingħata ħajja ġdida għall-villaġġi Ewropej, sabiex dawn ikunu konnessi mas-siti u t-territorji relatati, tiġi promossal-attrattività tagħhom kif ukoll biex jiġu jattira investimenti, attivitajiet ekonomiċi ġodda u intrapriżi;

25.

isegwu l-Komunikazzjoni “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” biex naħdmu flimkien dwar l-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea komprensiva għall-wirt kulturali;

26.

itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco biex jiġi promoss approċċ parteċipattiv għall-governanza tal-wirt kulturali;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

27.

tippromwovi riċerka bbażata fuq l-evidenza dwar l-impatt tal-approċċi parteċipattivi fil-politiki u l-governanza tal-wirt kulturali sabiex jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-approċċi strateġiċi għall-wirt kulturali;

28.

tkompli bid-djalogu mal-organizzazzjonijiet u l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-politika marbuta mal-wirt kulturali u tqis li tippreżenta proposta għal “Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali”.


(1)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 8.

(2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36.

(3)  dok. 12150/14.

(4)  Konferenza tan-NU “Il-Futur li Rridu” (Rio de Janeiro, Ġunju 2012); Kungress tal-Unesco “Inqiegħdu l-Kultura fil-Qalba tal-Politiki dwar l-Iżvilupp Sostenibbli” (Hangzhou, Mejju 2013); Forum tal-Unesco “Kultura, Kreattività u Żvilupp Sostenibbli. Riċerka, Innovazzjoni, Opportunitajiet” (Firenze, Ottubru 2014).

(5)  Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta’ Faro, 2005).

(6)  ĠU L 132, 3.5.2014, p. 1 u ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1.

(7)  Il-wirt kulturali huwa tanġibbli, intanġibbli u diġitali kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014.

(8)  ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(9)  Kif dikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (ĠU C 169, 15.6.2012, p. 5).