23.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/20


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 463/08)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“PONT-L’EVEQUE”

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-01044 – 12.10.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta maż-żona ġeografika

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn: kontrolli

2.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sommarju ma ġew ippubblikati

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppubblikat [l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi [l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

3.   Emenda (emendi)

3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

Id-deskrizzjoni tal-prodott tinkludi aġġornamenti ta’ ċerta dejta teknika u organolettika biex tiddeskrivi l-“Pont-l’Evêque”.

Sabiex ikun deskritt kull wieħed mill-formati, il-piż tal-materja niexfa, li qabel kien indikat biss għall-“Pont-l’Évêque” u l-“Pont-l’Évêque” iż-żgħir, issa ġie speċifikat għall-format il-kbir u dak medju tal-“Pont-l’Evêque”. Il-piż nett indikat meta ppakkjat huwa wkoll speċifikat għal kull format abbażi tal-prattika eżistenti, biex il-prodott ikun deskritt aħjar:

Il-“Pont-l’Evêque” il-kbir, meta ppakkjat, għandu piż nett indikat ta’ bejn 1 200 u 1 600 g, u l-piż ta’ materja niexfa huwa bejn 650 u 850 g;

Il-“Pont-l’Evêque” meta ppakkjat, għandu piż nett indikat ta’ bejn 300 u 400 g;

Il-“Pont-l’Evêque” medju, meta ppakkjat, għandu piż nett indikat ta’ bejn 150 et 200 g;

Il-“Pont-l’Evêque” iż-żgħir, meta ppakkjat, għandu piż nett indikat ta’ bejn 180 et 250 g.

It-tneħħija tal-kulur oranġjo mill-qoxra u s-sostituzzjoni tal-isfumaturi ta’ isfar dehbi għal oranġjo b’kulur bajdani għal ħamrani hija r-riżultat tal-għażla li għamel il-grupp li jipprojbixxi l-użu tal-annatto bħala kolorant tal-qoxra.

Rigward il-qoxra, tneħħa l-kumment li hija lixxa, minħabba li dan huwa żball evidenti fl-ispeċifikazzjonijiet irreġistrati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta' Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (3), peress li l-qoxra tal-“Pont-l’Evêque” qatt ma kienet lixxa.

Saret ukoll kjarifika biex jiġu deskritti aħjar il-prattiki tas-soltu. Il-qoxra tista’ fil-fatt tiġi xkupiljata (tintuża xkupilja xotta jew imxarrba fuq il-qoxra) jew maħsula (l-isprejjar tal-ġobon b’soluzzjoni milwiema taħt pressjoni). L-ixkupiljar dejjem kien isir u jixxebbah mal-ħasil għalkemm mhux imsemmi fl-ispeċifikazzjonijiet reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/96 bħala tali. Għaldaqstant ġie kkjarifikat li l-ixkupiljar jista’ jitqies bħala metodu ta’ ħasil, madankollu n-natura fakultattiva tat-tnejn li huma ġiet speċifikata permezz tal-kelma “jista’”.

Fl-aħħar nett, l-elementi li jirrigwardaw id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni (it-tqattir u t-tmelliħ) ġew spostati lejn il-kapitolu xieraq.

3.2.   Iż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika modifikata tal-“Pont-l’Evêque” issa tinkludi 1 365 muniċipalità, jiġifieri 38 % tal-erja taż-żona li tidher fl-ispeċifikazzjonijiet irreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/96 (2 129 muniċipalità ġew esklużi). It-tnaqqis taż-żona ġeografika huwa r-riżultat ta’ ħidma ta’ tisħiħ tar-rabta bejn id-denominazzjoni “Pont-l’Evêque” u s-sistemi ta’ produzzjoni tal-bhejjem tal-ħalib u li jirgħu fin-Normandija, tad-definizzjoni tan-nukleu tad-denominazzjoni u tal-karatteristiċi tiegħu (l-ambjent naturali/id-drawwiet). B’hekk kull muniċipalità taż-żona ġeografika riveduta tinsab f’żona fejn jikber ħafna ħaxix minħabba l-klima friska u umda u/jew fejn hemm ħafna art mistgħadra u widien, u li hija kkaratterizzata minn pajsaġġ ta’ msaġar li jixhed iż-żamma tat-tradizzjoni ta’ trobbija ta’ annimali għall-ħalib li jinżammu fuq il-ħaxix u mill-preżenza ta’ rziezet ta’ annimali tal-ħalib li għadhom jagħmlu użu kbir mill-ħaxix.

Dan it-tnaqqis taż-żona huwa wkoll marbut mar-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet li ssaħħaħ ir-rabta mat-territorju mal-obbligu li tintuża parzjalment ir-razza Normanna u dieta ddominata mir-ragħa biex jiġi prodott il-ħalib.

3.3.   Prova tal-oriġini

L-emendi fil-paragrafu 4.1 huma marbuta mal-iżviluppi fir-regolamenti nazzjonali. Fost l-oħrajn hija prevista ċertifikazzjoni tal-operaturi li tirrikonoxxi l-kapaċità tagħhom li jilħqu r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-marka li minnha huma jippretendu li jibbenefikaw.

Fil-paragrafu 4.2 hija prevista dikjarazzjoni speċifika li tiċċertifika l-impenn tal-operaturi fil-proċess ta’ bidla tal-merħliet lejn ir-razza Normanna.

Dispożizzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet meħtieġa għall-għarfien u l-monitoraġġ tal-volumi tippermetti lill-grupp jiġbor id-dejta meħtieġa biex ikollu għarfien tajjeb u jkun jista’ jissorvelja d-denominazzjoni ta’ oriġini “Pont-l’Evêque”.

Il-paragrafi dwar iż-żamma tar-reġistri u dwar il-kontroll fuq il-prodott ġew ikkompletati.

3.4.   Metodu ta’ produzzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet jispeċifikaw ħafna punti dwar il-metodu ta’ produzzjoni sabiex jiddeskrivu aħjar il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ħalib u tal-ipproċessar tal-ġobon li jikkontribwixxu għall-karattru u r-reputazzjoni tal-“Pont-l’Evêque”:

—   Kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ħalib:

Parti mill-“Pont-l’Evêque” hija magħmula minn ħalib prodott mill-baqar tar-razza Normanna li jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-baqar tal-ħalib li effettivament issib f’kull razzett. Biex jgħin fl-impenn u l-adattament ta’ dawk kollha li jrabbu l-baqar u tal-produtturi tal-“Pont-l’Evêque” għal din il-kundizzjoni l-ġdida ta’ produzzjoni, huwa previst perjodu tranżitorju sa April 2017 fl-ispeċifikazzjonijiet. Din l-emenda tgħin biex tissaħħaħ ir-rabta mat-territorju permezz tal-obbligu li wieħed juża baqar tar-razza Normanna fil-merħliet tal-ħalib.

Biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, iddaħħlet id-definizzjoni tal-merħla: din tikkonsisti fil-merħla sħiħa ta’ baqar tal-ħalib ta’ razzett magħmula minn baqar li qegħdin ireddgħu, baqar xotti u erħiet ta’ sostituzzjoni.

Il-baqar tal-ħalib jirgħu għal mill-inqas sitt xhur fis-sena. Kull razzett għandu mill-inqas 0,33 ettaru ta’ uċuħ tal-ħaxix għal kull baqra tal-ħalib li tinħaleb li mill-inqas 0,25 ettaru minnhom ikunu miksija b’ħaxix tar-ragħa aċċessibbli mill-post fejn jinħalbu l-baqar, kif ukoll żewġ ettari ta’ mergħa għal kull ettaru ta’ qamħirrun maħżun użat għall-għalf tal-merħliet. Dan jiggarantixxi għalf iddominat mill-konsum tal-ħaxix (ragħa, ħuxlief, …), b’rabta mat-tradizzjoni fiż-żona ġeografika li jitrabbew baqar mitmugħa l-ħaxix.

Biex tkun assigurata r-rabta maż-żona ġeografika, mill-inqas 80 % tal-materja xotta fid-dieta bażika tal-merħla (l-għalf), tiġi mill-għelieqi tal-irziezet li jinsabu fiż-żona ġeografika.

Meta ma jkunx il-perjodu tar-ragħa, il-baqar tal-ħalib jingħataw ħuxlief kuljum. Il-konsum ta’ ikel addizzjonali huwa limitat għal 1 800 kg fis-sena għal kull baqra tal-merħla. L-għalf u l-ikel addizzjonali awtorizzati huma elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet. Ir-rabta mat-territorju b’hekk hija msaħħa permezz tal-awtonomija tal-irziezet f’dak li jirrigwarda l-għalf u l-limitazzjoni taż-żieda ta’ ikel addizzjonali.

—   Il-ħalib użat:

Biex kemm jista’ jkun jiġu evitati l-problemi ta’ bidliet fil-materja prima, iż-żmien kemm idum maħżun il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Pont-l’Evêque” huwa speċifikat. Il-ħalib ma jistax idum maħżun aktar minn 48 siegħa fir-razzett u 96 siegħa mill-ewwel ħalba sal-bidu tal-maturazzjoni, b’dan il-ħin imnaqqas għal 72 siegħa għall-produzzjoni b’ħalib mhux ippasturizzat.

Barra minn hekk, biex tiġi evitata kwalunkwe prattika li ma tkunx konformi mal-għarfien tradizzjonali, jingħad ukoll li l-konċentrazzjoni tal-ħalib permezz tal-eliminazzjoni parzjali tal-porzjon milwiem qabel il-koagulazzjoni hija pprojbita u li, minbarra l-materja prima tal-ħalib, l-uniċi ingredjenti jew sustanzi għall-ipproċessar jew additivi awtorizzati fil-ħalib, u matul il-produzzjoni tiegħu, huma t-tames, il-kulturi ta’ batterji innokwi, ħmira, moffa, melħ u klorur tal-kalċju.

Din id-dispożizzjoni timplika l-projbizzjoni tal-annatto: l-annatto, kolorant tal-qoxra, kien jintuża biex jitranġaw id-difetti fl-iżvilupp tal-qoxra minħabba l-kundizzjoni sanitarja tal-ħalib. It-titjib fil-kwalità sanitarja tal-ħalib minn diversi snin ‘l hawn jagħmlu l-użu tal-annatto inutli. Il-produtturi tal-“Pont-l’Evêque” ilhom ma jużawh għal iktar minn 15-il sena.

—   Il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-ġobon:

Għall-kuntrarju tal-ispeċifikazzjonijiet reġistrati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1107/96, il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-“Pont-l’Evêque” miż-żieda tal-baqta sal-maturazzjoni ġew speċifikati. Dawn jikkonsistu fid-deskrizzjoni, b’mod partikolari permezz tal-valuri li għandhom jintlaħqu, tad-diversi stadji tal-proċess ta’ produzzjoni tal-“Pont-l’Evêque” u li jirriflettu d-drawwiet lokali, leali u kostanti.

B’hekk ġew speċifikati:

il-kontenitur tal-ħalib, tank ta’ 600 litru massimu, biex ikun assigurat iffurmar standard f’darba u jiggarantixxi li l-ġobon kollu ffurmat ikun dam jagħqad l-istess tul ta’ ħin;

il-kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni: inqas minn 26 siegħa f’temperatura taħt l-40 °C, b’mod li jiġu kkontrollati l-parametri marbuta ma’ dan l-istadju;

il-kundizzjonijiet taż-żieda tat-tames: skont it-tradizzjoni, bl-użu biss ta’ tames li jkun ġej mill-annimali u f’temperatura ideali għat-tames ta’ bejn 32 u 40 °C;

il-metodu ta’ produzzjoni tal-ħalib magħqud: qtugħ f’ħabbiet ta’ daqs medju ta’ inqas minn 25 mm u tħawwid biex ikun żgurat tqattir pjuttost konsiderevoli fit-tankijiet;

l-eliminazzjoni parzjali tax-xorrox qabel it-tqegħid fil-forom, korollarju tat-taħlita magħġuna u tat-tqattir sfurzat;

l-intervall bejn iż-żieda tat-tames u t-tqegħid fil-forom: it-tqegħid fil-forom isir inqas minn sagħtejn wara ż-żieda tat-tames biex wieħed inaqqas l-aċidifikazzjoni tal-baqta;

il-kundizzjonijiet ta’ tqattir fil-forom: minimu ta’ 10 sigħat bejn 17 u 31 °C, kundizzjonijiet ta’ temperatura aktar preċiżi mill-kunċetti ta’ temperatura ambjentali u ta’ kamra msaħħna ppreżentati fl-ispeċifikazzjonijiet irreġistrati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1107/96, b’tidwir frekwenti;

it-tmelliħ: dan isir minn jum sa erbat ijiem wara ż-żieda tat-tames, iż-żmien minimu meħtieġ biex tiżviluppa l-flora tal-wiċċ;

il-fażi u l-kundizzjonijiet ta’ ħasil: il-ħasil jikkorrispondi għall-fażi bejn it-tmelliħ u l-bidu ta’ maturazzjoni li l-kundizzjonijiet tat-temperatura tagħha (bejn 10 u 22 °C) ġew speċifikati b’mod li dan il-parametru jkun ikkontrollat;

il-projbizzjoni li wieħed jikkonserva l-materja prima tal-ħalib, il-prodotti waqt il-manifattura, il-baqta jew il-ġobon frisk f’temperatura negattiva, biex tiġi evitata kwalunkwe prattika li ma tkunx konformi mal-għarfien tradizzjonali.

—   Il-maturazzjoni tal-ġobon:

Sabiex jiġu ottimizzatti l-kwalitajiet organolettiċi tal-ġobon, il-kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni ġew emendati. Iż-żmien minimu ta’ maturazzjoni, li qabel kien ta’ 14-il jum għall-formati kollha, issa żdied għal 18-il jum minn meta jiżdied it-tames ħlief għall-“Pont-l’Evêque” il-kbir li huwa stabbilit għal 21 jum. Il-maturazzjoni ddum għal perjodu minimu ta’ 8 sa 9 ijiem skont il-formati, f’temperatura ta’ bejn 11 u 19 °C. Biex wieħed ikun jista’ jniżżel bil-mod it-temperatura tal-ġobnijiet li jkunu għaddew mill-fażi tal-ħasil wara t-tmelliħ (fejn wieħed ifakkar li t-temperatura tista’ tkun bejn 10 u 22 °C), it-temperatura massima tal-maturazzjoni ttellgħet minn 14 għal 19 °C. Il-“Pont-l’Evêque” jista’ jkompli jimmatura aktar f’temperatura bejn 4 u 15 °C wara li possibbilment jiġi ppakkjat. Ir-referenza għall-fermenti tal-aħmar (brevibacterium linens) tneħħiet mill-ispeċifikazzjonijiet peress li l-iżvilupp tagħhom mhuwiex awtomatiku, u lanqas ma huwa mfittex. Peress li t-tkessiħ meħtieġ waqt it-trasport iwaqqaf il-maturazzjoni, huwa wkoll speċifikat li ż-żmien minimu ta’ maturazzjoni ma jinkludix il-ħin tat-trasferiment bejn il-postijiet ta’ produzzjoni u dawk ta’ maturazzjoni, billi huwa stabbilit li dawn it-trasferimenti ma jistgħux idumu aktar minn 72 siegħa.

3.5.   Rabta maż-żona ġeografika

Din il-parti tal-ispeċifikazzjonijiet reġgħet inkitbet skont id-dispożizzjonijiet tal-qafas tal-ispeċifikazzjonijiet tal-DPO. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika, dik tal-prodott u tar-rabta kawżali bejn il-fatturi fiżiċi u umani taż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott qegħdin deskritti fih. Il-kjarifiki li saru dwar l-għarfien inerenti għall-produzzjoni tal-ħalib, dwar il-metodu ta’ produzzjoni u tal-ipproċessar tal-ġobon li jikkontribwixxi għall-karattru u l-ispeċifiċità tal-“Pont-l’Evêque” issa huma spjegati aħjar. Barra minn hekk, il-preżenza tar-razza Normanna, li llum tikkompeti ma’ razez oħrajn ta’ baqar tal-ħalib aktar produttivi, hija affermata.

3.6.   Tikkettar

Biex l-ispeċifikazzjonijiet isiru konformi mar-regolamenti nazzjonali, id-dispożizzjoni dwar l-obbligu ta’ tqegħid tal-logo “INAO” tneħħiet. Huwa speċifikat li l-kliem “Appellation d’Origine Protégée” (Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini) jew “AOP” (DPO), huwa obbligatorju, bħalma huwa s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea.

3.7.   Oħrajn

Il-korpi inkarigati mill-kontroll tal-ispeċifikazzjonijiet ġew speċifikati u t-tabella tal-punti ewlenin li għandhom ikunu kkontrollati kif ukoll il-metodu ta’ valutazzjoni tagħhom ġew miżjuda mal-ispeċifikazzjonijiet.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (4)

“PONT-L’EVEQUE”

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-01044 – 12.10.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Pont-l’Evêque”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

Il-“Pont-l’Evêque” huwa riservat għall-ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra, b’għaġina ratba, qoxra b’moffa fina, li tista’ tkun xkupiljata jew maħsula, b’forma kwadra jew rettangolari u li fih minimu ta’ 45 gramma xaħam għal kull 100 gramma ta’ ġobon wara li jkun tnixxef għal kollox. Il-qoxra għandha lewn bajdani jagħti fl-aħmar; l-għaġina hija ratba, ma twaħħalx u lanqas hija maħlula, b’lewn l-avorju sa safrani lewn it-tiben, omoġenja b’xi ftit toqob, b’togħma ħelwa u aromi varji (ta’ ħxejjex, ħalib, krema jew xi ftit affumikata).

Il-“Pont-l’Evêque” jiġi f’dawn il-forom:

il-“Pont-l’Evêque” il-kbir għandu wiċċ kwadru b’tul ta’ bejn 190 u 210 mm, piż nett indikat ta’ bejn 1 200 u 1 600 g meta jkun ippakkjat, u piż ta’ bejn 650 u 850 gramma f’materja xotta,

il-“Pont-l’Evêque” għandu wiċċ kwadru b’tul ta’ bejn 105 u 115 mm, piż nett indikat ta’ bejn 300 u 400 g meta jkun ippakkjat, u piż minimu ta’ 140 gramma f’materja xotta,

il-“Pont-l’Evêque” medju għandu wiċċ rettangolari li t-tul tiegħu huwa bejn 105 u 115 mm u b’wisgħa ta’ bejn 52 u 57 mm, piż nett indikat ta’ 150 u 200 g indikat meta jkun ippakkjat, u piż minimu ta’ 70 gramma f’materja xotta,

il-“Pont-l’Evêque” iż-żgħir għandu wiċċ kwadru b’tul ta’ bejn 85 u 95 mm, piż nett indikat ta’ bejn 180 u 250 g meta jkun ippakkjat, u piż minimu ta’ 85 gramma f’materja xotta.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Mill-1 ta’ Mejju 2017, mill-inqas 50 % tal-baqar tal-ħalib fl-irziezet għandhom ikunu baqar tar-razza Normanna.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Biex tiġi garantita rabta stretta bejn it-territorju u l-prodott permezz ta’ għalf speċifiku miż-żona ġeografika, il-baqar tal-ħalib jirgħu għal mill-inqas sitt xhur fis-sena, ir-razzett għandu mill-inqas 0,33 ettaru ta’ uċuħ tal-ħaxix għal kull baqra tal-ħalib li tinħaleb li mill-inqas 0,25 ettaru minnhom ikunu miksija b’ħaxix tar-ragħa aċċessibbli mill-post fejn jinħalbu l-baqar, kif ukoll żewġ ettari ta’ mergħa għal kull ettaru ta’ qamħirrun maħżun użat għall-għalf tal-merħliet.

Mill-inqas 80 % tad-dieta bażika tal-merħla li tikkonsisti f’għalf hija prodotta fl-għelieqi tal-irziezet li jinsabu fiż-żona ġeografika (ikkalkulata f’materja xotta). Iż-żieda ta’ ikel addizzjonali hija limitata għal 1 800 kg fis-sena għal kull baqra tal-merħla.

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika indikata

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura, il-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

Kull ġobna DPO “Pont-l’Evêque” li tinbiegħ għandu jkollha tikketta individwali li tkun tinkludi l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini miktuba f’ittri li d-daqs tagħhom ikun ta’ mill-inqas żewġ terzi dak tal-akbar ittri li jidhru fuq it-tikketta, il-kliem “Appellation d’Origine Protégée” (Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini) jew “AOP” (DPO) u s-simbolu AOP (DPO) tal-Unjoni Ewropea.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Lista tal-cantons u l-muniċipalitajiet taż-żona ġeografika ta’ produzzjoni tad-DPO “Pont-l’Evêque”.

Fid-dipartiment ta’ Calvados

Il-cantons sħaħ ta’ Aunay-sur-Odon, Balleroy, Bayeux, Le Bény-Bocage, Blangy-le-Château, Cambremer, Caumont-l’Eventé, Condé-sur-Noireau, Dozulé, Honfleur, Isigny-sur-Mer, Lisieux, Livarot, Mézidon-Canon, Orbec, Pont-l’Evêque, Saint-Pierre-sur-Dives, Saint-Sever-Calvados, Thury-Harcourt, Trévières, Trouville-sur-Mer, Vassy u Vire.

Il-canton ta’ Cabourg minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Colombelles, Escoville, Hérouvillette, Ranville. Il-canton ta’ Falaise-Nord, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Aubigny, Bons-Tassilly, Falaise, Potigny, Saint-Pierre-Canivet, Soulangy, Soumont-Saint-Quentin, Ussy, Villers-Canivet. Il-canton ta’ Villers-Bocage minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Le Locheur, Missy u Noyers-Bocage.

Il-muniċipalitajiet ta’ Airan, Argences, Barou-en-Auge, Bazenville, la Caine, Canteloup, Cléville, Courcy, Commes, Curcy-sur-Orne, Goupillières, Grimbosq, Hamars, La Hoguette, Janville, Jort, Longues-sur-Mer, Louvagny, Magny-en-Bessin, Le Manoir, Manvieux, Montigny, Moult, Les Moutiers-en-Auge, Les Moutiers-en-Cinglais, Norrey-en-Auge, Ouffières, Préaux-Bocage, Port-en-Bessin-Huppain, Ryes, Saint-Vaast-sur-Seulles, Saint-Ouen-du-Mesnil-Oger, Saint-Pair, Saint-Pierre-du-Jonquet, Sainte-Honorine-du-Fay, Saint-Martin-de-sallen, Sommervieu, Tracy-sur-Mer, Troarn, Trois-Monts, Vaux-sur-Aure, Vendeuvre u Vienne-en-Bessin.

Fid-dipartiment tal-Eure

Il-cantons sħaħ ta’ Bernay-est, Beuzeville, Cormeilles u Thiberville.

Il-canton ta’ Bernay-Ouest, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Plasnes, Valailles. Il-canton ta’ Broglie, minbarra l-muniċipalità ta’ Mesnil-Rousset. Il-canton ta’ Pont-Audemer, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Colletot, Corneville-sur-Risle. Il-canton ta’ Quillebeuf-sur-Seine, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Aizier, Bourneville, Sainte-Croix-sur-Aizier, Tocqueville, Vieux-Port. Il-canton ta’ Saint-Georges-du-Vièvre, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Saint-Benoît-des-Ombres, Saint-Christophe-sur-Condé, Saint-Grégoire-du-Vièvre u Saint-Pierre-des-Ifs.

Il-muniċipalitajiet ta’ Morsan, Notre-Dame-d’Epine u Saint-Victor-d’Epine.

Fid-dipartiment ta’ La Manche

Il-cantons sħaħ ta’ Barenton, Barneville-Carteret, Brécey, Bréhal, Canisy, Carentan, Cerisy-la-Salle, Coutances, Gavray, La Haye-du-Puits, La Haye-Pesnel, Isigny-le-Buat, Juvigny-le-Tertre, Lessay, Marigny, Montebourg, Montmartin-sur-Mer, Mortain, Percy, Périers, Sourdeval, Saint-Clair-sur-l’Elle, Sainte-Mère-Eglise, Saint-Hilaire-du-Harcouët, Saint-Jean-de-Daye, Saint-Lô, Saint-Lô-Est, Saint-Lô-Ouest, Saint-Malo-de-la-Lande, Saint-Ovin, Saint-Pois, Saint-Sauveur-Lendelin, Saint-Sauveur-le-Vicomte, Le Teilleul, Tessy-sur-Vire, Torigni-sur-Vire, Valognes, Vesly u Villedieu-les-Poêles.

Il-canton ta’ Avranches, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Avranches, Marcey-les-Grèves, Saint-Martin-des-Champs, Vains u Le Val-Saint-Père. Il-canton ta’ Quettehou, minbarra l-muniċipalità ta’ Octeville-l’Avenel.

Il-muniċipalitajiet ta’ Les Chéris, Marcilly u Le Mesnil-Ozenne.

Fid-dipartiment tal-Orne

Il-cantons sħaħ ta’ Athis-de-l’Orne, Briouze, Domfront, La Ferté-Macé, Flers, Flers-Nord, Flers-Sud, Gacé, Juvigny-sous-Andaine, Le Merlerault, Messei, Passais, Putanges-Pont-Ecrepin, Sées, Tinchebray u Vimoutiers.

Il-canton ta’ Carrouges, minbarra l-muniċipalità ta’ Ciral. Il-canton ta’ Courtomer, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Bures, Sainte-Scolasse-sur-Sarthe. Il-canton ta’ Ecouché, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Goulet, Sentilly. Il-canton ta’ Exmes, minbarra l-muniċipalità ta’ Silly-en-Gouffern. Il-canton ta’ Ferté-Frênel minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Couvains, Gauville, Glos-la-Ferrière, Marnefer, Saint-Nicolas-de-Sommaire. Il-canton ta’ Mortrée, minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Boissei-la-Lande, Marcei, Médavy, Saint-Christophe-le-Jajolet u Saint-Loyer-des-Champs.

Il-muniċipalitajiet ta’ Boitron, Bursard, Chambois, Coudehard, Ecorches, Essay, Louvières-en-Auge, Mont-Ormel, Montreuil-la-Cambe, Neauphe-sur-Dive, Nécy, Saint-Gervais-des-Sablons, Saint-Lambert-sur-Dives u Trun.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona tad-denominazzjoni tal-“Pont-l’Evêque” testendi fuq parti mit-territorju tat-tliet dipartimenti ta’ Basse Normandie (Calvados, Manche u Orne) kif ukoll fuq il-periferija tal-Punent tad-dipartiment tal-Eure. Din iż-żona tgawdi minn klima tat-tip oċeanika moderata b’xita abbondanti (aktar minn 700 mm) u mqassma tajjeb matul is-sena. Il-pajsaġġ kollu mergħat b’art lixxa huwa ddominat mill-foresti u mill-preżenza ta’ netwerk ta’ għadd ta’ xmajjar u għadd kbir ta’ bwar. Il-mergħat li storikament kienu jokkupaw proporzjon kbir tal-erja agrikola taż-żona ġeografika għadhom jiffurmaw aktar min-nofsha.

Dan ir-reġjun ta’ tradizzjoni ta’ trobbija ta’ baqar huwa l-benniena tar-razza Normanna, li, għalkemm għandha kompetizzjoni mir-razza Prim’Holstein, li hija aktar produttiva, minn dejjem kienet preżenti fiż-żona ġeografika b’rieda qawwija li żżomm u tiżviluppa n-numri tagħha. Illum il-kundizzjonijiet tal-għalf tal-baqar tal-ħalib għadhom ikkaratterizzati mis-sehem predominanti tal-ħaxix fid-dieta tal-annimali u l-konsum tiegħu waqt ir-ragħa matul perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur fis-sena. B’hekk jiġi speċifikat minimu ta’ erja ta’ ħaxix għal kull baqra tal-ħalib fl-irziezet. Barra minn hekk, biex tiġi asserita l-importanza tal-ħaxix, b’mod speċjali f’konfront mal-qamħirrun, l-irziezet għandhom id-doppju tal-uċuħ bil-ħaxix milli uċuħ bil-qamħirrun użati għall-għalf tal-merħla.

Din it-tradizzjoni antika ħafna ta’ bhejjem li jirgħu u li jagħmlu l-ħalib, li għadha tippersisti sal-lum, wasslet għal ħiliet rikonoxxuti ta’ manifattura tal-ġobon b’għaġina ratba. L-ipproċessar tal-ġobon li jeħtieġ tankijiet tat-tibqit ta’ daqs żgħir, bl-użu esklussiv tat-tames li joriġina mill-annimali, u qtugħ tal-baqta fin ħafna sa medju jipperpetwa dawn il-ħiliet antiki.

Il-fama ta’ dan il-ġobon li jiġi kkunsmat wara żmien ta’ maturazzjoni relattivament qasir inkisbet sa mill-1622: Hélie le Cordier, kittieb Normann, ippubblika poeżija f’16-il kantiku ad unur tal-“Pont-l’Évêque” u li minnha ġejja l-frażi famuża: “Tout le monde également l’aime car il est fait avec tant d’art que, jeune ou vieux, il n’est que crème” (“Kulħadd iħobbu għaliex isir b’tant arti li, kemm jekk ġdid jew qadim, huwa biss krema”). Huwa hekk li l-Pont l’Evêque, mill-bidu tas-seklu tmintax, għall-fini ta’ diversità, ingħata l-forma kwadra tiegħu bl-użu tal-forom tal-injam.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-“Pont-l’Evêque” huwa ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra b’għaġina ratba li minn meta ntużat il-forma tal-injam fis-seklu tmintax għandu forma kwadra jew rettangolari bi xfar u kantunieri fini. Il-qoxra tiegħu hija ta’ lewn bajdani jagħti fl-aħmar b’għaġina ratba, ma twaħħalx, lewn l-avorju jew safrani lewn it-tiben. It-togħma tiegħu hija ħelwa b’aromi ta’ ħalib, ħxejjex u xi drabi aroma kemmxejn affumikata.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-kundizzjonijiet klimatiċi ta’ xita frekwenti u temp moderat fiż-żona ġeografika jagħtu lok għal produzzjoni kbira ta’ ħaxix matul is-sena kollha. Din tal-aħħar tippermetti produzzjoni ta’ ħalib minn annimali miżmuma prinċipalment fuq il-ħaxix. Dan il-ħalib li ġej minn baqar li jagħmlu żmien twil jirgħu, huwa tajjeb ħafna biex jissawwar f’ġobon. Il-fatt li l-bhejjem huma ta’ razza Normanna jsaħħaħ din l-ispeċifiċità.

Minbarra l-kompetenzi f’dak li jirrigwarda r-ragħa u l-produzzjoni tal-ħalib, żviluppaw ukoll ħiliet f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-ġobon u dan wassal biex il-fama tal-“Pont L’Evêque” tibda minn kmieni ħafna. Dawn il-ħiliet fil-produzzjoni tal-ġobon jaqgħu taħt it-teknoloġiji tal-“ġobon artab” li jitħalla jimmatura għal żmien relattivament qasir. Dan it-tip ta’ ġobon huwa adattat ħafna għan-nuqqas ta’ limitazzjonijiet klimatiċi u topografiċi li ma jkunux jeħtieġu li l-ħalib jinżamm għal żmien twil fil-forma ta’ ġobon. Minn dan jirriżulta ġobon ħelu u aromatiku u ta’ kwalità kbira li ilu rikonoxxut għal ħafna sekli.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

[L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (5)]

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCPontl-Eveque.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.

(4)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(5)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.