7.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/17


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2014/C 352/10

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“FASOLA PIĘKNY JAŚ Z DOLINY DUNAJCA”/“FASOLA Z DOLINY DUNAJCA”

Nru tal-KE: PL-DPO-0105-01189 – 19.12.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestaturi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwati mill-emendi

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta maż-żona ġeografika

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

2.   Tip ta’ emenda(i)

    Emenda ta’ dokument uniku jew skeda sommarja

    Emenda ta’ speċifikazzjoni ta’ DPO jew IĠP reġistrata li għaliha ma ġew ippubblikati la d-dokument uniku u lanqas l-iskeda sommarja

    Emenda ta’ speċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja ta’ speċifikazzjoni b’riżultat ta’ impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda(i)

Il-valur tal-massa ta’ 1 000 żerriegħa ġie emendat. Il-massa ta’ 1 000 żerriegħa li tvarja minn 1 100 sa 1 500 g indikata taħt il-punt 3.2 (Deskrizzjoni tal-prodott) hija żball klerikali ovvju. Iż-żrieragħ kbar huma waħda mill-karatteristiċi distintivi ewlenin tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca”, u l-massa attwali ta’ 1 000 żerriegħa tvarja minn 2 000 sa 2 800 g. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sentenza li ġejja ġiet miżjuda mal-punt 3.2: “Il-fażola hija fost l-akbar mill-ispeċi Phaseolus multiflorus, jew Phaseolus coccineus”. Dik is-sentenza hija argument addizzjonali favur il-ħtieġa li tiġi emendata l-massa ta’ 1 000 żerriegħa tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca”.

L-użu tal-pjanti komuni tal-ġirasol (bil-Latin: Helianthus annuus) bħala qasab se jiżdied mal-Punt 7 tal-ispeċifikazzjoni. Il-ġirasoli komuni ilhom jintużaw bħala pjanti ta’ sostenn għat-tkabbir tal-fażola li tixxeblek “Piękny Jaś” minn mindu l-fażola li tixxeblek bdiet tiġi kultivata għall-ewwel darba fil-wied ta’ Dunajec. Dan il-metodu qed isir dejjem aktar popolari fost il-bdiewa minħabba l-effett ta’ ekoloġizzazzjoni tiegħu u jsebbaħ il-pajsaġġ. Din l-informazzjoni ġiet inkluża bil-għan li jinkiseb status ta’ DPO.

Barra minn hekk, id-data agronomika relatata mal-istandards taż-żrigħ taż-żerriegħa u l-wisa’ tar-ringieli għall-kultivazzjoni tal-fażola ġew aġġornati fil-punt 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca”. Dawn il-bidliet saru meħtieġa minħabba t-tibdil intensiv li sar fil-makkinarju tal-irziezet f’Małopolska matul l-aħħar ftit snin. It-tratturi moderni għandhom distanza akbar bejn il-fusien u tajers usa’ mill-mudelli aktar antiki, u dan wassal għall-ħtieġa li jsir tibdil fl-istandards agrotekniċi.

L-emendi proposti ma għandhom l-ebda impatt fuq il-karatteristiċi distintivi tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” indikati taħt il-punt 5.2 tad-dokument uniku jew fuq it-togħma karatteristika u ta’ kwalità għolja tagħha, iżda jippermettu li l-produtturi li japplikaw l-istandards agrotekniċi attwali jingħataw protezzjoni tad-DPO.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“FASOLA PIĘKNY JAŚ Z DOLINY DUNAJCA”/“FASOLA Z DOLINY DUNAJCA”

Nru tal-KE: PL-DPO-0105-01189 – 19.12.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“Fasola z Doliny Dunajca”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6: - Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Taħt l-isem “fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” jistgħu jinbiegħu biss żrieragħ nixfin tal-fażola maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Il-fażola hija fost l-akbar mill-ispeċi tal-Phaseolus multiflorus, jew Phaseolus coccineus.

Karatteristiċi fiżiċi:

il-massa ta’ elf żerriegħa tvarja minn 2 000 sa 2 800 g, skont il-kundizzjonijiet tal-ħamrija tal-pjantaġġun u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi matul il-perjodu tat-tkabbir;

iż-żrieragħ huma b’saħħithom, misjurin, lixxi, żviluppati sew u mimlijin, f’għamla uniformi ta’ kilwa, iċċattjati fil-ġenb u mingħajr impuritajiet jew ħsara kkawżata mill-insetti. Huma karatterizzati minn tegument ġerminali jleqq ta’ lewn abjad uniformi. Għandhom riħa karatteristika ta’ żrieragħ tal-fażola mnixxfa sew, mingħajr l-ebda riħa ta’ moffa jew ebda rwejjaħ estranji oħra. Il-kontenut tal-umdità taż-żrieragħ ma jaqbiżx it-18 %. Għandhom togħma delikata, mhux qawwija u kemxejn ħelwa li hija karatteristika ta’ din il-fażola.

Ir-rekwiżiti minimi li ġejjin japplikaw għall-fażola qabel ma tiġi ppakkjata:

sa 0,1 %, żrieragħ miksurin;

sa 0,1 %, żrieragħ nixfin;

sa 2 %, varjetajiet oħra ta’ żerriegħa bajda;

sa 1 %, żrieragħ imlewna;

sa 1 %, żrieragħ ta’ kulur mhux uniformi;

sa 0,3 %, partijiet ta’ zkuk, imżiewed, weraq, injam, ippakkjar u żrieragħ mhux tossiċi ta’ ħaxix ħażin;

sa 0,2 %, impuritajiet minerali.

Il-fażola li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq m’għandhiex taqbeż il-1,05 % tal-ammont totali.

Karatteristiċi kimiċi:

proteina totali 20-24 %;

xaħam mhux raffinat 1,0-2,5 %;

fibra mhux raffinata 3,3-4,8 %;

irmied 3,8-4,4 %.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata

Sabiex tiġi żgurata l-ogħla kwalità tal-prodott, kull pass fil-produzzjoni tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” għandu jseħħ fiż-żona ġeografika definita f’(4). Dan minħabba l-fatt li, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet naturali speċifiċi prevalenti f’din iż-żona huma favorevoli għall-kultivazzjoni tal-fażola. Barra minn hekk, il-proċess kollu tal-produzzjoni huwa bbażat fuq metodi li huma tradizzjonali għal dan ir-reġjun u ħafna mix-xogħol isir bl-idejn. Għal din ir-raġuni, il-ħiliet tal-produtturi lokali jilagħbu parti sinifikanti.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-kultivazzjoni tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca” jew il-“fasola z Doliny Dunajca” tinkludi 11-il muniċipalità fil-wied tax-xmara Dunajec: Gródek nad Dunajcem (Kontea ta’ Nowosądecki), Zakliczyn, Wojnicz, Wierzchosławice, Radłów, Wietrzychowice, Tarnów, Pleśna, Żabno (Kontea ta’ Tarnowski), Czchów (Kontea ta’ Brzeski) u Gręboszów (Kontea ta’ Dąbrowski) f’Małopolskie Voivodship.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-Wied ta’ Dunajec kien iffurmat mix-Xmara Dunajec. Huwa karatterizzat minn topografija varjata. L-altitudni tal-art ‘il fuq mil-livell tal-baħar tonqos gradwalment minn Gródek nad Dunajcem għal Wietrzychowice, li din tal-aħħar hija l-aktar muniċipalità baxxa fil-Wied ta’ Dunajec. Il-parti ewlenija tal-pajsaġġ hija wied wiesa’ mtarraġ, li jwassal mil-Lbiċ għall-Grigal. Il-kanal imserrep tax-xmara Dunajec, wiesa’ bejn 50 u 150 m, huwa parzjalment regolat u mdawwar b’moll. Matulu hemm meded ta’ blat li fuqhom hemm pjanura distinta tal-għargħar li tokkupa kważi l-qiegħ kollu tal-wied. Mases ta’ arja mill-Artiku jgħaddu mill-wied lejn in-Nofsinhar u mases ta’ arja sħuna jimxu lejn it-Tramuntana. Il-wied jintlaħaq ukoll minn riħ sħun u xott. Fir-rebbiegħa u l-ħarifa, iċ-ċpar ta’ filgħodu jillimita l-bidliet f’daqqa fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl. Il-forma karatteristika tal-Wied ta’ Dunajec tikkawża wkoll influss ta’ mases ta’ arja sħuna fir-rebbiegħa u fis-sajf.

Il-pjantaġġuni tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” jinsabu f’livell relattivament baxx, li jipproteġi lill-għelieqi mir-riħ. Il-ħamrija alluvjali mtajna li fuqha jinsabu hija favorevoli ħafna għal din l-ispeċi, kemm fir-rigward tal-kontenut minerali disponibbli u l-livell tal-pH, kif ukoll tal-volum u x-xejra ta’ nżul ta’ xita matul il-perjodu tat-tkabbir. Il-ħamrija tal-farms fil-Wied ta’ Dunajec għandha kontenut għoli ħafna ta’ manjeżju (12,2-15 mg għal kull 100 g ta’ ħamrija).

Iż-żona ta’ Tarnów, fiċ-ċentru tal-Wied ta’ Dunajec, hija waħda mill-aktar sħan fil-Polonja. Id-dati li fihom it-temperatura medja tal-jum tilħaq limiti termali stabbiliti, jiġifieri > 0, > 5, > 10 u > 15 °C, huma vantaġġużi ħafna għall-Wied ta’ Dunajec, u bosta drabi dawn it-temperaturi jinżlu iktar minn tnax-il jum qabel ma jinżlu f’reġjuni oħra fil-Polonja. Barra minn hekk, il-valuri medji multiannwali tat-temperatura tal-arja f’Tarnów huma ta’ 0,8 °C ogħla milli fi Krakovja, xi 90 km ‘il bogħod.

5.1.1.   Fatturi umani

Il-ħiliet li huma indispensabbli għall-kultivazzjoni u l-ħsad ta’ fażola bil-kwalitajiet it-tajba ġew ipperfezzjonati mill-bdiewa li kabbru l-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” għal diversi ġenerazzjonijiet. Dawn li ġejjin huma partikolarment importanti: ir-riproduzzjoni taż-żerriegħa fl-azjenda stess tal-bidwi, l-għażla taż-żmien adattat għaż-żrigħ, biex b’hekk jiġi evitat it-telf li jista’ jseħħ minħabba l-iffriżar, it-tħejjija tal-ħamrija għaż-żrigħ, it-tqegħid tal-għadd tajjeb ta’ żrieragħ (3 sa 5) fil-ħofra individwali fil-ħamrija, l-għażla ta’ qasab tajjeb u l-metodu li bih il-fażola sserraħ magħhom u l-għażla tal-aħjar mument għall-qtugħ tal-pjanti sabiex iż-żrieragħ jitħallew jinxfu qabel l-ewwel ġlata. Huwa biss l-immaniġġjar b’ħila tal-proċess kollu tal-produzzjoni li jista’ jiżgura ħsad tajjeb u bbilanċjat tal-pjanta tal-fażola b’żerriegħa ta’ kwalità għolja. Il-kultivazzjoni tal-fażola hija bbażata prinċipalment fuq xogħol manwali u teħtieġ attenzjoni konsiderevoli, dedikazzjoni u twettiq f’waqtu ta’ kull biċċa xogħol skont il-kondizzjonijiet tat-temp fis-sena inkwistjoni.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi distintivi tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” huma dawn li ġejjin:

—   kontenut ta’ manjeżju (Mg): medja ta’ 80 mg/kg ogħla milli fil-każ ta’ fażola barra miż-żona ġeografika definita f’(4);

—   kontenut ta’ umdità: ma jaqbiżx it-18 %;

—   togħma ħelwa: ikkonfermata b’valutazzjoni sensorjali fil-laboratorju;

—   struttura u konsistenza: delikata, “tinħall f’ħalqek”, kemm kemm imrammla;

—   ħxuna tal-qoxra: ivvalutata bħala rqiqa permezz ta’ valutazzjoni sensorjali fil-laboratorju;

—   irtubija tal-qoxra: ivvalutata bħala ratba permezz ta’ valutazzjoni sensorjali fil-laboratorju;

—   ħin ta’ sajran: 10 minuti anqas milli fil-każ ta’ fażola barra miż-żona ġeografika definita f’(4).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-“Fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” hija prodott li ħareġ esklussivament minħabba l-kombinazzjoni ta’ sett speċifiku ta’ fatturi naturali (jiġifieri l-klima u l-ħamrija) mal-ħiliet tal-produtturi lokali. Din il-kombinazzjoni biss tiżgura l-kwalità unika tal-prodott.

Il-kontenut għoli ta’ manjeżju (Mg) tal-ħamrija fiż-żona fejn tiġi kultivata l-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” iżid il-kontenut ta’ dan l-element fiż-żrieragħ u, meta ż-żrieragħ jinqatgħu fiż-żmien adegwat, dan jgħin biex jagħti lill-prodott it-togħma ħelwa karatteristika tiegħu.

Il-ħamrija alluvjali mtajna għammiela u l-klima tal-Wied ta’ Dunajec huma adattati għall-fażola u jipprovdu kundizzjonijiet tajbin ħafna għat-tkabbir u l-iżvilupp tagħha. Il-firxa tat-temperatura tal-arja matul il-perjodu tat-tkabbir u l-volum u x-xejra ta’ nżul ta’ xita huma ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp xieraq tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” u għal rendiment tajjeb. Ir-rabta inseparabbli bejn dawn il-karatteristiċi ġeografiċi u l-ħiliet involuti fl-għażla taż-żmien xieraq għaż-żrigħ, it-tħejjija tal-ħamrija għaż-żrigħ, it-tqegħid tal-għadd tajjeb ta’ żrieragħ fil-ħofor individwali fil-ħamrija u l-għażla tal-aħjar mument għall-qtugħ tal-pjanti jiżguraw rendiment abbundanti ta’ fażola kbira. L-għażla tal-aħjar żmien biex jinqatgħu l-pjanti u li dawn jitħallew għat-tul ta’ żmien xieraq fl-arja friska, flimkien mal-kundizzjonijiet atmosferiċi favorevoli, jipproduċu żrieragħ b’kontenut aktar baxx ta’ umdità u tegument ġerminali irqaq minn ta’ Phaseolus multiflorus li joriġina barra mill-Wied ta’ Dunajec. L-issortjar manwali taż-żerriegħa jippermetti li jinżammu standards stretti ta’ kwalità għaż-żrieragħ tal-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca”.

It-tnixxif taż-żrieragħ b’mod naturali mingħajr ma l-proċess jiġi sfurzat jew mgħaġġel iwassal għal tnaqqis uniformi fl-ispazjar tal-kisja taċ-ċelloli mingħajr ma jikkawża degradazzjoni tal-kisja taċ-ċelloli. Dan it-trattament jiżgura li l-“fasola Piękny Jaś z Doliny Dunajca”/“fasola z Doliny Dunajca” tissajjar f’ħin qasir, ikollha struttura u konsistenza delikata u tegument ġerminali artab ħafna meta mqabbel maż-żrieragħ ta’ Phaseolus multiflorus li joriġinaw barra miż-żona ġeografika definita f’(4).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

http://www.minrol.gov.pl/pol/Jakosc-zywnosci/Produkty-regionalne-i-tradycyjne/Zlozone-wnioski-o-rejestracje-Produkty-regionalne-i-tradycyjne/OGLOSZENIE-MINISTRA-ROLNICTWA-I-ROZWOJU-WSI-z-dnia-25-pazdziernika-2013-roku2


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.