9.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/24


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2014/C 260/15

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“BEAUFORT”

Nru tal-KE: FR-PDO-0317-01097 — 22.2.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħra: spezzjonijiet

2.   Tip ta’ emenda(i)

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew skeda ta’ Sommarju.

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppublikat [l-Artikolu 9 (3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9 (4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda (i):

Deskrizzjoni tal-prodott

Il-fażijiet tat-tbaqqit, tat-tisjir u tal-ippressar li ma jiddiskrivux il-prodott, ġew trasferiti għall-intestatura “metodu tal-produzzjoni”. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tax-xaħam u ta’ materja niexfa huma espressi bħala perċentwali (il-kontenut tax-xaħam jiġi kkalkolat fuq il-prodott niexef wara dessikazzjoni kompleta u l-kontenut tal-materja niexfa jiġi kkalkolat fuq il-prodott immaturat).

Il-paragrafu dwar l-identifikazzjoni tal-ġobniet sħaħ ġie ttrasferit għall-punt 4.4 tal-ispeċifikazzjoni, li tittratta l-identifikazzjoni tal-ġobniet. L-abbozzar mill-ġdid ta’ din l-intestatura ma jbiddilx is-sustanza tat-test iżda jippermetti li l-intestatura tinftiehem aħjar.

Żona ġeografika definita

Il-preżentazzjoni taż-żona ġeografika qed tiġi abbozzata mill-ġdid sabiex l-informazzjoni pprovduta dwar il-lokalità ġeografika taż-żona tkun aktar dettaljata.

L-unika emenda tikkonċerna l-muniċipalità ta’ “Les Contamines-Montjoie”, li għalih ġiet definita lista ta’ taqsimiet kadastrali tal-mergħat tal-muntanji.

Giet mehmuża mappa li tirrappreżenta ż-żona ġeografika fl-anness.

Prova tal-oriġini

Fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, l-intestatura “Evidenza li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika” ġiet ikkonsolidata u tiġbor fiha, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ żamma ta’ reġistri li jirrigwardaw it-traċċabbiltà tal-prodott u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni.

L-ispezzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DPO “Beaufort” hija organizzata skont pjan ta’ spezzjoni imħejji minn korp ta’ kontroll.

Barra minn hekk, din l-intestatura fiha xi żidiet u tissupplimenta diversi dispożizzjonijiet relatati mar-reġistri u mad-dokumenti ta’ dikjarazzjoni li jippermettu li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-ġobniet.

Identifikazzjoni tal-operaturi:

Qed jiġi introdott paragrafu li jispeċifika l-kundizzjonijiet biex jiġu identifikati l-operaturi.

Kull operatur li jixtieq jimplimenta din l-ispeċifikazzjoni għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-grupp qabel l-akkreditament tagħha u għandha ssir skont mudell validat mid-Direttur tal-Istitut Nazzjonali dwar l-Oriġini u l-Kwalità.

Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni:

Ġew introdotti għadd ta’ paragrafi li jippermettu li jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-ġobniet u li jispeċifikaw id-dokumenti ta’ prova:

suppliment u żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tad-dikjarazzjoni,

suppliment u żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ reġistri u dokumenti oħra li huma disponibbli għall-korpi ta’ spezzjoni,

żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar mezzi oħra ta’ spezzjoni.

Informazzjoni dwar it-traċċabbiltà u l-obbligi tad-dikjarazzjoni meħtieġa għar-rappurtar dwar il-produzzjoni u l-kontroll tagħha żdiedet mal-ispeċifikazzjoni.

Identifikazzjoni tal-prodotti:

Il-paragrafu ġie abbozzat mill-ġdid u ssuplimentat, u d-dispożizzjonijiet dwar il-pjanċi tal-kaseina ġew miġbura taħt din l-intestatura.

“Kull ġobon li huwa intenzjonat li jiġi kkumerċjalizzat bl-isem ‘Beaufort’ għandu jiġi identifikat bi pjanċa blu tal-kaseina f’forma ovali. L-akbar dijametru tagħha għandu jkun ta’ 100 mm u l-iżgħar ta’ 55 mm. Din għandha titwaħħal mal-għarqub ta’ kull ġobna matul l-ewwel stadji ta’ ppressar u barra minnhekk għandu jkun hemm fuqha l-kitba li ġejja bl-iswed:

il-kelma Franza,

il-kelma ‘Beaufort’,

l-identifikazzjoni tal-impjant tal-manifattura,

ix-xahar u s-sena ta’ produzzjoni f’forma ta’ ċifri.

Il-ġurnata u x-xahar tal-produzzjoni għandhom jidhru fuq iż-żewġ naħat tal-pjanċa blu tal-kaseina, u għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jinqraw sal-aħħar tal-perjodu minimu ta’ maturazzjoni.

Il-grupp huwa l-uniku korp awtorizzat li jwassal il-pjanċi tal-kaseina għand l-operaturi. Dan għandu jsir darba fix-xahar jew, fil-bidu tal-perjodu tal-produzzjoni tas-sajf.

Kull operatur li l-akkreditazzjoni tiegħu tkun ġiet sospiża jew irtirata għandu jirritorna l-pjanċi tal-kaseina lill-grupp.”

Dawn l-emendi jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-pjanċi tal-kaseina, it-twassil tagħhom u l-irtirar tagħhom u kif ukoll dwar it-tul ta’ żmien li huma għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jinqraw fuq il-ġobniet.

Metodu ta’ produzzjoni

L-intestaturi rigward il-metodu ta’ produzzjoni ġew emendati sabiex iċ-ċarezza u l-leġibbiltà tagħhom jitjiebu. It-terminu “merħla” ġie definit b’aktar dettall u jirreferi għall-baqar kollha li qed ireddgħu u anke għal dawk li huma niexfa mill-ħalib.

Dieta:

Ġew stabbiliti regoli aktar dettaljati dwar l-għalf, b’mod partikolari:

L-użu tal-polpa tal-pitravi fl-għalf huwa pprojbit. Dan l-oġġett tal-ikel jista’ jagħti togħma ħażina lill-ħalib u jikkawża difetti serji fil-ġobon (butiriku).

L-espellent tal-kopra u tal-qalba tal-palm ġew sostitwiti biż-żerriegħa tal-qara’ ħamra u tal-għosfor. L-iskop ta’ din il-bidla huwa li l-espellenti jiġu sostitwiti bi prodotti sekondarji ta’ żrieragħ żejtninja li għandhom valur nutrizzjonali tajjeb.

L-informazzjoni teknika dwar il-kompożizzjoni tal-għalf supplimentari ġiet iddefinita mill-ġdid wara aġġornament tar-referenzi xjentifiċi (INRA), u ta’ spiss hija espressa bħala intervalli aktar milli bħala valuri fil-mira (PDIE, PDIN, UFL…).

Ġiet introdotta dispożizzjoni li tippermetti d-distribuzzjoni mill-ġdid tax-xorrox ġej mill-ipproċessar tal-ħalib ta’ merħla unika f’ġobon, bħala ikel lill-istess merħla, matul il-perjodu tax-xitwa. Dan huwa suppliment tal-ikel interessanti, minħabba li huwa ta’ valur nutrizzjonali matul il-perjodu tax-xitwa.

Żdiedet dispożizzjoni dwar il-perjodu minimu tar-ragħa: il-baqar tal-ħalib jirgħu wara li jinħall is-silġ u malli l-kapaċità tal-ħamrija tkun tiflaħ għal dan, u sakemm il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-portanza u l-preżenza tal-ħaxix jippermettu.

Żdiedet informazzjoni aktar dettaljata dwar il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-għalf. Bejn il-perjodu tax-xitwa u l-perjodu tar-ragħa fir-rebbiegħa u fil-ħarifa huwa permess perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ mhux aktar minn 30 ġurnata fis-sena minflok 15-il ġurnata, li matulu r-razzjon ta’ bażi għandu jkun magħmul mill-ħaxix tal-mergħat u mill-ħuxlief. Din il-bidla tippermetti li l-pjan tal-ikel għall-perjodu tax-xitwa jiġi adattat għall-perjodu tas-sajf filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-varjazzjonijiet klimatiċi.

Taħlib:

Giet introdotta informazzjoni aktar dettaljata dwar il-projbizzjoni tal-użu ta’ ċertu prodotti tal-kura tal-bżieżel u kif ukoll diżinfettanti li jistgħu jintużaw għat-tindif tat-tagħmir tat-taħlib. L-iskop ta’ dawn il-bidliet huwa l-projbizzjoni tal-użu ta’ prodotti li fihom żjut essenzjali li għandhom irwejjaħ qawwijin u li jistgħu jagħtu togħma ħażina lill-ġobon. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar it-tindif tat-tagħmir jeliminaw kull ambigwità dwar il-possibbiltà li xi kultant jintużaw diterġents li jiddiżinfettaw.

L-ipproċessar tal-ħalib:

Ġew previsti l-kundizzjonijiet dettaljati dwar il-materja prima użata bħala ingredjenti fil-“Beaufort”, b’mod partikolari:

It-termini “mhux misjur” u “imbaqqat” li ma jappartjenux għad-deskrizzjoni f’dan l-istadju tal-proċess, ġew ittrasferiti għal-post ieħor fl-intestatura. L-abbozzar mill-ġdid jikkontribwixxi għall-ispjegazzjoni aħjar tal-oġġett u jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-ħażna u t-tul ta’ żmien tal-ħażna tal-ħalib.

Ġiet introdotta speċifikazzjoni dwar kif għandhom jiġu amministrati l-ħalbiet tal-ħalib imkessaħ u mhux imkessaħ, li huwa kollu jew nofsu imbaqqat minn ħalib sħun. Din hija karatteristika speċifika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Beaufort”. Jekk il-ħalba tal-ħalib issir darba biss fil-ġurnata u tikkonsisti f’ħalib imkessaħ u mhux imkessaħħ, il-ħalba bl-akbar volum ma tistax teċċedi 135 % tal-volum tal-ħalba l-oħra.

Il-prinċipju tal-ġbir tal-ħalib fi żmien sagħtejn wara l-ħalba, li huwa diffiċli biex jiġi kkontrollat, ġie sostitwit bil-prinċipju ta’ perjodu massimu ta’ tbaqqit, li huwa faċli biex jiġi kkontrollat u li jiżgura tbaqqit rapidu minn ħalib sħun mal-wasla tiegħu fl-istabbiliment fejn se jsir il-ġobon. It-tbaqqit għandu jsir qabel 12h00 għall-produzzjoni tal-ġobon li ssir filgħodu u qabel il-23h00 għall-produzzjoni ta’ filgħaxija.

Ġiet introdotta speċifikazzjoni dwar ir-riport massimu tal-volum tal-ħalib għall-ġobniet “Beaufort” segwita mill-indikazzjoni “chalet d’alpage”. Il-ġobniet “Beaufort” prodotti skont il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-użu tad-denominazzjoni “chalet d’alpage” huma mmanifatturati kemm jista’ jkun malajr wara l-ħalba. Wara t-tkessiħ, jista’ jiġi riportat massimu ta’ 15 % tal-volum tal-ħalib totali miż-żewġ ħalbiet ta’ kuljum, minn produzzjoni waħda għall-oħra. Fil-fatt, fil-mergħat tal-muntanji, ir-riport ta’ kwantità żgħira ta’ ħalib biex jiġu bbilanċjati l-kwantitajiet prodotti filgħaxija u dawk tal-għada filgħodu hija prattika komuni u tradizzjonali. Id-dispożizzjoni tipprovdi qafas għal din il-prattika tradizzjonali billi tillimita l-ammonti tar-riport għal 15 % tal-volum totali tal-ħalib miż-żewġ ħalbiet ta’ kuljum mingħajr ma jinbidel l-obbligu li l-ġobon jiġi prodott darbtejn kuljum.

Minħabba li l-preparazzjoni tax-xorrox u t-tbaqqit huma waħda mill-karatteristiċi speċifiċi tad-denominazzjoni (it-tisjir mill-ġdid miżjud bix-xorrox jaġixxi kemm bħala kultura għax-xorrox u kif ukoll jgħin fil-kisba tal-baqta), ġiet introdotta dispożizzjoni biex jekk ikun hemm bżonn jiġi limitat l-użu ta’ baqta prodotta b’mod kummerċjali (limitat għal 30 % tal-ħalib imbaqqat fil-bittija).

Metodu ta’ tħejjija:

Il-paragrafu ġie abbozzat mill-ġdid biex tinftiehem aħjar l-ordni tal-istadji differenti tal-produzzjoni tal-ġobon. It-termini “mhux imsajjar u intier” użati biex jiddeskrivu l-ħalib ġew miżjuda ma’ dan il-paragrafu. Il-kunċett ta’ “tisjir” ġie speċifikat.

It-tul tal-ippressar ġie stabbilit għal minimu ta’ 15-il siegħa.

Maturazzjoni:

Il-paragrafu ġie abbozzat mill-ġdid sabiex jiġi pprovdut qafas aħjar għad-dispożizzjonijiet dwar it-temperaturi matul il-fażi ta’ maturazzjoni. Id-dispożizzjoni dwar l-umdità ġiet imħassra. Fil-fatt din il-miżura kienet tidher kemxejn irrelevanti u ġiet sostitwita bl-obbligu li tinkiseb qoxra misjura u b’kultura ffermentata.

Ġiet introdotta informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kultura ffermentata, li trid issir jew:

wara t-tmelliħ tal-wiċċ tal-ġobon b’melħ oħxon, billi l-ġobon jingħorok f’soluzzjoni tal-melħ imsejħa “morge”, li l-ewwel tkun intużat biex jingħorku l-ġobniet li kisbu kultura ffermentata b’mod tajjeb,

jew inkella billi l-ġobon jiddawwar ta’ taħt fuq u l-wiċċ jiġi mmellaħ bis-salmura u jingħorok b’mod regolari.

Wara din il-fażi li fiha tinkiseb kultura ffermentata, għal mill-inqas darba fil-ġimgħa il-ġobon jibqa jiġi ttrattat sabiex il-qoxra tinżamm kif inhi.

Minħabba d-daqs tal-ġobniet, il-proċess tal-maturazzjoni sar mekkanizzat. Minħabba f’hekk prattikament l-impjanti kollha abbandunaw it-tmelliħ tal-wiċċ bil-melħ oħxon u ssostitwewh bi tmelliħ tal-wiċċ fis-salmura. L-analiżijiet urew li l-livelli tal-melħ huma prattikament l-istess bħal qabel. It-tibdiliet l-oħra saru għal raġunjiet editorjali imma ma jirrappreżentaw l-ebda bidla fil-prattika.

Tikkettar

L-inklużjoni tas-simbolu “DPO” tal-Unjoni Ewropa issa saret obbligatorja.

Rekwiżiti nazzjonali

Minħabba bidliet leġiżlattivi u fir-regolamenti nazzjonali, l-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali” hija ppreżentata f’forma ta’ tabella li telenka l-punti prinċipali li għandhom jiġu ċċekkjati, il-valuri ta’ referenza tagħhom u l-metodu tal-evalwazzjoni tagħhom.

Oħrajn

Kontroll analitiku u organolettiku tal-ġobniet: Ġew introdotti dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli analitiċi u organolettiċi tal-prodotti.

Referenzi li jikkonċernaw il-korpi ta’ ispezzjoni: Din il-parti ġiet aġġornata bid-dettalji tal-korp ta’ ċertifikazzjoni inkarigat mill-kontroll tad-DPO.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“BEAUFORT”

Nru tal-KE: FR-PDO-0317-01097 — 22.2.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Beaufort”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza.

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’punt 1

Il-“Beaufort” huwa ġobon li jiġi prodott skont teknika li tinvolvi l-ippressar u t-tisjir tal-ġobna, esklussivament bil-ħalib tal-baqra użat meta jkun għadu mhux imsajjar. Jiġi mmellaħ fis-salmura u mbgħad immellaħ fil-wiċċ u mmaturat għal mill-inqas ħames xhur.

Il-konsistenza tiegħu hija ratba u kremuża, b’kulur li jvarja bejn l-avorju u l-isfar ċar, li tista’ tkun ftit sfuljurata b’mod orizzontali u jkollha xi toqob żgħar “għajnejn tal-għasafar”. Il-ġobniet sħaħ għandhom forma ċatta b’għarqub konkavi, jiżnu bejn 20 u 70 kilogramma, bid-dijametru bejn 35 u 75 ċentimetru u l-għoli tal-għarqub bejn 11 u 16-il ċentimetru. Il-qoxra mogħrka, nadifa u solida hija ta’ kulur uniformi isfar li jkanġi fil-kannella. Il-“Beaufort” ma jistx ikun fih kontenut ta’ xaħam li huwa inqas minn 48 % wara dessikazzjoni kompluta u l-kontenut tal-materja niexfa li ma jistax ikun inqas minn 61 % tal-ġobon immaturat.

Kull ġobon li huwa intenzjonat li jiġi kkumerċjalizzat bl-isem “Beaufort” għandu jiġi identifikat bi pjanċa blu tal-kaseina b’forma ovali u l-informazzjoni dwar it-traċċabbiltà għandha tkun miktuba b’inka alimentari. Barra mill-pjanċa blu tal-kaseina, il-ġobniet “Beaufort” prodotti skont kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-użu tad-deskrizzjoni “chalet d’alpage” għandu jkollhom pjanċa kwadra oħra ħamra tal-kaseina mwaħħla fuq l-għarqub fuq il-parti opposta tal-pjanċa blu tal-kaseina.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tal-“ Beaufort” għandu jiġi biss mill-merħliet tal-ħalib magħmula minn baqar ta’ razez lokali, Tarine (isem lokali ieħor għar-razza Tarentaise) u Abondance, li jew jikkorrispondu għall-kriterji tas-sezzjoni prinċipali tal-ktieb tal-ġenealoġija, jew ikunu ġew suġġetti għal awtentifikazzjoni li tibda mill-karatteristiċi fenotipiċi rikonoxxuti.

Il-materja prima użata fil-kompożizzjoni tal-Beaufort hija:

ħalib mhux imsajjar u intier

jew mhux imkessaħ ta’ wara l-aktar ħalba riċenti,

jew inkella miksub mit-taħlit ta’ ħalib minn żewġ ħalbiet konsekuttivi magħmula fi żmien għoxrin siegħa mill-ewwel ħalba, li l-ħalib tagħha jkun tkessaħ fuq l-azjenda agrikola, filwaqt li l-ħalib mill-ħalba l-aktar riċenti ma jridx ikun tkessaħ;

il-baqta li tkun ġejja mill-maċerazzjoni tax-xorrox imsajjar mill-ġdid. Jekk ikun hemm bżonn, tista’ tintuża baqta addizzjonali prodotta b’mod kummerċjali, sakemm din ma tkunx aktar minn 30 % tal-ħalib imbaqqat fil-bittija;

ix-xorrox li huwa tat-tip termofilu u kkostitwit fil-parti l-kbira minn laktobaċilli. Ir-ricotta miżjuda bil-baqta’ sservi fl-istess ħin kemm għall-kultura tax-xorrox kif ukoll biex jinkiseb it-tames;

il-melħ miksub mit-tmelliħ inizjali ta’ bejn 20 u 24 siegħa fis-salmura u mbagħad minn proċess ieħor bl-użu ta’ melħ oħxon jew salmura.

Għall-produzzjoni tal-“ Beaufort ”, l-użu ta’ kwalunkwe prodott ieħor huwa pprojbit.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf tal-merħla jinkludi:

matul il-perjodu tax-Xitwa mill-inqas 13-il kg ta’ ħuxlief għal kull baqra tal-ħalib kuljum, li magħhom jista’ jiżdied ukoll 3 kg ta’ alfalfa mnixxfa u mitħuna. L-għalf supplimentari ma jistax jaqbeż terz mill-piż tar-razzjon bażiku medju għall-merħla tal-ħalib fi żmien it-treddigħ. L-għalf kompost huwa għalf li huwa rikk fl-enerġija, fil-proteini u fil-konċentrati tal-produzzjoni b’kontenut nitroġenuż totali ta’ 16 %. Huwa ġej minn speċijiet definiti u minn varjetajiet mhux transġeniċi u għandu jikkorrispondi għall-karatteristiċi tekniċi li ġejjin: 0,89 UFL kull kilogramma, 95 gramma PDIN u 125 gramma PDIE.

Matul il-perjodu tar-ragħa: il-baqar tal-ħalib jirgħu wara li jinħall is-silġ u malli l-kapaċità tal-ħamrija tkun tiflaħ għal dan, u sakemm il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-kapaċità u l-preżenza tal-ħaxix jippermettu.

Fil-wied, l-għalf supplimentari huwa tal-istess tip bħal dak tal-perjodu tax-xitwa u jikkorrispondi għal medja ta’ 2,5 kg kuljum għal kull baqra fi żmien it-treddigħ għal merħla. Fil-mergħat tal-muntanja, l-għalf supplimentari ma jistax ikun aktar minn medja ta’ 1,5 kg għal kull baqra tal-ħalib kuljum għall-merħla, u qabel l-1 ta’ Awwissu għandu jikkonsisti biss miċ-ċereali.

Bejn il-perjodu tax-xitwa u l-perjodu tar-ragħa, huwa permess perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ mhux aktar minn 30 ġurnata fis-sena li matulu r-razzjon ta’ bażi għandu jkun magħmul mill-ħaxix tal-mergħat u mill-ħuxlief.

L-għalf ġej minn barra ż-żona jista’ jintuża biss bħala suppliment. Mill-inqas 75 % tal-ħtiġijiet tal-merħla tal-ħalib f’ħuxlief u f’ħaxix tal-mergħat ġejjin miż-żona ġeografika biex mill-inqas 75 % tal-produzzjoni tal-ħalib tkun ġejja mill-għalf ġej miż-żona. Mill-inqas 20 % tal-ħtiġijiet annwali f’ħuxlief għall-baqar tal-ħalib ġejjin miż-żona ġeografika.

Il-bwar huma l-lok fejn tradizzjonalment tittieħed il-merħla u fejn jitqassam id-demel. It-tixrid tal-ħama mill-impjanti tad-drenaġġ jew tal-prodotti derivati huwa pprojbit fuq il-bwar, il-mergħat u l-mergħat tal-muntanji użati mill-industrija tal-“Beaufort”.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-produzzjoni u l-maturazzjoni għal mill-inqas ħames xhur isiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Meta l-ġobon jinbiegħ wara li jkun ġie ppakkjat minn qabel, kull biċċa jrid ikollha parti bil-qoxra karatteristika tad-denominazzjoni; madankollu, din il-qoxra tista’ titneħħielha l-kultura ffermentata. Meta l-ġobon ikun ikkummerċjalizzat wara li jkun ġie maħkuk, id-denominazzjoni “Beaufort” hija pprojbita.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

It-tikkettar tal-ġobniet li għandhom id-denominazzjoni tal-oriġini “Beaufort” għandu jkollu:

isem id-denominazzjoni miktub b’ittri li huma mill-inqas żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar ittri li jidhru fuq it-tikketta;

is-simbolu “DPO” tal-Unjoni Ewropea.

L-użu ta’ kwalunwke karatteristika jew tismija oħra li takkumpanja l-imsemmija denominazzjoni tal-oriġini hija pprojbita fit-tikkettar, fir-reklami, fil-fatturi jew fil-karti kummerċjali, ħlief:

għal marki kummerċjali jew marki ta’ produzzjoni partikolari;

it-termini: “été” u “chalet d’alpage” li l-użu tagħhom huwa permess bil-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt:

Il-kwalifika “Eté” tintuża bħala denominazzjoni għal ġobniet manifatturati minn Ġunju sa Ottubru inkluż, u dan jinkludi wkoll il-ġobniet magħmula mill-ħalib Alpin.

Il-kwalifika “Chalet d’Alpage” tintuża bħala denominazzjoni għal ġobniet manifatturati minn Ġunju sa Ottubru inkluż, skont il-metodi tradizzjonali darbtejn kuljum fi dwejra Alpina li tinstab f’altitudni ta’ aktar minn 1 500 metru, u li jinkludu, mill-inqas il-ħalib prodott minn merħla waħda fid-dwejra.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-reġjun tal-produzzjoni tal-“Beaufort” ikopri ż-żona għolja tal-muntanji tad-dipartiment ta’ Savoie u jinkludi l-muniċipalitajiet tal-muntanji ta’ Beaufortain, Val d’Arly, Tarentaise u Maurienne u żewġ setturi kontigwi f’Haute Savoie.

Il-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika li testendi sat-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Id-dipartiment ta’ Savoie:

Id-distrett ta’ Albertville:

Cantons sħaħ: Aime, Beaufort, Bourg-Saint-Maurice, Bozel, Moûtiers.

Partijiet mill-Cantons:

Il-Canton ta’ Ugine: La Giettaz, Flumet, Notre-Dame-de-Bellecombe, Crest-Voland, Cohennoz, Saint-Nicolas-la-Chapelle.

Il-Canton ta’ Albertville Sud: Rognaix, La Bâthie, Cevins, Saint-Paul-sur-Isère, Esserts-Blay, Tours-en-Savoie.

Parti mill-muniċipalità li ġejja: Albertville inklużi s-sezzjonijiet kadastrali E2, E3 u E4.

L-Arrondissement ta’ Saint-Jean-de-Maurienne:

Cantons sħaħ: La Chambre, Lanslebourg-Mont-Cenis, Modane, Saint-Jean-de-Maurienne, Saint-Michel-de-Maurienne.

Partijiet mill-Cantons: Il-Canton ta’ Aiguebelle: Montsapey.

Id-Dipartiment ta’ Haute-Savoie:

Id-distrett ta’ Bonneville

Partijiet mill-Cantons:

Il-Canton ta’ Sallanches: Praz-sur-Arly.

Il-Canton ta’ Saint-Gervais-les-Bains: Parti mill-muniċipalità li ġejja: Contamines-Montjoie inklużi s-sezzjonijiet kadastrali D8 (parti minnha), E6, E7, E8 (parti minnhom), F5 (parti minnhom), F6 (parti minnhom), F8 (parti minnhom), F9, F10, F11, F12, F13.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali:

L-ambjent naturali assoċjat mad-denominazzjoni “Beaufort” huwa karatterizzat bil-muntanji tal-Alpi taż-żona interna, prinċipalment magħmula minn muntanji kristallini kumpatti interni, kif ukoll blat sedimentarju fiż-żona ta’ Briançonnaise u, parzjalment, il-muntanji kristallini esterni li fihom jista’ jkun hemm preżenti blat sedimentarju artab tat-tip shale.

Billi tifforma interfaċċja bejn l-Alpi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, fil-veru sens tal-kelma, iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini, fejn il-mergħat permanenti jkopru 95 % tas-superfiċi użati mill-produtturi tal-ġobon, tista’ tagħmel l-aħjar użu minn dawn il-vantaġġi:

kwantità suffiċjentement għolja ta’ xita (madankollu mhux abbondanti ż-żejjed) u ħamrija fonda li tippermetti produzzjoni abbondanti ta’ ħaxix li hija nutrittiva biżżejjed għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib;

flora diversifikata u rikka ta’ pjanti aromatiċi li hija kumparabbli ma’ dik ta’ bur niexef.

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Beaufort”, li tkopri l-muntanji Beaufortain, il-widien ta’ Tarentaise, Maurienne u parti mill-Val d’Arly, hija karatterizzata minn mergħat muntanjużi estensivi (92 % tal-unitajiet pastorali ta’ Savoie).

Fatturi umani:

F’dawn il-mergħat muntanjużi ġew żviluppati prattiki pastorali li waħda waħda jew kollha f’daqqa m’għadhom jinstabu mkien ieħor fuq l-Alpi fuq skala ta’ din ix-xorta, u jifformaw sistema agropastorali unika. Din is-sistema hija karatterizzata mill-użu f’diversi livelli tal-veġetazzjoni li jinvolvi l-użu komplementarju ta’ qiegħ il-wied, tal-ġnub tal-muntanji u tal-mergħat tal-muntanji. Skont kif jikber il-ħaxix, iċ-ċaqliq tal-annimali u l-preżenza kwotidjana tal-bnedmin jippermettu taħlib fil-post u l-użu tal-ħaxix b’tali mod li jgħin fil-preżervazzjoni tal-mergħat naturali.

Is-sistema agropastorali ilha stabbilita mis-seklu 17 u evolviet maż-żminijiet għalkemm xorta waħda baqgħet issegwi l-prinċipji tagħha stess.

Il-mergħat tal-muntanja użati matul il-100 sa 110 ijiem tal-perjodu tas-sajf jinkludu:

Il-muntanji għoljin, li jospitaw merħla kbira (minn 50 sa 150 baqra tal-ħalib). Il-bini ta’ mogħdijjiet li jaslu sal-mergħat tal-muntanja u li jagħtu għal ġo fihom ukoll, jippermetti li l-magni mobbli tat-taħlib isegwu lill-merħla, li tivjaġġa distanza ta’ aktar minn 1 500 m sa 2 500 m biex issegwi t-tkabbir tal-ħaxix. Il-merħla hija magħmula minn diversi merħliet miġburin mill-ġdid fi gruppi;

Il-muntanji aktar baxxi, ta’ daqs iżgħar u b’firxa ta’ altitudni aktar baxxa, fejn jirgħu l-merħliet ta’ familji individwali. It-taħlib kien isir fid-dwejriet, għalkemm din il-prattika qed issir aktar rari.

Il-ħalib (partikolarment fil-muntanji għoljin) jista’ jiġi pproċessat fuq il-post, imma l-biċċa l-kbira jinġabar mill-impjanti, li jipproċessaw il-ħalib matul is-sena kollha fil-widien (minn 85 sa 90 % tal-produzzjoni). Il-merħliet iqattgħu ix-xhur tax-xitwa f’dawn il-widien. Il-ħuxlief imbagħad isir fiż-żoni li l-merħliet ma jużawx fix-xhur tas-sajf.

Bejn il-widien u l-mergħat tal-muntanji hemm livell intermedjarju msejjaħ “montagnette”, fejn il-merħliet joqogħdu għal ftit żmien fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.

Iż-żona tal-produzzjoni hija karatterizzata minn tradizzjoni ta’ trobbija ta’ bovini b’baqar tar-razza Tarine (isem lokali ieħor għar-razza Tarentaise) u Abondance. Fil-fatt, il-wied Tarentaise huwa l-post tat-twelid tar-razza Tarentaise. Fl-1963, E. QUITTET iddeskriva r-razza b’dan il-mod: “ir-razza Tarine għandha kwalitajiet notevoli ta’ reżistenza għall-kundizzjonijiet tal-ħajja mill-aktar ħorox li jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mil-mod tal-għajxien tagħha (il-perjodu tas-sajf il-merħla tqattgħu fuq mergħat tal-muntanja f’altitudni ta’ bejn 1 500 u 2 000 m). Hija tibqa’ f’saħħitha għal żmien twil, minkejja li jkollha l-friegħ b’mod regolari. Hija adatatta notevolment biex tuża għalf oħxon matul il-perjodu tax-xitwa, filwaqt li xorta waħda tibqa’ tipproduċi provvisti tal-ħalib aċċettabbli... It-Tarine hija baqra tal-ħalib eċċellenti, speċjalment fi klimi ħorox.”

Il-kontenut għoli ta’ xaħam ta’ “Beaufort” jiddistingwih minn ġobniet oħra ppressati u mhux imsajra. It-teknika żviluppata kmieni fis-seklu 17 għall-produzzjoni ta’ ġobniet ippressati mhux imsajra, malajr infirxet mas-setturi muntanjużi kollha ta’ Franza tal-Lvant. B’hekk l-abitanti taż-żona “Beaufort” setgħu jistennew sax-xitwa qabel ma jikkumerċjalizzaw u jikkunsmaw il-ħalib prodott bi kwantitajiet kbar fil-mergħat tal-muntanja matul is-sajf. Din it-teknika nħolqot għax kien hemm bżonnha iżda aktar tard kisbet karatteristiċi distinti direttament marbuta mal-ambjent (l-użu ta’ ħalib intier u l-maturazzjoni f’kantina kiesħa).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Beaufort” għandu jintgħaraf mill-ġobniet ippressati u msajra l-oħra kollha prinċipalment minħabba:

l-użu ta’ ħalib mhux imsajjar u intier fil-manifattura tiegħu immedjatament wara l-ħalba;

l-użu ta’ forma tal-injam magħrufa bħala “cercle à Beaufort” (ċirku għall-Beaufort) li tagħti lill-ġobon għarqub konkavi;

l-użu ta’ prattiki ta’ pproċessar tradizzjonali (użu ta’ kulturi ta’ xorrox selvaġġ bl-iffurmar tal-ġobon f’biċċiet tal-għażel u ċ-ċirku għall-“Beaufort” li jeħtieġ li jiddawwar ta’ taħt fuq waqt l-ippressar) b’mod partikolari bl-inokulazzjoni ta’ laktobaċilli termofiliċi kkultivati minn dak li jagħmel il-ġobon stess;

għaġna kważi mingħajr toqob bir-riżultat tal-maturazzjoni f’kantina kiesħa.

Waħda mill-karatteristiċi organolettiċi tal-“Beaufort” hija li l-għaġna inizjalment tinħass iebsa fil-ħalq iżda mbgħad tinħall mingħajr ma teħel mal-ħalq b’mod eċċessiv. Irid ikollha diversi aromi li mhumiex qawwijin ħafna.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-karatteristiċi partikolari tal-ambjent deskritti jirriżultaw f’firxa rikka ta’ flora u f’varjazzjoni kbira tal-gruppi veġetali preżenti. Il-gruppi kollha fitosoċjoloġiċi tal-meded tal-ħaxix, tax-xagħri żgħir (landines) u tax-xagħri użati fil-mergħat tal-muntanji huma rrappreżentati.

Skont diversi studji - DORIOZ et al. (2000), DORIOZ 1995; INRA, 1994, DORIOZ u VAN OORT, 1991, LEGROS et al., 1987, DORIOZ, 1995, il-mergħat juru varjabbiltà u diversità kbira u fihom jista’ jinsab totalità ta’ bejn 250 u 300 speċi. Skont id-direzzjoni u l-angolu tal-inklinazzjoni tal-ġnub tal-muntanji u t-tipi ta’ ħamrija, huwa possibbli li fl-istess ġurnata ta’ ragħa, il-baqar jiltaqgħu ma’ varjetà kbira ta’ għalf.

Din il-flora partikolarment appetituża għandha l-karratteristika ta’ taħlita ta’ aromi li timmanifesta ruħha fil-kwalitajiet tat-togħma partikolari u tipiċi ħafna tal-“Beaufort” (DUMONT et ADDA, 1978, BUCHIN et al., 1999; ASSELIN et al., 1999, f’DORIOZ et al., 2000).

Is-sistema pastorali hija bbażata fuq il-valorizzazzjoni ta’ din il-varjetà kbira ta’ flora permezz tal-merħliet tar-razez lokali Tarine u Abondance li jitrabbew skont prattiki pastorali totalment adattati għall-ambjent. Barra minn hekk, l-ipproċessar tal-“ħalib sħun” jippermetti l-preservazzjoni tal-kwalitajiet oriġinali marbuta mad-diversità florali. Dan huwa konformi mal-produzzjoni ta’ ġobon xaħmi, magħmul minn ħalib mhux xkumat u bl-użu ta’ xorrox selvaġġ. L-użu ta’ ċirku konvess jippermetti l-adattament għall-varjazzjonijiet sinifikanti fil-kwantitajiet ta’ ħalib prodotti fil-mergħat tal-muntanja, iż-żamma tat-temperatura fil-ġewwieni tal-ġobon matul l-ippressar, u l-istabbiltà tal-forma tal-ġobna. Il-maturazzjoni tal-ġobon f’kantina kiesħa, stadju essenzjali li jiggarantixxi l-kwalità tiegħu, hija l-istadju fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma l-eqreb possibbli għal dawk esperjenzati fis-siti ta’ produzzjoni f’altitudni għolja u huwa kompletament konformi mal-produzzjoni ta’ ġobon xaħmi.

Il-prattiki kollha tal-produzzjoni u tal-ipproċessar jikkostitwixxu sistema koerenti marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, li jippermettu l-espressjoni tad-diversità aromatika dovuta għall-flora partikolari sal-prodott finali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCBeaufort.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.