24.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet ta’ dejta u imposti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti

2014/C 240/01

1.   GĦAN TAL-AVVIŻ

Il-ftuħ tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) għall-użu mill-ġdid iġib benefiċċji soċjoekonomiċi kbar. Id-dejta ġġenerata mis-settur pubbliku tista’ tintuża bħala materja prima għal servizzi u prodotti innovattivi ta’ valur miżjud li jsaħħu lill-ekonomija billi joħolqu impjiegi ġodda u jħeġġu l-investiment f’setturi xprunati mid-dejta. Dawn għandhom ukoll rwol fit-tkattir tar-responsabbiltà u t-trasparenza tal-gvern. Dawn il-benefiċċji dan l-aħħar ġew rikonoxxuti mill-mexxejja tal-G8 u minquxa f’Karta dwar id-Dejta Miftuħa (1).

Madankollu, l-istudji mwettqa f’isem il-Kummissjoni Ewropea juru li l-industrija u ċ-ċittadini għadhom qed jiffaċċaw diffikultajiet fis-sejba u l-użu mill-ġdid ta’ din id-dejta. Bħala reazzjoni għal dan, f’Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ miżuri (2) sabiex jingħelbu l-ostakli fl-użu mill-ġdid u għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-swieq tad-dejta. L-element ewlieni kien id-Direttiva 2013/37/UE li ġiet adottata dan l-aħħar li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku.

Id-Direttiva emendata titlob lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli ġodda billi toħroġ linji gwida dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet ta’ dejta u imposti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti. Il-linji gwida huma element importanti tal-isforzi tal-Kummissjoni biex jgħinu lill-ekonomija tal-UE sabiex tiġġenera aktar valur mid-dejta (inkluż id-dejta xjentifika u l-“big data” minn sorsi oħrajn apparti s-settur pubbliku). Se jiffaċilitaw ukoll l-introduzzjoni ta’ infrastrutturi tad-dejta miftuħa taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF).

F’Awwissu 2013, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni onlajn bi smigħ pubbliku u laqgħa ta’ grupp ta’ esperti tal-PSI tal-Istati Membri. L-għan kien li jinġabru l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha dwar l-ambitu u l-kontenut tal-linji gwida futuri tal-Kummissjoni.

Ir-reazzjonijiet li waslu (3) juru tendenza dejjem tikber lejn sistema ta’ liċenzji aktar miftuħa u interoperabbli fl-Ewropa u ftehim fuq il-ħtieġa għar-rilaxx malajr ta’ bosta settijiet ta’ dejta b’valur għoli. Fir-rigward tal-imposti, huwa ċar li qed jintużaw medda kbira ta’ approċċi, iżda l-prinċipji tal-ipprezzar li għadhom kif ġew introdotti ma ġewx iddubitati mill-maġġoranza ta’ min wieġeb. Dan jissuġġerixxi li l-użu mill-ġdid tal-PSI fl-Ewropa għadu qed jiżviluppa u li jeħtieġ b’mod urġenti li jkun hemm gwida dwar l-elementi ewlenin tad-Direttiva li ġiet riveduta dan l-aħħar jekk wieħed irid jieħu l-vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali offruti mill-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika.

L-għan ta’ dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa li jipprovdi gwida mhux vinkolanti dwar l-aħjar prattiki fit-tliet oqsma tematiċi ta’ rilevanza partikolari għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Ewropa.

2.   LINJI GWIDA DWAR LIĊENZJI STANDARD RAKKOMANDATI

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva riveduta jipprevedi li l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jippermettu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti mingħajr kundizzjonijiet jew jistgħu jimponu kundizzjonijiet, fejn xieraq, permezz ta’ liċenzja. Dawn il-kundizzjonijiet m’għandhomx jillimitaw mingħajr bżonn il-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid u m’għandhomx jintużaw biex jillimitaw il-kompetizzjoni. Il-Premessa 26 tad-Direttiva 2013/37/UE telenka żewġ kundizzjonijiet aċċettabbli bħal dawn permezz ta’ spjegazzjoni: rikonoxximent tas-sors u rikonoxximent ta’ kwalunkwe modifika li ssir fid-dokument. Tistipula wkoll li l-liċenzji, kull meta jintużaw, għandhom fi kwalunkwe każ ikollhom l-inqas restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu mill-ġdid, eż. jillimitawhom għal indikazzjoni tas-sors.

Id-Direttiva riveduta tħeġġeġ ukoll l-użu ta’ liċenzji standard, li għandhom ikunu disponibbli f’format diġitali u jkunu pproċessati b’mod elettroniku (Artikolu 8(2)). Il-Premessa 26 tad-Direttiva li temenda tħeġġeġ l-użu tal-liċenzji miftuħa, li eventwalment għandhom isiru l-prattika komuni fl-Unjoni kollha.

Għalhekk, billi tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tiġi evitata “il-limitazzjoni bla bżonn tal-użu mill-ġdid” u bl-appoġġ tal-adozzjoni ta’ “prattika komuni fl-Unjoni kollha”, id-Direttiva tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu ftuħ u interoperabbiltà fil-politiki dwar il-liċenzji tagħhom.

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-Direttiva ma tapplikax għad-dokumenti li għalihom il-partijiet terzi jkollhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dan l-avviż ma jinkludix dawn id-dokumenti.

2.1.   Avviż jew liċenzja

Għalkemm l-awtoritajiet pubbliċi ta’ spiss jippreferu jabbozzaw liċenzji b’mod sħiħ sabiex ikollhom kontroll fuq il-kliem u l-aġġornamenti, id-Direttiva ma tobbligax l-użu ta’ liċenzji formali, iżda tinnota li dawn għandhom jiġu applikati “fejn xieraq”. L-Istati Membri għandhom iqisu jekk fi stanzi individwali u skont id-dokument, jistax jintuża avviż minflok (fil-forma ta’ test, pop-up window jew hyperlink għal websajt esterna).

Avviż sempliċi (eż. il-marka tad-dominju pubbliku tal-Creative Commons) (4) li jindika b’mod ċar l-istatus legali huwa speċifikament irrakkomandat għad-dokumenti fid-dominju pubbliku (eż. fejn il-protezzjoni tal-IPR tkun skadiet jew f’ġurisdizzjonijiet fejn id-dokumenti uffiċjali jkunu eżenti mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont il-liġi).

Fi kwalunkwe każ, referenza għall-kundizzjonijiet li taħthom huwa permess l-użu mill-ġdid għandha tidher b’mod prominenti fil-punt fejn ikun hemm l-informazzjoni jew mal-informazzjoni stess.

2.2.   Liċenzji miftuħa

Bosta liċenzji li jikkonformaw mal-prinċipji ta’ “ftuħ” (5) deskritti mill-Open Knowledge Foundation sabiex jippromwovu l-użu mill-ġdid mingħajr restrizzjoni tal-kontenut onlajn, huma disponibbli fuq il-web. Dawn ġew tradotti f’bosta lingwi, ċentralment aġġornati u diġà jintużaw b’mod estensiv madwar id-dinja. Il-liċenzji standard miftuħa, pereżempju l-aktar liċenzji reċenti tal-Creative Commons (CC) (6) (verżjoni 4.0), jistgħu jippermettu l-użu mill-ġdid tal-PSI mingħajr il-ħtieġa li jiġu żviluppati u aġġornati l-liċenzji magħmula apposta fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali. Minn dawn, id-dedikazzjoni tad-dominju pubbliku tas-CC0 (7) hija ta’ interess partikolari. Bħala għodda legali li tippermetti r-rinunzja tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tal-bażi ta’ dejta għall-PSI, tiżgura flessibbiltà sħiħa għall-utenti li jerġgħu jużaw id-dejta u tnaqqas il-kumplikazzjonijiet assoċjati mal-ġestjoni ta’ bosta liċenzji, b’dispożizzjonijiet li possibbilment ikunu konfliġġenti. Jekk id-dedikazzjoni tad-dominju pubbliku tas-CC0 ma tistax tintuża, il-korpi tas-settur pubbliku huma mħeġġa li jużaw liċenzji standard miftuħa adattati għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru stess dwar il-proprjetà intellettwali u l-kuntratti u li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet irrakkomandati dwar il-liċenzji stabbiliti hawn taħt. Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija, wieħed għandu wkoll iqis il-possibbiltà li tiġi żviluppata liċenzja miftuħa nazzjonali xierqa.

2.3.   Dispożizzjonijiet rakkomandati għal-liċenzji

2.3.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-dispożizzjoni għandha tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni temporali u ġeografika tad-drittijiet koperti mill-ftehim dwar il-liċenzji, it-tipi ta’ drittijiet mogħtija u l-medda tal-użu mill-ġdid- permess. Sabiex jiġi faċilitat il-ħolqien ta’ prodotti u servizzi li jużaw mill-ġdid il-kontenut kombinat miżmum minn korpi tas-settur pubbliku differenti u b’liċenzji miftuħa differenti (il-ħruġ ta’ spiss jiġi msejjaħ “l-interoperabbiltà tal-liċenzja” (8)) formulazzjoni ġenerika tkun aħjar minn listi dettaljati ta’ każijiet u drittijiet ta’ użu.

Għall-promozzjoni proattiva tal-użu mill-ġdid tal-materjal bil-liċenzja, huwa rrakkomandat li l-liċenzjatur jagħti drittijiet dinjija (sal-limitu permess taħt il-liġi nazzjonali), perpetwi, ħielsa mid-dritt dovut għall-użu ta’ proprjetà, irrevokabbli (sal-limitu permess taħt il-liġi nazzjonali) u mhux esklussivi sabiex tintuża l-informazzjoni koperta mil-liċenzja.

Huwa rakkomandat li d-drittijiet mhux koperti mil-liċenzja jiġu stabbiliti b’mod espliċitu u t-tipi ta’ dritt mogħtija (drittijiet tal-awtur, drittijiet tal-bażi ta’ dejta u drittijiet relatati) jiġu definiti b’mod wiesa’.

Fl-aħħar nett, l-aktar kliem wiesa’ possibbli jista’ jintuża biex jirreferi għal x’jista’ jsir bid-dejta koperta mil-liċenzja (termini bħal: użu, użu mill-ġdid, kondiviżjoni jistgħu jiġu deskritti aktar minn lista indikattiva ta’ eżempji).

2.3.2.   Attribuzzjoni

Meta l-liċenzji huma meħtieġa bil-liġi u ma jistgħux jiġu sostitwiti b’avviżi sempliċi, huwa rakkomandat li jkopru r-rekwiżiti tal-attribuzzjoni biss, minħabba li obbligi oħra jistgħu jillimitaw il-kreattività jew l-attività ekonomika tal-liċenzjatarji, u b’hekk jiġi affettwat il-potenzjal ta’ użu mill-ġdid tad-dokumenti kkonċernati.

L-għan tar-rekwiżiti tal-attribuzzjoni huwa li jobbligaw lill-utent li juża mill-ġdid li jirrikonoxxi s-sors tad-dokumenti b’mod speċifikat mil-liċenzjatur (korp tas-settur pubbliku). Huwa rakkomandat li (skont il-liġi applikabbli) l-obbligi jinżammu għall-minimu, u jitolbu mhux iktar minn:

(a)

dikjarazzjoni li tidentifika s-sors tad-dokumenti; u

(b)

ħolqa għal informazzjoni rilevanti dwar il-liċenzji (fejn prattikabbli).

2.3.3.   Eżenzjonijiet

Meta s-settijiet ta’ dejta li jistgħu jerġgħu jintużaw ikunu disponibbli flimkien ma’ settijiet ta’ dejta li ma jistgħux jerġgħu jintużaw (pereżempju bħala partijiet differenti tal-istess dokument jew tabella) huwa rakkomandat li jiġi indikat b’mod espliċitu liema settijiet ta’ dejta mhumiex koperti mil-liċenzja.

Din id-dispożizzjoni hija mfassla biex tiżgura ċertezza legali akbar għall-utenti li jużaw mill-ġdid u l-korp tas-settur pubbliku u tista’ tiġi akkumpanjata minn arranġamenti għar-reazzjonijiet li bihom l-utenti jkunu jistgħu jirrappurtaw każijiet li fihom is-settijiet ta’ dejta jkunu jidhru li ġew distribwiti taħt il-liċenzja bi żball jew li fihom is-settijiet ta’ dejta jkunu jidhru li ġew esklużi bi żball. Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà tkun xierqa f’dawn il-każijiet.

2.3.4.   Definizzjonijiet

Huwa rakkomandat li t-termini ewlenin tal-liċenzja (liċenzjatur, użu, informazzjoni, liċenzjatarju, eċċ.) jiġu definiti b’mod konċiż u kemm jista’ jkun f’lingwa li tinftiehem minn kulħadd u konformi ma’ dawk tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

F’konformità mal-kunsiderazzjonijiet fil-punt 2.3.1 hawn fuq u sabiex ma titnaqqasx l-interoperabbiltà, huwa rakkomandat li “l-użu” jew “l-użu mill-ġdid” jiġi definit bl-użu ta’ lista indikattiva ta’ drittijiet aktar milli waħda eżawrjenti.

2.3.5.   Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà

Din id-dispożizzjoni għandha tintuża (sal-limitu permess taħt il-liġi applikabbli) sabiex tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-liċenzjatur jipprovdi l-informazzjoni “kif inhi” u ma jassumi l-ebda responsabbiltà għall-korrettezza jew il-kompletezza tagħha.

Meta l-korp tas-settur pubbliku ma jkunx f’pożizzjoni li jiggarantixxi l-provvista sostnuta tal-informazzjoni kkonċernata u l-aċċess għaliha, dan għandu wkoll jiġi ddikjarat b’mod ċar fil-liċenzja.

2.3.6.   Konsegwenzi tan-nuqqas ta’-konformità

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’-konformità mat-termini tal-liċenzja jistgħu jiġu spjegati fid-dettall, b’mod partikolari jekk jinkludu revoka awtomatika u immedjata tad-drittijiet tal-utent li juża mill-ġdid.

2.3.7.   Informazzjoni dwar il-kompatibbiltà u l-verżjonijiet tal-liċenzja

Din id-dispożizzjoni tista’ tintuża biex tindika liċenzji oħrajn li magħhom hija kompatibbli l-liċenzja, jiġifieri l-informazzjoni li ġejja minn sorsi differenti taħt liċenzji differenti kompatibbli tista’ terġa’ tintuża flimkien sakemm ikun hemm konformità ma’ waħda mil-liċenzji.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li tinżamm u ssir referenza għal verżjoni ċara tal-liċenzja u skema tad-dati sabiex jiġu indikati l-aġġornamenti.

2.4.   Dejta personali

Gwida utli u l-aħjar prattika fil-qasam tal-użu mill-ġdid tad-dejta personali huma stabbiliti fl-Opinjoni 06/2013 (dwar id-dejta miftuħa u l-informazzjoni tas-settur pubbliku) tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (9) u f’dokumenti relatati tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) (10).

L-Opinjoni 06/2013 tirrakkomanda bis-saħħa li, meta l-informazzjoni li tista’ terġa’ tintuża tinkludi dejta personali, l-utenti li jużaw mill-ġdid għandhom jiġu sensibilizzati dwar ir-regoli dwar l-ipproċessar ta’ din id-dejta mill-bidu. Dan jista’ jsir billi tiġi inkluża dispożizzjoni xierqa fil-liċenzja u għalhekk, il-protezzjoni tad-dejta personali ssir obbligu kuntrattwali, li jista’ wkoll jintuża biex tiġi evitata l-identifikazzjoni mill-ġdid ta’ settijiet ta’ dejta anonimizzati. Għażla oħra hija li tiġi adottata dispożizzjoni li teskludi kompletament id-dejta personali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liċenzji miftuħa. Jeżistu wkoll soluzzjonijiet oħrajn, pereżempju “avviżi intelliġenti” (11), meta l-korp tas-settur pubbliku jiddeċiedi li jippermetti l-liċenzjar tad-dejta personali. Dawn l-avviżi jistgħu jkunu separati mil-liċenzja, maħżuna f’post permanenti onlajn, jindikaw l-iskop oriġinali tal-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta personali u jservu bħala tfakkira tal-obbligi fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-liġi nazzjonali li tittrasponi dawn ir-regoli. Billi mhumiex parti mil-liċenzja nfisha, l-avviżi ma’ jkunux ta’ ostaklu għat-taħlit tal-informazzjoni tas-settur pubbliku koperta b’liċenzji differenti.

3.   LINJI GWIDA GĦAS-SETTIJIET TA’ DEJTA

Id-dejta tas-settur pubbliku f’ċerti oqsma tematiċi tikkostitwixxi assi ta’ valur għall-ekonomija u s-soċjetà b’mod ġenerali. L-inizjattivi internazzjonali dwar il-ftuħ tal-informazzjoni tal-gvern (eż. l-Karta dwar id-Dejta Miftuħa tal-G8 (12) u s-Sħubija Miftuħa tal-Gvern (13)) jirrikonoxxu dan billi jagħmlu enfasi fuq is-settijiet ta’ dejta strateġiċi identifikati permezz tar-reazzjonijiet mill-pubbliku jew bl-għajnuna tal-esperti.

L-aċċess għal dawn is-settijiet ta’ dejta u l-użu mill-ġdid tagħhom mhux biss iħaffu l-emerġenza tal-prodotti u s-servizzi ta’ informazzjoni b’valur miżjud, iżda jħeġġu wkoll id-demokrazija parteċipatorja. Barra minn hekk, l-użu aktar wiesa’ tagħhom fl-amministrazzjoni nfisha jwassal għal żieda tanġibbli fl-effiċjenza fl-eżekuzzjoni tal-kompiti pubbliċi.

3.1.   Kategoriji ta’– prijoritajiet tad-dejta għar-rilaxx

Inspirati mill-inizjattivi internazzjonali msemmijin hawn fuq u ggwidati mill-preferenzi espressi fil-konsultazzjoni miftuħa, il-ħames kategoriji ta’ settijiet ta’ dejta tematiċi li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala dawk li għandhom l-ogħla domanda mill-utenti li jużaw mill-ġdid madwar l-UE u għalhekk jistgħu jingħataw prijorità biex isiru disponibbli għall-użu- mill-ġdid:

Kategorija

Eżempji ta’ settijiet ta’ dejta

1.

Dejta ġeospazjali

Kodiċijiet postali, mapep nazzjonali u lokali (katastali, topografiċi, marittimi, fruntieri amministrattivi, eċċ.)

2.

Osservazzjoni tad-Dinja u Ambjent

Dejta dwar l-ispazju u in situ (monitoraġġ tat-temp, kwalità tal-art u tal-ilma, konsum tal-enerġija, livelli tal-emissjonijiet, eċċ.)

3.

Dejta dwar it-trasport

Skedi tal-ħinijiet tat-trasport pubbliku (il-mezzi kollha tat-trasport) fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, xogħlijiet fit-toroq, informazzjoni tat-traffiku, eċċ (14).

4.

Statistika

Dejta statistika nazzjonali, reġjonali u lokali b’indikaturi demografiċi u ekonomiċi ewlenin (PDG, età, saħħa, qgħad, introjtu, edukazzjoni, eċċ.)

5.

Kumpaniji

Reġistri tal-kumpaniji u tan-negozju (listi ta’ kumpaniji reġistrati, dejta dwar is-sjieda u l-ġestjoni, identifikaturi tar-reġistrazzjoni, karti tal-bilanċ, eċċ.)

Kategoriji oħrajn jistgħu jitqiesu bħala dejta “ewlenija” jew “ta’ valur-għoli”, skont iċ-ċirkostanzi (ir-rilevanza għall-għanijiet strateġiċi, l-iżviluppi tas-suq, it-tendenzi soċjali, eċċ. (15)). Għalhekk huwa rakkomandat li l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli jivvalutaw minn qabel, preferibbilment bir-reazzjonijiet mill-partijiet interessati rilevanti, liema settijiet ta’ dejta għandhom jiġu rilaxxati bħala prijorità. Primarjament, dan għandu jinvolvi stima tal-impatt mistenni fit-tliet oqsma msemmijin hawn fuq: l-innovazzjoni u l-ħolqien tan-negozju, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-gvern, u l-effiċjenza amministrattiva mtejba.

3.2.   Rakkomandazzjonijiet oħrajn

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji maħsuba ta’ dawn is-settijiet ta’ dejta “b’domanda għolja”, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati d-disponibbiltà, il-kwalità, l-użabbiltà u l-interoperabbiltà tagħhom.

Madankollu, kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll dik tad-domanda tal-użu mill-ġdid tad-dejta huma soġġetti għal restrizzjonijiet tekniċi li għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis jew il-massimizzazzjoni tal-valur potenzjali tad-dejta tas-settur pubbliku għas-soċjetà u l-ekonomija.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tad-dejta fis-settur pubbliku filwaqt li jiżdied b’mod sinifikanti l-valur tas-settijiet ta’ dejta għall-użu mill-ġdid sussegwenti, huwa rakkomandat li s-settijiet ta’ dejta:

(a)

jiġu ppubblikati onlajn fil-forma oriġinali u mhux modifikata sabiex jiġi żgurat ir-rilaxx fil-ħin;

(b)

jiġu ppubblikati u aġġornati fl-aktar livell għoli possibbli ta’ granularità sabiex tiġi żgurata l-kompletezza;

(c)

jiġu ppubblikati u miżmuma f’post stabbli, preferibbilment fl-ogħla livell organizzattiv fl-amministrazzjoni, sabiex jiġi żgurat aċċess faċli u disponibbiltà fit-tul;

(d)

jiġu ppubblikati f’formati li jinqraw elettronikament (16) u miftuħa (17) (CSV, JSON, XML, RDF, eċċ.) sabiex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà;

(e)

jiġu deskritti f’formati ta’ metadejta rikka u kklassifikati skont il-vokabularji standard (DCAT, EUROVOC, ADMS, eċċ.) sabiex jiġi ffaċilitat it-tiftix u l-interoperabbiltà;

(f)

ikunu aċċessibbli bħala data dumps (outputs kbar ħafna ta’ dejta) kif ukoll permezz ta’ interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar awtomatiku;

(g)

jiġu akkumpanjati minn dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar il-metadejta u l-vokabolarji kontrollati użati, sabiex tiġi promossal-interoperabbiltà tal-bażijiet ta’ dejta; u

(h)

jiġu soġġetti għar-reazzjonijiet regolari mill-utenti li jużaw mill-ġdid (konsultazzjonijiet pubbliċi, kaxxa għall-kummenti, blogs, rapportar awtomatiku, eċċ.) sabiex tinżamm il-kwalità maż-żmien u jitħeġġeġ l-involviment pubbliku.

4.   LINJI GWIDA DWAR L-IMPOSTI

Din it-taqsima tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn id-dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku jiġu magħmula disponibbli għall-użu mill-ġdid b’pagament, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati jkunu koperti mid-Direttiva, jiġifieri meta d-dokumenti jkunu ġew prodotti għal kompitu pubbliku, filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 1, u se jintużaw barra mill-kompitu pubbliku minn utent estern li juża mill-ġdid jew mill-korp tas-settur pubbliku nnifsu (18).

Il-politika ta’ tnaqqis tal-imposti ġiet appoġġata mir-riċerka (19) u mill-eżitu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi mwettqa mill-Kummissjoni (20).

4.1.   Metodu tal-ispiża marġinali

Id-Direttiva riveduta (l-Artikolu 6(1)) tistabbilixxi prinċipju li japplika għall-imposti kollha għall-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku fl-UE, għajr is-sitwazzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 6(2): il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jimponu imposti ta’ mhux aktar mill-ispiża marġinali (21) għar-riproduzzjoni, il-provvista u t-tixrid tad-dokumenti.

4.1.1.   Oġġetti tal-ispiża

Il-prattika wriet li fil-kuntest tal-użu mill-ġdid tal-PSI, it-tliet kategoriji ewlenin tal-ispiża huma relatati ma’:

(a)

il-produzzjoni tad-dejta (inkluż il-ġabra u l-manutenzjoni);

(b)

id-distribuzzjoni tad-dejta; u

(c)

il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud.

Meta dawn il-kategoriji jitqabblu ma’ x’jista’ jitqies bħala spejjeż marġinali skont id-Direttiva, huwa ċar li (a) u (c) imorru lil hinn mir-riproduzzjoni, il-provvista u t-tixrid. Minflok, il-prinċipju tal-imposti tal-ispiża marġinali huwa l-aktar adatt fil-kategorija wiesa’ tad-“distribuzzjoni tad-dejta”, li fil-kuntest tal-użu mill-ġdid tad-dejta tista’ tiġi definita bħala spejjeż relatati direttament u meħtieġa mir-riproduzzjoni ta’ kopja addizzjonali ta’ dokument u d-disponibbiltà tagħha għall-utenti li jużaw mill-ġdid.

Il-livell tal-imposti jista’ jvarja aktar skont il-metodu ta’ tixrid użat (offlajn/onlajn) jew il-format tad-dejta (diġitali/mhux diġitali).

Fil-kalkolu tal-imposti, l-ispejjeż li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli:

—   l-infrastruttura: l-ispiża tal-iżvilupp, il-manutenzjoni tas-softwer, il-manutenzjoni tal-ħardwer, il-konnettività, fil-limiti ta’ x’inhu meħtieġ biex id-dokumenti jsiru disponibbli għall-aċċess u l-użu mill-ġdid;

—   id-duplikazzjoni: l-ispiża ta’ kopja addizzjonali ta’ DVD, ċavetta USB, SD card, eċċ.;

—   il-ġestjoni: il-materjal tal-imballaġġ, it-tħejjija tal-ordni;

—   il-konsultazzjoni: l-iskambji bit-telefown u bl-e-Mail mal-utenti li jużaw mill-ġdid, l-ispejjeż tas-servizzi għall-klijenti;

—   il-konsenja: l-ispejjeż tal-posta, inklużi t-trasportaturi standard tal-posta jew espressi; u

—   ir-rikjesti speċjali: l-ispejjeż tat-tħejjija u l-ifformattjar tad-dejta fuq talba.

4.1.2.   Kalkolu tal-imposti

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ma jipprekludix politika ta’ spiża żero: jippermetti li d-dokumenti jiġu magħmula disponibbli għall-użu mill-ġdid bla pagament. Fl-istess ħin jillimita kull tibdil għall-ispejjeż marġinali mġarrba għar-riproduzzjoni, il-provvista u t-tixrid tad-dokumenti.

Meta d-dokumenti mhux diġitali jiġu mxerrda fiżikament, l-imposta tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kategoriji tal-ispejjeż kollha ta’ hawn fuq. Madankollu, f’ambjent onlajn l-imposti totali jistgħu jkunu limitati għall-ispejjeż relatati direttament mal-manutenzjoni u l-funzjonament tal-infrastruttura (bażi ta’ dejta elettronika), soġġett għal xi jkun meħtieġ għar-riproduzzjoni tad-dokumenti u biex jiġu provduti lill-utent li juża mill-ġdid wieħed jew aktar. Minħabba li l-ispejjeż operazzjonali medji tal-bażi ta’ dejta huma baxxi u qed jonqsu, iċ-ċifra x’aktarx tkun qrib iż-żero.

Għalhekk huwa rakkomandat li l-korpi tas-settur pubbliku jivvalutaw b’mod regolari l-ispejjeż potenzjali u l-benefiċċji ta’ politika ta’ spiża żero u politika ta’ spiża marġinali, filwaqt li jżommu f’moħħhom li l-imposta nfisha tiġi bi prezz (il-ġestjoni tal-fatturi, il-pagamenti tal-monitoraġġ u tal-kontrolli, eċċ.)

Bħala konklużjoni, il-metodu tal-ispiża marġinali jista’ jiġi applikat sabiex jiġi żgurat l-irkupru tan-nefqa relatata mar-riproduzzjoni addizzjonali u d-distribuzzjoni fiżika tad-dokumenti mhux diġitali-, iżda meta d-dokumenti diġitali (fajls) jixxerrdu elettronikament (jitniżżlu) jista’ jiġi rakkomandat metodu ta’ spiża-żero.

4.2.   Metodu għall-irkupru tal-ispejjeż

L-Artikolu 6(2) jistabbilixxi ċirkostanzi meta l-prinċipju tal-imposta tal-ispiża marġinali ma japplikax għal ċerti korpi tas-settur pubbliku jew ċerti kategoriji ta’ dokumenti. F’dawn il-każijiet, id-Direttiva tippermetti l-irkupru tal-ispejjeż imġarrba (“l-irkupru tal-ispejjeż”).

4.2.1.   Oġġetti tal-ispiża

Id-Direttiva tistipula li l-introjtu totali mill-provvista u l-konċessjoni tal-użu mill-ġdid ma jistax jaqbeż l-ispiża tal-ġabra, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid, flimkien ma’ redditu fuq l-investiment raġonevoli.

Il-prattika wriet li l-ispejjeż diretti li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli:

A)

Spejjeż li huma relatati mal-ħolqien tad-dejta

—   il-produzzjoni: il-ġenerazzjoni tad-dejta u l-metadejta, il-verifika tal-kwalità, il-kodifikazzjoni;

—   il-ġabra: il-ġbir u l-organizzazzjoni tad-dejta;

—   l-anonimizzazzjoni: it-tħassir, it-tgħammim, it-tfaqqir tal-bażijiet ta’ dejta;

B)

Spejjeż relatati b’mod wiesa’ mad-“distribuzzjoni”

—   l-infrastruttura: l-ispiża tal-iżvilupp, il-manutenzjoni tas-softwer, il-manutenzjoni tal-ħardwer, il-midja;

—   id-duplikazzjoni: l-ispiża ta’ kopja addizzjonali ta’ DVD, ċavetta USB, SD card, eċċ.;

—   il-ġestjoni: il-materjal tal-imballaġġ, it-tħejjija tal-ordni;

—   il-konsultazzjoni: l-iskambji bit-telefown u bl-e-Mail mal-utenti li jużaw mill-ġdid, l-ispejjeż tas-servizzi għall-klijenti;

—   il-konsenja: l-ispejjeż tal-posta, inklużi t-trasportaturi standard tal-posta jew espressi;

C)

Spejjeż speċifiċi għal-libreriji (inkluż il-libreriji tal-universitajiet), il-mużewijiet u l-arkivji

—   il-preservazzjoni: l-organizzazzjoni tad-dejta u l-ispjjeż għall-ħażna;

—   l-ikklerjar tad-drittijiet: il-ħin/l-isforz użat għall-identifikazzjoni u l-kisba tal-permess mid-detenturi-tad-drittijiet.

Fir-rigward tal-ispejjeż ġenerali, jistgħu jkunu eliġibbli dawk li huma strettament relatati mal-kategoriji biss.

4.2.2.   Kalkolu tal-imposti

Id-Direttiva tirrikjedi li l-proċess tal-kalkolu tal-imposti jkun iggwidat minn sett ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli, iżda tħalli r-responsabbiltà tad-definizzjoni u l-adozzjoni ta’ dawn il-kriterji kompletament f’idejn l-Istati Membri.

L-ewwel stadju tal-kalkolu tal-ispjjeż huwa li jingħaddu l-oġġetti kollha tal-ispiża rilevanti u eliġibbli. Huwa rakkomandat li kull introjtu ġġenerat fil-proċess tal-ġabra jew il-produzzjoni tad-dokumenti, eż. mill-miżati tar-reġistrazzjoni jew it-taxxi, jitnaqqas mill-ispejjeż totali mġarrba sabiex tiġi stabbilita l-“ispiża nett” tal-ġabra, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid (22).

Hemm il-possibbiltà li l-miżati jkollhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-domanda potenzjali stmata għall-użu mill-ġdid f’perjodu speċifiku (aktar milli għadd reali ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid li waslu), minħabba li l-limitu tal-imposta huwa relatat mal-introjtu totali, li ma jkunx magħruf fiż-żmien meta jsir il-kalkolu.

Filwaqt li l-kalkolu tal-ispejjeż għal kull dokument individwali jew sett ta’ dejta jista’ jkun ta’ piż, huwa essenzjali li output kwantifikabbli ta’ attivitajiet tas-settur pubbliku jintuża bħala referenza sabiex jiġi żgurat li l-miżati jiġu kkalkolati fuq bażi korretta u verifikabbli. Dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat preferibbilment fil-livell tal-bażi ta’ dejta jew tal-katalogu – huwa rakkomandat li tali aggregat jintuża bħala referenza fil-kalkolu tal-imposti.

Il-korpi tas-settur pubbliku huma rrakkomandati li jwettqu valutazzjonijiet regolari tal-ispiża u d-domanda u jaġġustaw l-imposti kif xieraq. Il-“perjodu xieraq ta’ kontabbiltà” imsemmi fid-Direttiva, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jista’ jitqies li huwa ta’ sena.

Il-kalkolu tal-introjtu totali għalhekk jista’ jkun ibbażat fuq l-ispejjeż:

(a)

li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji fil-lista ta’ hawn fuq (ara l-punt 4.2.1);

(b)

relatati ma’ sett kwantifikabbli ta’ dokumenti (eż. bażi ta’ dejta);

(c)

aġġustati għall-ammont ta’ introjtu ġġenerat matul il-produzzjoni jew il-ġabra;

(d)

ivvalutati u aġġustati fuq bażi annwali; u

(e)

miżjuda b’somma ekwivalenti għal redditu fuq l-investiment raġonevoli.

4.2.3.   Il-każ speċjali tal-libreriji (inklużi l-libreriji tal-universitajiet), il-mużewijiet u l-arkivji

L-istituzzjonijiet imsemmijin hawn fuq huma eżenti mill-obbligu li japplikaw il-metodu tal-ispiża marġinali. Għal dawn l-istituzzjonijiet, l-istadji deskritti fil-punt 4.2.2 jibqgħu rilevanti, bi tliet eċċezzjonijiet importanti:

(a)

dawn l-istituzzjonijiet mhumiex mitluba li jqisu l-“kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli” li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri; u

(b)

il-kalkolu tal-introjtu totali jista’ jinkludi żewġ punti addizzjonali: il-preservazzjoni tad-dejta u l-ispejjeż għall-ikklerjar tad-drittijiet. Dan jirrifletti r-rwol speċjali tas-settur kulturali, li jinkludi responsabbiltà li jiġi ppreservat il-wirt kulturali. L-ispejjeż diretti u indiretti tal-manutenzjoni u l-ħażna tad-dejta u l-ispejjeż għall-identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-partijiet terzi-, eskluż l-ispiża reali tal-permessi tal-liċenzjar, għandhom jitqiesu eliġibbli;

(c)

fil-kalkolu ta’ redditu fuq l-investiment raġonevoli, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jqisu l-prezzijiet imposti mis-settur privat għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti identiċi jew simili.

4.2.4.   Redditu raġonevoli fuq l-investiment

Filwaqt li d-Direttiva ma tispeċifikax x’jikkostitwixxi “redditu raġonevoli fuq l-investiment”, il-karatteristiċi ewlenin tagħha jistgħu jiġu deskritti b’mod ġenerali b’referenza għar-raġuni għat-tluq mill-prinċipju tal-ispejjeż marġinali, li huwa li tiġi salvagwardata t-tmexxija normali tal-korpi tas-settur pubbliku li jistgħu jaffaċċaw restrizzjonijiet baġitarji addizzjonali.

Ir-“redditu fuq l-investiment” għalhekk jista’ jinftiehem bħala perċentwal, apparti l-ispejjeż eliġibbli, li jippermetti:

(a)

l-irkupru tal-ispiża tal-kapital; u

(b)

l-inklużjoni ta’ rata reali ta’ redditu (profitt).

Fil-każ ta’ atturi kummerċjali f’suq li jista’ jitqabbel, ir-rata tar-redditu tkun qed tqis il-livell tar-riskju tan-negozju. Madankollu, mhuwiex xieraq li wieħed jirreferi għar-riskju tan-negozju b’rabta mal-użu mill-ġdid tal-PSI minħabba li l-produzzjoni tal-PSI hija parti mill-kompitu tal-korpi tas-setturi pubbliċi. Id-Direttiva titlob li r-rata tar-redditu tkun “raġonevoli”, u li tista’ tkun ftit aktar mill-ispiża attwali tal-kapital iżda ħafna inqas mir-rata medja tar-redditu għall-atturi kummerċjali, li x’aktarx ikun ħafna aktar għoli minħabba l-livell ogħla ta’ riskju mġarrab.

Billi l-ispiża tal-kapital hija konnessa mill-qrib mar-rati ta’ interess tal-istituzzjonijiet tal-kreditu (li huma stess huma bbażati fuq ir-rata tal-imgħax fiss tal-BĊE fl-operazzjonijiet ta’ finanzjarj mill-ġdid ewlenin), wieħed ma jistax jistenna li r-“redditu raġonevoli fuq l-investiment” ikun aktar minn 5 % aktar mir-rata tal-imgħax fiss tal-BĊE. Din l-aspettattiva kienet kondiviża minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, fejn sempliċiment waħda minn kull għaxar tweġibiet indikat rata ta’ aktar minn 5 % (23). Għall-Istati Membri li mhumiex-fiż-żona euro, ir-“redditu raġonevoli” għandu jkun marbut mar-rata tal-imgħax fiss applikabbli.

4.3.   Trasparenza

Id-Direttiva (l-Artikolu 7) tirrikjedi li l-informazzjoni li ġejja tkun stabbilita minn qabel u ppubblikata, onlajn fejn ikun possibbli u xieraq, u b’mod li tkun relatata viżwalment u funzjonalment mad-dokumenti li huma soġġetti għall-użu mill-ġdid:

(a)

il-kundizzjonijiet applikabbli, il-bażi tal-kalkolu u l-ammonti tal-imposti standard (jiġifieri l-imposti li jistgħu jiġu applikati awtomatikament għad-dokumenti jew settijiet ta’ dokumenti definiti minn qabel, li ma jirrikjedux valutazzjoni skont il-każ);

(b)

il-fatturi li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-imposti mhux standard; u

(c)

ir-rekwiżiti biex jiġi ġġenerat introjtu suffiċjenti li jkopri parti sostanzjali tal-ispejjeż relatati mal-ġabra, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid tad-dokumenti li għalihom huma permessi l-imposti li jaqbżu l-ispiża marġinali skont l-Artikolu 6(2)(b).

F’konformità mar-riżultati tal-konsultazzjoni miftuħa, il-korpi tas-settur pubbliku huma wkoll imħeġġa li jippubblikaw l-ammonti tal-introjtu li jirċievu mill-imposti fuq l-użu mill-ġdid tad-dokumenti li għandhom. Din l-informazzjoni għandha tiġi kkumpilata fil-livell ta’ aggregat (bażi ta’ dejta jew istituzzjoni sħiħa) u għandha tiġi aġġornata kull sena.


(1)  http://www.gov.uk/government/publications/open-data-charter

(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-11-891_en.htm?locale=en

(3)  Rapport finali li jiġbor fil-qosor l-eżitu tal-konsultazzjoni: http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/results-online-survey-recommended-standard-licensing-datasets-and-charging-re-use-public-sector

(4)  http://creativecommons.org/publicdomain/mark/1.0/

(5)  http://opendefinition.org/

(6)  http://creativecommons.org/licenses/

(7)  http://creativecommons.org/publicdomain/zero/1.0/

(8)  LAPSI 2.0 Licence Interoperability Report, http://lapsi-project.eu/sites/lapsi-project.eu/files/D5_1__Licence_interoperability_Report_final.pdf

(9)  http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2013/wp207_en.pdf

(10)  L-Opinjoni tal-KEPD tat-18 ta’ April 2012 dwar il-“Pakkett tad-Dejta Miftuħa” tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummenti tal-KEPD tat-22 ta’ Novembru 2013 bħala reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-linji gwida previsti dwar il-liċenzji standard irrakkomandati u l-imposti għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, http://edps.europa.eu

(11)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8: LAPSI 2.0 Licence Interoperability Report, Rakkomandazzjoni Nru 5, p. 17.

(12)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(13)  http://www.opengovpartnership.org/

(14)  Regoli speċifiċi għas-settur (eż. il-liġi ferrovjarja tal-UE) jistgħu jieħdu preċedenza

(15)  Ir-rapport tal-ISA dwar settijiet ta’ dejta b’valur għoli jistgħu jitqiesu bħala referenza: http://ec.europa.eu/isa/actions/01-trusted-information-exchange/1-1action_en.htm

(16)  Ara l-Premessa 21 tad-Direttiva 2013/37/UE għal definizzjoni ta’ “format li jinqara- elettronikament”.

(17)  Ara l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva.

(18)  Il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tad-Direttiva huwa stabbilit fl-Artikolu 1; it-terminu “użu mill-ġdid” huwa definit fl-Artikolu 2(4).

(19)  https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/economic-analysis-psi-impacts

(20)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1552 final; ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.

(21)  Fit-terminoloġija tal-ekonomija, “marġinali” tirreferi għad-differenza magħmula minn unità addizzjonali waħda.

(22)  Għal gwida addizzjonali, ara s-Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-16 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża E-7/13 Creditinfo Lánstraust hf. vþjóðskrá lslands og íslenska.

(23)  Ara p. 14 tar-rapport finali li jiġbor fil-qosor l-eżitu tal-konsultazzjoni: http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/results-online-survey-recommended-standard-licensing-datasets-and-charging-re-use-public-sector