23.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/10


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Marzu 2014

(Il-Każ AT.39922 — Berings)

(notifikat bid-dokument C(2014) 1788 final)

(It-test bl-Ingliż biss hu awtentiku)

2014/C 238/09

Fid-19 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inklużi kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-berings għall-applikazzjonijiet tal-karozzi (“berings tal-karozzi”). Il-berings tal-karozzi huma berings fornuti lil Manifatturi ta’ Apparat Oriġinali (“MAO”) tal-karozzi, li huma manifatturi tal-karozzi, tat-trakkijiet u tal-komponenti tal-karozzi (flimkien imsejħa wkoll bħala “konsumaturi fis-settur tal-karozzi”). Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil dsatax-il entità mis-sitt impriżi li ġejjin: (i) JTEKT (2); (ii) NSK (3); (iii) NFC (4), (iv) SKF (5), (v) Schaeffler (6) u (vi) NTN (7).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(2)

Wara l-applikazzjonijiet għall-klemenza ta’ JTEKT, NSK u NFC, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet immirati fl-istabbilimenti tal-produtturi tal-berings f’bosta Stati Membri f’Novembru 2011.

(3)

Matul u eżatt wara l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni rċeviet sussegwentement żewġ applikazzjonijiet oħra għall-klemenza minn SKF u mingħand Schaeffler.

(4)

Fit-22 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra d-destinatarji tad-Deċiżjoni bl-għan li jidħlu f’diskussjonijiet dwar ir-riżolviment magħhom. Il-laqgħat għal riżolviment saru bejn Marzu u Diċembru 2013. Sussegwentement, il-partijiet ressqu t-talba formali ta’ riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (8).

(5)

Il-Kummissjoni adottat id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet fil-21 ta’ Jannar 2014 u l-partijiet kollha mingħajr ekwivoku kkonfermaw li hija kienet tikkorrispondi mal-kontenut ta’ sottomissjoni għal riżolviment tagħhom u li għalhekk kienu impenjati li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment.

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fis-17 ta’ Marzu 2014.

(7)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fid-19 ta’ Marzu 2014.

2.2.   Destinatarji u durata

(8)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, waqt il-perjodi indikati hawn taħt, f’attivitajiet antikompetittivi fir-rigward tal-fornitura ta’ berings tal-karozzi

(9)

L-impriża

Il-perjodu ta’ parteċipazzjoni

JTEKT

it-8 ta’ April 2004 – il-25 ta’ Lulju 2011

NSK

it-8 ta’ April 2004 – il-25 ta’ Lulju 2011

NFC

is-6 ta’ Mejju 2004 – il-25 ta’ Lulju 2011

SKF

it-8 ta’ April 2004 – il-25 ta’ Lulju 2011

Schaeffler

it-8 ta’ April 2004 – il-25 ta’ Lulju 2011

NTN għall-perjodu sas-6 ta’ April 2008:

 

mingħajr NTN-SNR Roulements SA

it-8 ta’ April 2004 – is-6 ta’ April 2008

NTN-SNR Roulements SA weħidha

it-8 ta’ April 2004 – is-6 ta’ April 2008

NTN għall-perjodu mis-7 ta’ April 2008

is-7 ta’ April 2008 – il-25 ta’ Lulju 2011

2.3.   Sommarju tal-ksur

(10)

L-għan ġenerali ta’ dan il-kartell kien li jikkoordina l-istrateġija tal-ipprezzar vis-à-vis il-konsumaturi fis-settur tal-karozzi. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-partijiet ikkoordinaw it-trasferiment taż-żidiet fil-prezzijiet tal-azzar lill-konsumaturi tagħhom fis-settur tal-karozzi, ftiehmu dwar Talbiet għal Kwotazzjonijiet u t-talbiet għat-Tnaqqis fil-Prezz Annwali maħruġa mill-konsumaturi tas-settur tal-karrozzi u skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Il-partijiet kienu involuti f’imġiba antikompetittiva permezz ta’ kuntatti bilaterali, trilaterali u multilaterali li jiffurmaw ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha.

2.4.   Rimedji

(11)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (9). Bl-eċċezzjoni ta’ JTEKT, id-Deċiżjoni timponi multi fuq l-entitajiet rilevanti tal-impriżi elenkati taħt il-punt (1) hawn fuq.

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(12)

Il-valur tal-bejgħ għal kull impriża huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-bejgħ annwali medju ta’ berings tal-karozzi fiż-ŻEE matul is-sitt snin sħaħ tal-ksur, jiġifieri mill-2005 sal-2010. Biex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ, jiġu kkunsidrati l-ambitu limitat tal-kuntatti fis-sotto kategorija tal-bejgħ ta’ berings lill-produtturi tal-komponenti tal-karozzi u perjodu ta’ attività limitata tal-kartell minn Jannar 2008 sa Lulju 2010.

(13)

L-ammont bażiku tal-multa huwa stabbilit għal 16 % tal-valur tal-bejgħ kif definit taħt il-punt (12) hawn fuq, immultiplikat bin-numru ta’ snin li fihom l-impriżi ħadu sehem fil-ksur sabiex jitqies b’mod sħiħ il-perjodu li matulu kull waħda mill-impriżi, b’mod individwali, damet tieħdu sehem fil-ksur. Għall-ammont addizzjonali l-perċentwal kien iffissat għal 16 %.

2.4.2.   Aġġustamenti tal-ammont bażiku

(14)

Il-Kummissjoni ma tapplika l-ebda ċirkostanza aggravanti f’dan il-każ. NFC qed tingħata tnaqqis ta’ 15 % għal ċirkostanzi mitiganti minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur.

2.4.3.   Il-limitazzjoni speċifika tal-multa

(15)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, kif rifless fil-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-multi, biex jitnaqqas il-livell ta’ dik il-parti tal-multa li għaliha NTN-SNR Roulements hija unikament responsabbli għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006: tnaqqis ta’ multi

(16)

Il-Kummissjoni tagħti immunità totali mill-multa lil JTEKT, tnaqqis ta’ 40 % mill-multa lil NSK, tnaqqis ta’ 30 % mill-multa lil NFC u tnaqqis ta’ 20 % mill-multa kemm lil SKF kif ukoll lil Schaeffler.

2.4.5.   Applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment

(17)

B’riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq JTEKT, NSK, NFC, SKF, Schaeffler u NTN qed jitnaqqas b’10 %.

3.   KONKLUŻJONI

(18)

Il-multi li ġejjin huma imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

(a)

JTEKT Corporation, JTEKT Europe Bearings B.V., Koyo France SA u Koyo Deutschland GmbH, responsabbli in solidum: EUR 0;

(b)

NSK Ltd., NSK Europe Ltd. u NSK Deutschland GmbH, responsabbli in solidum: EUR 62 406 000;

(c)

Nachi-Fujikoshi Corporation u Nachi Europe GmbH responsabbli in solidum: EUR 3 956 000;

(d)

AB SKF u SKF GmbH, responsabbli in solidum: EUR 315 109 000;

(e)

INA-Holding Schaeffler GmbH & Co. KG, Schaeffler Holding GmbH & Co. KG, Schaeffler AG, Schaeffler Technologies GmbH & Co. KG u FAG Kugelfischer GmbH, responsabbli in solidum: EUR 370 481 000;

(f)

NTN Corporation, NTN Wälzlager (Europa) GmbH u NTN-SNR-Roulements SA responsabbli in solidum: EUR 52 451 000;

(g)

NTN Corporation u NTN Wälzlager (Europa) GmbH responsabbli in solidum: EUR 80 962 000;

(h)

NTN-SNR Roulements SA unikament responsabbli: EUR 67 941 000.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  JTEKT Corporation, JTEKT Europe Bearings B.V., Koyo France SA u Koyo Deutschland GmbH.

(3)  NSK Ltd, NSK Europe Ltd. u NSK Deutschland GmbH.

(4)  Nachi-Fujikoshi Corporation u Nachi Europe GmbH.

(5)  AB SKF u SKF GmbH.

(6)  INA-Holding Schaeffler GmbH & Co. KG, Schaeffler Holding GmbH & Co. KG, Schaeffler AG, Schaeffler Technologies GmbH & Co. KG u FAG Kugelfischer GmbH.

(7)  NTN Corporation, NTN Waelzlager (Europa) GmbH u NTN-SNR Roulements SA.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(9)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.