29.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

2014/C 92/01

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (1) ġie adottat fit-23 ta' Ottubru 2007. Dan ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009, għandu l-għan li joħloq suq intern għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri. Dan jagħmlu billi jikkumplimenta r-regoli ġenerali dwar l-akkwist pubbliku. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-ħlasijiet ta' kumpens stipulati fil-kuntratti u l-konċessjonijiet għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, għandhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern u eżenti min-notifika minn qabel dwar l-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni.

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa ta' importanza kbira għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-servizzi pubbliċi tat-trasport bix-xarabank, it-tramm, il-metro u l-ferroviji fl-Istati Membri. Applikazzjoni koerenti u korretta tad-dispożizzjonijiet tiegħu hija ekonomikament u politikament importanti. Dan iseħħ minħabba li l-valur miżjud u l-impjiegi fis-settur tat-trasport pubbliku jikkorrispondu kull wieħed minnhom għal madwar 1 % tal-PDG u tat-total ta' impjiegi rispettivament, tal-Unjoni. Settur tat-trasport pubbliku bi prestazzjoni tajba huwa l-pedament ta' politika soċjali, ekonomika u ambjentali effettiva.

Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament kemm minn valutazzjoni esterna ex post tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (2) imwettqa minn konsulent estern, kif ukoll minn rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri li tkellmu waqt konferenza bejn il-partijiet interessati madwar l-UE organizzata mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament fl-14 ta' Novembru 2011 (3). Interpretazzjonijiet diverġenti tad-dispożizzjonijiet rigward id-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi, l-għoti ta’ dawn il-kuntratti u l-kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jfixklu l-ħolqien ta’ suq intern għat-trasport pubbliku u jwasslu għal distorsjonijiet mhux mixtieqa fis-suq.

Qabel ma adottat din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u l-partijiet interessati li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati f’din il-kwistjoni, bħal assoċjazzjonijiet Ewropej tas-settur tat-trasport pubbliku, li jinkludu persunal tat-trasport u organizzazzjonijiet tal-passiġġieri.

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni titfa’ dawl fuq il-fehim tagħha ta' għadd ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament, mnebbħa mill-aqwa prattiki sabiex tgħin lill-Istati Membri jgawdu mill-benefiċċji kollha tas-suq intern. Din il-Komunikazzjoni ma għandhiex l-aspirazzjoni li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha b'mod eżawrjenti, u lanqas ma toħloq regoli leġiżlattivi ġodda. Fi kwalunkwe każ għandu jiġi nnotat li l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar hija r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Fit-30 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 b'antiċipazzjoni għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri (4). Xi dispożizzjonijiet tar-Regolament li l-Kummissjoni pproponiet li timmodifika, bħad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi bil-ferrovija, huma interpretati fil-Komunikazzjoni preżenti. Fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-gwida provduta f'dan id-dokument għandha titqies valida sakemm kwalunkwe emenda tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tidħol fis-seħħ.

2.   FEHIM TAL-KUMMISSJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1370/2007

2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007

Dan il-kapitolu dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprovdi gwida interpretattiva dwar ir-relazzjoni ta' bejn dan ir-Regolament u d-Direttivi li ġejjin: id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (5) (id-“Direttiva 2014/24/UE”); id-Direttiva 2014/25/UE dwar akkwist minn entitajiet li jaħdmu fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tal-posta u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (6) (“id-Direttiva 2014/25/UE”); u d-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti għal konċessjoni (7) (id-“Direttiva 2014/23/UE”). Dan il-kapitolu jikkjarifika wkoll il-modalitajiet tal-applikazzjoni tar-Regolament għall-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ibħra nazzjonali, u jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu għall-kuntratti ta' trasport tal-merkanzija sat-2 ta' Diċembru 2012.

2.1.1.   Artikolu 1(3) u Artikolu 5(1). Relazzjoni bejn ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jirregola l-għoti tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi, kif iddefinit fl-Artikolu 2(i) tiegħu, fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija. Madankollu, dawn il-kuntratti għal servizzi pubbliċi jistgħu jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2014/25/UE). Peress li d-Direttivi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (id-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE) tħassru u ġew sostitwiti bid-Direttivi msemmija hawn fuq, ir-referenzi fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandhom jinftiehmu li huma relatati mad-Direttivi l-ġodda.

L-Artikolu 1(3) jistipula li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma għandux japplika għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18/KE. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti għal konċessjoni, it-terminu “konċessjoni ta' xogħlijiet” huwa ddefinit fl-Artikolu 5(1)(a) ta' din id-Direttiva. Għaldaqstant, il-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’modi oħra bbażati fuq il-binarji u bit-triq, huma rregolati unikament bid-Direttiva 2014/23/UE.

Għar-relazzjoni bejn ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku kif ukoll id-Direttiva 2014/23/UE, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn kuntratti għal servizz u konċessjonijiet ta' servizz.

Il-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25/UE jiddefinixxu “kuntratti għal servizz” bħala kuntratti għal interess finanzjarju konklużi bil-kitba bejn entità kontraenti waħda jew iktar u operatur ekonomiku wieħed jew aktar u li għandhom bħala għan il-provvista ta' servizzi. Meta dawn il-kuntratti jinvolvu “awtoritajiet kontraenti” fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, dawn huma meqjusa bħala “kuntratti għal servizzi pubbliċi” skont il-punti (6) u (9) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE.

L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta' kuntratti għal konċessjoni jiddefinixxi “konċessjoni ta' servizz” bħala “kuntratt b'interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta' servizzi li mhumiex twettiq ta' xogħlijiet kif imsemmi fil-punt (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta' sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew huma f'dak id-dritt flimkien ma' ħlas”. L-Artikolu 5(1) jispeċifika aktar li “l-għoti ta' konċessjoni ta' xogħlijiet jew servizzi għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta' riskju operattiv fl-isfruttament ta' dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta' domanda jew ta' disponibbiltà jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv, f'kundizzjonijiet ta' operazzjoni normali, meta ma jkunx garantit li jirkupra l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-konċessjoni. Il-parti tar-riskju ttrasferita lill-konċessjonarju għandha tinvolvi esponiment reali għall-inċertezzi tas-suq, b'tali mod li kwalunkwe telf potenzjali stmat imġarrab mill-konċessjonarju ma għandux ikun biss nominali jew negliġibbli”.

Din id-distinzjoni bejn kuntratti (pubbliċi) għal servizzi u konċessjonijiet hija importanti minħabba li skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/23/UE, din id-Direttiva ma għandhix tapplika għal konċessjonijiet għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. L-għoti ta' konċessjonijiet ta' servizz għal dawn is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri huwa rregolat unikament mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jispeċifika li l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi (pubbliċi) għas-servizzi tat-trasport bix-xarabank jew it-tramm huwa rregolat mid-Direttivi 2004/17/KE (8) u 2004/18/KE (9), ħlief meta dawn il-kuntratti jieħdu l-għamla ta’ konċessjonijiet ta’ servizz. Għaldaqstant, l-għoti ta’ kuntratti (pubbliċi) ta’ servizzi għas-servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bix-xarabank jew it-tramm huwa rregolat biss mid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE.

L-għoti ta’ kuntratti għal servizzi (pubbliċi) għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u t-tramm huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE skont il-Premessa 27 u l-Artikolu 10(i) tagħha u mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE skont il-Premessa 35 u l-Artikolu 21(g) tagħha.

Tabella

Sommarju tal-bażi legali applikabbli għall-għoti ta' kuntratt skont it-tip ta' ftehim kuntrattwali u skont il-mod ta' trasport

Servizzi pubbliċi tal-passiġieri b'

Kuntratti (pubbliċi) ta' servizz kif iddefiniti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE

Konċezzjonijiet (pubbliċi) ta' servizz kif iddefiniti fid-Direttiva 2014/23/UE

Xarabank u tramm

Id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

Ferrovija u metro

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

2.1.2.   Artikolu 1(2). Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għall-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ibħra nazzjonali

L-Artikolu 1(2) jiddikjara li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandu japplika għas-servizzi pubbliċi tat-trasport nazzjonali u internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija, b'modi oħra bbażati fuq il-binarji u bit-triq, u li l-Istati Membri jistgħu japplikaw dak ir-Regolament għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, deċiżjoni ta' Stat Membru li japplika r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tiġi adottata b'mod trasparenti permezz ta' att li jorbot legalment. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni tista’ tkun speċjalment utli fejn dawk is-servizzi huma integrati f’netwerk pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri urban, suburban jew reġjonali usa’.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni, dawn is-servizzi se jiġu rregolati direttament bl-Artikolu 93 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ċerti aspetti tat-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi tal-ilma interni huma koperti wkoll bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru (10) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96 tat-8 ta’ Lulju 1996 dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport (11).

L-Artikolu 1(2) jipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għas-servizzi tat-trasport fuq l-ibħra nazzjonali jekk dan ikun bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (12). Ċerti dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dak ir-Regolament ma jaqblux b’mod sħiħ ma’ dawk tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (bħad-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tiegħu għat-trasport tal-merkanzija, it-tul tal-kuntratt, id-drittijiet esklużivi u l-limiti stabbiliti għall-għoti dirett ta’ kuntratti fuq skala żgħira). L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għall-ibħra nazzjonali tqajjem għadd ta’ diffikultajiet. F'Komunikazzjoni, il-Kummissjoni (13) tipprovdi gwida dwar ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92, fejn jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet.

2.1.3.   Artikolu 10(1). Applikabbiltà tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 għall-kuntratti ta' trasport tal-merkanzija sat-2 ta' Diċembru 2012

Fil-passat, xi servizzi speċifiċi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija setgħu kienu suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku koperti bir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (14). Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, ma japplikax għas-servizzi ta' trasport tal-merkanzija. Biex jgħin fit-tneħħija gradwali tal-kumpensi mhux awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 93, 107 u 108 tat-TFUE, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiddikjara li r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 għandu jibqa’ japplika għas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija għal perjodu ta’ tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (jiġifieri sat-2 ta’ Diċembru 2012). Is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija jistgħu jiġu kkwalifikati biss bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali meta l-Istat Membru kkonċernat jistabbilixxi li għandhom karatteristiċi speċjali meta mqabbla ma’ dawk tas-servizzi tal-merkanzija kummerċjali (15). Jekk Stati Membri jixtiequ jżommu fis-seħħ l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat għas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet speċifiċi ddefiniti fis-sentenza Altmark (16), dawn għandhom jinnotifikaw dawk l-iskemi lill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu approvati minn qabel. Dawk l-iskemi għandhom jiġu vvalutati direttament taħt l-Artikolu 93 tat-TFUE. Jekk dawk l-iskemi ma jiġux innotifikati minn qabel, dawn se jikkostitwixxu għajnuna ġdida u kontra l-liġi, peress li ma jibqgħux eżenti mill-obbligu li tiġi nnotifikata l-għajnuna mill-Istat.

2.2.   Definizzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku u regoli/kontenut ġenerali tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi

Dan il-kapitolu jipprovdi gwida interpretttiva dwar il-fatturi kostituttivi tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi, karatteristiċi ewlenin tar-regoli ġenerali u kif l-awtoritajiet kompetenti jiddefinixxu n-natura u l-firxa tal-obbligi ta' servizz pubbliku u ta' drittijiet esklużivi fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Barra minn hekk, dan jindirizza l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw estensjonijiet fuq it-tul ta' kuntratti għal servizzi pubbliċi, kif ukoll il-kundizzjonijiet għal sottokuntrattar inkluż f'każ ta' operaturi interni.

2.2.1.   Artikolu 2(i). Fatturi kostituttivi ta' kuntratt għal servizz pubbliku

Skont l-Artikolu 2(i), kuntratt għal servizz pubbliku jikkonsisti f’ “att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta' servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta' servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta' servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri suġġetti għall-obbligi ta' servizz pubbliku”. Il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti li tieħu l-għamla ta’ att leġiżlattiv jew regolatorju individwali jew li jkun fih il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ dawn is-servizzi lil operatur intern. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kuntratt għal servizz pubbliku” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ikopri wkoll il-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku.

Biex jitqiesu r-reġimi u t-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, id-definizzjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 hija wiesgħa ħafna u tinkludi diversi tipi ta’ atti li jorbtu legalment. Għalhekk tiżgura li kull sitwazzjoni legali tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, anke jekk ir-relazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur ma tkunx formalment u strettament espressa fl-għamla ta’ kuntratt fit-tifsira l-aktar stretta tal-kelma. Għal din ir-raġuni, id-definizzjoni tinkludi wkoll kuntratti għal servizzi pubbliċi li jikkonsistu f'deċiżjoni li tieħu l-għamla ta’ att leġiżlattiv jew regolatorju individwali. Tagħqida ta’ att legali ġenerali li jassenja l-operazzjoni tas-servizzi lil operatur, b'att amministrattiv li jistabbilixxi r-rekwiżiti ddettaljati dwar is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, u tal-metodu tal-kalkolu ta’ kumpens li għandu jiġi applikat tista’ tikkostitwixxi wkoll kuntratt għal servizz pubbliku. Id-definizzjoni tkopri wkoll id-deċiżjonijiet adottati mill-awtorità kompetenti li jiddikjaraw il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment tas-servizzi lil operatur intern.

2.2.2.   Artikolu 2(l). Karatteristiċi u proċess ta' stabbiliment tar-regoli ġenerali

Ir-regoli ġenerali huma ddefiniti fl-Artikolu 2(l) bħala miżuri li japplikaw “mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri tal-istess tip f’żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli”. Għalhekk, ir-regoli ġenerali huma miżuri għal tip wieħed jew aktar ta' servizzi ta' trasport pubbliku bit-triq jew bil-ferrovija li jistgħu jiġu imposti unilateralment mill-awtoritajiet pubbliċi fuq operaturi ta' servizz pubbliku b'mod mhux diskriminatorju jew li jistgħu jiġu inklużi f'kuntratti konklużi bejn l-awtorità kompetenti u l-operaturi ta' servizz pubbliku. Il-miżura hija limitata għaż-żona ġeografika li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli iżda li mhux bilfors teħtieġ li tkopri ż-żona ġeografika kollha. Regola ġenerali tista’ tkun ukoll liġi reġjonali jew nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha ta’ trasport eżistenti jew potenzjali f’reġjun jew fi Stat Membru. Għaldaqstant, ġeneralment ma tiġix innegozjata mal-operaturi ta’ servizz pubbliku individwali. Anke jekk ir-regola ġenerali tiġi imposta minn att unilaterali, mhuwiex eskluż li l-operaturi ta' servizz pubbliku jiġu kkonsultati b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju qabel ma jiġu stabbiliti r-regoli ġenerali.

2.2.3.   Artikolu 3(2) u (3). Definizzjoni ta' regoli ġenerali fil-qafas u barra l-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku. Kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ġenerali

Il-Premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tiddikjara li “l-awtoritajiet kompetenti huma ħielsa li jistabbilixxu kriterji soċjali u ta’ kwalità biex iżommu u jgħollu l-istandards ta’ kwalità għall-obbligi ta’ sevizz pubbliku, pereżempju fir-rigward tal-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol, tad-drittijiet ta’ passiġġieri, tal-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-protezzjoni ambjentali, tas-sigurtà tal-passiġġieri u tal-impjegati kif ukoll obbligi ta’ ftehim kollettiv u regoli u ftehimiet oħrajn rigward postijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali fil-post fejn ikun provdut is-servizz. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni trasparenti u paragunabbli bejn l-operaturi u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' dumping soċjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu ħielsa li jimponu standards soċjali u ta' servizz ta' kwalità speċifiċi.”

L-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jorganizzaw it-trasport pubbliku permezz ta’ regoli ġenerali bħal liġijiet, digrieti jew miżuri regolatorji. Madankollu, meta dawn ir-regoli ġenerali jinvolvu kumpens jew dritt esklużiv, hemm obbligu addizzjonali li jiġi konkluż kuntratt għal servizz pubbliku skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Dan l-obbligu ma jeżistix meta r-regoli ġenerali jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategorji ta’ passiġġieri skont l-Artikolu 3(2) ta' dak ir-Regolament. F’dak il-każ, ma hemm l-ebda obbligu li jiġi konkluż kuntratt għal servizz pubbliku u l-mekkaniżmu ta’ kumpens jista’ jiġi ddefinit fuq bażi mhux diskriminatorja li tkun applikabbli b’mod ġenerali.

Awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tuża regoli ġenerali biex tistabbilixxi standards soċjali jew kwalitattivi skont il-liġi nazzjonali. Jekk ir-regoli ġenerali jipprovdu għal kumpens jew jekk l-awtorità kompetenti taħseb li l-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali teħtieġ kumpens, għandhom jiġu konklużi wkoll kuntratt(i) pubbliku/pubbliċi ta’ servizz li jiddefinixxi/u l-obbligi u l-parametri tal-kumpens tal-effett finanzjarju nett tagħhom, skont l-Artikoli 4 u 6, u skont l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

2.2.4.   Artikolu 3(3). Notifika taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ta' regoli ġenerali dwar skemi ta' tariffi massimi għat-trasport ta' tfal, studenti, apprendisti u persuni b'mobbiltà mnaqqsa li ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007

L-Artikolu 3(3) jippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, ir-regoli ġenerali dwar il-kumpens finanzjarju għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi għat-trasport ta’ tfal, studenti, apprendisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel dan, l-awtoritajiet nazzjonali jridu minflok jivvalutaw id-dispożizzjonijiet ta’ kumpens taħt ir-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat. Jekk dawk ir-regoli ġenerali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru irid jinnotifika dawk ir-regoli lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE.

2.2.5.   Artikolu 2(e) u Artikolu 4(1). Definizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tan-natura u l-firxa tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi

L-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali anness mat-TFUE, jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali dwar kif l-Istati Membri jiddefinixxu u jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. L-Artikolu 14 tat-TFUE jiddikjara li “l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu ta’ applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi (ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ)) joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom.” Skont il-Protokoll Nru 26, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol essenzjali u diskrezzjoni wiesgħa fl-għoti, l-ikkummissjonar u l-organizzazzjoni tas-SIEĠs imfassla viċin kemm jista’ jkun għall-bżonnijiet tal-utenti. Huwa valur komuni tal-Unjoni li s-SIEĠs jaħdmu biex jilħqu livell għoli ta’ kwalità, sikurezza, affordabilità, trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti. Il-possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jipprovdu, jikkommissjonaw u jorganizzaw SIEĠs fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq huma rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007 jiddikjara li l-għan tiegħu huwa “li jiddefinixxi il-mod kif, skont ir-regoli tal-liġi tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità ogħla jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.” Kif inhu msemmi fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, obbligu ta' servizz pubbliku huwa rekwiżit biex jiġu żgurati s-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri fl-interess ġenerali ta' operatur, jekk dan ikun qiegħed jikkunsidra l-interess kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew inkella ma jassumix sal-istess punt jew taħt l-istess kundizzjonijiet mingħajr kumpens (17). Għalhekk, fi ħdan il-qafas stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jiddefinixxu l-obbligi ta' servizz pubbliku f'konformità mal-bżonnijiet tal-utenti finali.

Tipikament, iżda mhux esklużivament, l-obbligi ta' servizz pubbliku jistgħu jirreferu għal rekwiżiti speċifiċi imposti fuq l-operatur ta' servizz pubbliku fir-rigward ta', pereżempju, il-frekwenza ta' servizzi, il-kwalità tas-servizz, il-forniment ta' servizz b'mod partikolari fi stazzjonijiet iżgħar intermedji li jistgħu ma jkunux kummerċjalment attraenti, u l-forniment ta' trejns kmieni filgħodu u tard filgħaxija. Bħala eżempju illustrattiv, il-Kummissjoni tqis li s-servizzi biex ikunu kklassifikati bħala servizzi pubbliċi jridu jkunu indirizzati liċ-ċittadini jew ikunu fl-interess tas-soċjetà inġenerali. L-awtoritajiet kompetenti jidefinixxu n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tat-Trattat. Biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament, jiġifieri li jiġu garantiti servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri, sikuri, ta’ kwalità għolja u kosteffettivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħdmu biex jassiguraw il-prestazzjoni ekonomikament u finanzjarjament sostenibbli ta’ dawn is-servizzi. Fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi kif iddefiniti mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, iż-żewġ partijiet tal-kuntratt jistennew li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati u għandhom jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Dawn id-drittijiet u l-obbligi jinkludu wħud li huma finanzjarji. Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-ekonomiji tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport operati taħt ir-responsabbiltà tagħhom inkluż, fejn ikun xieraq, l-effetti tan-netwerk lokali, reġjonali u subnazzjonali. Ir-rendiment tal-effetti tan-netwerk jippermetti biex ikun hemm forniment kosteffettiv ta' servizzi pubbliċi ta' trasport minħabba l-finanzjament reċiproku bejn servizzi li jkopru l-ispejjeż u servizzi li ma jkoprux l-ispejjeż. Dan għandu mbagħad jippermetti lill-awtoritajiet jilħqu objettivi stabbiliti ta’ politika għat-trasport filwaqt li fejn ikun applikabbli, jiggarantixxi l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva u ġusta fin-netwerk, pereżempju, b’mod potenzjali għal servizzi tal-ferrovija b'veloċità għolja.

2.2.6.   Artikolu 2(f) u Artikolu 3(1). Definizzjoni tan-natura u l-firxa ta' drittijiet esklużivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-UE

Taħt l-Artikolu 3(1), kuntratt għal servizz pubbliku għandu jiġi konkluż jekk awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lil operatur dritt esklużiv u/jew kumpens bi tpattija għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Dritt esklużiv huwa ddefinit fl-Artikolu 2(f) bħala “dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor”. Dan id-dritt jista’ jiġi stabbilit bi strument leġiżlattiv, regolatorju jew amministrattiv. Ħafna drabi, il-kuntratt għal servizz pubbliku jispeċifika l-kundizzjonijiet għat-twettiq tad-dritt esklużiv, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u t-tul tad-dritt esklużiv. L-esklużività tipproteġi l-impriża mill-kompetizzjoni minn operaturi oħra f’suq speċifiku sakemm l-ebda impriża oħra ma tkun tista’ tipprovdi l-istess servizz. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħtu ċerti drittijiet li jistgħu jidhru li mhumiex esklużivi iżda jipprevjenu de facto li impriżi oħra jieħdu sehem fis-suq permezz ta' regoli legali jew prattiki amministrattivi. Pereżempju, arranġamenti amministrattivi li jagħtu awtorizzazzjoni għall-operat ta' servizzi pubbliċi tat-trasport suġġetti għall-kriterji, bħar-relazzjoni bejn il-volum u l-kwalità mixtieqa ta' dawn is-servizzi jista' jkollha effett prattiku li jillimita l-għadd ta' operaturi fis-suq. Il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta’ esklużività użat fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ikopri wkoll is-sitwazzjoni tal-aħħar.

Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għas-servizzi pubbliċi ta’ trasport, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu definizzjoni preċiża tad-drittijiet esklużivi, bħala drittijiet li ma jeċċedux dak li hu meħtieġ biex tingħata l-protezzjoni ekonomika meħtieġa għas-servizzi inkwistjoni filwaqt li jħallu spazju, fejn ikun possibbli, għal tipi oħra ta’ servizzi. F’dan il-kuntest, il-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tiddikjara li “is-swieq tat-trasport ta’ passiġġieri li tneħħew mir-regolamentazzjoni u li fihom m’hemm l-ebda dritt esklużiv għandhom jitħallew iżommu l-karatteristiċi tagħhom u l-mod kif jiffunzjonaw sakemm huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat.” Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tosserva li anke taħt sistema deregolata, l-introduzzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali biex tiġi promossa l-aċċessibbiltà tas-servizzi tax-xarabank għal ċerti segmenti tal-populazzjoni tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku. Dan l-obbligu jaqa’ taħt ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (18).

Jekk japplikaw il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, inkluża l-kundizzjoni li operatur pubbliku tat-trasport jibbenefika minn dritt esklużiv, il-kuntratt għal servizz pubbliku li jrid jiġi konkluż jista jingħata b'mod dirett, pereżempju, f'każ ta' kuntratt ta' valur żgħir u f'każ ta' kumpanija operattiva ta' daqs żgħir u medju, u jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(4).

2.2.7.   Artikolu 4(4). Kundizzjonijiet li taħthom tista’ tingħata estensjoni ta’ 50 % għat-tul tal-kuntratt għal servizz pubbliku

L-Artikolu 4(3) jiddikjara li t-tul massimu ta’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jkun “għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank u 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b’modi ferrovjarji oħrajn.” L-Artikolu 4(4), jekk ikun meħtieġ, jippermetti estensjoni fit-tul tal-kuntratt għal servizz pubbliku b’50 %, wara li jitqiesu l-kundizzjonijiet tad-deprezzament tal-assi. Din l-estensjoni tista’ tingħata jekk l-operatur tas-servizz pubbliku jipprovdi assi li huma sinifikanti fir-rigward tal-assi globali meħtieġa biex jitwettqu s-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratti għal servizzi pubbliċi u jkunu marbuta b’mod predominanti mas-servizzi pubbliċi ta’ trasport koperti mill-kuntratt.

L-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ. Kif tenfasizza l-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, “kuntratti ta' terminu twil jistgħu jwasslu għall-għeluq tas-suq għal perijodu itwal minn dak meħtieġ, li b'hekk inaqqas il-benefiċċji tal-pressjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni filwaqt li tiġi protetta l-kwalità tas-servizzi, il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jkunu għal perijodu limitat.” Barra minn hekk, f'każ ta' kuntratti twal ħafna, huwa diffiċli li jiġu attribwiti korrettament ir-riskji bejn l-operatur u l-awtorità minħabba ż-żieda fin-nuqqas ta' ċertezzi. Min-naħa l-oħra, il-premessa 15 tispjega li “huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-estensjoni tal-kuntratti għal servizz pubbliku b'massimu ta' nofs it-tul ta' żmien inizjali tagħhom fejn l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jinvesti f'assi li għalihom il-perijodu ta' deprezzament ikun eċċezzjonali u, minħabba l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tagħhom, fil-każ tar-reġjuni l-aktar imbegħda kif speċifikat fl-Artikolu 349 tat-TFUE.”

Kwalunkwe deċiżjoni dwar l-estensjoni fit-tul ta' kuntratt għal servizz pubbliku b'50 % għandha tkun suġġetta għall-konsiderazzjonijiet li ġejjin: il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu jobbliga lill-operatur jinvesti f’assi bħal, pereżempju, vetturi ferrovjarji, faċilitajiet ta’ manutenzjoni jew infrastruttura li għalihom il-perjodu ta’ deprezzament ikun eċċezzjonalment twil.

Normalment, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li testendi t-tul ta' kuntratt qabel l-għoti ta' kuntratt ġdid. Jekk estensjoni fit-tul ta' kuntratt teħtieġ li tiġi deċiża waqt li jkun fis-seħħ il-kuntratt, minħabba li l-investimenti maħsuba f'vetturi ferrovjarji ġodda ma jsirux fil-bidu tal-perjodu ta' kuntratt iżda, pereżempju, minħabba raġunijiet tekniċi jsiru fi stadju iktar 'il quddiem, din il-possibbiltà għandha tiġi indikata b'mod ċar fid-dokumenti tal-offerta u din l-għażla għandha tkun riflessa b'mod adegwat f'termini ta' kumpens. F'kull każ, l-estensjoni totali tal-kuntratt ma tistax teċċedi l-50 % tat-tul ta' żmien stipulat fl-Artikolu 4(4).

2.2.8.   Artikolu 4(5). Għażliet disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, jekk iqisu neċessarju li jieħdu miżuri ta' protezzjoni tal-persunal f'każ ta' bidla fl-operatur

L-Artikolu 4(5) jipprovdi li “mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u Komunitarja, inkluż ftehim kollettiv bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul li jagħti lill-persunal li kien imqabbad minn qabel biex jipprovdi servizzi id-drittijiet li għalihom kien ikollhom jedd kieku kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (19). Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu li operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformu ma' ċerti standards soċjali, dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jelenkaw il-persunal konċernat u jagħtu dettalji trasparenti tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li taħthom l-impjegati huma meqjusin li huma marbuta mas-servizzi.”

F'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u kif stabbilit fil-premessi 16 u 17, bażikament l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-għażliet li ġejjin f'każ ta' bidla ta' operatur fir-rigward tal-protezzjoni tal-persunal:

(i)

Li ma jieħdu l-ebda azzjoni. F'dan il-każ, id-drittijiet tal-impjegati bħat-trasferiment tal-persunal iridu jkunu mogħtija biss fejn jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE , pereżempju, fejn ikun hemm trasferiment ta' assi tanġibbli sinifikanti bħal vetturi ferrovjarji (20).

(ii)

Li jeħtieġu t-trasferiment tal-persunal li kienu impjegati minn qabel biex jipprovdu servizzi flimkien mad-drittijiet li l-persunal se jkun intitolat għalihom, kemm jekk tapplika jew le d-Direttiva 2001/23/KE u jekk kien hemm xi trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. Il-premessa 16 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tispjega li “din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jissalvagwardjaw il-kondizzjonijiet tat-trasferiment tad-drittijiet ta' l-impjegati minbarra dawk koperti bid-Direttiva 2001/23/KE, u b'hekk, jekk xieraq, jieħdu kont ta' l-istandards soċjali stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali.”

(iii)

Li jeħtieġu li l-operatur tat-trasport pubbliku jirrispetta ċerti standards soċjali għall-persunal kollu involut fl-għoti ta' servizzi ta' trasport pubbliku “biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni trasparenti u paragunabbli bejn l-operaturi u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' dumping soċjali” kif ġie stabbilit fil-premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Pereżempju, dawn l-istandards jistgħu possibilment jirrelataw għal ftehim kollettiv fil-livell tal-kumpanija jew ftehim kollettiv konkluż għas-segment tas-suq rilevanti.

(iv)

Li japplikaw taħlita tal-għażliet (ii) u (iii).

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu, jekk ikunu jeħtieġu trasferiment ta' persunal jew li jimponu ċerti standards soċjali, li dawn l-obbligi jiġu speċifikati b'mod ċar u fid-dettall fid-dokumenti tal-offerta u l-kuntratti għal servizzi pubbliċi.

2.2.9.   Artikolu 5(2)(e). Kundizzjonijiet ta’ sottokuntrattar fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija lill-operaturi interni

Il-kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija direttament lil operatur intern jistgħu jkunu sottokuntrattati taħt kundizzjonijiet stretti. F’każ bħal dan, skont l-Artikolu 5(2)(e), l-operatur intern għandu jipprovdi “il-parti l-kbira” tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri huwa stess. B’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jevita, li l-kunċett ta’ “operatur intern” taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti jkun nieqes mit-tifsira, peress li inkella l-operatur intern ikun jista' jissottokuntratta s-servizzi ta’ trasport kollha jew sehem importanti ħafna minnhom lil entità oħra. Għalhekk, l-Artikolu 5(2)(e) jimmira li jevita l-istabbiliment ta' operaturi interni foloz. L-għoti ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri minn operatur intern huwa eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 5(3), li skontu l-kuntratti għal servizzi pubbliċi għandhom jingħataw “abbażi ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti”. Skont il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, “l-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni rregolata bejn operaturi twassal għal servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos”. Mingħajr preġudizzju għal analiżi każ b'każ, ikun raġonevoli li wieħed iqis li s-sottokuntrattar ta' iktar minn terz tas-servizzi pubbliċi tat-trasport ikun jeħtieġ ġustifikazzjoni b'saħħitha, b'mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tal-Artikolu 5(2)(e) kif inhuma spjegati. Tipikament, dawn is-servizzi ta' trasport huma espressi f'termini ta' valur. F'kull każ, is-sottokuntrattar minn operaturi interni jrid jitwettaq billi jirrispetta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-akkwist pubbliku.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma jwaqqafx il-kuntratt għal servizz pubbliku milli jistipula perċentwal minimu ta’ servizzi tat-trasport f'termini ta' valur li għandu jiġi sottokuntrattat mill-operatur taħt kuntratt għal servizz pubbliku. Il-kuntratt jista’ jistipula dan sakemm id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament jiġu rispettati, speċjalment dawk dwar is-sehem massimu ta’ kuntratt għal servizz pubbliku li jista’ jiġi sottokuntrattat.

2.3.   Għoti ta' kuntratti għal servizzi pubbliċi

Dan il-kapitolu jipprovdi gwida interpretattiva dwar għadd ta' dispożizzjonijiet relatati għall-għoti ta' kuntratti għal servizzi pubbliċi. Din il-gwida tkopri l-kundizzjonijiet li taħthom l-kuntratti għal servizzi pubbliċi jistgħu jingħataw b'mod dirett kif ukoll ir-rekwiżiti proċedurali għas-sejħa kompetittiva għall-offerti ta' kuntratti.

2.3.1.   Artikolu 5(2)(b). Kundizzjonijiet li taħthom kuntratt għal servizz pubbliku jista' jingħata direttament lil operatur intern

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti lokali jipprovdu servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġeri huma stess bil-ferrovija jew bit-triq jew li jagħtu kuntratt għal servizz pubbliku direttament lil operatur intern. Madankollu, jekk jagħżlu t-tieni għażla, għandhom jirrispettaw għadd ta’ regoli u kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 5(2). Il-Kummissjoni tinnota dan li ġej:

(i)

L-Artikolu 5(2) jipprovdi li kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jingħata direttament lil operaturi interni minn awtorità kompetenti lokali jew minn grupp ta’ entitajiet bħal dawn li jipprovdi servizzi pubbliċi integrati ta’ trasport tal-passiġġeri. Dan ifisser li s-servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri taħt kuntratt li ngħata direttament minn grupp ta' awtoritajiet kompetenti lokali jrid ikun integrat mill-perspettiva ġeografika, ta' trasport jew ta' tariffi fit-territorju li għalih grupp ta' awtoritajiet huma responsabbli. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' dawn is-servizzi pprovdut taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità kompetenti lokali jew grupp ta' dawn l-awtoritajiet għandu jkun iddefinit b'mod li, tipikament dawn is-servizzi lokali jkunu jaqdu l-ħtiġijiet ta' agglomerazzjoni urbana u/jew distrett rurali.

(ii)

Ir-regoli dwar il-kontroll tal-operatur intern mill-awtorità kompetenti ddefiniti fl-Artikolu 2(j) u speċifikati fl-Artikolu 5(2) iridu fi kwalunkwe każ jiġu rispettati. Operatur intern għandu jkun “entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti (…) teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess”. L-Artikolu 5(2)(a) jistabbilixxi sett ta’ kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk awtorità kompetenti tikkontrollax b’mod effettiv l-operatur intern tagħha. Dawn il-kriterji huma “il-grad ta’ rappreżentazzjoni fuq korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ din ir-rappreżentazzjoni fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta’ ġestjoni”. Il-valutazzjoni ta’ kontroll trid tkun ibbażata fuq il-kriterji kollha, jekk ikunu rilevanti.

Fir-rigward tal-kriterju ta’ proprjetà, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma jeħtieġx li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom 100 % mill-kapital tal-operatur intern. Dan jista' jkun rilevanti, pereżempju, f'każijiet ta' sħubijiet pubbliċi-privati. F’dan ir-rigward, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jinterpreta “operatur intern” b’mod usa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha (21). Madankollu, il-kontroll effettiv mill-awtorità kompetenti jrid jiġi sostnut minn kriterji oħra kif imsemmi fl-Artikolu 5(2)(a).

(iii)

Biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, l-Artikolu 5(2)(b) jeħtieġ li l-attivitajiet tat-trasport ta’ operaturi interni u kwalunkwe korp jew korpi taħt il-kontroll tagħhom għandhom ikunu limitati ġeografikament fit-territorju tal-awtorità kompetenti jew ikkontrollati b’mod konġunt minn awtorità kompetenti lokali. Għaldaqstant, dawn l-operaturi jew korpi ma jistgħux jipparteċipaw fi proċeduri ta' sejħa kompetittiva għall-offerti relatati mal-forniment ta' servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri organizzati barra t-territorju tal-awtorità kompetenti. L-Artikolu 5(2)(b) huwa fformulat apposta f’termini wiesgħa biex jipprevjeni l-ħolqien ta’ strutturi korporattivi li għandhom l-għan li jevitaw dan l-iżolament ġeografiku. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-linji ħerġin, kif imsemmija fil-punt (v), il-Kummissjoni se tkun partikolarment stretta fl-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni dwar l-iżolament ġeografiku, b'mod partikolari meta l-operatur intern u korp ieħor li jipprovdu servizzi ta' trasport ikunu t-tnejn li huma kkontrollati minn awtorità kompetenti lokali.

(iv)

B’analoġija mal-ġurisprudenza dwar l-akkwisti u l-konċessjonijiet pubbliċi li jipprovdu li l-attivitajiet tal-operatur intern ma għandhomx ikunu “orjentati lejn is-suq” (22), il-kundizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) li “l-operatur intern iwettaq (…) l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti, (…) u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti” għandha tiġi interpretata skont dan li ġej: l-operatur intern jew l-entità influwenzata mill-operatur intern, ma għandhomx joperaw servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri, inkluż bħala sottokuntrattur, jew jieħdu sehem fi proċeduri ta’ sejħa għall-offerti barra t-territorju tal-awtorità kompetenti fl-Unjoni jew, minħabba effett indirett possibbli fuq is-suq intern, x’imkien ieħor fid-dinja.

(v)

L-Artikolu 5(2)(b) jippermetti li l-operaturi interni joperaw “linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi xi flessibbiltà billi taħseb għat-trasport bejn reġjuni ġirien. Għaldaqstant, l-operaturi interni jistgħu joperaw servizzi lil hinn mit-territorju tal-awtorità lokali kompetenti sa ċertu punt biss. Biex issir valutazzjoni dwar jekk is-servizzi taħt kuntratt għal servizz pubbliku humiex konformi jew le ma' din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu applikati l-kriterji li ġejjin: jekk dawk is-servizzi jgħaqqdu t-territorju tal-awtorità kompetenti inkwistjoni ma' territorju ġar u jekk ikunu anċillari aktar mill-għan ewlieni tal-attiviatjiet ta' trasport pubbliku taħt kuntratt għal servizz pubbliku. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-attivitajiet ta' trasport pubbliku humiex ta’ natura sekondarja billi tqabbel il-volum tagħhom f’kilometri ta’ vetturi jew trejn mal-volum totali tal-attivitajiet ta' trasport pubbliku koperti mill-kuntratt(i) tal-operatur intern.

2.3.2.   Artikolu 5(3). Rekwiżiti proċedurali għas-sejħa kompetittiva għall-offerti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi

L-Artikolu 5(3) jistipula li, jekk awtorità kompetenti tuża parti terza minbarra operatur intern biex tipprovdi servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri, din għandha tagħti l-kuntratti għal servizzi pubbliċi permezz ta’ proċedura ġusta, miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti.

L-Artikolu 5(3) jipprovdi xi dettalji oħra dwar il-kundizzjonijiet taħt liema għandha tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti. Kif stipulat taħt il-punt 2.4.1, il-proċeduri tal-għoti ta' kuntratt iridu jiġu mfassla biex joħolqu kundizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva. L-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat, bħall-prinċipji ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni, timplika, pereżempju, li l-kriterji ta’ valutazzjoni għall-għażla tal-offerti jridu jiġu ppubblikati mad-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. Ir-regoli proċedurali l-aktar iddettaljati tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, bħad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, jew id-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet, għalkemm mhux mitluba, jistgħu jiġu applikati jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ dan.

Madankollu, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-awtorità kompetenti tista' tagħżel ukoll li tinnegozja ma' partijiet magħżula minn qabel, wara selezzjoni minn qabel ta' sejħa għall-offerti, fil-każ ta' rekwiżiti speċifiċi jew kumplessi. Eżempju ta’ dan huwa meta l-operaturi li jitfgħu l-offerti jkunu jridu joħorġu b’soluzzjonijiet ta’ trasport teknoloġikament innovattivi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ppubblikati fid-dokumenti ta’ sejħa għall-offerti. Madankollu, anke meta jintużaw l-għażla minn qabel u n-negozjati, il-proċedura ta’ għażla u ta' għoti trid tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(3).

Sabiex l-offerenti potenzjali jiġu pprovduti b'opportunitajiet ġusti u indaqs, il-perjodu ta' bejn it-tnedija tal-proċedura ta' sejħa kompetittiva għall-offerti u s-sottomissjoni tal-offerti, kif ukoll il-perjodu ta' bejn it-tnedija tal-proċedura ta' sejħa kompetittiva għall-offerti u l-mument li minnu jrid jibda l-operat tas-servizzi ta' trasport, għandhom ikunu ta' tul xieraq u raġonevoli.

Sabiex il-proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti tkun aktar trasparenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu d-dejta teknika u finanzjarja rilevanti kollha, inkluż informazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż u d-dħul, jekk din tkun disponibbli, għal dawk li potenzjalment joffru offerti biex tgħinhom fit-tħejjija tal-offerti tagħhom. Madankollu, din l-informazzjoni maqsuma, ma tistax iddgħajjef il-protezzjoni leġittima tal-interessi kummerċjali tal-partijiet terzi. L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi infrastrutturali tal-ferrovija u l-partijiet l-oħra kollha li huma rilevanti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti dejta xierqa u preċiża biex tippermettilhom jikkonformaw mal-obbligu ta' informazzjoni tagħhom.

2.3.3.   Artikolu 5(4). Kundizzjonijiet li taħthom awtorità kompetenti tista' tagħti direttament kuntratt għal servizz pubbliku f'każ ta' volum ta' kuntratt żgħir jew SME

Fil-każ ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ valur żgħir lil operatur żgħir jew ta’ daqs medju (l-Artikolu 5(4)), l-awtorità kompetenti tista’ tagħti direttament il-kuntratt mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti. Kuntratt għal servizz pubbliku huwa meqjus ta’ valur żgħir jekk il-valur annwali medju tiegħu huwa anqas minn EUR 1 miljun jew jekk jinvolvi l-forniment annwali ta’ anqas minn 300 000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri. Operatur żgħir jew ta’ daqs medju huwa intrapriża li ma tħaddimx aktar minn 23 vettura. F’dan il-każ il-limiti stabbiliti jistgħu jiżdiedu sa valur annwali medju stmat f’anqas minn EUR 2 miljun jew il-forniment annwali ta’ anqas minn 600 000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ transport.

Il-limitu tal-SME iddefinit f'termini ta' “vetturi” jindika li din id-dispożizzjoni hija relatata mat-trasport bix-xarabank, iżda mhux għat-trasport bit-tramm, bil-metro jew bit-trejn. Il-limitu ta' 23 vettura għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv biex jiġi evitat abbuż ta' xejra eċċezzjonali tal-Artikolu 5(4). Għalhekk, it-termini “vetturi li qed jiġu operati” iridu jiġu interpretati li qed jirreferu għall-għadd totali ta' vetturi li qed jiġu operati mill-operatur ta' trasport pubbliku u mhux l-għadd ta' vetturi operati għal servizzi koperti minn kuntratt partikolari għal servizz pubbliku.

Madankollu, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jiddeċiedi li jobbliga lill-awtorità kompetenti tiegħu tapplika għal każijiet bħal dawn, ir-regola li l-kuntratti għal servizzi pubbliċi jingħataw fi proċess ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti ġusta, miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

2.3.4.   Artikolu 5(4). Possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu limiti aktar baxxi biex jippermettu għoti dirett fil-każ ta’ kuntratti ta’ valur żgħir jew operaturi żgħar u ta’ daqs medju

Bl-istess mod li l-Artikolu 5(4) jippermetti lill-Istati Membri (i) li jobbligaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom japplikaw ir-regola li l-kuntratti għal servizzi pubbliċi għandhom jingħataw permezz ta’ proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti ġusta, miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja fil-każ ta’ kuntratti ta’ valur żgħir jew operaturi żgħar u ta’ daqs medju, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll (ii) li jnaqqsu l-limiti stabbiliti f’dak il-forniment għall-għoti dirett ta’ kuntratti bħal dawn jew (iii) li jużaw il-limiti previsti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

2.3.5.   Artikolu 5(6). Servizzi ferrovjarji li jikkwalifikaw għall-proċedura ta' għoti dirett

L-Artikolu 5(6) jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jagħtu kuntratti għal servizzi pubbliċi għat-trasport ferrovjarju “bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm.”

Meta awtorità tagħti kuntratti għall-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali lil parti terza din għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali tat-Trattat bħat-trasparenza u t-trattament ugwali (23). Il-kuntratti mogħtija b'mod dirett taħt l-Artikolu 5(6) mhumiex eżonerati milli jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji tat-Trattat. Din hija r-raġuni għaliex ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jeħtieġ, speċjalment fl-Artikolu 7(2) u (3), li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija direttament għat-trasport bil-ferrovija mill-inqas sena qabel u sena wara l-għotja.

L-eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta' proċedura ta' għoti kompetittiva trid tiġi applikata b'mod ristrett. Is-servizzi li huma sostituti tat-trasport ferrovjarju, pereżempju t-trasport bix-xarabank u l-kowċ li jistgħu jkunu kuntrattwalment meħtieġa mill-operatur ta' servizz pubbliku f'każijiet ta' tħarbit tan-netwerk ferrovjarju ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi ta' trasport ferrovjarju u għalhekk ma jaqawx taħt l-Artikolu 5(6). Għalhekk, huwa meħtieġ is-sottokuntrattar ta' dawn is-servizzi li huma sostituti tat-trasport ferrovjarju, bħat-trasport bix-xarabank u l-kowċ skont il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku.

Sew jekk ċerti tipi ta' sistemi ta' trasport urban jew suburban, bħall-S-Bahn (fl-Awstrija, il-Ġermanja u d-Danimarka) u r-RER (fi Franza), u sew jekk modi oħra ta' trasport li huma simili għal “mezzi ferrovjarji oħrajn” (pereżempju s-servizzi tal-metro jew tat-tramm), bħas-servizzi ta' tramm ferrovija u ċerti servizzi ta' trejns awtomatiċi operati taħt sistemi ta' gwida ottiċi, humiex inklużi fl-eżenzjoni ferrovjarja tal-Artikolu 5(6), iridu jiġu vvalutati abbażi ta' każ b'każ u jiġu applikati kriterji xierqa. B'mod partikolari, dan se jiddependi fuq fatturi bħal jekk is-sistemi inkwistjoni humiex normalment interoperabbli u/jew jikkondividu l-infrastruttura man-netwerk ferrovjarju tqil tradizzjonali. Għalkemm is-servizzi ta' tramm ferrovija jużaw l-infrastruttura ferrovjarja tqila, il-karatteristiċi speċjali tagħhom ifissru li dawn, minkejja kollox, għandhom jitqiesu bħala “mezzi ferrovjarji oħrajn”.

2.3.6.   Modifiki fil-kuntratti għal servizzi pubbliċi

Meta kuntratt għal servizz pubbliku li jkun fis-seħħ ikollu bżonn jiġi emendat, pereżempju meta l-volum ta' servizz ta' trasport u l-ammont korrispondenti ta' kumpens ikun hemm bżonn li jiġu adattati minħabba estensjoni fil-linja tal-metro, wieħed jistaqsi jekk l-awtorità kompetenti għandha tibda proċedura ġdida ta' għoti jew jekk il-kuntratt jistax jiġi emendat mingħajr proċedura ta' għoti ġdida.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li f'każ ta' modifiki minuri u mhux sostanzjali jista' ma jkunx hemm bżonn ta' għoti ġdid biex jiġi żgurat li jiġu kkonfermati l-prinċipji ġenerali tat-Trattat bħat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni, u għaldaqstant tkun biżżejjed emenda sempliċi tal-kuntratt (24). Skont il-Qorti, sabiex jiġu żgurati t-trasparenza tal-proċeduri u t-trattament ugwali tal-offerenti, l-emendi sostanzjali għal dispożizzjonijiet essenzjali ta' kuntratt għal konċessjoni ta' servizz jew għal kuntratti suġġetti għad-Direttivi tal-akkwist pubbliku, f'ċerti każijiet jeħtieġu l-għoti ta' kuntratt ġdid. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet il-ġodda jkunu materjalment differenti fin-natura tagħhom mill-kuntratt oriġinali u għalhekk, biex juru l-intenzjoni tal-partijiet li jinnegozjaw mill-ġdid it-termini essenzjali tal-kuntratt.

Skont il-Qorti, emenda għal kuntratt matul it-terminu tiegħu tista' titqies sostanzjali jekk tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura oriġinali ta' għoti, dawn kienu jippermettu l-ammissjoni ta' offerenti barra minn dawk li ġew ammessi inizjalment jew kienu jippermettu li tiġi aċċettata offerta li mhijiex dik li ġiet aċċettata inizjalment.

Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-prinċipji tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, huma kompletament applikabbli għall-modifiki tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi koperti b'dak ir-Regolament. Sabiex jiġi stabbilit fiex jikkonsistu l-modifiki mhux sostanzjali, hemm bżonn ta' valutazzjoni każ b'każ ibbażata fuq kriterji oġġettivi (25).

2.4.   Kumpens għal servizz pubbliku

Ir-regoli dwar il-kumpens stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiżguraw in-nuqqas ta' kumpens żejjed u l-konformità mar-regoli tat-Trattat. Dawn jindirizzaw ukoll il-kunċetti ta' qligħ raġonevoli u ta' inċentivi fl-effiċjenza, il-kwistjonijiet ta' sussidju reċiproku ta' attivitajiet kummerċjali b'kumpens imħallas għal obbligi ta' servizz pubbliku u ta' kumpens inqas, u l-proċeduri ta' investigazzjoni ex ante u ex post tal-Kummissjoni fir-rigward ta' kumpens għal servizz pubbliku.

2.4.1.   Artikolu 4(1) u Artikolu 5(3). Nuqqas ta' kumpens żejjed fil-każ ta’ kuntratt għal servizz pubbliku mogħti abbażi ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u kompetittiva

B'kuntrast ma' setturi ekonomiċi oħra, l-Artikolu 106(2) tat-TFUE ma japplikax f'każijiet fejn il-kumpens jitħallas għal obbligi ta' servizz pubbliku fit-trasport fuq l-art. Minflok, dan il-kumpens huwa kopert mill-Artikolu 93 tat-TFUE. Għaldaqstant, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kumpens għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (26), li huma bbażati fuq l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, ma japplikawx għat-trasport intern (27).

Fil-każ ta' servizzi ta' trasport pubbliku bil-ferrovija u bit-triq, sakemm il-kumpens għal dawk is-servizzi jitħallas skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, dan il-kumpens għandu jitqies kompatibbli mas-suq intern u għandu jkun eżentat mir-rekwiżit ta' notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE skont l-Artikolu 9(1) ta' dak ir-Regolament.

Din is-suppożizzjoni ta' kompatibbiltà u eżenzjoni mir-rekwiżit ta' notifika ma tindirizzax il-kwistjoni tal-karattru possibbli tal-għajnuna mill-Istat tal-kumpens imħallas għall-forniment ta' servizzi ta' trasport pubbliku. Sabiex ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat, dan il-kumpens irid jirrispetta l-erba' kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark (28).

Proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 5(3) se tnaqqas il-kumpens pubbliku li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom iħallsu lill-fornitur tas-servizz biex jiksbu l-livell ta’ servizz pubbliku impost fis-sejħa għall-offerti, u b’hekk tipprevjeni milli jkun hemm kumpens żejjed. F’każ bħal dan, ma hemm l-ebda bżonn li jiġu applikati r-regoli ddettaljati dwar il-kumpens stabbiliti fl-Anness.

Sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 5(3), il-proċeduri tal-akkwist pubbliku jridu jkunu mfassla b'tali mod li joħolqu kundizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva. Il-karatteristiċi eżatti ta' sejħa għall-offerti jistgħu jvarjaw skont l-Artikolu 5(3) li jippermetti, pereżempju, għal ċertu marġni ta' negozjar bejn l-awtorità kompetenti u l-kumpaniji li ssottomettew offerti fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti. Madankollu, dawn in-negozjati jridu jkunu ġusti u jirrispettaw il-prinċipji ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni. Pereżempju, proċedura purament innegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' notifika ta' kuntratt hija kontra l-prinċipji ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 5(3). Għalhekk, proċedura bħal din ma tikkonformax mal-Artikolu 5(3). Bl-istess mod, proċedura ta' sejħa għall-offerti li hija mfassla b'tali mod li tillimita bla bżonn l-għadd ta' offerenti potenzjali, ma tikkonformax mal-Artikolu 5(3). F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu partikolarment attenti meta jkollhom indikazzjonijiet ċari ta' kompetizzjoni mhux effettiva, b'mod partikolari, pereżempju, meta tiġi sottomessa offerta waħda biss. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni x'aktarx tistaqsi wkoll dwar iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti.

Il-kriterji tal-għażla, inklużi pereżempju l-kriterji relatati mal-kwalità, dawk ambjentali jew soċjali, għandhom ikunu relatati mill-qrib mas-suġġett tas-servizz provdut. L-awtorità aġġudikanti mhijiex prekluża milli tiffissa l-istandards kwalitattivi li għandhom jintlaħqu mill-operaturi ekonomiċi jew milli tqis aspetti kwalitattivi relatati mal-proposti differenti fid-deċiżjoni tal-għoti tagħha.

Fl-aħħar nett, jista' jkun hemm ċirkostanzi fejn proċedura ta' akkwist pubbliku skont l-Artikolu 5(3) ma twassalx għal kompetizzjoni miftuħa u ġenwina biżżejjed. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, minħabba l-kumplessità jew il-firxa tas-servizzi li jridu jiġu provduti jew għall-infrastruttura neċessarja jew l-assi li jkunu ta' propjetà ta' fornitur tas-servizz partikolari jew li jridu jiġu provduti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

2.4.2.   Artikolu 6. Nuqqas ta' kumpens żejjed fil-każ tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija direttament

L-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku skont l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6), jew l-impożizzjoni ta’ regoli ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3(2), ma jiggarantux li l-livell ta’ kumpens jitnaqqas sal-valur minimu. Dan iseħħ peress li l-għoti dirett ma jirriżultax mill-interazzjoni tal-forzi kompetittivi tas-suq iżda pjuttost min-negozjati diretti bejn l-awtorità kompetenti u l-fornitur tas-servizz.

L-Artikolu 6(1) jipprovdi li fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija direttament jew regoli ġenerali ta' kumpens għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 kif ukoll mal-Anness biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ kumpens żejjed. L-Anness ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi verifika ex post biex jiġi żgurat li l-ħlasijiet kumpensatorji annwali ma jkunux ogħla mill-ispiża netta attwali għall-forniment tas-servizz pubbliku matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-verifiki regolari huma fi prinċipju bżonnjużi matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt sabiex, fi stadju bikri, jidentifikaw u jevitaw li jiżviluppaw sitwazzjonijiet ta' kumpens żejjed. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, għal kuntratti fuq terminu twil ta' żmien.

Il-kumpens għandu jkun limitat għall-effett finanzjarju nett tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Dan huwa kkalkulat billi jitnaqqsu l-ispejjeż mid-dħul iġġenerat mill-operazzjonijiet ta' servizz pubbliku, minn fejn jitnaqqas id-dħul potenzjali li jirriżulta mill-effetti tan-network, b’żieda ta’ qligħ raġonevoli.

Min-naħa tal-ispejjeż, jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni l-ispejjeż kollha direttament marbuta mal-forniment tas-servizz pubbliku (bħal pagi tax-xufiera tat-trejns, kurrent ta' trazzjoni, manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji, spejjeż ġenerali (bħal spejjeż ta' ġestjoni u amministrazzjoni) u spejjeż relatati mal-kuntratt ta' impriżi affiljati). Meta l-impriża twettaq ukoll attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz pubbliku, parti xierqa tal-ispejjeż li huma maqsuma bejn is-servizz pubbliku u l-attivitajiet ll-oħra (bħall-ispejjeż għall-kiri tal-uffiċċju, il-pagi tal-kontabilisti jew tal-persunal amministrattiv) jistgħu jitqiesu wkoll flimkien mal-ispejjeż diretti kollha meħtieġa biex jitwettaq is-servizz pubbliku. Meta l-impriża jkollha diversi kuntratti għal servizzi pubbliċi, l-ispejjeż komuni ma jridux ikunu allokati biss bejn il-kuntratti għal servizzi pubbliċi u attivitajiet oħra, iżda wkoll bejn il-kuntratti għal servizzi pubbliċi differenti. Biex jiġi stabbilit il-proporzjon xieraq ta’ spejjeż komuni li għandhom jitqiesu fl-ispejjeż ta’ servizz pubbliku, il-prezzijiet tas-suq għall-użu tar-riżorsi, jekk ikunu disponibbli, jistgħu jittieħdu bħala valur ta’ referenza. Jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux disponibbli, jistgħu jintużaw metodoloġiji oħra, fejn dan ikun xieraq.

Id-dħul li huwa direttament jew indirettament relatat mal-forniment ta’ servizz pubbliku, bħad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti jew mill-bejgħ ta' ikel u xorb, għandu jitnaqqas mill-ispejjeż li jintalbu kumpens għalihom.

It-tħaddim tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri taħt kuntratt għal servizz pubbliku minn impriża ta’ trasport involuti wkoll f’operazzjonijiet kummerċjali oħra jista’ jwassal għal effetti pożittivi tan-netwerk riżultanti. Pereżempju, billi jaqdi ċertu netwerk taħt kuntratt għal servizz pubbliku li huwa marbut ma’ rotot oħra operati f’termini kummerċjali, operatur jista’ jżid il-bażi tal-klijenti tiegħu. Il-Kummissjoni tilqa’ l-effetti tan-netwerk li jirriżultaw, bħal dawk li jġibu magħhom l-iskedar integrat u l-arranġamenti fejn il-passiġġier jixtri biljett wieħed u bih ikun jista’ jibdel il-linji, sakemm dawn ikunu maħsuba biex ikunu ta’ benefiċċju għall-passiġġieri. Il-Kummissjoni hija konxja wkoll tad-diffikultajiet prattiki biex jiġu kkwantifikati dawn l-efffetti potenzjali tan-netwerk. Minkejja dan, skont l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kwalunkwe benefiċċju finanzjarju kwantifikabbli bħal dan għandu jitnaqqas mill-ispejjeż li għalihom jintalab kumpens.

2.4.3.   Artikolu 4(1) u l-Anness. Il-kunċett ta' “qligħ raġonevoli”

L-Artikolu 4(1)(c) jipprovdi li l-ispejjeż li għandhom jitqiesu f’kuntratt għal servizz pubbliku jistgħu jinkludu “dħul adegwat fuq il-kapital.” L-Anness jispeċifika li l-kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku ma jistax jeċċedi l-effett finanzjarju nett tal-obbligu, iddefinit billi jitnaqqsu l-ispejjeż mid-dħul iġġenerat mill-operazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, minn fejn jitnaqqas id-dħul potenzjali miksub min-netwerk, b’żieda ta’ “qligħ raġonevoli”.

L-Anness jiddikjara li “‘qligħ raġonevoli’ għandu jiġi mifhum bħala rata ta’ dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, li jkun għamel l-operatur ta’ servizz pubbliku permezz tal-intervent tal-awtorità pubblika.” Madankollu, mhumiex offruti aktar linji gwida dwar il-livell korrett ta’ “dħul fuq il-kapital” jew “qligħ raġonevoli”.

Filwaqt li l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (29) (il-Komunikazzjoni SIEĠ) hija bbażata fuq bażi legali differenti mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u għalhekk mhux applikabbli f'każijiet fejn il-kumpens jitħallas għal obbligi ta' servizz pubbliku fit-trasport bl-art, din tipprovdi xi gwida dwar l-istabbiliment tal-livell ta' qligħ raġonevoli li jista' jservi bħala indikatur għall-awtoritajiet kompetenti meta jingħataw kuntratti għal servizzi pubbliċi taħt ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (30). Il-Komunikazzjoni SIEĠ tispjega li “fejn teżisti remunerazzjoni tas-suq ġeneralment aċċettata għal servizz partikolari, dik ir-remunerazzjoni tas-suq tipprovdi l-aqwa punt ta’ riferiment għall-kumpens fin-nuqqas ta’ sejħa għall-offerti” (31). Dawn il-punti ta’ riferiment idealment ikunu misjuba fl-istess settur ta’ attività, b’karatteristiċi simili u fl-istess Stat Membru. Għaldaqstant, il-qligħ raġonevoli għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq u ma għandux jaqbeż dak li jkun meħtieġ biex jirrifletti l-livell ta’ riskju tas-servizz mogħti.

Madankollu, dawn il-punti ta' riferiment mhux dejjem jeżistu. F’dak il-każ, il-livell ta’ qligħ raġonevoli jista’ jiġi stabbilit billi jitqabbel il-marġni ta’ qligħ meħtieġ minn impriza tipika mmexxija tajjeb attiva fl-istess settur biex tipprovdi s-servizz inkwistjoni (32).

Mod standard kif jiġi mitkejjel id-dħul fuq il-kapital ta' kuntratt għal servizz pubbliku huwa li titqies ir-rata interna ta' redditu (IRR) li l-kumpanija tagħmel fuq il-kapital investit matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt, jiġifieri l-IRR fuq il-flussi tal-flus tal-kuntratt. Madankollu, jistgħu jintużaw ukoll miżuri ta' kontabbiltà, bħar-redditi azzjonarji (ROE), il-qligħ fuq il-kapital użat (ROCE) jew indikaturi ekonomiċi oħra ġeneralment aċċettati għad-dħul fuq il-kapital.

Għandu jiġi nnutat li dawn l-indikaturi jistgħu jiġu influwenzati bil-metodi ta’ kontabbiltà użati mill-kumpanija u jirriflettu s-sitwazzjoni tal-kumpanija f’sena partikolari biss. Meta dan ikun il-każ, għandu jiġi żgurat li l-prattiki ta’ kontabbiltà tal-kumpanija jkunu jirriflettu r-realtà ekonomika fit-tul tal-kuntratt għal servizz pubbliku. F’dak il-kuntest, kull meta jkun fattibbli, il-livell ta’ qligħ raġonevoli għandu jiġi vvalutat matul it-tul ta’ ħajja tal-kuntratt għal servizz pubbliku. Għandu jittieħed kont tad-differenzi fil-mudelli ekonomiċi tat-trasport bil-ferroviji, bit-tramms, bil-metro u bix-xarabank. Pereżempju, filwaqt li t-trasport ferrovjarju huwa ġeneralment intesiv ħafna fil-kapital, it-trasport bix-xarabank għandu tendenza li jkun iktar dipendenti fuq spejjeż personali.

Fi kwalunkwe każ, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull kuntratt għal servizz pubbliku, hija meħtieġa valutazzjoni każ b’każ mill-awtorità kompetenti biex jiġi stabbilit il-livell adegwat ta’ qligħ raġonevoli. Fost affarijiet oħra, din għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriża inkwistjoni, ir-remunerazzjoni normali tas-suq għal servizzi simili u l-livell ta’ riskju involut f’kull kuntratt għal servizz pubbliku. Pereżempju, kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jipproteġu l-livell ta’ kumpens f’każ ta’ spejjeż mhux previsti huwa anqas riskjuż minn kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx jinkludi dawn il-garanziji. Għaldaqstant, sakemm il-fatturi l-oħra jibqgħu l-istess, il-qligħ raġonevoli fil-kuntratt ta’ qabel għandu jkun anqas milli fit-tieni kuntratt.

Ġeneralment, irid jitħeġġeġ l-użu tal-inċentivi fl-effiċjenza fil-mekkaniżmu ta' kumpens (33). Għandu jiġi enfasizzat li skemi ta' kumpens li sempliċiment ikopru l-ispejjeż attwali kif iseħħu jipprovdu ftit inċentivi għal kumpanija ta' trasport biex trażżan l-ispejjeż jew biex issir aktar effiċjenti maż-żmien. Għalhekk, l-użu tagħhom għandu jiġi limitat għal każijiet fejn ikun hemm nuqqas ta' ċertezza kbira dwar l-ispejjeż u l-fornitur tat-trasport jeħtieġ grad għoli ta' protezzjoni kontra n-nuqqas ta' ċertezza.

2.4.4.   Artikolu 4(1) u (2) u l-Anness. Kumpens riċevut għal obbligu ta’ servizz pubbliku ma jitħallix jintuża biex jiġu sussidjati reċiprokament l-attivitajiet kummerċjali

Meta fornitur ta’ servizz pubbliku jwettaq ukoll attivitajiet kummerċjali, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kumpens pubbliku li jirċievi ma jintużax biex isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fl-attivitajiet kummerċjali tiegħu. F’dan il-kuntest, l-Anness jistabbilixxi regoli biex jiġi evitat is-sussidjar reċiproku tal-attivatjiet kummerċjali bi dħul mill-operazzjonijiet tas-servizz pubbliku. Dawn ir-regoli essenzjalment jikkonsistu fis-separazzjoni tal-kontabbiltà bejn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet (servizz pubbliku u kummerċjali) u metodu tajjeb ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż li jirrifletti l-ispejjeż reali biex jiġi pprovdut is-servizz pubbliku.

L-Artikolu 4(1) u (2), flimkien mar-regoli stabbiliti fl-Anness, jeħtieġu spejjeż u dħul li jappartjenu għall-forniment ta’ servizzi taħt kull kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lil impriża tat-trasport u għal attivitajiet kummerċjali, biex jiġu allokati b’mod korrett bejn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet. Dan biex jiġi mmonitorjat b’mod effettiv il-kumpens pubbliku u s-sussidjar reċiproku bejn iż-żewġ attivitajiet. L-adegwatezza tal-miżuri ta’ qsim tal-ispejjeż u ta’ delimitazzjoni bejn l-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali hija kruċjali f’dan ir-rigward. Pereżempju, meta l-modi ta’ trasport (bħal vetturi ferrovjarji jew xarabanks) jew assi jew servizzi oħra li jkunu meħtieġa biex jitwettaq l-obbligu ta' servizz pubbliku (bħal uffiċċji, persunal jew stazzjonijiet) ikunu maqsuma bejn is-servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali, l-ispejjeż ta’ kull wieħed għandhom jiġu allokati għaż-żewġ tipi differenti ta’ attivitajiet skont il-piż relattiv tagħhom fis-servizzi tat-trasport globali pprovduti mill-impriża tat-trasport.

Jekk, pereżempju, is-servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali tal-istess impriża tat-trasport kienu jużaw xi servizzi fl-istazzjonijiet, iżda l-ispejjeż sħaħ ta’ dawk is-servizzi kienu ġew allokati biss lill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku, dan jikkostitwixxi sussidjar reċiproku li huwa inkumpatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Id-Direttiva 2012/34/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (34) tistipula wkoll obbligi speċifiċi għas-separazzjoni tal-kontijiet tal-impriżi ferrovjarji.

Kull kuntratt għal servizz pubbliku għandu jkun fih regoli speċifiċi dwar il-kumpens u għandu jagħti lok għal entrati ta’ kontabbiltà speċifiċi. Fi kliem ieħor, jekk l-istess impriża tkun daħlet f’diversi kuntratti għal servizzi pubbliċi, il-kontijiet tal-impriżi tat-trasport għandhom jispeċifikaw liema kumpens pubbliku jikkorrispondi għal liema kuntratt għal servizz pubbliku. Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni, dawn il-kontijiet iridu jkunu disponibbli skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

2.4.5.   Artikolu 4(1). Tfassil ta' skemi ta' kumpens biex jippromwovu l-effiċjenza

Il-premessa 27 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tiddikjara li fil-każ ta’ għoti dirett jew regoli ġenerali, il-parametri għall-kumpens għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-kumpens ikun xieraq u jirrifletti “xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta’ servizz.” Dan ifisser li l-awtoritajiet kompetenti għandhom, permezz tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, jħeġġu l-fornituri tas-servizz biex isiru aktar effiċjenti, billi jipprovdu l-livell u l-kwalità ta’ servizz meħtieġa bl-anqas riżorsi possibbli.

Ir-regoli dwar il-kumpens fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 iħallu ċerta libertà lill-awtoritajiet kompetenti biex ifasslu skemi ta’ inċentivi għall-fornitur tas-servizz pubbliku. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati “jippromwovu ż-żamma jew l-iżvilupp ta’ ġestjoni effettiva min-naħa tal-operatur ta' servizz pubbliku, li tista’ tkun is-suġġett ta’ valutazzjoni oġġettiva” (punt 7 tal-Anness). Dan jimplika li s-sistema ta’ kumpens għandha titfassal biex tiżgura mill-anqas li maż-żmien isir ċertu titjib fl-effiċjenza.

Madankollu, l-inċentivi fl-effiċjenza għandhom ikunu proporzjonati u jibqgħu f'livell raġonevoli, billi jieħdu kont tad-diffikultà biex jinkisbu l-objettivi ta' effiċjenza. Pereżempju, dan jista’ jiġi żgurat permezz ta’ qsim ibbilanċjat ta’ kwalunkwe inċentiv marbut mat-titjib fl-effiċjenza bejn l-operatur, l-awtoritajiet pubbliċi u/jew l-utenti. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li titwaqqaf sistema biex tiżgura li l-impriża ma tkunx awtorizzata żżomm benefiċċji ta' effiċjenza sproporzjonati. Barra minn hekk, il-parametri ta' dawn l-iskemi ta' inċentiva iridu jkunu ddefiniti bis-sħiħ u eżattament fil-kuntratt għal servizz pubbliku.

Madankollu, l-inċentivi biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi aktar effiċjenti ma għandhomx jipprevjenu l-forniment ta’ servizzi ta’ kwalità għolja. Fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-effiċjenza għandha tinftiehem bħala r-relazzjoni bejn il-kwalità jew il-livell tas-servizzi pubbliċi u r-riżorsi użati biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi. Għaldaqstant, l-inċentivi fl-effiċjenza għandhom jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u/jew fuq iż-żieda tal-kwalità jew tal-livell ta’ servizz.

2.4.6.   Artikolu 6(1). Ċirkostanzi li taħthom il-Kummissjoni se tinvestiga jekk skema ta' kumpens tikkonformax mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007

Kumpens għal servizz pubbliku mħallas skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika għal għajnuna mill-Istat qabel ma dan jiġi implimentat kif stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tintalab li tivvaluta skema ta’ kumpens għal raġunijiet ta’ ċertezza legali jekk Stat Membru ma jkunx ċert jekk l-iskema tikkonformax mar-Regolament. Il-Kummissjoni tista' tivvaluta wkoll skema ta’ kumpens abbażi ta’ lment jew investigazzjoni ex officio, jekk tkun konxja li hemm evidenza li turi nuqqas ta’ konformità tal-iskema mar-regoli ta’ kumpens tar-Regolament.

2.4.7.   Artikolu 6(1). Differenzi bejn l-investigazzjonijiet ex-ante u ex-post tal-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ kumpens

Id-differenza ewlenija bejn l-investigazzjonijiet ex ante u ex post tal-Kummissjoni dwar l-iskemi ta' kumpens hija relatata maż-żmien li fih il-Kummissjoni tivvaluta l-iskema, mhux fil-metodu użat għall-analiżi jekk ikun hemm kumpens żejjed.

Meta tivvaluta jekk skema ta' kumpens tipprevenix il-kumpens żejjed ex ante, pereżempju fil-kuntest ta' notifika, il-Kummissjoni se tivvaluta, fost affarijiet oħra, il-parametri preċiżi ta' kumpens. B'mod partikolari, se toqgħod attenta għall-kategoriji tal-ispejjeż li jittieħdu kont biex jiġi kkalkulat il-kumpens, kif ukoll għal-livell propost ta' qligħ raġonevoli. Barra minn hekk, se tqis ukoll jekk hemmx fis-seħħ mekkaniżmu adegwat biex jiżgura li, f'każ li d-dħul mill-forniment ta' servizzi pubbliċi jkun ogħla minn dak mistenni matul it-tul ta' ħajja ta' kuntratt għal servizz pubbliku, l-operatur ma jitħallix iżomm kumpens eċċessiv addizzjonali fuq l-ispejjeż netti attwali, fuq il-marġni ta' qligħ raġonevoli u fuq kwalunkwe inċentiv għat-titjib fl-effiċjenza stipulati fil-kuntratt.

Il-kuntratt għal servizz pubbliku jrid fi prinċipju jipprovdi wkoll għal verifiki regolari matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt sabiex, fi stadju bikri, jiġu identifikati u evitati milli jibdew sitwazzjonijiet ċari ta' kumpens żejjed, b'mod partikolari fil-każ ta' kuntratti fuq perjodu twil ta' żmien. L-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jivverifikaw il-konformità mat-termini tal-kuntratt għal servizz pubbliku matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt. Jistgħu jiġu żviluppati għodod kompjuterizzati biex jgħinu fit-twettiq ta’ dawn il-verifiki b’mod standardizzat. Il-kumpens żejjed għandu jiġi vvalutat b’mod separat għal kull kuntratt għal servizz pubbliku biex jiġi evitat qligħ żejjed għal servizzi pubbliċi individwali li tittieħed il-medja tagħhom minn diversi kuntratti.

Fil-każ ta’ investigazzjoni ex-post, biex jiġi vverifikat jekk il-kumpens riċevut huwiex aktar mill-effett finanzjarju tas-servizz pubbliku, kif iddefinit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, dan jista’ jsir abbażi tad-dħul finanzjarju attwali u d-dejta dwar l-ispiża, peress li l-iskemi ta’ kumpens ikunu diġà daħlu fis-seħħ. Madankollu, il-metodu xorta waħda ma nbidilx: il-kumpens ma għandux jeċċedi l-ammont li l-impriża kienet intitolata għalih skont il-parametri stabbiliti minn qabel fil-kuntratt, anke jekk dan l-ammont ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż netti attwali.

2.4.8.   Artikolu 1(1) u Artikolu 6(1). Żgurar li l-awtoritajiet kompetenti se jħallsu lill-operaturi kumpens “xieraq” għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, “ l-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi (tal-Unjoni), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta' kwalità ogħla jew ta' prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista' tippermetti. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta' servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizzi pubbliċi, jikkumpensaw lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklużivi bi tpattija għall-operat ta' obbligi tat-trasport pubbliku.” Barra dan, f'konformità mal-punt 7 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, “il-metodu ta' kumpens għandu jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta' (…) il-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.”

Dan ifisser li r-regoli tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 mhux biss għandhom l-għan li jipprevjenu kwalunkwe kumpens żejjed għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda għandhom l-għan li jiżguraw li l-offerta ta’ servizzi pubbliċi ddefinita fil-kuntratt għal servizz pubbliku hija finanzjarjament sostenibbli biex jintlaħaq u jinżamm livell għoli ta’ kwalità ta’ servizz. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandu jiġi kkumpensat b’mod xieraq sabiex il-fondi proprji tal-operatur taħt kuntratt għal servizz pubbliku ma jonqsux fuq medda twila ta’ żmien, u b’hekk ikun possibbli li jiġu sodisfatti b’mod effiċjenti l-obbligi tiegħu taħt il-kuntratt u ż-żamma tal-forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ standard għoli kif imsemmi fil-punt 7 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

Fi kwalunkwe każ, jekk l-awtorità kompetenti ma tħallasx kumpens xieraq, tkun f’riskju li tnaqqas l-għadd ta’ offerti sottomessi bħala rispons għal proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti għall-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, toħloq diffikultajiet finanzjarji serji għall-operatur jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata direttament u/jew tnaqqas il-livell u l-kwalità inġenerali tas-servizzi pubbliċi provduti matul it-tul ta' ħajja tal-kuntratt.

2.5.   Pubblikazzjoni u trasparenza

Il-gwida interpretattiva provduta f'dan il-kapitolu tkopri l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jippubblikaw rapporti annwali dwar il-kuntratti għal servizzi pubbliċi li huma responsabbli għalihom kif ukoll l-obbligi tagħhom li jiżguraw trasparenza dwar l-għoti ta' kuntratti għal servizzi pubbliċi qabel u wara l-proċedura ta' għoti.

2.5.1.   Artikolu 7(1). Obbligi ta’ pubblikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-rapporti annwali tagħhom dwar il-kuntratti għal servizzi pubbliċi taħt ir-responsabbiltà tagħhom

L-Artikolu 7(1) jeħtieġ li kull awtorità kompetenti tippubblika rapport aggregat darba f’sena dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija responsabbli għalihom, l-operaturi pubbliċi ta’ servizz magħżula u l-ħlasijiet ta’ kumpens u d-drittijiet esklużivi mogħtija lill-operaturi pubbliċi ta’ servizz permezz ta’ rimborż. Dan ir-rapport għandu jiddistingwi bejn trasport bix-xarabank u trasport bil-ferrovija, jippermetti li l-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tan-netwerk tat-trasport pubbliku jkunu mmonitorjati u vvalutati u, jekk ikun xieraq, għandu jipprovdi informazzjoni dwar in-natura u l-firxa tad-drittijiet esklużivi li jkunu ngħataw.

Il-Kummissjoni tifhem it-terminu “rapport aggregat” fis-sens li awtorità kompetenti għandha tippubblika rapport komprensiv dwar il-kuntratti għal servizzi pubbliċi li tkun tat, filwaqt li dawn il-kuntratti għandhom ikunu kollha identifikati individwalment. Għalhekk, minbarra l-valuri totali, l-informazzjoni provduta għandha tirreferi għal kull kuntratt, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali leġittimi tal-operaturi kkonċernati.

L-operaturi tat-trasport pubbliku jridu jipprovdu l-informazzjoni u d-dejta kollha lill-awtorità kompetenti sabiex din tal-aħħar tkun tista' tikkonforma mal-obbligi tagħha ta' pubblikazzjoni.

Biex jintlaħaq l-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tan-netwerk pubbliku ta’ trasport b’mod sinifikanti li jippermetti l-paragun ma’ netwerks pubbliċi oħra ta’ trasport f’qafas trasparenti u strutturat, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom biex jiżguraw b’mod volontarju l-faċilità ta’ aċċess għal din l-informazzjoni u li jippermettu li jsiru paraguni utli. Pereżempju, dan jista’ jfisser li l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq websajt ċentrali bħal dik ta’ assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti jew dik tal-ministeru tat-trasport. L-informazzjoni u d-dejta għandhom ukoll jiġu ppreparati b’mod li huwa metodoloġikament konsistenti u ppreżentati f’unitajiet komuni ta’ miżura.

2.5.2.   Artikolu 7(2) u (3). Possibbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-obbligi ta’ pubblikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi skont l-Artikolu 7(2) u (3)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ċerti obbligi taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 biex jippubblikaw l-għoti maħsub (u konkluż) tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 7(2) jiddikjara li mill-anqas sena qabel il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti jew l-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar il-kuntratt previst f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 7(3) jiddikjara li fi żmien sena mill-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku għas-servizzi ferrovjarji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar il-kuntratt mogħti.

Is-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw kampjun ta’ formoli u proċeduri li jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet. Bil-possibbiltà tal-użu mill-ġdid tad-dejta, il-formoli u l-proċedura ta’ pubblikazzjoni għandhom jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti, jekk dawn ikunu jixtiequ, biex jiksbu sinerġiji bil-pubblikazzjoni ta’ sejħa pubblika għall-offerti għas-servizzi skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

II-formoli ġew imfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

biex jagħtu aċċess faċli lill-awtoritajiet għall-applikazzjoni tal-web, biex jinnavigaw fl-applikazzjoni tal-web u biex ikunu jinftiehmu u ċari;

biex jiddistingwu b’mod ċar ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 mir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni taħt id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE;

biex jitolbu livell ta’ dettall ta' informazzjoni li ma jkunx meqjus bħala piż żejjed u għalhekk ikun jista’ jiġi aċċettat mill-awtoritajiet;

biex ikunu adattati għall-ħolqien ta’ statistika utli dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi u għalhekk dwar l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

Matul l-2013, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għamel disponibbli proċedura ta’ pubblikazzjoni onlajn fuq “eNotices” (35). Il-proċedura hija bbażata fuq il-kampjun ta’ formoli għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 7(2) u 3 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija b'mod dirett għat-trasport ferrovjarju f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 7(3) hija magħmula fuq bażi volontarja.

2.5.3.   Artikolu 7(4). Dritt tal-partijiet interessati li jitolbu informazzjoni dwar il-kuntratti għal servizzi pubbliċi li għandhom jingħataw qabel id-data attwali tal-għotja

L-Artikolu 7(4) jipprovdi li awtorità kompetenti, meta tiġi mitluba dan minn parti interessata, għandha tibgħat ir-raġunijiet għall-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku. Il-Premessa 30 tiddikjara li “kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu suġġetti għal aktar trasparenza.” Din għandha tinqara flimkien mal-Premessa 29, li tiddikjara l-ħtieġa li tiġi ppubblikata l-intenzjoni li jingħata kuntratt u li l-operaturi pubbliċi potenzjali ta’ servizz ikunu jistgħu jirreaġixxu. Awtorità kompetenti trid tistabbilixxi l-intenzjoni tagħha li tagħti kuntratt b'mod dirett f'mill-inqas sena bil-quddiem, peress li din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 7(2), b’mod partikolari l-punt (b)). Għaldaqstant, il-partijiet interessati jitqiegħdu f'sitwazzjoni li jifformulaw mistoqsijiet żmien twil qabel jingħata l-kuntratt, li jseħħ sa mhux aktar tard minn sena wara. Sabiex tingħata protezzjoni legali effettiva, l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 7(4) għandha tiġi provduta mingħajr dewmien żejjed.

Mid-definizzjoni tagħhom stess, il-fatt li l-kuntratti jsiru aktar trasparenti huwa relatat ukoll mal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Għaldaqstant, it-trasparenza akbar meħtieġa mill-premessa 30 ma timplikax biss trasparenza wara l-għoti ta’ kuntratt, iżda hija relatata wkoll mal-proċedura qabel ma l-kuntratt jingħata effettivament lill-operatur pubbliku kkonċernat.

2.6.   Arranġamenti ta' tranżizzjoni

Dan il-kapitolu jipprovdi gwida interpretattiva dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar arranġamenti ta' tranżizzjoni li jikkonċernaw kuntratti mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u dawk mogħtija matul il-perjodu trażitorju mill-2009 sa Diċembru 2019.

2.6.1.   Artikolu 8(2). Kamp ta' applikazzjoni tal-perjodu ta' trażizzjoni ta' 10 snin li jibda mit-3 ta' Diċembru 2009

L-Artikolu 8(2) jiddikjara li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 tiegħu, “l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma mal-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019.” Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment mal-Artikolu 5 biex jevitaw problemi strutturali serji, b’mod partikolari relatati mal-kapaċità ta’ trasport.

L-Artikolu 8(2) jirreferi għall-Artikolu 5 fl-intier tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-kuntest huwa pertinenti biss l-Artikolu 5(3) li jikkonċerna l-obbligu li jiġu applikati proċeduri miftuħa, trasparenti, mhux diskriminatorji u ġusti meta jingħataw kuntratti għal servizzi pubbliċi. Kif iddikjarat fil-premessa 31, l-objettiv tad-dispożizzjonijiet ta’ trażizzjoni huwa li jingħata biżżejjed żmien lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ta’ servizz pubbliku biex jadattaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. L-obbligu impost fuq l-Istati Membri biex jikkonformaw gradwalment mal-Artikolu 5 huwa raġonevoli biss fir-rigward tal-obbligu li jiġu applikati proċeduri miftuħa, trasparenti, mhux diskriminatorji u ġusti meta jingħataw kuntratti għal servizzi pubbliċi. Ma jkunx jagħmel sens li l-Istati Membri japplikaw “gradwalment” il-kunċett ta’ operatur intern jew l-eċċezzjonijiet iddefiniti fil-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 peress li jintroduċu dispożizzjonijiet inqas stretti meta mqabbla mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat u l-ġurisprudenza korrispondenti. Ma jidhirx raġonevoli wkoll li wieħed jgħid li l-leġiżlatur ried jipposponi l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 5(7) dwar il-garanziji proċedurali u r-reviżjoni ġuridika sat-3 ta’ Diċembru 2019.

2.6.2.   Artikolu 8(2). Obbligi tal-Istati Membri matul il-perjodu ta' tranżizzjoni sat-2 ta' Diċembru 2019

L-Artikolu 8(2) jipprovdi li fi żmien sitt xhur mill-ewwel nofs tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (sat-3 ta’ Mejju 2015), “l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5.” Dan jindika b’mod ċar li l-Istati Membri ma jistgħux jistennew sat-2 ta’ Diċembru 2019 qabel ma jibdew jikkonformaw mar-regola ġenerali li tiżgura proċeduri ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi li huma miftuħa għall-operaturi kollha fuq bażi ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jikkonformaw gradwalment mar-rekwiżit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni biex jevitaw sitwazzjoni fejn il-kapaċità ta’ trasport disponibbli fis-suq pubbliku tat-trasport ma tħallix lill-operaturi tat-trasport jirrispondu b’mod sodisfaċenti għall-proċeduri kollha ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti li titnieda fl-aħħar tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

2.6.3.   Artikolu 8(3). Tifsira ta' “tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4”

L-Artikolu 8(3)(d) jiddikjara li l-kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija “mis- 26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti (…) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.”

Il-Kummissjoni tqis li t-terminu “mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jaħdmu biex jiksbu l-objettivi tar-Regolament mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu fit-3 ta' Diċembru 2009. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun raġonevoli jekk jitqies li t-tul tal-kuntratti għal servizzi pubbliċi għandu jkun simili għal dawk indikati fl-Artikolu 4.


(1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

(2)  DLA Piper, “Study on the implementation of Regulation (EC) No1370/2007 on public passenger transport services by rail and by road”, 31 ta' Ottubru 2010, ippubblikat fuq http://ec.europa.eu/transport/modes/rail/studies/rail_en.htm

(3)  Id-dokumenti dwar il-konferenza huma ppubblikati fuq http://ec.europa.eu/transport/modes/rail/events/2011-11-14-workshop_en.htm

(4)  Proposta għal regolament tal-parlament ewropew u tal-kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku, tal-passiġġieri, COM/2013/028 final

(5)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(6)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(7)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(8)  Imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2014/25/UE.

(9)  Imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2014/24/UE.

(10)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 1.

(11)  ĠU L 175, 13.7.1996, p. 7.

(12)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), (trid tiġi ppubblikata)

(14)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1.

(15)  Kawża C-179/90 Merci Convenzionali Porto di Genova SpA v Siderurgica Gabrielli SpA (1991) Ġabra I-5889, paragrafu 27. Kawża C-242/95 – GT-Link A/S v De Danske Statsbaner (DSB) (1997) Ġabra I-4449, paragrafu 53. Kawża C-266/96 Corsica Ferries France SA v Gruppo Antichi Ormeggiatori del Porto di Genova Coop, arl et al (1998) Ġabra I-3949, paragrafu 45.

(16)  Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht (2003) Ġabra I-7747.

(17)  Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni għas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali f'setturi oħrajn. Ara, b'mod partikolari, il-punt 48 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

(18)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 588/2002 – Ir-Renju Unit, BSO – Għotja għal servizzi tax-xarabank fuq distanza twila.

(19)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(20)  Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva 2001/23/KE hija applikabbli għal trasferiment ta' impriża li jseħħ wara l-proċedura ta' sejħa għall-offerti għall-għoti ta' kuntratt għal servizz pubbliku. F'setturi ta' attività bbażata fuq assi tanġibbli, bħat-trasport bix-xarabank jew bil-ferrovija, id-Direttiva tapplika jekk jiġu ttrasferiti assi tanġibbli sinifikanti. L-eżistenza ta' trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE mhijiex prekluża mill-fatt li s-sjieda tal-assi tanġibbli użati qabel minn ċedent u akkwistati minn ċessjonarju ma tiġix trasferita, pereżempju f'każ li l-assi tanġibbli akkwistati mill-kuntrattur il-ġdid ma kienux jappartjenu lill-predeċessur tiegħu iżda ġew provduti mill-awtorità kontraenti; f'dan ir-rigward ara l-Memorandum tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema f'każijiet ta' trasferimenti ta' impriżi fuq: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=707&langId=en&intPageId=208

(21)  Kawża C-324/07 Coditel Brabant SA v Commune d’Uccle u Région de Bruxelles-Capitale (2008) Ġabra I-8457, paragrafu 30.

(22)  Il-ġurispudenza relatata ma’ “impriżi interni” ma tirreferix għal kundizzjoni li ma tħallix lil dawk l-impriżi jieħdu sehem f’sejħiet kompetittivi għall-offerti barra t-territorju tal-awtorità kompetenti. Madankollu, il-ġurisprudenza indikat b’mod ċar li impriża li ssir orjentata lejn is-suq tagħmel il-kontroll tal-muniċipalità dgħajjef (ara, Kawża C-458/03 Parking Brixen GmbH v Gemeinde Brixen u Stadtwerke Brixen AG (2005) Ġabra I-08585.)

(23)  Ara pereżempju l-Premessa 20 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007: “Meta awtorità pubblika tagħżel li tafda servizz ta' interess ġenerali lil parti terza, hija għandha tagħżel l-operatur ta' servizz pubbliku skond il-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, kif stabbilit mill-Artikoli 43 sa 49 tat-Trattat tal-KE, u l-prinċipji tat-trasparenza u trattament ugwali.”

(24)  Kawża C-337/98 Kummissjoni v Franza (2000) Ġabra I-8377, paragrafu 44 u 46, Kawża C-454/06 pressetext Nachrichtenagentur (2008) Ġabra I-4401, paragrafu 34) u Kawża C-91/08 Wall AG (2010) Ġabra I- 02815, paragrafu 37 u 38.

(25)  Fil-Kawża Wall AG, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li bidla fis-sottokuntrattur, anke jekk il-possibbiltà ta' bidla hija prevista fil-kuntratt, f'każijiet eċċezzjonali tista' tikkostitwixxi emenda sostanzjali għal waħda mid-dispożizzjonijiet essenzjali ta' konċessjoni ta' kuntratt fejn l-użu ta' sottokuntrattur wieħed aktar milli ieħor kien, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-servizzi kkonċernati, fattur deċiżiv għall-konklużjoni tal-kuntratt, li fi kwalunkwe każ il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika dan.

(26)  Speċjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.01.2012, p. 3) u l-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (ĠU C 8, 11.01.2012, p. 15).

(27)  Madankollu, ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 360/2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8) japplika għat-trasport fuq l-art.

(28)  Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (2003) Ġabra I-7747. Ara, b'mod partikolari, it-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens fornut għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

(29)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(30)  Ara b’mod partikolari l-punt 61 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

(31)  Il-punt 69 tal-Komunikazzjoni SIEĠ.

(32)  Fil-Komunikazzjoni SIEĠ tingħata gwida ulterjuri dwar dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala “impriża tipika mmexxija tajjeb”. Ara b’mod partikolari l-punti 70-76.

(33)  Ara b’mod partikolari l-punt 7 tal-Anness tar-Regolament.

(34)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32. Ara l-Artikolu 6 dwar is-separazzjoni tal-kontijiet tal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi infrastrutturali tal-ferrovija.

(35)  http://simap.europa.eu/enotices/choiceLanguage.do