52014SC0419

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Valutazzjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma u tal-programm ta' stabilità tal-2014 għal_x000b_MALTA /* SWD/2014/0419 final */


                Werrej

Sommarju Eżekuttiv. 3

1............ Introduzzjoni 3

2............ Is-sitwazzjoni ekonomika u l-perspettivI. 4

3............ L-isfidi u l-valutazzjoni tal-aġenda ta' politika. 5

3.1......... Il-politika fiskali u tassazzjoni 5

3.2......... Is-Settur finanzjarju. 13

3.3......... Il-politiki tas-suq tax-xogħol, tal-edukazzjoni u dawk soċjali 15

3.4......... Miżuri strutturali li jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. 19

3.5......... Il-Modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. 22

4............ Konklużjonijiet 23

Tabella b'ħarsa ġenerali 25

Anness. .....................................................................................................................................29

Sommarju Eżekuttiv

Il-perspettiva ekonomika għal Malta hija aħjar minn dik medja tal-UE u taż-żona tal-euro. It-tkabbir reali tal-PDG qabeż 'l quddiem fl-2013 u laħaq 2.4%, biex b'hekk għeleb ir-reċessjoni mtawla fl-attività tal-investiment kif ukoll it-tnaqqis fl-esportazzoni tal-prodotti. It-tkabbir ekonomiku huwa pprojettat li jibqa' qawwi, b'medja ta' 2.3% matul l-2014-15, skont il-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, imbuttat 'l quddiem mid-domanda domestika. L-attività ekonomika mistennija li tkompli takkomoda espansjoni tal-forza lavorattiva b'żieda relattivament qawwija fl-impjiegi, filwaqt li r-rata tal-qgħad hija pprojettata li tibqa' stabbli fil-livell ta' 6.5%. Ċiklu ta' proġetti kbar ta' investiment fl-2014-15, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, mistenni li jipprovdi imbuttatura ulterjuri, li jkollha effetti pożittivi li jkomplu jinfirxu fuq perjodu ta' żmien medju.

Malta għamlet xi progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż tal-2013. Sar progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa, u fit-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja. Sar xi progress ukoll fejn tidħol il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-baġit, it-titjib tar-riżultati miksuba mill-edukazzjoni, ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja u t-titjib tal-effiċjenza tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Il-biċċa l-kbira tar-riformi, iżda, ikollhom impatt biss fuq perjodu ta' żmien medju sa twil. Il-progress biex tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt impurtat kien limitat, u ma ttieħdu l-ebda passi sinifikanti fir-riforma tas-sistemi tal-pensjoni u tas-saħħa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom għat-tul.

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri ta' politika biex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jkompli jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-isfidi partikolari baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess matul is-sena li għaddiet, u jikkonsistu minn:

Il-konsolidazzjoni fiskali: Malta għadha għaddejja bil-proċess tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-baġit. Qafas fiskali sod u vinkolanti fuq perjodu medju ta' żmien, kif ukoll tnaqqis fl-evażjoni tat-taxxa huma sfidi addizzjonali fit-triq lejn l-objettiv fuq perjodu ta' żmien medju; Is-sostenibilità għat-tul: il-kosti baġitarji, li huma pprojettati li jkunu għolja għat-tul, minħabba ż-żieda fl-età tal-popolazzjoni jitolbu riformi b'ambitu wiesa' fis-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa; Il-kapital uman u s-suq tax-xogħol: nuqqas ta' konformità bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq, kif ukoll rata ta' impjieg baxxa fost in-nisa u l-anzjani jindikaw li hemm il-ħtieħa ta' azzjoni sostnuta ta' politika; Il-kompetittività esterna: it-tneħħija tal-ineffiċjenza fl-ambjent tan-negozju biex tinżamm il-kompetittività esterna u biex jinġibdu l-investimenti barranin hija sfida kontinwa. F'dan ir-rigward l-ineffiċjenzi fis-sistema tal-enerġija, tal-ġustizzja u tal-akkwist pubbliku għadhom żvantaġġi partikolari. Il-livell għoli tad-dejn, u l-ingranaġġ fis-settur pubbliku, flimkien mal-kosti għolja tal-iffinanzjar, huma sfida ulterjuri.

Il-programm nazzjonali ta' riforma, u l-programm ta' stabilità jirrikonoxxu l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-programm ta' stabilità jfisser l-istrateġija ta' konsolidazzjoni għall-2014 u jikkonferma l-objettiv li fuq perjodu medju li baġit jiġi ibbilanċjat f'termini strutturali, li għandu jintlaħaq lil hinn mill-orizzont tal-programm, iżda ma jispeċifikax il-miżuri biex dan l-objettiv jintlaħaq. Il-programm nazzjonali ta' riforma jfisser sett ta' miżuri li huma kemmxejn adegwati, u anki jmur lil hinn mill-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjż, ħlief fejn jolqot is-sostenibilità għat-tul tal-finanzi pubbliċi.

1. Introduzzjoni 

F’Mejju 2013, il-Kummissjoni pproponiet sett ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) għal politiki ta’ riforma ekonomiċi u strutturali f'Malta. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta sitt CSRs fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'Lulju 2013. Dawn is-CSRs kienu jikkonċernaw il-finanzi pubbliċi, is-sostenibilità għat-tul tal-finanzi pubbliċi, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni, l-enerġija u t-trasport, l-istabilità finanzjarja u l-effiċjenza tal-ġustizzja. Dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet f’Malta.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jivvaluta l-miżuri ta’ politika fid-dawl tas-sejbiet tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir tal-Kummissjoni 2014 (AGS)[1] u t-tielet Rapport annwali dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR)[2], li kienu ppubblikati f’Novembru 2013. L-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir jippreżenta proposti tal-Kummissjoni biex jintlaħaq il-fehim komuni neċessarju dwar il-prijoritajiet għal azzjoni fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE fl-2014. Huwa jidentifika ħames prijoritajiet biex jiggwida lill-Istati Membri lejn tkabbir mill-ġdid: l-implimentazzjoni ta' konsolidazzjoni fiskali differenzjata, li tgħin lit-tkabbir; ir-restawr tas-self normali lill-ekonomija; il-promozzjoni ta' tkabbir u kompetittività għal-lum u għada l-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jinkludi tabella ta' valutazzjoni b'indikaturi ċentrali dwar l-impjiegi u dwar is-sitwazzjoni soċjali, filwaqt li l-AMR iservi ta' strumenti inizjali għall-analiżi biex jiġi aċċertat jekk l-iżbilanċi makroekonomiċi jeżistux jew jekk ikun hemm ir-riskju li dawn jitfaċċaw fl-Istati Membri. L-AMR sab sinjali pożittivi li l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Ewropa qed jiġu kkoreġuti. Biex jiżguraw li jinkiseb bilanċ mill-ġdid komplut u durabbli, Malta u 15-il Stat Membru ieħor ġew magħżula għal rieżami tal-iżviluppi fl-akkumulazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi. Dawn l-analiżi dettaljati ġew ippubblikati fil-5 ta' Marzu 2014.[3]

Fuq l-isfond tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013, l-AGS, l-AMR, u l-analiżi dettaljata, Malta ppreżentat aġġornamenti tal-programm nazzjonali ta’ riforma (NRP) tagħha fis-16 ta' April 2014 u tal-programm ta’ stabbiltà tagħha fit-30 ta' April 2014. Dawn il-programmi jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-progress li sar minn Lulju 2013 u dwar pjanijiet tal-gvern. L-informazzjoni f'dawn il-programmi tipprovdi l-bażi tal-valutazzjoni ppreżentata f'dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

Il-programmi ppreżentati għaddew minn proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi lil dawk interessati permezz tal-Kumitat ta' Azzjoni bejn Malta u l-UE kif ukoll il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. L-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali ta' riforma hija imbagħad suġġetta għal valutazzjoni mill-gvern darbtejn fis-sena.

2. Is-sitwazzjoni ekonomika u l-perspettivi

Is-sitwazzjoni ekonomika

L-attività ekonomika ssorprendiet, b'mod pożittiv, fl-2013 It-tkabbir reali tal-PDG aċċellera għal 2.4% fl-2013. Huwa kien imbuttat 'l quddiem mill-konsum domestiku, appoġġjat minn prestazzjoni robusta tas-suq tax-xogħol, fejn kien hemm żieda fir-rata tal-parteċipazzjoni li kompliet toqrob lejn il-medja tal-UE, għalhekk minn bażi baxxa. Fl-istess ħin, ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa, fil-livell ta' 6.5%. Il-provvista għolja ta' forza lavorattiva serviet ta' trażżin fuq il-pagi, u l-paga medja żdiedet b'anqas minn 1% fuq is-sena. Iż-żieda fil-konsum privat kienet parzjalment ibbilanċjata minn tnaqqis fl-esportazzjoni akbar milli kien mistenni, b'mod partikolari l-esportazzjoni tal-prodotti. Dan wassal għal kontribut negattiv għat-tkabbir mill-esportazzjonijiet netti, għall-ewwel darba mill-2006. Minkejja s-sentiment ekonomiku aħjar, l-attivita fejn jidħlu l-investimenti baqgħat dgħajfa. L-investimenti privati naqsu għat-tielet sena konsekuttiva u s-self lil ditti mhux finanzjarji naqas. Minkejja s-sorpriża pożittiva fl-2013, it-tkabbir ekonomiku kien aktar baxx mill-medja ta' qabel il-kriżi.

Il-perspettiva ekonomika

Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, it-tkabbir ekonomiku huwa pprojettat li jibqa' relattivament qawwi meta mqabbel ma' Stati Membri oħra taż-żona tal-euro, u għandu jkun fil-livell ta' 2.3% fl-2014-15. Il-muturi tat-tkabbir huma pprojettati li jkunu l-aktar id-domanda domestika, fejn huma mistennija li, lil hinn mill-orizzont tal-previżjoni, jikbru kemm il-fiduċja tal-konsumaturi kif ukoll dik tan-negozju hekk kif is-sentiment ekonomiku jistabbilizza kemm f'Malta kif ukoll barra. Għadd ta' proġetti kbar ta' investimenti fl-2014-15, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija, ukoll mistennija li jipprovdu imbuttatura, għalkemm jekk dawn jittardjaw, dan ikun ta' riskju għal dawn il-projezzjonijiet. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol huma pprojettati li jibqgħu favorevoli u l-impjiegi mistennija li jibqgħu jiżdiedu bir-rata ta' 2.1%, li tirriflettu fuq l-għadd ta' persuni li jagħżlu li jaħdmu. Is-suq tax-xogħol huwa pprojettat li jkun jista' jassorbi għal kollox żieda ulterjuri fil-provvista ta' ħaddiema. biex b'hekk ir-rata tal-qgħad tibqa' stabbli fil-livell ta' 6.5%. L-isforzi tal-gvern biex ibaxxi t-tariffi tal-utilitajiet għall-unitajiet domestiċi fl-2014, miżura li mistennija tiġi estiża għan-negozji, huma pprojettati li jwasslu għal perspettiva ta' inflazzjoni moderata tal-prezzijiet.

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabilità huwa plawżibbli Iż-żewġ programmi jikkondividu l-istess xenarju makroekonomiku. Il-projettazzjonijiet għall-2014-15 huma marġinalment aktar baxxi minn dawk li hemm fil-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni. Il-perspettiva fejn jidħol is-suq tax-xogħol ukoll huwa bejn wieħed u ieħor fi ħdan il-previżjoni tal-Kummissjoni. Fis-snin imbiegħda tal-perjodu tal-programm, il-prospetti tat-tkabbir għadhom kawti u huma skont it-tkabbir potenzjali kif stmat mill-Kummissjoni.

Il-programm nazzjonali ta' riforma jistma l-impatt tar-riformi strutturali f'oqsma magħżula fejn jidħol it-tkabbir Il-programm janalizza l-impatt tar-riformi fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu l-impjiegi, u biex fl-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ħiliet u biex fir-riċerka u l-iżvilupp jiżdied l-investiment relatat. Ir-riżultati juru li r-riformi fis-suq tax-xogħol huma stmati li jkollhom l-akbar impatt, li jirriżulta fi tkabbir fil-PDG ta' 0.22 pp, relattiva mal-linja bażi fl-ewwel sena wara l-implimentazzjoni, u jilħaq 0.55 pp, gġaxar snin wara l-implimentazzjoni. L-akbar impatt taż-żieda fl-investiment għar-riċerka u l-innovazzjoni jkun f'termini taż-żieda tat-tkabbir reali fil-pagi fl-ekonomija. Ir-riżultati huma bbażati fuq il-mudell QUEST, żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea u adattat għall-ekonomija Maltija.

3. L-isfidi u l-valutazzjoni tal-aġenda ta' politika 3.1. Il-politika fiskali u tassazzjoni

L-iżviluppi baġitarji u d-dinamiċi tad-dejn

Il-programm jikkonferma l-impenn ta' Malta li twettaq ir-rakkomandazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP) Fil-programm ta' stabilità tagħha tal-2014, Malta indikat l-intenzjoni li d-defiċit tal-gvern ġenerali tagħha tnaqqsu gradwalment matul il-perjodu tal-programm, biex jinżel għal 0.3% tal-PDG fl-2017. Dan jimplika progress gradwali lejn l-obkettiv fuq perjodu medju, li huwa definit bħala pożizzjoni bilanċjata f'termini strutturali (ma nbidilx mill-programm preċedenti), għalkemm l-implimentazzjoni reali tal-objettiv fuq perjodu medju mhix mistennija li tinkiseb fil-perjodu tal-programm. Il-programm ta' stabilità għandu l-intenzjoni li d-defiċit tal-gvern ġenerali jkompli jitniżżel għal 2.1% tal-PDG, li huwa 'l isfel sew mill-mira takkomandata fl-EDP. Il-programm għandu l-intenzjoni li ssir bidla kumulattiva fil-bilanċ strutturali (rikalkolat)[4] ta' 1.6 pp tal-PDG matul l-2013 u l-2014, mifruxa b'mod inugwali, bi sforz ta' madwar 1% tal-PDG fl-2013, u progress ta' 0.6% tal-PDG fl-2014. Dan huwa konformi tat-triq rakommandata għad-defiċit f'termini strutturali (titjib annwali ta' 0.7% tal-PDG kemm fl-2013 kif ukoll fl-2014)

L-eżitu tal-2013 irrifletta t-tkabbir ekonomiku qawwi li mbotta 'l quddiem id-dħul kurrenti Meta mqabbel mat-3.3% tal-PDG fl-2012, it-tnaqqis fid-defiċit nominali għal 2.8% tal-PDG fl-2013 irrifletta t-tkabbir ekonomiku qawwi, suq tax-xogħol robust kif ukoll xi miżuri diskrezzjonali li mbuttaw 'l quddiem id-dħul kurrenti b'1.2 pps tal-PDG ('l fuq sew mit-tkabbir nominali tal-PDG). B'mod partikolari, it-taxxi tad-dħul żdiedu b'mod sostanzjali meta mqabbla mas-sena ta' qabel, filwaqt l-irkupru fil-konsum kien ta' sostenn għat-tasszzjoni indiretta. Iż-żieda fid-dħul kurrenti u r-restrizzjonijiet fl-infieq fil-konsum intermedjarju aktar mill-bbilanċjaw iż-żieda kemm fl-impjieg pubbliku, fl-infieq soċjali u fin nefqa kapitali netta (b'0.6 pps tal-PDG), imbuttata 'l quddiem l-aktar minn trasferiment kapitali addizzjonali lill-Air Malta.

It-tnaqqis ippjanat fid-defiċit huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq miżuri ta' żieda tad-dħul Fl-2014 il-mira hija li d-defiċit jinżel għal 2.1% tal-PDG, f'konformità mal-aġġornament ta' qabel, u quddiem l-isfond ta' reviżjoni 'l fuq fit-tkabbir tal-PDG reali (għal 2.3% fil-programm ta' qabel), imbuttat mid-domanda domestika. B'mod partikolari, il-mira ffissata fl-aġġornament ta' qabel kienet ikkonfermata mid-DBP[5] u mir-Rapport Baġitarju ta' matul is-sena[6], ippreżentati lill-Kummissjoni fis-16 ta' April 2014. Il-mira tinkorpora l-impatt tal-baġit tal-2014 li ġie approvat mill-Parlament f’Novemberu 2013, li jinkludi l-aktar miżuri li jkabbru d-dħul, fil-waqt li jintroduċu mill-ġdid restrizzjonijiet fuq l-ingaġġ, b'impatt ta' tnaqqis tad-defiċit ta' 0.3 tal-PDG (ara l-Kaxxa 2). Il-baġit tal-2014, ukoll, inkluża żewġ mżuri ta' dħul li l-impatt baġitarju tagħhom mhux inkorporat fil-programm ta' tasbilità, jiġifieri l-Iskema ta' Reġistrazzjoni ta' Investiment kif ukoll miżura li għandha l-intenzjoni li tinċentiva lis-sidien iqiegħu l-proprjetà battala tagħhom fis-suq uffiċjali tal-kiri (ara Kaxxa 2). Fis-snin ta' wara, l-intenzjoni tal-programm hija li d-defiċit nominali jitnaqqas b'mod inugwali, b'konsolidazzjoni akbar immirata għall-2016. B'mod partikolari, it-tnaqqis fid-defiċit ippjanat għall-2016 huwa dovut għal tnaqqis sinifikanti fin-nefqa kapitali minn kemm it-tmiem mistenni tat-trasferimenti kapitali lill-AirMalta, kif ukoll mil-livell anqas ta' infieq fuq proġetti ffinanzjati mill-UE.

Kaxxa 2. Miżuri baġitarji ewlenin (% tal-PDG) L-istrateġija ta' konsolidazzjoni fil-baġit tal-2014 approvat f'Novembru 2013 tistrieħ l-aktar fuq miżuri ta' dħul, peress li l-miżuri ta' dħul diskrezzjonali mistennija li jkunu relattivament newtrali Il-programm ta' stabilità ma jinkludix l-impatt baġitarju ta' tnejn mill-miżuri inklużi fil-baġit tal-2014, jiġifieri l-Iskema ta' Reġistrazzjoni tal-Investiment, li tagħti l-opportunità lil residenti Maltin li għandhom assi eliġibbli (inklużi kontijiet bankarji u investimenti barranin oħra) barra 'l pajjiż biex jirreġistrawhom b'mod legali kontra penali kif ukoll miżura li għandha l-intenzjoni li tinċentiva lis-sidien li jqiegħu l-proprjetà battala li għandhom fuq is-suq uffiċjali tal-kirjiet permezz tal-introduzzjoni ta' reġim ġdid ta' taxxa għad-dħul mill-kera, li bih is-sidien li jikru proprjetà residenzjali jkollhom l-għażla li japplikaw għal taxxa finali minn ras il-għajn 15% fuq id-dħul mill-kera jew ir-rati progressivi normali tad-dħul personali.

|| ||

|| Dħul || Nefqa ||

|| 2014 ||

(1) · Żieda f'diversi rati ta' dazju tas-sisa (0.3 tal-PDG) · Inizjattiva ta' riforma tal-pensjonijiet (0.1% tal-PDG) · Reviżjoni fil-faxxa tat-taxxa tad-dħul (-0.2% tal-PDG) · Il-Programm tal-Investitur Internazzjonali (0.1% tal-PDG) || · Restizzjonijiet fuq l-ingaġġ fis-settur pubbliku (-0.1% tal-PDG) · Introduzzjoni ta' benefiċċju għat-tfal u assistenza lill-anzjani (0.1% tal-PDG) · Ristrutturar tal-AirMalta (akkwist ta' ekwità) (0.2% tal-PDG) || (2)

|| 2015 ||

(3) · Inizjattiva ta' riforma tal-pensjonijiet (0.1% tal-PDG) · Żieda f'diversi rati ta' dazju tas-sisa (0.2% tal-PDG) · Reviżjoni fil-faxxa tat-taxxa tad-dħul (-0.2% tal-PDG) · Il-Programm tal-Investitur Internazzjonali (0.1% tal-PDG) || · Restizzjonijiet fuq l-ingaġġ fis-settur pubbliku (-0.1% tal-PDG) · Żieda fil-benefiċċju tat-tfal (0.1% tal-PDG) · Iffrankar fit-trasferimenti soċjali minħalla l-impatt gradwali tar-riforma tal-2006 tal-pensjonijiet (-0.2% tal-PDG) · Ristrutturar tal-AirMalta (akkwist ta' ekwità) (0.6 %) || (4)

|| 2016 ||

(5) || · Restizzjonijiet fuq l-ingaġġ fis-settur pubbliku (-0.1% tal-PDG) · Ristrutturar tal-AirMalta (akkwist ta' ekwità) (0.6 %) || (6)

|| 2017 ||

(7) || · Restizzjonijiet fuq l-ingaġġ fis-settur pubbliku (-0.1% tal-PDG) || (8)

|| Nota: L-impatt baġitarju fit-tabella huwa l-impatt irrappurtat fil-programm, jiġifieri mill-awtoritajiet nazzjonali. Sinjal pożittiv (+) jindika li d-dħul/fl-infieq żdied bħala konsekwenza tal-miżura. Il-grad ta' dettall jirrifletti l-informazzjoni disponibbli fil-programm ta' stabilità. ||

Il-bilanċ tar-riskji għall-miri ta' defiċit fil-programm huwa mxaqleb lejn in-naħa negattiva Ir-riskji ta' ċaqlieq 'l isfel huma marbuta mal-projezzjonijiet tad-dħul, speċjalment fejn jidħlu t-taxxi indiretti, li skont il-pjan għandhom jitilgħu gradwalment fil-programm ta' stabilità, iżda dan mhux spjegat mix-xenarju makroekonmiku sottostanti. Barra minn dan, iz-zieda fid-dħul strutturali ppjanata matul il-perjodu tal-programm mhux għal kollox mirfuda b'miżuri. Ukoll, minkejja l-impenn qawwi biex jiġi ristrett l-ingaġġ, jeżisti riskju li jkun hemm varjazzjonijiet negattivi fil-kont tal-pagi fis-settur pubbliku, kif ukoll fil-konsum intermedju. Barra minn dan, anki fl-2014 jistgħu jkunu meħtieġa żborsi ogħla minn kemm ibbaġittjat minħabba l-iskema ta' rifużjoni tal-VAT fuq il-karozzi, kif ukoll minħabba s-sussidji ogħla meħtieġa biex tiffunzjona s-sistema ta' trasport (sabiex jitneħħew ir-rati differenti għar-residenti u l-barranin u biex jiżdiedu rotot ġodda). Min-naħa l-oħra, jista' jkun hemm riskju pożittiv jekk jirriżulta li  l-programm taċ-ċittadinanza jkun aktar attraenti u, kif ta' spiss ġara fil-passat, in-nefqa kapitali netta tkun anqas milli ppjanat.

Il-previżjoni tal-Kummissjoni tipprojetta defiċit ogħla mill-miri nazzjonali Il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2014 tipprojetta defiċit ta' 2.5 tal-PDG. Id-differenza, imqabbla mal-programm ta' stabilità hija spjegata l-aktar minn previżjoni aktar prudenti ta' dħul mit-taxxa, speċjalment taxxi indiretti (ikkumpensati parzjalment minn taxxi tad-dħul ogħla) f'konformità mal-projezzjoni tal-Kummissjoni għall konsum privat u nefqa kurrenti aktar dinamika projettata, speċjalment għall-kumpens ta' impjegati u t-trasferimenti soċjali. Fl-aħħar nett, il-projezzjonijiet ta' defiċit tal-Kummissjoni għall-2014, f'konformità mal-approċċ prudenti adottat mill-gvern, ma jinkludux l-impatt baġitarju tal-iskema tar-reġistrazzjoni tal-investiment u r-reġim il-ġdid ta' taxxa għad-dħul mill-kirjiet. Għall-2015, id-differenza bejn il-mira fil-programm ta' stabilità u t-tbassir tal-Kummissjoni meta tassumi li ma jkun hemm l-ebda tibdil fil-politika hija indikata li tkun 0.9 pp tal-PDG.

Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, l-aġġustament strutturali kumulattiv matul l-2013 u l-2014 huwa anqas mill-ammonti rakkomandati mill-Kunsill. Id-defiċit nominali huwa pprojettat li jkun taħt il-mira tal-EDP irrakkomandata għall-2014. Madankollu, it-tibdil fil-bilanċ strutturali f'termini kumulattivi fl-2013-14 huwa anqas minn dak li huwa rakkomandat. Meta jsir l-aġġustament għall-iżviluppi mhux mistennija ta' dħul, u t-tibdil fl-istimi tat-tkabbir potenzjali, id-differenza mal-mira rrakkomandata hija stmata li tilħaq 1.6% tal-PDG. Il-valutazzjoni minn isfel għal fuq tikkonferma r-riżultati ta' hawn fuq peress li l-isforz addizzjonali li sar fl-2013-14 huwa ta' -0.1% tal-PDG, li huwa anqas sew mill-1.15% tal-PDG li jitqies bħala neċessarju biex tintlaħaq il-mira strutturali rrakkomandata. Fl-aħħar nett, meta wieħed iqis li l-EDP tnediet abbażi ta' kemm id-defiċit kif ukoll id-dejn, il-kundizzjoni l-oħra biex id-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut hija dik li jintlaħaq il-livell ta' referenza li jħares 'l quddiem sal-iskandenza fl-2014. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, il-konformità mar-regola tad-dejn li tħares 'l quddiem mhux garantita fl-2013, filwaqt li jidher li hi garantita fl-2014.

Kaxxa 3. Il-proċedura dwar defiċit eċċessiv għal Malta

Malta bħalissa għaddejja mil-lat korrettiv tal-Patt. Il-Kunsill fetaħ' Proċedura Ġdida ta' Defiċit Eċċessiv abbażi kemm tad-defiċit kif ukoll tad-dejn fil-21 ta' Ġunju 2013. Saret ir-rakkomandazzjoni lil Malta li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2014, u fl-istess ħin li tara li l-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern joqrob lejn is-60% tal-valur ta' referenza tal-PDG b'pass sodisfaċenti.

Skont ir-rakkomandazzjoni, lil kienet ibbażata fuq il-preveizjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2013, Malta għandha tasal għal mira ta' defiċit nominali tal- gvern ġenerli ta/ 3.4% tal-PDG għall-2013, u ta' 2.7% tal-PDG għall-2014, li hu konsistenti ma' titjib annwali tal-bilanċ strutturali ta' 0.7% tal-PDG fl-2013 u 0.7% tal-PDG fl-2014. Din il-linja ta' aġġustament tippermetti li d-defiċit nominali jitniżżel taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG sal-2014 fil-waqt li fl-istess ħin tiżgura li l-proporzjoni ta' dejn gross tal-gvern joqrob lejn il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PDG b'pass sodisfaċenti.

Wara li tkun ikkoreġiet id-defiċit eċċessiv, Malta hija mistiedna li tkompli sejra bil-progress b'pass xieraq lejn l-objettiv tagħha fuq perjodu ta' żmien medu li tikseb baġit ibbilanċjat f'termini strutturali, inkluż billi tilħaq il-livell ta' referenza fejn tidħol in-nefqa. Sabiex jitnaqqsu r-riskju fejn tidħol l-eżekuzzjoni baġitarja, il-Kunsill stieden lil Malta ssaħħaħ l-effettività tal-qafas baġitarju tagħha u ttejjeb il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-baġit matul is-sena. B'mod partikolari, Malta ġiet mistiedna tistabbilixxi qafas fiskali pluriennal aktar vinkolanti, ibbażat fuq regoli. Barra minn dan, ir-rwol tal-korpi indipendenti li jissorveljaw il-politika fiskali għandhom jissaħħu, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 473/2013. Fl-aħħarnet, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni fiskali, l-awtoritajiet Maltin ġew mistiedna isaħħu l-konsolidazzjoni fiskali permezz ta' riformi strutturali komprensivi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lejn Malta fil-kunest tas-Semestru Ewropew tal-2013 u b'mod partikolari dawk relatati mal-lat preventiv tal-Proċedura dwar l-Iżbilanċi Makroekonomiċi.

Barra minn hekk, f'Diċembru 2013, il-Kummissjoni talbet lil Malta biex tikkonforma mar-rekwiżiti addizzjonali ta' rappurtar, li jikkumplmentaw ir-rapport inizjali eżistenti dwar azzjoni meħuda skont l-Artikolu 10(6)(b) tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 għall-iskopijiet tas-sorveljanza tal-progress lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u li jidentifika r-riskji possibbli għall-miri tad-defiċit. B'mod partikolari, il-Kummissjoni talbet lil Malta tinkludi fir-rapport semi-annwali tagħha valutazzjoni u kwantifikazjzoni tar-riskji finanzjarji assoċjati mar-responsabbilitajiet kontinġenti li jista' jkollhom impatti kbar fuq il-baġits pubbliċi, kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/85/UE.

Ħarsa ġenerali lejn l-istat preżenti tal-proċeduri dwar defiċit eċċessiv tista' tinkiseb minn hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/index_en.htm .

Skont l-informazzjoni mogħtija fil-programm ta' stabilità, it-tibdil fil-bilanċ strutturali fl-2015-17 huwa bejn wieħed u ieħor konformi mal-aġġustament annwali ta' 0.6% tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (Medium Term Objective - MTO) mitlub mill-Istati Membri li jkollhom dejn ogħla mil-livell ta' referenza ta' 60-% tal-PDG u fi żmijiet "la tajbin u lanqas ħżiena". Wara evalwazzjoni ġenerali tal-programm ta' stabilità ta' Malta, fl-2015 hija mistennija devjazzjoni minuri mil-linja ta' aġġustament lejn l-MTO. Fuq in-naħa l-oħra, abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni bl-ebda bidla fil-politika, it-tkabbir fin-nefqa ikun jeċċedi l-livell ta' referenza b'0.7 pp fl-2015, biex b'hekk jikkontribwixxi għad-deterjorament ta' 0.7 pps tal-PDG fil-bilanċ strutturali u l-ksur tal-livell ta' referenza għal devjazzjoni sinifikanti.

Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern ġenerali huwa ppjanat li jibda' nieżel. Minn 70.8% tal-PDG fl-2012, il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern ġenerali żdied għal 73.0% tal-PDG fl-2013 minħabba l-arretrati akkumulati mill-Enemalta ta' madwar 1.4% tal-PDG. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn mistenni li jonqos għal 69.5% tal-PDG fl-2014 u għal 63.9% fl-2017. L-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi, li jinkludi l-ħlas tal-arretrati kollha mill-Enemalta, mistenni li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tad-dejn fl-2014, filwaqt li, mill-2015 'l quddiem, id-dejn jonqos bil-għajnuna ta' bilanċi poiżittivi dejjem jiżdiedu. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni, il-proporzjon ta' dejn huwa pprojettat li jonqos b'xi 2 pp matul l-2014-15, wara l-ħlas lura ta' self mill-AirMalta u l-ikklerjar parzjali ta' xi arretrati tat-taxxa mill-Enemalta. Id-differenza ġejja minn projezzjonijiet agħar għall-bilanċ pożittiv primarju kif ukoll minn aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jżidi id-dejn, fl-2014, peress li l-projezzjoni tad-dejn tal-Kummissjoni tinkludi bissa parti mill-ikklerjar ta' xi arrettrati tat-taxxa mill-Enemalta (jiġifieri biss il-ħlas lura tal-arretrati akkumulati fl-2012). In-negozjar li għaddej dwar il-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta jkun ta' ġid għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-korporazzjoni biex b'hekk tiżdied il-probabilità li l-attetrati jitħallsu lura. Għaldaqstant, il-ħlas tal-arrretrati kollha tal-passaat mill-Enemalta jitqies bħala riskju pożittiv.

Sostenibbiltà għat-tul

Is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tidher li hija f'riskju fuq perjodu ta' żmien medju sa perjodu fit-tul Id-dejn tal-gvern (73.0% tal-PDG fl-2013, u mistenni jonqos għal 71.1% fl-2015) bħalissa jinsab fuq il-limitu ta' 60% tal-PDG, speċifikat fit-Tratta. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta' stabilità tnaqqas id-dejn għal taħt il-valur ta' referenza ta' 60% tal-PDG sal-2030. Malta jidher li qed taffaċċja riskji ta' livell medju għas-sostenibilità fiskali tagħha fuq perjodu ta' żmien medju. Id-distakk tas-sostenibilità fuq perjodu medju[7] li juri li l-isforz ta' aġġustament sal-2020 meħtieġ biex il-proporzjon ta' dejn jinġieb għal 60% tal-PDG fl-2030 huwa fil-livell ta' 1.6% tal-PDG, l-aktar minħabba l-livell għoli inizjali tad-dejn tal-gvern. Għat-tul, Malta jidher li għandha quddiemha riskji għolja ta' sostenibilità fiskali, l-aktar marbuta mal-kosti pprojettati li jinħolqu minn popolazzjoni li qed tikber fl-età. Fil-perjodu 2010-2060, in-nefqa fuq il-pensjonijiet pubbliċi hija prevista li tiżdied bi 5.5 pp tal-PDG, b'infieq fuq is-saħħa u l-kura għal żmien estiż mistennija tikber bi 2.9 pp u bi 0.9 pp rispettivament.[8] Id-distakk tas-sostenibilità għat-tul[9], li turi l-isforz ta' aġġustament meħtieġ biex jiġi żgurat li l-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG mhux jinsab fuq direzzjoni li dejjem tiela' 'l fuq, huwa ta' 6.2% tal-PDG. Ir-riskji jkunu ogħla f'każ li l-bilanċ primarju strutturali jmur lura lejn valuri aktar baxxi, li dehru fil-passat, bħall-medja għall-perjodu 2004-2013.

Fl-2013 Malta rċeviet rakkomandazzjoni biex tkompli bir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex trażżan iż-żieda projettata fin-nefqa u biex iżżid il-kosteffettività tas-settur tas-saħħa. L-analiżi f’dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal twassal għall-konklużjoni li Malta għamlet progress limitat dwar miżuri meħudin biex tiġi implimentata din ir-rakkomandazzjoni.

Malta ma għamlet l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tagħha. Fid-diskors tal-baġit tal-2014, il-gvern impenja ruħu li ma jgħollix l-eta tal-pensjoni lil hinn miż-żidiet imfissra fir-riforma tal-pensjoni tal-2006. [10]Minflok, l-azzjoni ta' politika sa issa kienet iffukata fuq miżuri fis-suq tax-xogħol, immirati lejn titjib fir-rata ta' parteċipazzjoni ġenerali fis-suq tax-xogħol, inkluż fost ħaddiema aktar anzjani. Filwaqt li dan huwa utli, mandankollu miżuri bħal dawn ma jkunu xejn suffiċjenti biex jiżguraw li għat-tul tiġi garantita s-sostenibilità fis-sistema tal-pensjonijiet. Simulazzjonijiet li saru juru għal kull punt perċentwali ta' żieda fir-rata ġenerali tal-impjieg 'l fuq mil-linja ta' bażi, in-nefqa għall-pensjoni pubblika għat-tul tonqos biss b'0.1 pp tal-PDG.[11] Ir-rata ta' kif tiżdied l-età tal-pensjoni, kif iddaħħlet bil-liġi, timxi pjuttost bil-mod meta mqabbla ma' dik ta' Stati Membri oħra u l-eta tal-pensjoni fl-2012 kienet għadha waħda mill-aktar baxxi kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. L-età tal-irtirar mhix mistennija li tilħaq gradwalment il-65 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa qabel l-2027, filwaqt li 16-il Stat Membru jkunu diġà laħqu jew qabżu dan il-livell fl-2020. Barra minn dan, ma hemm il-ħsieb li jsiru l-ebda żidiet oħra. Anki jekk in-nefqa fuq il-pensjonijiet mhix ipprojettata li tibda' tiżdied b'mod sinifikanti qabel l-2030, jekk f'dan il-qasam l-azzjoni tiġi ttardjata, iqumu preokupazzjonijiet sinifikanti fejn tidħol l-ekwità interġenerazzjonali. Il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom jerfgħu il-piż kollu tal-aġġustament, u dan jimplika lil hemm bżonn ta' riforma aktar ċara fil-pensjonijiet li jista' jkun tkun tirrekjedi li jkollha magħha aktar riformi fis-settur pubbliku biex jiġi ġġenerat tifdil. Ir-rieżami tar-riforma fil-pensjonijiet bdiet bi proposti għal aktar riforma f'Diċembru 2010, u għadha għaddejja. Ġie stabbilit grupp ta' ħidma interministerjali u dan mistenni li joħroġ bi proposti ta' politika sa Settembru għall-2014.

Madankollu, sar xi progress fl-implimentazzjoni tat-tielet pilastru privat tal-pensjoni biex titjieb l-adekwatezza tal-pensjoni L-adekwatezza tal-pensjoni f'Malta hija relattivament baxxa meta wieħed iqis il-livell tan-nefqa. Dan huwa anki r-riżultat tal-integrazzjoni li għadha batuta ta' ħaddiema aktar anzjani fis-suq tax-xogħol, kif ukoll in-nuqqas ta' skemi kumplimentari ta' pensjoni. L-għodda leġiżlattivi meħtieġa biex jiddaħħal it-tielet pilastru privat tal-pensjoni ġiet approvata mill-parlament u hija mistennija li tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014. Fil-waqt li din hija ta' benefiċċju fejn tidħol l-adegwatezza tal-pensjoni, pilastru ta' pensjoni privata mhux se jkun ta' kontribut għas-sostenibilità tas-sistema peress li ma jnaqqasx il-piż fuq in-nefqa għall-pensjoni pubblika.

L-awtoritajiet għamlu progress limitat biex jiżguraw is-sostenibilità tas-sistema tas-saħħa Anki jekk in-nefqa fil-qasam tas-saħħa f'Malta huwa bħalissa taħt il-medja fl-UE, għat-tul għandu waħda miż-żidiet projettati l-aktar għolja fl-UE. Dan jirrifletti riżorsi limitati għall-kura ambulatorja, flimkien ma' provvista limitata ta' kura primarja pubblika, u ftit tobba ġeneralisti u infermiera. Jeżisti qbil fuq livell ġenerali li l-kura primarja tista' tittejjeb b'mod sostanzjali, u li l-volum ġenerali tal-kura ambulatorja jista' jiżdied, filwaqt li l-approċ preventiv ma jidhrix li huwa żviluppat b'mod suffiċjenti peress li d-dejta tindika livelli relattivament baxxi ta' xi screening kontra l-kanċer kif ukoll diversi riżultati dgħajfa f'dak li għandu x'jaqsam ma' stil ta' ħajja li ma jkunx ta' ħsara għas-saħħa. Ġew implimentati xi miżuri biex jiġi razzjonalizzat l-akkwist tal-farmaċewtiċi u tal-provvisti mediċi u biex titjieb il-ġestjoni tal-isptar ċentrali Mater Dei, flimkien ma' xi investiment li sar fil-kura tas-saħħa primarja u fil-komunità, segwiti minn għadd ta' rapporti u rakkomandazzjonijiet li jappellaw għal titjib fl-effiċjenzza,[12] speċjalment fl-isptar u fis-settur tal-farmaċija. Madankollu, ma ġie rreġistrat l-ebda progress biex titjieb il-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa u ż-żidiet li dejjem qed jiżdiedu għad iridu jitrażżnu. Għalkemm il-gvern ippubblika dokument li jipproponi stretġija għas-saħħa, li tindirizza ħafna mill-isfidi ewlenin li għandha quddiemha s-sistema tas-saħħa f'Malta, ma hemm l-ebda skadenzi ċari jew estimi finanzjarji dwar l-iffrankar potenzjali li dawn jistgħu jiġġeneraw.  Kollox ma' kollox, l-implimentazzjoni tar-riforma fil-qasam tas-saħħa kienet kajmana.

Il-Qafas Fiskali

Fl-2013, saret rakkomandazzjoni biex Malta ddaħħal qafas fiskali pluriennali bbażata fuq ir-regoli sa tmiem is-sena. L-analiżi f’dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal twassal għall-konklużjoni li Malta għamlet progress sostanzjali fl-implimentazzjoni din ir-rakkomandazzjoni.

Minkejja li ġie rreġistrat progress, l-awtoritajiet għad iridu jadottaw qafas fiskali pluriennali vinkolanti, bbażat fuq ir-regoli L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni li kellha tidħol fis-seħħ sa tmiem l-2013 u mmirata lejn it-twettiq tar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/2011/UE dwar l-oqsfa baġitarji u l-Patt Fiskali ittardjat. Skont l-aħħar aġġornament tal-Programm ta' Stabilità, il-gvern Malti dan l-aħħar approva l-Att dwar ir-Responsabilità Fiskali, li huwa konformi mal-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u li se jiġi ppreżentat lill-Parlament għall-approvazzjoni. L-Att propost idaħħal regola ta' baġit bilanċjat f'termini strutturali u regola tad-dejn li biha jekk il-proprzjon ta' dejn mal-PDG jaqbeż is-60%, id-differenzjal għar-rigward tal-valur ta' referenza għandu jitnaqqas bir-rata medja fuq tliet snin ta' 1/20 fis-sena kif stabbilit fil-PST rivedut. L-att abbozzat jipprevedu wkoll l-introduzzjoni ta' qafas baġitarju kontinwu fuq tliet snin (Pjan Fiskali Nazzjonali fuq Żmien Medju) li għandu jtejjeb il-previdibilità tal-ippjanar baġitarju. L-aħħar iżda mhux l-anqas, l-Att iwitti wkoll it-triq għall-ħolqien ta' kunsill fiskali li jkollu l-inkarigu fost affarijiet oħra li japprova l-previżjonijiet fiskali makroekonomiċi uffiċjali tal-gvern kif ukoll li jissorvelja, ex-ante u ex-post, ir-rispett tar-regoli fiskali. Madankollu, l-att abbozzat jipprevedi li l-kunsill fiskali jiġu stabbilit b'mod gradwali biss. Fil-frattemp, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur għandu l-mandat li jieħu fuqu r-responsabilitajiet tal-kunsill fiskali.

Is-Sistema tat-taxxa

Fl-2013, saret rakkomandazzjoni lil Malta biex ittejjeb il-konformità tat-taxxa u biex tnaqqas ix-xaqliba lejn id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva. L-analiżi f'dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal twassal għall-konklużjoni li Malta għamlet xi progress biex ittejjeb il-konformità mat-taxxa, iżda l-finanzi korporattivi għadhom wisq dipendenti fuq id-dejn milli fuq il-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma.

Il-konformità mat-taxxa u l-evażjoni għadhom ta' sfida għall-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Sabiex titkabbar il-kapaċità tal-amministrazzjoni tat-taxxa, Malta qed tippjana (sa Novembru 2014) li tlesti l-amalgamazzjoni tad-dipartimenti tad-dħul f'awtorità waħda, li tirrazzjonalizza l-proċessi tal-ġbir tat-taxxa, bl-integrazzjoni tal-formoli tal-VAT u tat-taxxa fuq id-dħul, u biex tkun f'pożizzjoni aħjar li tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa. Tabilħaqq, fl-2012, il-bilanċ tal-għeluq gross tal-arretrati[13] kien jammonta għal 22.7% tal-PDG, li minnhom 10.2% u 7.7% tal-PDG rispettivament kienu marbuta ma' arretrati fuq il-VAT u fuq it-taxxa fuq id-dħul. Minn dan il-bilanċ, madwar 5.1% tal-PDG kien jitqies bħala li jista' jinġabar, b'arretrati tal-VAT jirrappreżentaw biss 0.8% tal-PDG. Sabiex titjieb il-konformita mat-taxxa u sabiex jitħajjar l-irkupru tal-ammonti dovuti, kemm il-penali fil-leġiżlazzjoni tal-VAT kif ukoll l-imgħaxijiet fuq it-taxxi dovuti[14] jkun ġew riveduti.[15] Ittieħdu wkoll diversi miżuri biex jitjieb l-awditjar tat-taxxa, titjieb l-analiżi tar-riskju, jiżdiedu l-penali għall-frodi kif ukoll jiżdiedu r-riżorsi umani, jissaħħu r-rabitet ma' awtoritajiet barranin tat-taxxa, jissaħħaħ il-poter tal-Kummissarju għat-Taxxi Interni, jitqawwu d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimen tal-ishma, u jissaħħaħ il-qafas legali biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa. Madankollu, filwaqt li dawn il-miżuri huma ġeneralment utli u jmorru fid-direzzjoni t-tajba, l-informazzjoni li hemm disponibbli għadha ma tippermettix li ssir evalwazzjoni tal-impatt tagħhom, u, għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġu sorveljati l-implimentazzjoni u l-kisbiet konkreti. Barra minn dan, l-utilizzazzjoni ta' mezzi elettroniċi ta' ħlas, li ġeneralment ittejjeb il-konformità mat-taxxa[16], hija pjuttost limitata.

Id-dejn għadu predominanti fuq il-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma, għalkemm ir-rwol tas-sistema tat-taxxa f'dan il-kompromess huwa anqas ċar. Malta għandha proporzjon relattivament għoli bejn id-dejn u l-ekwità fis-settur privat, li jiżboq b'mod sinifikanti l-medja taż-żona tal-euro.[17] Madankollu, is-sistema tat-taxxa tad-dħul tal-kumpaniji ma jidhirx li tispjega x-xaqliba lejn id-dejn f'Malta. Tabilħaqq, Malta għandha sistema ta' taxxa ta' imputazzjoni sħiħa, skont liema d-dividendi mħallsa minn kumpanija rreġistrata Malta ġġorr kreditu tat-taxxa ekwivalenti għat-taxxa mħallsa mill-kumpanija fuq il-profitti li minnhom jitqassmu d-dividendi. B'mod ġenerali, din is-sistema, li tapplika kemm għal azzjonisti residenti kif ukoll oħrajn li mhumiex, għandha tfisser li l-kumpaniji huma indifferenti meta jiġu biex jagħżlu bejn finanzjament ibbażat fuq id-dejn jew dak fuq l-ekwita. Madankollu, dan huwa anqas ovvju fejn jidħlu kumpaniji internazzjonali akbar, peress li l-livell sa liema huma jieħdu kont tal-azzjonisti mhux ċar, u huwa diskutibbli.

It-tibdil fit-tassazzjoni jista' jwassal għal telfiet potenzjali futuri fid-dħul mit-taxxa. Wara l-hekk imsejjaħ "pakkett tal-VAT" adottat mill-Kunsill fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008[18], l-attrazzjoni ta’ Malta bħala post għal-logħob ikkontrollat mill-bogħod tista’ tiddgħajjef. Malta bħalissa teżenta dawn l-attivitajiet mill-VAT. Id-Direttiva l-ġdida tistipula li mill-2015 tiġi imposta l-VAT fuq il-bażi ta’ fejn jinsab il-konsumatur. Ġaladarba diversi Stati Membri ma japplikawx eżenzjoni ġenerali għal-logħob, il-fornituri tas-servizzi stabbiliti f’Malta se jkollhom jiċċarġjaw u jżommu kont għall-VAT fejn dan ikun applikabbli. Kwalunkwe vantaġġ tal-VAT miksub bl-għażla ta’ Malta bħala post għal-logħob ikkontrollat mill-bogħod se jgħib, bie b'hekk jista' jkun hemm telf ta' dħul mit-taxxa fil-futur. Karatteristiċi oħra tas-sistema ta' tassazzjoni, bħal ma huma r-rata baxxa effettiva tat-taxxa korporattiva, reġim favorevoli għat-trattament tat-taxxa tal-proprjetà intellettwali kif ukoll regoli limitati kontra l-abbuż, jagħmlu minn Malta post attraenti għall-investituri. Madankollu, iż-żieda fil-pressjoni li jiġu żviluppati standards internazzjonali għat-tassazzjoni korporattiva, u għall-pajiżi biex jiġu konformi ma' dawn l-istandards, jista' jkollha impatt potenzjali fuq ir-reġim tat-taxxa domestika, u taffettwa d-dħul fil-futur. Dan huwa ta' relevanza partikolari għal Malta, fejn id-dħul mit-taxxa tad-dħul żdiedu b'mod sostanzjali matul dawn l-aħħar għaxar snin. It-telf ta' dħul potenzjali jista' jiġi kkumpensat minn żieda fid-dħul minn sorsi oħra, b'mod partikolari billi jiżdiedu taxxi li jkunu anqas ta' ħsara għat-tkabbir (bħal dawk fuq il-proprjetà u t-taxxi ambjentali[19]).

3.2. Is-Settur finanzjarju

Is-settur finanzjarju irnexxielu jgħaddi b'suċċess minn ambjent ta' riskju elevat u ta' tnaqqis ta' fiduċja. Il-proporzjonijiet ta' profitabilità u ta' solvenza fil-banek domestiċi ċentrali baqgħu għolja, filwaqt li l-bażi ta' ffinanzjar stabbli bi proporzjon baxxa lejn is-self u d-depożiti llimitat l-iskopertura għall-volatilità tas-swieq finanzjarji (ara r-riżultati tal-analiżi dettaljata għal Malta tal-2014 fil-Kaxxa 4) L-ekonomija domestika jidher li hija protetta sew min-negozju mhux residenti tal-banek internazzjonali l-kbar u tal-intermedjarju finanzjaarji li mhumiex banek. Madankollu, il-provvedimenti tal-banek għat-telf mis-self għadhom baxxi, li hija ta' riskju għar-riżerva ta' kapital tal-istituzzjonijiet. Barra minn dan, il-livell għoli ta'dejn u l-ingranaġġ tas-settur privat huma ta' xkiel għall-kompetittività.

Fl-2013, saret rakkomandazzjoni lil Malta biex tkompli ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tagħha dwar telf mis-self biex ittaffi r-riskji potenzjali li jqumu mill-iskopertura għas-suq tal-proprjetà immobbli, filwaqt li tiġi żgurata superviżjoni stretta fuq is-settur bankarju kollu. Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li Malta għamlet progress sostanzjali lejn li tindiriza din ir-rakkomandazzjoni.

L-awtoritajiet ħadu miżuri ta' superviżjoni biex isaħħu r-riżervi ta' kapital. Wara konsulta komprensiva ma' dawk interessati, l-awtoritajiet irrevedew ir-Regoli Bankarji 9 u 12 sabiex isaħħu l-politiki dwar id-dispożizzjonijiet dwar telf mis-self u jindirizzaw ir-riskji ta' konċentrazzjoni marbuta mal-iskopertura għas-settur tal-proprjetà immobbli. Ir-reviżjonijiet jamonizzaw ukoll id-definizzjonijiet ta' self improduttiv u huma fil-limiti ta' dak li hu stabbilit mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Ir-regoli riveduti daħlu fis-seħħ fl-31 ta' Diċembru 2013. L-implimentazzjoni tagħhom hija mistennija li tikkontrobwixxi għal żieda (anki jekk mhux sinifikanti) fil-proporzjon ta' kopertura. Barra minn dan, il-banek ġew imħeġġa jużaw iż-żamma tal-profitt sabiex isaħħu r-riżervi kapitali tagħhom. Madankollu, għad hemm lok għal aktar tisħiħ tar-rizervi kapitali, kif ġie ukoll indikat fl-analiżi dettaljata għal Malta tal-2014.

Is-sorveljanza regolatorja ssaħħet bil-għan li tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja. Fi tmiem l-2013, l-awtoritajiet adottaw emenda għall-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta sabiex (i) iżidu l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika makroprudenzjali mal-funzjonijiet tal-bank ċentrali, (ii) inaqqxu fil-leġiżlazzjoni l-Bord Konġunt ta' Stabilità Finanzjarja[20] li kien ġie stabbilit f'Jannar 2013, u (iii) jinħatar it-tieni deputat gvernatur b'attenzjoni speċjali fuq kwistjonijiet li jolqtu l-istabilita finanzjarja. L-emenda hija pass pożittiv biex tiġi żgurata r-razzjonalizzazzjoni u s-superviżjoni makroprudenzjali effettiva. Barra minn dan, il-bank ċentrali qed jimplimenta rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar l-objettivi intermedji u l-istrumenti tal-politika makroprudenzjali (ESRB/2013/1). Il-fiduċja fl-istabilità finanzjarja hija msaħħa mill-fatt li l-akbar żewġ banek, il-Bank of Valletta u l-HSBD Malta se jkunun taħt il-Mekkaniżmu Superviżjorju Uniku sa minn tmiem l-2014.

Il-provvista tal-finanzi lill-kumpanija qed turi sinjali ta' allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi. Il-kumpaniji Maltin huma kkaratterizzati minn ingranaġġ għoli (il-proporzjon bejn id-dejn u l-ekwità) u livell relattivament għoli ta' dejn, li sa ċerti punt huwa mtaffi mill-pussess ta' assi sostanzjali. Dawn il-karatteristiċi jirriflettu l-preżenza ta' settur bankarju kbir, iżda kkonċentrat ħafna, u nuqqas ta' alternattivi sinifikanti għall-iffinanzjar mill-banek minħabba suq ta' kapital sottożviluppat. Jeżistu għadd ta' inizjattivi ta' suċċess biex jiġi ffaċililtat l-aċess għall-iffinanzjar b'dejn għal impriżi żgħra u medji, iżda l-opzjonijiet li mhumiex dejn huma limitati. L-awtoritajiet tal-gven allokaw fondi għall-kapital inizjali biex jgħinu lil gradwati u lil imprendituri jibdew negozju ġdid, u Malta Enterprise nediet għadd ta' inizjattivi biex tattira kapital ta' riskju, apparti milli tipprovdi pariri lil kumpaniji ġodda innovattivi li jirrekjedu l-finanzjament. Kif kien ġie diskuss fl-analiżi dettaljata tal-2014 għal Malta, l-ingranaġġ għoli tas-settur korporattiv iwassal għal kost għoli ta' ffinanzjar għal kumpaniji, jagħsar il-profitabilità tagħhom u jqiegħed pressjoni fuq l-attività ekonomika tagħhom. Fl-istess ħin, il-profitabilità għolja u l-likwidità fis-settur bankarju jindika allokazzjoni ineffiċjenti ta' riżorsi. L-awtoritajiet nazzjonali qed jesploraw opzjonijiet bħal ma huma crowdfunding u t-twaqqif ta' bank tal-iżvilupp biex jitħaffef l-aċċess għall-iffinanzjament ta' impriżi żgħar u medji.

Kaxxa 4: Konklużjonijiet mill-analiżi dettaljata għal Malta tal-2014

It-tieni analiżi dettaljata (in-depth review - IDR) dwar Malta skont il-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiku ġiet ippubblikata fil-5 ta' Marzu 2014.[21] Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-isfidi makroekonomici f'Malta ma għadhomx meqjusa bħala riskji makroekonomiċi sostanzjali u ma għadhomx meqjusa bħala żbilanċi fis-sens tal-MIP. L-osservazzjonijiet u s-sejbiet prinċipali minn din l-analiżi huma:

· Is-settur finanzjarju ma jidhirx li qed jikkawża riskji imminenti għall-istabbiltà makrofinanzjarja. Il-banek Maltin ġeneralment ikollhom likwidità u proporzjonijiet ta’ solvenza għoljin u baqgħu profittabbli. Sa issa, l-awtoritajiet qed jiġġestixxi b'mod effettiv dawn ir-riskji.

· Id-dejn għoli tas-settur privat jidher li qed jiġi rranġat b’mod ordnat. Ma hemm l-ebda evidenza ta’ pressjonijiet sinifikanti ta’ diżingranaġġ fis-settur korporattiv.

· Id-dejn tal-Gvern għadu qed jiżdied iżda r-riskji fuq perjodu qasir huma mrażżna. Is-sostenibbiltà fit-tul, madankollu, tibqa’ ta’ tħassib minħabba spejjeż baġitarji marbuta mal-età. Obbligi kontinġenti għolja joħolqu piż addizzjonali.

· Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienet ta’ suċċess u l-ekonomija kienet kapaċi tattira industriji ġodda li qed jikbru, u l-industriji tradizzjonali komplew jespandu. Madankollu hemm bżonn li jinżammu r-robustezza tal-kompetittività esterna u l-attravità għall-IBD.

Għalhekk, l-IDR jiddiskuti wkoll elementi ta' politika li joħorġu minn dawn l-oqsma u mogħdijiet possibbli għall-quddiem. Numru ta’ elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati:

· Bil-għan li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, prattiki stretti għat-teħid ta' riskji u prattiki superviżorji kif ukoll li tiġi żgurata r-robustezza tas-suq immobbiljari huma importanti fil-ġestjoni tar-riskji strutturali inerenti relatati għad-daqs limitat tal-ekonomija. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ approċċ superviżorju effiċjenti għandha tkun strumentali għall-immaniġġjar tat-tkabbir futur tas-settur. Fl-aħħar nett, indikazzjonijiet ta’ aġir antikompetittiv fis-segment bankarju ewlieni jistħoqqilhom aktar attenzjoni.

· Sabiex tinżamm il-kompetittività esterna, li hija kruċjali għat-tkabbir tal-ekonomija domestika, kif ukoll għall-attrattività tagħha għall-IDB, huwa meħtieġ li jinżammu taħt kontroll l-ispejjeż tax-xogħol u tat-tranżazzjonijiet. Dan huwa partikolarment validu f’ambjent fejn ċerti kompetituri qed jgħaddu minn aġġustament tal-ispejjeż aċċellerat.

· Li jintlaħqu l-miri fiskali stipulati mill-Kunsill skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv għandu jpoġġi d-dejn tal-gvern fuq bażi aktar sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda l-indirizzar tas-sostenibbiltà fit-tul għandu jibqa' prijorità.

3.3. Il-politiki tas-suq tax-xogħol[22], tal-edukazzjoni u dawk soċjali

Għad hemm sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u t-taħriġ u fit-tnaqqis tal-faqar Ir-rati tal-impjiegi u ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għan-nisa u l-ħaddiema aktar anzjani tjiebu fl-2013 iżda għadhom fost dawk l-aktar baxxi fl-UE, u għalhekk għadhom qed itellfu l-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija. Il-livell baxx tal-impjiegi jirrifletti wkoll nuqqas ta' arranġamenti flessibbli ta' xogħol. Għad hemm indikazzjoni ta' nuqqas ta' sintonija bejn il-bżonnijiet u l-ħiliet[23], li tisserja minħabba r-rata ta' dawk li jispiċċaw kmieni mill-iskola, u l-ammont baxx ta' studenti f'edukazzjoni fil-livell terzjarju. Fejn jidħol il-faqa, Malta għadha għaddejja minn żieda fir-rata ta' dawk fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, speċjalment fejn jidħlu tfal u anzjani.

Fl-2013, saret rakkomandazzjoni lil Malta li tnaqqas l-inċidenza ta' studenti li jispiċċaw mill-iskola kmieni, li żżid ir-relevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u li tkompli ssostni  l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Kollox ma' kollox, l-analiżi f'dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal iwassal għall-konklużjoni li Malta għamlet xi progress lejn l-implimentazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni. Fid-dawl tan-natura għat-tul tal-isfidi, madankollu, il-progress jibbenefika minn azzjoni sostnuta ta' politika biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-miżuri li jkunu qed jitwettqu.

Is-Suq tax-xogħol

Sar xi progress fl-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati lejn iż-żieda fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema aktar anzjani,speċjalment fid-dawl taż-żieda fl-età effettiva tal-irtirar, għalkemm il-pass kien wieħed kajman. Fl-2013, Malta nediet il-Politika Strateġika Nazzjonali dwar l-Anzjanità Attiva, li għandha l-għan li żżid l-għadd ta' ħaddiema aktar anzjani fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tippermetti lil dawk li qabżu l-età tal-pensjoni biex jerġgħu jidħlu f'impjieg. Fl-ewwel kwart tal-2014, Malta stabbiliet il-kumitat interministerjali bil-kompitu li jfassal stateġija ta' implimentazzjoni. Fil-Baġit tal-2014, il-gvern ipprovda aktar iffrankar ta'taxxa għal ħaddiema aktar anzjani li jkollhom impjieg, kif ukoll benefiċċji ta' taxxa għal impriżi li jingaġġaw u jħarrġu ħaddiema aktar anzjani. Dawn l-inċentivi huma ta' għajnuna biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi fost il-ħaddiema aktar anzjani, li għoliet b'5.8 pp mill-2009 lil hawn. Madankollu, ir-rata tal-impjieg fost ħaddiema aktar anzjani, b'mod partikolari fost in-nisa, għadha fost l-aktar baxxi fl-UE. Ir-rata tal-impjieg fost persuni b'sdiżabilità f'Malta hija wkoll aktar baxxa, b'mod sinifikanti, mill-medja tal-UE[24].

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kompliet tiżdied, anki jekk minn livell baxxa ħafna. It-titjib f'dawn l-aħħar ħames snin (minn 41.6% fl-2008 għal 52.7% fl-2013) tirrifletti effett koorti pożittiv, u tal-azzjoni ta' politka mmirata lejn it-titjib tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja. Madankollu, il-parteċipazzjoni ġenerali tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha fost l-aktar baxxi fl-Ewropa, li tirrifletti kombimazzjoni ta' fatturi kulturali u storiċi, li bħala riżultat tagħhom in-nisa jagħżlu li jitilqu mis-suq tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal u mbagħad isibuha diffiċli, jew jagħżlu, biex ma jirritornawx lejn l-impjieg. Barra minn dan, minħabba kultura ta' sigħat itwal ta' xogħol, flimkien ma' disponibilita limitata ta' opportunitajiet ta' sigħat flessibbli[25] u mnaqqsa, jista' jkun aktar diffiċli għall-irġiel li jieħdu fuqhom rwol aktar parteċipattiv fil-familja, u b'hekk dan huwa ostakolu ieħor għan-nisa li jergħu lura lejn is-suq tax-xogħol. Tabilħaqq, ir-rata ta' impjieg fost in-nisa f'Malta hija ogħla mill-medja tal-UE għall-gruppi kollha ta' taħt it-30 sena, iżda tonqos b'mod konsistenti wara dan, biex tilħaq ir-rata ta' 18.4% għal dawk li għandhom bejn il-55 u l-64 sena, imqabbla ma' 43.3% li hija l-medja tal-UE. Miżura importanti biex tipi indirizzata din l-isida hija t-tnedija ta' skema li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2014 li toffri kura għat-tfal b'xejn f'faċilitajiet pubbliċi u privati lil unitajiet domestiċi lil fihom il-ġenituri jaħdmu jew li jinsabu fl-edukazzjoni. Il-maġġoranza vasta taċ-ċentri privati għall-kura tat-tfal daħlu fi ftehim kuntraattwali mal-gvern biex jirċievu ammont b'rata fissa għall kull tifel u tifal li jibbenefikaw minn din l-iskema. Il-ġenituri li mhumiex eliġibbli għal din l-iskema, jew li jiddeċiedu li ma jipparteċipawx fiha, xorta jibbeneefikaw minn inċentivi miżjuda tat-taxxa biex jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-kura tat-tfal. Barra minn dan, dawk il-ġenituri li jkunu qegħdin ifittxu impjieg b'mod attiv jibqgħu eliġibbli għal rati sussidjati f'faċilitajiet tal-kura tat-tfal immexxija mis-settur pubbliku, skont skemi preċedenti. Il-ftuħ ta' struttura tal-kura ta' wara l-iskola, iffinanzjati mill-gvern, fl-iskejjel, ikompli jgħin fir-rikonċiljazzjoni bejn is-sigħat ta' xogħol u tal-iskola. Minkejja dan, Malta għad għandha limitazzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-flessibilita tal-iskedi tax-xogħol, li tista' tikkontrobwixxi lejn ir-rata baxxa tal-impjieg fost in-nisa fost dawk li għandhom aktar minn 35 sena.

L-iżviluppi fil-paga fis-settur privat fl-2012-13 kienu relattivament limitati, minkejja tkabbir dinamiku fis-settur pubbliku. Minkejja li x-xejra hija 'l isfel, it-tkabbir tal-pagi medju fis-settur pubbliku kienu għadu relattivament qawwi fl-2012-13, bis-saħħa, parzjalment, għat-tiġdid ta' għadd ta' ftehimiet kollettivi. Dan ma jidhrix li rrifletta ruħu fis-settur privat, fejn din ir-rata ta' żieda fil-kumpens nominali għal kull impjegat kienet pjuttost limitata. L-iżviluppi fis-settur privat jirriflettu wkoll il-pressjonijiet qawwija fil-provvista tal-ħaddiema hekk kif tkabbir qawwi fl-impjiegi jsaħħaħ il-poter ta' negozjar ta' min iħaddem fit-taħdidiet dwar il-pagi. Minkejja dan, iż-żieda fil-pagi baqgħet akbar mill-kisbiet fil-produttività u l-kosti nominali ta' kull unita lavorattiva f'Malta għolew b'rata aktar mgħaġġla mill-meda fiż-żona tal-euro f'dawn l-aħħar snin. Il-proċess ta' negozjar tal-pagi għadu kkaratterizzat mill-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' indiċizzazzjoni tal-pagi parzjalment awtomatiku, li jikkumpensa għal inflazzjoni li tkun ġiet irreġistrata fil-passat. Ir-riformi għall-mekkaniżmu biex jiġi limitat l-effett potenzjalment negattiv tiegħu fuq il-kompetittività minħabba żbilanċ bejn l-iżviluppi tal-paga u tal-produttività għadhom qed jiġu dibattuti fost l-imsieħba soċjali, iżda għadhom ma ttieħdu l-ebda passi ta' politika.

L-edukazzjoni

Minkejja t-titjib li sar dan l-aħħar[26], ir-rata ta' studenti li jispiċċaw kmieni mill-iskola (20.9% fl-2013) għadha it-tieni l-ogħla fl-UE, b'distakk sinifikanti bejn is-sessi.[27] L-istrateġija Qafas għall-Edukazzjoni tnediet fl-2014, u qed titħejja r-riforma tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Malta qed tistabbilixxi sistema komprensiva ta' monitoraġġ bil-ħseb li titnaqqas ir-rata ta' studenti li jispiċċaw kmieni mill-iskola. Wara konsultazzjoni pubblika ma' dawk interessati, fit-tieni kwart tal-2014 se tiġi ppubblikata Strateġija riveduta dwar dan il-fenomenu. Fl-2014 se jinħoloq kumitat interministerjali biex jidderieġi u jikkoordina l-azzjonijiet ta' politika dwar l-istudenti li jispiċċaw kmieni mill-iskola, u ġiet stabbilita unità ta' monitoraġġ dwar il-fenomenu fi ħdan il-Ministeri tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi. Miżuri oħra li ttieħdu dan l-aħħar jinkludu programm biex jipprovdi mogħdijiet alternattivi ta' tagħlim għal studenti fl-aħħar sena tal-edukazzjoni sekondarja li jiddeċiedu li ma joqogħdux għall-eżamijiet taċ-ċertifikat tal-edukazzjoni sekondarja. B'segwitu tar-reviżjoni statistika fl-2013, Malta stabbiliet ukoll mira ġdida nazzjonali ta' 10% għal dawk li jispiċċaw kmieni mill-iskola.

Il-miżuri biex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola jħarsu lejn id-direzzjoni t-tajba, iżda l-azzjoni fil-qasam tat-titjib tal-kisba tal-ħiliet bażiċi, speċjalment fejn jidħol il-litteriżmu, għadha mhix biżżejjed Il-kisba tal-ħiliet bażiċi hija batuta meta mqabbla fuq livell internazzjonali, kif jidher mill-prestazzjoni ta' tfal ta' 15-il sena fit-testijiet 2009+ tal-Programm tal-IECD għall-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) u l-prestazzjoni ta' tfal ta' 10 snin fl-istudju tal-2011 dwar il-progress fil-litterżmu internazzjonali, u l-istudju dwar ix-xejriet fil-matematika u x-xjenza[28], speċjalment fejn jidħol il-qari u x-xjenza. IL-miżura ewlenija li għaddejja f'dan il-qasam hija l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd li tkopri l-perjodu 20114-19, li tirrevedi u twessa' l-ambitu tal-Istrateġija u l-Politika tal-Litteriżmu li kienet tnediet fl-2009 u tiffoka fuq kompetenzi kemm fil-lingwa Maltija kif ukoll dik Ingliża. L-implimentazzjoni tal-miżuri ġodda tagħha se tibda' mis-sena skolastika 2014-15. Implimentazzjoni kif imiss tal-Istrateġija Nazzjonalit tal-Litteriżmu, sostnunta minn finanzjament xieraq, tista' tkun ta' kontribut biex jiġu indirizzati l-problemi tal-litteriżmu, li konsegwentement tista' tkompli tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola. F'Jannar 2014, il-gvern nieda wkoll proġett pilota biex jgħolli l-litteriżmu fl-IT billi jipprovdi tablets lil tfal fl-iskejjel primarji, mir-raba' seba 'l quddiem.

L-għadd ta' studenti f'edukazzjoni terzjarja għadu baxx, iżda qed jiżdied. L-għadd ta' studenti f'edukazzjoni terzjarja fost dawk fl-etajiet bein it-30 u l-34 sena għadu fost l-aktar baxxi fl-EU (26% fl-2013), iżda żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar ħames snin minħabba x-xejriet pożittivi fil-gradwazzjoni. Sabiex tiżdied il-provvista ta' ħiliet fil-forza lavorattiva, l-iskema l-ġdida ta' boroż ta' studju "Master It", iffinanzjata permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet biex tkompli tiġi promossa l-ispeċjalizzazzjoni fil-livell ta' Master f'setturi kruċjali tal-ekonomija Maltija.

Ittieħdu miżuri f'rikonoxximent tal-ħtieġa li titkabbar ir-relvanza għas-suq tax-xogħol tat-taħriġ u l-edukazzjoni. Is-suq tax-xogħol mistenni li jkun jirrekjedi aktar ħiliet relevanti mis-sistema ta' edukazzjoni vokazzjonali u ta' taħriġ.[29] Sabiex dan jiġi indirizzat, wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali, il-gvern jinsab għaddej bil-proċess biex joġloq skema unika nazzjonali tal-apprendistat li tkun tkipri aktar livelli ta' kwalifiki u okkupazzjonijiet. Huwa ppjanat  li l-iskema tiġi implimentata fit-tieni nofs tal-2014. Miżuri oħra li għaddejjin biex tiżdied ir-relevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol jinkludu: (i) proġett pilota biex jintroduċi element ta' tagħlim ibbażat fuq il-xogħol f'korsijiet ta' edukazzjoni vokazzjonali u ta' taħriġ fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, li għandu jiġi estiż mill-2014-15. (ii) abbozz ta' Strateġija għat-Tagħlim matul il-Ħajja, li għandha titnieda għall-konsultazzjoni pubblika matul l-2014, li tiffoka l-aktar fuq adulti bl'livell baxx ta' ħiliet u l-ħtiġijiet tagħhom ta' taħriġ, anki billi jiġi promoss l-użu tar-riżorsi edukattivi miftuħa; (iii) programm tal-Fondi Strutturali Ewropej (Imġjegabilità ħjar permezz tat-Taħriġ) biex jintegra mill-ġdid dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol u l-persuni inattivi fis-suq tax-xogħol u jtejjeb il-ħiliet ta' persuni li diġa għandhom impjieg. Jekk ikunu implimentati kif xieraq, dawn il-miżuri jista' jkollhom impatt pożittiv fuq ir-relevanza tal-ħiliet għas-suq tax-xogħol.

Kaxxa 5. L-impatt potenzjali ta' riformi strutturali fuq it-tkabbir - eżerċizzju ta' benchmarking

Ir-riformi strutturali huma kriċjali biex tingħata imbuttatura lit-tkabbir. Huwa għalhekk importanti li jkunu magħrufa l-benefiċċji potenzjali ta' dawn ir-riformi. Il-benefiċċji tar-riformi strutturali jistgħu jiġu evalwati bil-għajnuna ta' mudelli ekonomiċi. Il-Kummissjoni tuża l-mudell QUEST tagħha biex tiddetermina kif ir-riformi strutturali fi Stat Membru partikolari jaffettwaw it-tkabbir jekk l-Istati Membru jċekken id-distakk tiegħu fil-konfront tat-tliet SM fl-UE li jkunu marru l-aktar tajjeb fl-indikaturi ewlenin, bħal ma huma l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol jew il-grad ta' kompetizzjoni fl-ekonomija. It-titjib f'dawn is-settur jista' jżid il-PDG ta' Malta b'madwar 4.6% fuq perjodu ta' għaxar snin. Fuq perjodu twil ħafna, barra minn dan, ir-riformi li jgħollu l-livell tal-ħiliet jistgħu jgħollu l-PDG saħansitra b'18.8% (ara n-nota). Xi riformi jistgħu jkollhom effett anki fi ħdan perjodu ta' żmien relattivament qasir. Is-simulazzjonijiet tal-mudell jikkorroboraw l-analiżi tat-Taqsima 3.3, skont liema l-akbar kisbiet x'aktarx  li jiġu mill-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-anzjani fis-suq tax-xogħol u mit-titjib tal-kompetizzjoni tas-suq. Is-simulazzjonijiet isostnu l-prijorità li poġġew l-awtoritajiet fuq linji ta' politika attivi ta' riforma tas-suq tax-xogħol u ta' titjib tal-ħiliet, filwaqt li jenfasizzaw oqsma addizzjonali li jistgħu jimbuttaw 'l quddiem it-tkabbir ekonomiku.

Tabella 1: Indikaturi strutturali, miri u effett potenzjali fuq il-PDG[30]

Sors: Is-Servizzi tal-Kummissjoni. Nota: Is-simulazzjonijiet jassumu li l-Istati Membri kollha jwettqu riformi li jċekknu d-distakki strutturali tagħhom bin-nofs. It-tabella turi l-kontribut ta' kull riforma għat-total tal-PDG wara ħames snin u wara għaxar snin. Jekk pajjiż ikun qed jiżboq il-benchmark f'xi settur, ma nissimulawx l-impatt tal-miżuri ta' riforma f'dak il-qasam; madankollu, l-Istat Membru inkwistjoni xorta jista' jibqa' jibbenefika min miżuri meħuda minn Stati Membri oħra.[31] *L-effett għat-tul taż-żieda fis-sehem tal-popolazzjoni b'ħiliet għolja ikun ta' 3.9% tal-PDG u dak ta' tnaqqis fis-sehem ta' dawk b'ħiliet baxxi jkun ta' 14.9%. ** Il-medja tal-UE hija ffissata bħala l-benchmark.

Il-poltika soċjali

Malta qed tara żieda fl-għadd ta' nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-proporzjon tal-popolazzjoni totali li tinsab fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali f'Malta hija aktar baxxa mill-medja tal-UE u taż-żona tal-euro, iżda hija ogħla mill-medja tal-UE jekk wieħed iħares biss lejn it-tfal u l-anzjani (65+). L-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għola mill-2006 lil hawn, u sar aktar diffiċli li tintlaħaq il-mira nazzjonali tal-2020. Il-mutur ta' din ix-xejra 'l fuq kien li tfaċċat deprivazzjoni materjali severa, li rdoppjat bejn l-2008 u l-2012, u li affettwat il-kategoriji kollha ta' età, u issa hija ogħla mill-medja taż-żona tal-euro u 0.5 pp biss taħt il-medja tal-UE. Bħala reazzjoni għal dawn l-isfidi, il-gvern waqqaf task force biex jirriforma l-provvista u l-implimentazzjoni tas-sigurtà soċjali f'Malta, li għandha toħroġ b'rakkomandazzjonijiet ta' politika sa Ottubru 2014. Kif imfisser fil-programm nazzjonali ta' riforma, Malta wkoll inizjalat miżuri immirati lejn partijiet partikolari tas-soċjetà, inklużi t-tfal, l-anzjani, u l-persuni b'diżabilità.

3.4. Miżuri strutturali li jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività

L-isfidi strutturali jkomplu jillimitaw il-potenzjal ta' tkabbir ta' Malta. Minħabba l-esternalitajiet tagħhom li jikkaġunaw kosti ekonomiċi, in-nuqqasijiet infrastrutturali fis-sistemi tal-enerġija u t-trasport huma ta' xkiel għall-imprenditorija u l-kompetittività esterna u jbaxxu l-attrattività tal-ekonomija għall-investiment barrani. Dawn l-isfidi jistgħu jkunu akbar minħabba kompetizzjoni limitata fis-suq domestiku, marbuta wkoll mad-daqs żgħir tal-ekonomija, li tista' twassal għal livell ta' qligħ ogħla f'ċerti setturi, u b'hekk ukoll tixxekkel il-kompetittività. B'żieda ma' dan, l-infieq baxx fuq ir-riċerka u l-iżvilupp jillimita l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-ekonomija u jxekkel il-potenzjal għat-tkabbir.

Fl-2013, saret rakkomandazzjoni lil Malta biex tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija, filwaqt li tibqa' għaddejja bl-isforzi biex tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u bit-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport. Kollox ma' kollox, l-analiżi f'dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal iwassal għall-konklużjoni li Malta għamlet progress limitat lejn l-implimentazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni.

L-Enerġija

L-awtoritajiet mexjin 'l quddiem b'riformi fis-sistema tal-enerġija, iżda għad iridu jitfaċċaw riżultati konkreti It-tlestija tal-interconnector tal-elettriku mal-Italja se tgħaqqad lil Malta mal-grid Ewropew, biex b'hekk tiġi ddiversifikata l-provvista tal-enerġija u jkun ta' għajnuna biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra, peress li permezz tiegħu jkun jista' jingħalaq l-impjant ta' produzzjoni tal-elettriku tal-Marsa, li hu qadim u anqas effiċjenti. Il-kostruzzjoni ddewmet minħabba ostakoli fl-ħruġ tal-permessi u l-istimi tal-kostijiet għolew, iżda huwa mistenni li l-proġett jitlesta sa tmiem l-2014. Biex tkompli titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt impurtat, il-gvern għandu l-ħsieb li l-ġenerazzjoni tal-elettriku tiġi kkonvertita għallgass naturali. Malta qed tesplora l-possibilita li tingħaqad man-Netwerk Ewropew tal-Gass. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida għall-infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija, Malta għandha proġett ta' interess komuni li jinvolvi pjani għal pajplajn tal-gass mal-Italja u biex jiżviluppa faċilità ta' ħażna tal-gass naturali likwidu fuq il-baħar flimkien ma' unita ta' regassifikazzjoni, li għandha tibda topera fl-2018. Proġetti oħra li qed jiġu kkunsidrati jinkludu pajplajn tal-gass lejn l-Afrika ta' Fuq. L-implimentazzjoni effiċjenti ta' dawn il-pjani ittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tmexxi lil Malta eqreb lejn il-miri tagħha tal-enerġija għall-2020. B'mod parallel, Malta għandha l-għan li tkompli tiżviluppa n-netwerk intern tagħha ta' distribuzzjoni tal-elettriku: inbena ċentru ġdid ta' distribuzzjoni u huwa intenzjonat li jirċievi l-elettriku impurtat mill-interkonnettur u jiddistribwih madwar in-netwerk.

Kaxxa 6: Tibdiliet fil-kumpanija tal-istat tal-enerġija l-Enemalta

Ir-ristrutturar tas-settur tal-enerġija daħal f'fażi ġdida wara l-iffirmar ta' ftehim fuq termini prinċipali ta' EUR 320 miljun f'Marzu 2014 mal-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric Power għal sehem ta' 33% fl-Enemalta. Il-ftehim mistenni li jiġi ffinalizzat f'Settembru 2014, u wara dan jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni lill-parlament. Dan il-ftehim jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija domestika billi jnaqqas ir-responsabilità li jkollu jerfa' l-gvern, u billil jipprovdi għal investiment ġdid fis-settur tal-enerġija.

Skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim, jiġu injettati EUR 100 miljun fil-forma ta' ekwità fl-Enemalta, filwaqt li l-EUR 220 miljun li jifdal jiġu investiti fl-impjant tal-enerġija eżistenti ta' 144 MW li jopera bid-dijżil, li se jiġi kkonvertit biex jaħdem bil-gass naturali. Bħala konsegwenza tal-ftehim, id-dejn kbir li għandha l-Enemalta bħalissa jitnaqqas, peress li l-fondi mir-rikapitalizzazzjoni għandhom jintużaw biex jitħallas id-dejn, filwaqt li l-garanziji fuq id-dejn li jifdal jinqasam skont il-parteċipazzjoni azzjonarja (is-sehem tal-gvern se jinżel minn 100% għal 67%). Il-ftehim jipprovdi wkoll biex l-Enemalta tiġi kkonvertita f'kumpanija pubblika b'responsabilità limitata (bħalissa hija regolatta b'Att tal-Parlament) filwaqt li d-diviżjoni taż-żejt tagħha tiġi rikostitwita f'entita ġdida u tiġi eskluża mill-ftehim. Il-gvern iżomm is-setgħa tiegħu li jaħtar iċ-ċermen u jkollu l-aħħar kelma fuq l-ammont ta' elettriku li għandu jinxtara minn sorsi ta' provvista ta' enerġija alternattiva. Skont rapporti, il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta' żewġ impriżi konġunti ma' Shanghai Electric Power: waħda li tipproduċi l-enerġija rinnovabbli (mix-xemx u mir-riħ) biex jinbiegħ fl-Ewropa, u l-ieħor biex jagħmlu manutenzjoni fuq impjanti tal-enerġija li huma proprjetà tal-kumpanija Ċiniża fl-Ewropa.

Sar progress fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, iżda l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għadha ta' sfida. Malta kabbret l-isforzi biex tagħti mbuttatura lill-effiċjenza tal-enerġija permezz ta' linji ta' politika apposta, ikkoofinanzjati mill-UE, b'attenzjoni fuq il-binjiet u impriżi żgħar u medji. Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija fil-ġenerazjoni tal-elettriku, l-Enemalta tejbet parti mill-infrastruttura ta' ġenerazzjoni tagħha u qed tistalla l-ismart meters.[32] Barra minn dan, ġew organizzati kampanji ta' informazzjoni biex jitjieb l-għarfien ta' kwistjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija u biex il-konsumatur jiġi mħajjar jibdel l-imġieba tiegħu. Għar-rigward taż-żieda fil-proporzjon tal-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli, madankollu, il-progress kien batut. Il-proġetti fuq skala kbira ta' enerġija mir-riħ, li oriġinarjament kien hemm l-intenzjoni li jkunu l-akbar kontribut għall-mira nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli,[33] x'aktarx li jitwarrbu minħabba preokkupazzjonijiet ambjentali. Minflok, Malta qed iddawwar l-attenzjoni tagħha lejn il-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli (b'mod partikolari mix-xemx). Malta rnexxielha tħaffef il-pass fl-implimentazzjoni ta' sistemi ta' enerġija solari u għamlet xi progress lejn il-mira nazzjonali tal-2020 tal-enerġija rinnovabbli. Fir-rapport dwar il-progress għall-2011-2012, Malta ssostni li kisbet l-ewwel mira temporanja għall-enerġija rinnovabbli (2%), iżda għadha lura biex tilħaq il-mira tal-2020.

Il-Klima, it-trasport u l-ambjent

L-awtoritajiet ħadu passi biex jindirizzaw l-intensità ta' karbonju tas-settur tat-trasport, iżda l-isfidi ewlenin għadhom ma ġewx affaċċjati. Is-settur tat-trasport huwa responsabbli għall-parti ewlenija tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet f'Malta u huwa prominenti f'termini tal-intensità tal-enerġija u tal-intensità ta' karbonju kemm meta mqabbel mas-setturi tat-trasport ta' Stati Membri oħra kif ukoll meta mqabbel ma' setturi oħra fil-pajjiż.[34] Malta għadha lura mill-miri tagħha għall-2020 fejn jidħol il-proporzjon ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. Barra minn dan, id-daqs innifsu tal-flotta tal-vetturi[35], id-dipendenza fuq karozzi ineffiċjenti, second-hand, kif ukoll tendenza li jintużaw il-karozzi individwali għat-trasport ta' passiġġieri ifisser li l-konverżjoni lejn sistema ta' trasport aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u li jkun anqas intensiv fl-emissjonijiet, se tieħu ż-żmien u tista' tirrekjedi azzjoni ta' politika kontinwa, komprensiva. L-azzjoni ta' politika tinkludi skemi ta' skrappjar ta' karozzi kif ukoll taxxa ta' reġistrazzjoni tal-vetturi li tiffavorixxi karozzi aktar ġodda u aktar effiċjenti. Fl-2013 Malta nediet l-istrateġija nazzjonali tagħha tal-elettromobilità, li għandha l-għan li jkun hemm 5 000 vettura tal-elettriku sal-2020, biex b'hekk tkun tista' titnaqqas l-emissjoni b'madwar 7.7 kilotunellati ta' ekwivalenti ta' CO2, u takkwista madwar 1% tal-mira tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu b'mod sinifikanti biss skont l-intensita ta' karbonju tal-elettriku użat fl-enerġija tal-elettromobilità. L-introduzzjoni u l-promozzjoni tal-gass likwifikat miż-żejt, fl-2013, permezz ta' skema ta' għotjiet u l-introduzzjoni ta' obbligu ta' sostituzzjoni tal-bijofjuwil (kontenut 3.5% ta' bijofjuwil fil-fjuwil) jistgħu mhux biss inaqqsu l-intensità tal-emissjonijiet tas-settur Malti tat-trasport, iżda wkoll iżid il-proporzjon ta' enerġija minn sorsi ta' enerġija rinovvabbli li tintuża.

Il-programm nazzjonali ta' riforma jenfasizza l-iżvilupp ta' netwerk u konnessjonijiet ta' trasport estern. Il-gvern qiegħed jiżviluppa Strateġija Nazzjonali għat-Trasport kif ukoll Pjan Ewlieni għat-Trasport, f'konformità mal-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jkunu jkoġru l-metodi kollha relevanti ta' trasport. L-awtorità nazzjonali tat-trasport tat kuntratt lill-Ineco-Systematica Consortium biex tiżviluppa, matul l-2014, mudell ta' trasport nazzjonali[36] u b'hekk jipu żviluppati strateġija nazzjonali kif ukoll pjan ewlieni. Barra minn dan, l-awtoritajiet qed jippjanaw li jkomplu jinvestu fl-iżvilupp tan-netwerk TEN-T u li jtejbu l-infrastruttura tal-port marittimu internazzjonali u tal-baħar. Il-kosti għolja għall-ipproċessar fil-portijiet[37] jippreżentaw sfida addizzjonali, meta wieħed iqis l-intensità qawwija tal-importazzjoni tad-domanda domestika.

Il-prevenzjoni u t-tnaqqis il-ġenerazzjoni tal-iskart, flimkien ma' aktar użu mill-ġdid, riċiklaġġ u tfassil innovattiv tal-prodotti, jista' jtejjeb l-effiċjenza tal-ekonomija fl-użu tar-riżorsi Mhux probabbli li Malta tilħaq il-mira ta' riċiklaġġ tal-2020 ta' 50%[38] u l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza tar-Riżorsi (li jinkludi tnaqqis qawwi fl-iskart għall-miżbla) mingħajr ma jsiru sforzi addizzjonali sinifikanti. Quddiem l-isfond tal-iskarsezza tal-ilma f'Malta, il-propoprzjoni ta' kumpaniji li jieħdu azzjoni biex jiffrankaw l-ilma huwa baxx (huwa rrappurtat li 42% jieħdu xi azzjoni biex jimminimizzaw l-użu tal-ilma). Sfida addizzjonali hija l-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-għargħar, meta wieħed iqis il-kosti tagħhom ogħla mill-medja. Proġett nazzjonali biex jittaffa l-għargħar qed jiġi implimentat b'kofinanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni Ewropew. Pjan aġġornat dwar il-Ġestjoni tal-Iskart ġie ppubblikat f'Jannar 2014. Barra minn dan, il-programm nazzjonali ta' riforma jfisser inizjattivi biex tiġi inkoraġġata l-effiċjenza tar-riżorsi fl-enerġija u fl-ilma, f'konformità mal-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

Ir-Riċerka u l-innovazzjoni

In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp żdiedet iżda baqgħet moderata. Il-mira inizjali nazzjonali, relattivament limitata għall-2020 għan-nefqa fir-riċerka u l-innovazzjoni ta' 0.67% tal-PDG inqabżet fl-2012, fatt li wassal lill-gvern biex jirrevidiha għal 2% tal-PDG. Il-punti pożittivi relattivi li għandha Malta fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni ġejjin mill-għadd ta' riċerkaturi li qed joperaw fis-settur tan-negozju (2.8 kull elf fil-forza lavorattiva), li żdiedu b'medja ta' 15% kull sena fl-2007-2012, kif ukoll il-proporzjoni ogħla ta' impjiegi f'attivitajiet ibbażati fuq l-għarfien (42.3% tal-impjegati kollha bejn l-etajiet ta' 15 u 61). Id-dgħufijiet relattivi tal-pajjiż ġejjin mill-ammont ġenerali ta' riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija, kif imkejla mill-għadd ta' gradwati ġodda fix-xjenza u l-inġinerija għal kull elf persuna fost dawk li għandhom bejn il-15 u l-34 sena (fil-livell ta' 6.1, dan hu anqas minn nofs tal-medja tal-UE, u niżlet b'4% fis-sena fl-2007-2011), kif ukoll fil-produzzjoni xjentifika u l-privattivi, fejn l-indikaturi huma 'l isfel sew miċ-ċifri tal-UE, speċjalment fejn jidħlu tal-aħħar. L-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-2020 tistabbilixxi l-mira għall-pajjiż li jibni ekonomija bbażata fuq l-għarfien. B'mod kumplimentari ma' din il-mira, l-Istrateġija għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti tiggwida lill-investituri permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u għall-Investiment lejn oqsma strateġiċi b'impatt ekonomiku potenzjalment għoli.

Il-Funzjonament tas-suq intern

F'ċerti setturi jeżisti livell eċċessiv ta' prezzjijiet Skont l-istimi jidher li f'ċerti setturi, bħal ma huma l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, il-kostruzzjoni, it-trasport, jeżistu prezzijiet ta' livell eċċessiv.[39] Dan jirrifletti kompetizzjoni limitata, marbuta wkoll mad-daqs żgħir tas-suq domestiku. L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni f'Malta huma mxekkla mir-riżorsi limitati li għandha l-awtorità domestika tal-kompetizzjoni. Il-prezzijiet ta' livell eċċessiv f'Malta jirriflettu sa ċertu punt ukoll il-prattiċi diskriminatorji, fejn jidħlu ċerti servizzi bażiċi, kontra persuni mhux ċittadini Maltin li jirresjedu jew li beħsiebhom jirresjedu f'Malta. Matul dawn l-aħħar xhur, l-awtoritajiet ħadu azzjoni biex ineħħu l-prezzijiet ibbażati fuq żewġ saffi għall-utilitajiet u għat-trasport pubbliku.

3.5. Il-Modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika

Minkejja t-titjib f'ċerti oqsma, għad hemm ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika, u dan għandu effetti potenzjalment negattivi fuq il-kompetittività u l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Numru ta’ riformi tejbu l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika sabiex tiżviluppa ambjent aktar favorevoli għan-negozju. Madankollu, għad iridu jiġu affaċċjati ċerti nuqqasijiet fejn jidħol l-assorbiment tal-fondi tal-UE u l-effiċjenza tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku kif ukoll ir-riforma tal-ġustizzja.

Fl-2013 saret rakkomandazzjni lil Malta biex taffaċċja l-ineffiċjenżi fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u fis-sistema tal-ġustizzja. L-analiżi f'dan id-dokument ta' ħidma tal-persuna tasal għall-konklużjoni li Malta għamlet xi progress biex -tnaqqis it-tul tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku kif ukoll għamlet progress limitat fejn jidħlu miżuri meħuda biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni rigward is-sistema tal-ġustizzja.

L-amministrazzjoni pubblika

Minkejja titjib ċkejken fl-effiċjenza tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-2013, il-pajjiż għadu wieħed minn dawk bl-agħar prestazzjoni fl-UE. It-tul medju tal-proċeduri ta' akkwist tnaqqas b'madwar 15% fl-2013 (minn 295 fl-2010 għal 249 fl-2013), li għadu b'mod sinifikanti taġt il-medja tal-UE ta' 119 ġurnata.[40] Ir-riforma ewlenija f'dan il-qasm hija t-tranżizzjoni lejn l-akkwist b'mezzi elettroniċi, f'konformita mal-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, biex b'hekk sa tmiem l-2014, il-proċeduri kollha ta' akkwist pubbliku jiġu konklużi b'mod elettroniku, bil-ħsieb li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza. L-istallazzjoni tas-sistemi ta' akkwist b'mod elettroniku tlestiet għal fejn jidħlu l-offerti pubbliċi 'l fuq mil-limitu tal-UE u s-sistema l-ġdida rċeviet b'mod ġenerali risposti pożittivi minn dawk interessati, iżda n-nuqqas ta' interpretazzjoni armonizzata tal-proċeduri applikati mill-awtoritajiet kuntrattwali diversi għadha problema. Azzjoni ta' politika ulterjuri f'dan il-qasam tinkludi l-pjan li jitnaqqas it-tul tal-perjodi tat-tfigħ tal-offertt u tar-reklamar u l-perjodu medju tal-aġġudikazzjoni. Jekk jiġu implimentati kif imiss, dawn il-miżuri jistgħi jnaqqsu t-tul tal-proċess tal-akkwist pubbliku u jżidu l-effiċjenza tiegħu, bir-riżultat li jkun hemm nefqa pubblika ta' valur akbar. Mandankollu, ma hemm l-ebda mira li takkumpanja l-inizjattivi, biex b'hekk huwa diffiċli li wieħed ikejjel l-effettività.

L-ineffiċjenzi jżidu r-riskju li l-fondi tal-UE ma jkunux assorbiti fiż-żmien propizju. L-aħħar ċifri disponibbli (tmiem Marzu 2014) juru li, minkejja l-aċċellerazzjoni fit-tieni nofs tal-2013, Malta għad għandha problemi sinifikanti fl-assorbiment ta' fondi tal-UE. Filwaqt li r-rata tas-selezzjoni tal-proġetti hija fil-livell tal-medja tal-UE, ir-rata tan-nefqa hija 'l isfel sew minnha, speċjalment fejn jidħol il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, filwaqt li Malta hija kemm kemm taħt il-medja tal-UE fejn jidħol il-Fond ta' Koeżjoni. Id-dewmien huwa minħabba kemm kapaċità amministrattiva insuffiċjenti u proċeduri kkumplikati u twal, b’mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u permessi ambjentali.

L-ambjent ta' negozju u s-sistema tal-ġustizzja

Implimentazzjoni ulterjuri tal-Att tan-Negozju ż-Żgħar tkun ta' għajnuna biex jitjieb l-amjbent tan-negozju għall-SMEs. Malta għadha qiegħda timplimenta miżuri skont l-Att tal-2011 dwar in-Negozji Żgħar. Minkejja l-intenzjoni tal-gvern li jistabbixxi "test tal-SMEs" sistematiku sa tmiem l-2014, kif hemm fl-Att, ftit li xejn għadu sar dwar dan sa issa. B’mod partikolari, it-"test tal-SMEs" jgħin biex ikunu jista' jiġi identifikat l-impatt potenzjali ta’ kull leġiżlazzjoni ġdida proposta fuq l-impriżi żgħar u huwa mistenni li jwassal għal riżultati pożittivi. Barra minn dan, bid-dawl tar-riżultati pożittivi sa issa, huwa mistenni li r-rwol tal-one-stop shop "Business First", ikun estiż.

Tnediet ir-riforma ambizzjuża tas-sistema tal-ġustizzja, iżda l-implimentazjoni tinsab fi stadju bikri ħafna. It-tul tal-proċedumenti fejn jidħlu każijiet ċivili, kummerċjali u amministrattivi qsar, iżda għadu fost l-itwal fl-UE.[41] Il-prestazzjoni tal-qorti fir-riżoluzzjoni ta' każijiet ċivili u kummerċjali fl-ewwel istanza tjiebet. Madankollu, ir-rata tar-riżoluzzjoni ta' każijiet amministrattivi hija l-aktar waħda baxxa fl-UE.[42] Ir-rapport tal-Bank Dinji Doing Business[43] ukoll jindika nuqqasijiet fil-proċedimenti dwar l-istralċ, li f'dan l-istħarriġ huwa stmat li jdumu sa tliet snin.[44] Il-Kummissjoni ta' Esperti dwar ir-Riforma tal-Ġustizzja ippreżentat ir-rapport finali tagħha dwar ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja lill-gvern f'Novembru 2013, li jinkludi 450 rakkomandazzjoni għat-titjib tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, f'konformita mal-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Ir-riforma jkollha wkoll l-għan li tnaqqas it-tul tal-proċeduri fil-qorti, bl-għoti ta' attenzjoni partikolari lejn il-każijiet ta' stralċ. Il-gvern ikkonsulta lil dawk interessati dwar il-miżuri proposti waqt seminar li sar fit-12 ta' Marzu 2014 u twaqqaf Kumita ta' Implimentazzjoni tar-Riforma tal-Ġustizzja (JuRIC). Għar-rigward tal-iskeda, huwa ppjanat li jiġu implimentati 180 miżura ta' riforma matul l-2014. Huwa maħsub li l-emendi kostituzzjonali (li l-biċċa l-kbira fosthom jirrekjedu maġġoranza ta' żewġ terzi fil-parlament) jgħaddu sat-tielet kwart tal-2014 filwaqt li l-emendi għal-liġi primarja huma mistennija li jiġu ffinalizzati sa tmiem Ġunju 2014.

4. Konklużjonijiet

L-ekonomija Maltija għandha prestazzjoni relattivament tajba meta mqabbla mal-kumplament tal-UE, iżda għadd ta' dgħjufijiet strutturali jrażżnu l-prestazzjoni ekonomika u jisfidaw is-sostenibilità għat-tul tal-finanzi pubbliċi Minħabba d-dipendenza għolja fuq il-kummerċ estern, l-ekonomija hija vulnerabbli għad-dgħjufijiet fid-domanda esterna u għall-kompetizzjoni minn barra. F'dan il-kuntest, l-aktar li huma prominenti huma l-ineffiċjenzi fl-ambjent tan-negozju, bħal ma huma nuqqas ta' konformità bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq li jiġi minn utilizzazzjoni ineffiċjenti ta' kapital uman, il-kosti għolja tal-enerġija marbuta parzjalment ma' sistema ineffiċjenti tal-enerġija li għadha għal kollox dipendenti fuq iż-żejt imputat, u l-ineffiċjenzi fis-sistemi tat-trasport u tal-ġustizzja. L-interkonnessjonijiet sinifikanti bejn id-diversi setturi tal-ekonomija jirrekjedu garanzija ta' reżiljenza ekonomika. Fejn jidħlu l-finanzi pubbliċi, żbilanċ eċċessiv fil-baġit, u żidiet sinifikanti pprojettati fin-nefqa marbuta mal-età toffri sfidi għat-tul. Dawn il-kwistjonijiet kollha ġew indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet tal-2013 għal kull pajjiż.

L-analiżi f'dan id-dokument ta' ħidma tal-persunal twassal għall-konklużjoni li Malta għamlet xi progress lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2013 għal kull pajjiż. Sar progress sostanzjali fis-sostenn tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa, u fit-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja. Sar xi progress fejn tidħol il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-baġit, it-titjib tar-riżultati miksuba mill-edukazzjoni, ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja u t-titjib tal-effiċjenza tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Il-biċċa l-kbira tar-riformi, iżda, ikollhom impatt biss fuq perjodu ta' żmien medju sa twil. Il-progress biex tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt impurtat kien limitat, u ma ttieħdu l-ebda passi sinifikanti fir-riforma tas-sistemi tal-pensjoni u tas-saħħa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom għat-tul.

Il-programm nazzjonali ta' riforma, u l-programm ta' stabilità jirrikonoxxu l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-programm ta' stabilità jfisser l-istrateġija ta' konsolidazzjoni għall-2014 u jikkonferma l-objettiv li fuq perjodu medju jiġi bbilanċjat il-baġit f'termini strutturali, li għandu jintlaħaq lil hinn mill-orizzont tal-programm, iżda ma jispeċifikax il-miżuri biex dan l-objettiv jintlaħaq. Il-programm nazzjonali ta' riforma jirrikonoxxi l-prijoritajiet fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u jipproponi sett ta' miżuri fil-biċċa l-kbira adegwati biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati. Eċċezzjoni għal dan hija s-sistema tal-pensjonijiet, fejn għad ma hemmx pjani ta' azzjoni politika konkreti.

Tabella b'ħarsa ġenerali

Impenji tal-2013 || Valutazzjoni fil-qosor[45]

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs)

CSR 1: Tispeċifika u timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tilħaq l-isforz ta' aġġustament strutturali annwali stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv sabiex tikkorreġi d-defiċit eċċessiv sal-2014 b'mod sostenibbli u li jiffavorixxi t-tkabbir. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tagħmel sforz ta' aġġustament strutturali b'pass xieraq biex tilħaq l-OTM sal-2019. Timplimenta qafas fiskali pluriennali vinkolanti u bbażat fuq regoli fl-2013. Tiżgura t-twassil konkret ta' miżuri li jittieħdu biex tiżdied il-konformità mat-taxxa u biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, u tieħu azzjoni biex tnaqqas it-tendenza tad-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji. || Malta għamlet xi progress biex tindirizza s-CSR1 • Minkejja li ssodisfat il-mira nominali tad-defiċit fl-2013, b'marġini komda, skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2014, Malta mistennija li tkompli tnaqqas id-defiċit nominali fl-2014 biex iġġibu għal livell li huwa taħt dak rakkomandat mill-Kunsill (2.5% tal-PDG) filwaqt li t-titjib fil-bilanċ strutturali fuq l-2013 u l-2014 ikun ħafna anqas u mistenni li jkun anqas mil-livell rakkomandat. Barra minn dan, abbażi ta' previżjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ebda tibdil ta' politika, jeżisti r-riskju li jkun hemm devjazzjoni sinifikanti mill-progress biex jintlaħqu l-objettivi ta' terminu ta' żmien medju (MTO) fl-2015. • Sar progress sostanzjali għar-rigward tar-riforma tal-qafas fiskali, peress li l-awtoritajiet approvaw Att dwar ir-Responsabilità Fiskali komprensiv. • Sar xi progress fiż-żieda tal-konformità tat-taxxa u fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Ġew implimentati għadd ta' miżuri biex il-proċeduri tal-ġbir tat-taxxa jiġu razzjonalizzati u biex jiġi ffaċilitat il-ġbir tat-taxxa, iżda għadu diffiċli li jitkejlu l-kisbiet konkreti. Ma sar l-ebda tibdil biex jitnaqqas ix-xaqliba favur id-dejn fejn tidħol it-tassazzjoni korporattiva, għalkemm ir-rwol tas-sistema tat-taxxa f'relazzjoni mad-dejn hija anqas ċara.

CSR2: Tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, tkompli tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet sabiex trażżan iż-żieda mbassra fin-nefqa, fosthom b'miżuri bħall-aċċellerazzjoni taż-żieda fl-età tal-irtirar statutorja, iżżid l-età effettiva tal-irtirar billi tiġi allinjata l-età tal-irtirar jew il-benefiċċji tal-pensjoni mal-bidliet tal-istennija tal-għomor u billi tinkoraggixxi t-tfaddil tal-pensjonijiet privat. Tieħu miżuri biex iżżid ir-rata tal-impjiegi tal-ħaddiema aktar anzjani billi tiffinalizza u timplimenta strateġija komprensiva tat-tixjiħ attiv. Twettaq ir-riformi fil-provizjoni tal-kura tas-saħħa biex iżżid il-kosteffettività tas-settur, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-proviżjoni tal-kura primarja pubblika. Ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. || Malta għamlet xi progress biex tindirizza s-CSR2: • Malta ma għamlet l-ebda progress biex taċċellera l-pass tar-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet biex titrażżan iż-żieda projettata fin-nefqa. • Sar xi progress fl-introduzzjoni tat-tielet pilastru privat tal-pensjoni. • Malta għamlet xi progress fl-introduzzjoni ta' miżuri biex tgħola r-rata tal-impjieg ta' ħaddiema aktar anzjani, speċjalment permezz tat-tnedija tal-Politika Strateġika Nazzjonali dwar l-Anzjanità Attiva. • Sar progress limitat biex tiġi ggarantita s-sostenibilità tas-sistema tas-saħħa L-awtoritajiet Maltin implimentaw xi miżuri biex jirrazzjonalizzaw l-akkwist tal-farmaċewtiċi u l-provvisti mediċi u biex itejbu l-ġestjoni tal-isptar Mater Dei. Madankollu ma hemm xejn x'juri li huma wettqu xi progress fit-titjib tal-kura tas-saħħa primarja u fil-komunità. • Malta għamlet xi progress fejn jidħol l-akkwist pubbliku. Malta qiegħda fil-proċess li sal-2014 iddaħħal ftit ftit sistema elettronika ta' akkwist pubbliku għal offerti li jkunu 'l fuq mil-limitu tal-UE. Malta irrappurtat ukoll tnaqqis sinifikanti fit-tul tal-proċedura, kif ukoll miżuri mmirati lejn aktar tnaqqis.

CSR 3: Tkompli tagħmel sforzi politiċi biex tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, b'mod partikolari billi twaqqaf sistema komprensiva ta' monitoraġġ, u tagħmel l-edukazzjoni u t-taħriġ iktar relevanti għas-suq tax-xogħol biex tindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet, fosthom permezz tar-riforma mħabbra tas-sistema ta' apprentistat. Tkompli tappoġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol li qed titjieb billi tippromwovi arranġamenti tax-xogħol flessibbli, b'mod partikolari billi ttejjeb il-proviżjoni u l-affordjabbiltà ta' ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal u ta’ ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal barra mill-ħin tal-iskola. || Malta għamlet xi progress biex tindirizza s-CSR3 • Sar xi progress biex titwaqqaf sistema komprensiva ta' monitoraġġ dwar it-tluq bikri mill-iskola. • Sar xi progress biex tiżdied ir-relevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ. • Sar progress limitat fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-apprendistat. • Sar progress sostanzjali fit-titjib tal-provvista ta' ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal barra mill-ħin tal-iskola, kif ukoll fil-passi biex il-miżati tagħhom ikunu tali li l-ġenturi jkunu jistgħu jlaħħqu magħhom. Dan sar permezz tal-provvista ta' servizzi ta' kura tat-tfal b'xejn.

CSR 4: Tkompli bl-isforzi biex tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija, b'mod partikolari permezz taż-żieda fl-użu ta' enerġija rinnovabbli u t-tlestija f'waqtha tal-konnessjoni tal-elettriku ma' Sqallija. Tkompli bl-isforzi biex tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport. || Malta għamlet xi progress biex tindirizza s-CSR 4 • Malta għamlet progress limitat għar-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. B'mod partikolari l-istallazzjoni ta' sistemi fotovoltajċi ġiet inċentivata bi programmi li jużaw il-fondi reġjonali u permezz ta' tariffa "feed-in". Madankollu, minħabba preokkupazzjonijiet ambjentali, il-pjan li jinbnew proġetti fuq skala kbira għall-enerġija mir-riħ ġie rivedut u minflok l-attenzjoni se tkun fuq ir-riġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli. • Malta għamlet xi progress għar-rigward tal-konnessjoni tal-elettriku ma' Sqallija. L-interkonnessjoni tal-elettriku bejn Malta u l-Italja qed tinbena u se tkun operattiva sa tmiem l-2014. • Malta għamlet xi progress għar-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija. Xi mizuri li jimplimentaw l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ġew innotifikati fil-ħin, u jidher li t-traspożizzjoni tad-Direttiva ukoll se ssir fil-ħin. • Malta għamlet progress limitat biex tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport. Malta implimentat sett ta' miżuri wiesa' u strutturat; madankollu, dawn huma ta' daqs u ambitu limitat wisq biex jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-prestazzjoni tas-settur tat-trasport.

CSR5: Tieħu miżuri biex tkompli ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet għat-telf minn self mhux onorat fis-settur bankarju biex ittaffi r-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-esponizzjoni għas-suq immobiljari. Tkompli bl-isforzi ta' politika biex tiżgura s-superviżjoni stretta tas-settur bankarju, fosthom għall-banek domestiċi non-core u għal dawk orjentati internazzjonalment. Ittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-sistema ġudizzjarja, pereżempju billi tnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti każijiet ta' insolvenza. || Malta għamlet xi progress biex tindirizza s-CSR 5 • Malta għamlet progress sostanzjali fejn jidħlu miżuri meħuda biex tiġi ggarantita l-istabilità fiskali. Ittieħdu miżuri biex tittejjeb is-sorveljanza regolatorja u ttieħdu miżuri f'każijiet ta' telf mis-self. • Malta għamlet progress limitat fejn jidħlu miżuri meħuda dwar is-sistema tal-ġustizzja. Tnediet riforma ambizzjuża tas-sistema tas-saħħa, li l-implimentazzjoni tagħha jeħtieġ li tiġi segwita b'mod strett biex jiġi evitat id-dewmien.

||

Ewropa 2020 (miri nazzjonali u progress)

Mira fil-kamp ta' politika ||  Progress miksub

Mira R&D: 2% tal-PDG || Il-mira nazzjonali l-ġdida għall-2020, li ġiet stabbilita dan l-aħħar, hija ambizzjuża. Il-pajjiż għandu prestazzjoni fejn tidħol l-intensità globali tal-R&D ta' 0.84% fl-2012. L-intensità tal-R&D fin-negozju tammonta għal 60% ta' GERD totali, segwit mis settur ta' edukazzjoni għolja b'36% fl-2012. L-infieq fuq R&D li għamlu organizzazzjonijiet ta' riċerka pubblika jirrappreżenta madwar 3% tal-GERD. Minkejja żieda sinifikanti fl-2012, l-intensità tal-R&D għadha baxxa ħafna fejn tidħol il-medja tal-UE. L-iffinanzjar ta' Malta tar-R&Ż jiddependi ħafna fuq sorsi ta' finanzjament mill-UE, speċjalment il-Fondi Strutturali. 

Mira ta' rata tal-impjieg: 70% (ġdida) || 64.9% (2013) – Malta stabbiliet mira ġdida peress li dik preċedenti ta' 62.9% inqabżet fl-2012. Sat xi progress biex tinkiseb din il-mira.

Mira dwar ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola: 10% || Rata tat-tluq bikri mill-iskola: 23.6% fl-2011, 22.6% fl-2012, 20.9% fl-2013. Sar xi progress biex tinkiseb din il-mira.

Mira għall-edukazzjoni terzjarja: 33 % || Rata tal-edukazzjoni terzjarja: 21.4 % fl-2011, 22.4 % fl-2012, 26 % fl-2013. Sar xi progress biex tinkiseb din il-mira.

Mira dwar ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali: jintrefgħu 6 560 persuna mir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. || 94,000 f’riskju (2012)

Mira dwar l-enerġija rinnovabbli (2012): 10% Sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-modi kollha ta' trasport: 10% || Ikun meħtieġ li jsir progress konsiderevoli biex il-miri tal-2020 tar-RES ikunu jistgħu jiġu ssodisfati domestikament. Ir-rapport ta' progress tal-2011/2012 jindika li Malta kisbet l-ewwel mira proviżorja tagħha fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli (2%), iżda d-dejta finali tal-Eurostat għall-2012 kienet 1.4%. Skont il-EUROSTAT, is-sehem ta' sorsi rinnovabbli fit-trasport kien ta' 1% fl-2012.

Mira għall-enerġija effiċjenti. Malta stabbiliet mira nazzjonali indikattiva għall-enerġija effiċjenti ta' 22%, li timplika li se tilħaq fl-2020 livell ta' 0.825 MToe fil-konsum primarju u 0.492 Mtow fil-konsum finali tal-enerġija. || Fl-2013, Malta nnotifikat il-mira nazzjonali indikattiva għall-enerġija effiċjenti tagħha (L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Effiċjenti). Ġew notifikati fil-ħin xi miżuri biex jiġi implimentat l-Artikolu 7 tad-Direttiva u l-istimi kurrenti jindikaw li Malta sejra tittrasponi d-Direttiva fil-ħin.

Il-bidla fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra bejn l-2005 u l-2012: +5 % || Malta miexja fit-triq it-tajba biex tissodisfa dan l-impenn ta' limitazzjoni tal-emissjonijiet. Skont l-aktar projezzjonijiet nazzjonali reċenti, u meta jitqiesu l-miżuri eżistenti, l-emissjonijiet fis-settur mhux tal-ETS se jkuknu 4% ogħla milli fl-2005. Il-mira mistennija li tinkiseb b'punt perċentwali wieħed (1). Bejn l-2005 u l-2011, l-emissjonijiet totali f'Malta żdiedu b'7%, filwaqt li l-emissjonijiet madwar l-UE naqsu b'9% bħala medja fuq l-istess perjodu.

Anness

Tabelli Standard

Tabella I. Indikaturi makroekonomiċi

Tabella II. Paragun tal-iżviluppi u l-previżjonijiet makroekonomiċi

Tabella III. Kompożizzjoni tal-aġġustament baġitarju

Tabella IV. Dinamika tad-dejn

Tabella V. Indikaturi ta' Sostenibilità

Tabella VI. Indikaturi ta’ tassazzjoni

Tabella VII. Indikaturi tas-suq tax-xogħol

Tabella VIII: Indikaturi tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali

Tabella IX. Indikaturi tal-prestazzjoni fis-suq tal-prodotti u tal-politika

Tabella X. Tkabbir ekoloġiku

Lista ta' indikaturi użati fil-Kaxxa 5 dwar l-impatt potenzjali fuq it-tkabbir tar-riformi strutturali

Mark-ups fis-settur tal-prodotti finali: Il-marġini tal-prezz-kost, jiġifieri d-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta' prodott jew servizz, u l-kost tiegħu. Il-mark-ups finali tal-prodott huwa rappreżentat mill-mark-up f'xi setturi magħżula tas-servizzi (it-trasport u l-ħażna, il-posta u t-telekomunikazzjoni, l-elettriku, il-provvista tal-gas u tal-ilma, il-lukandi u r-ristorani u l-intermedjazzjoni finanzjarja iżda mingħajr il-proprjetà immobbli u l-kiri ta' makkinarju u apparat u attivitajiet oħra ta' negozju[46])

Sors: Stima tas-servizzi tal-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija ta' Roeger, W. (1995). "Can imperfect Competition explain the Difference between primal and dual Productivity?" Journal of Political Economy Vol. 103(2) pp. 316-30, ibbażat fuq dejta mill-EUKLEMS 1996-2007.

Kosti għad-dħul: Il-kost li wieħed jibda negozju fis-settur intermedjarju bħala sehem mid-dħul kull ras. Is-settur intermedjarju huwa rappreżentat mis-settur tal-manifattura fil-mudell.

Sors: Il-Bank Dinji, Doing Business Database. www.doingbusiness.org. Dejta tal-2012.

Rata tat-taxxa impliċita fuq il-konsum Iddefinita bħala t-taxxi totali fuq il-konsum fuq il-valur tal-konsum privat. Fis-simulazzjonijiet tintuża bħala rappreżentazzjoni għax-xaqliba tat-tassazzjoni lil minn mix-xogħol u lejn it-taxxi indiretti. Ir-rati tat-taxxa impliċiti fuq il-konsum jiżdiedu (jitnaqqas bin-nofs id-distakk vis-a-vis dawk li għandhom l-aħjar prestazzjoni) filwaqt li jitnaqqsu r-rati tat-taxxa fuq ix-xogħol, b'mod li l-impatt ikkombinat ikun ex-ante newtrali fejn jidħol il-baġit.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Taxation trends in the European Union, Edizzjoni 2013, Il-Lussemburgu, 2013. Dejta tal-2011.

Sehem ta' dawk b'ħiliet għolja u dawk b'ħiliet baxxi: Is-sehem ta' ħaddiema b'ħiliet għolja żdied, is-sehjem ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi naqas (jitnaqqas bin-nofs id-distakk vis-a-vis dawk li għandhom l-aħjar prestazzjoni). Livell baxx ta' ħiliet jikkorrispondi għall-kategoriji ISCED 0-2; livell għoli ta' ħiliet jikkorrispondi għal xjentisti (tal-matematika u l-kompjuting, l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni). Il-kumplament huma dawk li għandhom ħiliet medji.

Sors: EUROSTAT. Dejta tal-2012 jew l-aktar reċenti disponibbli.

Rata ta' nonparteċipazzjoni tan-nisa: Is-sehem ta' nisa fl-età li jistgħu jaħdmu li ma għandhom impjieg bi ħlas u li mhux qed ifittxu impjieg bi ħlas fil-popolazzjoni kollha ta' nisa fl-età li jistgħu jaħdmu

Sors: EUROSTAT. Dejta tal-2012 jew l-aktar reċenti disponibbli.

Rata ta' nonparteċipazzoni ta' irġiel b'ħiliet baxxi Is-sehem ta' rġiel b'ħiliet baxxi fl-età li jistgħu jaħdmu li ma għandhom impjieg bi ħlas u li mhux qed ifittxu impjieg bi ħlas fil-popolazzjoni kollha ta' rġiel fl-età li jistgħu jaħdmu

Sors: EUROSTAT. Dejta tal-2012 jew l-aktar reċenti disponibbli.

Rata ta' nonparteċipazzjoni tal-anzjani (bejn il-55 u l-64 sena): Sehem tal-popolazzjoni ta' dawk li għandhom bejn 55 u 64 sena li m'għandhomx impjieg bi ħlas u li mhux qed ifittxu impieg bi ħlas fost il-popolazzjoni totali li għandha bejn 55 u 64 sena.

Sors: EUROSTAT. Dejta tal-2012 jew l-aktar reċenti disponibbli.

ALMP: Nefqa fuq il-Politika Attiva fis-Suq tax-Xogħol bħala sehem mill-PDG fuq is-sehem ta' persuni qiegħda fil-popolazzjoni.

Sors: EUROSTAT. Dejta tal-2011 jew l-aktar reċenti disponibbli.

Rata ta' sostituzzjoni tal-benefiċċju: Sehem tad-dħul ta' ħaddiema qabel ma jisfa' qiegħed li jitħallas mill-iskema ta' assikurazzjoni għall-qgħad Medja ta' rati netti medji ta' sostituzzjoni matul 60 xahar ta' impjieg.

Sors: OECD, Benefits and Wages Statistics. www.oecd.org/els/benefitsandwagesstatistics.htm. Dejta tal-2012.

Rati ta' kreditu ta' taxxa għall-R&D: Ir-rati ta' kreditu ta' taxxa għall-R&D jintużaw biex jirrappreżentaw sussidji għall-R&D ffinanzjati pubblikament fil-forma ta' ħelsien mit-taxxa. Ta' min jinnota li hemm miżuri oħra utli appart l-krediti tat-taxxa li jwasslu għal stimolu fl-R&D (pereż. miżuri diretti bħal ma huma sussidji, għotjiet u miżuri indiretti oħra) u li l-impatt tagħhom mhux evalwat minn QUEST). Barra minn dan, l-impatt fuq it-tkabbir ta' krediti tat-taxxa ogħla fuq l-R&D x'aktarx li jiġi sottovalutat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, huma biss ir-riżultati ta' żieda iżolata tal-krediti tat-taxxa fuq l-R&D li jiġu rappurtati, mingħajr ma jitqiesu miżuri kumplimentari biex tiġi sostnuta din il-politika (pereż. l-provvista ta' xogħol ta' ħiliet għolja). It-tieni, f'konformità mas-sistema preżenti ta' kontabilità ESA95, l-R&D mhux kapitalizzat, li jkun il-każ skont l-ESA2010 il-ġdida li tidħol fis-seħħ fil-ħarifa tal-2014.

Sors: Għal EL u IT: Dejta tal-2008, medja madwar ditti kbar u żgħar skont Warda J (2009). Aġġornament tat-trattament tat-taxxa tal-R&D f'pajjiżi tal-OECD u f'ekonomiji emerġenti magħżula, 2008-2009, mimeo. Fi: OECD (2009) Science, technology and industry scoreboard 2009, OECD Publishing, Pariġi. Għal AT, BE, CZ, DE, DK, EL, ES, FI, FR, HU, IE, LU, NL, PL, PT, SE, SI, SK, UK: Dejta tal-2013, medja madwar ditti kbar u żgħar skont OECD (2013) Science and technology scoreboard 2013. Innovation for growth. OECD Publishing, Pariġi.

[1]              COM(2013) 800 finali

[2]              COM(2013) 790 finali

[3]              Apparti s-16-il Stat Membru identifikati fl-AMR, l-Irlanda wkoll kienet koperta b'analiżi dettaljata, wara li l-Kunsill ikkonkluda li għandha tiġi integrata totalment fil-qafas normali ta' sorveljanza wara li temmet b'suċċess il-programm ta' assistenza finanzjarja tagħha.

[4]              Bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, ikkalkulati mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-infomrazzjoni pprovduta fil-programm, bl-użu tal-metodoloġija komunament maqbula.

[5]              Id-DBP ippreżentat f'Ottubru 2013, madankollu, m'għandux dettalji dwar il-miżuri li jirfdu il-miti ta' dħul u ta' nfieq għall-2014.

[6]              Skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 877/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013.

[7]              Ara t-Tabella V fl-Anness.

[8]              Ara, Il-Kummissjoni Ewropean, The 2012 Ageing Report: Economic and budgetary projections for the 27 Member States (2010-2060), European Economy 2/2012.

[9]              Ara t-Tabella V fl-Anness.

[10]           Ara l-paġna 53 tad-diskors tal-baġit tal-4 ta' Novembru 2013. "Government reiterates its pledge not to increase the retirement age". Disponibbli hawn: http://mfin.gov.mt/en/The-Budget/Pages/The-Budget-2014.aspx

[11]           Ix-xenarju bażiku għal dan is-simulazzjonijiet jassumi li r-rata tal-impjieg fost il-grupp li għandu bejn l-20 u l-64 sena tilħaq id-69.9% fl-2060. Fl-2012, il-proporzjon kien ta' 63.1% f'Malta u 68.4% fl-UE28. Għal aktar informazzjoni ara The 2012 Ageing Report: Economic and budgetary projections for the 27 Member States (2010-2060), European Economy 2/2012, European Commission.

[12]           Fil-21 ta' Frar 2014 ġiet ippubblikata Strateġija Nazzjonali ta' Malta għas-Saħħa (disponibbli hawn https://ehealth.gov.mt/download.aspx?id=10042); din tikludi proposti biex jiġu indirizat ħafna mill-isfidi ewlenin li għandha quddiemha s-sistema tas-saħħa f'Malta. Rapport dwar is-sitwazzjoni fl-isptar ewlieni, l-isptar Mater Dei, ġie ppubblikat lejn tmiem l-2013, u, fl-aħħar, il-European Observatory ppubblikat ir-rapport New Health Systems in Transition (HiT) dwar Malta (http://www.euro.who.int/en/about-us/partners/observatory/health-systems-in-transition-hit-series/countries-and-subregions/malta-hit-2014).

[13]           Kif ġie rrappurtat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur fir-rapport tiegħu "Report by the Auditor General on the Public Accounts 2012".

[14]           Il-prestazzjoni tas-sistema tal-VAT (kif imkejla mid-diskrepanza tal-VAT) diġà hija aħjar mill-medja tal-UE.

[15]           Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata f'Novembru 2013 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

[16]           Ma hemm l-ebda limiti fuq ħlas bi flus kontanti f'Malta. Il-ħlas bil-karti bankarji, li ma jkunux flus elettroniċi bħala perċentwali tal-PDG kienu relattivament baxxi f'Malta fl-2012. Ara Il-Kummissjoni Ewropea (2013) Impact Assessment Accompanying the document Proposal for a directive of the European parliament and of the Council on payment services in the internal market and amending Directives 2002/65/EC, 2013/36/UE and 2009/110/EC and repealing Directive 2007/64/EC and Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on interchange fees for card-based payment transactions, p. 12.

[17] http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/macroeconomic_imbalance_procedure/index_en.htm

[18]           Din il-bidla hija konsegwenza tal-hekk imsejjaħ "pakkett tal-VAT", adottat mill-kunsill fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi kif ukoll ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

[19]           Filwaqt li d-dħul minn taxxi ambjentali huwa ogħla mill-medja tal-UE, hemm lok biex il-piż tat-taxxa jinxteħet aktar lejn l-ambjent milli lejn ix-xogħol. La hemm taxxa fuq il-miżbliet, la indiċizzazzjoni ta' taxxi ambjentali, u lanqas ma hemm strateġija ġenerali biex jiġu eliminali sussidji li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent.

[20]           Il-BKSF huwa intenzjonat li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-BĊM u s-superviżur tas-settur finanzjarju, l-Awtorita Maltija tas-Servizzi Finanzjarji, filwaqt li joħroġ ukoll b'rakkomandazzjonijiet ta' politika biex iħares l-istabilita finanzjarja.

[21] http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/macroeconomic_imbalance_procedure/index_en.htm

[22]           Għall-aktar dettalji ara r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2014, COM(2013)801, li jinkludi tabella tar-riżultati b'indikaturi ċentrali dwar l-impjiegi u l-qagħda soċjali

[23]           Ara, Il-Kummissjoni Ewropea, Labour market developments in Europe, 2013, European Economy/2013

[24]           31.7% kontra 46.9% għall-UE (persuni bejn l-20 u l-64 sena) EUSILC 2011.

[25]           Malta għandha arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol pjuttost riġidi, fejn hemm ammont ta' reġimi li fihom min iħaddem jiffissa l-ħinijiet tax-xogħol li huwa ogħla mill-medja (72% għal impjegati rġiel, 76% għal impjegati nisa, kontra 59% u 60% rispettivament għall-UE27 li għandhom arranġamenti ta' ħinijiet tax-xogħol stabbiliti minn min iħaddem waħdu - EWCS2010) u aktar diffikultajiet rigward il-flessibilità għal raġunijiet ta' familja (63.8% impjegati rġiel u 64.1% impjegati nisa kontra 24.3% u 23.7% fl-UE27 ma għandhom l-ebda possibilità li jvarjaw meta jibdew u/jew jieqfu mill-ġurnata tax-xogħol tagħhom għal raġunijiet ta' familja Eurostat 2010)

[26]           Fl-2013, l-Uffiċċju Malti tal-Istatistika u l-Eurostat irrevedew il-fattur taż-żmien dwar dawk li jispiċċaw mill-iskola kmieni minħabba klassifikazzjoni ta' ċerti kwalifiki fil-livell sekondarju. Skont il-fattu il-ġdid taż-żmien, ir-rata ta' dawk li jispiċċaw mill-iskola kmieni naqset bi 12-il punt perċentwali bejn l-2007 u l-2013.

[27]           23.2% għas-subien imqabbel ma 18.2% għall-bniet.

[28]           Immexxija mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (IEA).

[29]           Fil-perjodu 2010-20, CEDEFOP tipprevedi żieda ta' 34.2% fl-impjiegi ta' kwalifika medja f'Malta, imqabbel ma' żieda ta' biss 4.6% fl-UE28.

[30]           Il-qliegħ finali tas-settur tal-profotti finali hija d-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ ta' prodott/servizz, u l-kost tiegħu. Il-kost tad-dħul jirreferi għall-kost biex wieħed jibda' negozju fis-settur intermedjarju. Ir-rata ta' taxxa tal-konsum impliċita hija indikatur biex it-tassazzjoni tiġi mxaqilba lil hinn mix-xogħol u lejn it-taxxi indiretti. Ir-rata ta' sostituzzjoni tal-benefiċċju hija l-% tad-dħul ta' ħaddiem qabel jidħol f'impjieg, li titħallas mill-iskema tal-qgħad. Il-krediti tat-taxxa tal-R&D jaġixxu ta' indikatur għaż-żieda fl-investiment fl-R&D. Għal spjega dettaljata tal-indikaturi are l-Anness.

[31]           Għal spjega dettaljata tal-mekkaniżmi ta' trażmissjoni tax-xenarji ta' riformi ppreżentati hawnhekk, ara: Il-Kummissjoni Ewropea (2013), ‘The growth impact of structural reforms’, Chapter 2 in Quarterly report on the euro area. Nru. 4. Diċembru 2013, Brussell.

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/qr_euro_area/2013/pdf/qrea4_section_2_en.pdf

[32]           Bħalissa ġew stallati madwar 75% tal-ismart meters. Skont l-istimi tal-gvern, fil-programm ta' riforma tiegħu tal-2014, il-mira hija li l-istallazzjoni tal-meters titlesta sa tmiem it-tielet kwart tal-2014.

[33]           Il-mira nazzjonali ta' Malta għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli ta' enerġija (RES) hija ta' 10%.

[34]           Is-sehem ta' 60% tas-settur Malti tat-trasport fil-konsum totali finali tal-enerġija jpoġġi lil Malta fit-tieni post fl-UE, wara l-Lussemburgu.

[35]           Bħala medja, kull detentur ta' liċenzja tas-sewqan kellu 1.4 karozzi f'Malta fl-2012 u l-karozzi privati intużaw għal 71% tal-vjaġġi kollha li saru mill-individwi.

[36]           L-iżvilupp tal-mudell qed jiġi sostnut minn fondi mill-UE. Il-mudell jintuża biex jiġu ttestjati xenarji ta' trasport u biex jingħataw previżjonijiet li jkunu ta' għajnuna fit-tfassil tal-politika.

[37]           Il-Bank Dinji (WB 2013), Doing Business report, 2013, available at http://www.doingbusiness.org/~/media/GIAWB/Doing%20Business/Documents/Annual-Reports/English/DB13-full-report.pdf

[38]           Id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart).

[39]           Ara l-Kaxxa 5 fil-pp. 20-21.

[40]           Fl-2013, Malta tkun il-pajjiż bit-tielet l-agħar prestazzjoni fl-UE fejn jidħol it-tul tal-proċedura miftuħa, wara l-Greċja u l-Italja.

[41]           Iż-żmien meħtieġ biex jiġu riżolti kawżi ċivili u kummerċjali naqas minn 849 jum fl-2010 għal 685 fl-2012. Minkejja dan il-progress, Malta għadha l-pajjiż bl-itwal proċedimenti f'din il-kategorija. Għal każijiet amministrattivi, it-tul tal-proċedimenti naqas minn 2 758 jum fl-2010 għal 1 457 fl-2012. Dan hu progress sinifikanti, iżda t-tul tal-proċedimenti għall-każijiet amministrattivi għadu sew itwal mill-medja tal-UE. Sors: It-tabella ta' Valutazzjoni tal-UE għall-Ġustizzja tal-2014, Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2014) 155 finali, li tinstab hawn:   

http://ec.europa.eu/justice/effective-justice/scoreboard/index_en.htm.

[42]           Ir-rata tar-riżoluzzjoni ta' każijiet amministrattivi kienet ta' 40% fl-2012. Sors: It-tabella ta' Valutazzjoni tal-UE tal-2014 għall-Ġustizzja.

[43]           Il-Bank Dinji (WB 2013), Doing Business report, 2013, available at http://www.doingbusiness.org/~/media/GIAWB/Doing%20Business/Documents/Annual-Reports/English/DB13-full-report.pdf

[44]           Il-Form Ekonomiku Dinji, "The Global Competitiveness Report; 2013-2014", http://www3.weforum.org/docs/WEF_GlobalCompetitivenessReport_2013-14.pdf

[45]           Jintużaw il-kategoriji li ġejjin biex jiġi valutat il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2013 speċifiċi għal kull pajjiż: L-ebda progress: L-Istati Membri la jkun ħabbar u lanqas adotta xi miżura indirizzata lilu fis-CSR. Din il-kategorija tapplika wkoll f'każ li l-Istat Membru jkun ikkummissjona grupp ta' studju biex jevalwa l-miżuri possibbli li jista' jieħu. Progress limitat: L-Istati Membri jkun ħabbar xi miżuri biex jindirizza s-CSR iżda dawn il-miżuri jkunu jidhru insuffiċjenti u/jew l-adozzjoni/l-implimentazzjoni tagħhom tkun tinsab f'riskju. Xi progress: L-Istati Membri jkun ħabbar jew adotta xi miżura indirizzata lilu fis-CSR. Dawn il-miżuri jkunu promettenti, iżda mhux kollha jkunu għadhom ġew implimentati u l-implimentazzjoni ma tkunx ċerta fil-każijiet kollha. Progress sostanzjali: L-Istati membru jkun adotta miżuri, li l-biċċa l-kbira minnhom ikunu ġew implimentati. Dawn il-miżuri jkunu effettivi ħafna biex jindirizzaw is-CSR. Indirizzat għal kollox: L-Istati Membri jkun adotta u implimenta miżuri li jindirizzaw is-CSR b'mod xieraq.

[46] Is-settur tal-proprjetà immobbli huwa eskluż peress li jeżistu diffikultajiet statistiċi biex jiġi stmat mark-up f'dan is-settur. Is-settur tal-kiri tal-makkinarju u tal-apparat, u attivitajiet oħra ta' negozju, huwa konċettwalment parti mis-settur tal-prodotti intermedjarji.