52014PC0698

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI Dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, tal-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati, u tad-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. /* COM/2014/0698 final - 2014/0331 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.               KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-awtorizzazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li għandha tkun adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ("il-Ftehim") bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom u l-Ukraina, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, tal-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati, u tad-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

In-negozjati ta' dan il-Ftehim ambizzjuż u komprensiv bejn l-UE u l-Ukraina ġew imnedija f'Marzu 2007. Fi Frar 2008, wara d-deċiżjoni ta' adeżjoni tal-Ukraina mad-WTO, l-UE u l-Ukraina nedew negozjati dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), bħala element ewlieni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa l-iktar wieħed avvanzat ta' dan it-tip li qatt ġie nnegozjat mill-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ u l-integrazzjoni ekonomika, u jmur ħafna lil hinn minn sempliċi ftuħ tas-suq. L-għan huwa li jħaffef l-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-Ukraina u l-UE, kif ukoll javvanza l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomija tal-Ukraina fis-Suq Intern tal-UE f'oqsma magħżula, speċjalment bl-istabbiliment ta' DCFTA.

Fis-23 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni tiegħu [1]dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-kapitoli li fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża l-parti taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra. Il-kapitoli politiċi tal-Ftehim qabel kienu ġew iffirmati fil-21 ta’ Marzu 2014[2]. Sussegwentement, il-Ftehim ġie ffirmat fi Brussell nhar il-Ġimgħa, is-27 ta' Ġunju 2014 fil-marġni tal-Kunsill Ewropew. 

L-Ukraina rratifikat il-Ftehim f’Settembru u fl-istess xahar skambjat notifiki f’dan ir-rigward mal-UE li jfisser li l-applikazzjoni proviżorja tista’ tibda mill-1 ta’ Novembru 2014. Madankollu, wara konsultazzjoni man-naħa tal-Ukraina u fil-kuntest tal-isforzi ġenerali għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ paċi fl-Ukraina, ġie miftiehem li tiġi posposta sal-31 ta’ Diċembru 2015 l-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) (Titolu IV), u fl-istess ħin titkompla l-applikazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi tal-Unjoni għall-benefiċċju tal-Ukraina.

Konsegwentement, l-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli III, IV, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se tidħol fis-seħħ fi stadji differenti. Fir-rigward tat-Titoli III, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, in-notifika prevista fl-Artikolu 486 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienet saret fl-aħħar ta’ Settembru, flimkien man-notifika ta’ dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE1. Fir-rigward tat-Titolu IV, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, in-notifika saret sabiex l-applikazzjoni proviżorja tkun tista’ tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016 wara notifika oħra kif previst fl-Artikolu 486 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-applikazzjoni proviżorja hija prevista sabiex jinżammu f'ekwilibriju l-interessi ekonomiċi reċiproċi u l-valuri kondiviżi, u r-rieda komuni tal-UE u l-Ukraina li jibdew jimplimentaw u jinfurzaw il-partijiet eleġibbli tal-Ftehim sabiex iħaffu l-impatt bikri tar-riforma fuq kwistjonijiet ta' settur speċifiku qabel il-konklużjoni tal-Ftehim.

2.           IR-RIŻULTATI TAN-NEGOZJATI

It-Titolu VIII tal-Ftehim mal-Ukraina jipprevedi l-qafas istituzzjonali li huwa meħtieġ għall-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Ftehim jistabbilixxi Kunsill ta' Assoċjazzjoni (l-Artikolu 461(1)) fuq livell ministerjali sabiex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Jistabbilixxi wkoll Kumitat ta' Assoċjazzjoni (skont l-Artikolu 464(1)) sabiex iħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim.

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu kwalunkwe Sottokumitat jew entità oħra sabiex jassistuhom fit-twettiq ta' dmirijiethom u jiddeterminaw il-konfigurazzjoni u d-dmirijiet ta' dawn il-kumitati jew entitajiet u kif għandhom jiffunzjonaw. Barra minn hekk, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jemenda jew jaġġorna l-Annessi tal-Ftehim (l-Artikolu 463(3) tal-Ftehim). Huwa jista' jiddelega kwalunkwe mis-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti (l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim).

Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha li joħorġu mit-Titolu IV "Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ" (l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim). Il-parti tad-DCFTA tal-Ftehim tipprevedi Sottokumitati speċifiċi dwar kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, dwar id-dwana, dwar indikaturi ġeografiċi, u dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli sabiex jassistu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fi dmirijietu.

Huma previsti wkoll fora għas-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni parlamentari.

Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u f'waqtha tal-parti tad-DCFTA tal-Ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġornament jew l-emendar ta' diversi Annessi tal-Ftehim relatati mal-kummerċ, huwa ssuġġerit li dawn is-setgħat jiġu ddelegati mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. Din id-delega se tiżgura r-rabta meħtieġa bejn, u toħloq kundizzjonijiet għal segwitu f'waqtu għad-diskussjonijiet tekniċi f'dan il-Kumitat dwar l-implimentazzjoni ta' impenji relatati mal-kummerċ, inklużi dawk li jikkonċernaw l-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE mill-Ukraina.

Bil-għan li jitlesta l-qafas istituzzjonali u sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet fuq livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet, huwa ssuġġerit li jiġu stabbiliti żewġ Sottokumitati, maħtura kif ġej:

(1) Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà (JFS);

(2) Sottokumitat dwar il-kooperazzjoni Ekonomika u Setturi oħra.

L-għan tas-Sottokumitati huwa li jiffokaw fuq dawk is-suġġetti li fihom huma mistennija riżultati konkreti, aktar milli jkopru inevitabilment l-istess aġenda ta' suġġetti sena wara sena.

Sottokumitati addizzjonali jistgħu jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard, wara ftehim tal-Partijiet.

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedi firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni f'setturi, li tiffoka fuq l-appoġġ għal riformi ewlenin, l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku, il-governanza u l-kooperazzjoni tas-setturi fi 28 qasam, bħal: il-ġustizzja, l-enerġija, it-trasport, l-istatistika, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-ambjent, il-kooperazzjoni industrijali u bejn l-intrapriżi żgħar u medji, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-politika soċjali, il-ġustizzja, il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-politika tal-konsumatur, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ kif ukoll il-kooperazzjoni kulturali.

F’dawn l-oqsma kollha, it-titjib fil-kooperazzjoni jibda mill-bażi tal-oqfsa attwali, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, bil-għan ta’ aktar djalogu sistematiku u skambju ta’ informazzjoni u prassi tajba. Element kruċjali għall-kapitoli tal-kooperazzjoni settorjali huwa menù komprensiv ta' approssimazzjoni gradwali, fejn rilevanti, mal-acquis tal-UE stabbilit fl-annessi mal-Ftehim. Skedi speċifiċi għall-approssimazzjoni u l-implimentazzjoni mill-Ukraina ta' partijiet magħżula mill-acquis tal-UE se jiffukaw fuq il-kooperazzjoni li tibqa' għaddejja, u se jifformaw il-qalba tar-riforma domestika u l-aġenda ta' modernizzazzjoni tal-Ukraina.

Kwalunkwe "djalogu regolari" kif ta' spiss imsemmi fil-Ftehim jista' jkopri l-oqsma ta' politika kollha msemmija iktar 'il fuq.  It-tieni Sottokumitat għaldaqstant jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti skont il-bżonn. Din il-proposta tibni fuq l-esperjenza mal-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-Ukraina u għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tal-istruttura tas-Sottokumitati skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Kemm l-UE kif ukoll l-Ukraina impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-Ftehim b'mod rapidu u effettiv. L-għan ta' din il-proposta għaldaqstant huwa li tiżgura li l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim isir operazzjonali malajr kemm jista' jkun. Sabiex jiġi ffaċilitat dan se jkun kruċjali li wieħed jipproċedi malajr bil-proċess tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u għas-Sottokumitati, sabiex dawn ikunu jistgħu jibdew jiffunzjonaw malajr. Huwa maħsub li tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukraina malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-implimentazzjoni proviżorja, idealment qabel tmiem is-sena. 

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Għall-Unjoni, il-bażi ġuridika li tawtorizza l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) tat-TFUE Għall-EURATOM, il-bażi ġuridika li tawtorizza l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina hija t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu.

Fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati msemmija hawn fuq, abbażi tal-Artikoli 218(9) tat-TFUE u l-Artikolu 101 tat-Trattat EURATOM, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni li tawtorizza l-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li għandha tiġi adottata fl-ewwel Kunsill ta' Assoċjazzjoni tal-UE-Ukraina fir-rigward ta' dawn li ġejjin: 

-   ir-regoli ta' proċedura għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni,

– l-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati,

u

– id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

Dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, tal-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati, u tad-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 486 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ("il-Ftehim") bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, jistipula l-applikazzjoni proviżorja ta' parti mill-Ftehim.

(2) L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2014[3] u tat-23 ta' Ġunju 2014[4] dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim jispeċifika ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li għandhom jiġu applikati proviżorjament.

(3) L-Artikolu 462(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(4) L-Artikolu 464(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li l-Artikolu 465(1) jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

(5) L-Artikolu 462(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiġi ppresedut b'rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni u rappreżentant tal-Ukraina.

(6) L-Artikolu 466(2) jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe Sottokumitat jew entità f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim li jistgħu jassistuh fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

(7) Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli għas-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kwalunkwe mis-setgħat li għandu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti. Huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif imsemmi fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, is-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1 (l-Annessi I-C u I-D), 3, 5, 6 u 8 tat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ), skont l-Artikoli 463(3) u 465(2) tal-Ftehim, dejjem jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawn il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendar tal-Annessi f'dan il-Ftehim.

(8) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun, inkluż permezz ta’ proċedura bil-miktub.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 464 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, hija b'dan stabbilita f'dak li għandu x'jaqsam ma':

–        l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni,

–        l-istabbiliment ta' Sottokumitati u l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tagħhom,

u

–        id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ skont it-termini tal-abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni annessi ma' din id-Deċiżjoni.

2.           Tibdil tekniku minuri fl-abbozz tad-deċiżjonijiet jista' jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni min-naħa tal-Unjoni jiġi ppresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill                                                   Għall-Kummissjoni Il-President                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 278, tal-15.09.2014, p.1 sa 8.

[2]               ĠU L 161, tad-29.05.2014, p. 1.

[3]               ĠU L 161, tad-29.05.2014, p. 1.

[4]               ĠU L 278, tal-15.09.2014, p.1 sa 8.

ANNESS 1 ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA tal-… 2014 li tadotta r-regoli ta’ poċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") u b'mod partikolari l-Artikolu 462 tiegħu,

Billi:

(1)          Skont l-Artikolu 486 tiegħu, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta’ Novembru 2014.

(2)          L-Artikolu 462(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(3)          L-Artikolu 464(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li l-Artikolu 465(1) jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, kif stabbiliti fl-Appendiċi A u B rispettivament, huma b'dan adottati.

Magħmul fi …, …

|| Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Il-President  

APPENDIĊI A

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.               Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li huwa stabbilit skont l-Artikolu 461(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif stipulat fl-Artikoli 461 u 463 tal-Ftehim u jieħu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ġenerali tal-Ftehim, kif ukoll kull kwistjoni bilaterali, multilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess komuni.

2.               Kif previst fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim, il-Partijiet ikollhom laqgħat regolari ta’ djalogu politiku fuq livell ta’ Summit. 2. Skont l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim, fuq livell ministerjali d-djalogu politiku jsir permezz ta’ ftehim reċiproku, fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 460 tal-Ftehim u fil-qafas ta’ laqgħat regolari bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell ta’ Ministri tal-Affarijiet Barranin.

3.               Kif stipulat fl-Artikolu 462(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun magħmul minn membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u minn membri tal-Gvern tal-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra. Il-konfigurazzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull laqgħa. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ f’livell ministerjali.

 4.              Kif stipulat fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil entitajiet speċifiċi stabbiliti skont dan il-Ftehim sabiex jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

5.               Il-Partijiet f'dawn ir-regoli ta' proċedura huma dawk definiti fl-Artikolu 482 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Presidenza

Il-Partijiet ikollhom il-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, b'mod alternat, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 3

Laqgħat

1.               Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, bi ftehim reċiproku.  Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa' fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.               Kull sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzoni ssir f'data miftiehma mill-Partijiet.

3.               Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, bi qbil mal-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 30 jum qabel id-data tal-laqgħa.

Artikolu 4

Rappreżentanza

1.               Il-membri tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jkun jixtieq jiġi rrappreżentat, irid jinnotifika lill-President bil-miktub bl-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel ma tibda l-laqgħa li fiha jkun se jiġi rrappreżentat.

2.               Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dan il-membru.

Artikolu 5

Delegazzjonijiet

1.               Il-membri tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President jiġi infurmat, permezz tas-Segretarjat, dwar il-konfigurazzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

2.               Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta' entitajiet oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'qasam biex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet jiftiehmu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li dawn l-osservaturi jridu jsegwu sabiex jattendu l-laqgħat.

Artikolu 6

Is-Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ukraina jaħdmu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 7

Korrispondenza

1.               Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tintbagħat lis-Segretarju jew tal-Unjoni jew tal-Ukraina, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2.               Iż-żewġ Segretarji jiżguraw li l-korrispondenza tintbagħat lill-President u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

3.               Il-korrispondenza hekk iċċirkolata tintbagħat, kif xieraq, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni tal-Ukraina għall-Unjoni Ewropea.

4.               Komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jintbagħtu lid-destinatarji miż-żewġ Segretarji f'isem il-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Tali komunikazzjonijiet jiġu ċċirkolati, fejn xieraq, lill-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif stipulat fit-tielet paragrafu.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Parti l-oħra tittratta din l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9

Aġendi għal-laqgħat

1.               Il-President ifassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa. Din tintbagħat mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 tar-regoli ta' proċedura sa mhux aktar tard minn 15-il jum tal-kalendarju qabel il-laqgħa.

L-aġenda provviżorja tinkludi dawk il-punti li fir-rigward tagħhom il-President ikun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum tal-kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa. Dawn il-punti ma jinkitbux fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta' sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-Segretarji qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.

2.               L-aġenda tkun adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt ieħor apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

3.               Il-President jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, inaqqas il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jiġu meqjusa l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 10

Minuti

1.               Abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa jitħejja b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji.

2.               Bħala regola ġenerali, il-minuti fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda jridu jindikaw:

(a)       id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni;

(b)      id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

u

(c)       kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, bħal deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kwalunkwe konklużjoni, fost l-oħrajn.

3.               L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni japprova l-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, l-abbozz ta’ minuti jista' jiġi approvat bil-miktub.

Artikolu 11

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.               Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi.

2.               Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu wkoll deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. Għal dan l-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7 tar-regoli ta' proċedura, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum tal-kalendarju li fih il-membri jridu jgħarrfu kwalunkwe riżerva jew emenda li jixtiequ jagħmlu. Il-President jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, inaqqas il-limitu ta' żmien imsemmi qabel sabiex jiġu meqjusa l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

3.               L-atti tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, skont is-sens tal-Artikolu 463(1) tal-Ftehim, jkollhom it-titlu rispettivament “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” segwiti bin-numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u d-deskrizzjoni tas-suġġett. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ċċirkolati lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura. Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

4.               Kull deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprevedix mod ieħor.

Artikolu 12

Lingwi

1.               Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.

2.               Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni normalment jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi.

Artikolu 13

Spejjeż

1.               Kull Parti tkopri l-ispejjeż li tagħmel bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta’ posta u telekomunikazzjoni.

2.               In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Unjoni Ewropea. F'każ li l-Ukraina tkun teħtieġ interpretazzjoni jew traduzzjoni minn u lejn lingwi oħra barra dawk previsti fl-Artikolu 12 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura, l-ispejjeż relatati ma' dan jitħallsu mill-Ukraina. , 3.   Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 14

Kumitat ta' Assoċjazzjoni

1.               Skont l-Artikolu 464(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun fil-qadi ta' dmirijietu mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' impjegat taċ-ċivil f’kariga għolja.

2.               Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fejn xieraq u, b’mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim. Iqis kwalunkwe kwistjoni li tiġi referuta lilu mingħand il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni oħra li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni sabiex jieħu deċiżjonijiet.

3.               Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għandu s-setgħa jagħmel skont il-Ftehim.

4.               F’każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew possibbiltà ta’ konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim reċiproku li jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni tista' ssir fi ħdan il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, ħlief fejn speċifikat mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista' tkompli fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

Artikolu 15

Emenda fir-regoli ta' proċedura

Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 11 ta' hawn fuq.

APPENDIĊI B

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u s-Sottokumitati bejn l-UE u l-UKraina

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.               Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li huwa stabbilit skont l-Artikolu 464(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") jgħin lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti stipulati f'dan il-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 465(1), il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

2.               Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Iqis kull kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Jippreżenta proposti jew abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

3.               Kif stipulat fl-Artikolu 464(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' impjegat taċ-ċivil f’kariga għolja, li jkollhom il-kompetenza fil-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull sessjoni partikolari.

4.               Skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ iwettaq il-kompiti mogħtija lilu fit-Titolu IV tal-Ftehim, huwa jkun kompost minn uffiċjali f’kariga għolja tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Ukraina li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Ukraina li jkun responsabbli għall-kummerċ u l-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ jaġixxi bħala President skont l-Artikolu 2 ta' hawn taħt. Fil-laqgħat jattendi wkoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

5.               Kif stipulat fl-Artikolu 465(3) tal-Ftehim il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet stipulati f'dan il-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ddelega s-setgħat lilu. Dawn id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iwettquhom. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom.

6.               Il-Partijiet f'dawn ir-regoli ta' proċedura jiġu definiti kif stipulat fl-Artikolu 482 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Presidenza

Il-Partijiet iżommu l-Presidenza tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, b'mod alternat, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda mid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 3

Laqgħat

1.               Ħlief fejn ikun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ b’mod regolari, minn tal-inqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

2.               Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tissejjaħ mill-President f'data u f’post li jkun hemm qbil dwarhom mill-Partijiet. L-avviż ta' sejħa għal-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni sa mhux aktar tard minn 28 jum tal-kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

3.               Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Kull laqgħa tissejjaħ mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'data, post u mezzi miftiehma mill-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mhux aktar tard minn 15-il jum tal-kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

4.               Meta jkun possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

5.               F'każijiet eċċezzjonali, u jekk jaqblu ż-żewġ Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, bħal vidjokonferenza.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu infurmati, permezz tas-Segretarjat, bil-konfigurazzjoni prevista tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa fuq iż-żewġ naħat.

Artikolu 5

Is-Segretarjat

1.            Uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tal-Ukraina jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u flimkien iwettqu kompiti segretarjali, sakemm dawn ir-regoli ta' proċedura ma jipprevedux mod ieħor, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u ta' kooperazzjoni.

2.            Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ukraina li jkunu responsabbli għall-kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

Artikolu 6

Korrispondenza

1.               Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2.               Is-Segretarjat jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kumitat u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.

3.               Korrispondenza mill-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Din il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif stipulat fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 7

Dokumenti

1.               Id-dokumenti jiġu ċċirkolati permezz tas-Segretarji.

2.               Il-Parti tibgħat id-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jibgħat dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.

3.               Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti responsabbli tal-Unjoni u sistematikament jibgħat kopja lis-Segretarju tal-Ukraina f'din il-korrispondenza.

4.               Is-Segretarju tal-Ukraina jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti responsabbli tal-Ukraina u sistematikament jibgħat kopja lis-Segretarju tal-Unjoni ta' din il-korrispondenza.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali, il-Parti l-oħra tittratta din l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9

Aġendi għal-Laqgħat

1.               Aġenda provviżorja għal kull laqgħa kif ukoll abbozz tal-Konklużjonijiet Operazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 10 hawn taħt jitfasslu mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fuq il-bażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tkun tinkludi punti li s-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun irċieva b'talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda mingħand Parti, li jkunu sostnuti minn dokumenti rilevanti, sa mhux aktar tard minn 21 jum tal-kalendarju qabel il-laqgħa.

2.               L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, tiġi ċċirkolata kif previst fl-Artikolu 7 sa mhux aktar tard minn 15-il jum tal-kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

3.               L-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħrajn minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.               Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' entitajiet oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'ċertu qasam fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawn l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kwalunkwe rekwiżit ta' kunfidenzjalità.

5.               Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, inaqqas il-perjodi ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jikkunsidra ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 10

Minuti u Konklużjonijiet Operazzjonali

1.           L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa jitħejja b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji.

2.                     Bħala regola ġenerali, il-minuti jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

(a)     il-lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, il-lista ta' uffiċjali li jakkumpanjawhom u l-lista ta' kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa;

(b)     id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni;

(c)     id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu; u

(d)     il-Konklużjonijiet Operattivi tal-laqgħa, kif previst fil-paragrafu (4).

2.           L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni japprova l-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, l-abbozz ta’ minuti jista' jiġi approvat bil-miktub. Il-minuti tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jiġu approvati fi żmien 28 jum tal-kalendarju wara kull laqgħa. Kopja ċċertifikata awtentika tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 tar-regoli ta' proċedura.

3.           Abbozz tal-Konklużjonijiet Operazzjonali ta' kull laqgħa jitfassal mis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-Parti li jkollha l-Presidenza, u jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum tal-kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan l-abbozz jiġi aġġornat kif tkun għaddejja l-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta l-Konklużjonijiet Operattivi, li jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu mill-Partijiet.  Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-Konklużjonijiet Operattivi jiġu mehmuża mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom tiġi rieżaminata waqt kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Għal dan il-għan il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta mudell, li jippermetti li kull punt ta' azzjoni jiġi identifikat fi skadenza speċifika.

Artikolu 11

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.               Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħtih is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu magħmula permezz ta' ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u wara li jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President u awtentikata miż-żewġ Segretarji.  

2.               Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn iż-żewġ Segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet.  Għal dan il-għan, it-test tal-proposta jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum tal-kalendarju li fih kull riżerva jew emenda trid tiġi mgħarrfa. Il-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, inaqqas il-perjodi ta' żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jikkunsidra ċirkostanzi speċjali. Ladarba t-test jiġi miftiehem id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-President u awtentikata miż-żewġ Segretarji.

3.               L-atti tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprevedix mod ieħor.

4.               Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ċċirkolati maż-żewġ Partijiet.

5.               Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 12

Rapporti

Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jirrapporta lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tas-Sottokumitati, tal-Gruppi ta' Ħidma u tal-entitajiet l-oħra f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 13

Lingwi

1.               Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.

2.               Il-lingwi operattivi tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni huma l-Ingliż u l-Ukrain. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla b'dawn iż-żewġ lingwi.

Artikolu 14

Spejjeż

1.               Kull Parti tkopri kull spiża li tagħmel bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta’ posta u ta' telekomunikazzjoni.

2.               In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3.               L-ispejjeż relatati ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u l-Ukrain, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta' dawn ir-regoli ta' proċedura, jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.

4.              F’każijiet fejn tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta’ dokumenti fil-lingwi uffiċjali tal-UE , l-ispejjeż jitħallsu mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Emenda tar-Regoli ta' proċedura

Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 465(1).

Artikolu 16

Sottokumitati, kumitati jew entitajiet speċjali

1.               Skont l-Artikolu 466(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jwaqqaf Sottokumitati jew kwalunkwe kumitat jew entità speċjali, f'oqsma speċifiċi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Ftehim minbarra dawk li hemm stipulati fil-Ftehim sabiex jgħinuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jtemm kwalunkwe Sottokumitat bħal dan, kumitat jew entità speċjali, u jiddefinixxi jew jemenda r-regoli ta' proċedura tagħhom. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, dawn is-Sottokumitati jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, u jirrappurtaw lilu wara kull waħda mil-laqgħat tagħhom.

2.               Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, ir-regoli attwali ta' proċeduri jiġu applikati mutatis mutandis għal kwalunkwe Sottokumitat, kumitat jew entità speċjali kif stipulat f'(1) hawn fuq.

3.               Il-laqgħat tas-Sottokumitati maħluqa skont il-Ftehim jistgħu jsiru b'mod flessibbli skont il-bżonn, bil-preżenza fiżika tal-parteċipanti fi Brussell jew fil-pajjiż sieħeb jew pereżempju permezz ta' vidjokonferenza. Is-Sottokumitati jkunu l-pjattaforma sabiex jiġi ssorveljat il-progress dwar l-approssimazzjoni f'oqsma speċifiċi, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan il-proċess u biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operattivi.

4.               Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkollu kopja tal-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw Sottokumitat, kumitat jew entità speċjali kif stipulat f'(1) hawn fuq.

5.               Sakemm mhux stipulat mod ieħor fil-Ftehim jew miftiehem mill-Partijiet fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, is-Sottokumitati, kumitat jew entitajiet speċjali jkollhom biss is-setgħa li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 17

Dawn ir-regoli ta' proċedura japplikaw mutandis mutatis għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.

ANNESS II

ID-DEĊIŻJONI Nru 2/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA

tal-.. 2014.

dwar l-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") u b'mod partikolari l-Artikolu 466(2) tiegħu,

Billi:

(1)          Skont l-Artikolu 486 tiegħu, partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta’ Novembru 2014.

(2)          L-Artikolu 466(2) jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe Sottokumitat jew entità f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim li jista' jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

(3)          Għandhom jiġu stabbiliti żewġ Sottokumitati li jippermettu diskussjonijiet fuq livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim. Bi ftehim ulterjuri tal-Partijiet kemm il-lista tas-Sottokumitati kif ukoll l-ambitu tas-Sottokumitati individwali jistgħu jiġu mmodifikati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Is-Sottokumitati elenkati fl-Appendiċi A huma b'dan stabbiliti. Ir-regoli ta' proċedura tas-Sottokumitati huma rregolati mill-Artikolu 16 tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u s-Sottokumitati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina. 

Magħmul fi,

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President

L-Appendiċi A għall-ANNESS II

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina

Sottokumitati stabbiliti:

– (1)   Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà;

– (2)   Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Ekonomika u Setturi oħra.

ANNESS III

ID-DEĊIŻJONI Nru 3/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA

tal-.. 2014.

dwar id-delega ta' ċerti poteri mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-UKRAINA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Ukraina, fuq in-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") u b'mod partikolari l-Artikoli 463(3) u 465(2) tiegħu,

Billi:

(1)             Partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament mill-1 ta' Novembru 2014, skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim.

(2)             Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli għas-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

 (3)            Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni kull waħda mis-setgħat li għandu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim.

(4)             Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) kif speċifikat fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim.

(5)             Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u f'waqtha tal-parti tad-DCFTA tal-Ftehim, huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ is-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim, dejjem jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawn il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendar ta' dawn l-Annessi f'dan il-Ftehim.   

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif imsemmi fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, is-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi li jikkonċernaw il-Kapitoli 1 (l-Annessi I-C u I-D), 2 (l-Anness II) 3, 5, 6 u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim, dejjem jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawn il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendar ta' dawn l-Annessi f'dan il-Ftehim.

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President