52014PC0213

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta’ involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva /* COM/2014/0213 final - 2014/0121 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-importanza li jinħoloq qafas ta’ governanza korporattiva modern u effiċjenti għall-impriżi, l-investituri u l-impjegati Ewropej li għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u għall-ambjent ekonomiku li qed jinbidel ġiet rikonoxxuta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020"[1] li titlob għal titjib fl-ambjent tan-negozju fl-Ewropa.

Is-snin li għaddew enfasizzaw ċerti nuqqasijiet fil-governanza korporattiva f’kumpaniji elenkati Ewropej. Dawn in-nuqqasijiet jirrelataw ma' atturi differenti: kumpaniji u l-bordijiet tagħhom, azzjonisti (investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi) u konsulenti bi prokura. In-nuqqasijiet identifikati kienu jirrelataw prinċipalment għal żewġ problemi: l-involviment mhux suffiċjenti tal-azzjonisti u n-nuqqas ta’ trasparenza adegwata.

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati dwar żewġ Green Papers ("Il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji"[2] u "Il-Qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE"[3]) fir-rigward ta’ dak li qiesu bħala l-iktar kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzati fuq livell Ewropew.

Abbażi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u analiżi ulterjuri, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva - qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli[4] jipprovdi l-pjan ta' direzzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam, ibbażat fuq iż-żewġ għanijiet tat-tisħiħ tat-trasparenza u l-involviment tal-azzjonisti. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jħabbar għadd ta’ inizjattivi, fost oħrajn, reviżjoni potenzjali tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti.

F’dan l-isfond, l-għan ġenerali tal-proposta attwali biex id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti tiġi riveduta huwa li jingħata kontribut għas-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji tal-UE, biex jinħoloq ambjent attraenti għall-azzjonisti u biex titjieb il-votazzjoni transfruntiera billi titjieb l-effiċjenza tal-katina ta’ investiment fl-ekwità sabiex jingħata kontribut għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività tal-UE. Huwa jwassal ukoll l-impenn tal-istrateġija mġedda dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea[5]: huwa jikkontribwixxi għal perspettiva aktar fit-tul tal-azzjonisti li tiżgura kundizzjonijiet ta' ħidma aħjar għall-kumpaniji elenkati.

Dan jeħtieġ it-twettiq tal-għanijiet aktar speċifiċi li ġejjin: 1) Jiżdied il-livell u l-kwalità tal-involviment tas-sidien tal-assi u tal-maniġers tal-assi mal-kumpaniji tagħhom li fihom jinvestu; 2) Tinħoloq rabta aħjar bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji; 3) Titjieb it-trasparenza u s-superviżjoni tal-azzjonisti fuq tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati; 4) Tiġi żgurata l-kredibbiltà u l-kwalità tal-pariri tal-konsulenti bi prokura; 5) Tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn il-fruntieri (inkluża votazzjoni) fil-katina ta’ investiment b’mod partikolari permezz tal-identifikazzjoni tal-azzjonisti.

Din il-proposta hija wkoll konsistenti mal-qafas regolatorju eżistenti. B’mod partikolari, sabiex jindirizzaw it-teħid eċċessiv tar-riskji, id-Direttiva u r-Regolament il-ġodda dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (il-pakkett CRD IV)[6] komplew isaħħu l-qafas fir-rigward tar-rekwiżiti għar-relazzjoni bejn il-komponent varjabbli (jew bonus) tar-remunerazzjoni u l-komponent fiss (jew salarju). Dawn ir-regoli japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm elenkati kif ukoll mhux elenkati. Madankollu, ir-regoli f’din il-proposta se jkunu japplikaw biss għall-kumpaniji elenkati u għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza u jiżguraw li l-azzjonisti jkollhom vot dwar il-politika u r-rapport ta’ remunerazzjoni. Ir-regoli eżistenti li jirregolaw l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi, pereżempju fid-Direttiva UCITS[7], AIFM[8] u MIFID[9] huma konsistenti ma’ din id-Direttiva.

Fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar il-kwalità tar-rappurtar tal-governanza korporattiva (“applika jew spjega”). Il-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE hija fuq kollox ibbażata fuq l-approċċ ta’ konformità jew spjegazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri u l-kumpaniji joħolqu qafas li huwa skont il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Biex tappoġġa t-tħaddim tajjeb ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjoni. Madankollu, għadd ta' elementi tal-governanza korporattiva għandu, fid-dawl tar-rilevanza u l-importanza transfruntiera, jiġi trattat f'livell Ewropew f'forma aktar vinkolanti biex ikun żgurat approċċ armonizzat madwar l-UE (per eż. l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trasparenza u l-impenn tal-investituri istituzzjonali u r-remunerazzjoni tal-bordijiet).

L-azzjoni tal-UE proposta tipprovdi valur miżjud sinifikanti. L-azzjonisti mhux nazzjonali jkollhom madwar 44 % tal-ishma f’kumpaniji elenkati fl-UE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investituri huma investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi. Azzjoni tal-UE biss tista’ tiżgura li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi, iżda wkoll l-intermedjarji u l-konsulenti bi prokura minn Stati Membri oħra jkunu suġġetti għal regoli ta’ involviment u trasparenza xierqa. Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta’ kumpaniji elenkati għandhom attivitajiet f’bosta Stati Membri tal-UE. Standards xierqa li jiżguraw it-tħaddim tajjeb tal-governanza korporattiva ta' dawn il-kumpaniji bl-għan li jkunu sostenibbli fuq żmien twil huma għalhekk fl-interess mhux biss tal-Istati Membri fejn dawn il-kumpaniji huma bbażati iżda wkoll ta’ dawk l-Istati Membri fejn joperaw. Azzjoni komuni tal-UE biss tista' tiżgura standards komuni bħal dawn.

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti u interessati

Il-Kummissjoni organizzat għadd ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li koprew is-suġġetti differenti f’din il-proposta. L-ewwel, il-Green Paper tal-2010 dwar il-governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ remunerazzjoni u l-Green Paper tal-2011 dwar il-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE. Barra minn hekk, saru żewġ konsultazzjoni dwar il-leġislazzjoni fuq iċ-ċertezza legali taż-żamma tat-titoli u d-dispożizzjonijiet li kienu jinkludu mistoqsijiet dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti u l-iskambju transfruntier effettiv ta’ informazzjoni, inkluż votazzjoni, fil-katina ta’ investiment. Barra minn hekk, matul il-proċedura li wasslet għal din il-proposta għal emenda, is-servizzi tal-Kummissjoni żammew djalogi regolari u wiesgħin mal-partijiet interessati.

Fir-riflessjoni tagħha dwar it-tħaddim tal-qafas ta’ governanza korporattiva Ewropew, il-Kummissjoni bbenefikat mill-parir tal-Forum Ewropew dwar il-Governanza Korporattiva.[10] Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Grupp ta' Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri.[11]

Fl-aħħar nett, ċerti problemi ta’ governanza korporattiva ġew diskussi fil-Green Paper dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea[12] li tat bidu għal dibattitu wiesa’ dwar kif titrawwem il-provvista ta’ finanzjament fit-tul u kif is-sistema ta’ intermedjazzjoni finanzjarja għall-investiment fit-tul tiġi mtejba u diversifikata fl-Ewropa.

B’mod ġenerali, il-partijiet interessati u dawk li wieġbu esprimew ruħhom favur żieda fit-trasparenza fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-bord u biex l-azzjonisti jingħataw il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar il-paga. Huma appoġġaw ukoll miżuri dwar il-monitoraġġ tal-maniġers tal-assi mis-sidien tal-assi, aktar trasparenza mill-konsulenti bi prokura u t-tisħiħ tar-regoli attwali dwar tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati. Huma kienu favur li l-investituri istituzzjonali jiżvelaw il-politiki u r-rekords tal-votazzjoni. Barra minn hekk, kienet saret sejħa qawwija biex tiżdied l-effiċjenza fl-investiment fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ votazzjoni transfruntiera permezz ta’ komunikazzjoni intermedjarja effettiva bejniethom u mal-azzjonisti. Fl-aħħar nett, intwera appoġġ ċar għall-identifikazzjoni tal-azzjonisti.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni identifikat ħames kwistjonijiet ewlenin: 1) Involviment insuffiċjenti tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi; 2) Rabta insuffiċjenti bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi; 3) Nuqqas ta’ superviżjoni tal-azzjonisti fuq tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati u 4) Trasparenza inadegwata tal-konsulenti bi prokura 5) Eżerċizzju diffiċli u għali tad-drittijiet li jirriżultaw minn titoli għall-investituri.

Involviment insuffiċjenti tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi

Il-kriżi finanzjarja wriet li f’ħafna każijiet, l-azzjonisti appoġġaw it-teħid eċċessiv tar-riskji f'terminu qasir ta' żmien mill-maniġers. Barra minn hekk, hemm evidenza ċara li l-livell attwali ta’ “monitoraġġ” tal-kumpaniji li fihom isir investiment u l-involviment minn investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi huwa subottimali. L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi tagħhom ma jiffokawx biżżejjed fuq il-prestazzjoni reali (fit-tul) tal-kumpaniji, iżda ħafna drabi fuq ċaqliq fil-prezzijiet tal-ishma u l-istruttura tal-indiċijiet tas-suq kapitali, li jwassal għal redditu subottimali għall-benefiċjarji finali ta’ investituri istituzzjonali u jpoġġi pressjoni fuq terminu qasir fuq il-kumpaniji.

L-ippjanar fuq terminu qasir jidher li ġej minn nuqqas ta’ allinjament ta’ interessi bejn is-sidien tal-assi u l-maniġers tal-assi. Anki jekk is-sidien il-kbar tal-assi għandhom it-tendenza li jkollhom interessi fit-tul peress li l-obbligazzjonijiet tagħhom huma fit-tul, ħafna drabi meta jiġu biex jagħżlu u jevalwaw il-maniġers tal-assi, ta' sikwit jiddependu fuq punti ta’ riferiment, bħall-indiċijiet tas-suq. Barra minn hekk, ħafna drabi, il-prestazzjoni tal-maniġer tal-assi tiġi vvalutata fuq bażi trimestrali. B’riżultat ta’ dan, it-tħassib ewlieni ta’ bosta maniġers tal-assi sar il-prestazzjoni tagħhom fuq terminu qasir relattiva għal punt ta’ riferiment jew għal maniġers oħra tal-assi. Inċentivi fuq terminu qasir idawwru l-fowkus u r-riżorsi lil hinn minn investimenti bbażati fuq l-elementi fundamentali (strateġija, prestazzjoni u governanza) u perspettivi aktar fit-tul, mill-valutazzjoni tal-valur reali u l-valur aktar fit-tul tal-kapaċità kreattiva tal-kumpaniji u ż-żieda fil-valur tal-investimenti ta’ ekwità permezz tal-involviment tal-azzjonisti.

Rabta insuffiċjenti bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi

Ir-remunerazzjoni tad-diretturi għandha rwol ewlieni li tallinja l-interessi tad-diretturi u tal-azzjonisti u li tiżgura li d-diretturi jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija. Il-kontroll tal-azzjonisti jipprevjeni lid-diretturi milli japplikaw strateġiji ta’ remunerazzjoni li jippremjawhom personalment, iżda li jistgħu ma jikkontribwixxux għall-prestazzjoni fit-tul tal-kumpanija. Ġew innotati diversi nuqqasijiet fil-qafas attwali. L-ewwel nett, l-informazzjoni żvelata mill-kumpaniji la hi komprensiva, la ċara u lanqas komparabbli. It-tieni nett, ħafna drabi l-azzjonisti ma jkollhomx biżżejjed għodod biex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar ir-remunerazzjoni tad-diretturi. B’riżultat ta’ dan, attwalment ma hemmx rabta suffiċjenti bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi ta’ kumpaniji elenkati.

Nuqqas ta’ superviżjoni tal-azzjonisti fuq tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

Tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati (RPTs), jiġifieri tranżazzjonijiet bejn il-kumpanija u l-maniġment, id-diretturi, l-entitajiet li jikkontrollaw jew l-azzjonisti tagħha, joħolqu l-opportunità biex jinkiseb il-valur li jappartjeni għall-kumpanija għad-detriment tal-azzjonisti, u b’mod partikolari l-azzjonisti minoritarji. Attwalment, l-azzjonisti ma għandhomx aċċess għal biżżejjed informazzjoni qabel it-tranżazzjoni ppjanata u ma għandhomx għodod adegwati biex jopponu tranżazzjonijiet abbużivi. Peress li f’ħafna każijiet l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jkunu azzjonisti minoritarji, aktar drittijiet ta’ kontroll fuq RPTs itejbu l-kapaċità tagħhom li jipproteġu l-investimenti tagħhom.

Trasparenza inadegwata tal-konsulenti bi prokura

Is-suq attwali ta’ ekwità bl-għadd kbir tiegħu ta’ parteċipanti tal-ishma (transfruntiera) u l-kumplessità tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati, f’ħafna mill-każijiet jirrendi l-użu ta’ konsulenti bi prokura inevitabbli u b’hekk il-konsulenti bi prokura għandhom influwenza konsiderevoli fuq il-mod kif dawn l-investituri jivvutaw. Ġew osservati żewġ nuqqasijiet: 1) il-metodoloġiji użati mill-konsulenti bi prokura biex jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom mhux dejjem jagħtu kas biżżejjed tal-kundizzjonijiet tas-suq lokali u regolatorji u 2) il-konsulenti bi prokura jipprovdu servizzi lill-emittenti li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu pariri objettivi u kredibbli.

Eżerċizzju diffiċli u għali tad-drittijiet li jirriżultaw minn titoli għall-investituri

L-investituri jiffaċċaw diffikultajiet fit-twettiq tad-drittijiet li jirriżultaw mit-titoli tagħhom, speċjalment jekk it-titoli jinżammu b’mod transfruntier. F’katini ta’ kumpaniji azzjonarji intermedjati, speċjalment meta jinvolvu ħafna intermedjarji, il-kumpaniji ma jgħaddux l-informazzjoni lill-azzjonisti billi l-voti tal-azzjonisti jintilfu. Hemm ukoll probabbiltà akbar ta’ abbuż tad-drittijiet tal-vot mill-intermedjarji. Hemm tliet kawżi prinċipali li jaffettwaw is-sistemi: in-nuqqas ta' identifikazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-investituri, in-nuqqas ta' trażmissjoni ta' informazzjoni fil-ħin u d-drittijiet fil-katina tal-investiment u d-diskriminazzjonijiet fil-prezzijiet ta' parteċipazzjonijiet transfruntiera.

B’mod ġenerali, in-nuqqasijiet deskritti jwasslu għal governanza korporattiva subottimali u riskju ta’ deċiżjonijiet maniġerjali subottimali u/jew eċċessivament iffokati fuq terminu qasir li jwassal għal potenzjal mitluf għal prestazzjoni finanzjarja aħjar tal-kumpaniji elenkati u l-potenzjal mitluf għal investiment transfruntier.

Ġiet ikkunsidrata firxa ta’ għażliet, inkluż l-ebda bidla fil-politika, biex kull waħda mill-problemi ppreżentati tiġi indirizzata. Fid-dawl tal-valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn l-għażliet politiċi, deher li l-għażla ppreferuta li ġejja tkun tissodisfa l-għanijiet bl-aħjar mod mingħajr ma timponi piżijiet sproporzjonati:

1) Trasparenza obbligatorja tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi fuq il-votazzjoni u l-involviment tagħhom u ċerti aspetti ta’ arranġamenti tal-ġestjoni tal-assi;

2) L-iżvelar tal-politika ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjonijiet individwali, flimkien ma’ vot tal-azzjonisti;

3) Trasparenza addizzjonali u opinjoni indipendenti dwar tranżazzjonijiet aktar importanti u l-preżentazzjoni tat-tranżazzjonijiet l-aktar sostanzjali għall-approvazzjoni mill-azzjonisti;

4) Rekwiżiti vinkolanti ta’ żvelar dwar il-metodoloġija u l-kunflitti ta’ interess ta’ konsulenti bi prokura;

5) Il-ħolqien ta’ qafas li jippermetti li l-kumpaniji elenkati jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jeħtieġ li l-intermedjarji jittrażmettu malajr l-informazzjoni relatata mal-azzjonarji u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

Wara li segwa opinjoni negattiva inizjali, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-impatt adotta opinjoni pożittiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt riveduta fit-22 ta’ Novembru 2013. Għandu jiġi nnotat li l-parti tal-valutazzjoni tal-impatt dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti kienet inizjalment ġiet ittrattata f’valutazzjoni tal-impatt separata li ġiet approvata mill-IAB u ġiet biss integrata fir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt fi stadju aktar tard.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50(2)(g) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li hija l-bażi legali għad-Direttiva 2007/36/KE. L-Artikolu 50(2)(g) jipprevedi l-kompetenza tal-UE li taġixxi fil-qasam tal-governanza korporattiva. B’mod partikolari jipprevedi għal miżuri ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-kumpaniji u ta’ partijiet interessati oħrajn, bħal kredituri, bl-għan li din il-protezzjoni ssir ekwivalenti madwar l-Unjoni. L-Artikolu 114 huwa l-bażi ġuridika għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattivi fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern.

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-UE għandha taġixxi biss fejn tkun tista' twassal għal riżultati aħjar minn intervent fil-livell tal-Istati Membri u l-azzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika li wieħed ikun qed ifittex li jsegwi. Rigward dan l-aspett huwa importanti li jiġi nnotat li hemm evidenza qawwija li s-suq tal-ekwità tal-UE fil-biċċa l-kbira sar suq Ewropew/internazzjonali.

Fid-dawl tan-natura internazzjonali tal-attivitajiet ta’ investituri istituzzjonali, maniġers tal-assi u konsulenti bi prokura, l-għanijiet relatati mal-involviment ta’ dawn l-investituri u l-kredibbiltà tal-pariri tal-konsulenti bi prokura ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Azzjoni mill-Istati Membri tkun tkopri biss xi wħud mill-istituzzjonijiet ikkonċernati u probabbilment twassal għal rekwiżiti differenti, li jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi fis-suq intern.

Dwar l-għanijiet biex tiġi żgurata trasparenza u superviżjoni suffiċjenti tal-azzjonisti fuq ir-remunerazzjoni tad-diretturi u tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, f’dawn l-oqsma, ir-regoli eżistenti tal-Istati Membri huma differenti ħafna u bħala riżultat, jipprovdu livell inkonsistenti ta’ trasparenza u protezzjoni għall-investituri. Fiż-żewġ każijiet, ir-riżultat tad-diverġenza tar-regoli huwa li l-investituri qegħdin, b’mod partikolari fil-każ ta’ investimenti transfruntier, jiġu soġġetti għal diffikultajiet u kostijiet meta jkunu jridu jimmonitorjaw kumpaniji u jinvolvu ruħhom magħhom, u m’għandhomx għodod effettivi biex jipproteġu l-investimenti tagħhom.

Mingħajr in-normi tal-UE, ir-regoli u l-applikazzjoni tagħhom jkunu differenti minn Stat Membru għall-ieħor, li jista’ jkun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Mingħajr azzjoni fil-livell tal-UE, il-problemi x’aktarx jippersistu u x’aktarx li fil-livell nazzjonali jiġu proposti biss rimedji parzjali u frammentati. Għalhekk jirriżulta li l-għanijiet ta’ din l-emenda huma tali li ma jistgħux jiġu sodisfatti b’azzjoni unilaterali fil-livell tal-Istati Membri.

Żvilupp ulterjuri fil-mira tal-qafas legali tal-UE għal governanza korporattiva għandu joħloq qafas aħjar għall-involviment tal-azzjonisti. Ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-istess obbligi ta’ trasparenza japplikaw madwar l-UE, u dan jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi fl-UE u jiġi ffaċilitat l-investiment transfruntier. Peress li waħda mill-problemi prinċipali sottostanti hija l-assimetrija tal-informazzjoni, din tista’ tiġi ttrattata biss permezz ta’ miżuri uniformi ta’ trasparenza.

L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ żvelar fil-livell tal-UE tkun rimedju għall-assimetrija tal-informazzjoni li hija ta’ detriment għall-azzjonisti u, għalhekk, għandha rwol ewlieni biex il-kostijiet tal-aġenzija jiġu minimizzati. Tkun ta’ benefiċċju għall-investiment transfruntier, peress li tiffaċilita t-tqabbil tal-informazzjoni u tiffaċilita l-involviment u tirrendih inqas għali. Barra minn hekk, il-kumpaniji jsiru aktar responsabbli għall-partijiet interessati l-oħrajn bħall-impjegati. Hemm bżonn ta’ standards komuni fuq livell tal-UE biex jippromwovu suq intern li jaħdem tajjeb u jiġi evitat l-iżvilupp ta’ regoli u prattiki differenti fl-Istati Membri.

Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom grad ta’ flessibbiltà safejn it-trasparenza u l-informazzjoni meħtieġa f’din il-proposta huma kkonċernati, b’mod partikolari sabiex jiġi permess li n-normi jintegraw sew fl-oqfsa distinti ta’ governanza korporattiva. Biex din il-flessibbiltà tiġi permessa għandhom jiġu żgurati biss ftit mill-prinċipji bażiċi dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni mill-intermedjarji u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet. Barra minn hekk, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom ikunu konformi ma’ ċerti obbligi biss fuq bażi ta’ konformità jew spjegazzjoni, peress li d-dispożizzjonijiet għar-remunerazzjoni tad-diretturi jiżguraw biss it-trasparenza meħtieġa u vot tal-azzjonisti, filwaqt li l-istruttura u l-livell ta’ remunerazzjoni jitħallew għall-kumpaniji, filwaqt li l-konsulenti bi prokura se jkunu soġġetti biss għal xi prinċipji bażiċi biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-kredibbiltà tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

Għal dan il-għan, emenda għad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti hija l-aktar strument legali xieraq minħabba li tippermetti ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi l-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni. L-emendar tad-Direttiva jiżgura wkoll li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni proposta tal-UE ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-għan regolatorju jintlaħaq.

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti għandha impatt fuq id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti b’mod partikolari fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali rikonoxxut fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta. Fid-dawl ta’ dan u tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995[13]huwa meħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. L-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti hija limitata għall-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti korrispondenti u tista’ tintuża biss għall-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

Titjib fl-involviment tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi

L-Artikoli minn 3f sa 3h se jżidu t-trasparenza tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi. Permezz ta’ dawn l-artikoli se jkunu meħtieġa jiżviluppaw politika dwar involviment tal-azzjonisti, li għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward tal-involviment tal-azzjonisti. Fil-prinċipju għandhom jiżvelaw pubblikament il-politika tagħhom ta’ involviment, kif ġiet implimentata u r-riżultati tagħha. Fejn l-investituri istituzzjonali jew il-maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta’ involviment u/jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha, għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

L-investituri istituzzjonali se jkunu meħtieġa jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija tagħhom dwar l-investiment ta’ ekwità hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju jew fit-tul tal-assi tagħhom. Meta dawn jagħmlu użu minn maniġer tal-assi l-investitur istituzzjonali għandu jiżvela pubblikament l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward ta’ għadd ta’ elementi importanti elenkati fl-Artikolu 3g. Fejn l-arranġament mal-maniġer tal-assi ma jkunx fih dawn l-elementi, l-investitur istituzzjonali għandu jagħti spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

Il-maniġers tal-assi se jkunu meħtieġa li kull sitt xhur jiżvelaw lill-investituri istituzzjonali kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha hija konformi mal-arranġament u kif l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu medju jew fit-tul tal-assi tal-investitur istituzzjonali. Barra minn hekk, kull sitt xhur għandhom jiżvelaw lill-investitur istituzzjonali għadd ta’ elementi importanti relatati mat-twettiq tal-arranġament mal-investitur istituzzjonali.

Tisħiħ tar-rabta bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi

Il-proposta għandha l-għan li toħloq aktar trasparenza dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni u r-remunerazzjoni attwali mogħtija lid-diretturi u toħloq rabta aħjar bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi billi ttejjeb is-superviżjoni tal-azzjonisti tar-rimunerazzjoni tad-diretturi. Il-proposta ma tirregolax il-livell ta’ remunerazzjoni u tħalli d-deċiżjonijiet dwar dan lill-kumpaniji u lill-azzjonisti tagħhom.

L-Artikoli 9a u 9b se jeħtieġu li l-kumpaniji elenkati jippubblikaw informazzjoni dettaljata u faċli għall-utent dwar il-politika ta’ remunerazzjoni u dwar ir-remunerazzjoni individwali tad-diretturi, u l-Artikolu 9b jawtorizza lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal preżentazzjoni standardizzata ta’ partijiet minn din l-informazzjoni f’att implimentattiv. Kif jiġi ċċarat fl-Artikolu 9a il-paragrafu 3 u 9b, u fil-paragrafu 1, il-benefiċċji kollha tad-diretturi f'kull forma għandhom jiġu inklużi fil-politika ta’ remunerazzjoni u r-rapport. L-Artikoli jagħtu lill-azzjonisti d-dritt li japprovaw il-politika ta’ remunerazzjoni u li jivvutaw dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni, li jiddeskrivi kif il-politika ta’ remunerazzjoni ġiet applikata fl-aħħar sena. Għalhekk, dak ir-rapport jiffaċilita l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u jiżgura r-responsabbiltà tad-diretturi.

L-istrutturi tal-bordijiet ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-Istati Membri b’sistema ta’ żewġ livelli l-bord superviżorju għandu rwol importanti ħafna u huwa responsabbli għar-rimunerazzjoni għall-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni. Din il-proposta ma taffettwax ir-rwol ewlieni tal-bord superviżorju fis-sistemi ta’ żewġ livelli. Xorta jkun il-bord superviżorju li jiżviluppa l-politika ta’ rimunerazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-azzjonisti għal konferma. Aktar importanti minn hekk, xorta huwa f'idejn il-bord, abbażi tal-politika, biex jiddeċiedi dwar ir-remunerazzjoni attwali li għandha titħallas. Ir-rekwiżit ta’ vot tal-azzjonisti, skont l-għanijiet ġenerali tal-proposta, se jżid l-impenn li l-bord se tfittex mal-azzjonisti tiegħu.

Titjib tas-superviżjoni tal-azzjonarji fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta’ partijiet relatati

L-Artikolu 9c il-ġdid se jeħtieġ mill-kumpaniji elenkati li tranżazzjonijiet ta’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-assi tal-kumpanija jew tranżazzjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profitti jew fuq il-fatturat jissottomettu dawn it-tranżazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-azzjonisti u ma jistgħux jikkonkluduhom inkondizzjonalment mingħajr l-approvazzjoni tagħhom. Għal tranżazzjonijiet iżgħar ma’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 1 % tal-assi tagħhom, il-kumpaniji elenkati għandhom iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni, u t-tħabbira għandha tkun akkumpanjata b’rapport minn parti terza indipendenti li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq u hijiex ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-azzjonisti. Sabiex ikunu mmirati biss tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu l-aktar żvantaġġużi għall-azzjonisti minoritarji u biex il-piż amministrattiv jinżamm limitat, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeskludu t-tranżazzjonijiet konklużi bejn il-kumpanija u l-membri tal-grupp tagħha li huma kompletament proprjetà tal-kumpanija elenkata. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jħallu l-kumpaniji jirrikjedu l-approvazzjoni bil-quddiem tal-azzjonisti għal tipi definiti ċari ta' tranżazzjonijiet rikorrenti 'l fuq minn 5 fil-mija tal-assi, u jirrikjedu mill-azzjonisti eżenzjoni bil-quddiem mill-obbligu li jipproduċu rapport ta' parti terza indipendenti għall-tranżazzjonijiet rikorrenti 'l fuq minn wieħed fil-mija tal-assi, b'ċerti kundizzjonijiet.  Skont il-Valutazzjoni tal-impatt, l-aktar kostijiet sinifikanti se jkunu marbuta mal-opinjoni għas-sens tal-ġustizzja minn konsulent indipendenti. Madankollu, skont il-kumplessità tat-tranżazzjoni, konsulent esperjenzat se jkun kapaċi jivvaluta l-ġustizzja tat-tranżazzjoni in kwistjoni f'minn madwar 5 sa 10 sigħat. Dan jista’ jirriżulta fi spiża ta’ massimu ta’ EUR 2,500-5,000 fil-każ li l-opinjoni ssir minn awditur.

Titjib fit-trasparenza tal-konsulenti bi prokura

L-Artikolu 3i se jeħtieġ li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiġi ggarantit li r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għalihom u li mhumiex affettwati minn xi kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni kummerċjali. B’dan l-artikolu, il-konsulenti bi prokura huma meħtieġa jiżvelaw pubblikament ċerta informazzjoni importanti relatata mat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom, u lill-klijenti tagħhom u l-kumpaniji elenkati kkonċernati, informazzjoni dwar kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet kummerċjali li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot.

L-iffaċilitar tal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mit-titoli għall-investituri

L-Artikolu 3a tal-proposta jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarji joffru lill-kumpaniji elenkati l-possibbiltà li jkollhom l-azzjonisti tagħhom identifikati. L-intermedjarji għandhom, b'talba ta’ tali kumpanija jikkomunikaw mingħajr dewmien l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti. Fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, it-talba tal-kumpanija u l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti għandhom jiġu trażmessi bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed. F’każ ta’ identitajiet ġuridiċi fejn disponibbli, għandu wkoll jiġi trażmess l-identifikatur uniku tagħhom. Dan l-identifikatur jippermetti li persuna ġuridika tiġi identifikata minn numru li huwa uniku fil-livell tal-UE. Fuq livell internazzjonali l-Identifikatur ta' Entità Ġuridika ġie propost mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) u approvat mill-G20, biex tiġi żgurata dejta konsistenti u paragunabbli. Dan huwa komponent neċessarju ta’ dan il-proġett li jagħmilha aktar faċli biex kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera jiġu ntraċċati permezz ta’ tfittxija ċentralizzata minn sistemi elettroniċi. Ir-Regolament dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar id-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KE se jiżgura li l-ishma ta’ kumpaniji elenkati jiġu rappreżentati fil-forma ta’ entrata fil-kotba. Sabiex kemm jista’ jkun id-dejta personali tal-azzjonisti tiġi protetta, l-intermedjarji għandhom jinfurmawhom li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jistgħu jiġu trażmessi għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, filwaqt li din l-informazzjoni ma tistax tintuża għal xi raġuni oħra għajr il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonist. Barra minn hekk, l-azzjonisti se jkunu jistgħu jirrettifikaw jew iħassru kull dejta inkompluta jew mhux preċiża u l-informazzjoni m’għandhiex tinżamm għal aktar minn 24 xahar.

L-Artikolu 3b jipprovdi li jekk kumpanija elenkata tagħżel li ma tikkomunikax direttament mal-azzjonisti tagħha, l-informazzjoni rilevanti tiġi trażmessa lilhom mill-intermedjarju. Il-kumpaniji elenkati huma meħtieġa jipprovdu u jagħtu l-informazzjoni relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma lill-intermedjarju b’mod standardizzat u f’waqtu. Fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

L-Artikolu 3c jeħtieġ li l-intermedjarji jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonist, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw fil-laqgħat ġenerali u jeħtieġ li l-kumpaniji jikkonfermaw il-voti mitfugħa fil-laqgħat ġenerali minn jew f’isem l-azzjonisti. Fil-każ li l-intermedjarju jitfa’ l-vot, għandu jittrażmetti l-konferma tal-vot lill-azzjonist. L-Artikoli minn 3a sa 3c jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiġi żgurata sistema effiċjenti u effettiva ta’ identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           DOKUMENTI TA’ SPJEGAZZJONI

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni għandha titlob biss dokumenti ta’ spjegazzjoni jekk tkun tista’ "tiġġustifika abbażi ta’ każ b’każ […] il-ħtieġa għal, u l-proporzjonalità, tal-provvediment ta’ tali dokumenti, billi tqis, b’mod partikolari u rispettivament, il-kumplessità tad-direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha, kif ukoll il-piż amministrattiv possibbli".

Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ partikolari, huwa ġġustifikat li titlob lill-Istati Membri jipprovdu dokumenti ta’ spjegazzjoni lill-Kummissjoni minħabba l-isfidi ta’ implimentazzjoni li se jinqalgħu fil-kuntest ta’ din il-proposta. Il-proposta għandha l-għan li tirregola għadd ta’ aspetti ta’ governanza korporattiva u se tkopri għadd ta’ atturi differenti f’dak il-qasam, bħal kumpaniji elenkati, investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi, konsulenti bi prokura u intermedjarji. Għalhekk huwa probabbli li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu trasposti f’diversi atti fil-livell nazzjonali.

F’dan il-kuntest, in-notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni se tkun essenzjali biex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, u għalhekk biex tiġi vvalutata l-konformità tal-leġislazzjoni nazzjonali mad-Direttiva.

In-notifika sempliċi ta’ miżuri individwali ta’ traspożizzjoni mhux se tkun awtospjegattiva u mhux se tippermetti lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet legali kollha tal-UE ġew implimentati fedelment u bis-sħiħ. Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni huma meħtieġa biex tinkiseb stampa ċara u komprensiva tat-traspożizzjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa jippreżentaw id-dokumenti ta’ spjegazzjoni fil-forma ta’ tabelli ta’ konformità li huma faċli li jinqraw.

Permezz ta’ dan ta' hawn fuq, il-premessa li ġejja ġiet inkluża fid-Direttiva proposta: "F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata."

2014/0121 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta’ involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14]

Wara li kkonsultaw il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti marbuta ma’ ishma ta’ votazzjoni fir-rigward tal-laqgħat ġenerali ta’ kumpaniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru.

(2)       Il-kriżi finanzjarja wriet li f’ħafna każijiet, l-azzjonisti appoġġaw it-teħid eċċessiv tar-riskji f'terminu qasir ta' żmien mill-maniġers. Barra minn hekk, hemm evidenza ċara li l-livell attwali ta’ “monitoraġġ” tal-kumpaniji li fihom isir investiment u l-involviment mill-investituri istituzzjonali u mill-maniġers tal-assi mhuwiex adegwat, li jista’ jwassal għal governanza korporattiva u prestazzjoni subottimali tal-kumpaniji elenkati.

(3)       Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-liġi tal-kumpaniji Ewropej u l-governanza korporattiva[16] il-Kummissjoni ħabbret għadd ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-governanza korporattiva, b’mod partikolari sabiex tħeġġeġ l-involviment fit-tul tal-azzjonisti u biex ittejjeb it-trasparenza bejn il-kumpaniji u l-investituri.

(4)       Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment bejn il-kumpaniji elenkati u l-azzjonisti, il-kumpaniji elenkati għandu jkollhom il-possibbiltà li jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jikkomunikaw direttament magħhom. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tipprovdi għal qafas li jiżgura li l-azzjonisti jistgħu jiġu identifikati.

(5)       L-eżerċitar effettiv tad-drittijiet tagħhom mill-azzjonisti jiddependi ħafna fuq l-effiċjenza tal-katina tal-intermedjarji li jżommu l-kontijiet tat-titoli għall-azzjonisti, speċjalment f’kuntest transfruntier. Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-intermedjarji fil-katina ta’ parteċipazzjoni azzjonarja biex jiġi ffaċiltat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

(6)       Fid-dawl tar-rwol importanti tal-intermedjarji, għandhom ikunu obbligati jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonist kemm meta jkun jixtieq jeżerċita dawn id-drittijiet huwa stess kif ukoll meta jkun jixtieq jinnomina persuna terza biex tagħmel dan. Meta l-azzjonist ma jkunx irid jeżerċita d-drittijiet huwa stess u jkun innomina l-intermedjarju bħala terza persuna, dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jeżerċita dawn id-drittijiet fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonist u għall-benefiċċju tiegħu.

(7)       Sabiex jiġi promoss l-investiment ta’ ekwità madwar l-Unjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet relatati mal-ishma, din id-Direttiva għandha twaqqaf id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet tal-ishma transfruntier għall-kuntrarju ta’ ishma purament domestiċi permezz ta’ żvelar aħjar tal-prezzijiet, it-tariffi u l-ħlasijiet ta’ servizzi pprovduti mill-intermedjarji. Intermedjarji f’pajjiżi terzi li jkunu waqqfu fergħa fl-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għar-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, il-faċilitazzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u t-trasparenza tal-prezzijiet, it-tariffi u l-ħlasijiet biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar l-ishma miżmuma minn dawn l-intermedjarji;

(8)       L-involviment effettiv u sostenibbli tal-azzjonisti huwa wieħed mill-pedamenti tal-mudell ta’ governanza korporattiva tal-kumpaniji elenkati, li jiddependi fuq kontrolli u bilanċi bejn l-organi u l-partijiet interessati differenti.

(9)       Investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi huma azzjonisti importanti ta’ kumpaniji elenkati fl-Unjoni u għalhekk jista’ jkollhom rwol importanti fil-governanza korporattiva ta’ dawn il-kumpaniji, iżda wkoll b’mod aktar ġenerali fir-rigward tal-istrateġija u l-prestazzjoni fit-tul ta’ dawn il-kumpaniji. Madankollu, l-esperjenza tal-aħħar snin uriet li ħafna drabi l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jinvolvux ruħhom mal-kumpaniji li fihom ikollhom ishma u l-evidenza turi li s-swieq kapitali jagħmlu pressjoni fuq il-kumpaniji biex jagħtu riżultati fuq terminu qasir, li jista’ jwassal għal livell subottimali ta’ investimenti, pereżempju fir-riċerka u l-iżvilupp għad-detriment tal-prestazzjoni fit-tul kemm tal-kumpaniji u l-investituri.

(10)     Ħafna drabi, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jkunux trasparenti dwar l-istrateġiji ta’ investiment u l-politika ta’ involviment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħhom. L-iżvelar pubbliku ta’ din l-informazzjoni jista’ jkollu impatt pożittiv fuq l-għarfien tal-investituri, jippermetti li l-benefiċjarji aħħarin bħall-pensjonanti futuri jottimizzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, jiffaċilita d-djalogu bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, iħeġġeġ l-involviment tal-azzjonisti u jsaħħaħ ir-responsabiltà tal-kumpaniji lejn is-soċjetà ċivili.

(11)     Għalhekk, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti, li tiddetermina, fost l-oħrajn, kif jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom, kif jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, iżommu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot. Politika bħal din dwar l-involviment għandha tinkludi politiki biex jimmaniġġaw il-kunflitti attwali jew potenzjali tal-interessi, bħall-provvista tas-servizzi finanzjarji mill-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew il-kumpaniji affiljati magħhom, lill-entità li fiha jsir investiment  Meta l-investituri istituzzjonali jew il-maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta’ involviment u/jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħhom, huma jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

(12)     Kull sena l-investituri istituzzjonali għandhom jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija tagħhom dwar l-investimenti ta’ ekwità hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom. Meta jagħmlu użu minn maniġers tal-assi, jew permezz ta’ mandati diskrezzjonali li jinvolvu l-ġestjoni tal-assi fuq bażi individwali jew permezz ta’ fondi kollettivi, għandhom jiżvelaw pubblikament l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet, bħal jekk jinċentivax lill-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali, jekk jinċentivax lill-maniġer tal-assi jagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ prestazzjoni fuq terminu medju jew fit-tul tal-kumpanija u biex jinvolvi ruħu ma’ kumpaniji, kif jivvaluta l-prestazzjoni tal-maniġers tal-assi, l-istruttura tal-korrispettiv għas-servizzi li jimmaniġġaw l-assi u l-fatturat tal-portafoll fil-mira. Dan ikun jikkontribwixxi għall-allinjament korrett tal-interessi bejn il-benefiċjarji finali ta’ investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-kumpaniji li fihom isir investiment u potenzjalment għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ investiment aktar fit-tul u relazzjonijiet aktar fit-tul mal-kumpaniji li fihom isir investiment li jinvolvu l-involviment tal-azzjonisti.

(13)     Il-maniġers tal-assi għandhom ikunu meħtieġa jiżvelaw lill-investituri istituzzjonali kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha hija konformi mal-arranġament tal-ġestjoni tal-assi u kif l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali. Barra minn hekk, għandhom jiżvelaw jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ ġudizzji dwar prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-entità li fiha jsir investiment, kif kien magħmul il-portafoll tagħhom u l-fatturat tal-portafoll, kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali u jekk il-maniġer tal-assi jużax konsulenti bi prokura għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ involviment tagħhom. Din l-informazzjoni tippermetti li l-investitur istituzzjonali jimmonitorja aħjar il-maniġer tal-assi, tipprovdi inċentivi għal allinjament xieraq tal-interessi u għall-involviment tal-azzjonisti.

(14)     Sabiex titjieb l-informazzjoni fil-katina ta’ investiment fil-kapital, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiġi ggarantit li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom tal-vot ikunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli lilhom u li ma jkunux affettwati minn xi kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta’ negozju. Għandhom jiżvelaw ċerta informazzjoni importanti relatata mat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom u kwalunkwe kunflitt ta’ interessi attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot.

(15)     Peress li r-remunerazzjoni hija waħda mill-istrumenti ewlenin għall-kumpaniji biex jallinjaw l-interessi tagħhom u dawk tad-diretturi tagħhom u fid-dawl tar-rwol kruċjali tad-diretturi fil-kumpaniji, huwa importanti li l-politika ta’ remunerazzjoni tal-kumpaniji tiġi stabbilita b’mod xieraq. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17] il-kumpaniji elenkati u l-azzjonisti tagħhom għandu jkollhom il-possibbiltà li jiddefinixxu l-politika ta’ remunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpanija tagħhom.

(16)     Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti jkollhom vuċi effettiva dwar il-politika ta’ remunerazzjoni, għandhom jingħataw id-dritt li japprovaw il-politika ta’ remunerazzjoni, abbażi ta’ ħarsa ġenerali ċara, li tinftiehem u komprensiva tal-politika ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija, li għandha tkun allinjata mal-istrateġija kummerċjali, l-għanijiet, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija u għandhom jinkorporaw miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. Il-kumpaniji għandhom iħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet approvata mill-azzjonisti. Il-politika approvata ta’ remunerazzjoni għandha tiġi żvelata pubblikament mingħajr dewmien.

(17)     Biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tkun konformi mal-politika approvata, l-azzjonisti għandhom jingħataw id-dritt li jivvutaw fuq ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà tad-diretturi, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun ċar u jinftiehem u għandu jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni li ngħatat lil diretturi individwali fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn l-azzjonisti jivvutaw kontra r-rapport ta’ remunerazzjoni, il-kumpanija għandha tispjega fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss kif il-vot tal-azzjonisti jkun ġie ikkunsidrat.

(18)     Sabiex l-azzjonisti jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-governanza korporattiva, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun parti mid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva li l-kumpaniji elenkati għandhom jippubblikaw skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013[18].

(19)     Tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-kumpaniji u lill-azzjonisti tagħhom, peress li jistgħu jagħtu lill-parti relatata l-opportunità għal valur xieraq li jappartjeni għall-kumpanija. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-assi tal-kumpaniji jew tranżazzjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profitti jew il-fatturat għandhom jiġu ppreżentat għal vot mill-azzjonisti f’laqgħa ġenerali. Meta t-tranżizzjoni ma’ parti relatata tkun tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist għandu jiġi eskluż minn dak il-vot. Il-kumpanija ma għandhiex titħalla tikkonkludi t-tranżazzjoni qabel l-azzjonisti japprovaw it-tranżazzjoni. Għal tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 1 % tal-assi tagħhom, il-kumpaniji għandhom iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet fil-ħin tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, u jakkumpanjaw it-tħabbira b’rapport minn parti terza indipendenti li tevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq u li tikkonferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-azzjonisti, inklużi l-azzjonisti minoritarji. L-Istati Membri għandhom jitħallew jeskludu trażazzjonijiet annotati bejn il-kumpaniji u s-sussidjarji posseduti kollha tagħha. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jħallu l-kumpaniji jirrikjedu l-approvazzjoni bil-quddiem tal-azzjonisti għal tipi definiti ċari ta' tranżazzjonijiet rikorrenti 'l fuq minn 5 fil-mija tal-assi, u jirrikjedu mill-azzjonisti eżenzjoni bil-quddiem mill-obbligu li jipproduċu rapport ta' parti terza indipendenti għall-tranżazzjonijiet rikorrenti 'l fuq minn wieħed fil-mija tal-assi, taħt ċerti kundizzjonijiet, sabiex tiġi ffaċilitata l-konklużjoni ta' tranżazzjonijiet bħal dawn mill-kumpaniji.

(20)     Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995[19]huwa meħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-azzjonisti għandha tkun limitata għall-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti korrispondenti. Din l-informazzjoni għandha tkun preċiża u għandha tinżamm aġġornata, u l-intermedjarji kif ukoll il-kumpaniji għandhom jippermettu r-rettifika jew it-tħassir tad-dejta kollha li tkun inkorretta jew li ma tkunx sħiħa. Din l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-azzjonisti ma għandhiex tintuża għal xi għan ieħor għajr il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

(21)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni, il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u r-rapport ta’ remunerazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20].

(22)     Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jew il-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva jiġu applikati fil-prattika, kull ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti għandu jkun soġġett għal penali. Għal dak il-għan, il-penali għandhom ikunu dissważivi u proporzjonati biżżejjed.

(23)     Peress li minħabba n-natura internazzjonali tas-suq tal-ekwità tal-Unjoni, l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u azzjoni mill-Istati Membri weħidhom x’aktarx li twassal għal settijiet differenti ta’ regoli, li jistgħu jimminaw jew joħolqu ostakli ġodda għat-tħaddim tas-suq intern, l-għanijiet jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-għanijiet jintlaħqu."

(24)     F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[21], l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 2007/36/KE

Id-Direttiva 2007/36/KE hija emendata kif ġej:

(1) Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-Paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Tistabbilixxi wkoll rekwiżiti għall-intermedjarji li jintużaw mill-azzjonisti biex jiġi żgurat li l-azzjonisti jkunu jistgħu jiġu identifikati, toħloq trasparenza dwar il-politiki ta’ involviment ta’ ċerti tipi ta’ investituri u toħloq drittijiet addizzjonali għall-azzjonisti biex jissorveljaw il-kumpaniji.”

(b) Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Il-Kapitolu Ib japplika għal investituri istituzzjonali u għal maniġers tal-assi sakemm dawn jinvestu, direttament jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, f’isem l-investituri istituzzjonali, f’ishma.”

(2) Fl-Artikolu 2 jiżdiedu l-punti minn (d) - (j) li ġejjin:

“(d) "intermedjarju" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni Ewropea u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;

(e) "intermedjarju f’pajjiż terz" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha barra mill-Unjoni u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;

(f) "investitur istituzzjonali" tfisser impriża li twettaq attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) u mhux eskluża skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[22] u istituzzjoni li tipprovdi għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[23] skont l-Artikolu 2 tagħha, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva fl-intier tagħha jew parzjalment għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;

(g) "maniġer tal-assi" tfisser ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24] li tipprovdi servizzi tal-ġestjoni tal-portafolli lill-investituri istituzzjonali, AIFM (maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv) kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[25] li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva jew kumpanija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[26]; jew kumpanija ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-amministrazzjoni tagħha;

(h) "involviment tal-azzjonisti" tfisser il-monitoraġġ minn azzjonist waħdu jew flimkien ma’ azzjonisti oħrajn, tal-kumpaniji dwar kwistjonijiet bħal strateġija, prestazzjoni, riskji, struttura kapitali u governanza korporattiva, li jkollhom djalogu mal-kumpaniji dwar dawn il-kwistjonijiet u jivvotaw fil-laqgħa ġenerali.

(i) "konsulent delegat" tfisser persuna ġuridika li tipprovdi, fuq bażi professjonali, rakkomandazzjonijiet lill-azzjonisti dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot tagħhom;

(l) "Direttur" tfisser kull membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ kumpanija;

(j) "parti relatata" għandha l-istess tifsira bħal fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[27].

(3) Wara l-Artikolu 3, jiddaħħlu l-Kapitoli Ia u 1b li ġejjin

“Kapitolu Ia L-identifikazzjoni tal-azzjonisti, It-trażmissjoni ta’ informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

Artikolu 3a L-identifikazzjoni tal-azzjonisti

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarji joffru lill-kumpaniji l-possibbiltà biex l-azzjonisti tagħhom ikunu identifikati.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li, wara talba tal-kumpanija, l-intermedjarju jikkomunika mingħajr dewmien żejjed lill-kumpanija l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti u, fejn l-azzjonisti jkunu persuni ġuridiċi, l-identifikatur uniku tagħhom fejn disponibbli. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, it-talba tal-kumpanija u l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti għandhom jiġu trażmessi bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

3.           L-azzjonisti għandhom jiġu infurmati kif xieraq mill-intermedjarju tagħhom li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jistgħu jiġu trażmessi għall-finijiet ta’ identifikazzjoni f’konformità ma’ dan l-artikolu. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biss għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonist. Il-kumpanija u l-intermedjarju għandhom jiżguraw li l-persuni naturali jkunu kapaċi jirrettifikaw jew iħassru kull dejta inkompluta jew mhux preċiża u m’għandhomx iżommu l-informazzjoni relatata mal-azzjonist għal aktar minn 24 xahar wara li jkunu rċevewha.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li intermedjarju li jirrapporta l-isem u dettalji ta’ kuntatt ta’ azzjonist ma jitqiesx li qed jikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b'kull dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

5.           Il-Kummissjoni  tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 inkluż fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, il-format tat-talba u t-trażmissjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3b It-trażmissjoni ta’ informazzjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li jekk kumpanija tagħżel li ma tikkomunikax direttament mal-azzjonisti tagħha, l-informazzjoni relatata mal-ishma tagħhom tiġi trażmessi lilhom jew, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-azzjonista, lil parti terza, mill-intermedjarju mingħajr dewmien żejjed fil-każijiet kollha li ġejjin:

(a) l-informazzjoni tkun meħtieġa biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-azzjonist li jirriżulta mill-ishma tiegħu;

(b) l-informazzjoni tiġi diretta lill-azzjonisti kollha li jkollhom ishma ta’ dik il-klassi.

2.           L-Istati Membri jeħtieġu li l-kumpaniji jipprovdu u jagħtu l-informazzjoni lill-intermedjarju relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma skont il-paragrafu 1 b’mod standardizzat u f’waqtu.

3.           L-Istati Membri jobbligaw lill-intermedjarju li jittrażmetti lill-kumpanija, skont l-istruzzjonijiet riċevuti mill-azzjonisti, mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta mill-azzjonisti relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom.

4.           Fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

5.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 4 inkluż fir-rigward tal-kontenut li għandu jiġi trażmess, l-iskadenzi li jridu jiġu osservati u t-tipi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3c Il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarju jiffaċilita l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonist, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw fil-laqgħat ġenerali. Din il-faċilitazzjoni tinkludi mill-inqas waħda minn dawn li ġejjin:

(a) l-intermedjarju jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-azzjonist jew għal persuna terza maħtura mill-azzjonist biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess;

(b) l-intermedjarju jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonist u għall-benefiċċju tiegħu.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jikkonfermaw il-voti mitfugħa fil-laqgħat ġenerali minn jew f’isem l-azzjonisti. Fil-każ li l-intermedjarju jitfa’ l-vot, huwa jittrażmetti l-konferma tal-vot lill-azzjonist. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, il-konferma tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

3.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti għall-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu inkluż fir-rigward tat-tip u l-kontenut tal-faċilitazzjoni, il-forma tal-konferma tal-votazzjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3d Trasparenza dwar il-kostijiet

1.           L-Istati Membri jippermettu li l-intermedjarji jitolbu prezzijiet jew tariffi għas-servizz li se jiġi pprovdut taħt dan il-kapitolu. L-intermedjarji jiżvelaw pubblikament il-prezzijiet, it-tariffi u kull ħlas ieħor b’mod separat għal kull servizz imsemmi f’dan il-kapitolu.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li kull ħlas li jista’ jiġi impost minn intermedjarju fuq l-azzjonisti, il-kumpaniji u l-intermedjarji oħra għandhom ikunu nondiskriminatorji u proporzjonati. Kull differenza fil-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transfruntier tad-drittijiet tkun iġġustifikata kif xieraq.

Artikolu 3e Intermedjarji ta' pajjiżi terzi

Intermedjarju f’pajjiż terz li jkun stabbilixxa fergħa fl-Unjoni jkun soġġett għal dan il-kapitolu.”

Kapitolu Ib Trasparenza tal-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-konsulenti bi prokura

Artikolu 3f Il-politika ta’ involviment

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti (“politika ta’ involviment”). Din il-politika ta’ involviment tiddetermina kif l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jwettqu l-azzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom;

(b) jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja tagħhom;

(c) iwettqu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu;

(d) jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot;

(e) jużaw is-servizzi pprovduti mill-konsulenti bi prokura;

(f) jikkooperaw ma’ azzjonisti oħra.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-politika ta’ involviment tinkludi politiki biex jiġġestixxu kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward tal-involviment tal-azzjonisti. Dawn il-politiki jiġu żviluppati b'mod partikulari għal kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew kumpaniji oħra affiljati magħhom, joffru prodotti finanzjarji lill-entità li fiha jsir investiment jew ikollhom relazzjonijiet kummerċjali oħra magħha;

(b) direttur tal-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun ukoll direttur tal-entità li fiha jsir investiment;

(c) maniġer tal-assi li jamministra l-assi ta’ istituzzjoni li tipprovdi għal irtirar okkupazzjonali jinvesti f’kumpanija li tikkontribwixxi għal dik l-istituzzjoni;

(d) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun affiljat ma’ kumpanija li tkun nediet offerta ta’ xiri għall-ishma tagħha.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li kull sena, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżvelaw pubblikament il-politika ta’ involviment tagħhom, kif ġiet implimentata u r-riżultati tagħha. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza mill-inqas tkun disponibbli fuq il-websajt tal-kumpanija. L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi, għal kull kumpanija li fihom ikollhom ishma, jiżvelaw jekk ivvutawx u kif ivvutaw fil-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji kkonċernati u jipprovdu spjegazzjoni dwar kif ikunu ivvutaw. Meta maniġer tal-assi jivvota f’isem investitur istituzzjonali, l-investitur istituzzjonali jagħmel referenza għall-post fejn din l-informazzjoni dwar il-votazzjoni tkun ġiet ippubblikata mill-maniġer tal-assi.

4.           Fejn investituri istituzzjonali jew maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta’ involviment jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha, huma jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

Artikolu 3g Strateġija ta’ investiment ta’ investituri istituzzjonali u arranġamenti ma’ maniġers tal-assi

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-investituri istituzzjonali jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija tagħhom ta’ investiment ta’ ekwità (“strateġija ta’ investiment”) hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza mill-inqas tkun disponibbli fuq il-websajt tal-kumpanija sakemm tibqa applikabbli.

2.           Meta maniġer tal-assi jinvesti f’isem investitur istituzzjonali, jew fuq bażi diskrezzjonali, klijent bi klijent jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, l-investitur istituzzjonali sena jiżvela pubblikament kull sena l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tiegħu;

(b) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-kumpanija, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u biex jinvolvi ruħu ma’ kumpaniji bħala mezz biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-kumpanija li tagħti redditu fuq l-investiment;

(c) il-metodu u l-medda taż-żmien tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġer tal-assi, u b’mod partikolari jekk din il-valutazzjoni tqisx il-prestazzjoni assoluta fit-tul u kif tagħmel dan għall-kuntrarju ta’ prestazzjoni relattiva għall-indiċi tal-istandards jew maniġers oħra tal-assi li jkunu qed isegwu strateġiji simili ta’ investiment;

(d) kif l-istruttura tal-konsiderazzjoni għas-servizzi li jimmaniġġaw l-assi tikkontribwixxi għall-allinjament tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-maniġer tal-assi mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali;

(e) il-fatturat tal-portafoll fil-mira jew il-firxa tal-fatturat, il-metodu użat għall-kalkolu tal-fatturat, u jekk hemmx xi proċedura stabbilita meta din tinqabeż mill-maniġer tal-assi;

(f) it-tul tal-arranġament mal-maniġer tal-assi.

Meta l-arranġament mal-maniġer tal-assi ma jkunx fih wieħed jew aktar mill-elementi msemmija fil-punti minn minn (a) sa (f), l-investitur istituzzjonali jagħti spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

Artikolu 3h Trasparenza tal-maniġers tal-assi

1.           L-Istati Membri jiżguraw li kull sitt xhur, il-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-investitur istituzzjonali li miegħu jkunu daħlu fl-arranġament imsemmi fl-Artikolu 3g(2), kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha huma konformi ma’ dak l-arranġament u kif l-istrateġija ta’ investiment u l-implimentazzjoni tagħha jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li kull sitt xhur il-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-investitur istituzzjonali l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a) jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-entità li fiha jsir investiment, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u jekk iva, kif;

(b) kif kien magħmul il-portafoll u jipprovdu spjegazzjoni ta’ tibdil sinifikanti fil-portafoll fil-perjodu preċedenti;

(c) il-livell tal-fatturat tal-portafoll, il-metodu użat biex jiġi kkalkulat u spjegazzjoni ta’ jekk il-fatturat ikunx qabeż il-livell fil-mira;

(d) il-kostijiet tal-fatturat tal-portafoll;

(e) il-politika tagħhom dwar self ta’ titoli u l-implimentazzjoni tagħha;

(f) jekk kienx hemm kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali b’rabta mal-attivitajiet ta’ involviment, u jekk iva kif il-maniġer tal-assi jkun indirizzahom;

(g) jekk il-maniġer tal-assi jużax konsulenti bi prokura għall-fini tal-attivitajiet ta’ involviment tagħhom jew le, u jekk iva, kif.

3.           L-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 2 tingħata mingħajr ħlas u, f’każ li l-maniġer tal-assi ma jamministrax l-assi fuq bażi diskrezzjonali ta' klijent bi klijent, tiġi pprovduta wkoll lil investituri oħrajn jekk tintalab.

Artikolu 3i Trasparenza tal-konsulenti bi prokura

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiġi ggarantit li r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li tkun disponibbli għalihom.

2.           Kull sena, il-konsulenti bi prokura jiżvelaw pubblikament l-informazzjoni kollha li ġejja fir-rigward tat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom:

(a) il-karatteristiċi essenzjali tal-metodoloġiji u l-mudelli li japplikaw;

(b) is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni li jużaw;

(c) jekk iqisux il-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali, legali u regolatorji u, jekk iva, kif;

(d) jekk iżommux djalogi mal-kumpaniji li huma l-oġġett tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom, u, jekk iva, l-estent u n-natura tagħhom f;

(e) l-għadd totali ta’ persunal involut fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot;

(f) l-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet tal-vot mogħtija fl-aħħar sena.

Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq il-websajt tagħhom u tibqa’ disponibbli għal mill-inqas tliet snin mill-jum li fih tiġi ppubblikata.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jidentifikaw u jiżvelaw mingħajr dewmien bla bżonn lill-klijenti tagħhom u lill-kumpanija kkonċernata kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot u l-azzjonijiet li jkunu ħadu sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali.”

(4) L-Artikoli 9a, 9b u 9c li ġejjin ġew inseriti:

“Artikolu 9a Dritt għall-vot dwar il-politika ta’ remunerazzjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonisti jkollhom id-dritt li jivvutaw fuq il-politika ta’ remunerazzjoni fir-rigward tad-diretturi. Il-kumpaniji jħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont il-politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet approvata mill-azzjonisti. Il-politika ta’ remunerazzjoni tiġi sottomessa għall-approvazzjoni tal-azzjonisti kull tliet snin.

Il-kumpaniji jistgħu, f’każ ta’ reklutaġġ ta’ membri ġodda tal-bord, jiddeċiedu li jħallsu remunerazzjoni lil direttur individwali barra mill-politika approvata, fejn il-pakkett ta’ remunerazzjoni tad-direttur individwali jkun irċieva approvazzjoni preċedenti mill-azzjonisti abbażi tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3. Ir-remunerazzjoni tista’ tingħata b’mod provviżorju sakemm jiġu approvati mill-azzjonisti.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-politika ta’ remunerazzjoni tkun ċara, tinftiehem, konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-għanijiet, mal-valuri u mal-interessi fit-tul tal-kumpanija u li tinkorpora miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess.

3.           Il-politika tispjega kif din tikkontribwixxi għall-interessi u s-sostenibilità fit-tul tal-kumpanija. Hija tistipula kriterji ċari għall-għoti ta’ rimunerazzjoni fissa u varjabbli, inklużi l-benefiċċji kollha, f'kull forma.

Il-politika tindika l-ammonti massimi ta' remunerazzjoni totali li jistgħu jingħataw, u l-proporzjon relattiv korrispondenti tal-komponenti differenti ta' remunerazzjoni fissa u varjabbli. Hija tispjega kif il-ħlas u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati tal-kumpanija kienu ikkunsidrati meta ġew stabbiliti l-politika jew ir-rimunerazzjoni tad-diretturi billi tispjega l-proporzjon bejn ir-rimunerazzjoni medja tad-diretturi u r-remunerazzjoni medja tal-impjegati full time tal-kumpanija minbarra d-diretturi, u għalfejn dan il-proporzjon jitqies xieraq. Il-politika tista' b'mod eċċezzjonali tkun mingħajr proporzjon fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali. F'dan il-każ, hija tispjega għalfejn ma hemmx proporzjon u liema miżuri ttieħdu bl-istess effett.

Għal remunerazzjoni varjabbli, il-politika tindika l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja li għandhom jintużaw u tispjega kif dawn jikkontribwixxu għall-interessi u s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul, u l-metodi li għandhom jiġu applikati biex jiddeterminaw sa liema punt il-kriterji ta' prestazzjoni twettqu; hija tispeċifika l-perjodi ta' differiment, il-perjodi ta' akkwiżizzjoni għar-rimunerazzjoni bbażata fuq l-ishma wara l-akkwiżizzjoni, u l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-kumpanija li terġa' tieħu lura r-remunerazzjoni varjabbli.

Il-politika tindika t-termini ewlenin tal-kuntratti tad-diretturi, inkluż id-durata tagħhom u l-perjodi ta’ notifika applikabbli u l-pagamenti marbuta ma' tmiem il-kuntratti.

Il-politika tispjega l-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għad-determinazzjoni tagħha. Fil-każ ta’ reviżjoni tal-politika, hija tinkludi spjegazzjoni tal-bidliet sinifikanti kollha u kif din tieħu in kunsiderazzjoni l-fehmiet tal-azzjonisti dwar il-politika u r-rapport  fis-snin preċedenti.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li wara li l-azzjonisti jkunu approvaw il-politika, din issir pubblika mingħajr dewmien u disponibbli fuq il-websajt tal-kumpanija għall-inqas sakemm tibqa’ applikabbli.

Artikolu 9b Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għal-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpanija tfassal rapport ċar u li jiftiehem dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji kollha f'kull forma, li ngħataw lid-diretturi individwali, inklużi lil diretturi rreklutati ġodda u lil diretturi preċedenti, fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn applikabbli, ir-rapport ikun fih l-elementi kollha li ġejjin:

(a) ir-remunerazzjoni totali mogħtija jew imħallsa f'partijiet skont il-komponent, il-proporzjon relattiv tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, spjegazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni totali hija marbuta mal-prestazzjoni fit-tul u informazzjoni dwar kif il-kriterji ta' prestazzjoni ġew applikati;

(b) il-bidla relattiva fir-remunerazzjoni tad-diretturi matul l-aħħar tliet snin finanzjarji, ir-relazzjoni tagħha fir-rigward tal-iżvilupp tal-valur tal-kumpanija u fir-rigward tal-bidla fir-remunerazzjoni medja tal-impjegati full time tal-kumpanija minbarra d-diretturi; 

(c) kull remunerazzjoni li jirċievu d-diretturi tal-kumpanija minn kull impriża li tappartjeni għall-istess grupp;

(d) l-għadd ta' ishma u l-għażliet ta' ishma mogħtija jew offruti, u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-eżerċizzju tad-drittijiet inklużi l-prezz u d-data tal-eżerċizzju u kwalunkwe bidla li ssir fihom;

(e) informazzjoni dwar l-użu tal-possibbiltà li r-remunerazzjoni varjabbli tintalab lura;

(f) informazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni tad-diretturi ġiet stabbilita, inkluż ir-rwol tal-kumitat ta' remunerazzjoni.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li meta d-dejta personali tad-direttur tiġi pproċessata, id-dritt għall-privatezza ta’ persuni naturali jiġi protett skont id-Direttiva 95/46/KE.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li matul il-laqgħa ġenerali annwali, l-azzjonisti jkollhom id-dritt jivvutaw dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-aħħar sena finanzjarja. Meta l-azzjonisti jivvutaw kontra r-rapport ta’ remunerazzjoni, il-kumpanija tispjega fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss jekk il-vot tal-azzjonisti jkunx ġie kkunsidrat u, jekk iva, kif.

4.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-preżentazzjoni standardizzata tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 9c Id-dritt għall-vot dwar tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji, f’każ ta’ tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 1 % tal-assi tagħhom, iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni, u t-tħabbira għandha tkun akkumpanjata minn rapport minn parti terza indipendenti li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq jew le u l-konferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-azzjonisti, inklużi l-azzjonisti minoritarji. It-tħabbira jkun fiha informazzjoni dwar in-natura tar-relazzjoni mal-parti relatata, l-isem tal-parti relatata, l-ammont tat-tranżazzjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex it-tranżazzjoni tiġi vvalutata.

L-Istati Membri jipprevedu li l-kumpaniji jistgħu jitolbu l-azzjonisti tagħhom li jeżentawhom mir-rekwiżit tas-subparagrafu 1 li t-tħabbir ta’ tranżazzjoni ma’ parti relatata jrid ikun akkumpanjat minn rapport minn parti terza indipendenti fil-każ ta’ tipi ta' tranżazzjonijiet rikorrenti definiti b’mod ċar ma' parti relatata identifikata f’perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar wara li tkun ingħatat l-eżenzjoni. Fejn it-tranżazzjoni ma’ parti relatata tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist jiġi eskluż mill-vot fir-rigward tal-eżenzjoni bil-quddiem.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li t-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati li jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-assi tal-kumpaniji jew tranżazzjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profitti jew fuq il-fatturat jiġu sottomessi għal vot mill-azzjonisti f’laqgħa ġenerali. Meta t-tranżazzjoni ma’ parti relatata tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist għandu jiġi eskluż minn dak il-vot. Il-kumpanija ma tikkonkludix it-tranżazzjoni qabel l-azzjonisti japprovaw it-tranżazzjoni. Madankollu l-kumpanija tista’ tikkonkludi t-tranżazzjoni bil-kundizzjoni li l-azzjonisti japprovawha.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpaniji jkunu jistgħu jitolbu l-approvazzjoni bil-quddiem mill-azzjonisti tat-tranżazzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu 1 fil-każ ta’ tipi ta' tranżazzjonijiet rikorrenti definiti b’mod ċar ma’ parti relatata identifikata f’perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar wara l-approvazzjoni bil-quddiem tat-tranżazzjonijiet. Meta t-tranżazzjoni ma’ parti relatata tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist jiġi eskluż mill-vot fir-rigward tal-approvazzjoni bil-quddiem.

3.           Tranżazzjonijiet mal-istess parti relatata, li ġew konklużi matul il-perjodu preċedenti ta’ 12-il xahar u li ma jkunux ġew approvati mill-azzjonisti jiġu aggregati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2. Jekk il-valur ta’ dawn it-tranżazzjonijiet aggregati jaqbeż il-5 % tal-assi, it-tranżazzjoni li permezz tagħha dan il-limitu jkun inqabeż u kull tranżazzjoni sussegwenti mal-istess parti relatata jiġu sottomessi għall-vot tal-azzjonisti u jistgħu biss jiġu konklużi inkondizzjonalment wara l-approvazzjoni tal-azzjonisti.

4.           L-Istati Membri jistgħu jeskludu t-tranżazzjonijiet li jkunu saru bejn il-kumpanija u membru wieħed jew aktar tal-grupp tagħha, mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1, 2 u 3, sakemm dawk il-membri tal-grupp jappartjenu totalment lill-kumpanija.

(5) Wara l-Artikolu 14, jiddaħħal il-Kapitolu IIa li ġej:

“Kapitolu IIa atti ta’ implimentazzjoni u penali

Artikolu 14a Proċedura ta' Kumitat

1.         Il-Kummissjoni tiġi megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE[28]. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.         Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14b Penali

L-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard minn [[id-data għat-traspożizzjoni u jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Artikolu 2 Emendi lid-Direttiva Nru 2013/34/UE

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h) ir-rapport ta’ remunerazzjoni msemmi fl-Artikolu 9b tad-Direttiva 2007/36/KE.”

(b) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jesprimu opinjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) dwar l-informazzjoni mħejjija taħt il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jivverifikaw li l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun ġiet ipprovduta.”

(c) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu ħarġu biss titoli diversi mill-ishma ammessi għan-negozju f’suq regolat, fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm dawn l-impriżi ma jkunux ħarġu ishma li jiġu negozjati f’sistema ta’ negozju multilaterali, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE."

Artikolu 3 Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Huma jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’ din id-Direttiva.

Artikolu 4 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv,

COM(2010) 2020 finali.

[2]               COM(2010) 284 finali.

[3]               COM(2011) 164 finali.

[4]               COM(2012) 740 finali.

[5]               Komunikazzjoni dwar il-Finanzjament fit-tul COM(2014) …

[6]               Id-Direttiva 2013/36/UE u Regolament (UE) Nru 575/2013.

[7]               Id-Direttiva 2009/65/KE

[8]               Id-Direttiva 2011/61/UE

[9]               Id-Direttiva 2004/39/KE

[10]             Il-Forum ġie stabbilit fl-2004 biex jeżamina l-aħjar prattiki fl-Istati Membri bl-għan li tissaħħaħ il-konverġenza tal-kodiċi nazzjonali tal-governanza korporattiva u biex jipprovdi pariri lill-Kummissjoni.

[11]             Il-Grupp Espert dwar il-Liġi tal-Kumpaniji huwa Grupp Espert tal-Kummissjoni li jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija tal-Liġi tal-Kumpaniji u miżuri dwar il-Governanza Korporattiva.

[12]             COM(2013) 150 finali

[13]             Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[14]               ĠU C , , p. .

[15]               Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).

[16]               COM/2012/0740 finali.

[17]               Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

[18]               Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal- Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19)

[19]               Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[20]               Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implementazzjoni. ( ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[21]               ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[22]               Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

[23]             Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

[24]             Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

[25]             Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

[26]             Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

[27]             Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

[28]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).

 ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.